Language of document : ECLI:EU:T:2016:360

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

30 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Rikors għal annullament – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi adottati fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni tal-isem tar-rikorrent – Terminu għall-preżentata tar-rikors – Ammissibbiltà – Prova tal-fondatezza tal-inklużjoni fil-lista – Rikors manifestament fondat”

Fil-Kawża T-494/14,

Oleksandr Klymenko, li jirrisjedi f’Kiev (Ukraina), irrappreżentat minn M. Shaw, QC, u I. Quirk, barrister,

rikorrent,

kontra

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro u J.-P. Hix, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK, tal-14 ta’ April 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 381/2014, tal-14 ta’ April 2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 1), huma annullati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn G. Berardis (Relatur), President, O. Czúcz u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

jagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina.

2        Ir-rikorrent, Oleksandr Klymenko, kien jokkupa l-karig ta’ Ministru tad-Dħul u t-Taxxi tal-Ukraina.

3        Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26).

4        L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/119 jipprevedi dan li ġej:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-[approprjazzjoni indebita] ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.”

5        Il-modalitajiet tal-miżuri restrittivi inkwistjoni huma ddefiniti fil-paragrafi segwenti tal-istess artikolu.

6        Fl-istess data, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi kontra ċerti persuni, ċerti entitajiet u ċerti korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p 1).

7        Skont id-Deċiżjoni 2014/119, ir-Regolament Nru 20/2014 jimponi l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u jiddefinixxi l-modalitajiet tal-imsemmija miżuri restrittivi f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk tal-imsemmija deċiżjoni.

8        L-ismijiet tal-persuni indirizzati mid-Deċiżjoni 2014/119 u mir-Regolament Nru 208/2014 jidhru fil-lista li tinsab fl-Anness tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Anness I tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem il-“lista”) flimkien, b’mod partikolari, mal-motivazzjni tal-inklużjoni tagħhom. Inizjalment, isem ir-rikorrent ma kienx jidher f’din il-lista.

9        Fis-6 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li huma suġġetti għal miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119 u fir-Regolament Nru 208/2012 (ĠU C 66, p. 1). Skont dan l-avviż, il-“persuni kkonċernati jistgħu jibagħtu talba lill-Kunsill flimkien ma’ dokumentazzjoni ta’ sostenn, biex id-deċiżjoni li huma jiġu inklużi fil-lista […] terġa’ tiġi kkunsidrata [...]”. L-Avviż jiġbed ukoll l-attenzjoni tal-persuni kkonċernati “għall-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali [...], f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 275(2) [TFUE] u l-Artikolu 263(4) u (6) [TFUE]”.

10      Id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014 kienu sussegwentement emendati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK tal-14 ta’ April 2014 li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK (ĠU 2014, L 111, p. 91) u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 381/2014 tal‑14 ta’ April 2014 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 (ĠU 2014, L 111, p. 33).

11      Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/216 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 381/2014, isem ir-rikorrent żdied fil-lista, bl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “ex Ministru tad-[D]ħul u tat-[T]axxi” u r-raġuni segwenti:

“Persuna soġġetta għal investigazzjoni fl-Ukraina dwar involviment f’reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina.”

12      Fil-15 ta’ April 2014, il-Kunsill ippubblika Avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, essenzjalment, identiku għal dak li kien ippubblika fis-6 ta’ Marzu 2014 (punt 9 iktar ’il fuq ) li huma indirizzati lill-persuni li suġġetti għal miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2014/119, implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/216, u bir-Regolament Nru 208/2014, implementat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 381/2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina.

13      Id-Deċiżjoni 2014/119 ġiet emendata wkoll bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/143, tad-29 ta’ Jannar 2015, li temenda d-deċiżjoni kkontestata (ĠU 2015, L 24, p. 16), li daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2015. Fir-rigward tal-kriterji għall-għażla tal-persuni li huma s-suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, mill-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar jirriżulta li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 huwa ssostitwit bis-segwenti:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-[approprjazzjoni indebita] ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-[approprjazzjoni indebita] ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

a)      għall-[approprjazzjoni indebita] ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali [approprjazzjoni indebita]; jew

b)      għall-abbuż tal-uffiċju bħala detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza, u li b’hekk jikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali abbuż.”

14      Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/138, tad-29 ta’ Jannar 2015, li jemenda r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015,L 24, p. 1), emenda lil dan tal-aħħar skont id-Deċiżjoni 2015/143.

15      Id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014 kienu sussegwentement emendati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364, tal-5 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 62, p. 25), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal-5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 62, p. 1). Id-Deċiżjoni 2015/364 emendat l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119, billi estendiet il-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrenti, sas-6 ta’ Marzu 2016. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2015/357 għalhekk issostitwixxa l-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014.

16      Permezz ta’ dawn l-atti, isem ir-rikorrent inżamm fil-lista, flimkien mal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “ex ministru tad-[D]ħul u tat-[T]axxi” u r-raġuni ġdida segwenti:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi u għall-abbuż tal-uffiċċju bħala persuna b’kariga pubblika sabiex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih innifsu jew għal terza parti u li b’hekk ikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi Ukreni.”

17      Id-Deċiżjoni 2015/364 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 2015/357 huma s-suġġett għal rikors ġdid, ippreżentat mir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Mejju 2015 (Kawża T‑245/15, Klymenko vs Il‑Kunsill).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

19      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrent talab li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, b’mod konformi mal-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991. Il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din it-talba. B’deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2014, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa.

