Language of document : ECLI:EU:C:2013:532

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PAOLO MENGOZZI

ippreżentati fil-5 ta’ Settembru 2013 (1)

Kawża C‑413/12

Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León

vs

Anuntis Segunda Mano SL

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Salamanca (Spanja)]

“Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi – Mezzi adegwati u effettivi biex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti – Mandat ta’ inibizzjoni mressaq minn assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi – Obbligu li l-mandat ta’ inibizzjoni jitressaq quddiem il-qorti tal-post fejn ikun domiċiljat jew stabbilit il-bejjiegħ – Impossibbiltà li tiġi appellata d-deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Awtonomija proċedurali – Prinċipju ta’ effettività”





1.        L-interess li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi sa liema grad jinterferixxi mal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-azzjonijiet ta’ inġunzjoni mressqa mill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi? Dawn l-assoċjazzjonijiet, sabiex jiggarantixxu l-effettività tal-ġlieda tagħhom kontra l-klawżoli inġusti, għandhom jingħataw il-possibbiltà li jressqu appell kontra digriet li jikkonstata n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti adita, anki jekk id-dritt nazzjonali jeskludi b’mod ġenerali dik il-possibbiltà, u għandhom jibbenefikaw mill-forum privileġġjat li s’issa huwa rriżervat għall-konsumaturi nfushom ? Din hija, essenzjalment, in-natura tal-kwistjonijiet issollevati f’din il-kawża preliminari.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva 93/13/KEE

2.        It-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (2) tipprovdi li “persuni jew organizzazzjonijiet, jekk jiġu kkunsidrati taħt il-liġi ta’ Stat Membru li jkollhom interess leġittimu fil-kwistjoni, għandu jkollhom faċilitajiet biex jibdew proċeduri rigward klawżoli ta’ kuntratt imfassal għall-użu ġenerali f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi, u b’mod partikolari klawżoli inġusti, jew quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti biex tiddeċiedi dwar ilmenti jew li jibdew proċeduri legali xierqa; […] din il-possibbiltà ma tinkludix, iżda, verifika minn qabel tal-kondizzjonijiet ġenerali eżistenti f’setturi ekonomiċi individwali”.

3.        L-erba’ u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tkompli billi tiddikjara li “l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

4.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 huwa fformulat skont kif ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2. Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

[…]”

B –    Id-dritt Spanjol

5.        Il-kuntest ġuridiku nazzjonali pertinenti fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju preliminari jista’ jiġi sintesizzat skont kif ġej.

6.        Skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Ley 1/2000 de Enjuiciamento Civil (3), kodiċi tal-proċedura ċivili, iktar ’il quddiem l-“LEC”), l-azzjonijiet ippreżentati sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżoli relatati mal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt għandhom jitressqu quddiem il-qorti tad-domiċilju tar-rikorrent. Meta dawn ikunu jirrigwardaw inġunzjonijiet, li l-iskop tagħhom huwa sabiex il-konvenut jiġi kkundannat li jieqaf mill-aġir tiegħu jew li jiġi evitat li dak l-aġir iseħħ fil-futur (4), hija għall-kuntrarju l-qorti tad-domiċilju jew tal-istabbiliment tar-rikorrent – il-bejjiegħ – li għandha ġurisdizzjoni, kemm-il darba dak id-domiċilju jew stabbiliment ikun jinsab fit-territorju Spanjol (5). Din l-aħħar regola ta’ ġurisdizzjoni territorjali b’hekk tapplika meta l-azzjoni kkonċernata tkun eżerċitata sabiex jiġu difiżi l-interessi kemm kollettivi kif ukoll diffużi tal-konsumaturi (6) u li din tiġi ppreżentata minn assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mil-liġi (7).

7.        Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet li jikkonstataw in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti adita ma huma soġġetti għal ebda rikors (8).

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8.        L-Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León (iktar ’il quddiem l-“ACICL”) hija assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi insinwata fir-reġistru tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-utenti tal-komunità awtonoma ta’ Castilla u León fi Spanja. Hija għandha s-sede tagħha f’Salamanca. Hija għandha 110 membru u kellha baġit, għas-sena 2010, ta’ EUR 3 941. L-azzjoni tagħha hija limitata ġeografikament għat-territorju ta’ din il-komunità. L-ACICL la hija federata u lanqas ma tagħmel parti minn xi organizzazzjoni oħra jew organizzazzjoni ta’ dimensjoni interreġjonali jew nazzjonali. Barra minn hekk, hija tissodisfa l-kundizzjonijiet legali biex tkun tista’ tiddefendi ġudizzjarjament l-interessi kollettivi tal-konsumaturi.

9.        Fl-ewwel istanza ACICL ippreżentat, quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n° 4 y de lo Mercantil de Salamanca (Spanja), inġunzjoni kontra l-kumpannija Anuntis Segunda Mano SL, li tinsab stabbilita fil-provinċja ta’ Barcelona. L-azzjoni kienet intiża preċiżament biex tiġi ddikjarata n-nullità ta’ ċerti dispożizzjonijiet fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu li jinsabu fil-portal tal-Internet tal-imsemmija kumpannija (9), minħabba l-fatt li dawn kienu jikkostitwixxu klawżoli inġusti, u sabiex fil-futur jisparixxi l-aġir abużiv allegat.

