Language of document : ECLI:EU:C:2017:205

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Marzu 2017 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Artikoli 101 u 102 TFUE – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 30 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata akkordju illegali fis-suq Ewropew tal-perossidu tal-idroġenu u tal-perborat – Pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali estiża ta’ din id-deċiżjoni – Ċaħda ta’ talba għal trattament kunfidenzjali ta’ ċertu informazzjoni – Termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta – Deċiżjoni 2011/695/UE – Artikolu 8 – Kunfidenzjalità – Protezzjoni tas-sigriet professjonali – Artikolu 339 TFUE. – Kunċett ta’ “sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra” – Informazzjoni ġejja minn talba għal klemenza – Ċaħda tat-talba għal trattament kunfidenzjali – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C‑162/15 P

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-8 ta’ April 2015,

Evonik Degussa GmbH, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Steinle, C. von Köckritz u A. Richter, Rechtsanwälte,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Meessen u M. Kellerbauer kif ukoll minn F. van Schaik, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u E. Regan (Relatur), Presidenti ta’ Awla, E. Levits, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, C. G. Fernlund, C. Vajda, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ April 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Evonik Degussa GmbH titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-28 ta’ Jannar 2015, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (T‑341/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:51), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 3534 finali, tal-24 ta’ Mejju 2012, li ċaħdet talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mill-appellanti (Każ C 352/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u tal-perborat) (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea 2011/695/UE, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU 2011, L 275, p. 29)

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

2        Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), intitolat “Segretezza professjonali”:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 12 u 15, l-informazzjoni miġbura skond l-Artikoli 17 sa 22 ser jiġu wżati biss għall-għan li għalih ġie akwistat.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-iskambju u l-użu ta’ informazzjoni pprovduti fl-Artikoli 11, 12, 14, 15 u 27, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom, impjegati u persuni oħra li jaħdmu taħt is-sorveljanza ta’ dawn l-awtoritajiet kif ukoll l-uffiċjali u impjegati ċivili ta’ awtoritajiet oħra ta’ l-Istati Membri mhux ser jiġi żvelat informazzjoni akwistata jew skambjata minnhom skont dan ir-Regolament u tat-tip kopert mil-obligu ta’ segretezza professjonali. Dan l-obbligu japplika ukoll għar-rappreżentanti kollha u l-esperti ta’l-Istati Membri li qed jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv skont l-Artikolu 14.”

3        L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament intitolat “Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet”, jipprovdi:

“1.   Il-Kummissjoni ħa tippublika id-deċiżjonijiet tagħha, li tieħu skont l-Artikoli 7 sa 10, 23 u 24.

2.      Il-pubblikazzjoni ħa ssemmi il-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, incluż kwalunkwe pieni imposti. Hi għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu tal-impriżi li s-sigrieti tan-negozju tagħhom ma jiġux żvelati.”

 Id-Deċiżjoni 2011/695

4        Skont il-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2011/695:

“L-uffiċjal tas-seduta għandu jopera bħala arbitru indipendenti li jfittex li jsolvi kwistjonijiet li jaffettwaw l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati, […] fejn tali kwistjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu riżolti permezz ta’ kuntatti preċedenti mas-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għat-tmexxija tal-proċedimenti tal-kompetizzjoni, li għandhom jirrispettaw dawn id-drittijiet proċedurali.”

5        Il-premessa 9 ta’ dan l-avviż tipprovdi li “[I]t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta fil-proċedimenti tal-kompetizzjoni għandhom jitfasslu b’tali mod li jissalvagwardjaw il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali matul il-proċeduri quddiem l-Awtorità skont l-Artikoli 101 u 102 [TFUE], b’mod partikolari d-dritt tas-smigħ”.

6        Skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/695, il-kompetenzi u l-funzjonijiet tal-uffiċjali tas-seduta maħtura fil-proċeduri ta’ kompetizzjoni huma ddefiniti permezz tal-imsemmija deċiżjoni.

7        L-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni tiddefinixxi r-rwol tal-uffiċjal tas-seduta bħala li jikkonsisti f’li jiġi żgurat “l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali matul il-proċedimenti tal-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 [TFUE]”.

8        L-Artikolu 8 ta’ din l-istess deċiżjoni, li jinsab fil-Kapitolu 4 tagħha, u li dan il-kapitolu huwa intitolat “L-Aċċess għal fajl, il-kunfidenzjalità u s-sigrieti kummerċjali”, jipprevedi:

“1.      Meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tiżvela informazzjoni li tista’ tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ kwalunkwe impriża jew persuna, din tal-aħħar għandha tiġi informata bil-miktub dwar din l-intenzjoni u r-raġunijiet tagħha mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni. Għandu jiġi ffissat limitu ta’ żmien li matulu l-impriża jew il-persuna kkonċernata tkun tista’ tippreżenta kummenti bil-miktub.

2.      Meta l-impriża jew il-persuna kkonċernata toġġezzjona għall-iżvelar tal-informazzjoni, hija tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta. Jekk l-uffiċjal tas-seduta jsib li l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata minħabba li ma tikkostitwixxi ebda sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra jew minħabba li jkun hemm interess akbar fl-iżvelar tagħha, dik is-sejba għandha tiġi ddikjarata f’deċiżjoni raġunata li għandha tintbagħat lill-impriża jew lill-persuna kkonċernata. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika d-data li warajha din l-informazzjoni ser tkun żvelata. Din id-data m’għandhiex tkun inqas minn ġimgħa mid-data tan-notifika.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-iżvelar tal-informazzjoni permezz ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea.

[…]”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001

9        L-Artikolu 4(2), (3) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jipprovdi li:

“2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki, jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.      Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

7.      L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2002 dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ akkordji

10      Il-punt 4 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002”) tistabbilixxi:

“Il-Kummissjoni kkunsidrat li huwa fl-interess [tal-Unjoni] li jingħata trattament favorevoli lil impriżi li jikkooperaw magħha. L-interessi tal-konsumatur u ċ-ċittadini biex jiġi żgurat li kartelli sigrieti jiġu mikxufa u kkastigati huma akbar mill-interess li jiġu mmultati dawk l-impriżi li jippermettu lill-Kummissjoni biex tiskopri u tipprojbixxi dawn il-prattiċi.”

11      Il-punt 6 ta’ din il-komunikazzjoni jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tqis illi l-kollaborazzjoni ta’ intrapriża fil-kxif tal-eżistenza ta’ akkordju għandha valur intrinsiku. Kontribuzzjoni deċiżiva għall-ftuħ ta’ investigazzjoni jew għat-tisjib ta’ xi ksur tal-liġi tista’ tiġġustifika l-għoti ta’ immunità minn kull multa lill-impriża msemmija, bil-kondizzjoni li jiġu aderiti ċerti kondizzjonijiet addizzjonali.”

