Language of document : ECLI:EU:C:2012:700

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-8 ta’ Novembru 2012 (1)

Kawża C‑415/11

Mohamed Aziz

vs

Caixa d’Estalvis de Catalunya, Tarragona i Manresa (Catalunyacaixa)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil nº 3 Barcelona (Spanja)]

“Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi – Self ipotekarju – Rimedji ġudizzjarji fi proċedura ta’ eżekuzzjoni – Żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet fil-kuntratt – Interessi moratorji – Talba mill-kreditur għall-ħlas antiċipat tas-self”






I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal‑Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal‑konsumatur (2).

2.        M. Aziz, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, daħal f’kuntratt ta’ self mal-bank ta’ tfaddil konvenut sabiex jiffinanzja dar u ħoloq ipoteka bħala garanzija għal dan is-self. Minħabba diffikulatjiet li M. Aziz kellu sabiex iħallas, il-konvenut talab l-eżekuzzjoni fuq l-immobbli fi proċedura ssemplifikata ta’ eżekuzzjoni ipotekarja prevista fid-dritt Spanjol.

3.        Wara li ġiet konkluża l-proċedura ta’ eżekuzzjoni, M. Aziz ilmenta, fi proċedura separata, dwar in-natura inġusta ta’ klawżola fil-kuntratt ta’ self. Skont il-qorti tar-rinviju, fi proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja ma tistax tiġi invokata n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ self. Il-konsumatur jista’ jagħmel din l-allegazzjoni biss fi proċedura dwar il-mertu separata. Madankollu, b’din il-proċedura, il-konsumatur ma jistax jinfluwenza l-eżekuzzjoni. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tar-regoli proċedurali nazzjonali, li jeskludu l-possibbiltà li tiġi invokata n-natura inġusta tal-klawżoli, mad-Direttiva 93/13. Hija tistaqsi wkoll jekk ċerti klawżoli partikolari fil-kuntratt ta’ self humiex illegali.

4.        B’dan il-mod, din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tkompli tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar il-garanzija effettiva tal-protezzjoni tal-konsumatur mil-liġi nazzjonali proċedurali. Barra minn hekk, din il-kawża tirrigwarda l-eżami taċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“1.      Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede [minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide], tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti [sinjifikattiv] fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

[...]

3.      L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

6.        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi li:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”

7.        L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

8.        L-Anness tad-Direttiva 93/13, intitolat “Klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3)” jelenka:

“1.       Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li

[...]

e)       jimponu, bħala penali, fuq il-konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu, multa f’ammont sproporzjonalment għoli;

[…]

q)       jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon[i] legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor, b’mod partikolari billi jeħtieġ lill-konsumatur li jieħu kwistjoni esklussivament għall-arbitraġġ mhux kopert b’disposizzjonijiet legali, biex b’hekk jirristrinġu l-evidenza disponibbli għalih b’mod esaġerat jew jimponu fuqu l-oneru tal-prova li, skond il-liġi applikabbli, għandu jkun fuq parti oħra tal-kuntratt.

[…].”

B –    Id-dritt nazzjonali

9.        Il-proċedura ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni ipotekarja hija rregolata mill-Artikolu 693 u mill-Artikoli 695 sa 698 tal-Ley de Enjuiciamiento Civil (3).

10.      L-Artikolu 695 tal-LEC jipprovdi:

“1.      Fil-proċeduri msemmija f’dan il-kapitolu, l-oppożizzjoni tal-konvenut għall-eżekuzzjoni għandha tintlaqa’ biss meta tkun ibbażata fuq il-kawżi li ġejjin:

(1) l-estinzjoni tal-garanzija jew tal-obbligu ggarantit, sakemm jiġi ppreżentat ċertifikat mir-reġistru li juri l-kanċellament tal-ipoteka jew, fejn xieraq, tar-rahan mingħajr esproprjazzjoni, jew ta’ att notarili li juri l-irċevuta ta’ pagament jew il-kanċellament tal-garanzija;

(2) żball fid-determinazzjoni tal-ammont dovut, meta d-dejn iggarantit huwa kkostitwit mill-bilanċ tal-għeluq ta’ kont bejn il-kreditur li jitlob l-eżekuzzjoni u l-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Il-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni għandu jippreżenta l-kopja tiegħu tar-rendikont u l-oppożizzjoni għandha tintlaqa’ biss jekk il-bilanċ li jidher fl-imsemmi rendikont ikun differenti minn dak li jidher fir-rendikont ippreżentat mill-kreditur li jitlob l-eżekuzzjoni

[…]

2.      Ladarba tiġi magħmula l-oppożizzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti, ir-Reġistratur għandu jissospendi l-eżekuzzjoni u jsejjaħ lill-partijiet sabiex jidhru quddiem il-qorti li ħarġet l-ordni ta’ eżekuzzjoni. Iċ-ċitazzjoni għandha ssir mill-inqas erbat ijiem qabel is-seduta inkwistjoni. F’din is-seduta, il-qorti għandha tisma’ lill-partijiet, tilqa’ d-dokumenti ppreżentati u tadotta d-deċiżjoni li hija tqis xierqa, permezz ta’ digriet, fit-tieni jum.

[...]”

11.      L-Artikolu 698 tal-LEC jipprovdi:

“1.      Kull ilment li d-debitur, it-terz detentur jew kwalunkwe persuna oħra kkonċernata tista’ tagħmel u li ma huwiex inkluż fl-artikoli preċedenti, inklużi dawk li jirrigwardaw in-nullità tat-titolu jew il-maturità, in-natura ċerta, l-estinzjoni jew l-ammont tad-dejn, għandu jiġi deċiż b’sentenza adattata, mingħajr qatt ma jkollu bħala effett li jissospendi jew iwaqqaf il-proċedura ta’ eżekuzzjoni prevista f’dan il-kapitolu.

[…]

2.      Fil-mument li jsir l-ilment imsemmi fil-paragafu preċedenti jew waqt il-proċedura li jagħti lok għaliha, jista’ jintalab li tiġi żgurata l-effikaċja tas-sentenza li tingħata fl-istess proċedura, biż-żamma tal-ammont sħiħ jew ta’ parti minnu li, skont il-proċedura rregolata minn dan il-kapitolu, għandu jingħata lill-kreditur.

Il-qorti, permezz ta’ deċiżjoni, għandha tordna din iż-żamma billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dokumenti ppreżentati, jekk tqis li l-motivi allegati huma suffiċjenti. Jekk il-persuna li titlob iż-żamma ma tkunx manifestament u suffiċjentement solventi, il-qorti għandha titlobha tippreżenta garanzija minn qabel u suffiċjenti għall-ħlas tal-interessi moratorji u sabiex tikkumpensa lill-kreditur għal danni oħra li jistgħu jiġu kkawżati lilu.

3.      Meta l-kreditur ikun ipproduċa garanzija sodisfaċenti għall-ħlas tal-ammont li ntalab li jiġi miżmum skont is-sentenza msemmija fil-punt (1) hawn fuq, l-ammont miżmum għandu jiġi rilaxxat.”

III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

12.      F’Lulju 2007, M. Aziz ikkonkluda self ipotekarju b’att notarili ma’ Caixa d’Estalvis de Catalunya, Tarragona i Manresa (Catalunyacaixa) (4). Dan il-kuntratt ta’ self, għal somma prinċipali ta’ EUR 138 000, essenzjalment kien intiż sabiex jitħallas is-self pendenti ma’ istitut ta’ kreditu ieħor għall-akkwist ta’ dar, li jammonta għal EUR 115 821. Il-proprjetà ipotekata baqgħet tintuża bħala d-dar tal-familja, u l-valur tagħha ġie stmat bħala EUR 194 000 fil-kuntratt ta’ self b’att notarili. F’dak iż-żmien, id-dħul fiss fix-xahar ta’ M. Aziz kien ta’ EUR 1 341.

