Language of document : ECLI:EU:T:2013:404

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Settembru 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Drittijiet tad-difiża — Proporzjonalità — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11,

Deutsche Bahn AG, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja),

DB Mobility Logistics AG, stabbilita f’Berlin,

DB Energie GmbH, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja),

DB Netz AG, stabbilita fi Frankfurt am Main,

DB Schenker Rail GmbH, stabbilita f’Mainz (il-Ġermanja),

DB Schenker Rail Deutschland AG, stabbilita f’Mainz,

Deutsche Umschlaggesellsschaft Schiene-Straße mbH (DUSS), stabbilita f’Bodenheim (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn W. Deselaers, O. Mross u J. Brückner, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Malferrari, N. von Lingen u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment, fil-Kawżi T‑289/11 u T‑290/11, minn M. Muñoz Pérez, sussegwentement, fil-Kawżi T‑289/11, T-290/11 u T-521/11, minn S. Centeno Huerta, abogados del Estado,

minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Simm u F. Florindo Gijón, bħala aġenti,

u minn

L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, irrappreżentata minn X. A. Lewis, M. Schneider u M. Moustakali, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandhom bħala suġġett talbiet għall-annullament tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C (2011) 1774, tal-14 ta’ Marzu 2011, C (2011) 2365, tat-30 ta’ Marzu 2011, u C (2011) 5230, tal-14 ta’ Lulju 2011 (Każijiet COMP/39.678 u COMP/39.731), li jordnaw spezzjonijiet skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-konfront tad-Deutsche Bahn AG u s-sussidjarji kollha tagħha (Każijiet COMP/39.678 u COMP/39.731),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe u M. van der Woude (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Deutsche Bahn AG, DB Mobility Logistics AG, DB Netz AG, DB Energie GmbH, Deutsche Umschlaggesellsschaft Schiene-Straße mbH (DUSS), DB Schenker Rail GmbH u DB Schenker Rail Deutschland AG, ir-rikorrenti, kif ukoll il-persuni ġuridiċi kollha kkontrollati direttament jew indirettament minn Deutsche Bahn, jifformaw impriża internazzjonali, li topera fil-qasam tat-trasport nazzjonali u internazzjonali ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri, tal-loġistika u tal-provvista ta’ servizzi anċillari għat-trasport ferrovjarju. Kumpanniji sussidjarji implikati f’dawn il-kawżi huma direttament jew indirettament miżmuma 100 % minn Deutsche Bahn.

 L-ewwel spezzjoni

 L-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni

2        Permezz tad-Deċiżjoni C (2011) 1774, tal-14 ta’ Marzu 2011 (Każijiet COMP/39.678 u COMP/39.731) (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni”), il-Kummissjoni Ewropea ordnat lil Deutsche Bahn u lil persuni ġuridiċi kollha li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn din tal-aħħar, sabiex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

3        L-Artikolu 1 tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni huwa redatt kif ġej:

“Deutsche Deutsche Bahn AG, [...] u l-persuni ġuridiċi kollha li huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn din tal-aħħar, inklużi DB Mobility Logistics AG, DB Energie GmbH, DB Schenker Rail GmbH u DB Schenker Rail Deutschland AG, huma meħtieġa jissottomettu ruħhom għal spezzjoni fir-rigward tal-imġiba tagħhom li tista’ tikser l-Artikolu 102 tat-TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE fis-settur tat-trasport ferrovjarju u tal-provvista ta’ servizzi anċillari, fl-Istati Membri fejn il-kumpanniji sussidjarji kkonċernati tal-grupp DB joperaw fit-trasport ferrovjarju ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija, b’mod partikolari fil-Ġermanja. Din l-imġiba hija marbuta ma’ trattament preferenzjali potenzjalment inġustifikat mogħti minn DB Energie GmbH lil kumpanniji sussidjarji oħra tal-grupp DB, b’mod partikolari fl-għamla ta’ sistema ta’ skontijiet li tirrigwarda l-provvista ta’ enerġija elettrika li tmexxi ferrovija, li tippermetti lill-grupp DB jostakola l-kompetizzjoni fis-swieq tat-trasport ferrovjarju downstream.

L-ispezzjoni tista’ ssir fil-postijiet kollha tal-grupp Deutsche Bahn AG (b’mod partikolari fil-postijiet ta’ Deutsche Bahn AG, Potsdamer Platz 2, 10785 Berlin, il-Ġermanja, [ta’] DB Mobility Logistics AG, Potsdamer Platz 2, 10785 Berlin, il-Ġermanja, [ta’] DB Energie GmbH, Pfarrer-Perabo-Platz 2, 60326 Frankfurt-am-Main, il-Ġermanja, ta’ DB Schenker Rail GmbH, Rheinstrasse 2, 55116 Mainz, il-Ġermanja, [ta’] DB Schenker Rail Deutschland AG, Rheinstrasse 2, 55116 Mainz, il-Ġermanja).

Deutsche Bahn AG u l-persuni ġuridiċi kollha li huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn din tal-aħħar, inklużi DB Mobility Logistics AG, DB Energie GmbH, DB Schenker Rail GmbH u DB Schenker Rail Deutschland AG, għandhom jippermettu lill-uffiċjali u l-persuni l-oħra li jakkumpanjawhom maħtura mill-Kummissjoni sabiex jagħmlu spezzjoni, kif ukoll lill-uffiċjali tal-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u lill-uffiċjali maħtura jew nnominati minnha li jassistu lill-uffiċjali u lill-persuni hawn fuq imsemmija, jaċċedu fil-postijiet, artijiet jew mezzi ta’ trasport matul il-ħin normali tal-ftuħ tal-uffiċċji. Fuq talba tal-uffiċjali u tal-persuni hawn fuq imsemmija, huma għandhom jippreżentaw il-kotba u kull dokument professjonali ieħor, irrispettivament mill-mod kif dawn ikunu maħżuna, għal finijiet tal-istħarriġ, u għandhom jippermettulhom li jistħarrġu dawn il-kotba u dokumenti oħra fuq il-post u li jieħdu jew jiksbu kopja jew estratt, fi kwalunkwe forma li tkun. Huma għandhom jippermettulhom li jwaħħlu siġilli fuq il-postijiet kummerċjali u kotba jew dokumenti kollha fiż-żmien li matulu tkun qed issir l-ispezzjoni u sa fejn dan ikun neċessarju għall-finijiet ta’ din l-ispezzjoni. Fuq talba tal-uffiċjali jew tal-persuni hawn fuq imsemmija, huma għandhom jipprovdu fuq il-post immedjatament spjegazzjonijiet fuq il-fatti marbuta mas-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni, u għandhom jawtorizzaw lir-rappreżentanti jew lill-membri tal-persunal sabiex jipprovdu tali spjegazzjonijiet. Huma għandhom jaċċettaw li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti jiġu rreġistrati fi kwalunkwe forma li tkun.”

4        Fl-Artikolu 2 tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni tispeċifika li l-ispezzjoni tista’ tibda fit-29 ta’ Marzu 2011. Fl-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni, hija tindika li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tiġi nnotifikata lil Deutsche Bahn kif ukoll lill-persuni ġuridiċi kollha li huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn din tal-aħħar, immedjatament qabel l-ispezzjoni.

5        L-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni hija mmotivata bil-mod segwenti:

“Il-Kummissjoni għandha indikazzjonijiet li DB Energie għandha l-possibbiltà li tapplika trattament preferenzjali għall-kumpanniji sussidjarji tal-grupp DB li huma preżenti fis-swieq tat-trasport ferrovjarju ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija fl-Istati Membri fejn dawn is-sussidjarji joperaw, b’mod partikolari fil-Ġermanja, permezz ta’ sistema ta’ skontijiet fuq il-provvista ta’ enerġija elettrika li tmexxi ferrovija. Dan it-trattament preferenzjali jista’ partikolarment jirriżulta mill-istruttura tal-iskontijiet offruti minn DB Energie, u ma jistax potenzjalment jiġi ġġustifikat b’mod oġġettiv. Il-Kummissjoni għandha informazzjoni li tindika li DB Energie setgħet diġà applikat sistemi ta’ skontijiet simili għall-provvista ta’ enerġija elettrika li tmexxi ferrovija qabel, u dan tal-inqas sa mill-2002. Barra minn hekk, mhux eskluż li DB Energie kienet diġà applikat dawn is-sistemi ta’ skontijiet jew sistemi simili qabel din id-data. Huwa preżunt li dan il-metodu kummerċjali jippermetti lill-kumpanniji sussidjarji kkonċernati tal-grupp DB jiksbu vantaġġ fil-konfront tal-kompetituri tagħhom fis-swieq tat-trasport ferrovjarju downstream, fl-Istati Membri fejn dawn is-sussidjarji tal-grupp DB jeżerċitaw attivitajiet fis-settur tat-trasport ferrovjarju ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija, b’mod partikolari fil-Ġermanja, u li l-grupp DB jista’ għalhekk jostakola l-kompetizzjoni f’dawn is-swieq. L-okkorrenzi hawn fuq deskritti, jekk seħħew, jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.

Huwa indispensabbli għall-Kummissjoni li twettaq spezzjonijiet fuq il-bażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 biex teżamina l-fatti kollha rilevanti dwar l-allegati prattiċi miftiehma u l-kuntest ġenerali, u li tiddetermina l-grad preċiż tal-parteċipazzjoni tal-persuni ġuridiċi kollha kkonċernati.

Id-deċiżjonijiet dwar l-iffissar tal-prezzijiet fi ħdan il-grupp DB jittieħdu probabbilment f’diversi livelli tal-impriża. Huwa wkoll probabbli li l-provi rilevanti jistgħu jinstabu wkoll fi ħdan il-kumpanniji sussidjarji tal-grupp DB li probabbilment jibbenefikaw minn prezzijiet vantaġġużi potenzjalment inġustifikati, liema benefiċċju jippermetti li l-kompetizzjoni fis-swieq tat-trasport ferrovjarju tiġi ostakolata. Għalhekk, hemm indikazzjonijiet li f’kull wieħed mill-postijiet elenkati fl-Artikolu 1 ta’ dan id-deċiżjoni jistgħu jinstabu provi.

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, is-sistema tal-prezzijiet applikata qabel minn DB Energie fis-swieq Ġermaniżi tat-trasport ferrovjarju ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija kienet diġà s-suġġett ta’ tilwim fil-Ġermanja, li fihom l-awtoritajiet regolatorji u tal-kompetizzjoni kienu partijiet. Għalhekk, il-persuni ġuridiċi kkonċernati jafu li l-awtoritajiet regolatorji u tal-kompetizzjoni jikkontrollaw is-sistema tal-prezzijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-passat, li l-prattiki tal-grupp DB fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet kienu jiksru l-Artikolu 102 TFUE, kif ikkonfermat mill-qrati tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, il-persuni ġuridiċi jistgħu jippruvaw jaħbu, ineħħu jew jiċħdu provi li jirrigwardaw dawn il-prattiki, sabiex jipprekludu li jiġu skoperti prattiki illegali possibbilment eżistenti fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet.

Sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità tal-ispezzjonijiet, huwa essenzjali li dawn jitwettqu mingħajr ma l-persuni ġuridiċi preżunti li pparteċipaw fil-ksur ikunu avżati minn qabel, u fl-istess ħin f’diversi postijiet.

Għal dan il-għan, deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 1/2003 li tordna spezzjoni tal-persuni ġuridiċi hija neċessarja.”

 It-twettiq tal-ewwel spezzjoni

6        Fl-għodwa tad-29 ta’ Marzu 2011, 32 aġent tal-Kummissjoni marru fil-postijiet tar-rikorrenti f’Berlin (il-Ġermanja), fi Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja) u f’Mainz (il-Ġermanja), u nnotifikawhom bl-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

7        Ir-rikorrenti kkuntattjaw lill-avukati tagħhom li attendew għall-ispezzjoni sa mill-ewwel jum. Huma ma qajmux oġġezzjonijiet għall-ispezzjoni u lanqas ma oġġezzjonaw għan-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja. Huma lanqas ma opponew l-ispezzjoni, skont l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003, wara n-notifika. Għalhekk, il-Kummissjoni fl-ebda mument ma rrikorriet għall-assistenza tal-awtoritajiet tal-Istat Membru taħt l-istess Artikolu 20(6) tal-istess regolament.

8        Wara n-notifika tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni, rappreżentanti tal-impriża ffirmaw ir-riferta tan-notifika. Huma għaddew lill-ispetturi l-organigrammi u d-direttorji tat-telefon tal-impriża, wieġbu għal mistoqsijiet dwar l-identità ta’ xi impjegati, akkumpanjaw lill-ispetturi fl-uffiċċji tal-persuni hekk identifikati u ma qajmux oġġezzjonijiet kontra t-tfittxija ta’ dawn l-uffiċċji. Il-fajls li kienu jinsabu f’dawn l-uffiċċji ġew eżaminati, xi kultant fl-intier tagħhom. L-ispetturi eżaminaw ukoll dokumenti elettroniċi, bħall-posta elettronika, fuq il-bażi ta’ ċerti keywords.

9        Bejn id-29 ta’ Marzu 2011 filgħodu u l-31 ta’ Marzu 2011 madwar il-ħin tas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, l-ispetturi tal-Kummissjoni sabu, fil-postijiet tad-DB Schenker Rail Deutschland f’Mainz, dokumenti li l-Kummissjoni tqis li jistgħu jissuġġerixxu l-eżistenza ta’ mġiba antikompetittiva oħra. Din l-imġiba antikompetittiva għandha bħala għan id-diskriminazzjoni ta’ kompetituri fil-qasam tat-trasport ferrovjarju, permezz tal-infrastruttura ġestita mir-rikorrenti u ta’ ċerti servizzi relatati. Kull meta dokument ġie mingħajr ambigwità marbut ma’ dawn is-suspetti ġodda, tali dokument inżamm għalih.

10      Il-Kummissjoni qieset li kien neċessarju li tibda investigazzjoni fir-rigward tad-DUSS, u dan wassal għall-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni.

11      L-ewwel spezzjoni ntemmet għand Deutsche Bahn u DB Mobility Logistics f’Berlin fil-31 ta’ Marzu 2011.

 It-tieni spezzjoni

 It-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni

12      Permezz tad-Deċiżjoni C (2011) 2365, tat-30 ta’ Marzu 2011 (Każijiet COMP/39.678 u COMP/39.731) (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni”), il-Kummissjoni ordnat lil Deutsche Bahn u lill-persuni ġuridiċi kollha li huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn din tal-aħħar, sabiex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

13      L-Artikolu 1 tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni huwa redatt kif ġej:

“Deutsche Bahn AG, [...] u l-persuni ġuridiċi kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minn din tal-aħħar, inklużi DB Mobility Logistics AG, DB Netz AG, Deutsche Umschlagegesellsschaft Schiene-Straße (DUSS) mbH, DB Schenker Rail GmbH u DB Schenker Rail Deutschland AG, huma meħtieġa li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni dwar l-imġiba tagħhom li tista’ tikser l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE fis-settur tat-trasport ferrovjarju u tal-provvista ta’ servizzi anċillari, fl-Istati Membri fejn il-kumpanniji sussidjarji kkonċernati tal-grupp DB joperaw fit-trasport ferrovjarju, b’mod partikolari fil-Ġermanja. Din l-imġiba hija marbuta ma’ diskriminazzjoni potenzjalment inġustifikata implementata minn Deutsche Umschlagegesellschaft Schiene-Straße (DUSS) mbH kontra l-kompetituri tal-grupp DB, sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jostakola l-kompetizzjoni fis-swieq tat-trasport ferrovjarju li jinsabu downstream. L-ispezzjoni tista’ ssir fil-postijiet kollha tal-grupp Deutsche Bahn AG [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      Fl-Artikolu 2 tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li l-ispezzjoni tista’ tibda fit-30 ta’ Marzu 2011. Fl-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni, hija tindika li din id-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tiġi nnotifikata lil Deutsche Bahn kif ukoll lill-persuni ġuridiċi kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minn din tal-aħħar, immedjatament qabel l-ispezzjoni.

15      It-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni mmotivata bil-mod segwenti:

“Fuq il-bażi tal-informazzjoni li diġà għandha, il-Kummissjoni għandha elementi li jindikaw li DUSS tista’ tiżvantaġġa kompetituri li joperaw fil-Ġermanja fis-swieq tat-trasport ferrovjarju, billi tirrendilhom diffiċli l-aċċess għat-terminals tad-DB jew tiddiskrimina kontra tagħhom, u dan jippermettilha li tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq. Dan jista’ b’mod partikolari joħroġ mill-fatt li DUSS tagħti aċċess mhux xieraq għat-terminals, tipprovdi servizzi inqas effikaċi jew tirrifjuta l-aċċess għat-terminals. Il-Kummissjoni għandha indikazzjonijiet li dawn il-prattiki ġew applikati sa mill-2007. Huwa preżunt li dan il-metodu kummerċjali jippermetti lill-kumpanniji sussidjarji kkonċernati tal-grupp DB jiksbu vantaġġ fil-konfront tal-kompetituri tagħhom fis-swieq tat-trasport ferrovjarju li jinsabu downstream, fl-Istati Membri fejn dawn is-sussidjarji tal-grupp DB jeżerċitaw attivitajiet fis-settur tat-trasport ferrovjarju, b’mod partikolari fil-Ġermanja, u li l-grupp DB jista’ għalhekk jostakola l-kompetizzjoni f’dawn is-swieq. [...]

