Language of document : ECLI:EU:C:2012:714

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PEDRO CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 2012 (1)

Kawża C‑103/11 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Systran SA u Systran Luxembourg SA

“Appell – Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni – Sejħa għal offerti dwar il-manutenzjoni u t-tisħiħ lingwistiku ta’ softwer – Softwer ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni – Komunikazzjoni tal-kodiċi sors mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtur – Ksur tad-drittijiet tal-awtur – Żvelar mhux awtorizzat ta’ know-how – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Responsabbiltà kuntrattwali – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Natura tal-kawża – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju – Dannu reali u ċert – Rabta kawżali – Ksur tar-rabta kawżali – Evalwazzjoni fissa tal-ammont tad-dannu”






1.        Din il-kawża tqajjem fl-ewwel lok kwistjoni ta’ delimitazzjoni tal-kawżi kuntrattwali u mhux kuntrattwali u b’hekk, f’dan il-każ, tal-ġurisdizzjoni sostantiva tal-qorti tal-Unjoni, biex b’hekk tissoleva kwistjoni li għadha qatt ma ġiet indirizzata dwar it-tqassim vertikali tal-ġurisdizzjoni bejn il-qorti tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali. Il-kwistjoni prinċipali tinsab, fil-fehma tiegħi, fid-definizzjoni tal-proċeduri skont liema l-qorti tal-Unjoni għandha, b’ħarsien tal-prinċipju tal-kompetenzi ta’ attribuzzjoni, tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha biex tieħu konjizzjoni ta’ kawża dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali, li fil-kuntest tagħha tiġi ssollevata eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni abbażi tan-natura kuntrattwali tal-kawża.

2.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha appell imressaq mill-Kummissjoni Ewropea kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Diċembru 2010, Systran u Systran Luxembourg vs Il-Kummissjoni (T-19/07, Ġabra p. II‑6083, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija kkundannat lill-Unjoni Ewropea biex tħallas lil Systran SA (2) kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 12 001 000 bħala kumpens għad-danni li rriżultaw mill-ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet tal-awtur u tan-know-how li hija kellha fil-verżjoni Unix tas-softwer Systran.

3.        B’mod partikolari l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, billi assumiet id-dritt li tniedi, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-kumpanniji tal-grupp Systran, proċedura ta’ sejħa għal offerti għat-twettiq ta’ xogħol ta’ manutenzjoni u tisħiħ lingwistiku tas-sistema tagħha ta’ traduzzjoni awtomatika, f’dan il-każ il-verżjoni EC-Systran Unix tas-softwer Systran, il-Kummissjoni kkommettiet illegalità fir-rigward tal-prinċipji ġenerali komuni tal-liġijiet tal-Istati Membri (punt 261 tas-sentenza appellata), peress li dik is-sejħa għal offerti kienet timplika l-iżvelar lil terzi u l-modifika ta’ elementi tal-verżjoni Systran Unix ta’ dak is-softwer, bi ksur tad-drittijiet tal-awtur u tan-know-how ta’ dawk il-kumpanniji.

4.        Fl-ewwel lok għandu jiġi ppreċiżat li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi, kif jien nipproponilha li tagħmel, li l-kawża bejn il-Kummissjoni u Systran SA u Systran Luxembourg SA (iktar ’il quddiem “Systran Luxembourg”) għandha bħala prijorità tiġi eżaminata u eventwalment deċiża mill-qrati nazzjonali kompetenti u li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex, għaldaqstant, ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi l-kawża, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-motivi kollha ssollevati mill-Kummissjoni. Madankollu, u f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx miegħi dwar dan l-ewwel punt fundamentali, ser neżamina l-motivi l-oħrajn b’mod sabiex nitfa’ dawl fuq l-aspetti kollha ta’ din il-kawża.

5.        F’din il-perspettiva, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tqiegħed b’mod partikolari inkwistjoni, fil-kuntest tal-aggravji l-oħra tagħha, il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali tat-tliet kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, li ilhom meħtieġa minn ġurisprudenza stabbilita, jiġifieri kemm il-konstatazzjoni tal-illegalità tal-aġir tagħha, kemm l-eżistenza ta’ danni materjali u morali li jirriżultaw kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn din l-illegalità u l-imsemmija danni. Għalkemm dawn it-tliet kundizzjonijiet invarjanti għandhom dejjem kumulitivament jiġu ssodisfatti sabiex dritt għal kumpens jiġi rrikonoxxut, jidhirli madankollu li dawn għandhom jiġu evalwati suċċessivi, sa fejn il-Kummissjoni tqajjem aggravji, sabiex jiġi vverifikat li l-Qorti Ġenerali tkun effettivament żgurat li dawn kienu ġew b’mod ċar u bla dubju sodisfatti.

6.        Jidhirli li huwa wkoll opportun li jiġi ppreċiżat minn issa li, fir-rigward tal-aggravji tal-appell, ma huwiex neċessarju li jiġu indirizzati kwistjonijiet oħrajn li huma ssollevati indirettament minn din il-kawża, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni rispettiva tal-qorti tal-Unjoni u tal-qrati nazzjonali biex jiġu eżaminati l-azzjonijiet ta’ ksur mressqa kontra l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-entitajiet tal-Unjoni (3) jew il-prattika ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-informatika tal-istituzzjonijiet, korpi u entitajiet tal-Unjoni (4).

I –    Il-fatti li wasslu għall-kawża

7.        Fl-1968, Dr. Toma, il-president tal-kumpannija Amerikana World Translation Center Inc. (iktar ’il quddiem id-“WTC”) stabbilita f’La Jolla f’Kalifornja (l-Istati Uniti tal-Amerika), ħoloq fl-1968 softwer ta’ traduzzjoni awtomatika bl-isem “Systran” (SYStem TRANslation).

8.        Fit-22 ta’ Diċembru 1975, il-Kummissjoni kkonkludiet ma’ WTC l-ewwel kuntratt dwar l-installazzjoni u l-iżvilupp tas-softwer Systran għall-par ta’ lingwi Ingliż-Franċiż u l-iżvilupp inizjali tal-istess softwer għall-par ta’ lingwi Franċiż-Ingliż.

9.        Ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u WTC komplew għaddejjin, bejn l-1976 u 1987, biex wasslu għall-kisba ta’ sistema ta’ traduzzjoni awtomatika li taħdem fl-ambjent Mainframe, bl-isem “EC-Systran Mainframe”, li kienet tikkonsisti f’nukleju, f’rutini lingwistiċi u f’dizzjunarji għal disa’ pari ta’ lingwi tal-Unjoni.

10.      Fl-1985, il-kumpannija Franċiża Gachot akkwistat kumpanniji tal-grupp WTC, proprjetarji tat-teknoloġija Systran u tal-verżjoni Mainframe tas-softwer Systran. Il-kumpannija Gachot sussegwentement biddlet isimha biex saret il-kumpannija Systran SA.

11.      Fl-4 ta’ Awwissu 1987, Systran u l-Kummissjoni ffirmaw “kuntratt ta’ kollaborazzjoni” dwar l-organizzazzjoni konġunta tal-iżvilupp u tat-titjib tas-sistema ta’ traduzzjoni Systran għal-lingwi uffiċjali, attwali u futuri, tal-Komunità Ewropea, kif ukoll dwar l-implementazzjoni tagħha.

12.      Fil-11 ta’ Diċembru 1991, il-Kummissjoni temmet il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni ffirmat ma’ Systran.

13.      Fit-22 ta’ Diċembru 1997, Systran u l-Kummissjoni kkonkludew l-ewwel wieħed minn erba’ kuntratti suċċessivi ta’ migrazzjoni, bil-għan li s-softwer EC-Systran Mainframe jkun jista’ jaħdem fl-ambjenti Unix u Windows.

14.      Fl-4 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni nediet sejħa għal offerti għall-manutenzjoni u t-tisħiħ lingwistiku tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tagħha.

15.      B’posta elettronika tal-31 ta’ Ottubru 2003, Systran essenzjalment indikat lill-Kummissjoni li x-xogħol previst fis-sejħa għall-offerti seta’ jwassal għal ksur tad-drittijiet tagħha ta’ proprjetà intellettwali u talbitha biex tieħu pożizzjoni f’dan ir-rigward. Systran ippreċiżat li hija ma setgħetx, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tirrispondi għas-sejħa għal offerti.

16.      B’posta elettronika tas-17 ta’ Novembru 2003, il-Kummissjoni wieġbet li ma kienx jidhrilha li x-xogħol previst kien ta’ tali natura li jikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ Systran.

17.      Wara din is-sejħa għal offerti, mit-tmien lottijiet li kien hemm ingħataw biss tnejn, lill-kumpannija Gosselies SA (5).

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

18.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li Systran u Systran Luxembourg (6), b’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Jannar 2007, ressqu rikors li permezz tiegħu talbu li l-imsemmija Qorti, fl-ewwel lok, tordna l-waqfien immedjat tal-atti ta’ kontravvenzjoni u ta’ żvelar imwettqa mill-Kummissjoni, fit-tieni lok, tordna l-konfiska tal-mezzi kollha fil-pussess tal-Kummissjoni u tal-kumpannija Gosselies li fuqhom huma riprodotti l-iżviluppi informatiċi mwettqa minn din tal-aħħar fuq il-bażi tal-verżjonijiet EC-Systran Unix u Systran Unix bi ksur tad-drittijiet tagħhom, kif ukoll ir-ritorn tagħhom lil Systran jew, minn tal-inqas, il-qerda tagħhom taħt superviżjoni, fit-tielet lok tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tas-somma minima ta’ EUR 1 170 328 lil Systran Luxembourg u EUR 48 804 000, li għandha tiġi approssimata, lil Systran, fir-raba’ lok, tordna l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni eventwalment mogħtija mill-Qorti Ġenerali, bi spejjeż tal-Kummissjoni, f’ġurnali speċjalizzati, f’rivisti speċjalizzati u fuq siti tal-internet speċjalizzati magħżula mir-rikorrenti u, fl-aħħar nett u fil-ħames lok, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19.      Il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ċaħdet id-diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibiltà tal-azzjoni għad-danni ssollevati mill-Kummissjoni (punti 52 sa 125 tas-sentenza appellata). Hija ddeċidiet, fl-ewwel lok, wara li eżaminat it-talba tar-rikorrenti u d-diversi provi pprovduti mill-partijiet, li l-kawża ma setgħetx titqies li hija ta’ natura kuntrattwali u li, għaldaqstant, hija ma setgħetx titqies li ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-kawża (punti 57 sa 104 tas-sentenza appellata). Fit-tieni lok, hija rrespinġiet bħala infondata l-eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ ċarezza tar-rikors (punti 107 sa 111 tas-sentenza appellata). Fit-tielet u fl-aħħar lok, hija ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha li tikkonstata ksur fil-kuntest ta’ rikors abbażi ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, wara li kkonstatat li l-uniku skop tal-kontravvenzjoni invokata kien biex l-aġir tal-Kummissjoni jiġi kkwalifikat bħala illegali fil-kuntest ta’ azzjoni dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali, li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, u li ebda mezz ta’ rikors nazzjonali ma kien jipprovdi rimedju għad-dannu allegat (punti 113 sa 117 tas-sentenza appellata).

20.      Il-Qorti Ġenerali sussegwentement ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tat-talbiet intiżi li jiġi ordnat il-waqfien immedjat mill-Kummissjoni tal-atti ta’ ksur u ta’ żvelar, il-konfiska jew l-eliminazzjoni ta’ ċerta data tal-Kummissjoni u ta’ Gosselies, u l-pubblikazzjoni bi spejjeż tal-Kummissjoni tad-deċiżjoni li kellha tittieħed f’ġurnali u f’rivisti speċjalizzati kif ukoll fuq siti tal-internet speċjalizzati (punti 118 sa 125 tas-sentenza appellata).

21.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-merti, il-Qorti Ġenerali suċċessivament eżaminat id-drittijiet invokati mir-rikorrenti u l-illegalità tal-aġir li bih ġiet akkużata l-Kummissjoni (punti 127 sa 261 tas-sentenza appellata), id-danni li ġarrbu r-rikorrenti u r-rabta kawżali bejn id-danni allegati u l-illegalità invokata (punti 262 sa 326 ta’ din is-sentenza), kif ukoll id-diversi miżuri minbarra d-danni mitluba mir-rikorrenti fit-talbiet tagħhom (punti 327 sa 332 tal-imsemmija sentenza).

22.      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għall-kumpens ippreżentata minn Systran Luxembourg, minħabba n-nuqqas ta’ rabta kawżali bejn l-aġir li bih ġiet akkużata l-Kummissjoni u d-danni allegati mill-imsemmija kumpannija (punti 264 sa 267 tas-sentenza appellata). Hija ċaħdet ukoll, għall-istess raġunijiet, it-talba għad-danni abbażi tal-iżvalutar tal-ishma ta’ Systran Luxembourg ippreżentata minn Systran (punti 283 u 284 tas-sentenza appellata). Min-naħa l-oħra, hija rrikonoxxiet li l-aġir tal-Kummissjoni kien ikkawża lil Systran dannu materjali konsistenti f’telf ta’ valur tal-assi intanġibbli tagħha, ivvalutat bħala ammont fiss ta’ EUR 12-il miljun, u dannu morali, ivvalutat għal EUR 1 000 (punti 285 sa 326 tas-sentenza appellata).

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

23.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell.

24.      It-trattazzjonijiet tal-partijiet instemgħu fis-seduta tat-19 ta’ April 2012.

25.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

–        tannulla s-sentenza appellata, fejn hija laqgħet parzjalment ir-rikors għad-danni ippreżentat kontra l-Kummissjoni u għaldaqstant, billi tiddeċiedi b’mod definittiv, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u infondat, u

–        tikkundanna lil Systran u Systran Luxembourg għall-ispejjeż kollha sostnuti minnhom kif ukoll mill-Kummissjoni.

26.      Systran u Systran Luxembourg jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tiċħad l-appell tal-Kummissjoni;

–        tikkonferma s-sentenza appellata, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

IV – L-aggravji tal-appell

27.      Il-Kummissjoni tissolleva tmien aggravji. L-ewwel aggravju huwa dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, inkwantu din tal-aħħar ikkonkludiet b’mod żbaljat u kontradittorju li l-kawża ma kinitx ta’ natura kuntrattwali. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiza u ksur tar-regoli dwar il-produzzjoni tal-provi. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod impreċiż ir-regoli tad-drittijiet tal-awtur dwar id-detentur tad-drittijiet invokati minn Systran. Permezz tar-raba’ u l-ħames aggravji tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball manifest fl-evalwazzjoni tan-natura illegali jew kolpuża tal-aġir tagħha u tan-natura suffiċjentement serja tat-tort allegat tagħha. Permezz tas-sitt aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, minn naħa waħda, ikkommettiet żball fl-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (7) u, min-naħa l-oħra, ma mmotivatx b’mod suffiċjenti s-sentenza tagħha dwar l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 6 tal-istess direttiva. Is-seba’ aggravju jirrigwarda żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali “suffiċjentement diretta” bejn in-nuqqas iddenunzjat u d-dannu allegat. It-tmien aggravju, fl-aħħar nett, jallega żball ta’ liġi fl-iffissar ta’ danni ta’ EUR 12 001 000.

V –    Fuq l-ewwel aggravju

A –    Sunt tal-argument tal-Kummissjoni

28.      Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni, bħala linja prinċipali, li l-kawża kontra Systran u Systran Luxembourg ma hijiex kawża dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali, iżda għall-kuntrarju, meta jitqiesu d-diversi kuntratti li hija ffirmat ma’ dawk il-kumpanniji bejn l-1975 u l-2002 kif ukoll dokumenti kuntrattwali oħrajn, bħal ċerti skambji ta’ korrispondenza u ittri ta’ impenn, hija kawża dwar responsabbiltà kuntrattwali. Il-Qorti Ġenerali b’hekk ikkommettiet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura ġuridika tal-kawża u għaldaqstant applikat b’mod żbaljat ir-regoli tagħha stess dwar il-ġurisdizzjoni (8).

