Language of document : ECLI:EU:C:2014:2212

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2014 (1)

Kawża C‑441/13

Pez Hejduk

vs

EnergieAgentur.NRW GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Artikolu 5(3) — Ġurisdizzjoni ‘f’materji rigward tort, delitt jew kważi delitt’ — Drittijiet tal-awtur — Kontenut imxerred permezz tal-internet — Kriterji biex jiġi ddeterminat il-post fejn sar id-dannu — Dannu ‘delokalizzat’”





1.        F’din il-kawża, il-Handelsgericht Wien tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kriterju jew il-kriterji li jistgħu jattribwixxu ġurisdizzjoni f’każ ta’ ksur ta’ dritt tal-awtur imwettaq permezz tal-internet, f’termini li ma jippermettux li t-twettiq tad-dannu jiġi lokalizzat territorjalment. Għall-kuntrarju ta’ dak li ġara fil-kawża Pinckney (2), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ffaċċjat riskju ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur bħala riżultat tar-riproduzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ CDs tal-mużika fuq l-internet, din il-kawża taffettwa d-drittijiet tal-awtur ta’ fotografu, li x-xogħlijiet tagħha ġew imxerrda fuq sit tal-internet mingħajr il-kunsens tagħha.

2.        It-tixrid online ta’ ritratti protetti bid-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (3), għandu karatteristiċi differenti ħafna mill-bejgħ online ta’ prodott. Dan huwa, għalhekk, tixrid li diffiċli li jista’ jingħad li jsir f’post wieħed jew iktar minn wieħed li jistgħu jiġu lokalizzati ġeografikament. Għall-kuntrarju, id-dannu huwa “dematerjalizzat”, jiġifieri, jiġi mxerred u għalhekk “delokalizzat”, u jkun diffiċli li tinstab il-lokalità tal-post li fih sar id-dannu, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (4).

3.        Għalhekk, din il-kawża ser tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk f’ċirkustanzi bħal dawn, fejn sar dannu “delokalizzat” permezz tal-internet u fil-każ ta’ dritt tal-awtur, għandux jiġi segwit il-kriterju ġenerali msemmi fis-sentenza Pinckney jew jekk, għall-kuntrarju, għandux jittieħed approċċ differenti.

I –    Il-kuntest ġuridiku

4.        Ir-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, fil-premessi 2, 11, 12 u 15 tiegħu jistabbilixxi dan li ġej:

“(2)      Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

[…]

(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[…]

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. […]”

5.        Ir-regoli biex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tar-Regolament, fl-Artikoli 2 sa 31 tiegħu.

6.        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, li huwa parti mis-Sezzjoni 1, bit-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali” tal-Kapitolu II imsemmi, jistabbilixxi dan li ġej fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7.        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 44/2001, li huwa inkluż fl-istess sezzjoni, jistabbilixxi dan li ġej fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

8.        Fis-Sezzjoni 2, bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II tar-Regolament, insibu b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu. Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 5 jistabbilixxi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq.”

II – Il-fatti

9.        P. Hejduk hija fotografu professjonali li tispeċjalizza fil-fotografija arkitettonika u tgħix l-Awstrija. Matul il-karriera tagħha, P. Hejduk għamlet diversi xogħlijiet fotografiċi ddedikati għax-xogħol tal-arkitett Awstrijaku Georg W. Reinberg.

10.      Fis-16 ta’ Settembru 2004, fil-kuntest ta’ konferenza organizzata mill-kumpannija EnergieAgentur, ibbażata fil-Ġermanja, Georg W. Reinberg għamel diskors fejn uża diversi ritratti ta’ P. Hejduk li jidhru li kienu jirrappreżentaw xi xogħlijiet tiegħu. Skont dan il-każ, il-preżentazzjoni u l-użu tar-ritratti msemmija kellhom il-kunsens minn qabel tal-awtriċi.

11.      EnergieAgentur, sid is-sit tal-internet www.energieregion.nrw.de u responsabbli għall-kontenut ippubblikat fuqu, wera r-ritratti msemmija qabel ta’ P. Hejduk fuq is-sit tal-internet tiegħu. Ir-ritratti kienu disponibbli għall-pubbliku u setgħu jitniżżlu direttament permezz tas-sit imsemmi, mingħajr ma ngħata l-kunsens ta’ P. Hejduk fl-ebda mument.

