Language of document : ECLI:EU:C:2017:549

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Lulju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 47(1), (4) u (5) – Kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-offerent – Direttivi 89/665/KEE u 2007/66/KE – Appell ġudizzjarju kontra deċiżjoni ta’ esklużjoni ta’ offerent minn proċedura ta’ sejħa għal offerti – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv”

Fil-Kawża C-76/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema, tar-Repubblika tas-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

Ingsteel spol. s r. o.,

Metrostav as

vs

Úrad pre verejné obstarávanie,

fil-preżenza ta’:

Slovenský futbalový zväz,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47(1)(a), (4) u (5) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU 2004, L 134, p. 114), tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(3) u (6) sa (8) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 335, p. 31) (iktar ʼil quddiem id-“Direttiva 89/665”), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ʼil quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Ingsteel spol. s r. o. u Metrostav a.s. (iktar ʼil quddiem, flimkien, l-“offerent eskluż”) u l-Úrad pre verejné obstarávanie (awtorità regolatorja tal-kuntratti pubbliċi, is-Slovakkja) dwar proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku mibdija mis-Slovenský futbalový zväz (Federazzjoni Slovakka tal-Futbol, iktar ʼil quddiem l-“awtorità kontraenti”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/18

3        Skont l-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), id-Direttiva 2004/18 tħassret b’effett mit-18 ta’ April 2016. Madankollu, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa eżaminat fid-dawl tad-Direttiva 2004/18 kif kienet fis-seħħ qabel din l-abrogazzjoni.

4        Il-premessa 39 tad-Direttiva 2004/18 kienet ifformulata kif ġej:

“Verifikajekk [Verifika jekk] in-nies li jitfgħu l-offerta humiex adattati, fi proċeduri miftuħa, u tal-kandidati, fil-proċeduri ristretti u negozjati bil-pubblikazzjoni ta’ notifika tal-kuntratt u bi djalogu kompetittiv, u l-għażla tiegħu, għandha tiġi mwettqa f’kondizzjonijiet trasparenti. Għal dan il-għan, il-kriterja ta’ bla diskriminazzjoni għandha tiġi indikata li l-awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti] jistgħu jużaw meta jkunu qed jagħżlu l-kompetituri u l-mezzi li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jużaw biex jippruvaw illi jissodisfaw dawk il-kriterji. Fl-istess spirtu tat-trasparenza, l-awtoritajiet kuntrattwali huma meħtieġa, malli l-kuntratt jiġi maħruġ għall-kompetizzjoni, li jindikaw l-kriterja ta’ l-għażla li se jużaw u l-livell tal-kompetenza speċifika li tista’ jew ma tistax titlob mill-operaturi ekonomiċi qabel ma taċċettahom fil-proċedura tal-kisba.”

5        L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Verifika ta’ l-adattabilità u għażla ta’ parteċipanti u għoti ta’ kuntratti”, kien jipprovdi li:

“L-awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] jistgħu jeżiġu li kandidati u dawk li jixħtu l-offerta jilħqu l-livell minimu ta’ kapaċità skont l-Artikoli 47 u 48.

Il-limitu ta’ l-informazzjoni li sar riferiment għalih fl-Artikoli 47 u 48 u l-livelli minimi ta’ abilità meħtieġa għal kuntratt speċifiku għandu jkun relatat u proporzjonat mal-kontenut suġġettiv tal-kuntratt.

Dawn il-livelli minimi għandhom ikunu indikati fl-avviż tal-kuntratt.”

6        Skont l-Artikolu 47 ta’ din id-direttiva, intitolat “Stabilità ekonomika u finanzjarja”:

“1.      Prova ta’ l-istabilità ekonomika u finanzjarja ta’ l-operatur ekonomiku tista’, bħala regola ġenerali, tkun fornuta minn waħda jew aktar mir-riferenzi li ġejjin:

a)      stqarrijiet xierqa minn banek jew, fejn xieraq, evidenza ta’ riskju professjonali ta’ kumpens assigurattiv rilevanti;

[…]

4.      Awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] għandhom jispeċifikaw, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-istedina għal offerta, liema referenza jew riferenzi imsemmijin fil-paragrafu 1 ikunu għażlu u liema riferenzi oħra għandhom ikunu provduti”.