Matul l-ispezzjonijiet li twettqu fid-29 ta’ Marzu 2011 fil-postijiet tal-grupp DB għat-tfittix ta’ prattiki ta’ prezzijiet illegali li seta’ kien hemm, il-Kummissjoni ġiet informata li provi dwar il-prattiki hawn fuq imsemmija kienu jinsabu fil-pussess ta’ persuni ġuridiċi tal-grupp DB. Għalhekk, il-persuni ġuridiċi kkonċernati setgħu jippruvaw jaħbu, ineħħi jew jiċħdu dawn il-provi u elementi oħra marbuta ma’ dawn il-prattiki, bil-għan li jimpedixxu li jiġu skoperti prattiki illegali li seta’ kien hemm.

Barra minn hekk, matul l-ispezzjonijiet hawn fuq imsemmija, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ provi dwar imġiba potenzjalment antikompetittiva ta’ użu strateġiku tal-infrastruttura ġestita minn kumpanniji tal-grupp DB u tal-provvista ta’ servizzi ferrovjarji. Din l-allegata mġiba tikkonċerna b’mod partikolari l-aċċess għall-faċilitajiet ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija u l-provvista ta’ servizzi konnessi. Tali mġiba tidher li hija intiża sabiex l-attivitajiet tal-kompetituri tal-grupp DB fis-settur tat-trasport ferrovjarju jiġu preklużi jew ostakolati.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 It-twettiq tat-tieni spezzjoni

16      Matul l-ewwel spezzjoni, il-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrenti, fil-31 ta’ Marzu 2011, madwar il-ħin tas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, bit-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni datata t-30 ta’ Marzu 2011.

17      Ir-rikorrenti, megħjuna mill-avukati tagħhom, ma qajmux oġġezzjonijiet għat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni u ma oġġezzjonawx għan-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja. Huma lanqas ma’ opponew l-ispezzjoni, skont l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003, wara n-notifika. Għalhekk, il-Kummissjoni fl-ebda mument ma rrikorriet għall-assistenza tal-awtoritajiet tal-Istat Membru taħt l-istess Artikolu 20(6) ta’ dan ir-regolament.

18      It-tieni spezzjoni ntemmet għand DB Schenker Rail Deutschland f’Mainz fl-1 ta’ April 2011.

 It-tielet spezzjoni

 It-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni

19      Permezz tad-Deċiżjoni C (2011) 5230, tal-14 ta’ Lulju 2011 (Każ COMP/39.678 u COMP/39.731) (iktar ’il quddiem it-“tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni”), il-Kummissjoni ordnat lil Deutsche Bahn u lill-persuni ġuridiċi kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minn din tal-aħħar, sabiex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

20      L-Artikolu 1 tat-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni huwa redatt kif ġej:

“Il-kumpannija Deutsche Bahn AG, [...] u l-persuni ġuridiċi kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minn din tal-aħħar, inklużi Deutsche Umschlaggesellschaft Schiene Strasse (DUSS) mbH, DB Netz AG, DB Schenker Rail GmbH u DB Schenker Rail Deutschland AG, huma meħtieġa li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni dwar l-imġiba tagħhom, li tista’ tikser l-Artikoli 102 TFUE u 54 tal-Ftehim ŻEE, fil-qasam tat-trasport ferrovjarju u ta’ servizzi konnessi fl-Istati Membri fejn il-kumpanniji sussidjarji korrispondenti tal-grupp DB joperaw fit-trasport ferrovjarju, b’mod partikolari fil-Ġermanja. Il-prattiki jikkonċernaw possibbiltà ta’ diskriminazzjoni inġustifikata kontra kompetituri tal-grupp DB mid-Deutsche Strasse Umschlagegesellschaft Schiene GmbH (DUSS) mbH, li tippermetti lill-grupp DB li jostakola l-kompetizzjoni fis-swieq downstream tat-trasport ferrovjarju u għalhekk li jimponi fuq il-kompetituri żvantaġġ kompetittiv.

L-ispezzjoni tista’ ssir fil-postijiet kollha tal-grupp Deutsche Bahn AG […]”

21      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li l-ispezzjoni tista’ tibda fit-26 ta’ Lulju 2011. Fl-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni, hija tindika li din id-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tiġi nnotifikata lil Deutsche Bahn u lill-persuni ġuridiċi kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minn din tal-aħħar, immedjatament qabel l-ispezzjoni.

22      It-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni hija mmotivata bil-mod kif ġej:

“—      Il-Kummissjoni għandha tmexxi investigazzjoni dwar sistema potenzjalment antikompetittiva ta’ użu strateġiku tal-infrastruttura ġestita minn kumpanniji tal-grupp DB. Din is-sistema kkunsidrata tinkludi prattiki rigward l-aċċess għat-terminals u l-istabbiliment tal-prezzijiet li jirrigwardaw it-terminals, kif ukoll għal servizzi konnessi. Huwa possibbli li dawn il-prattiki huma intiżi sabiex jipprekludu, jikkumplikaw jew joħolqu iktar spejjeż għall-attivitajiet tal-kompetituri tal-grupp DB fil-qasam tat-trasport ferrovjarju, li għalihom l-aċċess għall-infrastruttura inkwistjoni huwa meħtieġ. Bħala parti mill-investigazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni wettqet, mid-29 ta’ Marzu sal-1 ta’ April 2011, spezzjonijiet fil-postijiet tal-kumpanniji DB AG, DB Mobility Logistics AG, DB Schenker Rail GmbH, DB Schenker Rail DE u DB Energie GmbH.

–        Fuq il-bażi ta’ informazzjoni diġà fil-pussess tagħha, inkluża — għalkemm mhux esklużivament — dik miksuba matul dawn l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni ġabret indikazzjonijiet li juru li DUSS tista’ tiżvantaġġa lill-kompetituri preżenti fis-swieq tat-trasport ferrovjarju fil-Ġermanja billi tipprekludi, tikkumplika jew trendi iktar oneruż l-aċċess għat-terminals, b’mod partikolari billi tagħti aċċess mhux xieraq jew iktar għali għat-terminals, billi toffri servizzi konnessi inqas effikaċi jew iktar għaljin jew billi tirrifjuta l-aċċess għal terminals jew għal servizzi relatati. Dawn il-prattiki jistgħu ma jkunux oġġettivament iġġustifikati. Il-Kummissjoni għandha indikazzjonijiet li jissuġġerixxu li xi wħud minn dawn il-prattiki seħħew sa mill-2007 tal-inqas. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet konjizzjoni ta’ dokument li jikkonstata possibbiltà ta’ ‘skont moħbi’ mogħti minn DUSS lil DB Schenker Rail DE. Skont dan id-dokument, dan kellu jseħħ fl-2010. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-iskont.

–        Huwa preżunt li s-sussidjarji kkonċernati tal-grupp DB, b’mod partikolari DB Schenker Rail DE, jiksbu, permezz ta’ dawn il-prattiki, vantaġġ kompetittiv fil-konfront tal-kompetituri tagħhom fis-swieq downstream tat-trasport ferrovjarju fl-Istati Membri fejn dawn is-sussidjarji tal-grupp DB huma preżenti fis-suq tat-trasport ferrovjarju, b’mod partikolari fil-Ġermanja, u li dan jippermetti lill-grupp DB li jostakola l-kompetizzjoni f’dawn is-swieq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 It-twettiq tat-tielet spezzjoni

23      Fis-26 ta’ Lulju 2011, madwar il-ħin tad-9.30, aġenti tal-Kummissjoni marru fil-postijiet tad-DUSS u għaddew lir-rikorrenti t-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

24      Ir-rikorrenti, megħjuna mill-avukati tagħhom, ma qajmux oġġezzjonijiet kontra t-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni u ma oġġezzjonawx għan-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja. Huma lanqas ma opponew l-ispezzjoni, skont l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003, wara n-notifika. Għalhekk, il-Kummissjoni fl-ebda mument ma rrikorriet għall-assistenza tal-awtoritajiet tal-Istat Membru taħt l-istess Artikolu 20(6) tal-istess regolament.

25      It-tielet spezzjoni ntemmet fid-29 ta’ Lulju 2011.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ġunju u fil-5 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw dawn il-kawżi.

27      Permezz ta’ digrieti tat-12 ta’ Jannar, tal-31 ta’ Jannar u tat-12 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA u r-Renju ta’ Spanja ġew ammessi sabiex jintervjenu fil-Kawżi T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA ġiet awtorizzata tuża l-lingwa Ingliża fil-proċeduri bil-miktub u orali.

28      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill‑partijiet u talbithom jipproduċu ċerti dokumenti f’żewġ okkażjonijiet. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

29      Il-Kawżi T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, b’digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2013.

30      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti Ġenerali fis-seduta tad-9 ta’ April 2013.

31      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-ewwel, it-tieni u t-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni;

–        sussidjarjament, tilqa’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(4) sa (8) tar-Regolament Nru 1/2003;

–        tannulla kull miżura meħuda fuq il-bażi tal-ispezzjonijiet li twettqu fuq il-bażi tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni;

–        tikkundanna, b’mod partikolari, lill-Kummissjoni sabiex tagħti lura l-kopji kollha ta’ dokumenti magħmula fil-kuntest tal-ispezzjonijiet, taħt piena ta’ annullament tad-deċiżjonijiet futuri tal-Kummissjoni mill-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

33      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi sa fejn dawn huma bbażati fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(4) sa (8) tar-Regolament Nru 1/2003;

–        tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

34      L-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi.

 Id-dritt

35      Insostenn tar-rikorsi għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, ħames motivi.

36      L-ewwel żewġ motivi huma bbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tad-dritt fundamentali tar-rikorrenti għall-invjolabbiltà tad-domiċilju tagħhom [Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010 C 83, p. 389) u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)] minħabba nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel, u, fit-tieni lok, fuq ksur tad-dritt fundamentali tar-rikorrenti għal rimedju ġudizzjarju effettiv (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 6 tal-KEDB) minħabba nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel u l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, kemm fil-fatt u kif ukoll fid-dritt, fi żmien raġonevoli.

37      Fl-istadju tar-replika tagħhom, ir-rikorrenti, wara mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, qajmu, sussidjarjament, insostenn tal-ewwel motiv, eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(4) sa (8) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li dan ir-regolament ma jirrikjedix li għandha tinkiseb minn qabel awtorizzazzjoni ġudizzjarja.

38      It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża inkwantu t-tieni u t-tielet spezzjoni huma bbażati fuq informazzjoni miksuba illegalment matul l-ewwel spezzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni fittxet deliberatament informazzjoni dwar id-DUSS matul l-ewwel spezzjoni, meta din l-ispezzjoni kienet limitata għall-provvista tal-enerġija elettrika għall-mezzi ta’ tmexxija ta’ ferrovija (iktar ’il quddiem l-“EET”).

39      Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba deskrizzjoni wiesgħa ż-żejjed tal-għan tal-ispezzjonijiet fl-Artikolu 1 ta’ kull waħda mit-tliet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura tal-imġiba lmentata, il-firxa ġeografika tas-suq u t-tul tal-allegati okkorrenzi ta’ ksur.

40      Il-ħames motiv, parzjalment komuni għat-tliet kawżi, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni marret lil hinn minn dak li kien xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

41      Il-Kummissjoni tqis il-ħames motivi, imressqa insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet, bħala inammissibbli u/jew, fi kwalunkwe każ, infondati. Hija tqis it-tieni, it-tielet u r-raba’ kap tat-talbiet bħala inammissibbli.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju minħabba n-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel

42      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li peress li t-tliet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni ttieħdu fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel, dawn ma jissodisfawx il-garanziji mitluba mill-prinċipju ta’ invjolabbiltà tad-domiċilju, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 8 tal-KEDB.

43      B’mod sussidjarju, fir-replika, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li r-Regolament Nru 1/2003 ma jirrikjedix l-adozzjoni ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel u li l-Kummissjoni għalhekk ma setgħetx tippreżenta talba għall-kisba ta’ tali mandat, ir-rikorrenti jqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 20(4) sa (8) tar-Regolament Nru 1/2003.

44      Il-Kummissjoni tikkontesta kemm il-mertu u kif ukoll l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv u tal-eċċezzjoni ta’ illegalità.

 Fuq l-ammissibbiltà

45      Il-Kummissjoni tqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà distinti.

46      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tqis li l-ewwel motiv, invokat insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet għall-annullament tat-tliet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni huwa essenzjalment ineffettiv, u minħabba f’hekk, inammissibbli, skont ġurisprudenza stabbilita (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni, 97/87 sa 99/87, Ġabra p. 3165, punti 40 u 41, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑339/04, Ġabra p. II‑521, punt 54). Skont il-Kummissjoni, jekk wieħed jassumi li l-motiv tar-rikorrenti huwa fondat, dan jista’ jaffettwa biss il-legalità tat-twettiq tal-ispezzjoni u mhux il-legalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni nnifisha.

47      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni, fl-atti tagħha, tistabbilixxi rabta żbaljata bejn in-natura ineffettiva ta’ motiv jew ta’ lment u l-ammissibbiltà tiegħu. Tabilħaqq, il-fatt li wieħed jikklassifika motiv jew ilment bħala ineffettiv ifisser li wieħed jikkunsidra, mingħajr ħtieġa ta’ eżami tiegħu fil-mertu, li dan ma jistax jinfluwenza l-eżitu tat-tilwima. Għall-kuntrarju, motiv jew ilment inammissibbli, anki jekk jista’ jaffettwa l-eżitu tat-tilwima, ma tqajjimx taħt kundizzjonijiet li jippermettu lill-qorti tevalwah fil-mertu. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni ssostni, in-natura ineffettiva ta’ argument ma twassalx, fi kwalunkwe każ, għall-inammissibbiltà tiegħu.

48      It-tieni nett, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li twassal għall-ineffettività tal-argumenti tar-rikorrenti hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ewwel motiv.

49      Fis-sentenzi tagħha Dow Cheminal Ibérica vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq (punti 40 u 41), u France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq (punt 54), iċċitati mill-Kummissjoni insostenn tal-argumentazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Unjoni fakkret li l-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata, skont ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt li kienu jeżistu fid-data li fiha dan l-att ġie adottat u li, fuq din il-bażi, il-mod kif deċiżjoni li tordna spezzjoni ġiet applikata ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni.

50      Fl-ewwel motiv tagħhom, madankollu, ir-rikorrenti jitolbu l-identifikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ rekwiżit formali ġdid li jaffettwa l-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni. Fil-fatt, sa fejn, skont il-kliem użat mir-rikorrenti, deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha neċessarjament tkun “marbuta” jew “assoċjata” mal-kisba ta’ mandat, l-ewwel motiv għandu jinftiehem fis-sens li huma biss deċiżjonijiet ta’ spezzjoni li jipprovdu għall-kisba minn qabel ta’ mandat ġudizzjarju li jistgħu jkunu legalment adottati mill-Kummissjoni.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda inkwantu l-motiv tar-rikorrenti la huwa ineffettiv u lanqas inammissibbli.

52      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fl-istadju tar-replika, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, tqis li din hija tardiva, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

53      Il-Kunsill iqis li l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija ammissibbli biss sa fejn din tirrigwarda l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, il-bażi legali tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni. Peress li l-Artikolu 20(5) ta’ dan ir-regolament ma għandu l-ebda konnessjoni mal-fatti u r-rikorrenti ma opponewx formalment l-ispezzjoni, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(5) sa (8) ta’ dan ir-regolament hija, għalhekk, inammissibbli.