20      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Novembru 2014, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

21      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tas-7 ta’ Jannar 2015, l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

22      Fl-24 ta’ Frar 2015, il-Kunsill ippreżenta talba motivata, konformement mal-Artikolu 18(4) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, maħsuba sabiex il-kontenut ta’ anness tal-kontroreplika ma jiġix iċċitat fid-dokumenti marbuta ma’ din il-kawża li għandu aċċess għalihom il-pubbliku.

23      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2015, ir-rikorrent talab miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża li jikseb dokumenti li l-Kunsill għadu ma ppreżenatax fil-proċess. Fl-4 ta’ Mejju 2015, il-Kunsill ippreżenta d-dokumenti mitluba mir-rikorrent u ppreżenta talba motivata, konformement mal-Artikolu 18(4) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, maħsuba sabiex il-kontenut tagħhom ma jiġix iċċitat fid-dokumenti marbuta ma’ din il-kawża li għandu aċċess għalihom il-pubbliku.

24      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Novembru 2015, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali talab lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali f’dan il-każ, fid-dawl tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il-Kunsill (T‑290/14, EU:T:2015:806) li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annulla d-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014, peress li jirrigwardaw lir-rikorrent fl-imsemmija kawża. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-termini imposti.

25      Ir-rikorrent jitlob essenzjalment lill-Qorti Ġenerali li jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tannulla d-Deċiżjoni 2014/216 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 381/2014 sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

26      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        sussidjarjament, f’każ ta’ annullament, tiddikjara li l-effetti tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/216, jinżammu f’dak li jirrigwarda r-rikorrent sad-dħul fis-seħħ tal-annullament parzjali tar-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 381/2014;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

27      Skont l-Artikolu 132 tar-Regoli ta’ Proċedura, Meta l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jkunu diġà ddeċidew dwar punt jew diversi punti ta’ liġi identiċi għal dawk imqajma fil-motivi tar-rikors u meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-fatti huma stabbiliti, hija tista’, wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, wara li jinstemgħu l-partijiet, tiddeċiedi li tiddikjara r-rikors manifestament fondat permezz ta’ digriet motivat li jinkludi riferimenti għall-ġurisprudenza rilevanti.

28      F’dan il-każ, il-Kunsill ippreżenta, permezz ta’ att separat, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li, għalkemm ġiet magħquda mal-mertu, tibqa’ suġġett għall-Qorti Ġenerali. Billi din tal-aħħar, tqis ruħha suffiċjentement informata bid-dokumenti tal-proċess, tagħżel li tiddeċiedi mingħajr ma tkompli l-proċedura.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kunsill

29      Il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors kontra d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/216 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 381/2014 minħabba li ġie ppreżentat barra t-terminu. B’mod iktar partikolari, billi jitfakkar il-kliem tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u billi jsir riferiment għas-sentenza tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258), il-Kunsill isostni li t-terminu ta’ rikors ta’ xahrejn beda jiddekorri mill-kommunikazzjoni lir-rikorrent tad-deċiżjoni li ismu jiġi inkluż fil-lista, peress li l-Kunsill ma kienx jaf l-indirizz tar-rikorrent din il-kommunikazzjoni twettqet permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

30      F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-Artikolu 102(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991, skont liema t-terminu jibda jiddekorri mit-tmiem tal-erbatax-il jum wara l-pubblikazzjoni tal-att, japplika biss meta t-terminu ta’ rikors kontra att jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tal-imsemmi att, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Barra minn hekk, jirriżulta mis-sentenza tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill, (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258), li, meta miżura tkun ġiet ikkomunikata lill-persuni u entitajiet ikkonċernati permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dawn il-persuni jew entitajiet ma jistgħux jinvokaw l-imsemmija pubblikazzjoni sabiex jirritardaw il-punt ta’ tluq tat-terminu tar-rikors.

31      Għaldaqstant, f’dan il-każ it-terminu ta’ rikors ta’ xahrejn previst fis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biż-żieda ta’ terminu għal raġunijiet ta’ distanza ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 102(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, skada fil-25 ta’ Ġunju 2014. Dan ir-rikors, ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2014, huwa għalhekk inammissibbli.

32      Ir-rikorrent jikkontesta l-argument tal-Kunsill u jargumenta li r-rikors ma huwiex tardiv.

33      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, jew minn-notifika lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta dan ikun sar jaf bih.

34      Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li l-awtorità tal-Unjoni Ewropea li tadotta miżuri restrittivi individwali fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità, bħal fil-każ inkwistjoni, għandha tikkomunika r-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati dawn il-miżuri, sa fejn ikun possibbli, jew fil-mument meta jiġu adottati dawn il-miżuri jew, minn tal-inqas, mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni tagħhom, sabiex dawn il-persuni jew entitajiet ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ rikors tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, C‑548/09 P, p. I‑735, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Din is-sitwazzjoni tirriżulta min-natura partikolari tal-atti li jimponu miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità, li fl-istess ħin jikkostitwixxu kemm atti ta’ portata ġenerali, sa fejn jipprojbixxu, lil kategorija ta’ destinatarji ddeterminati b’mod ġenerali u astratt, b’mod partikolari, milli jqiegħdu fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom ikun jinsab fil-listi li jinsabu fl-annessi tagħhom, u kif ukoll sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta’ dawn il-persuni u entitajiet (ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill, punt 29 iktar ’il fuq, EU:C:2013:258, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa ikkonkretizzat fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2014/119 u fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 208/2014, li jipprovdu li l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista tal-persuni u entitajiet imsemmija mill-miżuri restrittivi, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, sabiex tali persuna jew entità tingħata l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

37      Għalhekk, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra att li jimponi miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità jibda jiddekorri biss jew mid-data tal-komunikazzjoni individwali ta’ dan l-att lill-persuna kkonċernata, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew mill-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-każ kuntrarju (vara, f’dan is-sens, is-sentenza Gbagbo et vs Il‑Kunsill, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2013:258, punti 59 sa 62).