12.      Wara li saret taf dwar dawn il-fatti, P. Hejduk fetħet kawża kontra Energieagentur quddiem il-Handelsgericht Wien, il-qorti tar-rinviju. Ir-rikorrenti titlob li l-konvenuta tiġi ordnata tħallas EUR 4 050 bħala kumpens għad-danni u l-ħsara li ġarrbet mill-2004, kif ukoll biex ikopru l-pubblikazzjoni tas-sentenza.

13.      EnergieAgentur invokat motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Handelsgericht Wien. Skont il-konvenut, peress li s-sede tiegħu tinsab f’Düsseldorf u l-paġna tal-web tiegħu tuża domain tal-ewwel livell nazzjonali “.de”, il-qrati kompetenti biex jisimgħu dan il-każ huma dawk Ġermaniżi.

III – Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Handelsgericht Wien iddeċidiet li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, espressa kif ġej:

“L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kawża li tirrigwarda ksur ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, imwettaq billi ritratt ġie magħmul aċċessibbli għal konsultazzjoni fuq sit tal-internet, u dan is-sit huwa operat taħt it-top-level domain ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih il-proprjetarju tad-dritt għandu d-domiċilju tiegħu, teżisti ġurisdizzjoni biss:

–        fl-Istat Membru li fih il-persuna li allegatament wettqet il-ksur għandha s-sede tagħha; kif ukoll

–        fl-Istat Membru jew fl-Istati Membri li għalih(hom) huwa dirett is-sit tal-internet, skont il-kontenut tiegħu?”

15.      Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Gvern tar-Repubblika Ċeka, dak tar-Repubblika Portugiża u dak tal-Konfederazzjoni Svizzera, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub.

IV – L-argumenti tal-partijiet

16.      P. Hejduk issostni li l-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Pinckney għandha tiġi kkompletata, peress li dik il-kawża ma kinitx tindirizza sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ. Fl-opinjoni tagħha, f’każ fejn id-dannu magħmul fuq l-internet ikun “delokalizzat”, l-Artikolu 5(3) għandu jippermetti lill-parti li ġarrbet id-dannu biex tagħmel kawża għad-danni kollha sostnuti minnha quddiem il-qrati tad-domiċilju tagħha. F’dan ir-rigward hija tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża eDate u Advertising et (5).

17.      EnergieAgentur tinvoka s-sentenza Pinckney u hija tal-fehma li din is-sentenza tapplika għall-każ preżenti. Fil-qosor, din tikkonċerna, dritt tal-awtur territorjalment iddelimitat u, għalhekk suġġett għal-limiti stabbiliti fis-sentenza Pinckney, li tippermetti li tinfetaħ kawża biss, minbarra fl-ipoteżi tal-Istat tal-konvenut u tal-Istat fejn sar l-avveniment kawżali, għad-danni li saru biss f’dak l-Istat.

18.      Ir-Repubblika Ċeka u l-Konfederazzjoni Svizzera jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex testendi s-soluzzjoni tas-sentenza eDate Advertising et f’każ bħal dak preżenti fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-prevedibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali. Fl-opinjoni tagħhom, din il-kawża tista’ tiġi solvuta billi jiġi introdott il-kriterju taċ-ċentru tal-interessi tal-vittma, fejn ir-rikorrenti tista’ titlob kumpens għad-danni kollha sostnuti.

19.      Ir-Repubblika Portugiża tuża approċċ differenti, imma tirrikonoxxi wkoll li din il-kawża ma hijiex identika għal dik fis-sentenza Pinckney. Fl-opinjoni tar-Repubblika Portugiża, id-diffikultà li tinħoloq permezz tat-tixrid ta’ ritratti fuq l-internet twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrikonoxxi kriterju ta’ konnessjoni bbażat fuq l-aċċessibbiltà tar-ritratti. Madankollu, il-fatt li dan il-kriterju ma huwiex affidabbli ħafna jwassal lir-Repubblika Portugiża biex tillimita l-ġurisdizzjoni tal-Artikolu 5(3), f’każ bħal dak preżenti, għall-qrati tal-post fejn ikun seħħ l-avveniment kawżali biss.

