Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Marzu 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Nejvyšší správní soud – ir-Repubblika Ċeka) – Policie ČR, Krajské ředitelství policie Ústeckého kraje, odbor cizinecké policie vs Salah Al Chodor, Ajlin Al Chodor, Ajvar Al Chodor

(Kawża C-528/15)1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kriterji u mekkaniżmi sabiex ikun iddeterminat liema huwa l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin III) – Artikolu 28(2) – Detenzjoni għall-finijiet ta’ trasferiment – Artikolu 2(n) – Riskju sinjifikattiv ta’ ħarba – Kriterji oġġettivi – Assenza ta’ definizzjoni legali)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší správní soud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Policie ČR, Krajské ředitelství policie Ústeckého kraje, odbor cizinecké policie

Konvenuti: Salah Al Chodor, Ajlin Al Chodor, Ajvar Al Chodor

Dispożittiv

L-Artikolu 2(n), u l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqrija flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jimponu fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu, f’dispożizzjoni vinkolanti ta’ portata ġenerali, il-kriterji oġġettivi li fuqhom għandhom ikunu bbażati r-raġunijiet biex wieħed jaħseb li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali li huwa s-suġġett ta’ proċedura ta’ trasferiment jista’ jaħrab. L-assenza ta’ tali dispożizzjoni twassal għall-inapplikabbiltà tal-Artikolu 28(2) ta’ dan ir-regolament.

____________

1 ĠU C 16, 18.1.2016.