38      F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li l-Kunsill ma huwiex ħieles li jagħżel arbitrarjament il-metodu ta’ komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu lill-persuni kkonċernati. Fil-fatt mill-punt 61 tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Gbagbo et vs Il‑Kunsill, (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258), jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni tippermetti komunikazzjoni indiretta tal-atti li jimponi miżuri restrittivi permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-każijiet biss fejn huwa impossibbli għall-Kunsill li jipproċedi b’komunikazzjoni individwali. Li jiġi konkluż mod ieħor jippermetti lill-Kunsill li faċilment jaħrab mill-obbligu tiegħu ta’ komunikazzjoni individwali (is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Zanjani vs I‑Kunsill, mhux ippubblikata, EU:T:2014:605, punt 36, Sorinet Commercial Trust Bankers vs Il‑Kunsill, mhux ippubblikata, EU:T:2014:606, punt 38, u Sharif University of Technology vs Il‑Kunsill, mhux ippubblikata, EU:T:2014:607, punt 31).

39      Barra minn dan, il-Kunsill jista’ jitqies li ma kienx impossibbli għalih li jikkomunika individwalment lil persuna fiżika jew ġuridika jew lil entità, att li jinvolvi miżuri restrittivi li jikkonċernawha kemm meta l-indirizz ta’ din il-persuna jew entità ma jkunx pubbliku u ma jkunx ingħatalu, kif ukoll meta l-kommunikazzjoni mibgħuta fl-indirizz li l-Kunsill kellu ma waslitx, minkejja l-isforzi li wettaq, bid-diliġenza kollha mitluba, sabiex iwettaq tali komunikazzjoni (is-sentenza tal-5 ta’ Novembru, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 61).

40      F’dan il-każ, il-Kunsill jiddikjara li ma kienx jaf l-indirizz tar-rikorrent fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/216 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 381/2014, u dan ma huwiex ikkontestat mill-persuna kkonċernata.

41      Peress li l-Kunsill ma għandux għażla oħra għajr li jikkomunika l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent permezz ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, id-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż tikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tat-terminu tar-rikors f’din il-kawża.

42      Fir-rigward tal-kalkolu ta’ dan it-terminu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li meta terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tal-att, dan it-terminu jibda jiddekorri minn tmiem l-erbatax-il ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-att fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, barra minn dan, ma’ dan it-terminu għandu jiżdied terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

43      F’dan il-kuntest, l-argument tal-Kunsill, skont liema l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, ma jistax jintlaqa’.

44      L-ewwel nett, mill-kliem tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 jirriżulta li ż-żieda tat-terminu ta’ erbatax-il jum huwa applikabbli għall-atti li għalihom jibda jiddekorri t-terminu mill-pubblikazzjoni tagħhom, dan jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom biss, l-atti li huma suġġetti għal notifika. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi ebda distinzjoni fir-rigward tat-tip tal-att ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, jista’ jiġi konkluż li, sakemm att li jiġi ppubblikat u li d-data tiegħu tikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tat-terminu tar-rikors previst fis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-Artikolu 102(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 japplika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju Zanjani vs Il‑Kunsill, T‑155/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:605, punti 40 u 41, u Sorinet Commercial Trust Bankers vs Il‑Kunsill, T‑157/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:605 punti 42 u 43).

45      Sussegwentement, l-għan tat-terminu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 jikkonsisti f’li jiġi żgurat lill-persuni kkonċernati żmien biżżejjed biex jikkontestaw l-atti ppubblikati u, għalhekk, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif issa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, PPG u SNF/ECHA, C‑625/11 P, EU:C:2013:594, punt 35).

46      Barra dan, għandu jiġi osservat li l-pubblikazzjoni ta’ avviż li jirrigwarda l-inklużjoni ta’ ismijiet u entitajiet li huma suġġetti għal miżuri restrittivi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma tistax jiġi assimilat għal notifika ta’ tali miżuri lill-persuni u l-entitajiet ikkonċernati. Meta att jiġi nnotifikat, jista’ jiġi preżunt li dan ġie mqiegħed għad-dispożizzjoni tad-destinatarju fil-jum tan-notifika. Madankollu, dan ma huwiex il-każ meta l-atti ta’ portata individwali, bħalma huma l-miżuri restrittivi, jiġu kkomunikati indirettament lill-persuni u lill-entitajiet ikkonċernati mill-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Issa, l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 jipprevedi terminu ta’ erbatax-il jum li fi tmiemu jkun jista’ jiġi raġonevolment preżunt li l-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huwa effettivament disponibbli fl-Istati Membri u fl-Istati terzi, kollha. Għaldaqstant, iż-żieda tat-terminu ta’ erbatax-il jum prevista mill-imsemmija dispożizzjoni għandha tapplika għall-atti kollha kkomunikati permezz tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-atti ta’ portata individwali kkomunikati lill-persuni kkonċernati permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Zanjani vs Il‑Kunsill, T‑155/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:605, punti 42 u 43, u Sorinet Commercial Trust Bankers vs Il‑Kunsill, T-157/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:605 punti 44 u 45).