20.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li s-sentenza Pinckney tapplika għal din il-kawża, iżda, minkejja dan, temmen li l-applikazzjoni ta’ din is-sentenza f’dan il-każ tqajjem diffikultajiet prattiċi. Fil-fehma tal-Kummissjoni, is-soluzzjoni tas-sentenza Pinckney tippermetti lil P. Hejduk tiftaħ kawża quddiem il-qrati Awstrijaċi, iżda għad-danni sostnuti fit-territorju tal-Awstrija biss. Din il-limitazzjoni, f’każ fejn id-danni jkunu sostnuti minħabba t-tixrid ta’ ritratti fuq l-Internet, tista’, skont il-Kummissjoni, tasal biex ma tkunx operattiva, minħabba li la P. Hejduk u lanqas il-qorti kompetenti Awstrijaka ma jkollhom il-mezzi xierqa biex jillimitaw strettament il-ġurisdizzjoni għad-dannu mwettaq fl-Awstrija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni osservat il-possibbiltà li l-ġurisdizzjoni speċjali fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament 44/2001 tiġi llimitata biss għall-qrati tal-post tal-avveniment kawżali.

V –    Analiżi

21.      Kif ġie spjegat, f’dan il-każ tqajmet diffikultà interpretattiva pjuttost kumplessa. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tindirizza l-problemi mqajma mill-internet fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat, iżda qatt bħal f’dan il-każ. Fil-qosor ħafna, f’dan il-każ għandu jiġi deċiż liema wieħed mill-ħafna toroq miftuħa mill-ġurisprudenza hija l-iktar adattata għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq permezz tal-internet.

22.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi biss għall-possibbiltà li jintużaw żewġ punti ta’ konnessi (id-domiċilju tal-konvenut u l-Istat li l-kontenut tas-sit tal-internet ikun indirizzat lilu), huwa fatt li l-partijiet u l-Istati involuti ssuġġerew punti ta’ konnessjoni potenzjali oħrajn li jistgħu jiġu applikati għall-kawża preżenti, li ser nanalizza issa.

A –    Il-kriterju taċ-ċentru tal-interessi

23.      Ir-Repubblika Ċeka u l-Konfederazzjoni Svizzera ddefendew il-possibbiltà li tiġi estiża l-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza eDate Advertising et għal din il-kawża. Madankollu, u għar-raġunijiet li se niddiskuti iktar ’il quddiem, nemmen li dan il-kriterju ma jistax jiġi applikat.

24.      Fis-sentenza eDate Advertising et il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet għall-problemi mqajma mill-ksur tad-drittijiet tal-personalità fuq l-internet. Kif inhu magħruf, il-ġurisprudenza preċedenti kienet indirizzat il-kwistjoni fi żmien qabel id-dħul tal-internet, speċifikament fis-sentenza Shevill et vs Presse Alliance (6). F’din id-deċiżjoni kien ġie ddikjarat li l-Artikolu 5(3) ta’ dik li kienet il-Konvenzjoni ta’ Brussell kien jippermetti lill-vittma li tiftaħ kawża fl-Istat tal-post fejn ikun twettaq l-avveniment kawżali (id-domiċilju tal-editur responsabbli għall-informazzjoni difamatorja) u fl-Istat fejn tkun ġiet immaterjalizzat id-dannu, liema kriterju kien jiddependi fuq id-distribuzzjoni territorjali tal-mezz li fih kienet tinstab l-informazzjoni difamatorja (7). F’dan it-tieni każ, il-qorti jkollha ġurisdizzjoni biss fir-rigward ta’ dannu li jkun sar fit-territorju tagħha, liema fatt għandu jiġi ċċarat abbażi tal-livell ta’ distribuzzjoni u bejgħ tal-mezz f’dak l-Istat (8).

25.      Fil-kawża eDate Advertising et il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirriżolvi kwistjoni simili għal dik imqajma fil-kawża Shevill et, iżda fil-każ ta’ mezz ta’ komunikazzjoni online. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dannu kien, bħal ma ġara f’dan il-każ, “delokalizzat”, peress li l-mezz kien aċċessibbli fi kwalunkwe Stat Membru, li jagħmel diffiċli jew saħansitra impossibbli l-applikazzjoni prattika ta’ kwalunkwe metodu ta’ kejl tal-impatt territorjali tal-komunikazzjoni dannuża. Dan wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex toħloq kriterju addizzjonali bbażat fuq iċ-ċentru ta’ interessi tal-vittma, il-post fejn tista’ tiftaħ kawża u, l-iktar importanti, titlob kumpens għad-danni kollha sostnuti (9).