10.      B’digriet tas-6 ta’ April 2011, il-Juzgado de Primera Instancia n° 4 y de lo Mercantil de Salamanca ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-kawża mressqa quddiemha mill-ACICL. Fil-fehma tagħha, jirriżulta mill-Artikolu 52(1)(14) tal-LEC li l-qorti kompetenti biex tieħu konjizzjoni tal-mandati ta’ inibizzjoni ppreżentati għad-difiża tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi hija dik tal-post fejn ikun stabbilit il-konvenut. Il-Juzgado de Primera Instancia n° 4 y de lo Mercantil de Salamanca madankollu ppreċiżat li seta’ jsir appell kontra d-dikjarazzjoni tagħha ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, minkejja l-fatt li ma hemm ebda regola nazzjonali li tipprevedi dik il-possibbiltà.

11.      B’hekk l-Audiencia Provincial de Salamanca ġiet adita bl-appell ippreżentat mill-ACICL. Quddiem il-qorti tar-rinviju jqumu żewġ tipi ta’ kwistjonijiet.

12.      Minn naħa waħda, skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali, b’mod partikolari l-Artikoli 60 u 67 tal-LEC, ebda rikors ma jista’ jsir kontra dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali, b’mod li, jekk trid li tmexxi bil-mandat ta’ inibizzjoni tagħha, l-ACICL hija obbligata li tirrikorri esklużivament quddiem il-qorti tas-sede tal-konvenut. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-impossibbiltà li jsir appell kontra deċiżjonijiet tal-qrati Spanjoli, li jikkonstataw in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali tagħhom fil-kuntest ta’ inġunzjonijiet diffużi eżerċitati fl-interess tal-konsumaturi, tikkostitwixxix ostaklu għall-kisba tal-objettiv segwit mid-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali u mid-Direttiva 93/13 b’mod partikolari, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Kieku dan kellu jkun il-każ, il-qorti tar-rinviju jkollha twarrab ir-regoli proċedurali nazzjonali biex taċċetta li tiddeċiedi dwar l-appell pendenti quddiemha.

13.      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kumpatibbiltà ma’, l-ewwel nett id-dritt tal-Unjoni, it-tieni nett l-objettiv ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u t-tielet nett l-importanza rikonoxxuta tal-azzjonijiet imressqa, f’dan il-qasam, mill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, tar-regola ta’ ġurisdizzjoni li skontha l-mandat ta’ inibizzjoni ppreżentat minn tali assoċjazzjoni għandu jitressaq quddiem il-qorti tad-domiċilju jew tal-istabbiliment tal-bejjiegħ, azzjoni li l-ACICL fl-aħħar mill-aħħar hija kostretta li tirrinunzja minħabba l-limitazzjonijiet finanzjarji tagħha u l-kamp ta’ azzjoni territorjali limitat tagħha.

14.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Audiencia Provincial de Salamanca ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u, b’deċiżjoni tar-rinviju li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Settembru 2012, tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE:

“1)      Il-protezzjoni ggarantita lill-konsumatur bid-Direttiva [93/13] tippermetti lill-Audiencia Provincial [ta’ Salamanca], bħala qorti nazzjonali tal-appell, tieħu konjizzjoni, minkejja li ma hemmx regola ta’ kopertura legali nazzjonali, tal-appell mid-deċiżjoni tal-[Juzgado de Primera Instancia n° 4 y de lo Mercantil de Salamanca] li tattribwixxi lill-qorti [tal-post ta’ stabbiliment] tal-konvenut il-ġurisdizzjoni territorjali sabiex tiddeċiedi dwar l-azzjoni għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni [inġunzjoni] imressqa minn assoċjazzjoni tal-konsumaturi, ta’ portata territorjali limitata, mhux assoċjata jew iffederata ma’ assoċjazzjonijiet oħrajn, u li għandha biss baġit żgħir u numru żgħir ta’ membri?

2)      L-Artikoli 4[TFUE], 12[TFUE], 114[TFUE] u 169 [TFUE] [kif ukoll] l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqrija flimkien mad-Direttiva 93/13 u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, kif ukoll mal-effettività tad-direttivi u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati bħala li jiddikjaraw li l-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni [inġunzjoni] kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti mressqa minn assoċjazzjoni tal-konsumaturi, ta’ portata territorjali limitata, mhux assoċjata jew iffederata ma’ assoċjazzjonijiet oħrajn, u li għandha biss baġit żgħir u numru żgħir ta’ membri sabiex tiddefendi interessi kollettivi jew ġenerali tal-konsumaturi u tal-utenti, hija l-qorti tal-post tad-domiċilju ta’ din l-assoċjazzjoni u mhux dik tad-domiċilju tal-konvenut?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern ta’ Spanja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV – Analiżi ġuridika

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

16.      Fl-ewwel lok, ser neżamina l-argument imressaq mill-Gvern Spanjol dwar l-inammissibbiltà ta’ din l-ewwel domanda qabel ma nfakkar, fit-tieni lok, il-prinċipji li jirriżultaw minn ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u li huma utli għall-analiżi tagħna. Fit-tielet lok, ser nanalizza n-nuqqas, fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, ta’ grad doppju ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-ġurisdizzjoni territorjali fid-dawl tal-prinċipji msemmija hawn fuq, u b’mod partikolari l-prinċipju tal-effettività.