54      Ir-rikorrenti jikkontestaw it-tardività tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, peress li din sempliċement tippreċiża t-talba prinċipali.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw impliċitament il-legalità tar-Regolament Nru 1/2003 li permezz tiegħu ġiet adottata d-deċiżjoni. Billi ma jipprovdix espliċitament obbligu għall-Kummissjoni sabiex din tikseb mandat ġudizzjarju, mill-Qorti Ġenerali jew minn qorti nazzjonali, ir-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”). Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-eċċezzjoni ta’ illegalità espressament imqajma fir-replika tikkostitwixxi, b’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA jsostnu, l-espansjoni, fil-punt 17 tar-replika, ta’ motiv impliċitament, iżda b’mod ċar, invokat fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T‑176/01, Ġabra p. II‑3931, punt 136, u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Madankollu, kif il-Kunsill ġustament ifakkar, eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma b’mod inċidentali taħt l-Artikolu 277 TFUE, fl-okkażjoni tal-kontestazzjoni fil-kawża prinċipali tal-legalità ta’ deċiżjoni, hija ammissibbli biss meta jkun hemm rabta ta’ konnessjoni bejn l-att ikkontestat u r-regola li l-allegata illegalità tagħha hija eċċepita. Issa, sa fejn l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti li parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ att ta’ natura ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima. Minn dan isegwi li l-att ġenerali li l-illegalità tiegħu hija invokata għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ partikolari li jkun is-suġġett tar-rikors u għandu jkun hemm rabta ġuridika diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il-Kummissjoni, T‑6/92 u T‑52/92, Ġabra p. II‑1047, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fil-każ ineżami, l-ewwel, it-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni ġew adottati taħt l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. L-Artikolu 20(5) ta’ dan ir-regolament ma għandu l-ebda rabta ma’ din it-tilwima u n-nuqqas ta’ oppożizzjoni min-naħa tar-rikorrenti rrenda inutli l-użu tal-mekkaniżmu previst fil-paragrafi 6 sa 8 tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija ammissibbli biss sa fejn din tikkonċerna l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

 Fuq il-mertu

59      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jinvokaw l-iżvilupp fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, b’mod partikolari, fis-sentenzi Société Colas Est et vs Franza (16 ta’ April 2002, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2002‑III), Société Canal Plus et vs Franza (21 ta’ Diċembru 2010, Rik. Nru 29408/08) u Société Métallurgique Liotard Frères vs Franza (5 ta’ Mejju 2011, Rik. Nru 29598/08), sabiex iqisu li deċiżjoni ta’ spezzjoni li ma hijiex marbuta jew assoċjata ma’ ordni ġudizzjarju ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tikser id-drittijiet tagħhom previsti fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Qorti EDB indikat ukoll li l-ispezzjonijiet mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel kienu sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet segwiti.

60      Skont ir-rikorrenti, l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel hija diġà neċessarja f’ħafna mill-Istati Membri, fosthom il-Ġermanja. Huma jsostnu wkoll li tali awtorizzazzjoni hija diġà neċessarja fir-rigward tal-postijiet imsemmija fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Attwalment, il-Kummissjoni hija l-uniku ġudikant tal-azzjonijiet tagħha fil-każ ta’ spezzjoni tal-postijiet tal-impriżi.

61      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li n-neċessità li tiġi ppreżentata awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel ma tistax tiġi llimitata għall-każ fejn l-impriża topponi l-ispezzjoni, fis-sens tal-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, huma jqisu, l-ewwel nett, li l-ksur tad-drittijiet fundamentali jseħħ fil-mument li l-aġenti tal-Kummissjoni jidħlu fl-impriża, it-tieni nett, li l-impriża la għandha l-ħin u lanqas il-mezzi, mal-wasla tal-aġenti tal-Kummissjoni, sabiex tivverifika n-natura proporzjonata tal-ispezzjoni, it-tielet nett, li l-Kummissjoni għandha l-poter li tieħu miżuri mandatorji diretti bħat-twaħħil ta’ siġilli jew multi, u, ir-raba’ nett, li l-possibbiltà li toġġezzjona għall-ispezzjoni jew għall-imġiba mhux xierqa tal-aġenti tal-Kummissjoni tibqa’ teoretika, minħabba r-riskju ta’ multa, imposta skont l-Artikolu 23(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, imġarrba f’każ bħal dan, kif turi, minn naħa, il-proċedura li l-Kummissjoni fetħet illegalment kontra Sanofi Aventis (dokument tal-Kummissjoni bir-referenza MEMO/08/357, tat-2 ta’ Ġunju 2008), bil-għan li tissanzjona lill-impriża kkonċernata minħabba li riedet topponi l-ispezzjoni, u, min-naħa l-oħra, il-mod kif saret l-ewwel spezzjoni fejn matulha l-aġenti tal-Kummissjoni heddew li jagħmlu ħsara lis-sistema tal-informatika tar-rikorrenti kemm-il darba huma ma jiksbux il-passwords tal-kontijiet tal-posta elettronika ta’ ċerti impjegati tar-rikorrenti.

62      Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti qiesu, fl-ewwel lok, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li hija biss sitwazzjoni ta’ perikolu imminenti, fil-qasam kriminali, li tista’ tiġġustifika assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel u, fit-tieni lok, li r-Regolament Nru 1/2003 jkun illegali jekk ma jippermettix il-kisba minn qabel ta’ mandat.

63      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

64      B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li huwa neċessarju, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-mertu tal-ewwel motiv, li tiġi eżaminata, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ jekk is-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003 hijiex konformi mad-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li jiġi evalwat il-mertu tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, sa fejn din tikkonċerna l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 fl-ambitu tal-eżami tal-mertu tal-ewwel motiv.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju tal-poteri ta’ spezzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 fuq impriża jikkostitwixxi ndħil ċar fid-dritt ta’ din tal-aħħar għar-rispett tal-ħajja privata tagħha, tad-domiċilju tagħha u tal-korrispondenza tagħha. Dan ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni jew l-intervenjenti f’dawn il-kawżi. Il-kwistjoni mqajma fil-każ ineżami hija għalhekk dik dwar jekk l-assenza ta’ mandat ġudizzjarju minn qabel timplikax neċessarjament l-illegalità tal-indħil amministrattiv u, jekk ikun il-każ, jekk is-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003 tipprovdix garanziji li jipprovdu protezzjoni suffiċjenti fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel.

66      Fil-ġurisprudenza reċenti tagħha (Qorti Ewr. D. B., sentenzi Harju vs Il-Finlandja tal-15 ta’ Frar 2011, Rik. Nru 56716/09, punti 40 u 44, u Heino vs Il-Finlandja tal-15 ta’ Frar 2011, Rik. Nru 56715/09, punti 40 u 44), il-Qorti EDB enfasizzat l-importanza li teżamina l-garanziji li, sa fejn l-ispezzjonijiet jistgħu jseħħu fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel, jassumu importanza ikbar. Hija mbagħad stabbilixxiet b’mod ċar il-prinċipju li l-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel tista’ tiġi kkumpensata minn stħarriġ komplet li jsir wara l-ispezzjoni.

67      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti EDB, li l-assenza ta’ mandat ġudizzjarju minn qabel ma hijiex ta’ natura li twassal, bħala tali, għall-illegalità ta’ ndħil fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB.

68      L-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkwalifikaw il-portata tas-sentenzi tal-Qorti EDB, Heino vs Il-Finlandja u Harju vs Il-Finlandja, punt 66 iktar ’il fuq, ma humiex tali li jqiegħdu f’dubju din il-konstatazzjoni.

69      Skont ir-rikorrenti, minn dawn is-sentenzi jirriżulta li hija biss sitwazzjoni ta’ perikolu imminenti, bil-għan li jiġi evitat it-twettiq ta’ reat, li tiġġustifika nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel.

70      Issa, għandu jiġi enfasizzat, kif għamlet il-Kummissjoni, minn naħa, li l-punt 31 tas-sentenza tal-Qorti EDB, Harju vs Il-Finlandja, punt 66 iktar ’il fuq, li fuqha jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti sabiex juru l-importanza tal-eżistenza ta’ perikolu imminenti, jinsab fil-parti tas-sentenza li tiġbor fil-qosor l-argumentazzjoni tal-konvenuta u mhux f’dik il-parti li tinkludi l-evalwazzjoni tal-Qorti EDB. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jsostnu, l-evalwazzjoni tal-Qorti EDB ma hija bl-ebda mod ibbażata fuq l-eżistenza ta’ perikolu imminenti. L-eżistenza ta’ perikolu imminenti lanqas ma hija fattur determinanti fis-sentenzi tal-Qorti EDB, Mastepan vs Ir-Russja (14 ta’ Jannar 2012, Rik. Nru 3708/03), u Varga vs Ir-Rumanija (1 ta’ April 2008, Rik. Nru 73957/01). Finalment, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, il-fatt li s-sentenzi tal-Qorti EDB, Harju vs Il-Finlandja u Heino vs Il-Finlandja, punt 66 iktar ’il fuq, jaqgħu taħt id-dritt kriminali jsaħħaħ ir-rilevanza tagħhom għall-kawżi preżenti.

71      Lanqas l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jistabbilixxu li s-soluzzjoni adottata fis-sentenza tal-Qorti EDB, Société Colas Est et vs Franza, punt 59 iktar ’il fuq, hija kompletament applikabbli għall-każ ineżami ma jistgħu jirnexxu.

72      Fil-fatt, minn dik is-sentenza jirriżulta, b’mod partikolari mill-punt 49, li l-assenza ta’ mandat minn qabel hija biss wieħed mill-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti EDB sabiex tikkonkludi li hemm ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB. B’mod partikolari, il-Qorti EDB ħadet inkunsiderazzjoni l-firxa tas-setgħat miżmuma mill-awtorità kompetenti, iċ-ċirkustanzi tal-indħil u l-fatt li s-sistema ta’ dak iż-żmien kienet tipprevedi biss numru limitat ta’ garanziji. Din is-sitwazzjoni hija differenti mis-sitwazzjoni eżistenti taħt id-dritt tal-Unjoni (ara l-punti 74 sa 99 iktar ’l isfel).

73      Anki jekk stess l-assenza ta’ mandat ġudizzjarju minn qabel ma hijiex ta’ natura li twassal, bħala tali, għall-illegalità ta’ ndħil, b’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti jsostnu, għandu jiġi eżaminat jekk is-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003, speċifikament l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-mod kif dan ġie implementat bl-adozzjoni tat-tliet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, tipprovdix garanziji adegwati u suffiċjenti li jikkorrispondu għal superviżjoni suffiċjentement stretta tal-poteri tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Qorti EDB regolarment fakkret li grad aċċettabbli ta’ protezzjoni mill-indħil kontra l-Artikolu 8 tal-KEDB kien jimplika qafas legali u limiti stretti (Qorti Ewr. D. B., sentenzi Harju vs il-Finlandja, punt 66 iktar ’il fuq, punt 39; Heino vs Il-Finlande, punt 66 iktar ’il fuq, punt 40; Varga vs Ir-Rumanija, punt 70 iktar ’il fuq, punt 70, u Société Canal Plus et vs Franza, punt 59 iktar ’il fuq, punt 54).

74      F’dan ir-rigward, għandha tiġi rrilevata l-eżistenza ta’ ħames kategoriji ta’ garanziji li jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, it-tieni nett, il-limiti imposti fuq il-Kummissjoni matul il-kors tal-ispezzjoni, it-tielet nett, l-impossibbiltà għall-Kummissjoni li timponi spezzjoni sfurzata, ir-raba’ nett, l-intervent tal-awtoritajiet nazzjonali, u, il-ħames nett, l-eżistenza ta’ rimedji a posteriori.

75      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għal spezzjoni, jirriżulta mill-ġurisprudenza li din għandha l-iskop li tindika l-ġustifikazzjoni tal-intervent ippjanat fi ħdan l-impriżi kkonċernati (ara s-sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata). Imbagħad, din id-deċiżjoni għandha tosserva r-rekwiżiti li jidhru fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Id-deċiżjoni għandha għalhekk tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni, tiffissa d-data li fiha din għandha tibda u tindika l-pieni previsti mill-Artikoli 23 u 24 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll ir-rimedju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra din id-deċiżjoni. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni għandha tinkludi wkoll l-ipoteżijiet u l-preżunzjonijiet li l-Kummissjoni tixtieq tivverifika (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2007, CB vs Il-Kummissjoni, T‑266/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 36 u 37).

76      Madankollu, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tagħmel klassifikazzjoni ġuridika preċiża tal-allegati okkorrenzi ta’ ksur, li tinforma lill-impriża bl-informazzjoni kollha li hija għandha jew li tindika l-perijodu li matulu l-ksur issuspettat seħħ (sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 58).

77      Madankollu, sabiex tiggarantixxi lill-impriża l-possibbiltà li tagħmel użu mid-dritt ta’ oppożizzjoni tagħha, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha, lil hinn mill-elementi formali elenkati fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, tinkludi deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-ksur issuspettat, billi tindika s-suq ikkunsidrat rilevanti u n-natura tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ssuspettati, kif ukoll is-setturi koperti mill-allegat ksur involut fl-investigazzjoni, spjegazzjonijiet dwar kif l-impriża hija preżunta implikata fil-ksur, dak li huwa mfittex u l-fatturi li dwarhom għandha ssir il-verifika (ara s-sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      L-istħarriġ tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni jippermetti lill-qorti tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni kontra l-interventi arbitrarji u sproporzjonati u tad-drittijiet tad-difiża (sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 57), filwaqt li jinżamm il-ħsieb tan-neċessità li jkun ippreżervat ċertu marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni li mingħajru d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 jitilfu kull effett utli (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 2005, Minoan lines vs Il-Kummissjoni, C‑121/04 P, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 36).

79      Fit-tieni lok, huma imposti limiti fuq il-Kummissjoni waqt it-twettiq ta’ spezzjoni.

80      L-ewwel nett, id-dokumenti li ma humiex ta’ natura professjonali, jiġifieri dawk li ma għandhomx rabta mal-attività tal-impriża fis-suq, huma esklużi mill-kamp ta’ investigazzjoni miftuħ għall-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S vs Il-Kummissjoni, 155/79, Ġabra p. 1575, punt 16, u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, Ġabra p. I‑9011, punt 45).

81      It-tieni nett, l-impriżi suġġetti għal spezzjoni ordnata b’deċiżjoni ta’ spezzjoni għandhom il-possibbiltà li jibbenefikaw minn assistenza legali jew ukoll dik li jippreżervaw il-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn avukati u klijenti, madankollu, din il-garanzija tal-aħħar hija eskluża fir-rigward ta’ informazzjoni skambjata bejn avukat marbut mal-impriża b’kuntratt ta’ impjieg u din l-istess impriża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑550/07 P, Ġabra p. I‑8301, punti 40 sa 44).

82      It-tielet nett, għalkemm ir-Regolament Nru 1/2003 jimponi fuq l-impriża suġġetta għall-ispezzjoni obbligu ta’ kooperazzjoni attiva, il-Kummissjoni ma tistax timponi fuq l-impriża kkonċernata l-obbligu li tipprovdi risposti li jwassluha għall-ammissjoni tal-eżistenza tal-ksur li huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tipprova (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punt 35). Dan il-prinċipju, żviluppat fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), japplika wkoll għall-mistoqsijiet li l-ispetturi jistgħu jagħmlu matul spezzjoni taħt l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

83      Ir-raba’ nett, għandha tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ noti spjegattivi nnotifikati lill-impriżi flimkien mad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni. Dawn in-noti spjegattivi jiddeterminaw il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet sabiex twettaq spezzjoni. Għalhekk, dawn jispeċifikaw b’mod utli l-kontenut tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif mifhuma mill-Kummissjoni.

84      Dawn in-noti spjegattivi jispeċifikaw il-mod li bih għandhom isiru ċerti fażijiet tal-ispezzjoni. L-obbligu li jiġu ċċitati l-ismijiet tal-aġenti awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni xierqa (punt 1), l-obbligu ta’ notifika tad-deċiżjoni li tawtorizza l-ispezzjoni (punt 3), l-espożizzjoni limitattiva tal-prerogattivi tal-aġenti (punt 4), id-dritt li jużaw is-servizzi ta’ avukat (punt 6), il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni tal-ispjegazzjonijiet orali mogħtija mill-impjegati tal-impriża (punti 7 u 8), il-modalitajiet ta’ konsultazzjoni, ta’ tfittix u ta’ kkopjar ta’ ċerti dokumenti elettroniċi (punti 10 u 11), is-soluzzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ konsultazzjoni minn ċerta informazzjoni maħżuna fuq mezzi tal-informatika (punti 11 u 12), il-possibbiltà tal-kisba ta’ inventarju ffirmat tad-dokumenti kkopjati (paragrafu 12) u l-kundizzjonijiet tal-ġestjoni kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni jew ċerti sigrieti kummerċjali wara l-investigazzjoni (punti 13 u 14) huma elementi speċifikati fin-nota spjegattiva msemmija. Dawn l-elementi jikkostitwixxu wkoll informazzjoni utli għall-impriża meta r-rappreżentanti tagħha jkollhom jevalwaw l-estent tad-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni.

85      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma għandhiex mezzi eċċessivi ta’ koerzjoni li jirrendu ineffettiva l-possibbiltà, fil-fatt, li ssir oppożizzjoni għall-ispezzjoni skont l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jsostnu.

86      Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, waqt spezzjoni, l-aġenti tal-Kummissjoni għandhom, partikolarment, il-fakultà li jiġu pprovduti bid-dokumenti li huma jitolbu, li jidħlu fil-postijiet li huma jindikaw u jaraw il-kontenut tal-mobbli li huma jindikaw. Madankollu, huma ma jistgħux jisfurzaw l-aċċess għall-postijiet jew għal mobbli jew inkella jġiegħlu lill-impjegati tal-impriża jipprovdulhom tali aċċess, u lanqas ma jistgħu jagħmlu tfittxijiet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-diriġenti tal-impriża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 31).

87      It-tieni nett, il-ġabra ta’ regoli li jirregolaw, minn naħa, il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni (ara l-punti 75 sa 78 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, it-twettiq tal-ispezzjonijiet (ara l-punti 79 sa 84 iktar ’il fuq) tippermetti lill-impriżi jużaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom ta’ oppożizzjoni, skont l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003, mal-wasla tal-ispetturi, fil-mument tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, jew fi kwalunkwe mument ieħor, matul l-ispezzjoni.