26.      Huwa importanti li jiġi enfasizzat li s-sentenza eDate Advertising et kienet tirrigwarda biss każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-personalità. Dan huwa hekk għax inkella jmur kontra l-għan tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Min-naħa waħda, il-kriterju taċ-ċentru tal-interessi tal-vittma jagħti importanza lill-aċċessibbiltà tal-mezz, liema fattur il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet jew illimitat f’diversi okkażjonijiet kif ukoll f’kuntesti differenti minn dak tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 (10). Minħabba l-fatt li jkun aċċessibbli fil-post taċ-ċentru tal-interess tal-vittma, hemm il-possibbiltà li tinfetaħ kawża f’dak l-Istat u, barra minn hekk, għad-danni kollha sostnuti, li jwassal biex jinbidel kunsiderevolment il-bilanċ tal-għan tal-Artikolu 5(3). Barra minn hekk, għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-konnessjoni mill-qrib bejn il-kriterju taċ-ċentru tal-interessi u l-forum actoris, peress li ċ-ċentru tal-interess fil-maġġoranza tal-każijiet, għalkemm mhux dejjem (11), jinsab fil-post ta’ domiċilju tal-vittma, ir-rikorrent fil-kawża.

27.      Preċiżament minħabba r-riskji li jinvolvi l-kriterju taċ-ċentru tal-interessi tal-vittma, nemmen li ma għandux jiġi estrapolat għad-drittijiet tal-awtur, anki fil-każ ta’ danni “delokalizzati”, imwettqa permezz tal-internet. Il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet dan il-metodu fil-każ ta’ drittijiet tal-proprjetà industrijali fis-sentenza Wintersteiger (12) kif ukoll fil-każ ta’ dannu “li [j]ista’ [j]iġi [lokalizzat]” mwettaq fuq id-drittijiet tal-awtur (13). Nemmen li din għandha tkun is-soluzzjoni wkoll f’każ bħal dak preżenti, fejn huwa allegat li sar dannu “delokalizzat” fuq dritt tal-awtur.

B –    Il-kriterju tal-fokalizzazzjoni

28.      Kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll P. Hejduk jemmnu li l-fatt li r-ritratti inkwistjoni, kif jargumentaw, ġew indirizzati lejn l-Awstrija jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi. Ma nemminx li dan l-argument huwa sostenibbli.

29.      Il-possibbiltà li tiġi ddikjarata l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat fejn kienet iffukata l-attività dannuża hija għażla li ġiet ikkunsidrata minn diversi ġurisdizzjonijiet nazzjonali u d-duttrina (14). Dan huwa wkoll, kif inhu magħruf, il-kriterju użat mir-Regolament Nru 44/2001 fil-każ tal-bażi speċifika tal-konsumaturi stabbilit fl-Artikolu 15(1)(ċ) (15). L-Avukat Ġenerali Jääskinen ippropona b’argumenti sodi l-applikazzjoni tiegħu fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Pinckney (16) u l-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm ċaħdet dan fil-każ inkwistjoni, applikatu f’kuntesti differenti iżda qrib is-sitwazzjoni tal-każ preżenti fis-sentenzi tagħha L’Oréal et (17), Donner (18) u Football Dataco et (19).

30.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-kriterju li jiffoka fuq is-sentenza Pinckney, u għamlet dan billi ddikjarat b’mod espliċitu li, “kuntrarjament għall-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament [Nru 44/2001] [...] l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament ma jeħtieġx, b’mod partikolari, li din l-attività inkwistjoni tkun ‘diretta lejn’ l-Istat Membru tal-qorti adita” (20).

31.      Ċertament dan il-punt fis-sentenza Pinckney jippermetti li jsiru diversi interpretazzjonijiet (21), iżda naħseb li tidher b’mod ċar l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li teskludi l-kriterju tal-fokalizzazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Il-kriterju tal-fokalizzazzjoni kien użat f’dawk il-każijiet fejn kien hemm attività ekonomika preċeduta minn intenzjoni ċara li jiġu offruti oġġetti u servizzi fl-Istat Membru fejn tkun iffukata l-attività. Għalhekk nikkunsidra li s-sentenza Pinckney imsemmija telimina, bħala prinċipju, il-possibbiltà li l-kriterju tal-fokalizzazzjoni jiġi estiż għall-każ ta’ danni mhux kuntrattwali bbażati fuq ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ proprjetà intellettwali.