1.      Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda

17.      Għandu jiġi miċħud immedjatament l-argument imressaq mill-Gvern Spanjol, li jgħid li l-ewwel domanda preliminari indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja hija inammissibbli minħabba l-fatt li l-kawża hija purament interna u li r-regola proċedurali inkwistjoni b’hekk għandha tiġi analizzata biss fid-dawl tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif iggarantita mill-Kostituzzjoni Spanjola. Sabiex dan ikun possibbli, huwa biżżejjed li nfakkru li l-objettiv tal-azzjoni mressqa quddiem il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Salamanca u quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n° 4 y de lo Mercantil de Salamanca mill-ACICL huwa li tiġi kkonstatata n-natura abużiva tal-klawżoli użati mill-kumpannija konvenuta fil-kawża prinċipali u b’hekk tirrigwarda, b’mod ċar, il-ġustizzjabbiltà tal-protezzjoni prevista mid-Direttiva 93/13 għall-konsumaturi, jekk ikun il-każ permezz tal-intervent tal-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi msemmija mill-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva.

2.      Fuq il-prinċipju ta’ effettività bħala limitu għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri

18.      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 tobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li “jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti”. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk dawk il-mezzi adegwati u effettivi għandhomx jinkludu l-possibbiltà li jsir appell kontra deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali mogħtija f’kawża mressqa minn assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

19.      Id-Direttiva 93/13 ma tarmonizzax il-mezzi proċedurali għad-dispożizzjoni ta’ dawk l-assoċjazzjonijiet. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-libertà ta’ l-għażla tal-metodi u tal-mezzi intiżi sabiex jassiguraw l-implementazzjoni ta’ Direttiva ma taffetwax l-obbligu li kull wieħed mill-Istati Membri destinatarji għandhom li jadottaw kull miżura neċessarja sabiex jassiguraw l-effett sħiħ tad-Direttiva kkonċernata, b’mod konformi ma’ l-għan imfittex mid-Direttiva” (10). Skont ġurisprudenza kostanti, “[l]-obbligu li jirriżulta minn direttiva u li l-Istati Membri għandhom li jilħqu r-riżultat persegwit minn din id-direttiva, kif ukoll id-dmir tagħhom, skond l-Artikolu [4(3) TUE], li jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, adattati sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan l-obbligu, huma imposti fuq l-awtoritajiet kollha ta’ dawn l-Istati Membri, inkluż, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji” (11) li għandhom “b’mod partikolari [l] jassiguraw il-protezzjoni ġuridika li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja u li għandhom jiggarantixxu l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet” (12). Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, – kif huwa l-każ fil-kuntest tal-kawża prinċipali – “hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju” (13), soġġett għal protezzjoni effettiva ta’ dawk id-drittijiet (14).

20.      F’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li “l-proċeduri ta’ appell intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ individwi taħt il-liġi tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili nazzjonali (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċitar ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività)” (15).

21.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha għandhom jiggwidaw l-analiżi tal-kwistjoni li għandna quddiemna.

3.      Fuq in-nuqqas ta’ grad doppju ta’ ġurisdizzjoni fid-dawl tal-prinċipju tal-effettività

22.      B’hekk huwa fir-rigward tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li għandha tiġi evalwata s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza madankollu ma jinsabx inkwistjoni hawnhekk. B’hekk imiss li tiġi ddeterminata r-relevanza tal-prinċipju ta’ effettività f’dan ir-rigward.

23.      B’mod ġenerali, għandu jiġi rrilevat li, fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, fid-dritt tal-Unjoni ma hemm ebda obbligu partikolari dwar in-numru ta’ gradi ta’ qrati li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu. L-arkitettura ġudizzjarja taqa’ totalment taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa rikonoxxut li l-għan tat-trattati ma kienx li joħolqu mezzi legali oħrajn apparti dawk diġà stabbiliti, ħlief jekk ikun jirriżulta mill-iskema ġenerali tas-sistema ġuridika nazzjonali li ma jeżistix mezz ta’ rikors li jippermetti, ta’ mill-inqas b’mod inċidentali, li jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom iċ-ċittadini taħt id-dritt tal-Unjoni (16).