13.      Il-kundizzjonijiet prinċipali tal-kuntratt ingħataw fil-qasir fit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej: bħala perijodu ta’ ħlas lura, ġew previsti 33 sena, bi 396 ħlas mensili kkalkolati mill-1 ta’ Awwissu 2007 sal-31 ta’ Lulju 2040. L-ammont ta’ kull ħlas mensili, sakemm ir-rata ta’ interessi inizjali ma tinbidilx, kellu jkun ta’ EUR 701.04. L-interessi ordinarji huma stabbiliti kif ġej: sat-30 ta’ Jannar 2008 jiġu applikati interessi fissi nominali annwali bir-rata ta’ 4.87 %. Mill-jum segwenti sakemm is-self jitħallas kompletament, ir-rata ta’ interessi nominali ssir varjabbli (Euribor + 1.10 %).

14.      Is-sitt klawżola tal-kuntratt tipprovdi li dak li jissellef jinkorri interessi moratorji, mingħajr il-bżonn li jiġi intimat, jekk ma jħallas ammont bħala interessi jew fuq l-ammont prinċipali li jsir dovut – anki jekk b’mod antiċipat. L-interessi moratorji għandhom jiġi kkalkolati ġurnata b’ġurnata, bir-rata ta’ 18.75 %.

15.      Barra minn hekk, din il-klawżola tipprovdi li l-Bank jista’ jitlob il-ħlas antiċipat tas-self kollu, fost l-oħrajn meta jiskadi wieħed mill-perijodi ta’ żmien stipulati u d-debitur ma jkunx wettaq l-obbligu tiegħu li jħallas parti mill-ammont prinċipali jew mill-interessi fuq is-self. Il-partijiet jaqblu li titniżżel din il-kawża ta’ ħlas antiċipat fir-Reġistru tal-Proprjetà sabiex, jekk ikun il-każ, il-ħlas tad-dejn kollu (l-ammont prinċipali u l-interessi) jintalab b’mezzi ġudizzjarji, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 693 tal-LEC.

16.      Il-ħdax-il klawżola tirrigwarda l-ħolqien ta’ ipoteka. L-ipoteka tkopri l-ammont prinċipali misluf ta’ EUR 138 000, l-interessi miftiehma fuq il-ħlas annwali u l-interessi moratorji b’ammont massimu ta’ EUR 51 750, kif ukoll EUR 13 800 oħra għal spejjeż u nfiq previst. Dak li ntqal hawn fuq ma jaffettwax ir-responsabbiltà persunali tal-persuna li tissellef.

17.      Il-ħmistax-il klawżola tirrigwarda l-eżekuzzjoni ġudizzjarja tal-ipoteka. Din il-klawżola tindika l-istima, imsemmija fl-att notarili tal-kuntratt ta’ self, tal-valur tal-proprjetà (EUR 194 000). Ġie miftiehem li d-dejn jista’ jintalab b’azzjoni ġudizzjarja kemm fi proċedura dwar il-mertu kif ukoll fi proċedura ta’ eżekuzzjoni ordinarja jew fi proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja. Il-Bank irriżerva d-dritt, b’mod espliċitu, li jistabbilixxi unilateralment l-ammont tad-dejn dovut, b’mod partikolari fil-każ ta’ eżekuzzjoni forzata u dan billi jippreżenta, flimkien mal-att li jikkostitwixxi l-ipoteka, l-kalkolu tas-somom li għadhom iridu jitħallsu, magħmul skont il-forma notarili miftiehma, flimkien maċ-ċertifikati korrispondenti.

18.      Minn Ottubru 2007, M. Aziz naqas milli jagħmel diversi ħlasijiet mensili (Ottubru 2007, Diċembru 2007, Jannar, Frar, Marzu, April u Mejju 2008). Minħabba dan id-dewmien fil-ħlas, il-Bank talab l-interessi moratorji miftiehma. Mill-31 ta’ Lulju 2007 – l-ewwel data minn meta kien pagabbli s-self – sal-31 ta’ Mejju 2008, M. Aziz ħallas EUR 1 325.98 mis-somma prinċipali mislufa u EUR 6 656.44 għall-interessi ordinarji u dawk moratorji.

19.      Mill-aħħar ta’ Mejju 2008, M. Aziz naqas b’ċerta regolarità milli jagħmel il-ħlas mensili fuq is-self tiegħu. Il-Bank eżerċita d-dritt tiegħu li jitlob il-ħlas antiċipat tas-self. Fuq il-bażi ta’ din it-talba għall-ħlas antiċipat, huwa talab il-ħlas lura tal-ammont kollu (somma prinċipali kif ukoll l-interessi).

20.      F’Ottubru 2008, rappreżentant tal-Bank deher quddiem nutar sabiex jikseb att li jistabbilixxi l-ammont li għadu jrid jitħallas minn M. Aziz. F’dan l-att notarili, id-dejn ġie stabbilit – skont il-kriterji matematiko-finanzjarji normalment ammessi u b’mod konformi mal-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-partijiet, u skont iċ-ċertifikati pprovduti mill-istitut ta’ kreditu – għal EUR 139 764.76. Dan l-ammont jista’ jinqasam kif ġej: EUR 136 674.02 bħala ammont prinċipali, EUR 3 017.97 bħala interessi ordinarji, EUR 72.77 bħala interessi moratorji.

21.      F’Jannar 2009, il-Bank bagħat telegramma lil M. Aziz sabiex jinnotifikah bil-bidu ta’ proċedura legali biex tinkiseb is-somma dovuta minnu sas-16 ta’ Ottubru 2008, flimkien mal-interessi stipulati minn dik id-data sal-ħlas komplet, u mal-ispejjeż korrispondenti. It-telegramma li biha ntalab iħallas id-dejn waslet fit-2 ta’ Frar 2009 u ngħatat lil membru tal-familja ta’ M. Aziz, fid-dar ta’ dan tal-aħħar.

22.      F’Marzu 2009, il-Bank ippreżenta rikors għal eżekuzzjoni ipotekarja ta’ titoli mhux ġudizzjarji skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Spanjol u talab li M. Aziz iħallas is-somma ta’ EUR 136 674.02 bħala ammont prinċipali, EUR 90.74 bħala interessi dovuti u EUR 41 902.21 bħala interessi u spejjeż. Meta ġiet ippreżentata t-talba għall-eżekuzzjoni ipotekarja, il-ħlasijiet dovuti li ma kinux saru kienu jammontaw għal EUR 3 153.46. L-eżekuzzjoni saret fuq il-proprjetà ipotekata, li hija d-dar ta’ M. Aziz u tal-familja tiegħu.

23.      Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja ġiet assenjata lil Juzgado de Primera Instancia nº 5 de Martorell. Din il-qorti ordnat lil M. Aziz sabiex iħallas id-dejn, iżda huwa ma għamilx dan.

24.      Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Spanjol, il-motivi għal oppożizzjoni huma limitati fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja. L-uniċi motivi possibbli huma l-estinzjoni tal-garanzija jew tal-obbligu ggarantit, żball fil-kalkolu tas-somma dovuta (fejn id-dejn iggarantit ikun il-bilanċ tal-għeluq tal-kontijiet kollha bejn il-kreditur li jitlob l-eżekuzzjoni u l-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni) u l-preżenza ta’ ipoteka oħra – mhux ikkanċellata – li tkun ġiet irreġistrata qabel. L-ebda wieħed minn dawn ma huwa applikabbli f’dan il-każ.