47      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-applikazzjoni tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 jindirizza l-għan tad-dritt tal-persuni kkonċernati għall-kommunikazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tagħhom, jekk ikun il-każ permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Zanjani vs Il‑Kunsill, T‑155/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:605, punt 44, u Sorinet Commercial Trust Bankers Il‑Kunsill, T‑157/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:606, punt 46).

48      Fil-fatt, meta l-indirizzi ta’ persuni jew l-entitajiet indirizzati mill-miżuri restrittivi ma jkunux magħrufa, jew meta jkun impossibbli li dawn il-miżuri jiġu kkommunikati direttament, li tiġi sottomessa l-kommunikazzjoni indiretta ta’ dawn il-miżuri, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, lis-sistema ta’ kalkolu tat-termini applikabbli għan-notifiki individwali, jiċħad lill-persuni kkonċernati ż-żieda tat-terminu ta’ rikors ta’ erbatax-il jum li jiddekorri mill-pubblikazzjoni tal-att, prevista mill-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, minkejja li ma jkunux f’qagħda li jibbenefikaw mill-garanziji li jirriżultaw minn kommunikazzjoni diretta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu ta’ kommunikazzjoni indiretta tal-miżuri restrittivi, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li huwa intiż bħala prinċipju li jipprovdi garanziji addizzjonali lill-persuni kkonċernati, għandu paradossalment l-effett li jqiegħed f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik li tirriżulta mis-sempliċi pubblikazzjoni tal-atti kkontestati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Frar 2014, Syrian Lebanese Commercial Bank vs Il-Kunsill, T‑174/12 u T‑80/13, EU:T:2014:52, punti 65 u 66; tat-3 ta’ Lulju Zanjani vs Il‑Kunsill, T‑155/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:605, punt 45, u Sorinet Commercial Trust Bankers vs Il‑Kunsill, T‑157/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:606, punti 47).

49      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kunsill ma jistax validament jibbaża r-raġunament tiegħu fuq is-sentenza tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il-Kunsill, (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament enfasizzat il-fatt li l-obbligu ta’ komunikazzjoni individwali kien iservi sabiex jiġu protetti aħjar il-partijiet f’kawża. Għalhekk, l-imsemmija sentenza ma tistax tiġi invokata sabiex jiġu ssuġġettati għal trattament inqas favorevoli minn dak li jirriżulta mis-sempliċi pubblikazzjoni tal-atti li fihom miżuri restrittivi fir-rigward tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2014, Syrian Lebanese Commercial Bank vs Il‑Kunsill, T‑174/12 u T‑80/13, EU:T:2014:52, punt 67).

50      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li huwa b’mod żbaljat li l-Kunsill jinvoka argument tas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2014, Al-Tabbaa vs Il‑Kunsill (T‑329/12 u T‑74/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:622), billi jirreferi b’mod partikolari għall-punt 59 tal-imsemmija sentenza. Fil-fatt, f’dan il-punt, qabelxejn jitfakkar li l-atti inkwistjoni ġew ikkommunikati lill-konvenut, minn naħa, permezz ta’ ittra nnotifikata lir-rappreżentanti tiegħu, u min-naħa l-oħra, permezz tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ avviż, peress li dawn iż-żewġ avvenimenti seħħew fl-istess jum. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rikors kontra dawn l-atti ma kienx tardiv peress li kien ġie ppreżentat qabel l-iskadenza tal-iqsar terminu tar-rikors possibbli, jiġifieri t-terminu kkalkolat min-notifika lir-rappreżentant tar-rikorrent. Minn dan jirriżulta li ma kienx neċessarju, f’dan il-każ, li jiġi espost il-kalkolu tat-terminu tar-rikors li jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tal-avviż, li għalih japplika l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

51      Din il-konstatazzjoni tal-aħħar ma hijiex ikkontesta mill-fatt li l-imsemmi punt 59 tas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2014, Al-Tabbaa vs Il‑Kunsill, (T‑329/12 u T‑74/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:622) jispjega li t-terminu ta’ rikors, fiż-żewġ każijiet, jiżdied b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Fil-fatt, minn naħa, din id-dispożizzjoni tapplika independentement min-natura tal-avveniment li jagħti bidu għat-terminu għal preżentata ta’ rikors u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma teskludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, kif isostni l-Kunsill.

52      F’dan il-każ, il-Kunsill ippubblika avviż li jirrigwarda l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ April 2014. It-terminu ta’ xahrejn, miżjud bit-terminu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 102(1) u (2) tar-Regoli ta’ proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 kif ukoll it-terminu ta’ distanza fiss ta’ għaxart ijiem previst fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, skada għaldaqstant fid-9 ta’ Lulju 2014.

53      Peress li dan ir-rikors ġie ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ġie ppreżentat fit-terminu legali, b’tali mod li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

54      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvokaw erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-provi. It-tielet motiv huwa maqsum fi tliet partijiet, rispettivament, in-nuqqas ta’ motivazzjoni, in-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif ukoll l-użu ħażin ta’ poter. Fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tal-proprjetà u tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

55      Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina mill-bidu nett it-tieni motiv u t-tieni parti tat-tielet motiv, flimkien, insostenn ta’ liema ir-rikorrent, isostni, essenzjalment, li l-adozzjoni ta’ miżuri fir-rigward tiegħu twettqu fl-assenza ta’ bażi fattwali soda biżżejjed.

