Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social nº 2 de Terrassa (Spanja) fl-14 ta’ Lulju 2017 – Elena Barba Giménez vs Francisca Carrión Lozano

(Kawża C-426/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Social nº 2 de Terrassa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Elena Barba Giménez

Konvenuta: Francisca Carrión Lozano

Domandi preliminari

Id-Direttiva 93/13/KEE, moqrija flimkien mad-Direttiva 2005/29/KE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li fiha, bħall-Artikolu 35 tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (Liġi 1/2002 tal-proċedura ċivili), il-korpi responsabbli mill-istruzzjoni tal-proċeduri li bihom jiġu deċiżi l-ilmenti dwar l-onorarji (reġistru bil-ġurament tal-kontijiet) ma jistgħux jivverifikaw ex officio, qabel ma jinforzaw it-titolu eżekuttiv, jekk fil-kuntratt li jkun sar bejn avukat u klijent hemmx klawżoli inġusti jew jekk kienx hemm prattiki kummerċjali inġusti?

L-avukati assenjati għall-għajnuna legali huma “bejjiegħa” jew “fornituri” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13/KEE 1 u tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29/KE 2 ? Huwa applikabbli l-Artikoli 6(1)(d) u 7(2) tad-Direttiva 2005/29/KE, għall-każijiet fejn it-tariffi ta’ fornitur huma regolati minn dispożizzjoni ġuridika?

F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, id-Direttiva 2005/29/KE għandha tiġi interpretata b’tali mod li topponi għal leġiżlazzjoni bħal dik li tinsab fl-Artikolu 36 tal-Ley 1/1996 de Justicia Gratuita (Liġi 1/1996 tal-ġustizzja b’mod gratuwitu), li tistabbilixxi l-obbligu ta’ applikazzjoni tar-reġim tat-tariffi stabbilit b’mod legali, minkejja li l-imprenditur għandu aġir ta’ ommissjonijiet jew qarrieqi fir-rigward tal-iffissar tal-prezz tas-servizzi tiegħu?

L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat b’tali mod li jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik stabbilita fl-Artikolu 36 tal-Ley 1/1996 (Liġi 1/1996), li tissuġġetta l-kumpens tal-avukati li jipprovdu servizzi fl-għajnuna legali gratuwita, jekk tintlaqa’ t-talba, għal skala ta’ onorarji approvata minn qabel għal dawn tal-aħħar, mingħajr ma huwa possibbli li l-awtoritajiet tal-Istat Membru jistgħu jitbiegħdu minnha?

Din il-leġiżlazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità li jirreferi għalihom l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123/KE?

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat b’tali mod li jopponi leġiżlazzjoni, bħall-Artikolu 36 tal-Liġi 1/1996, li jistabbilixxi l-obbligu tal-[benefiċjarju] tad-dritt għal għajnuna legali gratuwita, jekk tintlaqa’ t-talba magħmula mingħajr ma jkunu imposti spejjeż, li l-avukat jitħallas it-tariffi tiegħu skont skala approvata minn assoċjazzjoni professjonali li jaqbżu b’iktar minn 50 % tal-ammont annwali ta’ benefiċċju tas-sigurtà soċjali?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2 Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22).