32.      Jifdal biex jiġi stabbilit jekk f’każ li att ta’ komunikazzjoni pubblika, li toħloq dannu “delokalizzat”, ċar u indirizzat mingħajr dubju lejn Stat Membru ieħor, jistax jiġi applikat il-kriterju tal-fokalizzazzjoni. Madankollu, nemmen li dan ma huwiex il-każ li jikkonċerna lilna hawnhekk, peress li fil-każ preżenti l-konvenut fil-kawża prinċipali ma indirizza fl-ebda ħin l-attività li allegatament tikkawża dannu lejn Stati Membri oħrajn. Għalhekk, inqis li mhux meħtieġ li tingħata opinjoni dwar din l-ipoteżi.

C –    Il-kriterju tat-territorjalità u s-sentenza Pinckney

33.      Wara li ġew eliminati l-kriterju taċ-ċentru tal-interessi u dak tal-fokalizzazzjoni, naslu għas-soluzzjoni milħuqa fis-sentenza Pinckney, li kemm ir-Repubblika Portugiża kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu l-applikazzjoni tagħha għall-każ preżenti, għalkemm minn aspetti differenti.

34.      Fil-kawża Pinckney il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-każ ta’ talba għad-danni mressqa mill-awtur ta’ xogħol mużikali riprodott fuq CDs u iktar tard imqassam fuq l-internet mingħajr il-kunsens tiegħu.

35.      Id-diffikultà li qajmet il-kawża Pinckney kienet li tiġi estrapolata l-ġurisprudenza tal-kawżi eDate Advertising et u Wintersteiger fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur. Kif diġà ntqal, is-sentenza eDate Advertising et indirizzat il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-post fejn jiġi sostnut id-dannu fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-personalità fuq l-internet, filwaqt li s-sentenza Wintersteiger kienet ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali, b’mod konkret trade mark kummerċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet soluzzjonijiet differenti għal kull każ. Għalkemm fil-każ tad-drittijiet tal-personalità ddeċidiet li żżomm il-“prinċipju możajk” bl-eċċezzjoni tal-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tal-vittma (fejn jista’ jintalab kumpens għad-danni kollha sostnuti), fis-sentenza Wintersteiger iddeċidiet, fil-każ ta’ ksur tal-proprjetà industrijali, li tapplika prinċipju strett ta’ territorjalità u tillimita l-post fejn jiġi sostnut id-dannu għall-Istat jew Stati fejn huwa protett id-dritt (jiġifieri, fejn huwa rreġistrat it-titolu).

36.      Id-drittijiet tal-awtur huma suġġetti għal prinċipju ta’ territorjalità, bħal ma huma d-drittijiet tal-proprjetà industrijali. Madankollu, huma ppreżentati żewġ karatteristiċi li jfixklu l-klassifikazzjoni tagħhom fis-soluzzjoni tal-kawża Pinckney ma huwiex meħtieġ li jkunu rreġistrati biex ikunu eliġibbli għal protezzjoni, filwaqt li, barra minn hekk, huma protetti fl-Istati Membri kollha permezz tad-Direttiva 2001/29 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (22). Għalhekk, dawn huma drittijiet li għandhom l-istess karatteristiċi bħad-drittijiet imqajma, rispettivament, fil-kawżi eDate Advertising et u Wintersteiger, u għalhekk id-drittijiet tal-awtur jistgħu jiġu miksura fl-Istati Membri kollha (bħad-drittijiet tal-personalità), iżda l-protezzjoni tagħhom tingħata permezz ta’ “taqsimiet territorjali” fid-dimensjoni tal-istat, bħat-titoli tal-proprjetà industrijali. Wieħed jista’ jargumenta li d-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni Ewropea jiffurmaw grupp ta’ drittijiet delimitati territorjalment għal kull Stat, li t-total tagħhom ikopri t-territorju kollu tal-Unjoni.

37.      Fis-sentenza Pinckney il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet favur it-territorjalità tad-drittijiet tal-awtur, jiġifieri, għażlet approċċ relatat ma’ dak adottat fis-sentenza Wintersteiger. Fil-punt 39 tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “d-drittijiet tal-awtur huma ċertament suġġetti, bħal fil-każ tad-drittijiet relatati ma’ trade mark nazzjonali, għall-prinċipju tat-territorjalità”. Imbagħad fakkret li d-Direttiva 2001/29 armonizzat id-drittijiet tal-awtur, li jfisser li dawn “jistgħu jiġu miksura, rispettivament, f’kull wieħed minnhom, [l-Istati Membri] skont id-dritt materjali applikabbli”. Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, għall-finijiet tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-post fejn ġie sostnut id-dannu, f’kuntest bħal dak imsemmi iktar ’il fuq, huwa dak fejn huwa d-dritt tal-awtur invokat mir-rikorrenti u fejn id-dannu allegat jista’ jimmaterjalizza. Il-qrati ta’ dan l-Istat għandu jkollhom ġurisdizzjoni biex jirrikonoxxu d-dannu kkawżat fit-territorju tiegħu biss (23).