24.      Din id-domanda tqajjem il-kwistjoni tal-impossibbiltà li jsir appell kontra deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti adita u li tispeċifika l-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali biex tisma’ l-kawża. Kif fakkret il-Kummissjoni, l-unika regola li teżisti fil-livell tal-Unjoni dwar dak is-suġġett tikkonċerna l-qrati tal-Unjoni nfushom. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tal-protokoll (nru 3) dwar l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati, jipprovdi li “[m]eta l-Qorti Ġenerali ssib li ma tkunx kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors li jidħol fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tirriferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja; bl-istess mod meta l-Qorti tal-Ġustizzja ssib li rikors jidħol fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, hija tirriferi lil din ta’ l-aħħar, li mbagħad ma tkunx tista’ tirrifjuta l-kompetenza tagħha” (17). Dawn id-deċiżjonijiet ta’ rinviju ma jistgħux ikunu soġġetti għal rikors (18).

25.      Ċertament, ir-rinviju ta’ kawża minn qorti tal-Unjoni lil oħra ma jinvolvix l-istess inkonvenjenzi ġeografiċi meta mqabbla ma’ dawk ikkawżati fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

26.      Madankollu – u huwa fundamentali sabiex tinftiehem sew l-ewwel domanda –, din tal-aħħar tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-regola proċedurali nazzjonali li tistabbilixxi li d-deċiżjonijiet li jikkonstataw nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali ma huma soġġetti għal ebda rikors – jew l-Artikolu 67(1) tal-LEC – waqt li s-sors tal-imsemmija inkonvenjenzi jinsab fl-applikazzjoni tar-regola li inġunzjoni mressqa minn assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi għandha tinġieb quddiem il-qorti tad-domiċilju jew tal-istabbiliment tal-bejjiegħ – jew l-Artikolu 52(1)(14) tal-LEC. Iżda din l-aħħar dispożizzjoni ma hijiex is-suġġett tad-domanda preliminari indirizzata hawnhekk.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-paragun mar-regoli proċedurali applikabbli għall-qrati tal-Unjoni jibqa’ pertinenti u minn dan jirriżulta li la s-sistema ta’ mezzi legali li għandhom dawn tal-aħħar u lanqas id-dritt proċedurali Spanjol ma jipprevedu l-possibbiltà ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

28.      Rigward is-sorsi tad-dritt derivat, la d-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Mejju 1998, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (19), u lanqas id-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (20), li ġiet warajha, ma daħlu f’daqshekk dettall li jirregolaw il-kwistjoni tan-numru ta’ gradi ta’ qrati li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali kontra l-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

29.      Rigward il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, huwa interessanti li wieħed jirrileva li kellna nistennew sal-protokoll nru 7 (21) tal-imsemmija konvenzjoni biex jiġi kristallizzat id-dritt għal grad doppju ta’ protezzjoni ġudizzjarja (22). Madankollu, minbarra l-fatt li l-imsemmi dritt jeżisti esklużivament fil-qasam penali, wieħed għandu josserva li dan il-protokoll għadu ma ġiex irratifikat mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni. Dan ifisser li n-numru ta’ istanzi jvarja minn Stat Membru għal ieħor, irrispettivament mill-materja kkonċernata.

30.      Fin-nuqqas ta’ regola li tippreskrivi b’mod preċiż, fil-livell tal-Unjoni, il-portata tal-garanziji ġudizzjarji li minnhom tista’ tibbenefika assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-regola nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi kull rikors kontra deċiżjoni li tikkonstata nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali, għandhiex ir-riżultat li tagħmel l-applikazzjoni tad-drittijiet jew prerogattivi li l-imsemmija assoċjazzjoni għandha taħt id-dritt tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

31.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-impossibbiltà għall-ACICL li tressaq appell tirrigwarda biss il-ġurisdizzjoni territorjali u r-riżultat tagħha ma huwiex li ċċaħħad lill-ACICL minn kull rikors li jippermetti li tiġi ġġudikata, fuq il-merti, it-talba tagħha biex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli li fil-fehma tagħha huma inġusti. Madankollu, fi kwalunkwe każ, hija tabilħaqq għandha aċċess għal mezz ta’ rikors, peress li l-aċċess għal qorti dwar il-merti huwa ggarantit mill-obbligu tal-qorti speċifikata mill-qorti li ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni, li ma tikkontestax il-ġurisdizzjoni territorjali tagħha. Kull ipoteżi ta’ ċaħda tal-ġustizzja b’hekk hija eskluża.

32.      Fit-tieni lok, l-impossibbiltà li jsir appell lanqas ma għandha l-effett li tagħlaq b’mod definittiv id-dibattitu dwar il-ġurisdizzjoni territorjali għaliex il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-pajjiż fejn hija stabbilita l-konvenuta għall-kawża prinċipali tista’ tiġi diskussa mill-ġdid (23) ladarba l-imsemmija qorti tkun tat id-deċiżjoni tagħha dwar il-merti.