29.      Hija targumenta, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2009, Guigard vs Il-Kummissjoni (9). Waqt li tirrikonoxxi li ksur tad-drittijiet tal-awtur jista’ jiftaħ it-triq għal azzjoni dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali, hija tikkunsidra li din il-kawża ma taqax taħt dak it-tip ta’ każ, peress li l-partijiet ftiehmu dwar il-modalitajiet għaċ-ċessjoni jew il-konċessjoni tad-drittijiet tal-awtur f’dan il-każ.

30.      Sussegwentement, il-Kummissjoni tipproċedi biex turi l-fondatezza tal-argument tagħha, billi tagħti analiżi tal-kuntratti inkwistjoni, tan-natura ġuridika u tal-klawżoli tagħhom, kif ukoll tad-drittijiet li dawn tal-aħħar jagħtuha. Hija tikkonkludi li, billi ma qisitx b’mod preċiż id-drittijiet ta’ użu li hija għandha fuq is-softwer EC-Systran Unix, il-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens ċar ta’ dawk il-kuntratti, li wassluha għal evalwazzjoni żbaljata tan-natura tal-kawża.

31.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinvoka ksur tar-regoli ta’ interpretazzjoni tal-kuntratti, peress li l-Qorti Ġenerali ma tistax tinterpreta l-kuntratti ta’ migrazzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħhom, daqs li kieku dawn ma jagħtuha ebda dritt. Hija targumenta wkoll li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball meta kkonkludiet li, peress li Systran ma kinitx firmatarja tal-kuntratti ta’ migrazzjoni, dawn tal-aħħar ma setgħux jiġu invokati kontriha bħala tali, b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-effett relattiv tal-kuntratti.

32.      Ir-risposta li għandha tingħata għal dan l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni titlob xi riflessjonijiet preliminari min-naħa tiegħi.

B –    Il-kwistjoni ta’ eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq in-natura kuntrattwali tal-kawża.

1.      Kwistjoni ta’ distribuzzjoni vertikali tal-kompetenzi ġurisdizzjonali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri

33.      Għandna nibdew billi nfakkru li, b’mod konformi mal-Artikolu 274 TFUE, it-tilwimiet li fihom l-Unjoni tkun parti, ma għandhomx għal dik ir-raġuni jkunu esklużi mill-ġurisdizzjoni ta’ qrati nazzjonali, “mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea fit-Trattati”, jiġifieri b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każijiet fejn dawn jaqgħu taħt il-kompetenzi esklużivi mogħtija lill-Qorti tal-Unjoni (10).

34.      L-Artikolu 274 TFUE b’hekk iqassam b’mod vertikali l-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali biex jiddistingwi l-kawżi li għalihom l-Unjoni hija parti, skont il-prinċipju tal-kompetenzi ta’ attribuzzjoni jew, b’mod iktar preċiż, skont id-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat li jagħtu lill-qrati tal-Unjoni ġurisdizzjoni ratione materia esklużivi.

35.      Barra minn hekk, u b’mod konformi ma’ ġurisprudenza ripetittiva, il-qrati tal-Unjoni għandhom b’mod partikolari ġurisdizzjoni esklużiva biex jisimgħu kawżi dwar l-allokazzjoni ta’ danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew l-aġenti tagħhom fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, prevista fl-Artikolu 268 TFUE u l-Artikolu 340(2) u (3) TFUE (11), kif ukoll fl-Artikolu 41(3) tal-karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

36.      Fl-aħħar nett, il-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni (12), skont l-Artikolu 272 TFUE, biex jiddeċiedu skont klawżola ta’ arbitraġġ f’kuntratt taħt id-dritt pubbliku jew id-dritt privat mogħti mill-Unjoni (13).

37.      B’hekk jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikoli 272 TFUE, 274 TFUE, 268 TFUE u l-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu 340 TFUE li, meta persuna fiżika jew ġuridika tiftaħ kawża fejn iżżomm lill-Unjoni responsabbli, hija n-natura kuntrattwali jew mhux kuntrattwali tal-kawża, ħlief jekk ikun hemm klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, li tiddetermina immedjatament liema qorti għandha ġurisdizzjoni. Fi kliem ieħor, il-qrati nazzjonali għandhom bħala regola ġenerali ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni ta’ kawżi kuntrattwali, ħlief jekk ikun hemm klawżola ta’ arbitraġġ favur il-qorti tal-Unjoni. Min-naħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni esklussiva fir-rigward tal-kawżi mhux kuntrattwali.

38.      Kif jirriżulta minn dak li ġie mfakkar iktar ’il fuq, il-kwistjoni tan-natura kuntrattwali jew mhux kuntrattwali ta’ kawża partikolari b’hekk tqajjem kwistjoni ta’ tqassim vertikali ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-qrati tal-Unjoni (14), li min-natura tagħha stess, b’hekk tmur ampjament lil hinn mill-kwistjoni tad-delimitazzjoni tal-kawżi kuntrattwali u mhux kuntrattwali fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri.

2.      Kwistjoni tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli: l-Artikolu 340 TFUE

39.      Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk kawża li fiha l-Unjoni tkun parti hijiiex ta’ natura kuntrattwali jew mhux kuntrattwali ma hijiex fundamentali biss inkwantu tiddetermina l-kompetenza ġurisdizzjonali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri. Hija fundamentali wkoll fir-rigward tal-liġi applikabli għat-tilwima, b’konsegwenzi immedjati fuq ir-risposta li għandha tingħata għal eċċezzjoni bbażata fuq in-natura kuntrattwali ta’ dik it-tilwima.

40.      Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE li f’każ ta’ tilwima ta’ natura kuntrattwali, ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni “għandha tiġi rregolata bil-liġi li tapplika għall-kuntratt in kwistjoni”. Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, “l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”.

41.      Jekk it-tilwima tkun ta’ natura kuntrattwali, ikun hemm dritt sostantiv applikabbli skont il-klawżoli tal-kuntratt stess. B’mod partikolari, hija l-liġi tal-kuntratt li tirregola d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-partijiet għal dak il-kuntratt u li tiddetermina l-leġiżlazzjoni applikabbli għal dan tal-aħħar u, fl-aħħar nett, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ tilwimiet dwar dak il-kuntratt, b’mod konformi kemm mal-liġi applikabbli għall-kuntratt kif ukoll mal-liġi tal-kuntratt (15).

42.      Min-naħa l-oħra, fil-każ li t-tilwima tkun ta’ natura mhux kuntrattwali, il-liġi li tirregola t-talba għad-danni tikkonsisti biss, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-prinċipji ġenerali komuni tal-liġijiet tal-Istati Membri. Dan jimplika li l-qorti tal-Unjoni tista’ tiddeċiedi biss fuq il-bażi ta’ dawk il-prinċipji, li fi kliem ieħor ifisser li hija ma jkollha ebda liġi oħra għad-dispożizzjoni tagħha u li, għaldaqstant, ma jkollhiex ġurisdizzjoni biex tapplika il-liġijiet tal-kuntratti li jista’ jkun hemm, kemm il-liġi ta’ dawk il-kuntratti kif ukoll il-liġijiet applikabbli għal dawk il-kuntratti. Madankollu din is-sitwazzjoni ma hijiex fiha nfisha sorprendenti fil-kuntest ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali li hija bbażata, bħala ipoteżi, fuq in-nuqqas ta’ kwalunkwe klawżola kuntrattwali rilevanti, jiġifieri b’rabta suffiċjenti mat-tilwima.

C –    Kif għandna nipproċedu fil-konfront ta’ eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq in-natura kuntrattwali tal-kawża?

43.      Tilwima ta’ natura mhux kuntrattwali tidher, a priori, bħala tilwima bejn partijiet li ma jkunu marbuta b’ebda relazzjoni kuntrattwali rilevanti, jiġifieri b’rabta mas-suġġett tal-kawża.

44.      Issa, jekk ikun jidher li tilwima li ssegwi din il-konfigurazzjoni ma tkunx tista’ tiġi riżolta mingħajr ma jiġu eżaminati l-kontenut u l-portata tar-rabtiet kuntrattwali u li, għaldaqstant, il-“liġi tal-kuntratt” ikollha tittieħed f’kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dik ir-riżoluzzjoni, ikun ċar li dik it-tilwima ssir, fl-ewwel lok u bħala prinċipju, tilwima ta’ “natura kuntrattwali”. Għaldaqstant hija għandha, ta’ mill-inqas fl-ewwel lok, tiġi eżaminata bħala tali, fejn qed jiġi preċiżat li xejn ma jipprekludi li, wara li jsir dak l-eżami mill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà kuntrattwali, din tingħata lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali. Fil-fatt, ma għandux jintesa li sabiex tintlaqa’ eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq in-natura kuntrattwali ta’ tilwima, ma jistax jintalab li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ kull att li joħloq responsabbiltà kolpuża, iżda sempliċement l-eżistenza ta’ kuntest kuntrattwali li jippreżenta l-karatteristiċi deskritti iktar ’il fuq.

45.      Dan kollu jfisser li eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tiġi ssollevata formalment minn konvenut f’azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, li tinvoka l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet fir-rigward tas-suġġett tal-kawża, ma għandhiex titqies bħala kwalunkwe eċċezzjoni, iżda għandha pjuttost titqies bħala kwistjoni kkwalifikata, li għandha tiġi riżolta fuq bażi preliminari u bi prijorità.

46.      Il-loġika kuntrarja, li tgħid li f’dan il-każ l-eżami ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali komuni tal-liġijiet tal-Istati Membri għandu jkollu preċedenza, ma tistax min-naħa l-oħra tiġi raġonevolment aċċettata. Il-qorti tal-Unjoni ma tistax, effettivament, teżamina talba għal kumpens fuq il-bażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, mingħajr ma tikkunsidra l-liġi li prima facie torbot lill-partijiet, qabel ma jiġi żgurat li hija raġonevolment għandha l-ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-każ, fis-sens li għandha tkun f’pożizzjoni fejn tista’ tirrespinġi eċċezzjoni ssollevata abbażi tan-natura kuntrattwali tal-kawża.

47.      Bħala konklużjoni, l-eżami tal-eżistenza jew le ta’ “liġi tal-kuntratt” li tirregola r-relazzjonijiet bejn il-partijiet f’kawża dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali għandu, fil-fehma tiegħi, ikun impost loġikament, meta jitqiesu l-kompetenzi mogħtija mit-Trattat lill-qorti tal-Unjoni, b’mod preliminari u prijoritarju.

48.      Dan premess, huwa importanti wkoll li jiġu ddeterminati l-iskop u l-intensità ta’ dak l-eżami preliminari f’dawn iċ-ċirkustanzi u għal skopijiet preċiżi.

49.      Fi kliem sempliċi dan ifisser li l-qorti tal-Unjoni ma tistax, meta jkollha quddiemha azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali li fil-kuntest tagħha titqajjem oġġezzjoni kontra n-natura kuntrattwali tal-kawża, tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess fit-tmiem tal-eżami tal-merti tal-kawża, jiġifieri wara li tkun indirizzat il-fondatezza tal-allegazzjonijiet issollevati quddiemha, u b’mod partikolari mill-parti li tinvoka l-eċċezzjoni. Għall-kuntrarju, għandha torjenta l-eżami tagħha biss lejn l-għan li jiddetermina l-eżistenza jew le ta’ dak li niddeskrivi bħala kuntest kuntrattwali suffiċjentement folt u rilevanti sabiex, kif dan diġà ġie enfasizzat, ma tistax tinsab soluzzjoni għat-tilwima mingħajr ma jiġu kkunsidrati r-relazzjonijiet bejn il-partijiet (16). Il-kontenut tal-eżami li għandu jsir għandu riperkussjonijiet immedjati fuq l-intensità tal-kontroll li jrid jsir.

50.      B’mod iktar preċiż, peress li l-qorti tal-Unjoni għandha tiddetermina n-natura, suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha, ta’ dik it-tilwima, għall-finijiet li tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess, hija tista’ tagħmel biss eżami prima facie tar-relazzjonijiet kuntrattwali kollha li jorbtu lill-partijiet, u dan għall-uniku skop li tistabbilixxi, fir-rigward tal-iskop tal-kawża, il-preżenza bħala tali ta’ “liġi tal-kuntratt” applikabbli għalihom li jippermettilha tikkonkludi b’mod raġonevolment prevedibbli li t-tilwima ma tistax tiġi riżolta mingħajr ma tittieħed f’kunsiderazzjoni b’mod dettaljat l-imsemmija “liġi tal-kuntratt” (17).

51.      Nixtieq ninsisti għal darba oħra fuq dan il-punt preċiż. Adita fuq il-bażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ kawża li tidħol fil-kuntest kuntrattwali, il-qorti tal-Unjoni, li, fin-nuqqas ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, ma hijiex f’pożizzjoni li teżamina l-kontenut tar-rabtiet kuntrattwali fin-nuqqas ta’ setgħa li tapplika l-liġi li tirregola r-relazzjonijiet kuntrattwali, ma tistax tiddeċiedi fuq il-kompetenza tagħha fuq il-bażi, preċiżament, tal-fondatezza jew tal-oppożizzjoni tagħha għall-pretenzjonijiet tal-konvenuta. Il-fattur determinanti huwa li ma huwiex meħtieġ, għall-finijiet li tiġi stabbilita jew eliminata l-ġurisdizzjoni tagħha, li tmur lil hinn minn evalwazzjoni tal-elementi kollha dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali suffiċjentement pertinenti, b’relazzjoni mas-suġġett tal-kawża, sabiex jiġi konkluż li din tal-aħħar ma tistax tiġi riżolta raġonevolment mingħajr ma jiġu evalwati, fuq bażi preliminari, il-klawżoli kuntrattwali invokati fid-dawl tad-dritt li taħtu jaqgħu.

D –    L-iżbalji li kkommettiet il-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni

52.      Jidhirli li huwa ċar li l-Qorti Ġenerali ma segwitx l-approċċ propost hawn fuq fl-okkażjoni tal-eżami li hija għamlet f’din il-kawża, kif jirriżulta kemm mill-osservazzjonijiet preliminari dwar il-kompetenzi fil-qasam kuntrattwali u mhux kuntrattwali li jinsabu fil-punti 57 sa 64 tas-sentenza appellata, fejn hija tagħti l-linji ġenerali tal-eżami li beħsiebha twettaq, kif ukoll il-motivi sussegwenti li fuqhom ser jiġi żviluppat dak l-eżami (punti 65 sa 104 tas-sentenza appellata).

53.      Għandu jitfakkar li wara li ppreżentat id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jirregolaw ir-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali tal-Unjoni (punti 57 sa 59 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali fl-ewwel lok indikat ġustament, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li, sabiex tiddetermina jekk għandhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 235 KE, hija kellha teżamina fid-dawl tad-diversi elementi rilevanti tal-proċess, jekk it-talba għad-danni mressqa mir-rikorrenti kinitx ibbażata b’mod oġġettiv u globali fuq obbligi ta’ oriġini kuntrattwali jew mhux kuntrattwali, waqt li rreferiet għas-sentenza Guigard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Wara li stabbilixxiet din il-premessa, il-Qorti Ġenerali indikat l-elementi li kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni fl-eżami tagħha, billi semmiet, b’mod mhux eżawrjenti, il-pretensjonijiet tal-partijiet, il-fatt li kkawża d-dannu allegat, kif ukoll il-kontenut tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali invokati (18).

54.      Wara li stabbilixxiet dan, il-Qorti Ġenerali eżaminat formalment, fl-ewwel lok, it-talba għad-danni tar-rikorrenti u n-natura tal-aġir dannuż li huma ddenunzjaw, f’dan il-każ żvelar illegali tan-know-how tagħhom u att ta’ falsifikazzjoni tas-softwer Systran Unix (punti 65 sa 83 tas-sentenza appellata), biex imbagħad indirizzat, fit-tieni lok, l-“elementi invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni kuntrattwali sabiex tiżvela lil terzi informazzjoni li tista’ tkun protetta taħt id-dritt tal-awtur u bħala ‘know-how’” (punti 84 sa 100 tas-sentenza appellata).

55.      Fil-fehma tiegħi, l-approċċ konkret li segwiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jimmerita kundanna doppja min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

56.      Għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali ma analizzatx is-sitwazzjoni prevalenti bejn il-partijiet fit-tilwima purament u sempliċement sabiex tistabbilixxi jekk kellhiex ġurisdizzjoni biex tisma’ l-kawża. Hija b’xi mod għaqdet l-eċċezzjoni dwar nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mal-merti, jew pjuttost billi għaqdet il-merti, li diġà kienet indirizzat f’dak l-istadju, mal-eċċezzjoni (19), hija pprovat tistabbilixxi, fl-ewwel lok, il-fondatezza tat-talba tar-rikorrenti fid-dawl tal-prinċipji komuni tad-dritt tal-Istati Membri.