38.      Fil-qosor, il-ġurisprudenza Pinckney hija kkaratterizzata minn tliet fatturi li jwasslu għall-konstatazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ksur transkonfinali ta’ dritt tal-awtur: protezzjoni sostantiva, protezzjoni fattwali u protezzjoni limitata għat-territorju. Biex tikkunsidra li ġie sostnut dannu minħabba ksur tad-drittijiet tal-awtur, ikollha ġurisdizzjoni biss dik il-qorti li dak id-dritt jiġi protett fit-territorju tagħha, fejn ikun hemm ir-riskju fattwali li jsir il-ksur, u għad-danni li jkunu sostnuti f’dak l-Istat biss.

39.      L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-każ preżenti ma hijiex mingħajr problemi. Filwaqt li d-dritt tal-awtur ta’ P. Hejduk huwa protett fl-Awstrija u r-riproduzzjoni u d-distribuzzjoni mhux awtorizzati tar-ritratti tagħha fuq l-internet huma aċċessibbli fl-Awstrija, huwa diffiċli, jew forsi impossibbli, li wieħed jiddetermina d-dannu sostnut f’dak l-Istat biss. B’differenza ta’ dak li ġara fil-kawża Pinckney, fejn il-ksur tad-drittijiet tal-awtur sar permezz tar-riproduzzjoni tas-CDs u l-bejgħ sussegwenti tagħhom fuq l-internet fi kwalunkwe Stat Membru, din il-kawża tirreferi għal dannu li diffiċli jiġi identifikat fejn immaterjalizza, peress li s-sempliċi aċċessibbiltà ta’ ritratt fuq l-internet ma toffri ebda indikazzjoni tal-post fejn sar id-dannu. Id-danni li saru fil-kawża Pinckney kienu r-riżultat ta’ attività bi qligħ finanzjarju (il-manifattura ta’ CDs u l-bejgħ sussegwenti fis-suq online tagħhom), filwaqt li f’dan il-każ ma hemm ebda attività bi qligħ finanzjarju, iżda att ta’ komunikazzjoni pubblika minn kumpannija.

40.      Għalhekk, soluzzjoni bħal dik tal-kawża Pinckney għal każ bħal dan preżenti twassalna, kif tenfasizza l-Kummissjoni, biex jew ir-rikorrenti ma titħalliex tiftaħ kawża fl-Awstrija minħabba n-nuqqas ta’ viżibbiltà jew viżibbiltà skarsa tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur tagħha fl-Awstrija, jew inkella biex id-dannu kollu li ġarrbet jiġi rikonoxxut, b’kunsiderazzjoni tal-fatt impossibbli li l-ksur jinqasam territorjalment, liema soluzzjoni finalment tikkontradixxi dak stabbilit fis-sentenza Pinckney.

D –    Il-kriterju applikabbli għal din il-kawża

41.      Nemmen li l-applikazzjoni awtomatika tas-sentenza Pinckney għal każ meta d-dannu jkun “delokalizzat” jista’ jkun li tkun ineffettiva. Is-soluzzjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza msemmija tirrispondi għal dawk il-każijiet fejn ir-riskju tal-ksur, jew il-ksur effettiv tad-drittijiet tal-awtur, isir b’mod ċar fi spazju territorjali, avolja l-mezz użat ikun l-internet. Madankollu, meta d-dannu jkun “delokalizzat”, minħabba t-tip ta’ xogħol u l-mezz ta’ komunikazzjoni użat, naqbel ma’ dak li ddikjaraw ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni Ewropea, li ma huwiex possibbli li jiġi applikat il-kriterju tal-post ta’ fejn ġie mmaterjalizzat id-dannu skont l-Artikolu 5(3), tar-Regolament Nru 44/2001. F’każ bħal dan, din id-dispożizzjoni tiġġustifika biss il-ġurisdizzjoni tal-qrati fejn ikun seħħ l-avveniment kawżali.