88      F’dan ir-rigward, għandha tiġi rrilevata l-possibbiltà għar-rappreżentanti tal-impriżi kkonċernati mill-ispezzjonijiet li jirreġistraw fil-proċess verbal kwalunkwe irregolarità li allegatament tkun seħħet matul il-kors tal-ispezzjoni, jew kwalunkwe lment li jista’ jkollhom, mingħajr ma jopponu formalment għall-ispezzjoni, fis-sens tal-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003, u li jużaw kwalunkwe mezz għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jippreżervaw provi konkreti ta’ dawn l-irregolaritajiet.

89      It-tielet nett, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, mal-wasla tagħha fil-postijiet tal-impriża, għandha tagħti lil din tal-aħħar żmien raġonevoli, iżda qasir, sabiex teżamina, bl-għajnuna tal-avukati tagħha, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-ksur tad-drittijiet fundamentali iseħħ meta l-aġenti tal-Kummissjoni jidħlu fl-impriża, il-Qorti Ġenerali tqis, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li l-ispezzjoni ma tibdiex qabel in-notifika tad-deċiżjoni u li s-sempliċi fatt tad-dħul fl-impriża sabiex issir in-notifika ma jikkostitwixxix ksur ta’ dritt fundamentali. Imbagħad, matul l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha wkoll tagħti żmien qasir lill-impriża sabiex din tikkonsulta lill-avukati tagħha qabel ma tagħmel kopji, twaħħal siġilli jew titlob spjegazzjonijiet orali.

90      Ir-raba’ nett, f’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li huwa biss fil-każ ta’ ostakolu ċar jew ta’ użu abbużiv tad-dritt ta’ oppożizzjoni li l-Kummissjoni tista’ tuża l-mekkaniżmu ta’ sanzjoni previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003. Il-Kummissjoni għalhekk ma tistax tuża dan il-mekkaniżmu ta’ sanzjoni bħala theddida sabiex tikseb konċessjonijiet mill-impriżi lil hinn mil-limiti stretti tad-dmir tagħhom li jikkooperaw. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull deċiżjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ mill-qorti tal-Unjoni.

91      Fir-raba’ lok, fir-rigward ta’ garanziji mogħtija mill-proċedura ta’ oppożizzjoni, prevista fl-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni hija obbligata li tfittex l-għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li fih l-ispezzjoni għandha titwettaq. Din il-proċedura tagħti bidu għall-implementazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kontroll, jekk ikun il-każ ġudizzjarju, tal-Istat Membru kkonċernat.

92      Meta tintalab l-għajnuna tal-awtorità nazzjonali kompetenti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura l-effikaċja tal-azzjoni tal-Kummissjoni u josserva d-diversi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi mill-interventi arbitrarji u sproporzjonati tal-awtorità pubblika fl-isfera privata (sentenzi Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 33, u Roquette Frères, punt 80 iktar ’il fuq, punt 35).

93      L-awtorità nazzjonali kompetenti, indipendentement minn jekk din tkunx ġudizzjarja, għandha teżamina jekk il-miżuri ta’ koerzjoni previsti humiex arbitrarji jew sproporzjonati fid-dawl tas-suġġett tal-verifika. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-awtorità nazzjonali kkonċernata jkollha l-elementi kollha neċessarji li jippermettulha li twettaq dan il-kontroll u tiżgura l-osservanza tar-regoli tad-dritt nazzjonali fit-twettiq tal-proċeduri ta’ koerzjoni (sentenzi Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punti 34 u 35, u Roquette Frères, punt 80 iktar ’il fuq, punti 36 u 37).

94      Għandu jingħad ukoll li, kif ġustament osservat il-Kummissjoni, il-qorti nazzjonali kompetenti biex tawtorizza miżuri ta’ koerzjoni tista’ tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, l-Artikoli 95 u 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jippermettu lill-qorti nazzjonali tagħmel domanda preliminari mħaffa u anonima. Finalment, il-qorti nazzjonali tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tiddeċiedi li tissospendi l-proċedura tal-għoti tal-mandat sakemm tingħata r-risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1995, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et, C‑465/93, Ġabra p. I‑3761, punt 23).

95      Fil-ħames lok, il-kontroll tal-indħil ikkostitwit minn spezzjoni huwa bbażat ukoll fuq l-istħarriġ a posteriori, mill-qorti tal-Unjoni, tal-legalità tad-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni.

96      F’dan ir-rigward, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(8) tar-Regolament Nru 1/2003 tipprovdi:

“Id-dritt legali [il-legalità] tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ħa [għandha] tkun soġetta għar-reviżjoni biss mill-Qorti tal-Ġustizzja.”

97      Kif jirriżulta mill-punt 66 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet a posteriori huwa partikolarment importanti peress li dan jista’ jikkumpensa għall-assenza ta’ mandat ġudizzjarju minn qabel. F’dan il-każ, il-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ komplet, fil-fatt u fid-dritt, tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni (ara wkoll, f’dan ir-rigward, punt 112 iktar ’l isfel).

98      Barra minn hekk, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, ir-rikorrenti jistgħu jiksbu s-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni billi jintroduċu, flimkien mar-rikors għal annullament, talba għal miżuri provviżorji, skont l-Artikolu 278 TFUE, possibbilment akkumpanjata b’talba fis-sens tal-Artikolu 105(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

99      Fl-aħħar nett, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jipprovdi bażi għal azzjoni intiża sabiex tuża r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

100    Il-Qorti Ġenerali tqis li, fil-każ ineżami, il-ħames kategoriji ta’ garanziji ġew ilkoll żgurati. B’mod partikolari, it-tliet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni jinkludu l-elementi previsti fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-Kummissjoni ħadet ħsieb li tispeċifika l-isem tad-destinatarji, ir-raġunijiet li wassluha għas-suspett tal-eżistenza ta’ prattika ta’ ksur, it-tip ta’ prattiki ssuspettati sa fejn dawn setgħu jirriżultaw antikompetittivi, is-suq tal-beni u tas-servizzi kkonċernat, is-suq ġeografiku li fih l-allegati prattiki ġew applikati, ir-relazzjoni bejn dawn l-allegati prattiki u l-imġiba tal-impriża destinatarja tad-deċiżjonijiet, l-aġenti awtorizzati biex iwettqu l-ispezzjoni, il-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom u l-obbligi tal-persunal kompetenti tal-impriża, id-data u l-postijiet tal-ispezzjoni, il-pieni sostnuti fil-każ ta’ ostakolu, il-possibbiltà u l-kundizzjonijiet ta’ rimedju. Kif jirriżulta mill-eżami tar-raba’ motiv, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi ġew korrettament inklużi fit-tliet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni (ara l-punt 184 iktar ’l isfel).

101    Fir-rigward tat-twettiq tal-ewwel spezzjoni u, minn naħa, l-argument tar-rikorrenti li aġent tal-Kummissjoni heddet li jagħmel ħsara lis-sistema tal-informatika tagħhom jekk dawn ma jagħtuhx il-passwords tal-kontijiet tal-posta elettronika ta’ ċerti kollaboraturi, għandu jiġi kkonstatat, minbarra l-fatt li l-Kummissjoni opponiet din l-allegazzjoni, li l-avukati tar-rikorrenti ma rreġistrawx formalment l-allegat inċident, b’mod li ma hemm l-ebda prova li tippermetti li dan jiġi stabbilit. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-verżjoni tal-Kummissjoni fir-risposta li tipprovdi li, minkejja l-ordnijiet tagħha, ir-rikorrenti waqqfu l-aċċess għal kompjuters u għal kontijiet tal-posta elettronika għal żmien partikolarment twil, sat-tieni jum tal-ispezzjoni, mingħajr ma l-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jimplementaw miżuri ta’ koerzjoni. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kawża Sanofi Aventis, jirriżulta mill-informazzjoni tal-fajl, partikolarment mid-dokument tal-Kummissjoni bir-referenza MEMO/08/357, tat-2 ta’ Ġunju 2008, li l-Kummissjoni kkunsidrat li tissanzjona, mhux il-fatt stess li opponew għal spezzjoni, inġenerali, iżda l-fatt li opponew, f’dan il-każ partikolari, li l-Kummissjoni tagħmel kopji ta’ ċerti dokumenti. Barra minn hekk, il-proċedura ngħalqet.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ifformulati fil-punti 65 sa 101 iktar ’il fuq, hemm lok li l-ewwel motiv u l-eċċezzjoni ta’ illegalità, sa fejn din tikkonċerna l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv

103    Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom prinċipalment fuq is-sentenzi tal-Qorti EDB, Société Métallurgique Liotard Frères vs Franza u Société Canal Plus et vs Franza, punt 59 iktar ’il fuq, sabiex isostnu li huma għandhom jibbenefikaw minn possibbiltajiet ta’ rimedji fil-fatt u fid-dritt, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB , qabel l-intrużjoni li l-ispezzjoni tikkostitwixxi.

104    Ir-rikorrenti jargumentaw, b’mod partikolari, li la l-proċedura prevista fl-Artikolu 20(8) tar-Regolament Nru 1/2003, li tawtorizza lill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tevalwa n-natura mhux arbitrarja u proporzjonata tal-miżuri ta’ koerzjoni meħtieġa għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni fil-każ ta’ oppożizzjoni, u lanqas l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

105    Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti speċifikaw li huma jikkunsidraw, l-ewwel nett, li l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jimponi l-kisba mill-Kummissjoni ta’ mandat ġudizzjarju minn qabel, li fl-ambitu tiegħu l-qorti nazzjonali tistħarreġ in-neċessità u l-proporzjonalità, fil-fatt u fid-dritt, tal-ispezzjoni. It-tieni nett, l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jirrikjedi stħarriġ ġudizzjarju komplet tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni fi żmien raġonevoli wara l-bidu tal-ispezzjoni.

106    Il-Kummissjoni, minn naħa, tqis il-motiv tar-rikorrenti ineffettiv u għaldaqstant inammissibbli, u, min-naħa l-oħra, tikkontesta l-interpretazzjoni tas-sentenza tal-Qorti EDB, Société Métallurgique Liotard Frères vs Franza u Société Canal Plus et vs Franza, punt 59 iktar ’il fuq, imressqa mir-rikorrenti. Hija tqis li l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv a posteriori huwa suffiċjenti u li l-Qorti Ġenerali tista’ teżerċita tali stħarriġ.

107    B’mod preliminari, fir-rigward tal-ammissibbiltà, diġà tfakkar fil-punt 47 iktar ’il fuq li n-natura ineffettiva ta’ argument ma twassalx, fi kwalunkwe każ, għall-inammissibbiltà tiegħu.

108    Fir-rigward tan-neċessità li jinkiseb mandat ġudizzjarju minn qabel, ir-rikorrenti, permezz ta’ dan il-motiv, bħal fil-każ tal-ewwel motiv (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 49 sa 51 iktar ’il fuq), jitolbu l-identifikazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ rekwiżit formali ġdid li jaffettwa l-legalità ta’ deċiżjonijiet ta’ spezzjoni. Dan il-motiv għandu jinftiehem fis-sens li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tikseb mandat ġudizzjarju minn qabel li jingħata wara stħarriġ komplet, kemm fil-fatt u kif ukoll fid-dritt, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Sa fejn jikkonċerna n-neċessità li jinkiseb mandat ġudizzjarju minn qabel, it-tieni motiv ma jistax għalhekk jitqies li huwa ineffettiv.

109    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti f’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti EDB, Société Métallurgique Liotard Frères vs Franza u Société Canal Plus et vs Franza, punt 59 iktar ’il fuq, imressqa mir-rikorrenti, hija żbaljata.

110    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, kif ikkonstatat il-Kummissjoni, li minn dawn is-sentenzi jirriżulta li huwa l-grad ta’ stħarriġ li huwa msemmi u mhux il-mument li fih dan jiġi eżerċitat. Dan l-istħarriġ għandu jiġi eżerċitat fuq il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha u għandu jippermetti rimedju xieraq fil-każ li tkun diġà twettqet operazzjoni meqjusa irregolari (Qorti Ewr. D. H., sentenza Société Canal Plus et vs Franza, punt 59 iktar ’il fuq, punt 36).

111    Fit-tieni lok, deċiżjoni ta’ spezzjoni tista’ tkun suġġetta għal rikors taħt l-Artikolu 263 TFUE. Konsegwentement, l-assenza ta’ stħarriġ komplet eżerċitat ex ante minn awtorità nazzjonali li toħroġ mandat hija, fi kwalunkwe każ, irrilevanti, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jsostnu. L-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi għal tali stħarriġ mill-qrati tal-Unjoni u jimponi li dan jiġi indikat fid-deċiżjoni li tordna impriża tissottometti ruħha għal spezzjoni fil-postijiet tagħha. F’dan il-każ, il-Kummissjoni osservat din il-formalità fl-adozzjoni tal-ewwel, it-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni u r-rikorrenti kienu jafu li huma setgħu jressqu rikors sabiex jikkontestaw in-neċessità tal-ispezzjoni, kif dawn il-kawżi jikkonfermaw.

112    Fit-tielet lok, ma jistax jiġi kkontestat b’mod serju l-fatt li l-Qorti Ġenerali hija f’pożizzjoni li teżerċita stħarriġ tal-fatti u li hija ma taġixxix biss bħala “qorti ta’ kassazzjoni”, kif isostnu r-rikorrenti. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni, meta tiddeċiedi fuq rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, teżerċita stħarriġ kemm fid-dritt u kif ukoll fil-fatt u għandha l-poter li tevalwa l-provi u tannulla d-deċiżjoni kkontestata. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, il-qorti tal-Unjoni tista’ titwassal sabiex tiżgura l-eżistenza ta’ indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-impriżi kkonċernati (ara s-sentenza Roquette Frère, punt 80 iktar ’il fuq, punti 54 u 55, u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta, inter alia, li t-tieni argument tar-rikorrenti (ara l-punt 105 iktar ’il fuq) li allegata assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet ta’ deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, wara li jingħata bidu għal dawn l-ispezzjonijiet, tikser l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, għandu jiġi miċħud.

113    Fir-raba’ lok, għandu jiġi enfasizzat, kif ġustament tfakkar il-Kummissjoni, li l-annullament eventwali tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, jew il-konstatazzjoni ta’ irregolarità fit-twettiq tal-miżuri eżegwiti mill-aġenti inkarigati, iwasslu għall-impossibbiltà għall-istituzzjoni li tuża l-informazzjoni miġbura matul operazzjonijiet litiġjużi għall-finijiet tal-proċedura ta’ ksur (sentenza Roquette Frères, punt 80 iktar ’il fuq, punt 49).

114    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni motiv jiġi kollu hemm hu miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fid-dawl tal-irregolaritajiet matul it-twettiq tal-ewwel spezzjoni

115    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li t-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni huma bbażati fuq informazzjoni miksuba illegalment matul l-ewwel spezzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk deliberatament fittxet informazzjoni dwar id-DUSS matul l-ewwel spezzjoni, meta din l-ispezzjoni kienet limitata għall-provvista tal-EET. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

116    B’mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni fittxet b’mod sistematiku l-uffiċċju ta’ M., uffiċjal responsabbli mill-“Informazzjoni legali” ta’ DB Schenker Rail Deutschland f’Mainz, b’mod li dan inkluda wkoll l-eżami sistematiku ta’ dokumenti li b’mod ċar ma għandhom ebda rabta mal-EET. Huwa f’dan l-uffiċċju li l-Kummissjoni sabet, inter alia, ċerti ittri elettroniċi dwar id-DUSS, li manifestament ma għandhom ebda rabta mas-suġġett tal-ewwel spezzjoni, li ġew eżaminati u rrapportati mill-aġenti V. G. u T. B., minkejja l-protesti mill-avukat M. Sussegwentement, l-aġent V. G. eżamina numru ta’ dokumenti oħra li jikkonċernaw lid-DUSS fl-istess uffiċċju.

117    It-tieni nett, matul it-tfittxija elettronika tagħhom, l-aġenti tal-Kummissjoni użaw ċerti keywords marbuta esklużivament mad-DUSS, jiġifieri “NBS”, “[S.]”, “[T.]” u “[G.]”. Fir-rigward tal-keyword “[T.]”, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-uniku klijent ta’ DB Energie għall-EET u għalhekk l-uniku kompetitur tal-grupp DB hija l-impriża TXL, kumpannija sussidjarja tal-impriża T, li kienet is-suġġett ta’ tfittxija separata. Fir-rigward tal-keyword “NBS”, ir-rikorrenti ma jaqblux li l-aġenti tal-Kummissjoni ma kinux jafu t-tifsira tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-preżenza ta’ N., aġent tal-Bundesnetzagentur (iktar ’il quddiem il-“BnetzA”), espert fil-qasam, li neċessarjament kien jaf xi tfisser din it-taqsira użata ħafna f’dan is-settur. Barra minn hekk, huwa improbabbli li l-aġenti tal-Kummissjoni għamlu tfittxija fil-fond mingħajr ma fittxew minn qabel it-tifsira ta’ din il-keyword.