56      Fil-fatt, it-tieni motiv u t-tieni parti tat-tielet motiv iqajmu l-kwistjoni ta’ dritt identiku għal dak li fuqu l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet fis-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, (T‑290/14, EU:T:2015:806), u tat-28 ta’ Jannar 2016, Azarov vs Il‑Kunsill (T‑331/14, EU:T:2016:49), Azarov Il-Kunsill (T‑332/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:48), Klyuyev Il-Kunsill (T‑341/14, EU:T:2016:47), Arbuzov Il-Kunsill (T‑434/14, EU:T:2016:46) u Stavytskyi vs Il‑Kunsill (T‑486/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:45) li saru definittivi u li jgawdu l-awtorità assoluta ta’ res judicata.

57      F’dan il-każ, ir-rikorrent isostni li ma huwiex stabbilit li huwa responsabbli ta’ approprjazzjoni indebita ta’ fondi pubbliċi jew li kien relatat ma’ persuna identifikata bħala tali, jew li huwa kien suġġett ta’ investigazzjoni. Fil-fehma tiegħu, l-ebda prova fil-proċess ma tindika l-informazzjoni fattwali rilevanti li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill. Barra minn hekk, inkunsiderazzjoni tal-fatt li, skont il-ġurisprudenza, id-drittijiet tad-difiża ma jiħtiġux il-komunikazzjoni tal-provi minn qabel il-miżuri ta’ iffriżar tal-proprjetà, l-eżistenza jew in-natura suffiċjenti tal-provi għandha tkun suġġetta għal verifika stretta mill-qorti tal-Unjoni.

58      Peress li, fir-risposta ittieħdet konjizzjoni tal-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, tas-7 ta’ Marzu 2014 (iktar ’il quddiem l-“ittra tas-7 ta’ Marzu 2014”), ir-rikorrent isostni li din tikkostitwixxi l-uniku prova li teżisti li fuqha l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu meta ddeċieda li jinkludi ismu fil-lista u li l-imsemmija ittra ma tikkostitwixxix bażi fattwali soda biżżejjed. barra minn hekk, il-ksur li tirreferi għalih l-ittra tas-7 ta’ Marzu 2014, jiġifieri l-abbuż ta’ poter, ma jsostnix ir-raġuni mressqa sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, peress li, skont il-Kodiċi Kriminali Ukrain, l-approprjazzjoni indebita ta’ fondi huwa reat distint. Il-Kunsill kien naqas milli juri l-eżistenza ta’ provi konkreti jew ta’ bażi fattwali soda biżżejjed, kif teżiġi wkoll il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni, li tiġġustifika l-inklużjoni ta’ isem tar-rikorrent fil-lista. il-fatt li l-ittra tas-7 ta’ Marzu 2014 tindika, f’linja waħda, li r-rikorrent kien suġġett għal proċedura għal “abbuż ta’ poter” ma hijiex biżżejjed. Fil-fatt, il-Kunsill huwa obbligat li juri li kien f’qagħda li jivverifika li l-proċedura mibdija mill-awtoritajiet Ukraini kienet serja.

59      Il-Kunsill isostni li r-raġunijiet tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista għandhom bażi fattwali soda. Fil-fatt, dawn ir-raġunijiet huma bbażati fuq l-ittra tat-7 ta’ Marzu 2014, li tindika li r-rikorrent kien suġġett għal investigazzjonijiet li kellhom bħala suġġett il-parteċipazzjoni, fir-reati relatati mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi pubbliċi u mat-trasferiment illegali tagħhom barra mill-Ukraina, li jikkorrispondi mal-motivazzjoni dwar ir-rikorrent fid-Deċiżjoni 2014/216 u fir-Regolament Nru 381/2014. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jippreċiża li n-neċessità li jiġu prodotti provi konkreti ma tistax tiġi estiża għan-neċessità li tiġi stabbilita l-veraċità ta’ reati li l-awtoritajiet Ukarini jissuspettaw li r-rikorrent wettaq. Fil-fatt, kien ikun biżżejjed li l-Kunsill jipprovdi provi li juru l-eżistenza ta’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw appropropjazzjoni indebita preżunta ta’ fondi li jappartjenu lill-Istat Ukrain, dak għandu jiġi stabbilit mill-awtoritajiet ġudizzjarji Ukraini. F’dan ir-rigward, barra minn hekk, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-proċeduri kriminali (inklużi l-investigazzjonijiet) li għaddejjin fl-Ukraina, li fil-kuntest tagħhom ir-rikorrent ikun f’pożizzjoni li jiddefendi ruħu skont ir-regoli tal-proċedura kriminali Ukrena, u, min-naħa l-oħra, il-miżuri temporanji u preventivi li jiffriżaw l-assi tiegħu fil-livell tal-Unjoni, li għall-adozzjoni tagħhom il-Kunsill ma jkunx meħtieġ li jipprovdi provi tar-reati li fir-rigward tagħhom ir-rikorrent huwa suġġett għall-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq is-sempliċi eżistenza ta’ investigazzjoni li għaddejja meta ddeċieda li jimponi miżuri restrittivi.