42.      Fl-opinjoni tiegħi, din is-soluzzjoni hija iktar koerenti mal-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001, fosthom l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (24). Kriterju li jirrikjedi lil rikorrent jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kawża tiegħu skont il-kriterji territorjali li huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġu ddeterminati, ma huwiex kriterju koerenti man-natura tar-Regolament Nru 44/2001. Kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni, ir-rikorrenti f’każ bħal dak preżenti ma tistax tipprovdi elementi li jivverifikaw il-limiti b’mod preċiż tad-danni sostnuti biss fl-Istat fejn fetħet il-kawża. Din iċ-ċirkustanza twassal lill-qorti ta’ dak l-Istat biex titlob kumpens iktar baxx minn dak tad-dannu li attwalment sar, jew iktar għoli, li jaqbeż il-kriterju territorjali li l-Qorti tal-Ġustizzja titlob f’każijiet bħal dawn. Il-Kummissjoni hija korretta meta ssostni li l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Pinckney għal dan il-każ iġġib magħha riskju serju li l-qorti kompetenti taqbeż il-limiti tagħha fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha.

43.      Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-imsemmija ġurisprudenza Pinckney għal din il-kawża, fil-fehma tiegħi, tikkawża inċertezza legali għaż-żewġ partijiet fil-proċess. Ir-rikorrenti ma jkollha ebda ċertezza dwar id-destin tal-proċess fejn il-kriterji ta’ delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-qorti tal-kawża ma jistgħux jiġu vverifikati. Il-konvenut ukoll jinsab f’sitwazzjoni ugwalment kritika, għax jiġi espost għal numru ta’ kawżi f’diversi Stati Membri fejn ikun sar dannu “delokalizzat”, jew fi Stat wieħed biss, iżda mingħajr ebda ċertezza dwar il-portata tal-ġurisdizzjoni ta’ kull qorti. Nifhem li dan ir-riżultat ma huwiex kompatibbli mal-għanijiet ġenerali tar-Regolament Nru 44/2001, iżda wkoll ma’ dawk iktar speċifiċi tal-każ speċjali stipulat fl-Artikolu 5(3).

44.      Fil-fatt, kif iddikjarat fir-Regolament Nru 44/2001 u fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tal-Artikolu 5(3), huwa li jkun hemm bażi ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib mal-fatti rilevanti tal-kawża (25). Din il-prossimità tippermetti lill-qorti tindirizza b’garanzija ikbar it-talbiet tar-rikorrent u l-argumenti ta’ difiża tal-konvenut. Madankollu, din il-prossimità tisparixxi meta l-fatti, minħabba n-natura “delokalizzata” tad-dannu, ma jkunux jistgħu jiġu vverifikati skont il-mezzi konvenzjonali ta’ prova. Barra minn hekk, jippermettu biss li jingħata kumpens għal parti mid-dannu sostnut, u b’hekk iċaħħdu lill-qorti minn ħarsa globali lejn id-dannu li jista’ jfixkel l-evalwazzjoni globali tal-kuntest tal-kawża ta’ quddiemha. Għalhekk jitneħħa l-vantaġġ tal-prossimità tal-qorti għall-fatti tal-kawża, u għalhekk l-utilità tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

45.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-każ ta’ danni “delokalizzati” fuq l-internet li jiksru d-drittijiet tal-awtur, nemmen li l-aħjar metodu huwa li tiġi eskluża l-possibbiltà li tinfetaħ kawża fil-qrati tal-Istat fejn ikun ġie mmaterjalizzat id-dannu u li l-ġurisdizzjoni tiġi llimitata, tal-inqas fuq il-bażi tal-Artikolu 5(3) tar-regolament iċċitat, għal dawk il-qrati tal-Istat fejn ikun seħħ l-avveniment kawżali. Barra minn hekk, dan il-metodu ma jeskludi b’ebda mod il-bażi pprovduta fl-Artikolu 2 tar-Regolament, skont liema huwa possibbli wkoll li jiġu mfittxija fil-qrati tal-Istat Membru fejn ikun domiċiljat il-konvenut. Għalkemm fil-maġġoranza tal-każijiet iż-żewġ kriterji għandhom l-istess bażi (bħal ma jiġri fil-każ preżenti), mhux dejjem ikun il-każ.

46.      Huwa ċar li f’każ ta’ komunikazzjoni pubblika fejn l-attività dannuża tkun oriġinat fi Stat Membru u tkun indirizzata b’mod ċar u mingħajr dubju lejn Stat Membru wieħed jew iktar minn wieħed, tista’ tiġi diskussa l-possibbiltà li tiġi użata jew ikkompletata l-konklużjoni li għadni kif ifformulajt (26). Madankollu, kif diġà indikajt fil-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ma huwiex il-każ li ntbagħat lilna mill-Handelsgericht Wien f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda l-każ jinvolvi l-fatt li l-konvenut qatt ma għażel li jindirizza l-komunikazzjoni li oriġinat din il-kawża lejn l-Awstrija. Għalhekk inqis li ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kriterju ta’ konnessjoni f’każ fejn l-attività tindirizza Stat Membru ieħor jew Stati Membri oħrajn.