57.      Kien biss fit-tieni lok, u billi tat risposta għas-sens strett tal-eċċezzjoni dwar, li hija kellha turi n-nuqqas ta’ kwalunkwe klawżola kuntrattwali espliċita, ċara u preċiża li tawtorizza l-aġir tal-Kummissjoni, biex imbagħad iddeduċiet, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li “l-kawża inkwistjoni hija ta’ natura mhux kuntrattwali”.

58.      Ċertament, u għandu jiġi rrilevat, id-diffikultà li kellha l-Qorti Ġenerali kienet sostanzjali, u kienet aggravata mill-argument tal-Kummissjoni stess li kienet qed tinvoka, fil-kuntest tal-eċċezzjoni tagħha ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, dispożizzjonijiet kuntrattwali preċiżi sabiex tpoġġi f’dubju d-drittijiet tar-rikorrenti waqt li fl-istess ħin tasserixxi d-drittijiet tagħha.

59.      Minn naħa waħda, il-Qorti Ġenerali pprovat turi li t-talbiet tar-rikorrenti kienu fondati. Barra minn hekk, hija kkonkludiet b’mod sinifikattiv il-prova tagħha billi indikat li r-rikorrenti “stabbilew b’mod suffiċjenti fil-liġi u fil-fatt l-elementi neċessarji sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mit-Trattat fil-qasam mhux kuntrattwali” (punt 101 tas-sentenza appellata).

60.      Issa, u minn dan tirriżulta l-ewwel kritika li għandha ssir għall-approċċ tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni, b’mod loġiku, ma kellhiex il-ħsieb permezz tal-eċċezzjoni tagħha ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u f’dan l-istadju, li tinnega kull apparenza ta’ fondatezza għall-pretensjonijiet tar-rikorrenti, iżda pjuttost li jittieħdu inkunsiderazzjoni bis-sħiħ, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eċċezzjoni tagħha, il-kuntest kuntrattwali ferm distintiv li fih jinsabu, minkejja li l-argumenti tagħha kienu ċċentrati fuq ċerti klawżoli partikolari. Huwa f’dan is-sens li għandha tinftiehem l-insistenza li permezz tagħha hija tinvoka s-sentenza Guigard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

61.      Min-naħa l-oħra, u minn dan tirriżulta t-tieni kritika għall-approċċ tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar għamlet, fir-rigward tal-eċċezzjoni fformulata mill-Kummissjoni u kif huwa diġà enfasizzat iktar ’il fuq, eżami mmirat tal-kontenut tal-kawża, jiġifieri inkwadrat fid-dispożizzjonijiet invokati mill-Kummissjoni, bil-għan li jiġi żgurat li dawk il-klawżoli kuntrattwali ma kinux ta’ natura li jiġġustifikaw l-aġir tal-Kummissjoni ddenunzjat u sabiex tiġi respinta l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni. Issa, l-istħarriġ li kellu jsir mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ssollevata mill-Kummissjoni ma setgħetx tirrigwarda diġà f’dak l-istadju l-fondatezza tad-drittijiet kuntrattwali invokati mill-Kummissjoni.

62.      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-kuntest kuntrattwali kollu tal-kawża kif hija kellha tagħmel, b’mod konformi mal-kunsiderazzjonijiet msemmija hawn fuq, sabiex tiddetermina jekk setax jiġi raġonevolment konkluż b’ċertezza suffiċjenti li t-tilwima kienet taqa’ immedjatament taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.

63.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball doppju ta’ liġi meta eżaminat ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u d-diversi kumpanniji tal-grupp Systran li żviluppaw jew ikkontribwew għall-iżvilupp tad-diversi verżjonijiet tas-softwer Systran matul iż-żmien u li hija b’hekk kienet żbaljata meta ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-kawża għad-danni allegatament ikkawżati lil Systran bl-aġir tal-Kummissjoni.

64.      Għaldaqstant, u mingħajr ma hu neċessarju li jiġu eżaminati f’dan l-istadju l-ilmenti l-oħrajn ifformulati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, dan l-ilment għandu jiġi aċċettat u b’hekk għandha tiġi annullata s-sentenza appellata.

E –    Il-Qorti tal-Ġustizzja tinsab f’pożizzjoni li tiddeċiedi hija stess dwar l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni

65.      Għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi li għandhom jitnisslu mill-annullament propost u, b’mod iktar preċiż għandu jiġi ddeterminat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex taqta’ l-kawża u tiddeċiedi definittivament dwar l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ssollevata mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza jew jekk għandhiex, għall-kuntrarju, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi b’mod definittiv dwar l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

66.      Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

67.      Jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-Kummissjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (20).

68.      Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tilwima bejn il-Kummissjoni u Systran u Systran Luxembourg tidħol fil-kuntest ta’ kunflitt li jirrigwarda essenzjalment il-portata tad-drittijiet rispettivi tagħhom fuq is-softwer EC-Systran Unix. Peress li dak is-softwer huwa l-frott ta’ kollaborazzjoni twila bejn il-partijiet, li ġie mmaterjalizzat ġuridikament permezz ta’ kuntratti suċċessivi ta’ żvilupp konġunt, ta’ manutenzjoni u ta’ migrazzjoni, li jikkonsisti b’mod partikolari fi klawżoli ta’ liċenzja ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, it-tilwima b’hekk inqalgħet f’kuntest distintivament kuntrattwali.

69.      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, id-diversi kuntratti ffirmati mhux talli ma jinkludux klawżola ta’ arbitraġġ favur il-qorti tal-Unjoni, iżda jissottomettu kull kwistjoni bejn il-partijiet għall-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru (kuntratti ta’ migrazzjoni) jew għall-arbitraġġ (kuntratti ta’ kollaborazzjoni) u jispeċifikaw il-liġi applikabbli għal dawk il-kuntratti (21).

70.      L-eżistenza ta’ dan il-kuntest kuntrattwali, li l-kontenut tiegħu diġà jirriżulta ampjament mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jippermetti, mingħajr ma hu neċessarju li tingħata analiżi iktar estiża u iktar preċiża ta’ dan tal-aħħar, li fir-rigward tas-suġġett tat-talba għall-kumpens u wara li jitqiesu d-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet, ma tistax tittieħed deċiżjoni raġonevoli dwar it-tilwima mingħajr ma jsir eżami fil-fond tad-diversi kuntratti (22) fid-dawl tal-liġi applikabbli għalihom (23).

71.      Għaldaqstant, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi b’mod definittiv dwar l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ssollevata mill-Kummissjoni billi tiddeċiedi li din tal-aħħar kellha tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tisma’, fuq il-bażi tal-Artikolu 268 TFUE u t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, il-kawża kif ippreżentata quddiemha u tistieden lill-partijiet biex jirrikorru quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti magħżula bi qbil komuni sabiex, skont il-liġi applikabbli għall-kuntratti u b’applikazzjoni tal-liġi sa fejn huwa rilevanti, jiddeċiedu dwar il-portata tad-drittijiet u l-obbligi rispettivi tiegħu u jiddeċiedu dwar l-eżistenza ta’ nuqqasijiet kuntrattwali u r-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni.

72.      F’din il-perspettiva, jista’ jiġi enfasizzat b’mod ġenerali li l-evalwazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-partijiet fil-kawża timplika, b’mod partikolari, eżami preċiż u ssostanzjat tan-natura, is-suġġett u l-iskop tad-diversi kuntratti inkwistjoni u tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali prinċipali miftiehma, kemm fir-rigward tad-dritt applikabbli għall-imsemmija kuntratti kif ukoll tal-użanzi tal-professjoni (24), waqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ eżekuzzjoni f’bona fede tal-ftehim u l-obbligi ta’ lealtà, ta’ bilanċ u ta’ kollaborazzjoni li għandhom il-partijiet (25).

73.      F’dan ir-rigward għandu jingħad ukoll li, lil hinn minn dak li jista’ jirriżulta mill-eżitu tal-kawża mressqa quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, b’ebda mod ma hija preġudikata l-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni biex eventwalment tordna li jitħallsu danni li jistgħu finalment jirriżultaw mhux minn nuqqas kuntrattwali iżda minn kull aġir li jikkostitwixxi delitt, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri.

VI – Fuq l-aggravji l-oħrajn

74.      Kif iddikjarat iktar ’il fuq, l-analiżi segwenti hija ppreżentata biss fuq bażi sussidjarja, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-konklużjoni li ntlaħqet wara l-eżami tal-ewwel aggravju ssollevat mill-Kummissjoni. Fl-ewwel lok ser neżamina t-tieni aggravju ssollevat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq ksur tar-regoli ta’ produzzjoni tal-prova u tad-drittijiet tad-difiża (titolu A), u mbagħad it-tielet aggravju tagħha, li fil-kuntest tiegħu hija tikkontesta l-eżistenza tad-drittijiet tal-awtur invokati mir-rikorrenti (titolu B). Sussegwentement ser neżamina (titolu C) id-diversi aggravji u lmenti li jikkontestaw l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tad-diversi kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir ikkritikat (titolu 1), l-eżistenza tad-danni allegati (titolu 2), l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dak l-aġir u l-imsemmija danni (titolu 3) u, fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni ta’ dawk id-danni (4).

A –    Fuq il-ksur tar-regoli dwar il-produzzjoni tal-provi u tad-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni (it-tieni aggravju)

75.      Permezz tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli dwar il-produzzjoni tal-provi u d-drittijiet tad-difiża tagħha billi ddikjarat li l-preżentazzjoni tar-rapport Golvers u tal-attestazzjoni Gosselies bħala tardivi u, għaldaqstant, inammissibbli, skont l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (punti 252 u 253 tas-sentenza appellata).

76.      Skont l-Artikoli 44(1)(e) u 46(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, huwa l-oneru tar-rikorrent u tal-konvenut biex jippreżentaw l-offerti ta’ provi tagħhom fir-rikors u fir-risposta tagħhom, rispettivament.

77.      Dawn id-dispożizzjonijiet, li jikkorrispondu għall-Artikoli 120(1)(e) u 124(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’hekk jiddeterminaw l-istadju tal-proċedura li fih għandhom normalment jiġu ppreżentati l-offerti ta’ provi inizjali (26). Dawn id-dispożizzjonijiet, li ġew adottati fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u b’osservanza sħiħ tal-prinċipji ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, isarrfu fir-rekwiżiti li jirriżultaw minn proċedura ġusta u, b’mod iktar partikolari, fil-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża (27).

78.      Madankollu, b’mod konformi mal-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jikkorrispondi għall-Artikolu 128(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, għadu possibbli għall-partijiet li jagħmlu offerti ta’ provi insostenn tal-argumenti tagħhom fir-replika u fil-kontroreplika, kemm-il darba huma jiġġustifikaw id-dewmien fil-preżentata ta’ dawn l-offerti.

79.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala eċċezzjoni għar-regoli li jirregolaw il-preżentata tal-offerti ta’ prova, l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jimponi li l-partijiet jimmotivaw id-dewmien fil-preżentata tal-offerti tagħhom ta’ provi (28), obbligu li jimplika li l-qorti tingħata s-setgħa li tistħarreġ il-fondatezza tar-raġunijiet tagħhom għad-dewmien mogħtija mal-preżentata ta’ dawk l-offerti ta’ prova u, skont il-każ, il-kontenut ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll, jekk it-talba ma tkunx fondata b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, is-setgħa li tirrespinġihom (29).

80.      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat fl-ewwel lok li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, ir-rapport Golvers u l-attestazzjoni Gosselies effettivament ġew ippreżentati fi stadju tardiv (30) ħafna, ferm wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub.

81.      Effettivament, jirriżulta mill-punt 251 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport Golvers u l-attestazzjoni Gosselies b’risposta għat-tielet serje ta’ domandi li saru lill-partijiet mill-Qorti Ġenerali dwar l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-evalwazzjoni tad-dannu. Issa, ir-rikors ġie ppreżentat fil-25 ta’ Jannar 2007 u l-Qorti Ġenerali għamlet l-ewwel serje ta’ domandi fl-1 ta’ Diċembru 2008, u t-tieni serje ta’ domandi fil-ftuħ tal-proċedura orali. Is-seduta saret fis-27 ta’ Ottubru 2009, u mbagħad il-Qorti Ġenerali, b’digriet tas-26 ta’ Marzu 2010, ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali sabiex tistieden lill-partijiet jirrispondu għat-tielet serje ta’ domandi inkwistjoni.

82.      Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, ikkonstatat espressament li ma kien hemm ebda raġuni għal dan id-dewmien. Hija madankollu, b’rieda liema bħala, eżaminat b’attenzjoni dawn id-dokumenti (31), fil-kuntest li fih kienu ġew ippreżentati, jiġifieri bħala elementi ta’ risposta għad-domanda tal-evalwazzjoni tad-dannu.

83.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kisret l-insenjament tas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

84.      It-tieni aggravju ssollevat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq ksur tar-regoli ta’ produzzjoni tal-prova u tad-drittijiet tad-difiża, b’hekk huwa infondat u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

B –    Fuq id-detentur tad-drittijiet tal-awtur ta’ Systran (it-tielet aggravju)

85.      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-drittijiet tal-awtur li jirriżultaw mid-Direttiva 91/250, b’mod partikolari, billi ddeċidiet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompetenza ġurisdizzjoni tagħha mhux kuntrattwali li tisma’ l-kawża (punti 70 sa 76 tas-sentenza appellata), li r-rikorrenti kienu titolari tad-drittijiet tal-awtur li kienu qegħdin jasserixxu.

86.      Hija tenfasizza, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/250 jipprovdi li l-awtur ta’ programm tal-kompjuter huwa l-persuna fiżika jew il-grupp ta’ persuni fiżiċi li jkunu ħolqu l-programm. Waqt li tfakkar li din ir-regola hija suġġetta għal diversi eċċezzjonijiet f’dak li jirrigwarda x-xogħlijiet kollettivi jew il-ħolqien ta’ programmi tal-kompjuter minn impjegat fit-twettiq ta’ dmirijietu, hija tal-fehma li dawn tal-aħħar madankollu la ġew invokati mir-rikorrenti u lanqas mill-Qorti Ġenerali.

87.      Hija sussegwentement tikkritika l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-regola tal-preżunzjoni tal-kwalità ta’ awtur, prevista b’mod partikolari fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/48 (32), li jistabbilixxi li persuna li tressaq allegazzjoni ta’ ksur hija eżentata milli tressaq prova tad-drittijiet tagħha jekk hija tistabbilixxi li isimha jidher fuq ix-xogħol. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li s-softwer inkwistjoni jismu EC-Systran Unix, li juri li hija ko-awtriċi ma’ Systran, li d-drittijiet f’dak is-softwer huma konġunti u li kull tilwima dwar il-portata ta’ dawk id-drittijiet għandha tinqata’ fuq il-bażi tal-kuntratt. Hija tgħid ukoll li dik il-preżunzjoni hija biss juris tantum, u li hija wriet li għandha d-drittijiet ta’ użu tas-softwer EC-Systran Unix.

88.      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma rnexxiliex turi li r-rikorrenti ma kinux titolari tad-drittijiet tal-awtur li huma kienu qegħdin jasserixxu fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran, billi adottat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li jirriżulta mill-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Berne kif ukoll mid-Direttivi 91/250 u 2004/48, li l-kwalità ta’ awtur tappartjeni, ħlief jekk ikun hemm prova kuntrarja, lil min jew lil dawk li f’isimhom jiġi żvelat il-programm tal-kompjuter (punt 69 tas-sentenza appellata).

89.      Għandu jiġi kkonstatat li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ssostanzjat il-preżunzjoni legali stabbilita fl-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Berne u li hija riprodotta fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/48, li tgħid li għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti fl-imsemmija direttiva, huwa biżżejjed, sabiex l-awtur ta’ xogħol letterarju jew artistiku jitqies, ħlief f’każ ta’ prova kuntrarja, bħala tali u jitħalla bħala konsegwenza jressaq azzjoni kontra min jikser id-drittijiet tiegħu, li ismu jkun indikat fuq ix-xogħol b’mod normali.