60      Fil-kontroreplika, il-Kunsill isostni li, kuntrarjament għal dak li jallega r-rikorrent, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/216 u tar-Regolament Nru 381/2014, huwa ħa inkunsiderazzjoni tliet elementi, jiġifieri l-kuntest speċifiku tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-ġustifikazzjoni li tikkostitwixxi l-ittra tas-7 ta’ Marzu 2014 u [kunfidenzjali] (1). Għaldaqstant, il-Kunsill ipprovda preċiżazzjonijiet suffiċjenti li jirrigwardaw il-bażi fattwali tal-atti kkontestati u għaldaqstant ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni.

61      Madankollu, kif tfakkar fil-punt 38 tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, (T‑290/14, EU:T:2015:806), għalkemm il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa rigward il-kriterji ġenerali li għandhom jitqiesu għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju żgurat permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi li, taħt l-istħarriġ tal-legalità tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li tinkludi jew li żżomm l-isem ta’ persuna speċifika fuq lista ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni trid tiżgura li din id-deċiżjoni, li hija ta’ importanza individwali għal din il-persuna, hija bbażata fuq bażi fattwali soda biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-verosimiljanzja b’mod astratt tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom jitqies suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti b’mod suffiċjentement preċiż u konkret (ara s-sentenza tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punti 41 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, (T‑290/14, EU:T:2015:806), f’dan il-każ, il-kriterju previst mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 jipprovdi li miżuri restrittivi għandhom jiġu adottati fir-rigward ta’ persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għal atti ta’ approproprjazzjoni indebita ta’ fondi pubbliċi. Barra minn hekk, mill-premessa 2 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-Kunsill adotta dawn il-miżuri “bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-istat tad-dritt [...] fl-Ukraina”.

63      L-isem tar-rikorrent ġie inkluż fil-lista minħabba li kien “[p]ersuna soġġetta għal proċeduri kriminali fl-Ukraina dwar investigazzjoni ta’ reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina”. Minn dan jirriżulta li l-Kunsill ikkunsidra li r-rikorrent kien is-suġġett ta’ investigazzjoni jew ta’ investigazzjoni preliminari, li ma kinitx waslet (jew li kienet għadha ma waslitx) għal akkuża formali, minħabba l-involviment allegat tiegħu f’atti ta’ approprjazzjoni indebita ta’ fondi pubbliċi.

64      Bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il-Kunsill, (T‑290/14, EU:T:2015:806, punt 41), insostenn tar-raġuni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, il-Kunsill jinvoka l-ittra tal-uffiċċju tal-prosekuratur Ġenerali tal-Ukraina mibgħuta lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, f’dan il-każ l-ittra tas-7 ta’ Marzu 2014 (ara l-punt 58 iktar ’il fuq), kif ukoll provi oħra sussegwenti għad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/216 u r-regolament ta’ Implementazzjoni Nru 381/2014.

65      L-ittra tas-7 ta’ Marzu 2014 tindika li “[l]-aġenziji ta’ infurzar Ukreni” wettqu għadd ta’ proċeduri kriminali sabiex jinvestigaw reati kommessi minn ex-uffiċjali għolja”. L-isem tar-rikorrent huwa fil-lista eżatt wara l-indikazzjoni ta’ reat li huwa ssusspettat li wettaq sont il-Kodiċi Kriminali Ukren (f’dan il-każ, abbuż ta’ poter li jwassal għal konsegwenzi serji). L-ittra tispeċifika wkoll “[l-]investigazzjoni tar-reati ċċitati hawn fuq jivverifikaw il-fatti dwar l-appropropjazzjoni indebita ta’ fondi pubbliċi f’ammonti kbar u t-trasferiment illegali sussegwenti ta’ fondi barra t-territorju tal-Ukraina”.

66      Ma huwiex ikkontestat li fuq din il-bażi biss ir-rikorrent ġie identifikat “bħala responsabbli għall-[approprjazzjoni indebita] ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119.

67      Fil-fatt, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, (T‑290/14, EU:T:2015:806, punt 42), l-ittra tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina, f’dan il-każ, dik datata 7 ta’ Marzu 2014 hija, fost il-provi ppreżentati mill-Kunsill matul din l-istanza, l-unika li hija preċedenti għad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/216 u għar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 381/2014.

68      Madankollu, b’analoġija ma’ dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, (T‑290/14, EU:T:2015:806, punti 43 u 44), għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja li ġejja minn qorti għolja ta’ pajjiż terz, din l-ittra fiha biss stqarrija ġenerali u ġenerika, li torbot l-isem tar-rikorrent, flimkien ma’ dawk ta’ ex-uffiċjali għolja oħra, ma’ investigazzjoni li, essenzjalment, kienet allegatament stabbilixxiet atti ta’ approprjazzjoni indebita ta’ fondi pubbliċi. Fil-fatt, minkejja li l-ittra tindika r-reat li r-rikorrent ġie ssuspettat li wettaq skont il-Kodiċi Kriminali Ukren, jiġifieri abbuż ta’ poter issanzjonat mill-Artikolu 364(2) tal-imsmemi Kodiċi, l-ittra tas-7 ta’ Marzu 2014 ma tipprovdi ebda preċiżazzjoni fuq l-istabbiliment tal-fatti li l-investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Ukreni kienet fil-proċess li tivverifika u, wisq inqas, fuq ir-responsabbiltà individwali, anki jekk biss kif allegat, tar-rikorrent fir-rigward tagħhom (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar, Azarov vs Il‑Kunsill, T‑434/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:48, punt 39 u Stavytskyi vs Il‑Kunsill, T‑486/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:45, punt 44).