118    It-tielet nett, aġent tal-Kummissjoni spezzjona l-arkivji tad-DB Schenker Rail Deutschland f’Mainz u għamel kopja ta’ dokument intitolat “Strateġija Ewropea tat-terminals Stinnes Intermodal tas-17 ta’ Jannar 2006” li manifestament ma kellu ebda rabta mal-għan tal-ispezzjoni.

119    Ir-raba’ nett, l-aġenti tal-Kummissjoni stess irrikonoxxew, waqt l-ispezzjoni, l-eżistenza ta’ problema marbuta mal-fatt li l-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni ma semmietx l-imġiba tad-DUSS.

120    Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li, skont l-informazzjoni fil-fajl, il-Kummissjoni talbet lill-impriża T., ftit jiem qabel ma nbdiet l-ewwel spezzjoni, sabiex tikkonfermalha jekk l-ilment tas-16 ta’ Marzu 2011 kienx għadu vinkolanti, u dan juri l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tfittex informazzjoni dwar id-DUSS matul l-ewwel spezzjoni. It-32 aġent tal-Kummissjoni ġew ukoll informati bl-eżistenza tal-ilment li jipprevedi lid-DUSS eżatt qabel l-ispezzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li, bħala s-suġġett tal-ittra tagħha tas-16 ta’ Marzu 2011 dwar il-fajl tad-DUSS, l-impriża T. semmiet espliċitament in-numru ta’ referenza użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni EET tal-14 ta’ Marzu 2011 (“COMP 39.678”), għandu wkoll it-tendenza li juri dan.

121    Is-sitt nett, ir-rikorrenti jitolbu li tinstema’ x-xhieda ta’ M. u P., skont l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

122    Il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li l-argumenti tar-rikorrenti huma ineffettivi u, għalhekk, inammissibbli, minħabba li hija kellha informazzjoni biżżejjed, qabel l-ewwel spezzjoni, sabiex tiġġustifika t-tieni u t-tielet spezzjonijiet. Fir-rigward speċifikament tat-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni, hija tenfasizza li hija bbażat ruħha biss fuq informazzjoni li hija kellha qabel l-ewwel spezzjoni u fuq informazzjoni miġbura matul it-tieni spezzjoni. Il-Kummissjoni tiċħad, min-naħa l-oħra, l-argumenti kollha tar-rikorrenti bħala infondati.

123    Qabelxejn, fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà, huwa suffiċjenti li jitfakkar li n-natura ineffettiva ta’ argument ma twassalx għall-inammissibbiltà tiegħu (ara l-punt 47 iktar ’il fuq).

124    Sussegwentement, għandu jitfakkar li diġà ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-informazzjoni miġbura matul verifiki ma għandhiex tintuża għal skopijiet oħra għajr dawk indikati fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni. Dan ir-rekwiżit huwa, fil-fatt, intiż biex jipproteġi kemm is-sigriet professjonali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi. Dawn id-drittijiet jiġu serjament kompromessi jekk il-Kummissjoni tkun tista’ tinvoka kontra impriżi provi li, miksuba matul verifika, ikunu estranji għas-suġġett u għall-iskop tagħha (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs il-Kummissjoni, 85/87, Ġabra p. 3137, punt 18).

125    Madankollu, ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni hija prekluża milli tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni, sabiex tivverifika l-eżattezza jew tissupplimenta l-informazzjoni li hija tkun inċidentalment kisbet fil-kors ta’ verifika preċedenti, fil-każ li din l-informazzjoni tkun tindika l-eżistenza ta’ mġiba li tmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Dow Benelux vs il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 19).

126    Peress li l-Kummissjoni kisbet mill-ġdid dawn id-dokumenti fuq il-bażi ta’ mandati jew ta’ deċiżjonijiet u użathom għall-iskop li ġie indikat f’dawn il-mandati jew deċiżjonijiet, hija rrispettat id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi, kif jirriżultaw mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 476).

127    Il-fatt li l-Kummissjoni rċeviet, għall-ewwel darba, dokumenti f’każ partikolari, ma jagħtix protezzjoni assoluta sal-punt li dawn id-dokumenti ma jkunux jistgħu legalment jintalbu f’każ ieħor u jintużaw bħala prova. Altrimenti, l-impriżi jiġu mħeġġa, waqt verifika f’każ partikolari, li jagħtu d-dokumenti kollha li jippermettu li jiġi stabbilit ksur ieħor u li b’hekk jipproteġu ruħhom minn kull proċedura f’dan ir-rigward. Tali soluzzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali u d-drittijiet tad-difiża, u għalhekk jikkostitwixxu ostakolu mhux ġustifikat għat-twettiq, mill-Kummissjoni, tal-kompitu li tiżgura konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (sentenza tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, punt 477).

128    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li s-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni ma jkollhom ebda utilità jekk din tal-aħħar kellha titlob biss il-produzzjoni ta’ dokumenti li hija tkun f’pożizzjoni li tidentifika minn qabel b’mod preċiż. Dan id-dritt jimplika, għall-kuntrarju, is-setgħa li tfittex elementi ta’ informazzjoni differenti li ma jkunux għadhom magħrufa jew kompletament identifikati (sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 27, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Ventouris vs Il-Kummissjoni, T‑59/99, Ġabra p. II‑5257, punt 122).

129    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti invokati mir-rikorrenti.

130    Qabel ma jsir dan l-eżami, għandhom l-ewwel isiru żewġ osservazzjonijiet preliminari. L-ewwel waħda minn dawn l-osservazzjonijiet tikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni li t-tielet motiv tar-rikorrenti huwa ineffettiv, peress li hija kellha informazzjoni suffiċjenti, qabel l-ewwel spezzjoni, biex tiġġustifika t-tieni u t-tielet spezzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-provi tal-fajl jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq l-informazzjoni miġbura matul l-ewwel spezzjoni.

131    Fil-fatt, minkejja li t-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni hija ċara f’dan ir-rigward (premessa 7), it-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni ma tispeċifikax b’mod ċar minn fejn toriġina l-informazzjoni li fuq il-bażi tagħha hija ġiet deċiża (premessa 6).

132    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni sostniet li hija kellha, qabel l-ewwel spezzjoni, suspetti dwar imġiba antikompetittiva li seta’ kien hemm min-naħa tad-DUSS. Fl-ambitu tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni sabiex issostni l-eżistenza ta’ dawn is-suspetti. Għalhekk, il-Kummissjoni għaddiet lill-Qorti Ġenerali lment tal-impriża T. Mill-ilment tal-impriża T jirriżulta li d-DUSS irrifjutatilha l-aċċess għat-terminal München-Riem f’kundizzjonijiet sodisfaċenti.

133    Il-Kummissjoni għalhekk kellha informazzjoni, qabel l-ewwel spezzjoni, li setgħet issostni l-eżistenza ta’ suspetti serji dwar il-possibbiltà ta’ mġiba antikompetittiva tad-DUSS.

134    Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan ma huwiex ta’ natura li jrendi l-motiv tar-rikorrenti ineffettiv. Tabilħaqq, il-fatt li t-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni ġiet adottata matul il-kors tal-ewwel spezzjoni juri l-importanza tal-informazzjoni miġbura f’dik l-okkażjoni għall-oriġini tat-tieni spezzjoni. Peress li t-tielet spezzjoni hija mingħajr ambigwità bbażata, parzjalment, fuq l-informazzjoni miġbura matul l-ewwel żewġ spezzjonijiet, kif jirriżulta mill-premessa 7 tad-deċiżjoni dwar l-imsemmija spezzjoni, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet li taħthom l-informazzjoni dwar id-DUSS inġabret matul l-ewwel spezzjoni huma ta’ natura li jaffettwaw il-legalità tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni dwar in-natura ineffettiva tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

135    It-tieni osservazzjoni preliminari tikkonċerna l-valur probatorju tan-noti tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, dawn in-noti nkitbu mill-inqas xahar wara t-tmiem tal-ewwel spezzjoni, bl-eċċezzjoni tan-noti ta’ U. P. tal-4 ta’ April 2011. In-noti l-iktar iċċitati, dawk ta’ M., inkitbu xahrejn wara l-fatti. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet tar-rappreżentanti tar-rikorrenti huma bbażati prinċipalment fuq suppożizzjonijiet, dwar l-intenzjonijiet tal-investigaturi, li ma humiex sostnuti mill-fatti.

136    Għandu jiġi osservat ukoll li dawn il-fatti jikkostitwixxu l-uniċi provi mressqa mir-rikorrenti. Ir-rappreżentanti tar-rikorrenti fl-ebda ħin ma opponew formalment fis-sens tal-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003 jew irreġistraw kwalunkwe skuntentizza fi proċess verbal kontrollabbli fl-ambitu ta’ din il-proċedura. Huwa l-kompitu tar-rappreżentanti tar-rikorrenti li jirreġistraw b’mod formali l-ilmenti kollha tagħhom fl-istess żmien li jitwettqu l-abbużi u li jużaw kull mezz għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jikkonservaw il-provi tanġibbli (ara l-punt 88 iktar ’il fuq). L-allegazzjoni tar-rikorrenti li ċerti aġenti kkonfermaw verbalment, matul l-ewwel spezzjoni, in-natura illegali tat-tfittxija dwar id-DUSS, allegazzjoni kkontestata mill-Kummissjoni, ma hija għalhekk ibbażata fuq ebda proċess verbal miktub fl-istess ħin, jew kwalunkwe dokument ieħor li r-rikorrenti setgħu jistabbilixxu meta seħħew il-fatti inkwistjoni. Fin-nuqqas ta’ tali provi formali, il-prova tal-eżistenza ta’ tfittxija b’mira li tmur lil hinn mill-ambitu tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni hija neċessarjament iktar diffiċli. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li M. u P. huma l-awturi ta’ wħud min-noti inkwistjoni, u dan jimplika li l-proċess tal-Qorti Ġenerali diġà jinkludi l-ispjegazzjoni tagħhom taċ-ċirkustanzi li fihom seħħet l-ewwel spezzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li huwa utli li dawn jinstemgħu, kif talbu r-rikorrenti.

137    Prinċipalment, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament l-argumenti tar-rikorrenti dwar, l-ewwel nett, it-tfittxija eżawrjenti tal-uffiċċju ta’ M., it-tieni nett, ċerti dokumenti u keywords inkwistjoni, u, it-tielet nett, l-imġiba tal-Kummissjoni qabel ma ngħata bidu għall-ewwel spezzjoni.

 Fuq it-tfittxija eżawrjenti tal-uffiċċju ta’ M.

138    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni għamlet tfittxija sistematika tal-uffiċċju ta’ M., inkluż għalhekk l-eżami sistematiku ta’ dokumenti li manifestament ma kellhom ebda rabta mal-EET. Huwa f’dan l-uffiċċju li hija sabet, inter alia, żewġ ittri elettroniċi dwar id-DUSS, li manifestament ma kellhom ebda rabta mas-suġġett tal-ispezzjoni, li ġew eżaminati u rrapportati mill-aġenti V. G. u T. B., minkejja l-protesti ta’ M., V. G. imbagħad eżamina numru ta’ dokumenti oħra relatati mad-DUSS fl-istess uffiċċju.

139    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tista’ tfittex b’mod eżawrjenti l-kontenut ta’ ċerti uffiċċji jew mobbli, anki jekk ma jkun hemm ebda indikazzjoni ċara li dawn ikollhom fihom informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni, meta jkun hemm provi li jissuġġerixxu dan. Fil-fatt, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, jekk hija tillimita ruħha li tidħol biss fil-postijiet jew teżamina biss mobbli li għandhom b’mod ċar konnessjoni mas-suġġett tal-investigazzjoni, hija tkun qiegħda tirriskja li ma tkunx tista’ ssib provi importanti. Dawn il-provi jistgħu, pereżempju, jinħbew jew jiġu rreferenzjati b’mod mhux korrett.

140    Barra minn hekk, ir-rabta mas-suġġett tal-investigazzjoni ma hijiex neċessarjament faċilment identifikabbli immedjatament u jista’ jkun li jkun biss eżami fid-dettall li jista’ jippermetti li din tiġi identifikata. Kif il-Kummissjoni tenfasizza, peress li l-aġenti tagħha mhux dejjem ikollhom għarfien tekniku perfett tas-setturi kollha koperti mill-investigazzjoni, ma huwiex dejjem possibbli għalihom li jiddeterminaw immedjatament ir-rilevanza ta’ dokument, b’mod li huma għandhom neċessarjament iwettqu tfittxija relattivament wiesgħa.

141    F’dan il-każ, fir-rigward tal-uffiċċju ta’ M., kien hemm raġunijiet validi li jiġġustifikaw tfittxija approfondita. Fil-fatt, mill-informazzjoni tal-proċess jirriżulta li M. kien direttur tal-ġestjoni, tar-regolamentazzjoni u tax-xiri ta’ DB Schenker Rail Deutschland, u kien responsabbli mix-xiri ta’ servizzi. F’din il-kapaċità, huwa nnegozja l-kuntratti ta’ provvista ta’ EET ma’ DB Energie. DB Schenker Rail Deutschland tappartjeni għal DB Schenker Rail li hija, bħala kumpannija sussidjarju tat-trasport ta’ merkanzija ta’ DB Group, waħda mill-ikbar klijenti ta’ DB Energie. Din l-informazzjoni, li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, tiġġustifika għalhekk tfittxija approfondita tal-uffiċċju ta’ M.

142    F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-ewwel spezzjoni saret fi tliet siti u li l-inċidenti msemmija fil-punti 116 sa 118 iktar ’il fuq mir-rikorrenti seħħew biss f’wieħed mit-tliet siti (Mainz). Barra minn hekk, dawn l-inċidenti jinvolvu essenzjalment biss uffiċċju wieħed u tliet aġenti minn total ta’ 32 aġent maħtura mill-Kummissjoni. Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li jidher li n-numru ta’ dokumenti inkwistjoni, jiġifieri ħdax, huwa wisq żgħir meta mqabbel man-numru totali ta’ dokumenti kkonċernati, jiġifieri madwar 1000 dokument ikkopjat u numru ferm ikbar ta’ dokumenti eżaminati. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ħadet finalment biss il-kopji ta’ erba’ dokumenti dwar id-DUSS.

143    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti tar-rikorrenti dwar it-tfittxija sistematika tal-uffiċċju ta’ M.

 Fuq id-dokumenti u l-keywords inkwistjoni

144    Ir-rikorrenti jsostnu, minn naħa, li, matul l-ewwel spezzjoni, il-Kummissjoni eżaminat u, parzjalment, ikkopjat dokumenti li manifestament ma kellhomx rabta mas-suġġett tal-ispezzjoni. Min-naħa l-oħra, matul it-tfittxija elettronika tagħhom, l-aġenti tal-Kummissjoni użaw ukoll ċerti keywords li huma esklużivament marbuta mad-DUSS, u mhux mal-EET.

145    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat mill-ġdid li, minkejja li min-noti jirriżulta li r-rappreżentanti tar-rikorrenti nnotaw il-fatt li xi wħud mid-dokumenti eżaminati mill-Kummissjoni ma kellhomx, skont huma, rabta mas-suġġett tal-ewwel spezzjoni, huma fl-ebda ħin ma għamlu oppożizzjoni jew irreġistraw ilment formalment.

146    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ħdax-il dokument inkwistjoni, dawn jikkonsistu, minn naħa, mill-ewwel żewġ ittri elettroniċi misjuba fl-uffiċċju ta’ M. fid-29 ta’ Marzu 2011 wara nofsinhar. Dawn l-ittri, wara li ġew eżaminati fid-dettall, ġew irrapportati b’“bandiera” mill-aġenti V. G. u T. B. Fl-għodwa tat-30 ta’ Marzu 2011, instabu seba’ dokumenti oħra fl-uffiċċji ta’ M., fosthom ħames ittri elettroniċi. Fl-għodwa tal-31 ta’ Marzu 2011, aġent tal-Kummissjoni sab dokument intitolat “Strateġija Ewropea tat-terminals Stinnes Intermodal tas-17 ta’ Jannar 2006” fl-arkivji tad-DB Schenker Rail Deutschland f’Mainz. Fl-aħħar nett, fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti jiċċitaw ittra elettronika oħra ta’ M., datata t-2 ta’ Novembru 2006, dwar “proġett pilota fir-rigward tal-istazzjon ta’ tniżżil ta’ München Riem”.

147    Kif jirriżulta mill-atti tal-partijiet, il-Kummissjoni ħadet kopja ta’ erbgħa minn dawn il-ħdax-il dokument, jiġifieri ta’ ittra elettronika ta’ L. lil F., datata s-6 ta’ Novembru 2006, dwar is-“servizzi tal-issortjar fit-terminal München Riem”, ta’ ittra elettronika ta’ S. lil M., datata l-15 ta’ Settembru 2006, dwar “l-ispostamenti fl-istazzjon tat-tagħbija München Riem”, tal-ittra elettronika ta’ M., datata t-2 ta’ Novembru 2006, dwar il-“proġett pilota fir-rigward tal-istazzjon ta’ tniżżil ta’ München Riem” u tad-dokument “Strateġija Ewropea tat-terminals Stinnes Intermodal tas-17 ta’ Jannar 2006”.