90.      B’hekk huwa fuq il-bażi ta’ qari żbaljat tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta applikat il-preżunzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq is-softwer EC-Systran Unix, b’mod li l-argument għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

91.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 209 tas-sentenza appellata, li skont l-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti, f’dan il-każ parir legali, il-kwalità ta’ awtur ta’ persuna ġuridika kienet stabbilita mill-ġurisprudenza fi Franza u fil-Belġju, billi ppreċiżat li l-Kummissjoni ma waslitx biex tirrifjuta dak il-parir.

92.      Din il-konstatazzjoni ċertament tidħol fil-kuntest tal-eżami tal-merti tal-kawża u mhux fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà tal-azzjoni u tal-kunsiderazzjonijiet speċifikament iddedikati għall-preżunzjoni tad-detentur tad-drittijiet ta’ Systran. Madankollu jibqa’ l-fatt li din ittieħdet f’kunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-analiżi tad-drittijiet tar-rikorrenti dwar il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-appell tagħha. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li formalment irreferiet għad-dispożizzjonijiet invokati tad-Direttiva 91/250.

93.      It-tielet aggravju ssollevat mill-Kummissjoni b’hekk għandu jiġi miċħud bħala infondat.

C –    Fuq il-kunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ir-raba’ sat-tmiem aggravju)

94.      Fil-kuntest tal-aggravji l-oħrajn kollha tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-kunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tat-tliet kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li huma n-natura illeċita jew kolpuża tal-aġir tagħha (ir-raba’, il-ħames u s-sitt aggravju), l-eżistenza ta’ kull dannu, kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-illegalità invokata u d-danni allegati (is-seba’ aggravju). Hija tikkritika, fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tad-danni invokati (it-tmien aggravju). Dawn id-diversi aggravji b’hekk ser jiġu indirizzati f’dik l-ordni, waqt li huwa ppreċiżat li huwa fil-kuntest tat-tmien aggravju tagħha li l-Kummissjoni tissolleva formalment l-assenza ta’ kull dannu.

1.      Fuq l-illegalità tal-aġir (ir-raba’, il-ħames u s-sitt aggravju)

a)      Sinteżi tal-motivi tas-sentenza appellata

95.      Dwar il-merti, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 200 sa 261 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet l-analiżi tagħha tal-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni billi indikat li, “billi kkunsidrat li għandha d-dritt twettaq xogħlijiet li jimplikaw modifika tal-elementi li jikkonċernaw il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran u li kienu jinsabu fil-verżjoni EC-Systran Unix, mingħajr ma kisbet minn qabel il-kunsens tal-grupp Systran, il-Kummissjoni wettqet illegalità fid-dawl tal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri applikabbli f’dan il-qasam”, illegalità li tikkostitwixxi “ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet tal-awtur u tan-‘know-how’ miżmuma mill-grupp Systran fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer” (punt 261 tas-sentenza appellata).

96.      Hija waslet għal din il-konklużjoni wara eżami fi tliet stadji. Hija eżaminat, fl-ewwel lok, jekk ir-rikorrenti setgħux jinvokaw, fir-rigward tal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, id-dritt li jimponi li l-Kummissjoni tagħti lil terza persuna mingħajr il-kunsens tagħhom xogħol dwar ċerti aspetti tal-verżjoni EC-Systran (punti 204 sa 215 tas-sentenza appellata). Hija vverifikat, sussegwentement, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li d-diversi kuntratti konklużi wara l-1975 kienu jawtorizzawha li tagħti lil terz ix-xogħlijiet iddefiniti fil-kuntratt inkwistjoni (punti 216 sa 227 tas-sentenza appellata). Fl-aħħar nett, hija analizzat il-kontenut tax-xogħol imsemmi fis-sejħa għal offerti, sabiex tiddetermina jekk kinux tali li jinvolvu l-modifika jew l-iżvelar ta’ elementi jew informazzjoni protetti abbażi tad-drittijiet tal-awtur u tan-know-how tar-rikorrenti (punti 228 sa 260 tas-sentenza appellata).

b)      Sunt tal-argumenti tal-Kummissjoni

97.      Fl-ewwel lok il-Kummissjoni ssostni, fil-kuntest tar-raba’ aggravju, li l-aġir tagħha ma setax jiġi kkwalifikat bħala illegali jew kolpuż. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet, waħda ddedikata għad-drittijiet tal-awtur, u l-oħra għan-know-how.

98.      Minn naħa waħda, il-modifika minnha jew minn terz ta’ komponenti tas-softwer EC-Systran Unix ma setgħetx tiġi kkwalifikata bħala ksur (l-ewwel parti tar-raba’ aggravju). Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali, b’mod iktar preċiż u fl-ewwel lok (l-ewwel ilment), żnaturat il-fatti u l-provi meta kkonkludiet mix-xebh sostanzjali tas-softwer Systran Unix u EC-Systran Unix li r-rikorrenti setgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom fuq is-softwer Systran Unix biex jopponu l-iżvelar lil terz, mingħajr il-kunsens tagħhom, tal-verżjoni EC-Systran Unix (punti 143, 147 u 212 tas-sentenza appellata) (33). Hija ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali, fit-tieni lok (it-tieni lment), ikkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żnaturament tal-fatti meta kkonkludiet li kien hemm ksur, peress li kien in-nukleju tal-verżjoni EC-Systran Unix tas-softwer, li fuqu hija għandha drittijiet mhux ikkontestati skont il-kuntratti ta’ migrazzjoni, li ġie mmodifikat u mhux in-nukleju tal-verżjoni tagħha ta’ Systran Unix.

99.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, bl-għoti taż-żewġ lottijiet tal-kuntratt inkwistjoni lil Gosselies u l-komunikazzjoni sussegwenti ta’ informazzjoni dwar Systran Unix, hija żvelat b’mod illeċitu n-know-how ta’ Systran (it-tieni parti tar-raba’ aggravju).

100. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li fil-kuntest tal-ħames aggravju tagħha, li dan l-aġir ma jikkostitwixxix, fi kwalunkwe każ, ksur “suffiċjentement serju” tad-drittijiet tal-awtur u tan-know-how ta’ Systran, fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (34), inkwantu ma huwiex ta’ natura inskużabbli u inkwantu r-regola miksura ma tirrappreżentax ir-rekwiżiti meħtieġa (35). Hija tgħid ukoll li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dik l-evalwazzjoni, il-kuntest li fih twettqu dawk in-nuqqasijiet, jiġifieri l-funzjonament tad-direttorat ġenerali tagħha inkarigat mit-traduzzjoni tad-dokumenti uffiċjali kollha tal-istituzzjoni li huma ta’ interess pubbliku perentorju (36).

101. Fl-aħħar nett, u fit-tielet lok, il-Kummissjoni tissolleva, fil-kuntest tas-sitt aggravju tagħha, żewġ ilmenti mnissla minn eċċezzjonijiet għad-dritt esklużiv tal-awtur previsti mid-Direttiva 91/250. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 meta ddeċidiet, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, li hija ma waslitx biex tistabbilixxi għal liema raġunijiet hija setgħet tinvoka dik l-eċċezzjoni legali għall-atti suġġetti għal restrizzjonijiet biex tagħti lil terz ix-xogħlijiet li kellhom jitwettqu fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni. Minn naħa waħda, din id-direttiva ma teskludix li x-xogħlijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1) tagħha jistgħu jsiru minn terzi. Min-naħa l-oħra, l-eċċezzjoni legali tkopri l-adattament ta’ programm għal sistema operattiva aġġornata, li kien is-suġġett tas-sejħa għall-offerti tal-4 ta’ Ottubru 2003. Barra minn hekk, il-Kummissjoni invokat ukoll l-eċċezzjoni ta’ dekompilazzjoni, prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250, fil-kuntest tar-risposti tagħha għat-tieni serje ta’ domandi tal-Qorti Ġenerali, punt li fuqu din tal-aħħar ma ħaditx pożizzjoni, bi ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

c)      Kunsiderazzjoni

102. Peress li l-Kummissjoni tikkontesta, mingħajr ma ssegwi l-analiżi fi tliet partijiet tal-Qorti Ġenerali, kemm kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-awtur (titolu i) – u, f’dan il-kuntest, żball ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 91/250 (titolu ii) – u kwalunkwe żvelar tan-know-how ta’ Systran (titolu iii), waqt li ssostni li, anki jekk wieħed jassumi li dawn l-illegalitajiet ġew stabbiliti, ma humiex fi kwalunkwe każ “suffiċjentement serji” (titolu iv), ser neżamina dawn l-erba’ punti suċċessivament, waqt li għandu jiġi ppreċiżat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi adottati mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, inkwantu minn naħa waħda, il-Qorti Ġenerali stess tirreferi għal dik l-analiżi fil-motivi dwar il-merti tas-sentenza tagħha (37), u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tissolleva formalment, fil-kuntest tar-raba’ aggravju tagħha, ilment dwar dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali.

i)      Fuq il-ksur tad-drittijiet tal-awtur (l-ewwel parti tar-raba’ aggravju)

–       Fuq it-tieni lment tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju

103. It-tieni lment ifformulat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tagħha għandu mill-ewwel jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

104. Effettivament, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, billi rreferiet għall-analiżi tagħha dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess (punti 68 sa 73 tas-sentenza appellata), li “il-grupp Systran għandu dritt jinvoka drittijiet tal-awtur fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran, li huwa żviluppa u jikkummerċjalizza taħt ismu, mingħajr ma huwa meħtieġ iressaq iktar provi” (punt 205 tas-sentenza appellata). Hija ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li “[i]l-kwistjoni għalhekk ma tikkonċernax il-verżjoni EC-Systran Unix iżda d-drittijiet li jistgħu jiġu invokati mir-rikorrenti fil-każ ta’ xogħlijiet li jikkonċernaw il-verżjoni EC-Systran Unix minħabba d-drittijiet miżmuma fir-rigward tal-verżjoni oriġinali u preċedenti Systran Unix” (punt 211 tas-sentenza appellata).

105. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali indikat b’mod ferm ċar li hija l-modifika tal-verżjoni EC-Systran li tmur kontra d-drittijiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-verżjoni Systran Unix (punt 211 tas-sentenza appellata).

106. Din il-konstatazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali dwar il-merti hija, barra minn hekk, perfettament koerenti mal-analiżi li saret fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà, fil-punti 137 sa 147 tas-sentenza appellata, li wasslet għad-deċiżjoni li r-rikorrenti kienu stabbilixxew provi suffiċjenti li kien hemm xebh sostanzjali bejn il-verżjoni Systran Unix u l-verżjoni EC-Systran Unix, b’mod li huma setgħu jinvokaw id-drittijiet li kellhom fuq il-verżjoni Systran Unix biex jopponu l-iżvelar lil terz mingħajr il-kunsens tagħhom tal-verżjoni dderivata EC-Systran Unix.

107. Il-Kummissjoni b’hekk ma tistax tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni jew li żnaturat il-fatti meta rrifjutat li tikkonstata li kienet il-verżjoni EC-Systran Unix li ġiet immodifikata.

–       Fuq l-ewwel ilment tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju

108. L-ewwel ilment ifformulat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tagħha jqajjem problema ta’ ammissibbiltà. Il-Kummissjoni hija tal-fehma, nerġa’ ntenni, li l-konklużjonijiet ġuridiċi li l-Qorti Ġenerali tislet mix-xebh sostanzjali bejn il-verżjonijiet Systran Unix u EC-Systran Unix tas-softwer Systran jikkostitwixxu żnaturament tal-fatti u tal-provi, billi tressaq tliet argumenti.

109. Hija tirrileva fl-ewwel lok li, peress li ma kellhiex aċċess għal Systran Unix, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkontesta l-allegat xebh sostanzjali bejn il-verżjoni EC-Systran Unix u l-verżjoni Systran Unix. Hija tenfasizza, fit-tieni lok, li anki jekk wieħed jassumi li ġie stabbilit, dan ix-xebh jirriżulta mill-oriġini komuni tas-sistemi Systran Unix u EC-Systran Unix, li hija EC-Systran Mainframe u mill-fatt li hija ordnat lil Systran biex tagħmel migrazzjoni tal-verżjoni EC-Systran Mainframe lejn l-ambjent Unix, billi rreferiet, f’dan ir-rigward għar-rapport Golvers. Fl-aħħar nett u fit-tielet lok, hija ssostni li l-eżistenza ta’ nuqqas jew ta’ ksur hija eskluża, minn naħa waħda, mid-drittijiet li hija tgħid li għandha skont id-diversi kuntratti konklużi suċċessivament wara l-1975, argumenti li hija żviluppat fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha li jikkritika n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, u, min-naħa l-oħra, mill-eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklużivi tal-awtur li hija tinvoka fil-kuntest tas-sitt aggravju tagħha.

110. L-ewwel żewġ argumenti tal-Kummissjoni huma inammissibbli, inkwantu jsostnu żnaturament tal-fatti jew tal-provi, mingħajr ma jippreċiżaw b’ebda mod il-konstatazzjonijiet materjali ineżatti u l-iżnaturament tal-provi li allegatament jivvizzjaw is-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali.

111. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li permezz tagħhom l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi, li l-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva, minn naħa waħda, biex tikkonstata l-fatti, ħlief f’każ fejn l-ineżattezza materjali ta’ dawk il-konstatazzjonijiet tirriżulta minn atti tal-proċess li lilha ġew sottomessi, u min-naħa l-oħra, sabiex jiġu evalwati dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet għalihom il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dawn il-fatti (38).

112. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni li tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tal-liġi u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur probatorju li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha (39). Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex, ħlief fil-każ ta’ distorsjoni ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta bħala tali għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (40).

113. Fi kwalunkwe każ, kif ġie spjegat iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tat-tieni aggravju, ir-rapport Golvers ġie ġustament iddikjarat inammissibbli mill-Qorti Ġenerali, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħdu inkunsiderazzjoni anki jekk juri l-iżnaturament tal-fatti jew tal-provi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni diġà invokat, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-fatt li hija qatt ma kellha f’idejha l-kodiċi sors tal-verżjoni Systran Unix (punt 197 tas-sentenza appellata), punt li dwaru l-Qorti Ġenerali ddikjarat il-pożizzjoni tagħha fil-punt 254 tas-sentenza appellata fil-kuntest tal-eżami li għamlet, fuq bażi sussidjarja, dwar ir-rapport Golvers, mingħajr ma l-Kummissjoni tikkontesta preċiżament din il-kunsiderazzjoni.

114. Skont ġurisprudenza stabbilita, appell għandu, skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li l-annullament tagħha huwa mitlub kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Appell li sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi testwalment il-motivi u l‑argumenti li kienu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali inklużi dawk ibbażati fuq fatti espressament miċħuda minn din il-qorti, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, dan l-appell jikkostitwixxi, fil-verità, talba intiża li tikseb is-sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li b’mod konformi mal-Artikolu 49 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imur lil hinn mill-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar (41).

115. It-tielet argument jeħtieġ eżami b’attenzjoni partikolari. Effettivament, il-Kummissjoni targumenta formalment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li la l-kuntratti invokati u lanqas l-eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklużivi tal-awtur ma jipprekludu l-kwalifikazzjoni tal-Kummissjoni bħala illegali jew bħala kolpuż.

116. Peress li l-effett tal-eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklużivi tal-awtur jinsab fil-qalba tas-sitt aggravju tal-Kummissjoni, dan ser jiġi eżaminat iktar ’l isfel.

117. L-argument dwar dawn il-kuntratti jista’ jinftiehem fis-sens li essenzjalment jikkontesta l-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li jikkostitwixxu nuqqas jew illegalità, kwistjoni ta’ liġi li tista’ tkun is-suġġett ta’ appell. Din tal-aħħar effettivament jista’ jiġi interpretat, b’mod koerenti mal-argument ippreżentat fil-kuntest tal-ewwel aggravju fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, bħala li tikkritika mhux l-iżnaturament ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali ċari u preċiżi, iżda l-iżnaturament globali tal-kuntratti invokati. Dan b’hekk ma jinvolvix evalwazzjoni tal-iżnaturament ta’ fatt kwalunkwe iżda evalwazzjoni tal-iżnaturament ta’ att, jew ta’ grupp ta’ atti, f’dan il-każ il-kuntratti inkwistjoni, u l-iżball ta’ kwalifikazzjoni ġuridika li neċessarjament jirriżulta minn dan.