69      Għandu jiġi rrilevat wkoll li, kuntrarjament għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T-256/11, EU:T:2014:93, punti 57 sa 61), ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il‑Kunsill (C‑220/14 P, EU:C:2015:147), invokati mill-Kunsill, f’dan il-każ, minn naħa dan ma għandux għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni li tirrigwarda l-fatti u l-aġir speċifiku allegat kontra r-rikorrent mill-awtoritajiet Ukreni u, min-naħa l-oħra, l-ittra tas-7 ta’ Marzu 2014, anki jekk tiġi eżaminata fil-kuntest tagħha, ma tistax tikkostitwixxi bażi fattwali soda biżżejjed kif definit fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq sabiex l-isem tar-rikorrent jiġi inkluż fuq il-lista għaliex kien identifikat “bħala responsabbli” ta’ approprjazzjoni indebita ta’ fondi pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, T‑290/14, EU:T:2015:806, punti 46 sa 48).

70      Irrispettivament mill-istadju li fih kienet tinsab il-proċedura li tagħha r-rikorrent kien is-suġġett, il-Kunsill ma setax jadotta miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu mingħajr ma kien jaf l-atti ta’ approprjazzjoni indebita ta’ fondi pubbliċi li kien qed jiġi speċifikament akkużat bihom mill-awtoritajiet Ukreni. Fil-fatt, huwa biss billi jkun konxju ta’ dawn il-fatti li l-Kunsill kien ikun f’pożizzjoni li jistabbilixxi li dawn fatti, minn naħa, setgħu jiġu kklassifikati bħala approproprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat Ukrain u, min-naħa l-oħra li jikkontestaw l-istat tad-dritt fl-Ukraina, li t-tisħiħ u s-sostenn tiegħu jikkostitwixxu, kif tfakkar fil-punt 62 iktar ’il fuq, l-għan segwit mill-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2016, Arbuzov vs Il‑Kunsill, T‑434/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:46, punt 55, u Stavytskyi vs Il‑Kunsill, T‑486/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:45, punt 48).

71      Barra minn hekk, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha l-obbligu, fil-każ ta’ kontestazzjoni, li tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, T‑290/14, EU:T:2015:806, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż, li bħalma l-Qorti Ġenerali ddeċiediet fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il-Kunsill, (T‑290/14, EU:T:2015:806, punt 50), l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista ma tosservax il-kriterji għall-għażla tal-persuni li huma s-suġġett tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, stabbiliti mid-deċiżjoni kkontestata.

73      Minn dan isegwi li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat manifestament infondat, skont l-Artikolu 132 tar-regoli tal-Proċedura.

74      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tal-Kunsill, imqajma b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali (ara punt 24 iktar ’il fuq) u intiżi li jikkontestaw l-applikazzjoni f’dan il-każ ta’ dan l-artikolu.

75      L-ewwel nett, il-Kunsill isostni li, fis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, (T‑290/14, EU:T:2015:806),, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-ittra tal-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina tikkostitwixxi bażi fattwali soda biżżejjed sabiex tinkludi isem A. Portnov fil-lista minħabba li ġie identifikat bħala responsabbli ta’ approprjazzjoni indebita ta’ fondi pubbliċi, billi, f’dan il-każ il-Kunsill ibbaża ruħu wkoll [kunfidenzjali]. Konsegwentement, il-fatti u l-kwistjoni ta’ dritt eżaminati fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, (T‑290/14, EU:T:2015:806), u f’din il-kawża huma differenti. it-tieni nett, il-Kunsill jfakkar li qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u ġiet magħquda mal-mertu mill-Qorti Ġenerali.

76      Fir-rigwrad tal-ewwel oġġezzjoni, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, fis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, (T‑290/14, EU:T:2015:806), il-Qorti Ġenerali ma ddubitatx l-affidabbiltà je wil-validità tal-ittra tal-Uffiċċju tal-prokuratur Ġenerali tal-Ukraina. iżda l-fatt li din il-prova biss tista’ tikkostitwixxi bażi fattwali soda biżżejjed fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil- punt 61 iktar ’il fuq sabiex isem ir-rikorrent jiġi inkluż fil-lista minħabba li ġie identifikat “bħala responsabbli” ta’ approprjazzjoni indebita ta’ fondi pubbliċi (ara l-punti 66 sa 70 iktar ’il fuq).

77      Barra minn hekk, minn naħa, [kunfidenzjali], mingħajr ma żieda l-inqas kunsiderazzjoni fir-rigward tan-natura u l-istadju tal-investigazzjoni fir-rigward tar-rikorrent jew tal-provi fattwali li jiġġustifikaw l-inkriminazzjoni tiegħu. [kunfidenzjali].