148    Għalhekk, għandha ssir distinzjoni bejn l-erba’ dokumenti kkopjati u s-seba’ dokumenti mhux ikkopjati.

149    Fir-rigward tad-dokument “Strateġija Ewropeja tat-terminals Stinnes Intermodal tas-17 ta’ Jannar 2006”, misjub fl-arkivji ta’ Mainz, l-aġent tal-Kummissjoni jsostni li huwa sab dan id-dokument għall-ħabta tan-12.30 fil-31 ta’ Marzu 2011. Huwa ħareġ l-oriġinal minn postu sabiex jiddiskuti l-kontenut tiegħu ma’ kollegi. Wara li għamel kopja tiegħu, huwa poġġieh fil-post fejn kien sabu. Dan ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti. Min-noti ta’ D. jirriżulta li “[M.] mar fl-arkivju [...; h]uwa kien manifestament sorpriż bin-numru ta’ dokumenti maħżuna f’diversi kaxxi u kabinetti, b’mod li huwa sempliċement għażel xi kaxxi b’mod fortuwitu”. Skont ir-rappreżentant tar-rikorrenti, l-għażla tiegħu ta’ ċerti dokumenti saret għalhekk b’mod “każwali”, u dan ma huwiex konsistenti mal-allegazzjoni ta’ tfittxija mmirata illegali. Diversi dikjarazzjonijiet oħra tan-noti, bħal dawk elenkati mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, għandhom ukoll it-tendenza li jikkonfermaw in-natura każwali tat-tfittxija tal-aġenti.

150    Fir-rigward tat-tliet dokumenti l-oħra, kollha misjuba fl-uffiċċju ta’ M., dawn jirrigwardaw it-Terminal München-Riem u d-DUSS, u jirrigwardaw fil-fatt suġġetti invokati fl-ilment tal-impriża T.

151    F’dan ir-rigward, qabelxejn, ġie stabbilit li l-Kummissjoni kellha raġunijiet validi sabiex twettaq tfittxija approfondita f’dan l-uffiċċju (ara l-punt 141 iktar ’il fuq). Imbagħad, għandu jiġi kkunsidrat li t-titolu u l-kontenut ta’ dokument ma humiex neċessarjament deċiżivi għad-determinazzjoni ta’ jekk id-dokument instabx fil-fatt b’kumbinazzjoni, kif il-Kummissjoni ġustament enfasizzat. Fl-aħħar nett, ebda element tan-noti ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li, fil-kuntest ta’ din it-tfittxija approfondita, l-aġenti tal-Kummissjoni wettqu tfittxija mmirata għal dawn it-tliet dokumenti.

152    Fir-rigward tas-seba’ dokumenti l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għall-erba’ dokumenti kkopjati, dawn ma fihom ebda riferiment għad-DUSS u għat-Terminal München-Riem. Essenzjalment, dawn huma dokumenti dwar il-formazzjoni tal-ferroviji f’kundizzjonijiet nondiskriminatorji.

153    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi kkonstatata l-assenza ta’ provi probatorji li jistgħu jsostnu l-eżistenza ta’ tfittxija mmirata illegali, wara l-analiżi tal-ħdax-il dokument inkwistjoni.

154    It-tieni nett, fir-rigward tal-keywords użati mill-aġenti tal-Kummissjoni minn wara nofsinhar tad-29 ta’ Marzu 2011 san-notifika tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni fil-31 ta’ Marzu 2011 madwar il-ħin tas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, ir-rikorrenti jagħtu erba’ eżempji ta’ tali keywords: “NBS”, “[S.]”, “[T.]” u “[G.]”.

155    Min-noti jirriżulta li l-aġenti tal-Kummissjoni użaw, matul it-tlett ijiem u fit-tliet siti, numru kbir ħafna ta’ keywords. Wara talba mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni għaddiet il-lista ta’ keywords pprovduta lill-ispetturi fil-bidu tal-ewwel spezzjoni. Din il-lista tinkludi madwar 90 keyword. Il-keywords inkwistjoni jirrappreżentaw biss perċentwal żgħir mill-keywords kollha użati. Għandu għalhekk jiġi enfasizzat ukoll, barra minn hekk, li lista ta’ keywords użati matul spezzjoni tista’ tevolvi skont l-għarfien miksub matul l-ispezzjoni.

156    Rigward il-keyword “NBS”, huwa veru li din intużat biss fit-tmiem tal-ewwel spezzjoni, fil-31 ta’ Marzu madwar il-ħin tal-11.30. Skont il-Kummissjoni, l-aġenti ma kinux jafu t-tifsira ta’ dan l-akronimu u użawh biss, fil-kuntest ta’ tfittxija rapida, għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta mal-EET. F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li “NBS” tfisser “Nutzungsbedingungen für Serviceeinrichtungen” jiġifieri “kundizzjonijiet għall-użu tal-infrastruttura tas-servizz”. Peress li l-provvista EET hija kundizzjoni sine qua non għall-aċċess għan-network tal-elettriku, l-eżistenza ta’ rabta mal-kundizzjonijiet tal-użu tal-infrastruttura tas-servizz ma tistax tiġi immedjatament injorata. Imbagħad, min-noti ta’ D. jirriżulta li din tal-aħħar kienet ikkunsidrat li din il-keyword ma kinitx tippermettilha tikkonkludi li ma kienx hemm rabta mal-prezz tal-EET. Kien għalhekk li hija ma oġġezzjonatx għat-tfittxija. Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, ma jidhirx inkoerenti, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jsostnu, li jsir użu minn keyword mhux magħrufa sabiex jiġi vverifikat, mill-kuntest tar-riżultati miksuba, jekk din hijiex marbuta ma’ problema partikolari.

157    Rigward l-keyword “[S.]”, ma huwiex ikkontestat li dan jirreferi għal S., uffiċjal tad-DUSS. Dan ħadem qabel l-aħħar ta’ Mejju 2009 mad-DB Schenker Rail, jiġifieri f’waħda mill-kumpanniji sussidjarji tal-grupp DB li kienet potenzjalment ivvantaġġata mill-imġiba ta’ DB Energie. Huwa għalhekk possibbli li t-tfittxija tal-investigaturi kienet tkopri biss il-perijodu preċedenti tal-attività tagħha, kif il-Kummissjoni ssostni.

158    Rigward il-keyword “[T.]”, l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni hija konvinċenti. Skont il-Kummissjoni, peress li l-impriża T. hija kompetitriċi tad-Deutsche Bahn u għalhekk konsumatur potenzjalment iddiskriminat minn DB Energie, it-tfittxija għal informazzjoni fir-rigward tagħha kienet leġittima fl-ambitu tal-ewwel spezzjoni. L-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-uniku klijent ta’ DB Energie għall-EET, u għalhekk l-uniku kompetitur tal-grupp DB, kienet l-impriża TXL, jiġifieri kumpannija sussidjarja tal-impriża T. li kienet barra minn hekk is-suġġett ta’ tfittxija separata, ma tistax tqiegħed f’dubju din il-konklużjoni. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-impriża T. kienet ukoll ressqet ilment dwar l-EET. Barra minn hekk, huwa kompletament possibbli li l-impjegati tal-grupp DB jirreferu, okkażjonalment, għall-kumpannija parent minflok il-kumpannija sussidjarja sabiex jindikaw lil din tal-aħħar, u dan jirrendi leġittimu l-użu tal-keyword “[T.]” mill-investigaturi tal-Kummissjoni.

159    Fir-rigward tal-keyword “[G.]”, din tirreferi għal G. S., responsabbli mill-infrastruttura tal-linji u l-installazzjonijiet tad-DB Schenker Rail Deutschland. L-investigaturi sabu ittra elettronika mill-inbox tiegħu fl-uffiċċju ta’ M. M. wara nofsinhar tad-29 ta’ Marzu 2011. Skont in-noti ta’ M., din l-ittra elettronika kienet tittratta miżuri dwar il-prezzijiet għall-installazzjonijiet tal-formazzjoni tal-ferroviji. Skont in-noti ta’ S., l-aġenti tal-Kummissjoni użaw din il-keyword fil-ħin ta’ wara nofsinhar tat-30 ta’ Marzu 2011, minħabba li l-aġenti ma sabux iktar l-ittra elettronika li huma kienu identifikaw il-ġurnata ta’ qabel, u dan ġie kkonfermat mill-Kummissjoni. Skont il-Kummissjoni, l-aġenti, li ma kellhomx l-opportunità li jistudjaw fid-dettall din l-ittra elettronika fid-29 ta’ Marzu 2011, riedu jiddeterminaw jekk din l-ittra elettronika, li kienet tirrigwarda sistema ta’ prezzijiet, kellhiex rabta mas-sistemi tal-prezzijiet fl-EET u riedu jkunu jafu iktar dwar il-qasam ta’ attività ta’ G. S. L-għażla ta’ dan il-keyword kienet għalhekk iġġustifikata.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti dwar id-dokumenti u l-keywords inkwistjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fir-rigward tal-imġiba tal-Kummissjoni qabel il-bidu tal-ewwel spezzjoni

161    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, skont l-informazzjoni li tinsab fil-fajl, il-Kummissjoni talbet lill-impriża T., ftit jiem qabel il-bidu tal-ewwel spezzjoni, sabiex tikkonfermalha jekk l-ilment tagħha tas-16 ta’ Marzu 2011 kienx għadu fis-seħħ, u dan jindika l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tfittex informazzjoni dwar id-DUSS matul l-ewwel spezzjoni. It-32 aġent tal-Kummissjoni ġew ukoll informati bl-eżistenza tal-ilment li jikkonċerna lid-DUSS eżatt qabel l-ispezzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li, bħala s-suġġett tal-ittra tagħha tas-16 ta’ Marzu 2011 dwar il-fajl tad-DUSS, l-impriża T. semmiet espliċitament in-numru ta’ referenza użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni EET tal-14 ta’ Marzu 2011 (“COMP 39.678”), huwa wkoll indikazzjoni ta’ dan.

162    Qabelxejn, fir-rigward tal-mistoqsijiet tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-Kummissjoni indikat lill-aġenti tagħha l-eżistenza ta’ suspetti fir-rigward tad-DUSS qabel l-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li kien leġittimu li l-aġenti jiġu informati bil-kuntest ġenerali tal-każ.

163    Imbagħad, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-impriża T. u l-Kummissjoni fix-xhur ta’ qabel l-ispezzjoni, din tal-aħħar iċċarat, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li l-impriża T. kienet, bl-ittra tagħha tas-26 ta’ Jannar 2011, u għalhekk fuq l-inizjattiva tagħha stess, talbet appuntament sabiex tingħata informazzjoni dwar l-istadju tal-proċedura, wara l-ilment tagħha ta’ Mejju 2009. Fil-laqgħa tat-23 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni spjegat li hija kienet prinċipalment interessata bl-ilment dwar l-EET. Ir-rappreżentant tal-impriża T. informa għalhekk lill-Kummissjoni li kien se jgħaddi, jekk ikun hemm, informazzjoni lill-Kummissjoni dwar id-DUSS, u dan għamlu permezz ta’ ittra ulterjuri tas-16 ta’ Marzu 2011. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-kuntatti stabbiliti bejn l-impriża T. u l-Kummissjoni fix-xhur li jippreċedu l-ewwel spezzjoni ma humiex ta’ natura li jipprovaw l-eżistenza ta’ tfittxija mmirata illegali.

164    L-argumenti tar-rikorrenti dwar l-imġiba tal-Kummissjoni qabel il-bidu tal-ewwel spezzjoni għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala infondati.

165    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 123 sa 164 iktar ’il fuq, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, dwar id-deskrizzjoni tas-suġġett tal-ispezzjonijiet fl-ewwel, it-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni

166    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-ewwel, it-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni jiksru d-drittijiet tad-difiża tagħhom minħabba deskrizzjoni wiesgħa ż-żejjed tas-suġġett tal-ispezzjonijiet, fid-dawl tal-informazzjoni li l-Kummissjoni allegat li kellha fir-rigward, l-ewwel nett, tal-imġiba inkwistjoni, li tkopri kważi l-imġiba kollha possibbli ta’ DB Energie u d-DUSS, it-tieni nett, tal-estent ġeografiku tas-suq, li jinkludi l-Istati Membri kollha fejn joperaw il-kumpanniji sussidjarji tal-grupp DB, u t-tielet nett, tat-tul tal-allegat ksur, sa fejn l-ewwel, it-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni ma jispeċifikaw l-ebda limitu f’dan ir-rigward.

167    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti bħala li huma infondati.

168    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-elementi essenzjali li għandhom ikunu inklużi f’deċiżjoni li tordna spezzjoni, billi jobbliga lill-Kummissjoni tindika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni ordnata, id-data li fiha din għandha tinbeda, il-pieni previsti mill-Artikoli 23 u 24 tal-imsemmi Regolament u r-rimedju disponibbli kontra tali deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni.

169    Għalhekk, l-għan tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jordnaw spezzjoni huwa dak li turi n-natura ġġustifikata tal-intervent previst fi ħdan l-impriżi kkonċernati, kif ukoll li tqiegħdhom f’pożizzjoni li jagħrfu l-portata tad-dmir tagħhom ta’ kollaborazzjoni filwaqt li jitħarsu d-drittijiet tad-difiża tagħhom (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 29, u Roquette Frères, punt 80 iktar ’il fuq, punt 47).

170    Ir-rekwiżit li l-Kummissjoni tindika s-suġġett u l-għan ta’ spezzjoni jammonta fil-fatt għal garanzija fundamentali tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati u, għaldaqstant, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni ma tistax tiġi limitata abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-effikaċja tal-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, minkejja li huwa veru li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkomunika lid-destinatarju ta’ tali deċiżjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-preżunti okkorrenzi ta’ ksur, jew li tiddefinixxi preċiżament is-suq inkwistjoni, jew li tagħmel klassifikazzjoni legali eżatta ta’ dawn l-istanzi ta’ ksur, jew li tindika l-perijodu li matulu seħħew l-okkorrenzi ta’ ksur, hija għandha, madankollu, tindika, bl-iktar mod preċiż possibbli, il-preżunzjonijiet li hija tkun bi ħsiebha tivverifika, jiġifieri dak li huwa mfittex u l-fatturi li dwarhom l-ispezzjoni għandha ssir (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 10; Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 41 u Roquette Frères, punt 80 iktar ’il fuq, punt 48).

171    Għal dan il-għan, il-Kummissjoni hija wkoll marbuta li, f’deċiżjoni li tordna spezzjoni, tipprovdi deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tal-ksur issuspettat, billi tindika s-suq preżunt inkwistjoni u n-natura tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ssuspettati, spjegazzjonijiet fir-rigward tal-mod li bih l-impriża kkonċernata mill-ispezzjoni hija preżunta li hija implikata fil-ksur, kif ukoll il-poteri mogħtija lill-investigaturi tal-Unjoni (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il-Kummissjoni, 136/79, Ġabra p. 2033, punt 26, u Roquette Frères, punt 80 iktar ’il fuq, punti 81, 83 u 99).

172    Sabiex tistabbilixxi n-natura ġġustifikata tal-ispezzjoni, il-Kummissjoni hija marbuta li, fid-deċiżjoni li tordna spezzjoni, turi b’mod dettaljat li hija għandha informazzjoni u indizji materjali serji li wassluha sabiex tissuspetta l-ksur mill-impriża li ser tiġi spezzjonata (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Roquette Frères, punt 80 iktar ’il fuq, punti 55, 61 u 99).

 L-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni

173    Skont ir-rikorrenti, is-suġġett tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni deskritt fl-Artikolu 1 tal-istess deċiżjoni għandu jitqies li huwa wiesa’ ż-żejjed, peress li l-imġiba msemmija tirreferi b’mod ġenerali għal “trattament preferenzjali potenzjalment inġustifikat minn DB Energie fil-konfront ta’ sussidjarji oħra tal-grupp DB, b’mod partikolari fl-għamla ta’ sistema ta’ skontijiet” fir-rigward tal-provvista ta’ EET stabbilita fil-Ġermanja.

174    L-Artikolu 1 tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni jiddefinixxi s-suġġett tal-ispezzjoni bħala li jikkonċerna okkorrenzi ta’ mġiba diskriminatorja, mingħajr ma huwa eskluż li dawn jistgħu jieħdu forma oħra differenti minn dik ta’ sistema ta’ skontijiet. Mill-ġurisprudenza ċċitata jirriżulta fil-punt 171 iktar ’il fuq li hija biss deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tal-ksur issuspettat, b’mod partikolari n-natura tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ssuspettati, li hija meħtieġa mill-Kummissjoni. Peress li speċifikat li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ssuspettata hija mġiba diskriminatorja li prinċipalment tieħu l-forma ta’ prattika ta’ prezzijiet diskriminatorji, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ssodisfat dan ir-rekwiżit.