33.      Għalkemm nifhem perfettament id-diffikultajiet li għandha l-ACICL u ma niċħadx l-inkonvenjenzi tal-impossibbiltà li jsir appell mid-deċiżjoni mogħtija mill-qorti fiż-żona ġeografika tar-rikorrenti għall-kawża prinċipali, għandu jiġi rrikonoxxut ukoll li l-ACICL tista’ tressaq il-kawża tagħha quddiem qorti oħra, li jkollha l-ġurisdizzjoni territorjali, u tikkontribwixxi b’dak il-mod għall-objettiv segwit mid-direttiva.

34.      Intenni li l-ispostament ġeografiku tal-qorti kompetenti, li huwa sors ta’ diffikultajiet li trid tiffaċċja l-ACICL ma huwiex, per se, il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali, iżda jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 52(1)(14) tal-LEC, li tinsab fil-qalba tat-tieni domanda indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja.

35.      Ċertament, sussegwentement għal din il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali mill-Juzgado de Primera Instancia n° 4 y de lo Mercantil de Salamanca, hemm riskju li l-ACICL ikollha tirrinunzja għall-azzjoni tagħha għal raġunijiet esklużivament finanzjarji. Madankollu, jidhirli li huwa diffiċli li wieħed jikkonkludi li hemm ksur tal-prinċipju tal-effettività kull meta persuna, wara li tkun ingħatat kontriha deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, tirrinunzja għall-preżentata ta’ kawża mill-ġdid minħabba l-ispejjeż, ħlief jekk, ma għandniex xi ngħidu, l-ispiża globali tal-proċedura tkun tant eċċessiva li jkollha effett disważiv. F’din il-kawża, f’ebda punt ma tqajjem il-punt li l-ispiża tal-ispostament tal-qorti kompetenti kienet oġġettivament eċċessiva.

36.      Min-naħa l-oħra, ġie stabbilit li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tiflaħx tħallas għal dak l-istess spostament, soġġettivament. Madankollu, is-sitwazzjoni partikolari tal-ACICL hija element li, fil-fehma tiegħi, ma jistax jittieħed f’kunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju tal-effettività. Peress li r-regoli ddefiniti mil-leġiżlaturi nazzjonali dwar l-istruttura tal-mezzi legali kif ukoll dwar in-numru ta’ gradi tal-qrati li għalihom kull tip ta’ deċiżjoni hija soġġetta huma fl-interess ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ prevedibbiltà, dawn għandhom naturalment jipprevalu fuq l-interessi partikolari u ma jistax jiġi previst li dawn jistgħu jvarjaw minn każ għal każ, skont is-sitwazzjoni finanzjarja tal-partijiet (24).

37.      Finalment, għandu jitfakkar li f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività, “f’kull każ li tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt tal-Unjoni, din għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali” (25)? Issa, l-elementi li diġà semmejt, dwar, fl-ewwel lok, l-esklużjoni ta’ kwalunkwe ċaħda tal-ġustizzja, fit-tieni lok l-eżistenza ta’ mezz legali effettivament għad-dispożizzjoni tal-assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u, fit-tielet lok, il-possibbiltà li jerġa’ jinfetaħ id-dibattitu, jekk huwa l-każ, dwar il-ġurisdizzjoni territorjali ladarba tittieħed deċiżjoni dwar il-merti, iwassluni biex nikkunsidra li l-Artikolu 52(1)(14) tal-LEC la jrendi prattikament impossibbli u lanqas eċċessivament diffiċli l-eżerċitar tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 lill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u lanqas ma jipperikola l-kisba tal-objettiv segwit minnha.

38.      B’hekk nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju tal-effettività, previst flimkien mal-objettiv, segwit mid-Direttiva 93/13, li jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli għall-konsumaturi ma jipprekludix, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, regola proċedurali nazzjonali li tistabbilixxi li deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti adita, fil-kuntest ta’ inġunzjoni mressqa minn assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ma tistax tkun soġġetta għal rikors jekk ikun jirriżulta, barra minn hekk, mill-eżami tad-dritt nazzjonali li mezz legali jinsab effettivament għad-dispożizzjoni tal-imsemmija assoċjazzjoni biex tkun tista’ tressaq il-kawża tagħha dwar il-merti.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

39.      It-tieni domanda indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment tirrigwarda l-kwistjoni jekk l-objettiv, segwit fil-livell tal-Unjoni, biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi huwiex ipperikolat bir-regola proċedurali Spanjola li tistabbilixxi, fil-kuntest ta’ kawża mhux transkonfinali, li l-qorti kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta’ inġunzjoni mressqa minn assoċjazzjoni tal-konsumaturi hija dik tad-domiċilju jew tal-istabbiliment tal-bejjiegħ, meta dak id-domiċilju jew stabbiliment ikun magħruf.

40.      Fid-dawl tar-risposta li nissuġġerixxi li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, għandi dubji serji dwar il-kompetenza tagħha li tiddeċiedi dwar din it-tieni domanda u ser nispjega ruħi immedjatament.