12      Skont il-punt 21 tal-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002:

“Biex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġa‘ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi.”

13      Il-punt 29 ta’ din il-komunikazzjoni hija fformulata bħala kif ġej:

“Il-Kummissjoni hija konxja li dan l-avviż ser joħloq stennija leġittima li fuqha dawn l-impriżi jistgħu jiddependu meta jiżvelaw l-eżistenza ta’ kartell lill-Kummissjoni.”

14      Il-punti 31 u 33 tal-imsemmija komunikazzjoni jipprovdu:

“31.      Skont il-prattika tal-Kommissjoni, il-fatt li impriża kkooperat mal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva tagħha ser jiġi ndikat f’kull deċiżjoni, biex tiġi spjegata r-raġuni għall-immunità jew tnaqqis tal-multa. Il-fatt li jingħataw immunità jew tnaqqis fir-rigward ta’ multi ma jistax jipproteġi lil impriża mill-konsegwenzi tal-liġi ċivili għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ta’ l-Artikolu [101 TFUE].

32.      Il-Kummissjoni tikkonsidra li normalment, żvelar, f’kull ħin, ta’ dokumenti rċevuti fil-kuntest ta’ dan l-avviż jippreġudikaw il-protezzjoni ta’ l-iskop ta’ ispezzjonijiet u investigazzjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

33.      Kull dikjarazzjoni miktuba magħmula rigward il-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan l-avviż, jifforma parti mill-fajl tal-Kummissjoni. Ma tistax tkun żvelata jew użata għall-ebda skop ieħor ħlief l-infurzar ta’ l-Artikolu [101 TFUE]”

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2006 dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ akkordji

15      Il-punt 40 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2006”) tipprevedi:

“(40) Il-Kummissjoni tikkunsidra b’mod ġenerali li l-iżvelar pubbliku ta’ dokumenti u ta’ dikjarazzjonijiet bil-miktub jew irreġistrati rċevuti fil-kuntest ta’ din il-komunikazzjoni jippreġudikaw ċerti interessi pubbliċi jew privati, bħal pereżempju l-protezzjoni tal-għanjiet ta’ ispezzjonijiet u investigazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament [Nru 1049/2001], anki qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

16      Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 13 tas-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej.

17      Fit-3 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 1766 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, EKA Chemicals AB, Degussa AG, Edison SpA, FMC Corporation, FMC Foret SA, Kemira Oyj, L’Air Liquide SA, Chemoxal SA, Snia SpA, Caffaro Srl, Solvay SA/NV, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar 'il quddiem id-“Deċiżjoni PIP”), li taqsira tagħha ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2006, L 353, p. 54).

18      Fid-Deċiżjoni PIP, il-Kummissjoni kkonstatat, b’mod partikolari, li Degussa AG, li saret Evonik Degussa GmbH, kienet ipparteċipat fi ksur tal-Artikolu 81 KE fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), flimkien ma’ sittax-il kumpannija oħra attivi fis-settur tal-perossidu tal-idroġenu u tal-perborat. Peress li l-appellanti kienet l-ewwel kumpannija li għamlet kuntatt mal-Kummissjoni, f’Diċembru 2002, skont il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002, u peress li, f’din l-okkażjoni, hija kienet ikkooperat bis-sħiħ billi pprovdiet lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li hija kellha fir-rigward tal-ksur, hija ngħatat il-benefiċċju ta’ immunità kompleta mill-multa.

19      Matul l-2007, l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP ġiet ippubblikata fis-sit internet tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni.

20      F’ittra indirizzata lill-appellanti fit-28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni informatha dwar l-intenzjoni tagħha li tippubblika verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP (iktar 'il quddiem il-“verżjoni estiża tad-Deċiżjoni PIP” jew il-“verżjoni estiża”), li tinkludi l-kontenut kollu tal-imsemmija deċiżjoni minbarra l-informazzjoni kunfidenzjali. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni talbet lill-appellanti sabiex hija tidentifika, fid-Deċiżjoni PIP, l-informazzjoni li fir-rigward tagħha hija kellha l-intenzjoni titlob it-trattament kunfidenzjali.

21      Peress li qieset li din il-verżjoni estiża tad-Deċiżjoni PIP kienet tinkludi informazzjoni kunfidenzjali jew sigrieti kummerċjali, l-appellanti informat lill-Kummissjoni, f’ittra tat-23 ta’ Diċembru 2011, li hija kienet qiegħda topponi l-pubblikazzjoni ppjanata. Insostenn ta’ din l-oppożizzjoni, l-appellanti sostniet, b’mod iktar partikolari, li l-imsemmija verżjoni kienet tinkludi ammont ta’ informazzjoni li hija kienet għaddiet lill-Kummissjoni taħt il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002, kif ukoll l-ismijiet ta’ numru ta’ kollaboraturi tagħha u indikazzjonijiet dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha. Skont l-appellanti, il-pubblikazzjoni ppjanata għalhekk tmur kontra, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament u hija tali li tippreġudika l-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

22      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni informat lill-appellanti li hija kienet aċċettat li tħassar mill-verżjoni estiża tad-Deċiżjoni PIP li kellha tiġi ppubblikata l-informazzjoni kollha li tippermetti direttament jew indirettament li jiġi identifikat is-sors tal-informazzjoni kkomunikata taħt il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002, kif ukoll l-ismijiet ta’ kollaboraturi tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li ma kienx iġġustifikat li l-benefiċċju tal-kunfidenzjalità jingħata għall-informazzjoni l-oħra li fir-rigward tagħha l-appellanti kienet talbet tali trattament kunfidenzjali (iktar 'il quddiem l-“informazzjoni kontenzjuża”).

23      Billi għamlet użu mill-possibbiltà prevista mid-Deċiżjoni 2011/695, l-appellanti adixxiet lill-uffiċjal tas-seduta sabiex dan tal-aħħar jeskludi mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP kull informazzjoni pprovduta minnha bis-saħħa tal-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002.

24      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-uffiċjal tas-seduta, f’isem il-Kummissjoni, ċaħad it-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mill-appellanti.

25      L-uffiċjal tas-seduta qabel kollox enfasizza l-limiti tat-termini ta’ referenza tiegħu, li jippermettilu biss li jeżamina jekk informazzjoni għandhiex titqies kunfidenzjali u mhux li jirrimedja ksur allegat tal-aspettattivi leġittimi tal-appellanti lejn il-Kummissjoni.

26      Barra minn hekk huwa osserva li l-appellanti kienet topponi l-pubblikazzjoni ta’ verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP għas-sempliċi raġuni li din kienet tinkludi informazzjoni pprovduta bis-saħħa tal-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002 u li l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni lil terzi setgħet tikkawżalha preġudizzju fil-kuntest ta’ rikorsi għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali. Issa, skont l-uffiċjal tas-seduta, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi li tippubblika iktar mill-essenzjali tad-deċiżjonijiet tagħha. Barra minn hekk, riferimenti għal dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv ma jikkostitwixxux, fihom innifishom, sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.