175    Barra minn hekk, id-dispożittiv ta’ deċiżjoni għandu neċessarjament jinqara fid-dawl tal-motivi tagħha. Madankollu, jidher li jekk l-imġiba inkwistjoni ma hijiex limitata esklużivament għas-sistema ta’ skontijiet stabbilita wara l-2002, sa fejn “sistemi simili [għas-sistema ta’ skontijiet] applikati qabel l-2002” huma wkoll koperti mill-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni, is-sistema tal-prezzijiet li tirrigwarda l-EET (16.7 Hz) tikkostitwixxi s-suġġett kważi esklużiv tal-ispezzjoni. Mill-premessa 6 tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni jirriżulta wkoll li l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni tirrigwarda biss il-prattiki tariffarji.

176    Għaldaqstant, minkejja li ma jistax jiġi eskluż li numru kbir ta’ okkorrenzi ta’ mġiba ta’ DB Energie jista’ jkun kopert mill-ispezzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt, l-ewwel nett, li “potenzjalment kważi kull” imġiba possibbli ta’ DB Energie ma setgħetx tkun ikkonċernata, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, u, it-tieni nett, li l-preżunzjonijiet li l-Kummissjoni tintendi tivverifika huma speċifikati b’mod ċar, permezz tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 170 u 171 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, ma hemmx lok li l-possibbiltà ta’ spezzjoni tal-imġiba kollha ta’ impriża tiġi kategorikament miċħuda, b’mod partikolari meta tali impriża jkollha numru limitat ta’ attivitajiet. L-argumenti tar-rikorrenti dwar l-imġiba kkonċernata mill-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

177    Fit-tieni lok, rigward l-aspett ġeografiku, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tiddefinixxi b’mod preċiż is-suq inkwistjoni (ara l-punt 170 iktar ’il fuq). Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li sistema ta’ skontijiet diskriminatorja, anki limitata għall-Ġermanja, tista’ tkun ta’ natura li tagħti vantaġġ kompetittiv indebitu lis-sussidjarji l-oħra tal-grupp DB fis-swieq kollha downstream fejn joperaw. Issa, kif tenfasizza l-Kummissjoni mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrenti, minn naħa, ċerti kumpanniji sussidjarji tal-grupp DB għandhom is-sede tagħhom barra l-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, is-suq tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija huwa attività ta’ natura internazzjonali li fl-ambitu tagħha l-grupp DB jikkompeti ma’ operaturi barranin. Il-Kummissjoni għalhekk ma kellhiex obbligu li tillimita s-suġġett tal-ewwel spezzjoni għall-Ġermanja.

178    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-aspett taż-żmien, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tispeċifika l-perijodu li matulu l-okkorrenzi ta’ ksur twettqu (ara l-punt 170 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, li mis-sitt premessa tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni jirriżulta, kif il-Kummissjoni tirrileva, li l-imġiba kkonċernata tista’ tmur lura għal qabel is-sena 2002. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jsostnu, ma kienx hemm lok li s-suġġett tal-ispezzjoni jiġi limitat għall-perijodu wara s-sena 2002.

179    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti dwar is-suġġett allegatament wiesa’ ż-żejjed tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 It-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni

180    Fir-rigward tat-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożittiv u l-motivi, f’dak li jirrigwarda l-imġiba inkwistjoni u l-aspetti ġeografiċi u taż-żmien, huma, essenzjalment, identiċi f’dawn iż-żewġ deċiżjonijiet. L-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw suġġett wiesa’ ż-żejjed ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet jistgħu għalhekk jiġu kkunsidrati flimkien.

181    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-imġiba kkonċernata, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din hija deskritta fit-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni b’mod suffiċjentement preċiż, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 170 u 171 iktar ’il fuq. Qabelxejn, jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu 1 u mill-premessa 6 tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 1 u mill-premessi 6 sa 8 tat-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni, li l-imġiba kkonċernata tirreferi għal diversi prattiċi tad-DUSS li huma ta’ natura diskriminatorja fil-konfront tal-kompetituri, speċjalment l-għoti ta’ aċċess mhux xieraq għat-terminals, il-provvista ta’ servizzi inqas effikaċi u r-rifjut ta’ aċċess għat-terminals. Huwa speċifikat ukoll li s-suq downstream ikkonċernat huwa s-suq tat-trasport ferrovjarju. Finalment, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet il-Kummissjoni, li mill-ħames motiv jirriżulta, rispettivament fil-Kawża T‑290/11 u fil-Kawża T‑521/11, li r-rikorrenti kienu fehmu liema kienet l-imġiba li l-ispezzjoni kienet tittratta. Id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tal-ksur issuspettat fit-tieni u fit-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni kienet għalhekk suffiċjenti.

182    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-aspett ġeografiku, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tillimita s-suġġett tat-tieni u tat-tielet spezzjonijiet għall-Ġermanja, iżda setgħet testendih għall-Istati Membri kollha. Fil-fatt, il-ksur li jikkostitwixxi s-suġġett ta’ dawn l-ispezzjonijiet jista’ jipproduċi wkoll effetti downstream fis-suq internazzjonali tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri u tal-merkanzija. Kif tosserva l-Kummissjoni, minkejja li jitqies biss l-użu mid-DUSS tal-faċilitajiet tal-infrastruttura fil-Ġermanja, l-effetti jistgħu jinfirxu għal Stati Membri oħra. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-ilment tal-impriża T., ippreżentat lill-Qorti Ġenerali fl-ambitu tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-użu tat-terminals fil-Ġermanja jista’ jkollu effetti fuq il-kompetituri li jkunu jixtiequ jipprovdu servizzi tat-trasport lejn u minn Stati Membri oħra. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, kif enfasizzat il-Kummissjoni, li deċiżjonijiet ta’ spezzjoni jintbagħtu lill-grupp DB kollu, u mhux biss lid-DUSS, jiġifieri lil ċerti organizzazzjonijiet li s-sede tagħhom jinsab barra mill-Ġermanja u li għandhom attivitajiet internazzjonali.

183    Fir-raba’ lok, dwar l-aspett taż-żmien, għandu jitfakkar mill-ġdid li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, skont il-ġurisprudenza, li tiddefinixxi l-perijodu li matulu seħħew l-okkorrenzi ta’ ksur (ara l-punt 170 iktar ’il fuq). Minn naħa, barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament tosserva li l-fatt li hija kellha informazzjoni li tindika li l-imġiba kkonċernata kienet stabbilita sa mill-inqas is-sena 2007 ma jistax jeskludi li din ġiet stabbilita qabel. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tafferma li hija kellha indizji dwar skont moħbi mogħti mid-DUSS lil DB Schenker Rail Deutschland mingħajr għarfien tad-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Għalhekk, ma kienx hemm lok li l-Kummissjoni tillimita l-aspett taż-żmien tat-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni.

184    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

185    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-ewwel, it-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni huma sproporzjonati. Il-Kummissjoni marret għalhekk lil hinn minn dak li kien xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

186    Fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni, ir-rikorrenti josservaw, l-ewwel nett, li s-sistema ta’ skontijiet inkwistjoni kienet ipprattikata b’mod trasparenti sa mill-2003. Il-kuntratt ta’ provvista ta’ EET konkluż minn kull klijent, li fih tidher is-sistema tariffarja u l-istruttura tas-sistema ta’ skontijiet, huwa disponibbli fuq l-Internet. Għalhekk, ma kien hemm ebda raġuni għal xiex wieħed jissuspetta li kien hemm modalitajiet sigrieti li jiġġustifikaw spezzjoni. It-tieni nett, is-sistema ta’ skontijiet ġiet mistħarrġa f’diversi okkażjonijiet mill-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali, u nstabet li hija konformi mad-“dritt tal-akkordji”. Il-Kummissjoni, li ġiet informata b’dawn il-proċeduri, setgħet tikseb l-informazzjoni kollha rilevanti fil-kuntest tal-kooperazzjoni, prevista fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1/2003, mal-Bundeskartellamt (iktar ’il quddiem il-“BkartA”). It-tielet nett, l-invokar fl-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni ta’ deċiżjoni b’data ta’ 15-il sena qabel (ara l-punt 221 iktar ’l isfel), li fiha r-rikorrenti ma kinux inter alia ħbew provi, sabiex tiġi ġġustifikata n-neċessità tal-ispezzjoni, ma huwiex rilevanti u jimplika “preżunzjoni ta’ mala fide” inkonsistenti mal-preżunzjoni ta’ innoċenza ggarantita mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB. Ir-raba’ nett, it-twettiq ta’ spezzjoni ma huwiex xieraq fid-dawl tan-natura tal-informazzjoni mfittxija. Il-ħames nett, l-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni ma tispeċifikax għal xiex il-Kummissjoni, li kellha għarfien tal-eżistenza ta’ din is-sistema ta’ skontijiet sa mis-sena 2006, stenniet iktar minn ħames snin sabiex twettaq din l-ispezzjoni. Is-sitt nett, dokumenti interni, bħall-evalwazzjonijiet suġġettivi ta’ kollaboraturi, huma irrilevanti sabiex jistabbilixxu n-natura oġġettivament iġġustifikata ta’ mġiba ssanzjonata skont l-Artikolu 102 TFUE.

187    Fid-dawl ta’ dawn ċ-ċirkustanzi kollha, minn naħa, ma kien hemm ebda raġuni għal xiex wieħed jaħseb li r-rikorrenti, f’dan il-każ, kienu ser jipprovaw jaħbu l-provi u, min-naħa l-oħra, talba għal informazzjoni, taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, bħal dik tal-4 ta’ Awwissu 2011, kienet suffiċjenti fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

188    Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti jsostnu li kontroll tan-neċessità u tal-proporzjonalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma tistax tiġi eżerċitata mingħajr verifika tan-natura tal-indizji li l-Kummissjoni kellha. Għalhekk huma jissuġġerixxu li l-Qorti Ġenerali titlob lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi tali indizji.

189    Fis-seduta, ir-rikorrenti sostnew li d-dokumenti dwar it-tieni spezzjoni, miżmuma b’mod provviżorju matul l-ewwel spezzjoni, ma setgħux jinżammu għalihom u maħżuna f’uffiċċju ssiġillat sakemm tittieħed kopja tagħhom iktar tard.

190    Rigward it-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, ir-rikorrenti, l-ewwel nett, iqajmu l-inkompetenza tal-Kummissjoni, sa fejn l-aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji huwa rregolat b’mod eżawrjenti mir-regoli settorjali nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, spezzjoni mill-Kummissjoni ma tistax titqies neċessarja, fid-dawl tas-setgħat estensivi tar-regolatur settorjali Ġermaniż, il-BNetzA. It-tieni nett, il-Kummissjoni kellha tiftiehem mal-BNetzA sabiex tikseb informazzjoni u tevita proċeduri paralleli. It-tielet nett, il-Kummissjoni setgħet tikseb l-informazzjoni meħtieġa permezz ta’ talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni. Fil-fatt, fil-każ ta’ spezzjonijiet suċċessivi, għandu jkun hemm raġunijiet partikolarment serji li jiġġustifikawhom.

191    Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti kollha tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

192    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi maħluqa ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 13, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-180/00, Ġabra p. I-6603, punt 103).

193    Fir-rigward ta’ deċiżjoni li tordna spezzjoni, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tippresupponi li l-miżuri previsti ma jikkawżawx inkonvenjenzi eċċessivi u intollerabbli meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija tal-ispezzjoni inkwistjoni (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Roquette Frères, punt 80 iktar ’il fuq, punt 76). Madankollu, l-għażla li għandha ssir mill-Kummissjoni bejn spezzjoni mwettqa fuq sempliċi mandat u spezzjoni ordnata permezz ta’ deċiżjoni ma tiddependix minn ċirkustanzi bħall-gravità partikolari tas-sitwazzjoni, l-urġenza estrema jew in-neċessità ta’ diskrezzjoni assoluta, iżda mill-bżonnijiet ta’ investigazzjoni adegwata, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-każ partikolari. Għalhekk, meta deċiżjoni ta’ spezzjoni sempliċement tipprovdi sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor flimkien l-elementi neċessarji sabiex tevalwa l-possibbiltà ta’ eżistenza ta’ ksur tat-Trattat, tali deċiżjoni ma tkunx qiegħda tinjora l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi National Panasonic vs Il-Kummissjoni, punt 171 iktar ’il fuq, punti 28 sa 30, u Roquette Frères, punt 80 iktar ’il fuq, punt 77).

194    Hija l-Kummissjoni li fil-prinċipju għandha tevalwa jekk informazzjoni hijiex neċessarja sabiex ikun jista’ jinkixef ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u, anki jekk hija diġà jkollha indizji, jew saħansitra provi, dwar l-eżistenza ta’ ksur, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tqis neċessarju li tordna verifiki addizzjonali sabiex tkun tista’ tiddetermina aħjar il-ksur jew it-tul tiegħu (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi Orkem vs Il-Kummissjoni, punt 81 iktar ’il fuq, punt 15, u Roquette Frères, punt 80 iktar ’il fuq, punt 78).

195    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti għandhom jiġu evalwati.

196    B’mod preliminari, għandhom jiġu miċħuda bħala tardivi, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ilmenti tar-rikorrenti, imressqa fl-istadju tar-replika u fis-seduta, dwar, minn naħa, il-fatt li stħarriġ tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni ma jkunx jista’ jsir jekk ma tiġix eżaminata n-natura tal-indizji li l-Kummissjoni kellha u, min-naħa l-oħra, il-fatt li d-dokumenti li jirrigwardaw it-tieni spezzjoni, miżmuma separati matul l-ewwel spezzjoni, ma setgħux jinħażnu f’uffiċċju ssiġillat.

197    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda talba ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din it-talba ma tkunx ibbażata fuq punti ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. F’dan il-każ, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu li huma estensjoni tal-motivi stipulati preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandhom rabta mill-qrib magħhom. Għaldaqstant, dawn l-ilmenti għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

198    Konsegwentement, b’mod partikolari, ma hemmx lok li t-talba tar-rikorrenti għall-produzzjoni tal-indizji miżmuma mill-Kummissjoni qabel l-ewwel spezzjoni tintlaqa’.

199    Rigward l-ilmenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ressqu numru ta’ argumenti intiżi li jistabbilixxu, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex twettaq spezzjoni fil-postijiet tagħhom minħabba l-eżistenza ta’ regoli settorjali li jirregolaw is-settur tat-trasport fil-livell nazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-ispezzjonijiet ma humiex proporzjonati, minħabba li l-Kummissjoni setgħet tikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa permezz tal-awtoritajiet nazzjonali li fil-passat taw numru ta’ deċiżjonijiet u ta’ sentenzi li jirrigwardaw l-istess prattiki.

200    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex tissodisfa r-rwol assenjat lilha mit-Trattat, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta minn deċiżjoni mogħtija minn qorti nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 102 TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tieħu, f’kull mument, deċiżjonijiet individwali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, anki meta ftehim jew prattika tkun diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali u d-deċiżjoni prevista mill-Kummissjoni tikkontradiċi lil din id-deċiżjoni ġudizzjarja (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 79, u tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑271/03, Ġabra p. II‑1747, punt 120, u l-ġurisprudenza ċċitata).

201    Fil-punt 263 tas-sentenza tagħha Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 200 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonfermat ukoll li l-eżistenza ta’ regoli settorjali kienet irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Dan il-prinċipju japplika kemm għal deċiżjoni finali kif ukoll għal deċiżjoni ta’ spezzjoni.

202    Finalment, fis-sentenzi tagħha France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq (punti 79, 80 u 86), u CB vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq (punt 48), il-Qorti Ġenerali fakkret li ż-żamma ta’ laqgħat preċedenti bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti, jew il-fatt li awtorità nazzjonali tiġi adita b’kawża, ma kinitx ta’ natura li taffettwa l-poteri investigattivi mogħtija lill-Kummissjoni taħt ir-Regolament Nru 1/2003.

203    It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat, kif enfasizzat il-Kummissjoni, li ma hemm ebda raġuni għal xiex wieħed jassumi li l-awtoritajiet nazzjonali eżaminaw il-kwistjonijiet kollha rilevanti u ġabru l-fatti kollha fil-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji ċċitati mir-rikorrenti. Mill-informazzjoni fil-fajl jirriżulta wkoll, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, li kienu biss taħdidiet li saru bejn ir-rikorrenti u l-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tas-sistema ta’ provvista tal-EET. Għaldaqstant, il-BkartA u l-BNetzA qatt ma fetħu proċedura ta’ investigazzjoni formali f’dan ir-rigward.

204    It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ressqet numru ta’ fatti li r-rikorrenti ma kkontestawx. Skont il-Kummissjoni, is-sentenza tal-Oberlandesgericht Frankfurt-am-Main (qorti reġjonali superjuri ta’ Frankfurt-am-Main, il-Ġermanja) li tiċħad l-ilment ta’ ksur tar-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni fir-rigward tas-sistema ta’ skontijiet, invokata mir-rikorrenti, tikkonċerna biss id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni u mhux id-dritt tal-Unjoni. Imbagħad, ir-raġuni għal xiex din is-sentenza saret definittiva hija dik li fl-appell seħħet tranżazzjoni extra ġudizzjarja bejn il-lanjanti fl-imsemmija kawża u r-rikorrenti. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-BkartA sostniet, b’mod espliċitu, in-natura antikompetittiva tas-sistema ta’ skontijiet ikkonċernata, u dan iqiegħed f’dubju l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-awtoritajiet nazzjonali approvaw is-sistema ta’ skontijiet. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li din is-sentenza ngħatat fl-2006 u kienet tittratta l-avvenimenti sas-sena 2003, filwaqt li l-investigazzjoni tagħha stess tkopri wkoll il-perijodu riċenti. Finalment, is-sentenza tal-Oberlandesgericht Frankfurt-am-Main hija kontradetta minn sentenza li ngħatat immedjatament wara mill-istess qorti, liema fatt x’aktarx jispjega t-tranżazzjoni extra ġudizzjarja fl-ewwel kawża.