41.      Peress li ninsab inklinat li nikkunsidra li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li digriet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali jista’ jkun soġġett għal appell, l-azzjoni mressqa mill-ACICL quddiem il-qorti tar-rinviju ma jkun għad fadlilha l-ebda skop ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat risposta għall-ewwel domanda ta’ din tal-aħħar. Fid-dawl tal-impossibbiltà li tiddeċiedi dwar l-appell ippreżentat mill-ACICL, il-qorti tar-rinviju jkollha tagħlaq il-kawża. Bħala konsegwenza, il-mandat ta’ inibizzjoni ta’ ACICL ikollu jitressaq quddiem il-qorti kompetenti skont l-LEC, jew dik fejn jinsab stabbilit il-bejjiegħ.

42.      B’hekk nosserva li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-mument meta l-qorti tar-rinviju tkun ħadet konjizzjoni tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, l-imsemmija qorti ma tkunx għadha adita b’kawża li sabiex tkun tista’ tinqata’ tkun meħtieġa risposta għat-tieni domanda li saret.

43.      Il-proċedura preliminari tippresupponi, skont ġurisprudenza kostanti, li kawża tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jkunu msejħa biex jieħdu deċiżjoni li tista’ tieħu f’kunsiderazzjoni s-sentenza preliminari (26). Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija mhux il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta kawża (27). Dan il-bżonn ma jibqax jeżisti wara l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, din id-darba sostantiva, min-naħa tal-qorti tar-rinviju.

44.      Madankollu wieħed jista’ jimmaġina li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’antiċipazzjoni, b’xi mod, fil-perspettiva tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali. Dak ir-rinviju jibqa’ madankollu strettament ipotetiku, inkwantu jirriżulta mill-proċess li l-ACICL tkun kostretta, minħabba d-daqs u l-baġit tagħha, li tirrinunzja għall-azzjoni tagħha. Barra minn hekk, anki kieku l-ACICL kellha finalment tressaq it-talba ta’ inġunzjoni quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali, hija ma tkunx tista’ tissolleva quddiem dik il-qorti argumenti dwar il-ġurisdizzjoni territorjali, għaliex skont l-LEC u sabiex jiġi evitat kunflitt negattiv ta’ ġurisdizzjoni, il-qorti indikata mill-qorti li ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni ma hijiex awtorizzata li tikkontesta l-ġurisdizzjoni territorjali tagħha stess. Kif diġà indikajt u skont id-dokumentazzjoni, fuq dawn il-punti konkordanti tal-gvern Spanjol u tal-Kummissjoni, l-imsemmija argumenti huma ammissibbli biss fil-kuntest tal-appell tad-deċiżjoni mogħtija dwar il-merti fl-ewwel istanza.

45.      B’hekk, huwa biss fuq bażi purament sussidjarja li ser nifformula l-osservazzjonijiet fil-qosor li ġejjin.

46.      Is-sitwazzjoni tal-ACICL, li għaliha tapplika r-regola nazzjonali tal-ġurisdizzjoni territorjali inkwistjoni, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività diġà msemmija.

47.      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jinsabx inkwistjoni f’din il-kawża.

48.      Rigward il-prinċipju tal-effettività, l-ACICL targumenta li, minħabba d-daqs, il-kamp ta’ azzjoni territorjali u l-baġit tagħha, biex hija tressaq talba ta’ inġunzjoni quddiem il-qorti tas-sede tal-bejjiegħ hija jkollha ġġarrab spejjeż li ma hijiex kapaċi ssostni, bil-konsegwenza li hija jkollha tirrinunzja għall-azzjoni tagħha. Dik is-sitwazzjoni xxekkel b’mod konsiderevoli l-kisba tal-objettiv segwit mill-imsemmija assoċjazzjoni billi tillimita, de facto, il-kapaċità tagħha li tressaq mandat ta’ inibizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ klawżoli allegatament inġusti. Ir-regola tal-forum applikabbli għall-ACICL, fil-kuntest ta’ dawn l-azzjonijiet, għandha tkun dik li tgħodd għall-azzjonijiet imressqa mill-konsumaturi kontra l-bejjiegħa, jiġifieri l-ġurisdizzjoni fil-prinċipju tal-qorti tad-domiċilju tar-rikorrent.

49.      Jekk nifhem sew il-problema li għandha l-ACICL, għandi nikkonstata wkoll li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix li t-trattament proċedurali privileġġjat irriżervat għall-konsumaturi huwa estiż għall-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

50.      Fl-ewwel lok, id-Direttiva 93/13 teżiġi biss li l-“organizzazzjonijiet […] li jkollhom interess leġittimu fil-kwistjoni, għandu jkollhom faċilitajiet biex jibdew proċeduri rigward klawżoli ta’ kuntratt imfassal għall-użu ġenerali f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi” (28). Il-mezzi adegwati u effettivi msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 jikkonsistu b’mod partikolari f’li l-imsemmija organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jirrikorru quddiem il-qrati jew il-korpi amministrattivi kompetenti (29). L-imsemmija direttiva ma fiha ebda stipulazzjoni dwar il-forum li quddiemu għandhom jitressqu t-talbiet ta’ inġunzjoni minn dawk l-organizzazzjonijiet.