27      Skont l-uffiċjal tas-seduta, l-appellanti ma wrietx li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li hija kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni sabiex tibbenefika mill-programm ta’ klemenza rregolat mill-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002 setgħet tikkawżalha dannu gravi. L-interess ta’ impriża li l-Kummissjoni imponiet multa fuqha minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex id-dettalji tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li bih qiegħda tiġi akkużata ma jiġux żvelati lill-pubbliku, fi kwalunkwe każ, ma jixraqlu ebda protezzjoni partikolari. L-uffiċjal tas-seduta fakkar, dwar dan il-punt, li r-rikorsi għal kumpens kienu jagħmlu parti sħiħa mill-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni u li, għalhekk, l-appellanti ma setgħetx tinvoka interess leġittimu li tiġi protetta kontra r-riskju li tkun suġġetta għal tali rikorsi, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur imsemmi mid-Deċiżjoni PIP.

28      L-uffiċjal tas-seduta qies ukoll li huwa ma kienx kompetenti sabiex iwieġeb għall-argument tal-appellanti li l-iżvelar lil terzi tal-informazzjoni li hija kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni fil-qafas tal-programm ta’ klemenza jippreġudika l-imsemmi programm, peress li tali kwistjoni teċċedi l-limiti tat-termini ta’ referenza tiegħu. Huwa fakkar, f’dan ir-rigward, li, konformement mal-ġurisprudenza, hija l-Kummissjoni biss li għandha tevalwa sa fejn il-kuntest fattwali u storiku li fih jidħol l-aġir inkriminat għandu jiġi mgħarraf lill-pubbliku, ladarba dan ma jinkludix informazzjoni kunfidenzjali.

29      Fl-aħħar nett, l-uffiċjal tas-seduta indika li, peress li t-termini ta’ referenza li ngħataw lilu skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/65 kien jillimita ruħu sabiex jevalwa sa fejn informazzjoni kienet taqa’ taħt is-sigriet professjonali jew kellha tibbenefika minn trattament kunfidenzjali taħt titolu ieħor, huwa ma kienx kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar l-argument tal-appellanti li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li hija kienet ikkomunikat taħt il-programm ta’ klemenza kienet tagħti lok għal differenza fit-trattament inġustifikat fir-rigward tal-parteċipanti fil-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni PIP.

 Is-sentenza appellata

30      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Awwissu 2012, l-appellanti ppreżentat appell intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

31      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq ħames motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 8(2) u (3) tat-tieni Deċiżjoni 2011/695, it-tieni nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-tielet nett, fuq ksur tas-sigriet professjonali kif ukoll tal-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tippubblika, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u, il-ħames nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ finalità stabbilit fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll fuq ksur tal-punt 48 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli għall-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni f’każijiet li jaqgħu taħt dawn l-Artikoli [101] u [102 TFUE], tal-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7).

32      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala infondat.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

33      Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

34      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-appell fl-intier tiegħu u sabiex tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

35      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2011/695, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 339 TFUE, tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem “il-Karta”), u, għat-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 8(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2011/695

36      L-ewwel aggravju huwa maqsum, essenzjalment, f’żewġ partijiet, ibbażati, minn naħa, fuq li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-definizzjoni tal-kompetenza mogħtija lill-uffiċjal tas-seduta sabiex jiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 8(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2011/695 u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment tal-appellanti bbażat fuq żnaturament tal-fatti u tad-deċiżjoni kontenzjuża.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

37      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fil-punti 42 sa 44 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li l-uffiċjal tas-seduta ma kienx kompetenti sabiex teżamina l-argumenti tagħha bbażati fuq li l-pubblikazzjoni tal-verżjoni estiża tad-Deċiżjoni PIP allegatament tikser il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

38      Il-Kummissjoni titlob sabiex tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel aggravju billi sostni li l-uffiċjal tas-seduta ma kienx kompetenti sabiex jeżamina tali argumenti peress li l-imsemmija prinċipji ma jsegwux speċifikament l-għan li jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni jew tad-dokumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Il-poteri u l-funzjonijiet tal-uffiċjal tas-seduta nominati fil-proċeduri tal-kompetizzjoni huma, skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/95, iddefiniti minn din tal-aħħar.

40      Skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni, kif iċċarat fil-premessa 9 tal-imsemmija deċiżjoni, it-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta għandhom jitfasslu b’tali mod li jissalvagwardjaw il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali matul il-proċeduri quddiem il-Kummissjoni, skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ.

41      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2011/695 jirriżulta li, meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tiżvela informazzjoni li tista’ tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ impriża jew persuna, din l-impriża jew din il-persuna għandha tiġi informata bil-miktub dwar din l-intenzjoni u terminu jingħata lill-impriża jew lill-persuna kkonċernata sabiex tippreżenta bil-miktub osservazzjonijiet eventwali.

42      Il-persuna kkonċernata tista’, għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 8(2) ta’ din id-deċiżjoni, meta jkun hemm informazzjoni li tista’, skontha, tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra, tipprekludi l-iżvelar tagħha billi tmur quddiem l-uffiċjal tas-seduta. Meta dan tal-aħħar jqis li l-informazzjoni inkwistjoni tista’ tiġi żvelata, kemm minħabba li ma tikkostitwixxi ebda sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra, kif ukoll minħabba li jkun hemm interess ikbar fl-iżvelar tagħha, huwa jadotta deċiżjoni motivata li tispeċifika t-terminu li fl-iskadenza tiegħu ser tiġi żvelata l-informazzjoni, li ma jistax ikun inqas minn ġimgħa li tibda tgħodd mid-data tan-notifika.

43      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8(3) tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-iżvelar tal-informazzjoni permezz ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

44      L-Artikolu 8 ta’ din l-istess deċiżjoni hija intiża, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 41 tas-sentenza appellata, sabiex jimplementa, mill-perspettiva proċedurali, il-protezzjoni li joffri d-dritt tal-Unjoni għall-informazzjoni li dwarha kellha għarfien il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, illum prevista fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

45      B’mod partikolari, l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2011/695 għandu l-għan li jispeċifika r-raġunijiet li jippermettu lill-uffiċjal tas-seduta li jikkunsidra li l-informazzjoni li l-persuna kkonċernata titlob it-trattament kunfidenzjali tista’ tiġi żvelata. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta, fil-fatt, li l-imsemmi uffiċjal tas-seduta jista’ jqis li l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata fejn ma tikkostitwixxix, fil-fatt, sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra jew li l-iżvelar tagħha huwa ta’ interess ikbar.