25.      Skont l-Artikolu 698(1) tal-LEC, kull oppożizzjoni li d-debitur jista’ jagħmel, ibbażata fuq motivi oħra (bħal dawk li jirrigwardaw in-nullità tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ self li jagħtu lok għad-dejn) għandha tiġi deċiża fi proċedura ordinarja separata, mingħajr ma jkollha bħala effett li tissospendi l-proċedura ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Skont l-Artikolu 698(2) tal-LEC, il-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi fil-proċedura ordinarja tista’ tiżġura l-eżekuzzjoni tas-sentenza tagħha biss biż-żamma tal-ammont kollu, jew ta’ parti minnu, miksub mill-bejgħ bis-subbasta u li għandu jingħata lill-kreditur.

26.      M. Aziz ma dehrx fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni u lanqas ma oppona l-eżekuzzjoni. Huwa lanqas ma eżerċita l-possibbiltà li “jillibera l-proprjetà” u jevita s-subbasta, b’mod konformi mal-Artikolu 693(3) tal-LEC, billi jagħmel il-ħlasijiet dovuti fil-mument tal-eżekuzzjoni, flimkien mal-interessi, l-infiq u l-ispejjeż korrispondenti għal tali ħlasijiet.

27.      Għaldaqstant, fil-15 ta’ Diċembru 2009, ingħata digriet li ordna l-eżekuzzjoni fuq il-proprjetà ipotekata.

28.      Fl-20 ta’ Lulju 2010, sar il-bejgħ bis-subbasta, li għalih ma deher l-ebda offerent. Għaldaqstant, il-Bank talab li l-proprjetà tingħata lilu bħala rappreżentattiva tal-50 % mill-valur stmat fil-kuntratt (EUR 97 200.00), kif huwa possibbli skont ir-regoli Spanjoli dwar l-eżekuzzjoni, u t-talba tiegħu ntlaqgħet. B’dan il-mod, M. Aziz tilef il-proprjetà ta’ daru u għadu jrid jagħti lill-Bank iktar minn EUR 40 000 tal-ammont prinċipali tas-self, kif ukoll l-interessi u l-ispejjeż miftuħa. Fl-20 ta’ Jannar 2011, il-kummissjoni inkarigata għal dan il-għan mill-Juzgado de Primera Instancia n° 5 de Martorell marret fuq il-proprjetà li kienet is-suġġett ta’ bejgħ bis-subbasta, sabiex tagħti lill-Bank il-pussess tal-proprjetà. M. Aziz tkeċċa mid-dar.

29.      Fil-kawża prinċipali mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Juzgado de lo Mercantil n° 3 Barcelona, M. Aziz jitlob, bħala r-rikorrent, li tiġi ddikjarata n-natura inġusta u b’hekk in-nullità tal-klawżola 15 tal-kuntratt u għalhekk, kif tesponi l-qorti tar-rinviju, li tiġi ddikjarata nulla l-proċedura ta’ eżekuzzjoni li diġà ġiet konkluża. Il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri sakemm tingħata risposta għad-domandi magħmula.

30.      Il-Juzgado de lo Mercantil jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Is-sistema ta’ eżekuzzjoni ta’ titoli ġudizzjarji fuq beni ipotekati jew rahan prevista fl-Artikoli 695 et seq tal-Ley de Enjuiciamiento civil (Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Spanjol), bil-limitazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-motivi ta’ oppożizzjoni, tikkostitwixxi limitu ċar tal-protezzjoni tal-konsumatur, sa fejn tinvolvi, formalment u sostantivament, ostakolu ċar għall-konsumatur sabiex jeżerċita azzjonijiet jew rikorsi ġuridiċi li jiggarantixxu protezzjoni effettiva tad-drittijiet tiegħu?

2)       Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija mitluba tippreċiża l-kunċett ta’ sproporzjon rigward:

a)       il-possibbilta ta’ dekadenza [maturità] antiċipata ta’ kuntratti ppjanati għal żmien twil (f’dan il-każ 33 sena), għal nuqqasijiet li seħħew f’perijodu speċifiku limitat ħafna;

b)       l-iffissar ta’ interessi moratorji (f’dan il-każ ogħla minn 18 %) li ma jikkorrispondux għall-kriterji ta’ determinazzjoni tal-interessi moratorji f’kuntratti oħra konklużi ma’ konsumaturi (kreditu għall-konsum), li, f’oqsma oħra ta’ kuntratti konklużi ma’ konsumaturi, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala inġusti, u li, madankollu, fil-kuntratti dwar beni immobbli, ma huma suġġetti għal ebda limitu legali ċar, anki meta l-imsemmija interessi għandhom jiġu applikati mhux biss għar-rimborsi dovuti, iżda wkoll għal dawk kollha li saru dovuti minħabba d-dekadenza [l-maturità] antiċipata;

c)      l-iffissar, b’mod unilaterali minn min isellef, ta’ mekkaniżmi għall-kalkolu u l-iffissar tal-interessi varjabbli (kemm dawk ordinarji kif ukoll moratorji) marbuta mal-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ipotekarja, li ma tippermettix lid-debitur li l-eżekuzzjoni hija mitluba kontrih, li jopponi l-kalkolu tal-ammont tad-dejn fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni stess, iżda tirrinvjah għal proċedura fuq il-mertu fejn, meta jikseb sentenza definittiva, l-eżekuzzjoni tkun diġà seħħet jew, tal-inqas, id-debitur ikun tilef il-beni ipotekat jew mogħti bħala garanzija, li hija kwistjoni partikolarment importanti meta s-self ikun mitlub sabiex tinxtara residenza u [fejn] l-eżekuzzjoni timplika t-tkeċċija mill-beni immobbli.”

31.      Fil‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, M. Aziz, Catalunyiacaixa, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet orali u bil‑miktub.

IV – Evalwazzjoni legali

A –    L-ewwel domanda preliminari

1.      Ammissibbiltà

32.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk sistema ta’ eżekuzzjoni ipotekarja rregolata mid-dritt proċedurali nazzjonali li ma tipprovdix għall-possibbiltà li jitressaq motiv ta’ oppożizzjoni kontra l-eżekuzzjoni bbażat fuq in-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ self li fuqu hija bbażata l-ipoteka tikkostitwixxix limitazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi u jekk tiksirx, għaldaqstant, id-Direttiva 93/13.

33.      Il-Bank konvenut fil-kawża prinċipali jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda. Huwa jsostni li din id-domanda hija purament ipotetika u ma għandhiex x’taqsam mal-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju. L-uniku suġġett tal-kontroversja huwa l-validità tal-klawżola 15 tal-kuntratt. Il-Gvern Spanjol jikkontesta wkoll l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda. Il-kwistjoni tar-restrizzjoni tal-motivi ta’ oppożizzjoni fi proċedura ta’ eżekuzzjoni tista’, l-iktar l-iktar, tkun rilevanti għall-qorti fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni f’dan il-każ diġà ġiet konkluża. Għaldaqstant l-ewwel domanda hija irrilevanti għall-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, li għandha tiddeċiedi fuq il-validità ta’ klawżola kuntrattwali fl-astratt u b’mod separat mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni li diġà ġiet konkluża.

34.      Anki l-Kummissjoni tqis li l-kwistjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ stħarriġ mill-qorti fi proċedura ta’ eżekuzzjoni hija ipotetika u għaldaqstant inammissibbli. Hija tipproponi li d-domanda tiġi rriformulata. Għandu jiġu eżaminat liema huma l-kompetenzi li għandhom jingħataw lill-qorti fi proċedura dwar il-mertu, fid-dawl tar-restrizzjoni tal-motivi ta’ oppożizzjoni fi proċedura ta’ eżekuzzjoni.

