Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Minden (il-Ġermanja) fid-29 ta’ Diċembru 2016 -Tsegezab Mengesteab vs Bundesrepublik Deutschland

(Kawża C-670/16)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Minden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Tsegezab Mengesteab

Konvenuta: Bundesrepublik Deutschland

Domandi preliminari

Applikant għall-ażil jista’ jinvoka trasferiment tar-responsabbiltà lill-Istat Membru rikorrent minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ preżentazzjoni tat-talba sabiex jittieħed inkarigu (it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 604/2013 1 )?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, applikant għall-ażil jista’ wkoll jinvoka trasferiment ta’ responsabbiltà meta l-Istat Membru mitlub jibqa’ dispost sabiex jieħu l-inkarigu tiegħu?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, huwa possibbli li jiġi dedott mill-kunsens espliċitu jew impliċitu (Artikolu 22(7) tar-Regolament Nru 604/2013) tal-Istat Membru mitlub li dan jibqa’ dispost li jieħu inkarigu tal-applikant għall-ażil?

It-terminu ta’ xahrejn previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 604/2013 jista’ jintemm wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 604/2013 meta l-Istat Membru rikorrent iħalli jiddekorri iktar minn xahar wara l-bidu tat-terminu ta’ tliet xhur qabel ma jibgħat talba għal konsultazzjoni tad-database Eurodac?

Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li ġiet ippreżentata fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 604/2013 b’effett mill-ewwel ħruġ ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inkwantu applikant għall-ażil jew unikament bir-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni formali għall-ażil? B’mod partikolari:

Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inkwantu applikant għall-ażil huwa formola jew rapport fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 604/2013?

L-awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 604/2013 hija l-awtorità kompetenti sabiex tirċievi l-formola jew tistabbilixxi r-rapport, jew l-awtorità kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil?

Rapport ippreparat mill-awtoritajiet huwa meqjus ukoll bħala li wasal għand l-awtorità kompetenti meta l-kontenut essenzjali tal-formola jew tar-rapport ikunu ġew ikkomunikati lilha jew huwa meħtieġ li l-oriġinal jew kopja tar-rapport ikunu ġew trażmessi lilha?

Id-dewmien bejn l-ewwel applikazzjoni għall-ażil jew l-ewwel ħruġ ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala applikant għall-ażil u t-tressiq ta’ talba sabiex jittieħed inkarigu jista’ jwassal għal trasferiment tar-responsabbiltà lill-Istat Membru rikorrent b’applikazzjoni analoga tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 604/2013 jew jeħtieġ li l-Istat Membru rikorrent jagħmel użu mid-dritt li jassumi r-responsabbiltà tiegħu skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal waħda mill-alternattivi tas-sitt domanda, minn liema perijodu jista’ jitqies li talba sabiex jittieħed inkarigu tressqet b’mod eċċessivament tardiv?

Talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ inkarigu li fiha l-Istat Membru rikorrent jindika unikament id-data ta’ dħul fit-territorju tiegħu u d-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni uffiċjali għall-ażil iżda mhux id-data tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil jew dik tal-ewwel ħruġ ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inkwantu applikant għall-ażil, titqies li tressqet fit-terminu tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 604/2013 jew tali applikazzjoni hija “ineffettiva”?

____________

1 Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunisll, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, p. 31).