47.      Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, fejn ir-rikorrent ikun ġarrab dannu “delokalizzat” fuq l-internet, li jikser dritt tal-awtur, b’mod konformi mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, ikollhom ġurisdizzjoni l-qrati tal-post fejn ikun sar l-avveniment kawżali.

VI – Konklużjoni

48.      Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għad-domanda preliminari tal-Handelsgericht Wien:

“L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kawża li tikkonċerna ksur fuq l-internet ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, li bħala riżultat ta’ dan iseħħ dannu “delokalizzat”, li l-lokalità territorjali tiegħu ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata permezz ta’ kriterji affidabbli ta’ prova, ikollhom ġurisdizzjoni l-qrati tal-post fejn ikun seħħ l-avveniment kawżali.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – C-170/12, EU:C:2013:635.


3 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p 230).


4 – Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


5 – C-509/09 u C-161/10, EU:C:2011:685.


6 – Sentenza Shevill et, C‑68/93, EU:C:1995:61.


7 – Sentenza Shevill et (EU:C:1995:61), punti 30 sa 33.


8 – Sentenza Shevill et (EU:C:1995:61), punti 30 u 31.


9 – Sentenza eDate Advertisig et (EU:C:2011:685), punt 48.


10 – Il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet dan b’mod espliċitu, fost l-oħrajn, fis-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C-144/09, EU:C:2010:740), punti 69 sa 75, u fil-każ tal-Artikolu 5(3), naqqsitu b’mod konsiderevoli, bħal fis-sentenza eDate Advertisig et, iċċitata preċedentement fil-punt 51.


11 – Dan kien wieħed mill-każijiet fil-kawża eDate Advertisig et (EU:C:2011:685),, fejn id-domiċilju tar-rikorrent kien fl-Istati Uniti, imma ċ-ċentru tal-interessi tiegħu kien fi Franza.


12 – C‑523/10, EU:C:2012:220.


13 – Sentenza Pinckney, EU:C:2013:635.


14 – Ara, pereżempju, il-każ tal-Cour de cassation Franċiża (Com. 13 ta’ Lulju 2010, Nru 06-20-230), kif ukoll l-opinjoni ta’ awturi bħal Treppoz, E., “Croniques. Droit européen de la propriété intellectuelle”, Revue Trimestrielle de Droit Européen, 4 2013.


15 – Ara s-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, EU:C:2010:740, iċċitata iktar ’il fuq.


16 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 61 sa 65 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Pinckney (EU:C:2013:400).


17 – C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 65.


18 – C‑5/11, EU:C:2012:370, punt 27.


19 – C‑173/11, EU:C:2012:642, punt 39.


20 – Sentenza Pinckney, EU:C:2013:635, punt 42.


21 – Ara De Miguel Asensio, P., “Tribunales competentes en materia de infracciones de derechos patrimoniales de autor cometidas a través de Internet”, La Ley – Unión Europea, 11 2014, punt 5.


22 – F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Pinckney (EU:C:2013:400), punti 44 sa 50.


23 – Sentenza Pinckney (EU:C:2013:635), iċċitata preċedentement, punt 43. Ittenni l-istess ġurisprudenza, ara s-sentenzi Hi Hotel (C‑387/12, EU:C:2014:215), punt 39, u Coty Germany (C‑360/12, EU:C:2014:1318), punt 55.


24 – Ara l-premessa 12 tar-Regolament Nru 44/2001, kif ukoll, fost l-oħrajn, is-sentenza Wintersteiger (EU:C:2012:220), punti 27 u 31.


25 – Ara l-premessa 12 tar-Regolament Nru 44/2001.


26 – Bl-istess mod, jista’ jiġi mistoqsi wkoll jekk il-ġurisprudenza Pinckney tistax tiġi applikata għall-ksur transkonfinali ta’ dritt morali tal-awtur. F’dan ir-rigward, ara Kur, A., f’Conflict of Laws in Intellectual Property, The CLIP Principles and Commentary, Oxford, OUP, 2013, punt 2:203.C10.