118. Madankollu, inkwantu l-Kummissjoni tillimita ruħha li tikkritika li hemm żnaturament tal-fatti u tal-provi billi tirreferi għad-diversi kuntratti invokati, mingħajr ma tagħti ebda preċiżjoni jew spjegazzjoni f’dan ir-rigward, u inkwantu hija la invokat espliċitament żnaturament tal-imsemmija kuntratti u lanqas il-bona fide dovuta għal dawn l-atti, jidhirli li dan l-ilment għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma dehrilhiex li kellha tikkontesta formalment, fil-kuntest tal-appell tagħha, il-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali fil-punt 221 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-“filosofija” tal-kuntratti ta’ ordni li hija kienet invokat fl-ewwel istanza.

119. Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli fit-totalità tagħha.

120. Peress li l-eżami tal-effett tal-eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklużivi tal-awtur previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250, li huwa s-suġġett tas-sitt aggravju, huwa loġikament meħtieġ wara l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tar-raba’ aggravju dwar l-iżvelar ta’ know-how b’hekk ser tiġi eżaminata biss sussegwentement.

ii)    Fuq l-effett tal-eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklużivi tal-awtur previsti fid-Direttiva 91/250 (is-sitt aggravju)

121. Fil-kuntest tas-sitt aggravju tagħha, il-Kummissjoni tissolleva żewġ ilmenti, l-ewwel wieħed dwar l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 u t-tieni wieħed dwar l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva.

–       Fuq l-ewwel ilment

122. Permezz tal-ewwel ilment tagħha ssollevat fil-kuntest tas-sitt aggravju tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali li interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 meta ddeċidiet li l-eċċezzjoni legali f’dak l-artikolu għall-atti li jaqgħu taħt id-dritt esklużiv tal-awtur ta’ programm tal-kompjuter hija intiża li tapplika biss għax-xogħlijiet imwettqa mill-akkwirent leġittimu ta’ dan il-programm u mhux għax-xogħlijiet fdati lil terz minn dak l-akkwirent (punt 225 tas-sentenza appellata).

123. L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 jipprovdi li, ħlief għal dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi, l-atti previsti fl-Artikolu 4(a) u (b) tal-imsemmija direttiva, fosthom b’mod partikolari “it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom”, ma humiex suġġetti għall-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, kemm-il darba jkunu meħtieġa biex jippermettu lill-akkwirent leġittimu li juża l-programm tal-kompjuter b’mod konformi mal-iskop tiegħu, inkluż biex jiġu kkoreġuti żbalji.

124. Il-Qorti tal-Ġustizzja, li għadha ma kellhiex l-okkażjoni li teżamina l-kwistjoni jekk, kif tafferma l-Qorti Ġenerali, l-eċċezzjoni għad-dritt esklużiv tal-awtur tistax tapplika għax-xogħlijiet ta’ adattament fdati lil terz mill-akkwirent leġittimu ta’ programm, b’hekk hija msejħa biex tiddikjara l-pożizzjoni tagħha dwar dan il-punt (42).

125. F’dan ir-rigward, mill-premessi għoxrin u tnejn u għoxrin tad-Direttiva 91/250 jirriżulta li wieħed mill-għanijiet ta’ din l-eċċezzjoni huwa sabiex tippermetti l-interoperabilità ta’ programm maħluq b’mod indipendenti ma’ programmi oħrajn jew l-interkonnessjoni tal-elementi kollha ta’ sistema tal-informatika, inklużi dawk ta’ manifatturi differenti, sabiex ikunu jistgħu jaħdmu flimkien. Il-premessa wieħed u għoxrin tal-istess direttiva tippreċiża li l-atti ta’ riproduzzjoni u ta’ traduzzjoni previsti fl-Artikolu 4(a) u (b) tal-istess direttiva jistgħu jitwettqu minn jew f’isem persuna li jkollha d-dritt li tuża kopja ta’ programm.

126. B’hekk, anki meta d-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 91/250 ikollhom, inkwantu jipprevedu eċċezzjoni mid-dritt esklużiv ta’ azzjoni jew awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-awtur fuq programm tal-kompjuter, jingħataw interpretazzjoni stretta, jidhirli diffiċli li wieħed jeskludi, fil-prinċipju, li x-xogħlijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jistgħu jitwettqu minn terz għan-nom ta’ detentur ta’ dritt ta’ awtorizzazzjoni.

127. L-ewwel ilment ifformulat mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-sitt aggravju tagħha b’hekk jidhirli li huwa fondat, b’mod li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata wkoll għal dik ir-raġuni biss, minkejja li din hija biss element sussidjarju fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali.

128. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni invokat id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġijiet tal-Belġju u tal-Lussemburgu (punt 224 tas-sentenza appellata) iżda l-Qorti Ġenerali ċaħdet dawk l-argumenti fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 (punt 225 tas-sentenza appellata), wara li ġġudikat li n-natura illeċita tal-aġir tal-Kummissjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri (punt 103 tas-sentenza appellata).

129. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tannulla s-sentenza appellata għal din ir-raġuni biss, il-kawża allura jkollha tiġi rrinvjata lill-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar teżamina l-kundizzjonijiet l-oħrajn għall-applikazzjoni ta’ dik l-eċċezzjoni u, b’mod iktar preċiż, jekk kif issostni l-Kummissjoni, l-adattament ta’ programm għal sistema ġdida ta’ sfruttament jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u jekk ix-xogħlijiet deskritti fis-sejħa għal offerti inkwistjoni u mwettqa minn Gosselies kinux, b’mod konformi mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250, meħtieġa sabiex jiġi utilizzat il-programm b’mod konformi mal-iskop tiegħu.

–       Fuq it-tieni lment

130. It-tieni lment ifformulat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami tal-eċċezzjoni ta’ dekumpilazzjoni prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250, għandu, min-naħa l-oħra, jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli. Għalkemm huwa minnu li s-sentenza appellata b’ebda mod ma tanalizza l-eċċezzjoni ta’ dekumpilazzjoni ssollevata mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma mmotivatx b’mod suffiċjenti s-sentenza tagħha jew li naqset milli tiddikjara l-pożizzjoni tagħha fuq xi punt, jew iddeċidiet infra petita.

131. Effettivament, kif tenfasizza l-Kummissjoni stess fir-rikors tal-appell tagħha, hija invokat l-eċċezzjoni ta’ dekumpilazzjoni biss fir-risposta tagħha għat-tieni serje ta’ domandi li saru mill-Qorti Ġenerali. La r-risposta u lanqas il-kontroreplika ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma jsemmu dik l-eċċezzjoni jew id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 91/250 fejn tinsab. L-argument ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ dekumpilazzjoni b’hekk ma jistax jitqies bħala aggravju ta’ difiża li jeħtieġ risposta espressa mill-Qorti Ġenerali taħt piena ta’ ċensura.

iii) Fuq l-iżvelar ta’ know-how (it-tieni parti tar-raba’ aggravju)

132. Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni tilmenta wkoll li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li billi tat il-kuntratt riżultanti mis-sejħa għal offerti tal-4 ta’ Ottubru 2003 lill-kumpannija Gosselies, hija illegalment żvelat in-know-how ta’ Systran, b’riferiment kemm għall-motivi relatati mal-ammissibbiltà, fil-punti 78 sa 82 tas-sentenza appellata u dawk li jirrigwardaw il-merti tal-imsemmija sentenza fil-punt 200 ta’ din tal-aħħar. Minn naħa waħda, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 339 TFUE ma humiex sodisfatti f’din il-kawża, kif jirriżulta mis-sentenza tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni (145/83, Ġabra p. 3539). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti, u wisq inqas il-Qorti Ġenerali, ma identifika la regola u lanqas prinċipju ġenerali ieħor li jiggarantixxu l-protezzjoni tan-know-how, b’mod li t-talba fuq dan il-punt kellha tiġi ddikjarata inammissibbli.

133. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mill-ewwel kkonstatat li l-Qorti Ġenerali effettivament iddeċidiet, fuq talba tar-rikorrenti (43), li l-Kummissjoni kienet żvelat illegalment in-know-how ta’ Systran (44). B’mod partikolari, hija kkonkludiet fil-punt 215 tas-sentenza appellata, matul l-eżami tad-drittijiet invokati mir-rikorrenti, li l-grupp Systran kellu dritt li jinvoka l-protezzjoni tan-know-how fuq l-informazzjoni teknika u sigrieta relatata mal-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran (45), billi jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-analiżi li saret fil-punti 78 sa 81 tas-sentenza appellata dwar l-ammissibbiltà tal-azzjoni għad-danni.

134. F’dan il-każ, hija ddeċidiet li informazzjoni teknika li tagħmel parti mis-sigrieti tan-negozju ta’ impriża u li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni għal finijiet preċiżi ma tistax tiġi żvelata lil terzi għal finijiet oħra mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-impriża kkonċernata (punt 81 tas-sentenza appellata).

135. Hija waslet għal din il-konklużjoni billi fakkret fl-ewwel lok il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi, minn naħa waħda, li l-obbligu ta’ kunfidenzjalità tal-Kummissjoni u tal-persunal tagħha skont l-Artikolu 339 TFUE jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt u, min-naħa l-oħra, li din l-istess dispożizzjoni tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jgħid li l-impriżi għandhom dritt għall-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Hija fakkret ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jiggarantixxu l-ħarsien tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza protezzjonali fin-negozju. Sussegwentement, hija ddefinixxiet is-sigrieti tan-negozju kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 287 KE.

136. B’hekk, it-tieni parti tar-raba’ motiv imqajjem mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala manifestament infondata.

iv)    Fuq il-ksur suffiċjentement serju (il-ħames aggravju)

137. Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li, fir-rigward tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (46), il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet li l-allegati nuqqasijiet ta’ ksur u żvelar ta’ know-how jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju fis-sens tal-ġurisprudenza. Il-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju, u b’mod partikolari r-rekwiżiti dwar in-natura inskużabbli tal-aġir ikkritikat u dwar iċ-ċarezza tar-regola miksura, ma humiex sodisfatti b’mod ċar u l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku perentorju.

138. Il-Qorti Ġenerali fl-ewwel lok fakkret, billi ċċitat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (47), li l-aġir illegali li bih tiġi akkużata istituzzjoni għandu jikkonsisti fi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li jkollha l-iskop li tagħti drittijiet lil individwi u li, meta l-istituzzjoni inkwistjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment ristrett, jew ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (48).

139. Wara l-analiżi tagħha tad-drittijiet invokati mir-rikorrenti u tal-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni (49), hija ddeċidiet li “billi kkunsidrat li għandha d-dritt twettaq xogħlijiet li jimplikaw modifika tal-elementi li jikkonċernaw il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran u li kienu jinsabu fil-verżjoni EC-Systran Unix, mingħajr ma kisbet minn qabel il-kunsens tal-grupp Systran, il-Kummissjoni wettqet illegalità fid-dawl tal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri applikabbli f’dan il-qasam” u li dan in-nuqqas kien jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet tal-awtur u tan-know-how tal-grupp Systran fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran (50).

140. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-konvenuti, dan l-ilment ma jistax jiġi ddikjarat inammissibbli għar-raġuni li ma ġiex issollevat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Dan l-ilment, effettivament, ġie ssollevat fil-kuntest ta’ aggravju bbażat fuq żball ta’ kwalifikazzjoni tal-aġir tal-Kummissjoni u tan-nuqqas ta’ kull illegalità jew nuqqas minn din tal-aħħar, u b’hekk jikkontesta l-eżistenza stess ta’ wieħed mit-tliet elementi li jikkostitwixxu responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, eżaminat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, huwa ammissibbli għall-Kummissjoni li tissolleva ilment li jirriżulta mis-sentenza appellata nfisha u li jikkritika l-fondatezza ta’ din tal-aħħar (51).

141. F’dan il-każ, il-kritiki ssollevati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ appell ma humiex ta’ natura li jippermettu li tintlaħaq konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi mwettaq f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali, anki jekk, barra minn hekk, is-sentenza appellata timmerita ċertament li tiġi kkritikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt.

142. Effettivament, għandu jitfakkar li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li fuqha bbażat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, il-kriterju deċiżiv sabiex jitqies li ksur tad-dritt Komunitarju huwa suffiċjentement serju huwa dak tan-nuqqas manifest u serju, mill-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata, li tirrispetta l-limiti tad-diskrezzjoni tagħha. Peress li din l-istituzzjoni għandha biss setgħa diskrezzjonali kunsiderevolment imnaqqsa, kważi ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur serju biżżejjed (52).

143. Minn dan isegwi, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża, li l-Qorti Ġenerali ma tistax, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonkludi li hemm ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju mingħajr ma tiddetermina l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-istituzzjoni jew, ta’ mill-inqas, mingħajr ma tkun spjegat b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi r-raġunijiet u ċ-ċirkustanzi li setgħu jiġġustifikaw li, fuq bażi eċċezzjonali, dik l-analiżi hija inutli (53).

144. Issa, peress li l-Qorti Ġenerali la ddeterminat din il-marġni ta’ diskrezzjoni u lanqas ma spjegat għal liema raġuni ma kienx neċessarju li tagħmel tali analiżi, is-sentenza appellata għandha tiġi kkritikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt.

145. Is-sentenza appellata ma għandhiex, madankollu, tiġi annullata għal din ir-raġuni.

146. Effettivament, il-kawża kontra l-Kummissjoni ma nfetħitx minħabba l-attivitajiet regolatorji tagħha, u b’mod iktar preċiż il-konsegwenzi dannużi li jirriżultaw minn att regolatorju adottat fil-kuntest ta’ diskrezzjoni wiesgħa (54), iżda abbażi l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi. Għalkemm istituzzjoni tal-Unjoni jista’ jkollha b’mod ċar id-diskrezzjoni kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi li tniedi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, hija min-naħa l-oħra ma jkollha ebda diskrezzjoni fir-rigward tal-ħarsien tal-liġi applikabbli għaliha fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

147. B’hekk, u mingħajr ma hu neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk huwiex opportun li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi (55) sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali għall-attività amministrattiva distint mis-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali għall-attività regolatorja, jiena tal-fehma, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, li l-ksur minn istituzzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, tad-dritijiet tal-awtur jew tan-know-how ta’ persuna fiżika jew ġuridika, jekk nassumu li huwa stabbilit, jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-iskop li tagħti drittijiet lil individwi u jagħti lok għal dritt ta’ kumpens.

148. L-ilment dwar żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali bil-għan li jingħataw drittijiet lil individwi għandu b’hekk jiġi miċħud ukoll.

149. Bħala konsegwenza, il-ħames aggravju ssollevat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

2.      Fuq l-eżistenza ta’ danni

a)      Sunt tal-motivi tas-sentenza appellata

150. Fil-punt 291 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, minkejja l-proposta ta’ evalwazzjoni inizjali ppreċiżata b’mod insuffiċjenti tad-dannu tar-rikorrenti, ma jistax jiġi injorat il-fatt li l-grupp Systran ġarrab “dannu reali u ċert”, li kien jikkonsisti fit-“telf fil-valur tan-’know-how’ ta’ Systran wara l-iżvelar tiegħu mill-Kummissjoni” (punt 292 tas-sentenza appellata). Hija kkonkludiet, b’mod iktar preċiż, li kien hemm dannu materjali, li kien jikkonsisti fi tliet elementi prinċipali, u dannu morali.

151. Hija kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-attestazzjonijiet tad-distributuri tar-rikorrenti jistabbilixxu li l-attitudni tal-Kummissjoni kienet ta’ dannu għall-attivitajiet kummerċjali tal-grupp Systran, dannu li mmaterjalizza fit-“telf ta’ klijenti potenzjali u fil-kumplikazzjoni tad-diskussjonijiet mal-klijenti attwali” (punt 293 tas-sentenza appellata). Fit-tieni lok, id-dikjarazzjonijiet u x-xiehda tal-kumpanniji finanzjarji (punt 295 tas-sentenza appellata) jippermettu li jiġi kkonstatat li “Systran [saret] inqas attraenti f’għajnejn l-azzjonisti tagħha, f’għajnejn l-investituri attwali jew potenzjali, u wkoll f’għajnejn operaturi interessati li jakkwistawha” (punt 295 tas-sentenza appellata). Fit-tielet lok, dikjarazzjoni tal-awdituri ta’ Systran (punt 298 tas-sentenza appellata) turi li Systran kellha tikkostitwixxi proveddiment fil-kontijiet tagħha ta’ EUR 11.6 miljun għad-diprezzament tal-assi intanġibbli tagħha, jiġifieri t-telf tal-valur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha (punt 298 tas-sentenza appellata).