51.      Fit-tieni lok, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li s-“sistema ta’ protezzjoni implementata mid-[Direttiva 93/13] hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni” (30). Għalkemm wieħed jista’ jammetti faċilment li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi kif organizzata mid-dritt tal-Unjoni teżiġi r-rikonoxximent ta’ forum preferenzjali għall-konsumatur – fid-dawl ta’ dak li huwa rrikonoxxut f’kuntest transkonfinali (31) – ikun pass supplimentari jekk jiġi impost fuq l-Istati Membri li jestendu l-benefiċċju ta’ dak il-forum preferenzjali għall-organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (32).

52.      Mingħajr ma tiġi miċħuda l-importanza fundamentali tal-azzjoni tagħhom u r-rwol essenzjali li għandhom ikunu jistgħu jiżvolġu sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fi ħdan l-Unjoni (33), fl-istess ħin għandu jiġi rrikonoxxut li kawża bejn assoċjazzjoni ta’ dak it-tip kontra bejjiegħ fil-fatt ma tippreżentax l-istess inugwaljanza bħal dik imsemmija qabel. Il-mandat ta’ inibizzjoni ma huwiex azzjoni kuntrattwali (34).

53.      Il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni għamlu sforz – fil-fehma tiegħi b’mod probatorju – biex juru din id-distinzjoni billi jirreferu għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni ffissati bir-Regolament Nru 44/2001. Huma b’hekk argumentaw li, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti għall-azzjonijiet imressqa mill-konsumaturi li jkunu partijiet għal kuntratt transkonfinali konkluż ma’ bejjiegħ għandhom japplikaw, b’analoġija, għall-azzjonijiet imressqa mill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (35).

54.      Ċertament, fil-kuntest tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet inġusta klawżola kuntrattwali, mhux innegozjata, li kellha r-riżultat sistematiku, f’każ ta’ kawża dwar kuntratt, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti tas-sede tal-bejjiegħ (36). Iżda dan ma jwassalx biex, meta dik il-ġurisdizzjoni tkun mogħtija mil-leġiżlatur nazzjonali – lil hinn minn kull qafas kuntrattwali – u f’dak li jirrigwarda t-talbiet għal inġunzjonijiet ippreżentati mill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, din tkun neċessarjament kontra l-objettiv ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jew li tmur kontra l-prinċipju tal-effettività.

55.      Approċċ bħal dan li jagħmel distinzjoni bejn jekk l-azzjoni tkunx, minn naħa waħda, ta’ natura kuntrattwali jew, min-naħa l-oħra, dwar tort jew kważi-tort, jidher li huwa kkonfermat mid-Direttivi 98/27 u 2009/22, li skonthom huma tabilħaqq il-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju jew tas-sede tal-konvenut (37) li għandhom kompetenza biex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjonijiet ta’ inġunzjoni mressqa, f’każ ta’ ksur intrakomunitarju għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, mill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, jew affiljati, ta’ Stati Membri oħra.

56.      Barra minn hekk, l-ACICL tista’ jew, b’ċertu sforz finanzjarju, tiddeċiedi li minkejja kollox tirrikorri quddiem il-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni; inkella, kif argumentat il-Kummissjoni, tirrapporta l-aġir allegatament abużiv lil assoċjazzjoni li tista’ tressaq il-kawża fil-provinċja ta’ Barcelona. Fi kwalunkwe każ, minbarra l-fatt li hemm mezz legali konkretament għad-dispożizzjoni tal-ACICL, din tal-aħħar tista’ wkoll tkompli tagħti l-assistenza tagħha lill-konsumaturi fil-kuntest tal-azzjonijiet kuntrattwali individwali tagħhom imressqa quddiem il-qrati tal-komunità awtonoma ta’ Castilla u León.

57.      Nikkonkludi billi nfakkar li, għall-finijiet li jiġi evalwat il-ħarsien tal-prinċipju ta’ effettività u kif teżiġi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (38), jeħtieġ li tittieħed f’kunsiderazzjoni l-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali. L-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-gvern Spanjol fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu f’dak li jirrigwarda t-trattament proċedurali tal-inġunzjonijiet imressqa mill-organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, bħall-eżenzjoni minn garanzija jew il-fatt li dawn l-azzjonijiet ma humiex preskritti, flimkien mal-ġustifikazzjoni mogħtija li tali regola ta’ ġurisdizzjoni ssegwi l-objettiv doppju li jiġu evitati deċiżjonijiet ġudizzjarji kontradittorji (39) u li tiġi ffaċilitata l-eżekuzzjoni, mill-bejjiegħ, tad-deċiżjoni li tingħata (40), iwasslu biex jikkonvinċuni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali la trendi prattikament impossibbli u lanqas eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-drittijiet li l-organizzazzjonijiet ikkonċernati għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali u taħt id-Direttiva 93/13 b’mod partikolari.