35.      Il-partijiet għandhom raġun isostnu li d-domanda fformulata konkretament hija ipotetika inkwantu, fil-fatt, ma hijiex magħmula mill-qorti fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, huwa biss quddiem il-qorti fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni li tqum direttament il-kwistjoni rigward il-motivi possibbli ta’ oppożizzjoni u rigward l-influwenza tad-Direttiva 93/13 fuq il-possibbiltajiet għal protezzjoni legali fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

36.      Għaldaqstant, kif tipproponi ġustament il-Kummissjoni, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem f’sens usa’, bħala li tirreferi għall-possibbiltajiet li konsumatur għandu sabiex jikseb, minn tal-inqas fil-kuntest tal-proċedura dwar il-mertu quddiem il-qorti tar-rinviju, protezzjoni legali mill-eżekuzzjoni. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, din id-domanda wkoll tista’ tidher bħala ipotetika, għaliex l-eżekuzzjoni diġà saret. Madankollu, hija rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni f’dan il-każ.

37.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tindika, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li l-kawża prinċipali tirrigwarda wkoll l-eventwali kumpens li jirriżulta mill-ipoteka ladarba tiġi finalizzata l-eżekuzzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-kwistjoni tal-protezzjoni legali kontra l-eżekuzzjoni hija rilevanti għad-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, li, skont il-prinċipju ta’ effettività, tista’ tkun sussegwentement obbligata tikkumpensa, permezz tad-deċiżjoni tagħha, għal eventwali difett fil-proċedura li tkun żvolġiet sa dak il-mument.

38.      Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati r-rekwiżiti li tipprevedi d-Direttiva 93/13, fil-kuntest ta’ eżekuzzjoni, rigward il-possibbiltajiet li l-konsumatur għandu sabiex jinvoka n-natura inġusta tal-klawżoli.

2.      Evalwazzjoni

39.      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, għandu jiġi osservat li, fl-ewwel lok, is-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur huwa f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-kummerċjant, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-pożizzjoni fin-negozjar kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-livell ta’ informazzjoni. Dan iwassal sabiex il-konsumatur jaqbel ma’ kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-kummerċjant mingħajr ma jkun jista’ jinfluwenza l-kontenut tagħhom (5).

40.      Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumatur. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni mandatorja, li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt b’bilanċ reali li jerġa’ jistabbilixxi l-ugwaljanza bejniethom (6).

41.      Sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni intiża mid-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrepetiet diversi drabi li s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ eżistenti bejn il-konsumatur u l-kummerċjant tista’ tiġi kkumpensata biss permezz ta’ intervent pożittiv li jkun indipendenti mill-partijiet fil-kuntratt (7).

42.      Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali għandha saħansitra tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, u b’hekk għandha tirrimedja l-iżbilanċ bejn il-konsumatur u l-kummerċjant (8).

43.      Din il-kawża tikkonċerna l-possibbiltajiet li għandu jkollu l-konsumatur sabiex jinvoka n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self sabiex jopponi l-eżekuzzjoni tal-ipoteka li tiggarantixxi dan is-self.

44.      Peress li fid-dritt tal-Unjoni ma teżistix armonizzazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ eżekuzzjoni, hija s-sistema legali nazzjonali tal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, li għandha tistabbilixxi r-regoli proċedurali ddettaljati. Madankollu, il-libertà ta’ kif l-Istati Membri jagħmlu dan hija limitata bil-prinċipju ta’ ekwivalenza u bil-prinċipju ta’ effettività (9). Il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tkun inqas favorevoli minn dik applikabbli għal sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali u ma tistax tagħmel l-eżerċizzju mill-konsumatur tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni virtwalment impossibbli jew eċċessivament diffiċli (10).

45.      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jipprovdi li r-regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw ir-rikorsi intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet li l-individwi għandhom skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw rikorsi domestiċi simili (11). F’dan ir-rigward, ma tqum l-ebda problema f’dan il-każ għaliex l-Artikolu 698 tal-LEC jeskludi mhux biss l-eċċezzjoni tan-natura inġusta ta’ kwawżoli fi proċeduri ta’ eżekuzzjoni, iżda wkoll l-eċċezzjonijiet kollha li jistgħu jikkonċernaw in-nullità tat-titolu.

46.      Issa għandha tiġi eżaminata iktar fid-dettall l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività. Minn dan il-prinċipju jirriżulta li r-regoli ddettaljati tal-liġi proċedurali nazzjonali ma għandhomx iwasslu sabiex jiġi ostakolat l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-konsumatur għandu skont id-Direttiva 93/13. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli għandu jiġi eżaminat fid-dawl tar-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura, meqjusa globalment, u fid-dawl tal-iżvolġiment u tan-natura speċifika tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali (12).

47.      Il-proċedura ssemplifikata Spanjola ta’ eżekuzzjoni ipotekarja, kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, toffri lid-debitur possibbilitajiet limitati ħafna ta’ protezzjoni sabiex l-eżekuzzjoni tal-ipoteka tkun effettiva u rapida. Bi ftit eċċezzjonijiet, li skont il-qorti tar-rinviju ma humiex rilevanti f’dan il-każ, id-debitur għandu, għaldaqstant, jaċċetta l-eżekuzzjoni tal-ipoteka, indipendentement minn kwalunkwe klawżola inġusta li jista’ jkun hemm. Id-debitur jista’ jopponi l-eżistenza tad-dejn sottostanti u jinvoka l-klawżoli inġusti użati biss fi proċedura dwar il-mertu separata li tittratta l-validità tat-titolu.

48.      Madankollu, b’dan il-mod id-debitur jista’ jinfluwenza biss it-tqassim tal-ammont miksub mill-eżekuzzjoni jew jitlob id-danni dovuti bħala konsegwenza tal-eżekuzzjoni. F’din il-proċedura dwar il-mertu separata, il-qorti tista’ wkoll tordna ż-żamma tal-ammont miksub mill-bejgħ bis-subbasta u b’hekk tiżgura li t-talba tad-debitur għal ħlas kontra l-kreditur li jitlob l-eżekuzzjoni tkun tista’ wkoll tiġi sodisfatta.

49.      Madankollu, kif ġie osservat fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża ma tistax, la fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ssemplifikata nfisha, u lanqas fil-kuntest ta’ proċedura dwar il-mertu separata, tordna s-sospensjoni provviżorja tal-eżekuzzjoni, jiġifieri l-bejgħ ġudizzjarju tal-proprjetà.

50.      Għaldaqstant, lanqas meta n-natura inġusta ta’ klawżola fil-kuntratt ta’ self li fuqu hija bbażata l-ipoteka tiġi invokata kontra l-eżekuzzjoni fuq il-proprjetà, skont id-dritt Spanjol il-konsumatur ma għandux il-possibbiltà li jwaqqaf il-bejgħ ġudizzjarju u l-konsegwenti telf tal-proprjetà. Il-konsumatur għandu biss protezzjoni legali sussegwenti fil-forma ta’ danni u għandu – kif huwa l-każ fil-kawża prinċipali – jaċċetta t-telf ta’ daru.

51.      Tali proċedura tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni intiża mid-Direttiva 93/13.

52.      Partikolarment fil-każ li teżisti ipoteka fuq proprjetà li tkun id-dar tad-debitur, sempliċi talba għal danni ftit li xejn hija xierqa sabiex tiggarantixxi b’mod effettiv id-drittijiet li l-konsumatur għandu skont id-Direttiva 93/13. Ma jistax jingħad li teżisti protezzjoni effettiva kontra klawżoli kuntrattwali inġusti jekk il-konsumatur ikollu, minħabba tali klawżoli, jaċċetta l-eżekuzzjoni ta’ ipoteka u għaldaqstant il-bejgħ ġudizzjarju ta’ daru, il-konsegwenti telf tal-proprjetà u tkeċċija u jkollu biss il-possibbiltà li jitlob kumpens għad-danni permezz ta’ protezzjoni legali sussegwenti.