152. Barra minn hekk, hija kkonstatat, fl-evalwazzjoni ta’ ammont fiss għad-danni, id-dannu morali mġarrab li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, billi rrilevat f’dan ir-rigward li, bl-aġir tagħha, il-Kummissjoni ċaħħdet lil Systran id-drittijiet li hija setgħet tieħu mill-ħolqien tagħha, aġir li huwa iktar gravi peress li, inkwantu istituzzjoni, il-Kummissjoni hija l-ġenesi tad-dispożizzjonijiet differenti li jarmonizzaw id-dritt tal-Komunità dwar id-drittijiet tal-awtur li ma ġewx rispettati f’din il-kawża (punt 324 tas-sentenza appellata).

b)      Sunt tal-argumenti tal-Kummissjoni

153. Fil-kuntest tat-tmien aggravju tagħha li, bħal ma ser jintwera iktar ’l isfel, jikkritika essenzjalment il-kwantifikazzjoni tad-danni materjali u morali mġarrba mir-rikorrenti u l-elementi adottati mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha ta’ somma fissa għal dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni tikkontesta madankollu formalment l-eżistenza ta’ kull dannu materjali. Effettivament hija tal-fehma li l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni lil Gosselies b’ebda mod ma jikkostitwixxi nuqqas u li hija b’hekk ma setgħet tikkawża ebda dannu. Hija tikkontesta wkoll espliċitament l-eżistenza ta’ xi dannu morali, billi enfasizzat, b’mod paritkolari, li l-Qorti Ġenerali ma identifikat ebda dannu morali distint mid-dannu materjali vvalutat għal EUR 12-il miljun.

154. B’hekk hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina dawn iż-żewġ ilmenti anki jekk, kif ser jintwera iktar ’l isfel, dawn jistgħu faċilment jiġu respinti.

c)      Kunsiderazzjoni

155. Qabelxejn għandu jiġi kkonstat li l-appell tal-Kummissjoni ma jindikax b’mod preċiż l-elementi kkritikati fis-sentenza, fir-rigward tal-eżistenza tad-dannu materjali identifikat mill-Qorti Ġenerali, li l-annullament tagħha huwa mitlub u lanqas l-argumenti legali li jissostanzjaw b’mod speċifiku dik it-talba. L-argument tal-Kummissjoni lanqas ma jpoġġi f’dubju d-diffikultajiet kummerċjali u finanzjarji u lanqas il-kostituzzjoni tal-provvediment fil-kontijiet ta’ EUR 11.6 miljun identifikati mill-Qorti Ġenerali bħala elementi li jikkostitwixxu d-danni materjali invokati mir-rikorrenti.

156. Peress li dan l-ilment ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar (56), għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

157. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod ċar li d-dannu morali li ġarrbet Systran jinsab fiċ-ċaħda tad-drittijiet li hija setgħet tikseb mill-ħolqien tagħha. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata fuq dan il-punt hija ċertament konċiża ħafna, saħansitra ellittika, iżda tikkostitwixxi risposta għall-argument preċiż tar-rikorrenti, li huwa sinteżizzat fil-punt 272 tas-sentenza appellata.

158. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi ilmentat li l-Qorti Ġenerali ma identifikatx l-imsemmi dannu morali.

159. Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li l-ilmenti li permezz tagħhom il-Kummissjoni tikkontesta l-analiżi li saret mill-Qorti Ġenerali tal-eżistenza tad-danni materjali u morali identifikati għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment infondati, waqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-motivi tas-sentenza appellata (punti 301 sa 326 ta’ din tal-aħħar) iddedikati għall-evalwazzjoni tal-ammont ta’ dawn id-danni ser jiġu eżaminati iktar ’l isfel, fil-qafas tal-analiżi tat-tmien aggravju ssollevat mill-Kummissjoni.

3.      Fuq ir-rabta kawżali (is-seba’ aggravju)

a)      Sunt tal-argumenti tal-Kummissjoni

160. Is-seba’ aggravju ssollevat mill-Kummissjoni, li huwa ddedikat għall-kritika tal-analiżi tar-rabta kawżali bejn l-illegalitajiet ikkonstatati u d-danni identifikati, huwa maqsum f’żewġ partijiet.

161. Fil-kuntest tal-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li rriżulta minn konstatazzjonijiet materjalment żbaljati u mill-iżnaturament tal-provi meta kkonkludiet li kien hemm rabta suffiċjentement diretta bejn l-aġir tagħha u d-dannu li ġarrbet Systran minħabba l-fatt li kellha tikkostitwixxi, fit-tmiem tas-sena 2008, parti mill-provvediment ta’ EUR 11.6 miljun għal diprezzament tal-assi intanġibbli tagħha. Hija wkoll tal-fehma li ma kienx l-aġir tagħha li ta bidu għall-problemi fir-relazzjonijiet kummerċjali ta’ Systran u li dan ma kienx ostaklu sostanzjali għal kwalunkwe investitur li seta’ kien interessat f’Systran (l-ewwel ilment). Hija tirrileva wkoll li, permezz tar-riferiment għall-punti 324 u 325 tas-sentenza appellata fil-punt 300 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali naqset milli timmotiva s-sentenza tagħha fir-rigward tar-rabta kawżali bejn id-dannu morali mġarrab minn Systran u l-aġir tagħha (it-tieni lment).

162. Fil-kuntest tat-tieni parti, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li teżisti rabta kawżali mingħajr ma eżaminat jekk Systran kinitx ipproduċiet prova ta’ diliġenza raġonevoli biex tevita jew tillimita d-dannu tagħha. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti naqsu milli jisfruttaw il-mezzi ta’ rikors għad-dispożizzjoni tagħhom biex jopponu l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, f’dan il-każ permezz tar-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE jew l-azzjoni għal waqfien tal-ksur skont il-liġi Belġjana jew tal-Lussemburgu.

b)      Kunsiderazzjoni

163. Fl-ewwel lok għandi nippreċiża li l-ilment ifformulat mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni parti tas-seba’ aggravju, li jallega nuqqas ta’ eżami mill-Qorti Ġenerali tal-ksur tar-rabta kawżali, huwa fil-fehma tiegħi fondat, b’mod li ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati ż-żewġ ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel parti tal-imsemmi aggravju. Madankollu, u b’mod konformi mal-linja segwita sa issa f’dawn il-konklużjonijiet, ser nippreżenta xi riflessjonijiet f’dan ir-rigward, b’mod li tingħata kjarifika lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk meħtieġ, dwar il-punti legali kollha inkwistjoni f’din il-kawża.

i)      Fuq il-ksur tar-rabta kawżali (it-tieni parti tas-seba’ aggravju)

164. Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-vittma ta’ dannu għandha, skont prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, tipproduċi prova ta’ diliġenza raġonevoli sabiex tevita dannu jew tillimita l-portata tiegħu, bir-riskju li jkollha tagħmel tajjeb għalih hija stess (57).

165. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-fatt li l-Qorti Ġenerali, meta adita b’talba għal kumpens, ma teżaminax jekk il-vittma ta’ dannu kkontribwitx hija stess għat-twettiq ta’ dan tal-aħħar, jikkostitwixxi żball ta’ liġi (58).

166. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrileva l-Kummissjoni, ma jirriżultax mill-motivi tas-sentenza appellata (punti 291 sa 300) iddedikati għall-eżami tar-rabta kawżali bejn l-illegalità allegata u d-danni invokati li l-Qorti Ġenerali eżaminat din il-kwistjoni.

167. Iċ-ċirkustanza, irrilevata mir-rikorrenti, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-proċedura orali sabiex tistieden lill-partijiet biex jiddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom, fil-kuntest tar-risposta tagħhom għat-tielet serje ta’ domandi (59), dwar il-kwistjoni jekk kellux jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-ammont tad-dannu, il-fatt li r-rikorrenti għamlu dak kollu possibbli biex inaqqsu l-ammont ta’ telf imġarrab, ma għandhiex titqies bħala li tirrimedja din il-lakuna.

168. Għalkemm il-Qorti Ġenerali effettivament ħadet inkunsiderazzjoni dawn iċ-ċirkustanzi fl-evalwazzjoni ta’ ammont f’daqqa għad-dannu, jibqa’ l-fatt li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tinsabx f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha f’dan ir-rigward.

169. It-tieni parti tas-seba’ aggravju ssollevat mill-Kummissjoni, li tirrigwarda n-nuqqas ta’ eżami tal-possibbiltà li ġiet miksura r-rabta kawżali, b’hekk għandha tiġi aċċettata.

170. Is-sentenza appellata b’hekk għandha tiġi annullata wkoll għal din ir-raġuni u l-kawża għandha tiġi rrinvjata lill-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar teżamina dan il-punt, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tinsabx f’pożizzjoni li taqta’ l-kawża hija stess b’mod definittiv.

ii)    Fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta (l-ewwel parti tas-seba’ aggravju)

171. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni teżerċita, skont l-Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali (60).

172. B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, il‑kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-fatt li kkawża d‑dannu u d-dannu, kundizzjoni meħtieġa sabiex ikun hemm din ir-responsabbiltà, tikkostitwixxi punt ta’ liġi li hija, għalhekk, suġġetta għall-istħarriġ tagħha. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, aggravju bbażat fuq il-fatt li l‑Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet li hemm rabta kawżali diretta bejn in‑nuqqas tal‑Kummissjoni u d‑dannu allegat imġarrab mill‑impriża appellata huwa ammissibbli sa fejn jirreferi preċiżament għal stħarriġ tal‑kwalifika legali tal‑fatti magħmula mill‑Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi li hemm rabta kawżali diretta u sa fejn dan l‑istħarriġ jista’ jitwettaq f’din il‑kawża mingħajr ma jiġu kkontestati l‑konstatazzjonijiet u l‑evalwazzjonijiet ta’ fatti magħmula (61).

173. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 291 sa 300 tas-sentenza appellata, konġuntament ir-realtà tad-dannu mġarrab minn Systran u r-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir tal-Kummissjoni, billi kkwalifikat din ir-rabta bħala “suffiċjentement diretta” f’żewġ okkażjonijiet, fil-bidu u fl-aħħar tal-analiżi tagħha (punti 291 u 300 tas-sentenza appellata).

174. Madankollu, iċ-ċirkustanza li dawn il-motivi tas-sentenza appellata ma jistgħux jinfirdu faċilment minn xulxin jew li l-Qorti Ġenerali ma analizzatx b’mod distintiv ir-rabta kawżali meħtieġa fil-motivi speċifiċi ddedikati għal dan il-għan ma tippermettix, weħidha, li wieħed jikkonkludi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti, peress li jirriżulta b’mod ċar minn dawn il-motivi li hija nislet il-konsegwenzi tal-konstatazzjonijiet tagħha billi kkwalifikat l-aġir tal-Kummissjoni bħala kawża diretta u ċerta tad-danni kkonstatati (62).

175. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 292 tas-sentenza appellata, li kellha “tiġi identifikata l-portata tal-effetti tal-aġir tal-Kummissjoni fuq l-attivitajiet tal-grupp Systran”, billi tiġi indirizzata t-tieni serje ta’ domandi lill-partijiet.

176. Hija kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet li jirriżultaw mid-distributuri tar-rikorrenti, ippreżentati minn dawn tal-aħħar b’risposta għad-domandi tagħha, “juru l-fatt, li huwa perfettament plawżibbli, li tilwima bejn impriża […] u waħda mill-klijenti istituzzjonali tagħha […] tagħmel iktar diffiċli r-relazzjonijiet kummerċjali ta’ din l-impriża mal-klijenti attwali u potenzjali tagħha” (punt 294 tas-sentenza appellata). Hija kienet ukoll tal-fehma li l-attestazzjonijiet u xhieda tal-impriżi finanzjarji “jesponu b’mod suffiċjenti bħala provi r-reazzjonijiet ta’ diversi investituri għall-idea li jżommu, jinvestu fi jew jakkwistaw kumpannija li tikkummerċjalizza softwer tal-informatika li d-drittijiet fir-rigward tiegħu huma kkontestati mill-Kummissjoni” (punt 296 tas-sentenza appellata). Fl-aħħar nett, hija kkonstatat li l-attestazzjoni tal-awdituri ta’ Systran kienet tippermetti li jiġi stabbilit li l-provvediment ta’ EUR 11.6 miljun għal diprezzament ta’ assi intanġibbli kien marbut mat-tliet raġunijiet msemmija, l-ewwel waħda fosthom it-tilwima mal-Kummissjoni.

177. Għandu jiġi kkonstatat li l-elementi differenti kkunsidrati mill-Qorti Ġenerali ma jippermettulhiex li tikkonstata rabta suffiċjentement diretta u immedjata ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-Kummissjoni kkritikat u d-diversi komponenti ta’ dannu allegat mir-rikorrenti. Barra minn hekk, dawn jippermettu li jiġi kkonstatat li l-kawża dwar proprjetà intellettwali bejn Systran u l-Kummissjoni seta’ kellha effett fuq id-degradazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha.

178. B’hekk, minn naħa waħda, ir-rabta bejn din it-tilwima u l-kumplikazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali ta’ Systran hija iġġudikata bħala, skont l-istess termini użati mill-Qorti Ġenerali, “perfettament plawżibbli”. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali stess tenfasizza li l-provvediment ta’ EUR 11.6 miljun għal diprezzament tal-assi intanġibbli hija ġġustifikata għal tliet raġunijiet. Hija madankollu b’ebda mod ma tippreċiża l-parti tad-dannu riżultanti li hija tikkunsidra bħala imputabbli għall-kunflitt bejn Systran u l-Kummissjoni u li tiġġustifika l-valutazzjoni tad-dannu materjali mġarrab fil-forma ta’ ammont fiss.

179. Għandu jingħad ukoll f’dan ir-rigward li, għalkemm fil-prinċipju, u kif tfakkar iktar ’il fuq, ma huwiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ, fil-kuntest ta’ appell, l-għażla tal-valutazzjoni tad-dannu fil-forma ta’ ammont fiss mill-Qorti Ġenerali, din l-għażla ma tistax madankollu tawtorizza lil din tal-aħħar biex ma tistħarriġx f’dettall it-tielet kundizzjoni biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li tikkostitwixxi l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata ta’ kawżalità bejn l-illegalità invokata u d-dannu allegat.

180. L-ewwel ilment issollevat mill-Kummissjoni fil-qafas tal-ewwel parti tas-seba’ aggravju u bbażat fuq kwalifikazzjoni ġuridika żbaljata tar-rabta kawżali għandu, għaldaqstant, jiġi milqugħ.

181. Min-naħa l-oħra, it-tieni lment issollevat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel parti tas-seba’ aggravju tagħha li huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tar-rabta kawżali bejn l-aġir tagħha u d-dannu morali invokat mir-rikorrenti għandu, fir-rigward tal-analiżi tal-imsemmi dannu mwettqa iktar ’il fuq, jiġi miċħud.