46      Madankollu, għalkemm l-imsemmija dispożizzjoni tispeċifika r-raġunijiet li jippermettu l-uffiċjal tas-seduta jqis li informazzjoni tista’ tiġi żvelata, din l-istess dispożizzjoni ma tillimitax, madankollu, ir-raġunijiet misluta mir-regoli jew il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ssostni sabiex topponi l-pubblikazzjoni maħsuba.

47      F’dan il-każ, l-appellanti sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li l-osservanza tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament tikkostitwixxi raġuni leġittima li tista’ tiġġustifika li l-informazzjoni kontenzjuża tgawdi mill-protezzjoni tad-dritt tal-Unjoni kontra żvelar u li l-uffiċjal tas-seduta, meta jastjeni milli jiddeċiedi fuq l-oġġezzjonijiet ibbażati fuq dawn il-prinċipji, wettaq żball ta’ liġi.

48      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, qabel kollox, ikkonstatat, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, li, meta l-uffiċjal tas-seduta jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695, huwa għandu jeżamina mhux biss jekk il-verżjoni ta’ deċiżjoni li tissanzjona ksur għall-Artikolu 101 TFUE tinkludix sigrieti ta’ negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra li jgawdu minn protezzjoni simili, iżda wkoll li jivverifika jekk din il-verżjoni tinkludix informazzjoni oħra li ma tistax tiġi żvelata lill-pubbliku, jew minħabba regoli tad-dritt tal-Unjoni li jipproteġuha b’mod speċifiku, jew minħabba l-fatt li hija kienet tagħmel parti minn din l-informazzjoni li, min-natura tagħha stess, hija koperta mis-sigriet professjonali.

49      Il-Qorti Ġenerali sussegwentement qieset, essenzjalment, fil-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata, li l-prinċipji tal-osservanza tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament, invokati mill-appellanti quddiem l-uffiċjal tas-seduta, ma jikkostitwixxux regoli intiżi sabiex jipproteġu speċifikament kontra żvelar lill-pubbliku tal-informazzjoni bħal dik li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni mill-appellanti bil-għan li tikseb il-klemenza tagħha, u li għaldaqstant, dawn il-prinċipji ma jaqgħux, fihom innifishom, fil-protezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni kienet taf biha fil-kuntest tal-proċeduri li japplikaw l-Artikolu 101 TFUE.

50      Il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant, ikkonkludiet, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li dawn il-prinċipji jmorru lil hinn mill-missjoni li bih huwa fdat l-uffiċjal tas-seduta skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695.

51      Madankollu, kif tfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Nru 2011/695 huwa intiż sabiex jimplementa, fuq il-pjan proċedurali, il-protezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni tal-informazzjoni li l-Kummissjoni tkun saret taf biha fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Din il-protezzjoni għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal kwalunkwe raġuni li tista’ tiġġustifika l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni inkwistjoni.

52      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, minn naħa, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2011/695 li tipprevedi, mingħajr iktar restrizzjonijiet, li, meta l-impriża jew il-persuna kkonċernata topponi għall-iżvelar tal-informazzjoni, hija tista’ tirreferi għall-uffiċjal tas-seduta.

53      Min-naħa l-oħra, imur kontra l-għan tat-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta, kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2011/695, kif ukoll fil-premessa 9 tal-istess deċiżjoni, sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali, jekk huwa seta’ jiddeċiedi biss fuq parti mill-motivi li jistgħu jopponu l-iżvelar ta’ informazzjoni speċifika.

54      Il-portata tal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2011/695 tonqos b’mod kunsiderevoli jekk din id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata bħala li tippermetti, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 42 tas-sentenza appellata, it-teħid inkunsiderazzjoni biss mill-uffiċjal tas-seduta tar-regoli intiżi speċifikament għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kontra żvelar lill-pubbliku, bħal dawk li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102), jew fir-Regolament Nru 1049/2001.

55      Minn dan isegwi li r-raġunijiet li jistgħu jirrestrinġu l-iżvelar ta’ informazzjoni bħal dik li ġiet ikkomunikata mill-appellanti lill-Kummissjoni sabiex tikseb il-klemenza ta’ din tal-aħħar ma humiex dawk meħuda mir-regoli li jipproteġu b’mod speċifiku din l-informazzjoni kontra żvelar pubbliku biss u li l-uffiċjal tas-seduta għandu għaldaqstant jeżamina kull oġġezzjoni bbażata fuq raġuni, ibbbażata fuq regoli jew prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, invokata mill-persuna kkonċernata sabiex titlob il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni inkwistjoni.

56      Għaldaqstant, meta ddeċidiet, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li l-uffiċjal tas-seduta kien, f’dan il-każ, ġustament qal li ma kienx kompetenti sabiex iwieġeb għall-oġġezzjonijiet għall-pubblikazzjoni maħsuba mqajma mill-appellanti abbażi tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

57      Konsegwentement, hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tintlaqa’, mingħajr htieġa li tiġi eżaminata t-tieni parti ta’ dan l-aggravju.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 339TFUE, tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tal-Artikolu 8 tal-KEDB kif ukoll tal-Artikolu 7 tal-Karta

58      Permezz tal-erba’ partijiet tat-tieni aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-informazzjoni kontenzjuża la hija kunfidenzjali u lanqas protetta kontra eventwali pubblikazzjoni taħt raġunijiet oħra min-natura kunfidenzjali.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

59      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat, fil-punti 84 sa 86 u 162 tas-sentenza appellata, li l-informazzjoni kontenzjuża kienet tilfet in-natura kunfidenzjali tagħha minħabba li hija kienet ilha iktar minn ħames snin. Skont l-appellanti, din l-informazzjoni hija u tibqa’ element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha, sa fejn, kif ukoll ġie rrilevat mill-Qorti Ġenerali, il-pubblikazzjoni tagħha tista’ tikkawżalha dannu serju.

60      Il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 84 tas-sentenza appellata u li fuqha hija bbażat ruħha sabiex issaħħaħ din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi applikata għal din il-kawża, peress li din il-ġurisprudenza ma tirrigwardax il-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ informazzjoni kkomunikata mill-applikanti għal klemenza, iżda fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni sigrieta jew kunfidenzjali lil partijiet oħra fil-kuntest tal-proċeduri pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni.

61      Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-interessi ekonomiċi jistgħu jostakolaw il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni għal perijodu li jmur anki lil hinn minn 30 sena.

62      Fl-aħħar nett, li tiġi aċċettata preżunzjoni ta’ telf tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni pprovduta mill-applikanti għal klemenza wara terminu ta’ ħames snin ikollha l-effett li teqred il-protezzjoni tad-dikjarazzjonijiet minn dawn l-applikanti, peress li, b’mod ġenerali, il-proċeduri tal-Kummissjoni dwar akkordju jdumu iktar minn ħames snin.