53.      Id-Direttiva 93/13 pjuttost teżiġi li l-konsumatur għandu jkollu rimedju legali effettiv sabiex tiġi eżaminata n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ self tiegħu u b’dan il-mod, fejn xieraq, jipprevjeni l-eżekuzzjoni.

54.      Is-sentenza reċenti mogħtija fil-Kawża Banco Espanol de Crédito tadotta l-istess approċċ. Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ effettività fid-dawl tad-Direttiva 93/13 fil-kuntest ta’ proċedura dwar ordni għal ħlas, qorti nazzjonali hija saħansitra obbligata, sa minn qabel l-ordni għal ħlas, li mbagħad tista’ tiġi opposta mill-konsumatur, teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, sakemm ikollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji f’dan ir-rigward (13). Fil-fatt jeżisti riskju kunsiderevoli li l-konsumatur ma jagħmilx l-oppożizzjoni meħtieġa (14).

55.      Jirriżulta wkoll li l-konsumatur għandu jkollu l-possibbiltà li jinvoka n-natura inġusta tal-klawżoli direttament fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni u mhux biss fi proċedura separata? Jistgħu jqumu dubji rigward l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Banco Espagnol għaliex, bil-kontra tal-proċedura dwar ordni għal ħlas, f’sitwazzjoni bħal dik preżenti diġà jeżisti titolu eżekuttiv fil-forma tal-att notarili u għandu jiġi rikonoxxut l-interess tal-kreditur li l-eżekuzzjoni ssir rapidament. Bl-organizzazzjoni formali tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni u bl-esklużjoni estensiva ta’ motivi ta’ oppożizzjoni fl-imsemmija proċedura, il-leġiżlatur għandu l-għan li d-dejn rikonoxxut b’titolu eżekuttiv ikun jista’ jiġi eżegwit rapidament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirlix neċessarju li għandu jiġi kkunsidrat a priori li l-protezzjoni legali tal-konsumatur hija magħmula eċċessivament diffiċli minħabba li, bil-bidu ta’ proċedura, għandhom l-ewwel nett jinħolqu l-kundizzjonijiet sabiex il-qorti adita tkun tista’ teżamina l-klawżoli kuntrattwali.

56.      Madankollu, f’dan il-każ ma huwiex neċessarju li din il-kwistjoni tiġi deċiża b’mod konklużiv. Kif diġà esponejt fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà, hawnhekk il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk il-konsumatur għandux jkollu espliċitament diġà fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni l-possibbiltà li jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola fil-kuntratt ta’ self. Inqas u inqas huwa neċessarju li jiġi ċċarat jekk mis-sentenza fil-Kawża Banco Español de Crédito jirriżultax li l-qorti fi proċedura ta’ eżekuzzjoni wkoll għandha teżamina ex officio l-validità ta’ klawżoli kuntrattwali speċifiċi li jista’ jkollhom konsegwenzi fuq l-eżekuzzjoni (15). Fl-aħħar nett, l-ewwel domanda preliminari tirrigwarda speċifikament il-motivi ta’ oppożizzjoni li jistgħu jiġu invokati mill-konsumatur u l-qorti tar-rinviju ma staqsietx dwar il-possibbiltà ta’ eżami mill-qorti ex officio.

57.      Għaldaqstant fil-kuntest ta’ din il-proċedura huwa biss importanti li l-prinċipju ta’ effettività f’kull każ jitlob li l-qorti fi proċedura dwar il-mertu għandu jkollha l-possibbiltà li tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni (b’mod provviżorju) sabiex twaqqaf l-eżekuzzjoni sakemm tiġi evalwata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u b’hekk tipprevjeni li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni toħloq effetti bi ħsara għall-konsumatur li jkun diffiċli jew kważi impossibbli li jiġu rrimedjati.

3.      Konklużjoni provviżorja

58.      Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li sistema ta’ eżekuzzjoni ta’ titoli notarili fuq beni ipotekati jew rahan, fejn il-motivi ta’ oppożizzjoni possibbli kontra l-eżekuzzjoni huma limitati, tikser id-Direttiva 93/13 meta l-konsumatur ma jkunx jista’ jikseb, la fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni nfisha, u lanqas fi proċedura legali separata, protezzjoni legali effettiva li tirrispetta d-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13, pereżempju billi l-qorti tkun tista’ tissospendi b’mod provviżorju l-eżekuzzjoni.

B –    It-tieni domanda preliminari

59.      Fil-formulazzjoni tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tuża l-kunċett ta’ “sproporzjon” u għalhekk tirreferi għat-terminoloġija użata fil-paragrafu 1(e) tal-Anness tad-Direttiva 93/13. Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinftiehem fis-sens li t-tieni domanda preliminari hija intiża sabiex tinkiseb interpretazzjoni tal-kunċett ġenerali ta’ “żbilanċ” bejn id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt. Minflok dan il-kunċett, l-Anness juża, fil-każ partikolari biss tal-ammonti tal-penali, il-kelma “sproporzjonalment” fil-paragrafu 1(e) tiegħu.

60.      Għalhekk, bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment li jiġi ċċarat il-kunċett ta’ sproporzjon fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13. Dan l-artikolu jipprovdi li klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment għandha titqies li hija inġusta jekk, bil-kontra tar-rekwiżit ta’ bona fide, tikkawża, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt.

61.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi tliet klawżoli konkreti, li huma parti mill-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju indikat li dawn il-klawżoli ġew imposti b’mod unilaterali fuq il-konsumatur u għaldaqstant jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

1.      Fuq l-ammissibbiltà

62.      Madankollu, il-Bank u l-Gvern Spanjol isostnu li l-kawża prinċipali tirrigwarda waħda biss mill-klawżoli msemmija mill-qorti tar-rinviju. Minkejja dan, risposta fir-rigward tal-klawżoli l-oħra ma hijiex irrilevanti a priori għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali għaliex ma huwiex eskluż li evalwazzjoni globali tal-kundizzjonijiet individwali tal-kuntratt u l-eżami legali tagħhom jistgħu wkoll jinfluwenzaw l-interpretazzjoni tal-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

63.      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari diġà ġie indikat li skont il-qorti tar-rinviju l-kawża prinċipali tikkonċerna l-eventwali invalidità tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Jista’ jingħad li anki l-evalwazzjoni legali tal-klawżoli msemmija fit-tieni domanda preliminari, li barra minn hekk għandhom jiġu eżaminati ex officio mill-qorti tar-rinviju, jista’ jkollha wkoll konsegwenzi fuq il-validità tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Għaldaqstant, it-tieni domanda hija ammissibbli fl-intier tagħha.

2.      Evalwazzjoni

a)      Osservazzjonijiet ġenerali

64.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet diversi drabi, billi rreferiet għall-kunċetti ta’ bona fide u ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt, li l-Artikolu 3 tad-Direttiva sempliċement jiddefinixxi b’mod astratt il-fatturi li jirrendu inġusta klawżola kuntrattwali (16).

65.      In-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-każ ineżami (17). Din l-evalwazzjoni għandha ssir skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi koperti mill-kuntratt u filwaqt li jsir riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti mal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-istess kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li fuqu jiddependi l-kuntratt ineżami.