4.      Fuq il-kwantifikazzjoni tad-danni (it-tmien aggravju)

182. Fid-dawl tal-konklużjoni li wasalt għaliha iktar ’il fuq wara l-eżami tas-seba’ aggravju dwar il-kundizzjoni relatata mar-rabta kawżali, l-eżami tat-tmien aggravju li jikkritika l-evalwazzjoni tad-danni identifikati ser isir biss fuq bażi sussidjarja.

a)      Sunt tal-argumenti tal-Kummissjoni

183. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat fuq il-valur ta’ liċenzja ta’ adattament fittizja biex tevalwa d-dannu mġarrab minn Systran bejn l-2004 u l-2010. B’mod iktar preċiż, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żnaturament tal-fatti meta kkunsidrat li dan il-perijodu, kif ukoll ix-xogħlijiet imwettqa minn Gosselies kellhom isiru fuq tliet snin bejn l-2004 u l-2006, fatt li hija kkonstatat fil-punt 313 tas-sentenza appellata. Is-sentenza appellata hija, għaldaqstant, ivvizzjata wkoll b’kontradizzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, b’kontradizzjoni totali mal-elementi tal-atti tal-proċess, ikkonstatat li liċenza għall-modifika tal-kodiċi sors ma kinitx normali inkwantu din ma taqax taħt il-mudell ekonomiku tradizzjonali tal-edituri tas-softwer, waqt li d-diversi kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-grupp Systran wara l-1975 kienu jipprevedu d-dritt għall-Kummissjoni li twettaq jew li tqabbad lil ħaddieħor biex iwettaq xogħlijiet ta’ adattament u ta’ żvliupp tas-softwer EC-Systran.

184. L-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ammont “kumplimentari” ta’ ħames miljun euro kienet ibbażata wkoll fuq kontradizzjoni manifesta bejn il-konstatazzjonijiet ta’ fatt li saru u l-metodu ta’ kalkolu użat. Din tal-aħħar, effettivament, ikkunsidrat, fil-punt 321 tas-sentenza appellata, li l-attività u l-iżvilupp ta’ Systran saru kull sena bejn l-2004 b’ammont fiss ta’ EUR 650 000, waqt li kien ġie rrilevat qabel li l-aħbar tal-iżvelar tas-softwer u tan-know-how assoċjat mill-Kummissjoni nxterdet biss fl-2005 u saret pubblika biss fl-2006.

185. Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll, minbarra l-eżistenza ta’ kull dannu morali kif indikat iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar. Hija tirrileva li l-kumpens għandu, bħala prinċipju, ikun strettament ekwivalenti għad-dannu, b’mod li l-gravità tan-nuqqas allegatament imwettaq ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ dan tal-aħħar. B’hekk, billi, fil-punti 324 u 325 tas-sentenza appellata, ikkundannat lill-Komunità biex tħallas lil Systran EUR 1 000 bħala kumpens għad-dannu morali li kkawżat, bħala kunsiderazzjoni għall-gravità tal-allegat nuqqas imwettaq mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-prinċipji ġenerali komuni tal-liġijiet tal-Istati Membri u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

b)      Kunsiderazzjoni

186. Għandu jitfakkar fuq bażi preliminari li, meta l-Qorti Ġenerali kkonstatat l-eżistenza ta’ dannu, hija jkollha kompetenza esklużiva biex tevalwa, fil-limiti tat-talba, il-mod u l-portata tal-kumpens li għandu jingħata, iżda s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tkun immotivata b’mod suffiċjenti u tindika b’mod partikolari l-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont stabbilit (63), b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

i)      Fuq id-dannu materjali

187. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod konformi mal-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva 2004/48, li tiffissa ammont fiss ta’ danni (punti 301 sa 326 tas-sentenza appellata). Hija ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni tal-metodu tal-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, previst fl-imsemmi Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva 2004/48, ħolqot diffikultajiet sostanzjali, inkwantu l-espert finanzjarju tal-Kummissjoni kien oppona sistematikament it-tentattivi kollha ta’ valutazzjoni tal-espert finanzjarju tar-rikorrenti (punti 303 sa 306 tas-sentenza appellata).

188. Il-Qorti Ġenerali sussegwentement ippreċiżat f’dettall l-elementi li fuq il-bażi tagħhom kellu jinħadem dak il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, billi ddistingwiet bejn ammont prinċipali, ikkostitwit mill-ammont ta’ ħlasijiet jew ta’ drittijiet li kienu jkunu dovuti kieku l-Kummissjoni talbet l-awtorizzazzjoni biex tuża d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni (punti 307 sa 319 tas-sentenza appellata), ammont addizzjonali, meqjus meħtieġ sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li ma setgħux jiġu rrimedjati sempliċement bl-għoti tal-imsemmija ħlasijiet (punti 320 sa 323 tas-sentenza appellata) u, fl-aħħar nett, l-ammont bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minn Systran (punti 324 u 325 tas-sentenza appellata).

189. Il-Kummissjoni tikkritika żewġ elementi tal-valutazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ammont prinċipali u tal-ammont supplimentari.

190. Fl-ewwel lok hija targumenta li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tieħu, bħala bażi ta’ riferiment għall-kalkolu tal-ammont fiss prinċipali, liċenzja ta’ modifika tal-kodiċi sors ta’ softwer pjuttost minn sempliċi liċenzja ta’ użu ta’ softwer. Dak li hija tikkritika, b’mod iktar preċiż, huwa li din l-għażla hija bbażata fuq l-argument li liċenzja ta’ modifika tal-kodiċi sors ta’ softwer ma hijiex normali, għaliex ma taqax taħt il-mudell ekonomiku tradizzjonali tal-edituri tas-softwer (punt 308 tas-sentenza appellata). Hija tal-fehma li din id-dikjarazzjoni tikkontradixxi l-provi tal-proċess, inkwantu l-kuntratti li hija kkonkludiet mal-kumpanniji tal-grupp Systran juru f’dan il-każ li liċenzji ta’ dak it-tip mhux barra min-norma.

191. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali għamlet l-almu tagħha biex tikkalkula l-ammont prinċipali billi evalwat l-ammont ta’ ħlasijiet ta’ liċenzja annwali ipotetika ta’ modifika tal-kodiċi sors ta’ softwer ikkalkulata b’riferiment għall-ammont ta’ liċenzja annwali ipotetika għall-użu ta’ dan is-softwer, u b’hekk billi bbażat fuq l-ipoteżi li liċenzja ta’ modifika kienet, meta titqies il-portata tagħha, iktar oneruża minn sempliċi liċenzja ta’ użu. Il-kuntratti invokati mill-Kummissjoni ma jippermettux, fin-nuqqas ta’ ċifri preċiżi, li titpoġġa f’dubju l-pertinenza ta’ din id-distinzjoni, b’mod li ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta telqet minn din l-ipoteżi.

192. Il-Kummissjoni tikkritika, sussegwentement, il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali biex tevalwa l-ammont prinċipali tad-dannu materjali identifikat. Peress li x-xogħlijiet imwettqa minn Gosselies saru bejn l-2004 u l-2006, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-ammont tal-ħlasijiet ta’ liċenzja annwali ipotetika għall-modifika tal-kodiċi sors kellha tiġi kkalkulata għall-perjodu bejn l-2004 u l-2010 (punt 318 tas-sentenza appellata).

193. Madankollu huwa biżżejjed jekk jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-kalkolu tal-ammont tal-ħlasijiet ta’ liċenzja annwali ipotetika għall-modifika tal-kodiċi sors ma għandux l-iskop li jikkumpensa direttament id-dannu li jirriżulta għal Systran mix-xogħlijiet imwettqa minn Gosselies, iżda li jiġi evalwat l-ammont f’daqqa prinċipali tad-danni bil-għan li jiġi rrimedjat id-dannu, jekk nassumu li ġie stabbilit, li rriżulta għal Systran mill-fatt li l-Kummissjoni assumiet id-dritt li twettaq xogħlijiet mingħajr awtorizzazzjoni li kellhom iwasslu għal modifika ta’ elementi relatati mal-verżjoni Systran Unix tas-softwer EC-Systran Unix. Il-Qorti Ġenerali b’hekk ikkonkludiet loġikament, għalkemm impliċitament (64), li dawk il-ħlasijiet kienu dovuti kull sena għall-perijodu kollu tal-użu tas-softwer immodifikat, jew mill-2004, id-data meta seħħ dak id-dannu bl-iffirmar tal-kuntratt inkwistjoni mogħti lil Gosselies, sal-2010, id-data meta ngħatat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

194. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni ġustament li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx l-għażla tal-perijodu meħud inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali sabiex jiġi evalwat l-ammont supplimentari tad-dannu materjali identifikat.

195. Effettivament, il-Qorti Ġenerali tindika li dan l-ammont supplimentari huwa neċessarju sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi materjali oħrajn tad-dannu mġarrab minn Systran sa mill-2004 li ma jistgħux jiġu rrimedjati sempliċement bl-għoti ta’ ħlasijiet għal liċenzja annwali ipotetika għall-modifika tal-kodiċi sors (punt 320 tas-sentenza appellata). Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li huma l-attività u l-iżvilupp ta’ Systran li twettqu kull sena sa mill-2004 b’valur ta’ EUR 650 000, li jikkorrispondu għal 6 % tal-fatturat tagħha tal-2003 (punt 321 tas-sentenza appellata) u tiffissa dan l-ammont supplimentari aġġornat għas-snin 2004 sa 2010 għal EUR 5 miljun (punt 322 tas-sentenza appellata).

196. Kif osservat il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali stess ikkonstatat li l-aħbar tal-kunflitt bejn Systran u l-Kummissjoni nxterdet fl-2005 u saret pubblika fl-2006 (punt 289 tas-sentenza appellata). Din il-konstatazzjoni għandha titpoġġa f’korrelazzjoni mad-diversi komponenti tad-danni identifikati mill-Qorti Ġenerali fil-motivi segwenti eżaminati iktar ’il fuq (punti 291 sa 300 tas-sentenza appellata). Minn dan jirriżulta li ma huwiex possibbli li jiġi identifikat il-mument fiż-żmien meta bdew id-diffikultajiet kummerċjali (punti 293 u 294 tas-sentenza appellata) u finanzjarji (punti 296 u 297 tas-sentenza appellata) identifikati mill-Qorti Ġenerali, ħlief li l-ħtieġa li jiġi kkostitwit il-proveddiment fil-kontabilità kienet datata 31 ta’ Diċembru 2008.

197. Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-valutazzjoni tal-ammont supplimentari ta’ EUR 5 miljun huwa fondat u li t-tmien aggravju ssollevat mill-Kummissjoni b’hekk għandu jiġi aċċettat fuq dan il-punt.

ii)    Fuq id-dannu morali

198. Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 325 tas-sentenza appellata, ma laqgħetx it-talba fformulata minn Systran, u vvalutat id-dannu morali tagħha għas-somma simbolika ta’ EUR 1 000, wara li kkonstatat li, bl-aġir tagħha, il-Kummissjoni ċaħdet id-drittijiet li hija setgħet tislet mill-ħolqien tagħha, aġir li kien saħansitra iktar gravi minħabba l-fatt li, bħala istituzzjoni, kienet il-Kummissjoni li tat bidu għad-diversi dispożizzjonijiet li jarmonizzaw id-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur li ma ġewx irrispettati f’din il-kawża (punt 324 tas-sentenza appellata).

199. Għandu jiġi kkonstat li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont fiss ta’ danni, ivvalutat b’mod sovran id-dannu morali mġarrab minn Systran, evalwazzjoni li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi ħadet inkunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti, f’dan il-każ il-fatt li kien mill-Kummissjoni stess li oriġinaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni miksura, b’mod konformi mar-rekwiżiti stipulati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (65).

200. Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tmien aggravju ssollevat mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

D –    Konklużjoni sussidjarja

201. Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien tal-fehma li s-sentenza appellata għandha tiġi kkundannata f’diversi aspetti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-merti. Kemm l-evalwazzjonijiet tagħha taż-żewġ kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni relatata mal-eżistenza ta’ aġir illegali (l-ewwel ilment tas-sitt aggravju) kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-aġir illeċitu kolpuż u d-danni identifikati (l-ewwel ilment tal-ewwel parti u t-tieni parti tas-seba’ aggravju), li huma evalwazzjoni ta’ dawk id-danni (it-tmien aggravju) huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

202. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi sussidjarjament li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata għal dawn id-diversi motivi, anki jekk tista’ tiġi annullata anki fuq il-bażi ta’ motiv wieħed biss, u meta titqies in-natura tal-iżbalji ta’ liġi kkonstatati b’dan il-mod, li l-kawża tiġi rrinvjata lill-istess Qorti Ġenerali sabiex, fl-ewwel lok, hija teżamina mill-ġdid l-eżistenza tal-illegalità allegata u b’mod partikolari l-effett tal-eċċezzjonijiet għad-dritt esklużiv tad-detentur tad-dritt tal-awtur previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250/KEE, sussegwentement li tevalwa mill-ġdid l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-aġir possibbilment illeċitu kkonstatat u d-danni allegati u tevalwa l-elementi li setgħu taw lok għall-ksur ta’ dik ir-rabta kawżali, u fl-aħħar nett, tirreferi għall-motivi li jistgħu jiġġustifikaw il-kwantifikazzjoni ta’ dawk id-danni, u b’mod partikolari tad-dannu materjali supplimentari.

VII – Konklużjoni

203. Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, nipproponi li fuq bażi prinċipali l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li:

-      prinċipalment:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Diċembru 2010, Systran u Systran Luxembourg vs Il-Kummissjoni (T-19/07), hija annullata.

2)      Ir-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressaq minn Systran SA u Systran Luxembourg SA quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea huwa inammissibbli.

3)      Systran SA u Systran Luxembourg SA huma kkundannati għall-ispejjeż.

-      sussidjarjament:

Fuq bażi sussidjarja, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddikjara li:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Diċembru 2010, Systran u Systran Luxembourg vs Il-Kummissjoni (T-19/07), hija annullata.

2)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 - Iktar ’il quddiem “Systran”.


3 – Il-Qorti diġà ġiet adita mill-Kummissjoni dwar allegat ksur ta’ diversi trade marks, f’dan il-każ fil-kuntest tal-iżvilupp tal-proġett Ewropew ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bis-satellita Galileo, iżda mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li tista’ tindirizza l-kwistjonijiet li jistgħu jiġu ssollevati meta jiġu ppreżentati proċedimenti ta’ vjolazzjoni. Ara d-digriet tal-20 ta’ Marzu 2007, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni (C‑325/06 P), li jiċħad bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment, infondat l-appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni (T‑279/03, Ġabra p. II‑1291). Il-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra, diġà kellha l-okkażjoni li teżamina, minbarra fis-sentenza appellata, tali proċedimenti ta’ vjolazzjoni. Ara, fil-qasam tal-liġi dwar it-trade marks, minbarra s-sentenza Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2003, Travelex Global u Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni (T‑195/00, Ġabra p. II‑1677) fil-qasam tal-privattivi, ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Settembru 2007, Document Security Systems vs Il-BĊE (T‑295/05, Ġabra p. II‑2835).


4 – Hawnhekk ser jiġi sempliċement imfakkar li, b’mod konformi mal-Artikolu 89 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, li jistabbilixxi regolament finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1), “[k]ull proċedura għall-għoti ta’ kuntratti ssir billi tinħoloq kompetizzjoni fuq l-iktar bażi wiesgħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali], waqt li huwa ppreċiżat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma kkunsidrati bħala awtoritajiet kontraenti għall-kuntratti mogħtija f’isimhom stess skont l-Artikolu 104 tal-istess regolament. Għandu jitfakkar ukoll li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 93(1)(f) tal-imsemmi regolament, jistgħu jiġu esklużi mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku tal-Unjoni l-kandidati jew l-offerenti li, wara l-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ieħor ikunu ġew iddikjarati ħatja ta’ inadempjenza serja minħabba li ma jkunux wettqu l-obbligi kuntrattwali tagħhom. Għalkemm, minkejja l-ksur fir-relazzjonijiet kuntrattwali li seħħ f’din il-kawża, ma jidhirx li jaqa’ taħt dan it-tip ta’ każ, xorta waħda tqum indirettament il-kwistjoni ta’ konċiljazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur fuq is-softwer u r-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Effettivament, il-kwistjoni li tista’ tqum fil-kuntest tas-swieq pubbliċi tas-servizzi tal-informatika mogħtija mill-istituzzjonijiet, hija dik tal-konċiljazzjoni bejn, minn naħa waħda, il-ħarsien tad-drittijiet tal-awtur fuq softwer u min-naħa l-oħra l-ħarsien tar-regoli fundamentali tat-Trattat applikabbli għal dawk il-kuntratti pubbliċi u li jimponu fuq l-awtorità kontraenti, biex nużaw it-termini tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, Ġabra p. I‑10745, punt 62), obbligu ta’ trasparenza li “jikkonsisti f’garanzija, favur kull applikant potenzjal, ta’ grad ta’ pubbliċità adegwat li jippermetti ftuħ tas-servizzi tal-kompetizzjoni kif ukoll il-kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


5 – Iktar ’il quddiem “Gosselies”.