63      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument li bih l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli applikat għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kkomunikata għall-finijiet li tikseb il-klemenza regola li ma tistax tiġi applikata f’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni li tkun sigrieta jew kunfidenzjali, iżda li ilha ħames snin jew iktar, għandha, minħabba li għadda ż-żmien, titqies, fil-prinċipju, bħala storika u li tkun tilfet, għalhekk, in-natura sigrieta jew kunfidenzjali tagħha sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-parti li tinvoka din in-natura turi li, minkejja li hija antika, din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terzi kkonċernati. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li jwasslu għal preżunzjoni konfutabbli, huma validi kemm fil-kuntest ta’ talbiet għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti fil-kuntest ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni fik ukoll fil-kuntest ta’ talbiet għal kunfidenzjalità għall-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

65      F’dan il-każ, wara li spjegat din ir-regola fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 85 ta’ din is-sentenza li, għalkemm l-informazzjoni kontenzjuża ilha iktar minn ħames snin u li ħafna minnha saħansitra ilha iktar minn għaxar snin, l-appellanti, ma kienet ressqet ebda argument konkret sabiex turi li, minkejja li hija antika, l-imsemmija informazzjoni kienet għadha tikkostitwixxi elementi essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tiegħu jew ta’ dik ta’ terz. L-appellanti tillimita ruħha li tafferma li ħafna siltiet tal-verżjoni estiża tad-deċiżjoni PIP, filwaqt li jiddeskrivu l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur, kienu jinkludu informazzjoni relatata mar-relazzjonijiet ta’ negozju tagħha u l-politika tagħha ta’ prezzijiet.

66      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li, anki jekk jitqies li parti mill-informazzjoni kontenzjuża setgħet tikkostitwixxi sigriet kummerċjali f’ċertu epoka, hija għandha fi kwalunkwe każ titqies bħala storika. Barra minn hekk, l-appellanti ma wrietx kif kien xorta jkun iġġustifikat li tingħatalha, b’mod eċċezzjonali, il-protezzjoni offruta f’dan ir-rigward mill-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

67      Minn dan isegwi li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata ma fih ebda żball ta’ liġi.

68      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti tinvoka, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, kontradizzjoni bejn l-evalwazzjoni, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, tan-natura mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni kkonċernata minħabba n-natura storika tagħha u l-evalwazzjoni, fil-punt 105 tal-imsemmija sentenza, li skontha l-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni tista’ tikkawżalha dannu serju.

69      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat in-natura storika tal-informazzjoni kontenzjuża sabiex tiċħad it-talba tal-appellanti sabiex tinkiseb il-protezzjoni għal din l-informazzjoni bħala sigriet kummerċjali jew informazzjoni kummerċjali ta’ natura kunfidenzjali, filwaqt li l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 105 tal-imsemmija sentenza, li skontha l-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża hija tali li tikkawża lill-appellanti dannu serju, taqa’ fl-eżami tat-tieni mit-tliet kundizzjonijiet li għaliha hija suġġetta l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, f’dan il-każ, innotifikata lill-Kummissjoni skont il-programm ta’ klemenza.

70      Fit-tielet lok, l-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali allegatament aċċettat preżunzjoni ġenerali ta’ telf ta’ kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta mill-applikanti għal klemenza wara terminu ta’ ħames snin, preżunzjoni li għandha l-effett li tneħħi l-protezzjoni ta’ dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza, ġej, hemm ukoll, minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 136 sa 139 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali argument jinjora l-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata, sempliċement applikat din il-preżunzjoni sabiex tiċħad l-affermazzjoni tal-appellanti li l-pubblikazzjoni maħsuba kien fiha informazzjoni kummerċjali sensittiva, u li l-applikazzjoni tal-imsemmija preżunzjoni kienet, għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għall-eżami mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 88 sa 122 tas-sentenza appellata, tal-ilment speċifiku tal-appellanti bbażat fuq il-fatt li l-informazzjoni kontenzjuża kienet ġejja minn dikjarazzjoni ta’ klemenza. Dawn l-argumenti għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

71      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

72      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat, fil-punti 92 u 93 tas-sentenza appellata, il-portata tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-ġurisprudenza relatata magħha. Preżunzjoni ġenerali dwar li jiġi pperikolat l-għan tal-attivitajiet investigattivi tal-Kummissjoni u l-interessi kummerċjali tal-partijiet fi proċedura dwar akkordju, bħal dik li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW (C‑365/12 P, EU:C:2014:112), għandha tapplika wkoll għall-pubblikazzjoni ta’ siltiet minn dikjarazzjonijiet magħmula mill-applikanti għal klemenza fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

73      It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 93 u 117 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn il-pubblikazzjoni tad-dokumenti sottomessi mill-applikanti għall-klemenza, li tkun illegali fil-prinċipju, u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni meħuda minn dawn id-dokumenti, bħal siltiet minn dikjarazzjonijiet magħmula minn dawn l-applikanti, li tkun legali.

74      It-tielet nett, l-appellanti ssostni li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża tkun kuntrarja għall-assigurazzjonijiet li l-Kummissjoni tat, rispettivament, fil-punti 32 tad-Dikjarazzjoni ta’ Klemenza tal-2002 u 40 tad-Dikjarazzjoni ta’ Klemenza tal-2006.

75      Ir-raba’ nett, l-appellanti ssostni li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 119 tas-sentenza appellata, hija tiġġustifika, bħala kandidat għall-klemenza, interess proprju u speċifiku fil-protezzjoni tal-effikaċja tal-programm ta’ klemenza.

76      Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

77      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li skontu r-regoli tal-ġurisprudenza jillimitaw il-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista’, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, tiżvela lil terzi d-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li r-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex applikabbli fil-kuntest ta’ din il-kawża, li tikkonċerna l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk, minkejja l-inapplikabbiltà ta’ dan ir-regolament f’dan il-każ, madankollu għandha tiġi applikata għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE l-ġurisprudenza, mogħtija abbażi tal-imsemmi regolament, li biha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali tali li tiġġustifika r-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU: C:2014:112, punti 92 u 93).

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE hija prevista fl-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003. Din id-dispożizzjoni tissodisfa kunsiderazzjonijiet tal-effettività tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni sa fejn, b’mod partikolari, tali pubblikazzjoni tippermetti li tipprovdi lill-vittmi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE sostenn fl-azzjonijiet tagħhom għal kumpens kontra l-awturi ta’ dan il-ksur. Dawn l-interessi diversi għandhom madankollu jkunu bbilanċjati mal-protezzjoni ta’ drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti, b’mod partikolari, lill-impriżi kkonċernati, bħad-dritt għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali jew tas-sigriet kummerċjali, jew lill-individwi kkonċernati, bħad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

79      Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi bejn is-sistema ta’ aċċess ta’ terzi għall-fajl tal-Kummissjoni u dik dwar il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-ġurisprudenza li ġejja mill-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 invokata mill-appellanti ma tistax tiġi applikata għall-kuntest tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ksur.