66.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tistabbilixxi jekk klawżola kuntrattwali tissodisfax il-kriterji meħtieġa sabiex tiġi kkunsidrata bħala inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13. Hija biss il-qorti nazzjonali li tista’ tevalwa b’mod komprensiv il-konsegwenzi li jista’ jkollha klawżola speċifika skont id-dritt applikabbli għall-kuntratt, u dan jeżiġi eżami tas-sistema legali nazzjonali (18).

67.      Hija l-qorti nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħmel l-evalwazzjoni finali tan-natura inġusta tal-klawżoli inkwistjoni (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha sempliċement tinterpreta l-kriterji ġenerali li jippermettu li tiġi evalwata n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali koperti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 (20).

b)      Il-klawżola li tirrigwarda l-ħlas antiċipat

68.      L-ewwel klawżola li hija s-suġġett tat-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-possibbiltà tal-ħlas antiċipat ta’ kuntratt b’terminu itwal minħabba nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu li seħħew f’perijodu speċifiku limitat ħafna.

69.      F’dan il-każ speċifiku, il-klawżola 6 tal-kuntratt ta’ self tinkludi d-dispożizzjoni li jekk id-debitur ma jagħmilx fid-data li fiha jsir dovut wieħed biss mit-396 ħlas mensili li għandhom jitħallsu fil-perijodu kuntrattwali ta’ 33 sena l-Bank li jagħti s-self jista’ jitlob ipso jure l-ħlas lura tas-self kollu.

70.      Il-Kummissjoni tqis li din il-klawżola kuntrattwali hija manifestament valida, għaliex in-nuqqas ta’ twettiq ta’ anki wieħed biss mill-ħlasijiet mensili jikser obbligu kuntrattwali fundamentali ta’ dak li jissellef u dak li jagħti s-self ma jistax jiġi mistenni jkompli josserva l-kuntratt.

71.      Il-kwistjoni dwar jekk klawżola toħloqx żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet fil-kuntratt għad-detriment tal-konsumatur ma tistax tiġi eżaminata mingħajr ma jsir tqabbil mas-sitwazzjoni legali, kif prevista mil-liġi nazzjonali, fil-każ li l-partijiet infushom ma jkunu stabbilixxew l-ebda regola kuntrattwali. Huwa biss fil-każ li l-konsumatur ikun jinsab f’sitwazzjoni inqas favorevoli minħabba l-klawżola kuntrattwali, meta mqabbla mas-sitwazzjoni prevista mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, li l-imsemmija klawżola tikkawża bidla eventwalment inġusta fid-drittijiet u fl-obbligi kuntrattwali, għad-detriment tal-konsumatur.

72.      Anki jekk klawżola kuntrattwali twassal sabiex il-konsumatur ikun jinsab f’sitwazzjoni inqas favorevoli mis-sitwazzjoni previta mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, dan ma jfissirx neċessarjament li l-bilanċ kuntrattwali jinbidel b’tali mod li jiġi kklassifikat bħala inġust fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13.

73.      Bil-kontra, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi b’mod espliċitu li klawżola kuntrattwali għandha titqies bħala inġusta biss jekk, bi ksur tar-rekwiżit ta’ bona fide, tikkawża żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt, għad-detriment tal-konsumatur. B’dan il-mod jiġi osservat il-prinċipju tal-libertà kuntrattwali u jiġi rikonoxxut li f’ħafna każijiet il-partijiet għandhom interess leġittimu li jkollhom regoli differenti mid-dispożizzjonijiet statutorji għar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom.

74.      Kif jispeċifika l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi stabbilit jekk bidla fid-drittijiet u fl-obbligi kuntrattwali, meta mqabbla mid-dispożizzjonijiet statutorji, tikkawżax żbilanċ sinjifikattiv, għad-detriment tal-konsumatur, għandha neċessarjament issir evalwazzjoni komprensiva taċ-ċirkustanzi individwali kollha tal-kuntratt. B’mod partikolari, żbilanċ sinjifikattiv għandu jitqies bħala inġust meta d-drittijiet u l-obbligi tal-konsumaturi jitnaqqsu b’tali mod li l-parti li stabbiliet il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ma setgħatx tqis, in bona fide, li l-konsumatur kien jaqbel li tiddaħħal tali dispożizzjoni f’negozjati individwali dwar il-konklużjoni tal-kuntratt.

75.      F’dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti jekk tali klawżoli kuntrattwali humiex komuni, jiġifieri jekk jintużawx regolarment fil-kuntest ta’ kuntratti simili, jew jekk humiex eċċezzjonali, jekk teżistix raġuni oġġettiva għad-dispożizzjonijiet tal-klawżoli u jekk, minkejja bidla fil-bilanċ kuntrattwali favur dak li juża l-klawżola fid-dawl tal-għan tal-klawżola inkwistjoni, il-klawżola ma ġietx stabbilita b’mod li ma toffri l-ebda protezzjoni lill-konsumatur.

76.      Għaldaqstant fil-kawża prinċipali fl-ewwel lok huwa rilevanti kif huma organizzati d-dispożizzjonijiet legali rigward it-tmiem ta’ self, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li fihom dak li jagħti s-self, fin-nuqqas minn dak li jissellef li jagħmel ħlas, huwa intitolat itemm is-self u jitlob il-ħlas lura tas-self kollu. Huwa fid-dawl ta’ dan, imbagħad, li għandha tiġi eżaminata l-klawżola inkwistjoni.

77.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-obbligu li jsiru l-ħlasijiet huwa l-obbligu kuntrattwali prinċipali ta’ dak li jissellef. Fir-risposta dwar jekk, diġà man-nuqqas li jsir anki ħlas wieħed biss, il-bank li jagħti s-self ma jistax jiġi mistenni li jibqa’ josserva l-kuntratt, għandu jitqies, min-naħa l-oħra, li l-bank huwa protett b’ipoteka u li l-fatt li ma jsirx ħlas wieħed jista’ jkun ir-riżultat ta’ sempliċi żball u ma jurix neċessarjament li dak li jissellef għandu diffikultajiet finanzjarji. Barra minn hekk, l-ammont tas-self mogħti, it-tul tal-kuntratt tiegħu, kif ukoll l-importanza tal-eżistenza tiegħu għal dak li jissellef għandhom jiġu mwieżna mal-interess tal-bank li jagħti s-self li jkollu l-possibbiltà li jtemm il-kuntratt ta’ self diġà malli ma jsirx ħlas wieħed.

78.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju għandha tqis ukoll liema huma l-possibbiltajiet taħt id-dritt nazzjonali, u d-dritt proċedurali nazzjonali, li l-konsumatur għandu sabiex jirrimedja l-effetti tat-talba għall-ħlas tas-self kollu. F’dan ir-rigward, huwa partikolarment rilevanti li l-Artikolu 693(3) tal-LEC jistabbilixxi l-possibbiltà ta’ dak li jissellef li jelimina l-effetti tat-tmiem/ħlas lura tas-self kollu billi jagħmel il-ħlasijiet dovuti. Dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni globali neċessarja sabiex jiġi eżaminat jekk, bi ksur tar-rekwiżit ta’ bona fide, il-konsumatur jiġix żvantaġġat b’mod sproporzjonat bil-klawżola inkwisjtoni.

79.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti juru li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, li tqis il-klawżola inkwistjoni hija valida fl-astratt u b’mod separat mis-sistemi legali u miċ-ċirkustanzi partikolari, hija biss il-qorti nazzjonali li tista’ tagħmel l-evalwazzjoni neċessarja tan-natura inġusta fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13.