6 – Għall-faċilità tal-lingwa u kemm-il darba Systran u Systran Luxembourg huma l-konvenuti fl-appell, dawn ser jissejħu iktar ’il quddiem “ir-rikorrenti” fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.


7–      ĠU L 122, p. 42. Din id-direttiva, kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993 (ĠU L 290, p. 9, iktar ’il quddiem “id-Direttiva 91/250”), ġiet ikkodifikata bid-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, p. 16). Din l-aħħar direttiva ma hijiex madankollu, fir-rigward tad-data meta seħħew il-fatti f’din il-kawża, applikabbli ratione temporis.


8 – Wieħed għandu jinnota li l-Kummissjoni ma tikkontestax, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li hija ssollevat, li hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali biex tikkonstata ksur fil-kuntest ta’ rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali.


9–      C‑214/08 P.


10 – Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1987, Rau Lebensmittelwerke et (133/85 sa 136/85, Ġabra p. 2289, punt 10); tad-9 ta’ Ottubru 2001, Flemmer et (C-80/99 sa C-82/99, Ġabra p. I-7211, punt 39), kif ukoll Guigard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39).


11 – Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1987, Zuckerfabrik Bedburg et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (281/84, Ġabra p. 49, punt 12); tas-27 ta’ Settembru 1988, Asteris et (106/87 sa 120/87, Ġabra p. 5515, punt 15); tat-13 ta’ Marzu 1992, Vreugdenhil vs Il-Kummissjoni (C‑282/90, Ġabra p. I‑1937, punt 14); tat-8 ta’ April 1992, Cato vs Il-Kummissjoni (C‑55/90, Ġabra p. I‑2533, punt 17); tas-26 ta’ Novembru 2002, First u Franex (C‑275/00, Ġabra p. I‑10943, punt 43), kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2010, Hanssens-Ensch (C‑377/09, Ġabra p. I‑7747, punt 17).


12 – Fuq l-allokazzjoni tal-kompetenzi rispettivi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali ara d-digrieti tas-27 ta’ Mejju 2004, IAMA Consulting vs Il-Kummissjoni (C‑517/03); tat-8 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Trends et (C‑248/03); is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2005, Il-Kummissjoni vs AMI Semiconductor Belgium et (C‑294/02, Ġabra p. I‑2175, punti 43 sa 49); kif ukoll tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Huhtamaki Dourdan (C‑315/03, punti 18 sa 22).


13 – Fuq il-kwistjonijiet kuntrattwali tal-Unjoni, ara, pereżempju, Heukels, T., “The contractual liability of the European Community revisited”, f’Heukels, T., u McDonnel, E. (ed.), The action for damages in Community law, Kluwer, 1997, p. 89; Ritleng, D., “Les contrats de l’administration communautaire”, fi Droit administratif européen. 2007, p. 147.


14–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Maag vs Il-Kummissjoni (43/84, Ġabra p. 2581, punt 26).


15–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Zoubek (426/85, Ġabra p. 4057, punt 4); tas-6 ta’ April 1995, Bauer vs Il-Kummissjoni (C‑299/93, Ġabra p. I‑839, punti 20 sa 22), u tas-27 ta’ April 1999, Il-Kummissjoni vs SNUA (C‑69/97, Ġabra p. I‑2363, punti 18 u 19).


16–      Sentenza Guigard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42).


17–      Ara s-sentenza Guigard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.


18 – L-ispjegazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-perspettiva tagħha, b’mod speċifiku fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata, tagħti lok għal xi domandi. B’hekk, fl-imsemmi punt 61, hija tenfasizza li l-kompetenza tagħha fil-qasam kuntrattwali hija “derogatorja mid-dritt komuni” u għandha, għaldaqstant, tiġi interpretata “b’mod limitat, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali tista’ tisma’ biss it-talbiet li joriġinaw mill-kuntratt u li jkollhom relazzjoni diretta mal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt”, li huwa fih innifsu ġust. Issa, jekk nassumu li din hija t-tifsira li għandha tingħata, jibqa’ mhux ċar jekk din l-osservazzjoni hijiex opportuna, peress li huwa kostanti li l-kuntratti inkwistjoni f’din il-kawża ma kinux jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ li jagħtuha preċiżament dik il-kompetenza kuntrattwali. Barra minn hekk, fil-punt 62, hija ppreċiżat li “sabiex tevalwa l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti, il-Qorti Ġenerali jkollha teżamina l-kontenut tad-diversi kuntratti konklużi [... ] bejn l-1975 u l-2002, invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-argumenti tagħha, tali eżerċizzju jagħmel parti mill-eżami tal-ġurisdizzjoni u ma jistax ikollu l-konsegwenza – bħala tali – li jibdel in-natura tal-kawża billi jagħtiha bażi kuntrattwali”. Issa, din hija preċiżament il-kwistjoni li għandha quddiemha l-qorti tal-Unjoni f’din il-kawża, jekk hijiex proprju din it-tifsira li għandha tingħata lil dik l-affermazzjoni, jiġifieri kif ser naraw iktar ’il quddiem, jekk huwiex tabilħaqq possibbli u neċessarju għal din tal-aħħar li tipproċedi għal eżami fil-veru sens tal-kelma tal-kontenut tad-diversi kuntratti għall-finijiet li tiddeċiedi dwar il-kompetenza tagħha. Barra minn hekk, u min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li dik l-affermazzjoni tirreferi, direttament iżda b’mod ċar, għall-punt 43 tas-sentenza Guigard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, iżda billi taqleb is-sens ta’ din tal-aħħar. F’dan il-punt, effettivament, il-Qorti tal-Ġustizzja limitat ruħha biex tenfasizza li n-natura fundamentalment kuntrattwali tal-kawża mressqa quddiemha, debitament ikkonstatata minn qabel, ma setgħetx tiġi mmodifikata għas-sempliċi fatt li l-parti kkonċernata tinvoka regoli ġuridiċi li ma jirriżultawx mill-kuntratt inkwistjoni iżda li huma applikabbli għall-partijiet.


19 – F’dan ir-rigward, wieħed għandu jinsisti b’mod partikolari fuq il-fatt li, kif ser naraw sussegwentement, fil-motivi dwar il-merti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tagħmel għadd kbir ta’ riferimenti ferm sostanzjali għall-analiżi tagħha dwar l-ammissibbiltà. Ara, b’mod partikolari, il-punti 153, 205, 215 u 219 tas-sentenza appellata.


20 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2003, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u Il-BĊE (C-193/01 P, Ġabra p. I-4837, punt 32); tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (C‑521/06 P, Ġabra p. I‑5829, punt 66); tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni (C‑319/07 P, Ġabra p. I‑5963, punt 99), kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni (C‑322/09 P, Ġabra p. I‑11911, punti 65 u 66).


21 – Jista’ jiġi osservat ukoll, f’dan ir-rigward, li madwar il-perijodu ta’ madwar tliet snin li jissepara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-offerti inkwistjoni u l-preżentata tal-kawża għal responsabbiltà mhux kuntrattwali quddiem il-Qorti Ġenerali, Systran b’mod partikolari pprovat issib “soluzzjoni kuntrattwali” għat-tilwima, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet li hija tat fin-noti ta’ sottomissjonjiet tagħha b’risposta għat-tieni parti tas-seba’ motiv issollevat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq il-ksur tar-rabta kawżali, eżaminat iktar ’l isfel.


22 – Dan l-eżami ser jippermetti wkoll li ssir distinzjoni bejn nuqqasijiet kuntrattwali u atti kolpużi, operazzjoni li tista’ tirriżulta li hija ferm delikata. Ara, f’dan is-sens, Varet, E, Le contentieux des licences de logiciel dans tous ses états, JCP-E, 2012, Nru 10, p. 1173.


23 – F’dan il-każ il-liġi magħżula bi ftehim komuni bejn il-partijiet f’kuntratti, kemm jekk tkun il-liġi tal-kuntratti jew il-liġi sostantiva li tittrasponi d-Direttivi 91/250/KEE u 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32) u li tittrasponi l-Konvenzjoni għall-protezzjoni tax-xogħlijiet litterarji u artistiċi, iffirmata f’Berne fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”).


24 – Dwar iċ-ċirkustanzi rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati fl-interpretazzjoni tal-kuntratti, ara b’mod partikolari, fuq bażi indikattiva, l-artikolu 5:102 tal-prinċipji tad-dritt Ewropew tal-kuntratti, redatti mill-Commission on European Contract Law, imsejħa l-Kummissjoni Lando; Lando, O. u Beale, H. (edituri), Les principes du droit européen des contrats Parties I et II, Kluwer Law International, 2000. Ara wkoll l-aritkolu 8:102 tal-abbozz ta’ qafas komuni ta’ referenza fi von Bar, C., Clive, E. u Schulte-Nölke, H. (edituri); Study Group on a European Civil Code and the Research Group on EC Private Law (Acquis Group), Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law - Draft Common Frame of Reference (DCFR), Sellier, European law publishers, 2009. Fuq dan is-suġġett, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar id-dritt Ewropew tal-kuntratti, COM(2001) 398 finali ; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-11 ta’ Ottubru 2004, Dritt Ewropew tal-kuntratti u reviżjoni tal-acquis: it-triq li għandha tiġi segwita, COM(2004) 651 finali ; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tat-12 ta’ Frar 2003, Dritt Ewropew tal-kuntratti iktar koerenti – pjan ta’ azzjoni, COM(2003) 68 finali (ĠU C 63, p. 1).


25 – Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, Montero, E., “La communication des codes sources de logiciels. État de la question à la lumière de la jurisprudence belge et française et de la pratique contractuelle”, Revue de droit intellectuel l’Ingénieur-Conseil, Bruylant, 1995, Nri 3 sa 5, p. 60.


26 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet kellhom jinqraw fid-dawl tal-Artikolu 66(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u li, għaldaqstant, dawn ma jikkonċernawx l-offerti ta’ prova kuntrarja u l-estensjoni tal-offerti ta’ prova (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punti 71 u 72).


27–      Sentenza tal-14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (C‑243/04 P, punt 32). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2009, de Brito Sequeira Carvalho vs Il-Kummissjoni (T‑40/07 P u T‑62/07 P, punt 113).


28 – Għal eżempji ta’ rifjut bħala tardiv minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, ara s-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1994, Grifoni vs KEEA (C‑308/87, Ġabra p. I‑341, punt 7); tal-10 ta’ Diċembru 1998, Schröder et vs Il-Kummissjoni (C‑221/97 P, Ġabra p. I‑8255, punt 27), Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 71 sa 75); kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Settembru 1991, Nijman vs Il-Kummissjoni (T‑36/89, Ġabra p. II‑699, punti 28 sa 29).


29 – Sentenza Gaki-Kakouri vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33).


30–      Punt 252 tas-sentenza appellata.


31–      Punti 254 sa 260 tas-sentenza appellata.


32 – ĠU L 157, p. 45 u r-rettifika ĠU 2004, L 95, p. 16 u ĠU 2007, L 204, p. 27, iktar ’il quddiem “id-Direttiva 2004/48/KE”.


33 – Dan l-ilment jikkonsisti f’diversi argumenti li ser jiġu analizzati f’iktar dettall iktar ’il quddiem.


34–      C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291.


35–      Sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 56).


36 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑351/03, Ġabra p. II‑2237, punti 122 et seq).


37–      Ara l-punti 205 u 215 tas-sentenza appellata.


38 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni (C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 51); kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni (C‑90/09 P, Ġabra p. I‑1, punt 71).


39–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).


40 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, T. Port vs Il-Kummissjoni (C‑122/01 P, Ġabra p. I‑4261, punt 27) kif ukoll sentenza General Química et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72).


41 – Ara, b’mod partikolari, id-digriet tas-26 ta’ April 1993, Kupka-Floridi vs KES (C‑244/92 P, Ġabra p. I‑2041, punti 9 sa 11); u s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-BĊE (C‑401/09 P, Ġabra p. I‑4911).


42 – Fir-rikors tal-appell, il-Kummissjoni tippreċiża li, fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-10 ta’ April 2000, dwar l-implementazzjoni u l-effetti tad-Direttiva tal-14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter [COM(2000) 199 finali], hija kienet irrilevat l-eżistenza ta’ diverġenza bejn l-Istati Membri fuq dan il-punt, iżda kienet taqbel ma’ ċerti osservaturi li l-akkwirent leġittimu jispeċifika fil-fatt xerrej, detentur ta’ liċenzja, kerrej jew persuna awtorizzata biex tuża l-programm f’isem waħda minn dawn il-persuni.


43 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 66, 67, 78, 109 u 115 tas-sentenza appellata.


44–      Ara, b’mod partikolari, il-punti 215 u 261 tas-sentenza appellata.


45 Punt 215 tas-sentenza appellata.


46–      Sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56).


47–      Punt 127 tas-sentenza appellata.


48–      Sentenza Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 42 u 44).


49–      Punti 127 sa 261 tas-sentenza appellata.


50–      Punt 261 tas-sentenza appellata.


51–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni (C‑176/06 P, punt 17).


52 – Sentenzi Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51); Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 41 u 42); tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico (C‑312/00 P, Ġabra p. I‑11355, punt 53 u 54); tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Fresh Marine (C‑472/00 P, Ġabra p. I‑7541, punti 25 u 26).


53–      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs CEVA u Pfizer (C‑198/03 P, Ġabra p. I‑6357, punti 63 sa 69).


54–      Sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq (punti 50 u 51).


55 – Għalkemm, sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kellha l-okkażjoni li tagħmel dan, peress li l-kawżi li tressqu quddiemha kienu jirrigwardaw biss azzjonijiet dwar danni riżultanti minn attività regolatorja tal-istituzzjonijiet, hija marret f’din id-direzzjoni fil-kuntest ta’ kawżi dwar is-servizz pubbliku. F’dan ir-rigward, għandu jsir paragun bejn, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Diċembru 2008, Nardone vs Il-Kummissjoni (T‑57/99, punt 162); tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Petrilli (T‑143/09 P, punt 46), kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Nanopoulos (T‑308/10 P, punt 103), fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla speċjali prevista fl-Artikolu 123 B tar-Regoli tal-Proċedura) tat-8 ta’ Frar 2011, Ritrattazzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Petrilli, iċċitata iktar ’il fuq (Kawża C-17/11 RX, punti 3 u 4).


56 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill (C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punti 65-67); digrieti tal-20 ta’ Settembru 2001, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni (C‑1/01 P, Ġabra p. I‑6349, punt 44); tal-14 ta’ Lulju 2005, Gouvras vs Il-Kummissjoni (C‑420/04 P, Ġabra p. I‑7251); sentenza tas-27 ta’ Frar 2007, Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill (C‑354/04 P, Ġabra p. I‑1579, punt 22).


57–      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑104/89 u C‑37/90, Ġabra p. I‑3061, punt 33). Ara wkoll is-sentenzi Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq (punt 85); tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑104/89 u C‑37/90, Ġabra p. I‑203, punt 168); tas-16 ta’ Marzu 2000, Il-Parlament vs Bieber (C‑284/98 P, Ġabra p. I‑1527, punti 56 u 57); tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, Ġabra p. I‑2119, punt 61); tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑419/08 P, Ġabra p. I‑2259, punt 61), kif ukoll id-digriet tat-12 ta’ Mejju 2010, Pigasos Alieftiki Naftiki Etaireia vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑451/09 P, punti 39 u 40).


58 – Sentenza Il-Parlament vs Bieber, iċċitata iktar ’il fuq (punt 55). Ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Fresh Marine, iċċitata iktar ’il fuq (punti 45 sa 49).


59 – Ara l-Artikolu 46 tas-sentenza appellata.


60 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951); kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 105).


61–      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric (C‑440/07 P, Ġabra p. I‑6413, punti 191 sa 193).


62 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, iċċitata iktar ’il fuq (punt 204).


63–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni (C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punti 34 u 35).


64 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 372); kif ukoll, tas-27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher - Fleisch et (C‑47/10 P, Ġabra p. I‑10707, punt 104).


65 – Ara, preċiżament fuq dan il-punt, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Il-Kunsill vs de Nil u Impens (C‑259/96 P, Ġabra p. I‑2915, punt 25).