205    Għaldaqstant, fid-dawl tal-punti 199 sa 204 iktar ’il fuq, l-argumenti kollha intiżi sabiex juru l-inkompetenza tal-Kummissjoni jew in-natura sproporzjonata tal-ispezzjonijiet minħabba l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet nazzjonali preċedenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

206    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li talba għal informazzjoni, taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, kienet tkun suffiċjenti f’dan il-każ, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx li t-tliet spezzjonijiet ordnati huma sproporzjonati fid-dawl tal-kuntest tagħhom.

207    Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 193 u 194 iktar ’il fuq, minn naħa, l-għażla magħmula mill-Kummissjoni bejn spezzjoni ordnata b’deċiżjoni u miżura oħra ta’ investigazzjoni inqas restrittiva tiddependi mill-ħtiġijiet ta’ istruttorja adegwata, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Min-naħa l-oħra, hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tevalwa jekk tkunx meħtieġa informazzjoni sabiex tkun tista’ tiskopri ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li s-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni ma jkollhom ebda utilità jekk din tal-aħħar kellha tillimita ruħha għal talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti li hija tista’ tidentifika minn qabel b’mod preċiż. Għall-kuntrarju, dan id-dritt jimplika l-fakultà ta’ tfittix ta’ elementi ta’ informazzjoni differenti li ma jkunux għadhom magħrufa jew kompletament identifikati (sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 27, u s-sentenza Ventouris vs Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, punt 122). Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha neċessarjament ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla tal-miżura ta’ investigazzjoni.

208    It-tieni nett, f’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni, għandu jiġi kkunsidrat, qabelxejn, bħalma kkunsidrat il-Kummissjoni, li, sa fejn l-informazzjoni mfittxija kienet tinkludi elementi li għandhom tendenza li juru possibbiltà ta’ intenzjoni li jiġu eliminati kompetituri, permezz ta’ trattament preferenzjali inġustifikat mogħti lill-kumpanniji tal-istess grupp permezz ta’ sistema ta’ skontijiet għall-provvista ta’ EET, il-Kummissjoni setgħet, għal finijiet ta’ istruttorja adegwata tal-każ, tipproċedi b’din l-ispezzjoni. Fil-fatt, huwa diffiċli li wieħed jikkonċepixxi li din l-informazzjoni setgħet, jekk ikun il-każ, tasal għand il-Kummissjoni b’xi mezz ieħor għajr dak ta’ spezzjoni. Kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 ma tiggarantixxix li l-impriżi jibagħtulha dokumenti, bħalma huma ittri elettroniċi, li jinkriminawhom.

209    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni allegatament disponibbli pubblikament, jiġifieri l-kuntratt ta’ provvista ta’ EET, ma kinitx suffiċjenti sabiex tistabbilixxi bi preċiżjoni l-eżistenza u l-limiti ta’ allegat ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-informazzjoni disponibbli fuq l-internet ma tippermettix li wieħed ikun jaf, b’mod partikolari, liema impriżi kienu fil-fatt jibbenefikaw minn skontijiet u x’kienu l-ammonti ta’ dawn tal-aħħar. Hija lanqas ma tippermetti li wieħed jifhem l-istrateġija kummerċjali tal-impriża u r-riperkussjonijiet tagħha. Issa, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ strateġija antikompetittiva attiva tal-impriża hija importanti għaliex l-eżistenza ta’ tali strateġija, minn naħa, tippermetti li jiġu ċċarati diversi fatturi, li mbagħad jistgħu jiġu kklassifikati bħala abbużivi, u, min-naħa l-oħra, tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti, kif il-Kummissjoni tirrileva. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkonfermaw dan l-istat ta’ fatt meta jispjegaw, fir-replika, li l-informazzjoni mfittxija ma kinitx teżisti bħala tali, peress li din kienet teħtieġ is-sinteżi ta’ dokumenti eżistenti, iżda mhux disponibbli.

210    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li n-neċessità li tinġabar informazzjoni timplika talba għal informazzjoni iktar milli spezzjoni. Fil-fatt, sa fejn din l-informazzjoni ma kinitx disponibbli, kien hemm dejjem riskju li l-provi jinqerdu. Barra minn hekk, il-fatt li, kif isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni mxiet b’mod differenti, f’każijiet preċedenti, sabiex tifhem l-istrateġija kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, ma huwiex fih innifsu ta’ natura li jillimita l-fakultà tal-Kummissjoni li twettaq spezzjoni f’dawn il-każijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, la speċifikaw il-każijiet preċedenti li għalihom jirreferu u lanqas ma ressqu prova konkreta li tippermetti li jitqabblu ċ-ċirkustanzi f’dawk il-każijiet maċ-ċirkustanzi fil-kawżi preżenti.

211    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li d-dokumenti interni, bħalma huma evalwazzjonijiet suġġettivi ta’ kollaboraturi, huma irrilevanti għad-determinazzjoni tan-natura oġġettivament iġġustifikata ta’ mġiba fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li l-ispezzjoni ma kellhiex a priori l-għan prinċipali ta’ ġbir ta’ xhieda ta’ kollaboraturi. Fi kwalunkwe każ, jista’ jkun indispensabbli, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, li tinġabar xhieda ta’ kollaboraturi bil-għan li jinkisbu ċerti evalwazzjonijiet dwar fatti marbuta mal-attività jew mal-istrateġija tal-impriża.

212    Fir-rigward, finalment, tal-argument li talba għal informazzjoni, taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, kienet tkun suffiċjenti, peress li l-Kummissjoni introduċiet fl-4 ta’ Awwissu 2011 talba bħal din, jiġifieri sa fejn il-Kummissjoni setgħet tikseb, matul il-proċedura, informazzjoni mingħand ir-rikorrenti permezz ta’ mezzi oħra għajr dak ta’ spezzjoni, għandu jiġi kkunsidrat, kif il-Kummissjoni ġustament enfasizzat, li l-fatt li l-Kummissjoni talbet informazzjoni wara t-tieni u t-tielet spezzjonijiet ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn l-ispezzjonijiet kinux iġġustifikati, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

213    It-tielet nett, fir-rigward tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqu ebda argument ġdid, fir-rigward tal-argumenti dwar l-ewwel spezzjoni, insostenn tal-ilment tagħhom li talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 kienet tkun suffiċjenti. F’kull każ, huma jsostnu li, fir-rigward tat-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni, fil-każ ta’ spezzjonijiet suċċessivi, għandu jkun hemm raġunijiet partikolarment serji li jiġġustifikawhom.

214    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li mill-inqas ċerti elementi mfittxija fl-ambitu tat-tieni u tat-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni kienu potenzjalment jindikaw intenzjoni ta’ twettiq ta’ ksur u setgħu jinstabu fil-postijiet tar-rikorrenti. Minn dawn id-deċiżjonijiet jirriżulta li dawn huma elementi li jirrigwardaw diversi prattiki tad-DUSS li huma ta’ natura diskriminatorja fil-konfront tal-kompetituri, b’mod partikolari l-għoti ta’ aċċess mhux xieraq għat-terminals, il-provvista ta’ servizzi inqas effikaċi u r-rifjut ta’ aċċess għat-terminals. Madankollu, huwa diffiċli li wieħed jikkonċepixxi li tali elementi jiġu, f’dan il-każ, volontarjament mgħoddija lill-Kummissjoni fl-ambitu ta’ talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari fid-dawl tar-riskji sostnuti mill-impriża fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

215    Imbagħad, ir-raġunijiet esposti fil-punti 209 u 211 iktar ’il fuq, dwar l-importanza li tiġi sostnuta l-eżistenza ta’ strateġija antikompetittiva attiva tal-impriża u l-evalwazzjonijiet suġġettivi ta’ kollaboraturi, huma applikabbli wkoll għat-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jaffermaw, il-Kummissjoni kellha kompetenza sabiex twettaq spezzjoni u ma kellhiex tikkoordina mal-awtoritajiet nazzjonali (ara l-punti 199 sa 205 iktar ’il fuq).

216    Finalment, fir-rigward tal-argument li jeħtieġ li jkun hemm raġunijiet partikolarment gravi li jiġġustifikaw spezzjonijiet suċċessivi, huwa veru li, fil-każ ta’ spezzjonijiet suċċessivi, il-Kummissjoni għandu jkollha ċerta informazzjoni, miksuba matul spezzjonijiet preċedenti, qabel ma twettaq dawn l-ispezzjonijiet. Madankollu, dan ma jfissirx, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jaffermaw, li l-Kummissjoni għandha tikseb l-informazzjoni addizzjonali li hija tqis neċessarja permezz ta’ talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 jew li huma biss raġunijiet partikolarment serji li jistgħu jiġġustifikaw spezzjoni ġdida. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 193 u 194 iktar ’il fuq jirriżulta li l-għażla li għandha ssir mill-Kummissjoni bejn spezzjoni ordnata b’deċiżjoni u miżura ta’ investigazzjoni oħra ma tiddependix neċessarjament minn ċirkustanzi bħall-gravità partikolari tas-sitwazzjoni, l-urġenza estrema jew in-neċessità ta’ diskrezzjoni assoluta, iżda minn ħtiġijiet ta’ istruzzjoni adegwata, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tikkunsidra li huwa neċessarju li tordna verifiki addizzjonali, bil-għan li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur issuspettat, anki jekk ikun diġà għandha indizji, jew provi, dwar l-eżistenza ta’ ksur, li hija tkun kisbet matul spezzjonijiet preċedenti.

217    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 206 sa 216 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha tar-rikorrenti dwar il-fatt li talba għal informazzjoni, taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, kienet tkun suffiċjenti f’dan il-każ u li, għalhekk, id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni huma sproporzjonati.

218    Fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ element li juri l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ distruzzjoni jew ħabi ta’ provi fil-każ ta’ talba għal informazzjoni, taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, ma jistax jirnexxi.

219    L-ewwel nett, la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-ġurisprudenza ma jintroduċu tali restrizzjoni. It-tieni nett, din ma hijiex l-unika raġuni għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex twettaq spezzjonijiet, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jaffermaw, peress li r-raġuni essenzjali hija t-tfittxija għal elementi li jistgħu b’mod partikolari juru strateġija ta’ eliminazzjoni ta’ kompetituri, li jistgħu jkunu fil-pussess tar-rikorrenti. It-tielet nett, għar-raġunijiet esposti fil-punti 208 sa 214 iktar ’il fuq, l-argument ibbażat fuq l-allegata assenza ta’ elementi li juru l-eżistenza ta’ riskju ta’ distruzzjoni għandu jiġi miċħud fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Ir-raba’ nett, l-eżistenza tas-sentenza tal-Oberlandesgericht Frankfurt-am-Main (ara l-punt 204 iktar ’il fuq) ma tistax tippermetti li jiġi konkluż, kif jagħmlu r-rikorrenti, li ma kienx hemm riskju ta’ distruzzjoni ta’ informazzjoni.

220    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument dwar l-allegat ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, għandu jitfakkar li l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB, jifforma parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

221    F’dan il-każ, mit-tieni premessa tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni fil-fatt tirreferi għad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 1999, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni (C‑436/97 P, Ġabra p. I‑2387) u għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni (T‑229/94, Ġabra p. II‑1689), li fihom ġie kkonfermat ksur tal-Artikolu 102 TFUE mir-rikorrenti minħabba l-prattiki tariffarji tagħhom, flimkien ma’ fatturi oħra, sabiex tiġġustifika r-riskju li l-impriżi kkonċernati jipprovaw jaħbu jew jeqirdu provi. L-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni li r-riferiment għal dawn il-kawżi sar biss sabiex jiġi enfasizzat li r-rikorrenti kienu neċessarjament konxji mill-konsegwenzi possibbli tal-konstatazzjoni ta’ ksur u li, għalhekk, dawn setgħu jaslu sabiex jeqirdu provi fil-każ ta’ talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, hija plawżibbli. Barra minn hekk, dan il-fattur jista’ jkun rilevanti għall-għażla li għandha ssir bejn id-diversi miżuri ta’ investigazzjoni. Finalment, għandu jitfakkar li l-ewwel, it-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni huma deċiżjonijiet li jordnaw spezzjoni u li, konsegwentement, dawn la jinkludu piena u lanqas element ieħor li jikkonstata xi sejba ta’ ħtija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza għandu jiġi miċħud bħala infondat.

222    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li huma ma jifhmux għaliex, ladarba l-Kummissjoni kienet taf bl-eżistenza tas-sistema ta’ skontijiet sa mis-sena 2006, hija stenniet iktar minn ħames snin sabiex twettaq din l-ispezzjoni, minn naħa, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Kummissjoni kellha informazzjoni li kienet tippermettilha twettaq spezzjonijiet sa mis-sena 2006, kif isostnu r-rikorrenti, tali konstatazzjoni ma taffettwax il-proporzjonalità ta’ dawn l-ispezzjonijiet. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tevalwa l-possibbiltà li tibda investigazzjoni u li r-regoli dwar il-preskrizzjoni jeżistu sabiex jipproteġu lill-impriżi.

223    Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, ma jidhirx li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, aġixxiet b’mod sproporzjonat għall-għan imfittex u b’mod li kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-użu ta’ spezzjonijiet ordnati taħt l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa adegwat fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ dan il-każ.

224    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat.

 Fuq it-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet

225    Permezz tat-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, li tannulla kull miżura meħuda fuq il-bażi tal-ispezzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, li tordna lill-Kummissjoni tirritorna l-kopji kollha ta’ dokumenti li saru fl-ambitu ta’ dawn l-ispezzjonijiet.

226    Fir-rigward tat-tielet kap tat-talbiet, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex possibbli, f’dan l-istadju, li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni suffiċjenti s-suġġett tat-talba tar-rikorrenti. B’mod partikolari, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk din tal-aħħar tipprevedix atti kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. It-tielet kap tat-talbiet għandu għalhekk jiġi ddikjarat inammissibbli, peress li ma jistax jitqies li huwa suffiċjentement preċiż, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

227    Fir-rigward tar-raba’ kap tat-talbiet, għandu jiġi osservat, kif il-Kummissjoni ssostni, li, bit-talba tagħhom lill-Qorti Ġenerali sabiex tippronunzja ruħha fuq il-konsegwenzi tal-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, ir-rikorrenti jfittxu li jiksbu dikjarazzjoni dwar l-effetti ta’ eventwali sentenza ta’ annullament, li tikkostitwixxi wkoll ordni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-eżekuzzjoni tagħha. Issa, peress li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni, fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ legalità abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex tagħti sentenzi dikjaratorji (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Diċembru 2003, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑224/03, Ġabra p. I‑14751, punti 20 sa 22) jew ordnijiet, anki jekk dawn jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tagħha (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 1995, Pevasa u Inpesca vs Il-Kummissjoni, C‑199/94 P u C‑200/94 P, Ġabra p. I‑3709, punt 24), ir-raba’ kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi ddikjarat inammissibbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il-Kummissjoni, T‑145/06, Ġabra p. II‑145, punt 23).

228    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dawn ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

229    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r‑rikorrenti fil-Kawżi T‑289/11 u T‑290/10 u T‑521/11 tilfu l-kawża, hemm lok li dawn jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

230    Il-Kunsill, l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Deutsche Bahn AG, DB Mobility Logistics AG, DB Energie GmbH, DB Netz AG, DB Schenker Rail GmbH, DB Schenker Rail Deutschland AG u Deutsche Umschlaggesellsschaft Schiene-Straße mbH (DUSS) għandhom ibatu l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-ispejjeż tagħhom.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

L-ewwel spezzjoni

L-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni

It-twettiq tal-ewwel spezzjoni

It-tieni spezzjoni

It-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni

It-twettiq tat-tieni spezzjoni

It-tielet spezzjoni

It-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni

It-twettiq tat-tielet spezzjoni

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-invjolabbiltŕ tad-domiċilju minħabba n-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv

Fuq it-tielet motiv, dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fid-dawl tal-irregolaritajiet matul it-twettiq tal-ewwel spezzjoni

Fuq it-tfittxija eżawrjenti tal-uffiċċju ta’ M.

Fuq id-dokumenti u l-keywords inkwistjoni

Fir-rigward tal-imġiba tal-Kummissjoni qabel il-bidu tal-ewwel spezzjoni

Fuq ir-raba’ motiv, dwar id-deskrizzjoni tas-suġġett tal-ispezzjonijiet fl-ewwel, it-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni

L-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni

It-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq it-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.