80      Fit-tieni lok, l-appellanti sssotni li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża tinkludi dik ta’ informazzjoni meħuda minn dikjarazzjonijiet magħmula minn applikant għall-klemenza. Skontha, tali pubblikazzjoni tammonta għal pubblikazzjoni ta’ “kwotazzjonijiet litterali” u “siltiet” meħuda mill-imsemmija dikjarazzjonijiet, li ma jistax jiġi permess.

81      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punti 5 u 6 tas-sentenza appellata, li l-appellanti bagħat lill-Kummissjoni, taħt il-programm ta’ klemenza, ħafna informazzjoni sabiex tingħata l-benefiċċju ta’ immunità sħiħa mill-multa. Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni aċċettat li tħassar, mill-verżjoni mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP, li hija kellha l-intenzjoni li tippubblika, l-informazzjoni li tippermetti direttament jew indirettament li jiġi identifikat is-sors tal-informazzjoni kkomunikata taħt il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002, kif ukoll l-ismijiet tal-kollaboraturi tal-appellanti.

82      Quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti sostniet, kif jirriżulta mill-punt 88 tas-sentenza appellata, li l-informazzjoni kontenzjuża kellha tgawdi minn trattament kunfidenzjali għas-sempliċi fatt li hija kienet ġiet ikkomunikata b’mod volontarju minnha lill-Kummissjoni bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza.

83      B’risposta għal dan l-argument, il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, iddeċidiet, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-fatti li jikkostitwixxu l-ksur, li ma jinsabux fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP ippubblikata fl-2007, li kieku kellha sseħħ, ma jkollhiex bħala riżultat il-komunikazzjoni lil terzi ta’ talbiet għal klemenza mressqa mill-appellanti lill-Kummissjoni, ta’ minuti li jirreġistraw dikjarazzjonijiet bil-fomm tal-appellanti magħmula taħt il-programm ta’ klemenza, jew ta’ dokumenti li din tal-aħħar issottomettiet b’mod volontarju lill-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni.

84      Fl-aħħar nett, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tneħħi, fil-verżjoni estiża tad-Deċiżjoni PIP, l-informazzjoni kollha tali li tippermetti li jiġi identifikat direttament jew indirettament is-sors tal-informazzjoni li ġiet ikkomunikata mill-appellanti bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza.

85      Minn dawn is-siltiet differenti tas-sentenza appellata jirriżulta li l-argumenti żviluppati mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kontenzjuża kienu jirrigwardaw, b’mod ġenerali, din l-informazzjoni kollha peress li din l-informazzjoni kienet ġiet volontarjament ikkomunikata lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza. Minn dawn l-istess siltiet jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, fl-ebda mument, ma ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha dritt, permezz tal-pubblikazzjoni tal-verżjoni estiża tad-Deċiżjoni PIP, tippubblika kwotazzjonijiet litterali mid-dikjarazzjonijiet magħmula mill-appellanti sabiex tikseb il-klemenza.

86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest ta’ din it-tieni parti tat-tieni aggravju, li skonthom il-Qorti Ġenerali allagatament aċċettat li l-Kummissjoni tippubblika verżjoni estiża tad-Deċiżjoni PIP li fiha kwotazzjonijiet litterali tad-dikjarazzjoni tagħha magħmula għall-finijiet li tikseb il-klemenza mill-Kummissjoni, huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata u għandhom jiġi miċħuda.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, il-pubblikazzjoni, fil-forma ta’ kwotazzjonijiet litterali, ta’ elementi ta’ informazzjoni meħuda mid-dokumenti pprovduti minn impriża lill-Kummissjoni insostenn ta’ dikjarazzjoni magħmula sabiex tikseb il-klemenza hija differenti mill-pubblikazzjoni ta’ kwotazzjonijiet litterali ta’ din id-dikjarazzjoni stess. Filwaqt li l-ewwel waħda għandha tiġi awtorizzata fl-osservanza tal-protezzjoni dovuta, b’mod partikolari, għas-sigrieti kummerċjali, għas-sigriet professjonali jew għall-informazzjoni kunfidenzjali, it-tieni waħda fl-ebda każ ma hija permessa.

88      Fit-tielet lok, l-appellanti ssostni li l-Kummissjoni ma għandhiex dritt li tippubblika l-informazzjoni kontenzjuża, li ġejjin mid-dikjarazzjonijiet li hija għamlet sabiex tikseb il-klemenza, peress li tali pubblikazzjoni tmur kontra l-ġaranziji mogħtija mid-data fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-klemenza tal-2002 u tal-2006, u dan jipperikola l-effikaċja tal-programm ta’ klemenza.

89      F’dan ir-rigward, mill-punti 3 sa 7 tal-Komunikazzjoni ta’ Klemenza tal-2002 fis-seħħ meta l-appellanti ressqet it-talba tagħha għal klemenza jirriżulta li din il-komunikazzjoni għandha l-għan biss li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom impriża tista’ tikseb immunità minn multa, jew tnaqqis tal-ammont tagħha.

90      B’hekk, il-punt 4 ta’ din il-komunikazzjoni jindika li huwa fl-interess tal-Unjoni li l-impriżi li jikkooperaw magħha jibbenefikaw minn trattament favorevoli. Barra minn hekk, il-punt 6 tal-imsemmija komunikazzjoni tispeċifika li kontribuzzjoni determinanti għall-ftuħ ta’ investigazzjoni tista’ tiġġustifika l-għoti ta’ immunità minn multi lill-impriża li talbet l-immunità.

91      Barra minn hekk, ir-regoli stabbiliti fil-punti 8 sa 27 tal-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002 jikkonċernaw esklużivament l-impożizzjoni ta’ multi u l-iffissar tal-ammont tagħhom.

92      Tali interpretazzjoni hija espressament ikkonfermata mit-titlu ta’ din il-komunikazzjoni, kif ukoll mill-punt 31 tagħha, li skontu l-fatt li impriża tibbenefika minn immunità minn multa jew minn tnaqqis fl-ammont tagħha ma jistax jipproteġiha mill-konsegwenzi fid-dritt ċivili għall-parteċipazzjoni tagħha fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

93      Fir-rigward tat-trattament, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni pprovduta minn impriża li pparteċipat fil-programm ta’ klemenza, huwa veru li, fil-punt 29 tal-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni tammetti li kienet taf li din l-istess komunikazzjoni ser toħloq aspettattivi leġittimi li fuqhom jibbażaw l-impriżi li jixtiequ jinfurmawha bl-eżistenza ta’ akkordju.

94      F’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002 tipprevedi, fil-punt 22 tagħha, li b’mod ġenerali, l-iżvelar, f’kull ħin, ta’ dokumenti rċevuti fil-kuntest ta’ din il-komunikazzjoni jippreġudikaw il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ ispezzjoni u ta’ investigazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, fil-punt 33 tagħha, li kull dikjarazzjoni miktuba magħmula fir-rigward ta’ dan l-avviż tifforma parti mill-fajl tagħha u ma tistax tkun żvelata jew użata għall-ebda skop ieħor ħlief l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 KE.