V –    Konklużjoni

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Audiencia Provincial de Salamanca hekk kif ġej:

Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju tal-effettività, previst flimkien mal-objettiv, segwit mid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, li jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli tal-konsumaturi, ma jipprekludix, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, regola proċedurali nazzjonali li tistabbilixxi li deċiżjoni li tikkonstata nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti adita, fil-kuntest ta’ mandat ta’ inibizzjoni mressaq minn assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ma tistax tiġi appellata jekk ikun jirriżulta minn eżami tad-dritt nazzjonali li effettivament l-imsemmija assoċjazzjoni għandha mezzi legali għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tressaq l-azzjoni tagħha dwar il-merti.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 02, p. 288.


3 – Fis-seħħ sat-22 ta’ Lulju 2014.


4 – Ara l-Artikolu 53 tal-Liġi ġenerali dwar il-ħarsien tal-konsumaturi u tal-utenti (Ley General de Defensa de Consumidores y Usarios, iktar ’il quddiem l-“LGDCU”).


5 – Ara l-Artikolu 52(1)(14) tal-LEC. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-kwistjoni b’hekk tkun transkonfinali u l-qorti kompetenti tiġi ddeterminata billi jiġu applikati r-regoli ta’ kompetenza ffissati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 04, p. 42).


6 – Ara l-Artikolu 52(1)(16) tal-LEC.


7 – Ara l-Artikolu 54(1)(b) tal-LGDCU.


8 – Ara l-Artikolu 67(1) tal-LEC.


9 – F’dan ir-rigward, wieħed għandu jinnota li l-kummerċ elettroniku huwa qasam li fih l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tendenza wkoll li tagħti livell ta’ protezzjoni għoli lill-konsumaturi, kif tixhed l-attenzjoni mogħtija lid-Direttiva 93/13 mid-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399). Ara b’mod speċifiku l-premessa 11 u l-Artikolu 1(3) ta’ din id-Direttiva.


10 – Ara, fost ġurisprudenza abbondanti, is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 – Ibidem punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.


12Ibidem punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.


13 – Ibidem punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.


14 – Ibidem punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.


15Ibidem punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16 – Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punti 40 u 41).


17 – Ara, f’dak li jirrigwarda t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-Artikolu 8(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.


18 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2008, Gualtieri vs Il-Kummissjoni (T‑413/06 P, Ġabra FP p. I‑B-1-35 u II-B-11-253, punt 27).


19 – ĠU L 166, p. 51.


20 – ĠU L 110, p. 30.


21 – Iffirmat fi Strasbourg fit-22 ta’ Novembru 1984 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1988.


22 – Ara l-Artikolu 2 tal-imsemmi Protokoll nru 7.


23 – F’dan il-punt għandu jingħad li d-dikjarazzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali tal-Juzgado de Primera Instancia n° 4 y lo Mercantil de Salamanca ngħatat wara li nstemgħu l-partijiet fuq din id-domanda.


24 – Għall-kuntrarju, f’każijiet bħal dawn jidħlu inkwistjoni mekkaniżmi intiżi biex jikkumpensaw, sa fejn ikun possibbli, l-inkapaċità finanzjarja tar-rikorrent (bħal assistenza legali, eżenzjoni mill-ispejjeż, eċċ), iżda qatt ma tkun l-istruttura stess tal-mezzi legali li tiġi mibdula jew adattata skont dik il-kapaċità. L-imperattiv ta’ prevedibbiltà tal-mezzi legali timponi stabbiltà assoluta tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u proċedurali. L-istess jgħodd għall-garanzija tad-drittijiet tal-konvenut.


25 – Sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, Ġabra p. I‑4705, punt 19), tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et. (C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 33), kif ukoll, fl-istess sens, tal-20 ta’ Mejju 2010, Scott u Kimberly Clark (C‑210/09, Ġabra p. I‑4613, punt 24).


26 – Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Di Donna (C‑492/11, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 – Ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco (C‑225/02, Ġabra p. I‑523, punti 27 u 28).


28 – It-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13.


29 – Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13.


30 – Sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, Ġabra p. I‑4713, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31 – Ara t-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 u t-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1).


32 – U dan avolja r-Regolamenti Nru 44/2001 u 1215/2012 ma jipprovdu xejn f’dan is-sens.


33 – Rwol li, barra minn hekk, diġà ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja [ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, Ġabra p. I‑4941, punt 27) kif ukoll tal-24 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑372/99, Ġabra p. I‑819, punt 14)].


34 – Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, Ġabra p. I‑8111, punti 38 u 39).


35 – Sentenza Henkel, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33).


36 – Sentenza Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).


37 – Ara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/27 u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/22.


38 – Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39 –      U dan, minħabba l-effetti tad-deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ mandat ta’ inibizzjoni, għall-kuntrarju tal-effetti relattivi tad-deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ azzjoni kuntrattwali mressqa minn konsumatur.


40 – Minħabba l-prossimità ġeografika bejn il-bejjiegħ u l-qrati kompetenti biex tiġi vverifikata l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja u sabiex tiġi żgurata, jekk ikun il-każ, l-eżekuzzjoni b’miżuri ta’ infurzar.