78      Madankollu, dawn iż-żewġ provi m jistgħux jiddifferenzjaw il-kwistjoni ta’ dritt li fuqha l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet fis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, (T‑290/14, EU:T:2015:806), kif ukoll fis-sentenzi msemmija fil-punt56 iktar ‘il fuq , minn dik imqajma mit-tieni raġuni u t-tieni parti tat-tielet raġuni f’din is-sentenza, peress li ma għandhom l-ebda inċidenza fuq l-evalwazzjoni legali tal-kundizzjonijiet ta’ eżistenza ta’ bażi fattwali soda biżżejjed. Fil-fatt, kull ma jagħmlu huw ali jikkonfermaw il-validità tal-ittra tas-7 ta’ Marzu 2014 u l-allegata natura tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent. Għaldaqstant, l-imsmemija ittra tibqa’ l-unika prova li tiġġustifika l-inklużjoni ta’ isem il-persuni kkonċernati fil-lista minħabba li huma ġew identifikati bħala “bħala responsabbli” ta’ approprjazzjoni indebita ta’ fondi pubbliċi, meqjusa mhux biżżejjed mill-qorti ġenerali sabiex iqisu li l-Kunsill issodisfa l-oneru tal-prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, T‑290/14, EU:T:2015:806, punti 43 sa 48, u tat-28 ta’ Jannar 2016, Stavytskyi vs Il‑Kunsill, T‑486/14, EU:T:2016:45, punti 43 sa 47).

79      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tikkonstata li l-fatti ġew stabbiliti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jidher li qed jiġi allegat mill-Kunsill, il-fatti stabbiliti ma għandhomx ikunu l-istess għal dawk li meqjusa rilevanti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, (T‑290/14, EU:T:2015:806). F’dan il-każ, il-provi fattwali li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill sabiex jinkludi l-isem tar-rikorrent fil-lista, jiġifieri l-fatti li, skont l-ittra tas-7 ta’ Marzu 2014, kien hemm investigazzjoni jew inkjesta preliminari mmexxija mill-awtoritajiet Ukraini fil-konfront tar-rikorrent għall-approprjazzjoni indebiti ta’ fondi pubbliċi ma humiex ikkontestati, fil-materjalità tagħhom, mill-partijiet u jistgħu għaldaqstant jiġu kkunsidrati bħala stabbiliti.

80      Il-fatt li ittra bħal dik tas-7 ta’ Marzu 2014 li tirreferi għal dawn l-inkjesti jew investigazzjonijiet ma tistax tiqies bħala suffiċjenti, per se, sabiex issostni r-raġunijiet ta’ inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista jikkostitwixxi, min-naħa l-oħra, l-element ċentrali tal-evalwazzjoni legali b’tali mod li l-Kunsill issodisfa l-oneru tal-prova (ara l-punt 78 iktar ’il fuq), li ma jirriżultax fil-kontestazzjoni tal-fatti deskritti fl-imsemmija ittra.

81      Fir-rigward tat-tieni oġġezzjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, il-possibbiltà li jinċaħad ir-rikors bħala inammissibbli minn digriet motivat, u għaldaqstant mingħajr smigħ, ma huwiex eskluż mill-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet preċedentement adottat digriet li permezz tiegħu tirreżerva għad-deċiżjoni finali eċċezzjoni ppreżentata abbażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli ta’ Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Frar 2008, Tokai Europe vs Il‑Kummissjoni, C-262/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:95, punti 26 sa 28). Madankollu, dik il-konklużjoni tapplika wkoll f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, meta l-Qorti Ġenerali jkollha l-intenzjoni li tiddikjara, bħal f’dan il-każ, ir-rikors bħala manifestament fondat skont l-Artikolu 132 tar-Regoli ta’ Proċedura, li jipprevedi espliċitament li l-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi biss fi tmiem proċedura unikament bil-miktub.

82      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jintlaqa’, li huwa manifestament fondat skont l-Artikolu 132 tar-regoli ta’ Proċedura, billi huwa intiż li jikseb l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/216, sa fejn tirrigwarda lir-rikorrent.

83      Għall-istess raġunijiet, ir-Regolament Nru 381/2014 għandu jiġi annullat sa fejn jirrigwarda lir-rikorrent.

 Fuq l-effetti fiż-żmien tal-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/216

84      Il-Kunsill iqis neċessarju, fl-ipoteżi fejn il-Qorti Ġenerali tannulla d-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/216, f’dak li jirrigwarda lir-rikorrent, li l-effetti ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward ta’ dan tal-aħħar jinżammu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, sad-data effettiva tal-annullament parzjali tar-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-regolament ta’ Implementazzjoni Nru 381/2014, bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-konsistenza u l-unità tal-ordinament ġuridiku.

85      Ir-rikorrent jikkontesta dan l-argument.

86      Għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/216, ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2015/364, li ssostitwixxiet il-lista mis-7 ta’ Marzu 2015 u estendiet l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent, sas-6 ta’ Marzu 2016. Wara dawn l-emendi, l-isem tar-rikorrent inżamm fuq il-lista b’raġuni ġdida għall-iskrizzjoni (ara l-punti 16 u 17 iktar ’il fuq)

87      Għaldaqstant, sal-lum, ir-rikorrent huwa s-suġġett ta’ miżura restrittiva ġdida. Minn dan isegwi li l-annullament tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/216, f’dak li jirrigwarda lir-rikorrent, ma jinvolvix l-għajbien tal-isem ta’ dan tal-aħħar minn fuq il-lista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Azarov Il‑Kunsill, T‑331/14, EU:T:2016:49, punt 71).

88      Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li jinżammu l-effetti tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/216, f’dak li jirrigwarda lir-rikorrent.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

tordna:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK, tal-14 ta’ April 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 381/2014, tal-14 ta’ April 2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, huma annullati sa fejn jikkonċernaw lil Oleksandr Klymenko.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn O. Klymenko.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Ġunju 2016.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

       G. Berardis


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 Informazzjoni kunfidenzjali okkultata.