95      Dan sabiex jiġu protetti d-dikjarazzjonijiet li saru sabiex tinkiseb il-klemenza li l-Kummissjoni, meta adottat il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002, stabbilixxiet regoli dwar id-dikjarazzjonijiet bil-miktub rċevuti minnha, skont din il-komunikazzjoni, u li l-iżvelar tagħha hija, b’mod ġenerali, meqjus mill-Kummissjoni bħala li tippreġudika l-protezzjoni tal-iskopijiet ta’ ispezzjoni u ta’ investigazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif intqal fil-punti 32 u 33 tal-imsemmija komunikazzjoni.

96      Madankollu, l-imsemmija regoli la għandhom bħala għan u lanqas bħala effett li jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tippubblika l-informazzjoni dwar l-elementi li jikkostitwixxu l-ksur għall-Artikolu 101TFUE li jkunu ġew sottomessi fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza u li ma jgawdux minn protezzjoni kontra pubblikazzjoni lil terz.

97      Għaldaqstant, l-unika protezzjoni li tista’ tippretendi impriża li tikkoopera mal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE hija dik dwar, minn naħa, l-immunità jew it-tnaqqis tal-multa bħala korrispettiv għall-provvista lill-Kummissjoni ta’ provi tal-ksur preżunt li jipprovdu valur miżjud sinjifikattiv lill-elementi diġà fil-pussess tagħha u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ żvelar, mill-Kummissjoni, ta’ dokumenti u ta’ dikjarazzjonijiet bil-miktub irċevuti minnha konformement mal-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002.

98      B’hekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-appellanti, pubblikazzjoni bħal dik prevista, magħmula skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003 fl-osservanza tas-sigriet professjonali, ma tippreġudikax il-protezzjoni li jista’ jkollha l-appellanti skont il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002, peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, din il-protezzjoni tista’ tikkonċerna biss id-determinazzjoni tal-multa u t-trattament ta’ dokumenti u ta’ dikjarazzjonijiet speċifikament koperti minn din il-komunikazzjoni.

99      Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 93 u 117 tas-sentenza appellata, ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi fl-analiżi tagħha tat-trattament li għandha tingħata l-informazzjoni pprovduta mill-appellanti lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza. L-argumenti mressqa mill-appellanti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

100    Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, l-argumenti tal-appellanti li skonthom din tal-aħħar tiġġustifika interess proprju u speċifiku sabiex tipproteġi l-effikaċja tal-programm ta’ klemenza lanqas ma jistgħu jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

101    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, kif il-Qorti Ġenerali, ġustament, iddeċidiet fil-punt 119 tas-sentenza appellata, il-protezzjoni tal-effikaċja tal-programm ta’ klemenza ma tikkostitwixxix interess proprju u speċifiku tal-appellanti.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

103    Permezz tat-tielet parti ta’ dan it-tieni aggravju, l-appellanti ssostni, sussidjarjament, li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddikjarat fil-punti 107 sa 111 tas-sentenza appellata, l-informazzjoni kontenzjuża kellha tiġi protetta kontra l-pubblikazzjoni maħsuba, sa fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni (T‑198/03, EU:T:2006: 136), huma ssodisfatti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-interessi tagħha kien jixirqilhom protezzjoni.

104    Skont l-appellanti, l-interess tagħha ma huwiex dak li tevita kundanna għall-ħlas ta’ danni jew l-iżvelar tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iżvolġiment tal-ksur inkwistjoni, iżda pjuttost sabiex tiddiswadi lill-Kummissjoni milli tnaqqas sakemm teqred il-protezzjoni, prevista mill-Komunikazzjonijiet dwar il-klemenza tal-2002 u tal-2006, irriżervata għad-dikjarazzjonijiet stabbiliti għall-finijiet biss tal-programm ta’ klemenza, bl-assigurazzjoni li l-kunfidenzjalità tagħhom ser tinżamm.

105    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 149 tas-sentenza appellata, il-pubblikazzjoni maħsuba tiżvantaġġa b’mod manifest l-appellanti mqabbla ma’ parteċipanti oħra għall-akkordju li ma kkooperawx mal-Kummissjoni taħt il-programm ta’ klemenza. Sa fejn is-silitet rilevanti tad-Deċiżjoni PIP ma jikkostitwixxux konstatazzjonijiet stess tal-Kummissjoni, iżda biss ir-riproduzzjoni litterali tad-dikjarazzjonijiet tal-applikanti għal klemenza, l-iżvelar ta’ dawn is-siltiet tkun taffettwa kunsiderevolment iktar l-applikanti għal klemenza mill-parteċipanti għall-akkordju li ma kkooperawx mal-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, allegatament kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

106    Il-Kummissjoni titlob li t-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

107    Għandu jiġi kkonstatat li, qabel kollox, l-appellanti ma tikkontestax il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li skonthom it-tliet kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv sabiex informazzjoni, bħal dik inkwistjoni, taqa’ fil-protezzjoni tas-sigriet professjonali u għalhekk tibbenefika minn protezzjoni għal din ir-raġuni.

108    Għall-kuntrarju, l-apellanti tikkontesta, fil-kuntest ta’ din il-parti, l-applikazzjoni għal dan il-każ li saret mill-Qorti Ġenerali tal-aħħar waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, u, għaldaqstant, il-konstatazzjoni, li saret fil-punt 110 tas-sentenza appellata, li l-interessi tagħha ma jixirqilhomx protezzjoni.

109    F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punti 82 u 85 ta’ din is-sentenza, l-argumenti żviluppati mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex issostni l-interess tagħha sabiex ma tkunx żvelata l-informazzjoni kontenzjuża li kien jixirqilha protezzjoni kienu jirrigwardaw l-informazzjoni kollha peress li din l-informazzjoni kienet ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ talba għal klemenza. Dawn l-argumenti bl-ebda mod ma kienu mmirati għal kwotazzjonijiet litterali eventwali meħuda direttament mid-dikjarazzjoni tagħha magħmula għall-finijiet li tinkiseb tali klemenza.

110    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 107 sa 111 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari, fil-punt 110 tagħha, dwar l-assenza, mill-appellanti, ta’ interess li jixraqlu protezzjoni fir-rigward tal-informazzjoni li hija kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni, għandha neċessarjament tinftiehem bħala li ma tikkonċernax tali kwotazzjonijiet u bħala li tirreferi biss għall-informazzjoni, meħuda minn dokumenti prodotti mill-appellanti insostenn tat-talba tagħha għal klemenza, li tipprovdi dettalji dwar l-elementi kostituttivi tal-ksur u l-parteċipazzjoni tal-appellanti f’dan il-ksur.