80.      Għaldaqstant, bħala konklużjoni provviżorja għandu jingħad li hija l-qorti nazzjonali li għandha, skont l-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 93/13, tiddeċiedi dwar in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratti konklużi mal-konsumatur. Fir-rigward ta’ klawżola ta’ ħlas antiċipat ta’ self għal beni immobbli mill-kreditur, il-qorti għandha tistabbilixxi b’mod partikolari sa fejn din il-klawżola tidderoga mid-dispożizzjonijiet legali li huma applikabbli, jekk teżistix raġuni oġġettiva għall-eżistenza tal-klawżoli u jekk, minkejja l-bidla fil-bilanċ kuntrattwali favur dak li juża l-klawżola, fid-dawl tal-għan tal-klawżola inkwistjoni, il-klawżola ma ġietx stabbilita b’mod li ma toffri l-ebda protezzjoni lill-konsumatur.

c)      Il-klawżola dwar l-interessi moratorji

81.      It-tieni domanda preliminari tirrigwarda klawżola dwar l-interessi moratorji. F’dan il-każ partikolari, il-klawżola 6 tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi d-dispożizzjoni li, jekk ma jħallasx fid-data li fiha l-ħlas isir dovut, dak li jissellef jinkorri awtomatikament, mingħajr il-bżonn li jiġi intimat, interessi moratorji fuq l-ammont prinċipali, bir-rata ta’ 18.75 % fis-sena. Min-naħa l-oħra, l-interessi ordinarji tas-self jitħallsu inizjalment bir-rata nominali ta’ 4.87 %.

82.      Fir-rigward tal-approċċ ġenerali tal-evalwazzjoni legali dwar jekk tali dispożizzjoni dwar l-interessi moratorji hijiex klawżola kuntrattwali invalida skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, f’dan l-istadju jista’ jsir riferiment għall-osservazzjonijiet ġenerali li saru hawn fuq (21).

83.      Qabel kollox, il-qorti nazzjonali għandha tagħmel paragun mar-rati ta’ interessi legali, u mbagħad għandha teżamina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, jekk bidla fir-rata tal-interessi toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur u minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet fil-kuntratt (22).

84.      L-Anness tad-Direttiva 93/13, li jirreferi għalih l-Artikolu 3(3), jipprovdi b’mod espliċitu bħala eżempji ta’ klawżola inġusta taħt il-paragrafu 1(e) klawżoli li jimponu, bħala penali, fuq il-konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu, multa f’ammont sproporzjonalment għoli. Madankollu, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, il-lista li tinsab fl-Anness tagħha hija biss indikazzjoni tal-klawżoli li jistgħu jitqiesu bħala inġusti, u ma hijiex eżawrjenti. Għaldaqstant, in-natura inġusta ta’ klawżola ma tistax tiġi dedotta sempliċement mill-inklużjoni tagħha fl-Anness. Madankollu, l-inklużjoni tagħha tikkostitwixxi fattur essenzjali li fuqu tista’ tibbaża ruħha l-qorti fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta tal-klawżola (23).

85.      Fl-eżami konkret jista’ jkun rilevanti li jiġi stabbilit liema interessi moratorji ġeneralment jiġu miftiehma f’self ipotekarju. Għalkemm il-liġi Spanjola applikabbli għal self ieħor konkluż mal-konsumatur tipprevedi limitu tar-rata tal-interessi moratorji għal 2.5 drabi r-rata tal-interessi legali, kif tosserva l-Kummissjoni, dan jista’ jkun indikazzjoni ta’ eventwali żbilanċ, l-istess bħal ma huwa l-fatt li l-ispejjeż ta’ finanzjament sostnuti mill-banek u mill-banek ta’ tifdil għal self ipotekarju huma ġeneralment ħafna inqas minn dawk f’self personali ieħor konkluż mal-konsumatur minħabba l-garanzija mogħtija.

86.      Fl-evalwazzjoni li għandha ssir għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-għanijiet leġittimi tar-rati ta’ interessi moratorji taħt id-dritt nazzjonali, jekk dawn ir-rati pereżempju jirrappreżentawx biss kumpens moratorju fil-forma ta’ somma f’daqqa jew jekk għandhomx iservu ukoll sabiex il-parti fil-kuntratt tiġi mħajra tosservah. L-għanijiet leġittimi segwiti permezz tal-interessi moratorji jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, l-għan tad-Direttiva 93/13 ma huwiex li jarmonizza d-differenzi bejn il-kulturi ġuridiċi nazzjonali.

87.      Fil-każ li l-interessi moratorji huma sempliċement intiżi sabiex jikkumpensaw id-dewmien fil-forma ta’ somma f’daqqa, ir-rata tal-interessi moratorji tkun sporzjonalment għolja meta taqbeż sew id-dannu konkret li għandu jitqies li ġie kkawżat minħabba d-dewmien fil-ħlas. Madankollu huwa ċar li rata għolja ta’ interessi moratorji tħajjar lid-debitur sabiex ma jonqosx mill-obbligi kuntrattwali tiegħu u sabiex jagħmel tajjeb malajr għan-nuqqas li diġà seħħ. Jekk skont id-dritt nazzjonali l-interessi moratorji jservu sabiex jiġi osservat il-kuntratt u b’hekk sabiex tinżamma id-dixxipplina fir-rigward tal-ħlas, huma għandhom jiġu kklassifikati bħala inġusti biss meta jkunu ħafna ogħla minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

88.      Għaldaqstant, bħala konklużjoni provviżorja għandu jingħad li, fir-rigward ta’ klawżola dwar interessi moratorji, il-qorti għandha teżamina b’mod partikolari sa fejn ir-rata tal-interessi moratorji tiddevja mir-rata tal-interessi legali applikabbli f’każijiet oħra u jekk hijiex sproporzjonata meta mqabbla mal-għan li għandu jintlaħaq permezz tal-interessi moratorji.

d)      Il-klawżola dwar l-istabbiliment unilaterali tas-somma dovuta

89.      Fl-aħħar nett, it-tieni domanda preliminari hija intiża sabiex jiġi ċċarat il-kunċett ta’ sproporzjon fid-dawl tal-klawżola 15 tal-kundizzjonijiet kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din tistabbilixxi li, għall-finijiet tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, dak li jagħti s-self jista’ jistabbilixxi b’mod unilaterali l-ammont tad-dejn dovut u għaldaqstant jista’ joħloq unilateralment kundizzjoni essenzjali għat-twettiq tal-proċedura ssemplifikata ta’ eżekuzzjoni ipotekarja. Sabiex tispjega l-kuntest ġuridiku ta’ din il-klawżola, il-qorti tar-rinviju ssostni li d-debitur ma għandux l-possibbiltà li, fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni, iressaq motivi ta’ oppożizzjoni kontra dan l-istabbiliment tal-ammont iżda għandu jagħmel dan fi proċedura separata dwar il-mertu. Madankollu, il-proċedura dwar il-mertu ma tostakolax it-tkomplija tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, u għaldaqstant id-debitur ikun diġà tilef il-proprjetà ipotekata meta tiġi deċiża l-proċedura dwar il-mertu.

90.      F’dan ir-rigward ukoll, hija l-qorti nazzjonali li għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha tal-każ fid-deċiżjoni tagħha. Madankollu, għal dan il-għan, il-kriterji li ġejjin huma applikabbli:

91.      Il-punt inizjali għandu għal darba oħra jkun il-kwistjoni dwar kif tkun tidher is-sitwazzjoni legali – hawnhekk il-proċedura ta’ eżekuzzjoni – li kieku l-kuntratt ma kienx jinkludi l-klawżola inkwistjoni.

