Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fid-19 ta’ Diċembru 2016 – Nigyar Rauf Kaza Ahmedbekova, Rauf Emin Ogla Аhmedbekov vs Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite

(Kawża C-652/16)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Nigyar Rauf Kaza Ahmedbekova, Rauf Emin Ogla Аhmedbekov

Konvenut: Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite

Domandi preliminari

Mill-Artikolu 78(1) u (2)(a), (d) u (f) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-premessa 12 u mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) 1 , jirriżulta li r-raġuni sabiex applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li hija inammissibli prevista fl-Artikolu 33(2)(e) tal-istess direttiva, tikkostitwixxi regola li għandha effett dirett u li ma tistax ma tiġix applikata mill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-każ li jkunu applikabbli dispożizzjonijiet iktar favorevoli tad-dritt nazzjonali, li jipprevedu l-eżami tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mill-perspettiva ta’ jekk l-applikant jissodisfax, fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet sabiex jingħata l-istatus ta’ refuġjat u, fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet sabiex jingħata protezzjoni sussidjarja, kif jeżiġi l-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva?

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, mill-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(3) u mal-Artikolu 2(a), (c) u (g), kif ukoll mal-premessa 60 tal-istess direttiva, jirriżulta li hija inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata, f’isem minuri akkumpanjat, mill-ġenitur tiegħu, meta din l-applikazzjoni tkun ibbażata fuq il-kwalità tal-wild bħala membru tal-familja ta’ persuna li tkun ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq ir-raġuni li din il-persuna għandha l-kwalità ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève?

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, mill-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(1) u mal-Artikolu 2(a), (c) u (g), kif ukoll mal-premessa 60 tal-istess direttiva, jirriżulta li hija inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’isem persuna adulta meta din l-applikazzjoni tkun ibbażata, fil-kuntest tal-proċeduri quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti, esklużivament fuq il-kwalità tal-applikant bħala membru tal-familja ta’ persuna li tkun ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq ir-raġuni li din il-persuna għandha l-kwalità ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève, u meta l-applikant ma jkollux, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni, id-dritt li jeżerċita attività bħala impjegat?

L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) 2 , ikkunsidrat flimkien mal-premessa 36 tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-evalwazzjoni ta’ theddida raġonevoli ta’ prosekuzzjoni jew ta’ riskju reali ta’ dannu gravi għandha tkun ibbażata biss fuq fatti u ċirkustanzi li jikkonċernaw l-applikant?

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni), ikkunsidrat flimkien mal-premessa 36 tal-istess direttiva u mal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni), jippermetti ġurisprudenza nazzjonali ta’ Stat Membru li:

tobbliga lill-awtorità kompetenti tevalwa fil-kuntest ta’ proċedura komuni l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tal-persuni li huma membri tal-istess familja meta dawn l-applikazzjonijiet ikunu bbażati fuq fatti komuni u, b’mod partikolari, fuq id-dikjarazzjoni li hija biss persuna waħda minn dawn il-membri tal-familja li għandha l-kwalità ta’ refuġjat;

tobbliga lill-awtorità kompetenti twaqqaf il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ membri tal-istess familja li, fil-kwalità individwali tagħhom, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għal tali protezzjoni, sakemm tiġi konkluża l-proċedura għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-membru tal-familja li tkun ibbażata fuq ir-raġuni li din il-persuna għandha l-kwalità ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève;

u, b’mod partikolari, l-imsemmija ġurisprudenza hija konformi ma’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-interessi superjuri tal-wild, mal-ħarsien tar-riunifikazzjoni tal-familja u mar-rispett tad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, mad-dritt li l-individwu kkonċernat jibqa’ fl-Istat Membru sakemm tiġi evalwata l-applikazzjoni, fid-dawl tal-Artikoli 7, 18 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-premessi 12 u 60 kif ukoll l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32, tal-premessi 16, 18 u 36 kif ukoll l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95, u tal-premessi 9, 11 u 35 kif ukoll l-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali 3 ?

Il-premessi 16, 18 u 36, kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni), ikkunsidrati flimkien mal-premessa 24 u mal-Artikoli 2(d) u (j), 13 u 23(1) u (2) tal-istess direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod konkret l-Artikolu 8(9) taż-Zakon za ubezhishteto i bezhantsite (Liġi dwar l-ażil u r-refuġjati), li tipprovdi li għandhom jitqiesu bħala refuġjati anki l-membri tal-familja ta’ barrani li jkollu l-istatus ta’ refuġjat, sa fejn dan huwa kompatibbli mal-istatus individwali tagħhom u sakemm ma jkunx hemm raġunijiet taħt id-dritt nazzjonali li jeskludu l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat?

Mir-raġunijiet għal persekuzzjoni previsti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni), jirriżulta li t-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kontra l-Istat ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata jimplika li din il-persuna tagħmel parti minn grupp soċjali partikolari fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tal-istess direttiva, jew li tali tressiq ta’ kawża għandu jitqies bħala l-espressjoni ta’ opinjoni politika fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) tal-istess direttiva?

Mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni), jirriżulta li l-qorti hija obbligata teżamina fid-dettall ir-raġunijiet ġodda għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali invokati fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja li ma kinux tqajmu fir-rikors ippreżentat quddiem din il-qorti kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali?

Mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni), jirriżulta li l-qorti hija obbligata tevalwa l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 33(2)(e) tal-istess direttiva fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja ta’ rikors kontra deċiżjoni li tirrifjuta li tagħti protezzjoni internazzjonali, f’sitwazzjoni fejn fid-deċiżjoni kkontestata l-applikazzjoni kienet evalwata mill-perspettiva ta’ jekk l-applikant jissodisfax, fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet sabiex jingħata l-istatus ta’ refuġjat u, fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet sabiex jingħata protezzjoni sussidjarja, kif jeżiġi l-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva?

____________

1 ĠU 2013 L 180, p. 60.

2 ĠU 2011, L 337, p. 9.

3 ĠU 2013, L 180, p. 96.