111    Din l-interpretazzjoni tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija kkorroborata mill-punt 107 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali enfasizzat li impriża ssanzjonata minn multa li “id-dettalji tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li bih qed tiġi akkużata” ma jkunux ser ikunu kkomunikati lill-pubbliku ma jiixirqilha ebda protezzjoni partikolari, kif ukoll mill-punt 108 ta’ din is-sentenza, li fih il-Qorti Ġenerali indikat li l-appellanti ma tistax validament topponi l-pubblikazzjoni, mill-Kummissjoni, “ta’ informazzjoni li tiżvela b’mod dettaljat il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni PIP”.

112    Minn dan isegwi li l-argument tal-appellanti, imsemmi fil-punt 108 ta’ din is-sentenza, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punti 107 sa 111 tas-sentenza appellata. Dan l-argument għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

113    Dwar l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-eżami tagħhom jista’ jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġġudika minn qabel fuq dan l-eżami, li għadu jitwettaq mill-uffiċjal tas-seduta, tal-argumenti simili li ġew żviluppati mill-appellanti matul il-proċedura amministrattiva u li fuqhom l-uffiċjal tas-seduta, b’mod żbaljat kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, astjena milli jiddeċiedi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali tippronunzja ruħha fuq dawn l-argumenti fil-kuntest ta’ dan l-appell.

114    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti tat-tieni aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

115    Permezz tar-raba parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li s-siltiet meħuda mid-dikjarazzjonijiet tal-applikanti għal klemenza huma protetti mill-Artikolu 8 KEDB u mill-Artikolu 7 tal-Karta, u minn dan tiddeduċi li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ċaħdet, fil-punti 121 sa 126 tas-sentenza appellata, l-argumenti tagħha bbażati fuq ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li d-dikjarazzjonijiet li minnhom hija meħuda l-informazzjoni kontenzjuża li l-Kummissjoni taħseb li tiżvela saru taħt il-programm ta’ klemenza u ma kinux jeżistu mingħajr il-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-programm. L-iżvelar ta’ tali dikjarazzjonijiet, bi ksur tal-Komunikazzjonijiet dwar il-klemenza tal-2002 u l-2006 kif ukoll tal-prattika stabbilita tal-Kummissjoni, ma setax, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 125 et seq tas-sentenza appellata, jitqies bħala konsegwenza prevedibbli tal-parteċipazzjoni fl-akkordju.

116    Il-Kummissjoni tikkonkludi li r-raba’ parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

117    Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 125 u 126 tas-sentenza appellata, li d-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata ggarantita mill-Artikolu 8 tal-KEDB ma jistax jostakola l-iżvelar ta’ informazzjoni li, bħal dik li l-pubblikazzjoni tagħha hija maħsuba f’dan il-każ, tikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji, ikkonstatat f’deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u intiża li tiġi ppubblikata konformement mal-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, peress li ħadd ma jista’, skont ġurisprudenza stabbilita ferm tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jinvoka l-Artikolu 8 tal-KEDB sabiex jilmenta minn preġudizzju għar-reputazzjoni tiegħu li tirriżulta b’mod prevedibbli mill-azzjonijiet tiegħu stess.

118    Issa, għalkemm l-apellanti ssostni, fil-kuntest ta’ dan l-appell, li l-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża ma jistax jitqies bħala konsegwenza prevedibbli tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju inkwistjoni, hija ma tressaq l-ebda prova sabiex issostni tali affermazzjoni. Kif il-Kummissjoni sostniet, jekk l-informazzjoni kontenzjuża għandha rilevanza diretta rigward l-elementi li jikkostitwixxu l-ksur u l-parteċipazzjoni tal-appellanti f’dan il-ksur, l-appellanti għandha tistenna, f’każ bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, li din l-informazzjoni tista’ tkun suġġetta għal deċiżjoni pubblika, sakemm tali informazzjoni ma tkunx protetta fi kwalunkwe mod ieħor.

119    Barra minn hekk, l-appellanti ma tindikax, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 172 tal-konklużjonijiet tiegħu, kif l-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża ser ikollu konsegwenzi fuq id-dritt tagħha għar-rispett tal-ħajja privata.

120    Peress li r-raba’ parti tat-tieni aggravju hija infondata, hemm lok li tiġi miċħuda.

121    Minn dan jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

122    L-eżami ta’ dan it-tielet aggravju għandu jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġġudika minn qabel, li għandu jitwettaq mill-uffiċjal tas-seduta, dwar l-argumenti, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, li l-appellanti żviluppat matul il-proċedura amministrattiva u li fuqhom l-uffiċjal tas-seduta, b’mod żbaljat, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, astjena milli jiddeċiedi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali tippronunzja ruħha fuq dawn l-argumenti fil-kuntest ta’ dan l-appell.

123    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kolha jirriżulta li, peress li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju kienet infondata, hemm lok li tiġi annullata s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-uffiċjal tas-seduta ġustament qal li ma kienx kompetenti sabiex iwieġeb għall-oġġezzjonijiet għall-pubblikazzjoni mqajma mill-appellanti abbażi tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

124    Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

125    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ għalhekk tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

126    F’dan il-każ, il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża.

127    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet spejgati fil-punti 39 sa 57 ta’ din is-sentenza, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża peress li, f’din tal-aħħar, l-uffiċjal tas-seduta ddikjara li ma kienx kompetenti sabiex iwieġeb għall-oġġezzjonijiet tal-appellanti għall-pubblikazzjoni prevista mill-Kummissjoni tal-verżjoni estiża tad-Deċiżjoni PIP, li kienet ibbażata fuq l-osservanza tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Fuq l-ispejjeż

128    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

129    Skont l-Artikolu 138(3) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament wieħed jew iktar mill-kapijiet, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

130    Peress li dan huwa l-każ f’din il-kawża, Evonika Degussa u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Jannar 2015, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (T‑341/12, EU:T:2015:51) hija annullata sa fejn, permezz tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-uffiċjal tas-seduta ġustament qal li ma kienx kompetenti sabiex iwieġeb għall-oġġezzjonijiet, imqajma minn Evonika Degussa GmbnH abbażi tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament, għall-pubblikazzjoni maħsuba ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali ddettaljata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, EKA Chemicals AB, Degussa AG, Edison SpA, FMC Corporation, FMC Foret SA, Kemira Oyj, L’Air Liquide SA, Chemoxal SA, Snia SpA, Caffaro Srl, Solvay SA/NV, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat).

2)      Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

3)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 3534 finali, tal-24 ta’ Mejju 2012, li ċaħdet talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn Evonika Degussa GmbH, hija annullata sa fejn, permezz tagħha, l-uffiċjal tas-seduta ddikjara li ma kienx kompetenti sabiex iwieġeb għall-oġġezzjonijiet imsemmija fil-punt 1 ta’ din is-sentenza.

4)      Evonika Degussa GmbH u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.