92.      F’dan ir-rigward, nifhem l-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju kif ukoll dawk tal-partijiet fis-sens li, mingħajr tali klawżola, il-bank li jagħti s-self ikollu jibda billi jiftaħ kawża kontra dak li jissellef sabiex jiġi stabbilit l-ammont li jkun għadu dovut lilu, u b’hekk ikun jista’ jipprova, fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni, l-ammont konkretament dovut. L-istabbiliment unilaterali tal-ammont minn dak li jagħti s-self jirrendi superfluwa din il-proċedura preċedenti. Għaldaqstant, dak li jissellef ma għandux il-possibbiltà li jikkontesta l-ammont tal-kreditu li għandu jiġi rkuprat qabel l-eżekuzzjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tispjega, b’mod konsistenti mal-pożizzjoni tal-partijiet fil-proċedura, li l-istabbiliment unilaterali tal-ammont ma għandu l-ebda effett vinkolanti bejn il-partijiet, u li għaldaqstant dan l-ammont jista’ jiġi kkontestat mid-debitur fi proċedura dwar il-mertu sussegwenti. B’dan il-mod, id-debitur ma jbati l-ebda żvantaġġ li jirriżulta minn dan, lanqas fir-rigward tal-oneru ta’ prova.

93.      Bit-tnaqqis tal-protezzjoni legali qabel l-eżekuzzjoni, li jirriżulta mill-klawżola, id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali jinbidlu għad-detriment tal-konsumatur. Madankollu, dan ma jimplikax neċessarjament, bi ksur tar-rekwiżit ta’ bona fide, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali, għad-detriment tal-konsumatur. Dan għandu jiġi stabbilit b’mod definittiv permezz ta’ evalwazzjoni globali tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi li l-klawżola toħloq għaż-żewġ partijiet fil-kuntratt.

94.      Għall-bank li jagħti s-self, il-klawżola inkwistjoni tfisser li l-ipoteka li sservi bħala garanzija tista’ tiġi eżegwita b’mod eħfef u iktar malajr. Dan iżid – anki fl-interess ekonomiku tad-debitur – il-valur tal-garanzija mogħtija minnu. Bil-maqlub, id-debitur/konsumatur huwa espost għar-riskju li jitlef il-garanzija qabel ma jiġi stabbilit l-ammont li l-bank li jagħti s-self jista’ jieħu permezz tal-garanzija.

95.      Il-qorti nazzjonali għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha bbażata fuq l-evalwazzjoni globali billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti l-oħra tal-każ speċifiku. Dawn jinkludu l-kwistjoni dwar jekk id-debitur jistax iressaq motivi ta’ oppożizzjoni diġà fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Il-kliem tal-Artikolu 695(1) tal-LEC donnu jindika dan. Għandu wkoll jitqies kif il-proċedura ta’ stabbiliment unilaterali tal-ammont hija organizzata, liema huma s-setgħat ta’ stħarriġ li għandu n-nutar imqabbad għal dan il-għan, u kif għandu jiġi evalwat il-fatt li, kif sostna l-Gvern Spanjol, huma biss il-banek u l-banek ta’ tifdil suġġetti għal superviżjoni mill-Istat li huma intitolati jużaw il-klawżola inkwistjoni.

96.      Bħala konklużjoni provviżorja, għandu jingħad li, fir-rigward ta’ klawżola dwar l-istabbiliment uniltaerali tal-ammont dovut, għandhom jitqiesu, b’mod partikolari, l-effetti ta’ tali klawżola fil-liġi proċedurali nazzjonali.

V –    Konklużjoni

97.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

“1.       Sistema ta’ eżekuzzjoni ta’ titoli notarili fuq beni ipotekati jew rahan, fejn il-motivi ta’ oppożizzjoni possibbli kontra l-eżekuzzjoni huma limitati, tikser id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal‑konsumatur, meta l-konsumatur ma jkunx jista’ jikseb, la fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni nfisha, u lanqas fi proċedura legali separata, protezzjoni legali effettiva li tirrispetta d-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13, pereżempju billi l-qorti tkun tista’ tissospendi b’mod provviżorju l-eżekuzzjoni.

2.       Hija l-qorti nazzjonali li għandha, skont l-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 93/13, tiddeċiedi dwar in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratti konklużi mal-konsumatur.

a)       Fir-rigward ta’ klawżola ta’ ħlas antiċipat ta’ self għal beni immobbli mill-kreditur, il-qorti għandha tistabbilixxi b’mod partikolari sa fejn din il-klawżola tidderoga mid-dispożizzjonijiet legali li huma applikabbli, jekk teżistix raġuni oġġettiva għall-eżistenza tal-klawżola u jekk, minkejja l-bidla fil-bilanċ kuntrattwali favur dak li juża l-klawżola, fid-dawl tal-għan tal-klawżola inkwistjoni, il-klawżola ma ġietx stabbilita b’mod li ma toffri l-ebda protezzjoni lill-konsumatur.

b)       Fir-rigward ta’ klawżola dwar interessi moratorji, il-qorti għandha teżamina b’mod partikolari sa fejn ir-rata tal-interessi moratorji tiddevja mir-rata tal-interessi legali applikabbli f’każijiet oħra u jekk hijiex sproporzjonata meta mqabbla mal-għan li għandu jintlaħaq permezz tal-interessi moratorji.

c)       Fir-rigward ta’ klawżola dwar l-istabbiliment uniltaerali tal-ammont dovut, għandhom jitqiesu, b’mod partikolari, l-effetti ta’ tali klawżola fil-liġi proċedurali nazzjonali.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, li sadattant ġiet emendata bid-Direttiva 2011/83/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, ĠU L 34, p. 64, li madankollu ma introduċiet l-ebda bidla fid-Direttiva li hija rilevanti għal dan il-każ (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13”).


3 – Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (iktar ’il quddiem, il-“LEC”).


4 – Iktar ’il quddiem il-“Bank”.


5 – Sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, Ġabra p. I‑4941, punt 25); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, Ġabra p. I‑10421, punt 25); tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, Ġabra p. I‑9579, punt 29), u tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).


6 – Sentenzi Mostaza Claro (iċċitata iktar ’il fuq, punt 36); Asturcom (iċċitata iktar ’il fuq, punt 30), kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, Ġabra p. I‑10847, punt 47), u tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C‑453/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28).


7 – Sentenza Banco Español de Crédito (iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Sentenza Banco Español de Crédito (iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).


9 – Ara s-sentenza Banco Español de Crédito (iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).


10 – Sentenza Banco Español de Crédito (iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 – Sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, Ġabra p. I‑2213, punt 48).


12 – Sentenzi Asturcom (iċċitata iktar ’il fuq, punt 39) u Banco Español de Crédito (iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).


13 – Sentenza Banco Español de Crédito Banco Espagnol (iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).


14 – Sentenza Banco Español de Crédito Espagnol (iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 55).


15 – Minn tal-inqas fil-każijiet fejn il-qorti fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji f’dan ir-rigward, ara s-sentenza Banco Español de Crédito (iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).


16–      Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, Ġabra p. I‑4713, punt 37).


17 – Sentenzi VB Pénzügyi Lízing (iċċitata iktar ’il fuq, punt 44), u tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22).


18–      Sentenza Invitel (iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).


19–      Ara s-sentenzi Pannon GSM (iċċitata iktar ’il fuq, punt 42); Mostaza Claro (iċċitata iktar ’il fuq, punt 22), u VB Pénzügyi Lízing (iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 44).


20–      Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, Ġabra p. I-4785, punt 33), u VB Pénzügyi Lízing (iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).


21 –      Ara l-punti 64 sa 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22 – Fil-Kawża Banco Espagnol, il-qorti Spanjola naqqset ex officio għal 19 % rata ta’ interessi miftiehma b’kuntratt ta’ 29 %, fid-dawl tar-rata ta’ interessi legali u tal-interessi moratorji skont id-dispożizzjonijiet tal-baġit għas-snin 1990 sa 2008.


23–      Sentenza Invitel (iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).