5.      Jekk, għal kull raġuni valida, l-operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jipprovdi r-riferenzi mitluba mill-awtorità kontrattwanti, huwa jista’ jipprova l-istabilità ekonomika u finanzjarja tiegħu bi kull dokument ieħor li l-awtorità kontrattwanti tqis bħala xieraq.”

7        L-Artikolu 48 tal-imsemmija direttiva kien jipprovdi l-kundizzjonijiet dwar il-kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali tal-operaturi ekonomiċi.

 Id-Direttivi 89/665 u 2007/66

8        Il-premessa 36 tad-Direttiva 2007/66 tgħid:

“Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal tribunal imparzjali, bi qbil ma’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 47 tal-Karta.”

9        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni [appell]”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva [2004/18] sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skond l-Artikoli 10 sa 18 ta’ din id-Direttiva.

[…]

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2004/18], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

[…]

5.      L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna kkonċernata l-ewwel titlob reviżjoni mill-awtorità kontraenti. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sottomissjoni ta’ tali applikazzjoni għal reviżjoni tirriżulta fis-sospensjoni immedjata tal-possibbiltà ta’ konklużjoni tal-kuntratt.

[…]

Is-sospensjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-awtorità kontraenti tkun bagħtet tweġiba jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi, jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-awtorità kontraenti tkun bagħtet tweġiba, jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data tar-riċevuta ta’ tweġiba.”

10      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jirregola r-rekwiżiti fil-qasam tal-proċeduri ta’ appell, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni [appell] speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

a)      jittieħdu, ma’ l-ewwel opportunità possibbli u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri intermedji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li ma jsirx dannu ulterjuri lill-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi żgurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti;

b)      jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluż it-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fis-sejħa għall-offerti, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt;

c)      jingħataw danni lil persuni li jġarrbu ħsara minn xi ksur.

2.      Is-setgħat speċifikati fil-paragrafu 1 u l-Artikoli 2d u 2e jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli minn aspetti differenti tal-proċedura ta’ reviżjoni.

3.      Meta korp tal-prim istanza, li hu indipendenti mill-awtorità kontraenti, jirrevedi deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kontraenti ma tkunx tista’ tikkonkludi l-kuntratt qabel ma l-korp ta’ reviżjoni jkun ħa deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri intermedjarji jew għal reviżjoni. Is-sospensjoni m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu sospensiv imsemmi fl-Artikolu 2a(2) u 2d(4) u (5).

4.      Ħlief fejn stabbilit fil-paragrafu 3 u l-Artikolu 1(5), il-proċeduri ta’ reviżjoni mhux neċessarjament ikollhom l-effett ta’ sospensjoni awtomatika fuq il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratt li magħhom għandhom x’jaqsmu.

[…]

6.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li fil-każ fejn jiġu mitluba danni minħabba li deċiżjoni kienet meħuda illegalment, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab minn korp li jkollu s-setgħat neċessarji..

7.      Ħlief fejn previst fl-Artikoli 2d sa 2f, l-effetti ta’ l-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fuq kuntratt konkluż wara li jkun ingħata għandhom ikunu stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

Barra minn hekk, ħlief f’każ fejn deċiżjoni jkollha tiġi mwarrba qabel l-għoti tad-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt skond l-Artikolu 1(5), paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikoli 2a sa 2f, is-setgħat tal-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom ikunu limitati għall-ħlas tad-danni lil kull persuna li tkun sofriet minnħabba ksur tal-liġi.

8.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet meħuda mill-korpi responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu jistgħu jiġu infurzati b’mod effettiv.

9.      Fejn il-korpi responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni ma jkunux ta’ natura ġudizzjarja, għandhom dejjem jingħataw raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, f’każ bħal dan, għandha ssir dispożizzjoni biex ikunu garantiti proċeduri li bihom kwalunkwe miżura kontra l-liġi allegatament meħuda mill-korp ta’ reviżjoni, jew kwalunkwe difett allegat fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu, jkunu jistgħu jiġu soġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni minn korp ieħor li jkun qorti jew tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu 234 [KE, li sar l-Artikolu 267 TFUE], u indipendenti kemm mill-awtorità kontraenti kif ukoll mill-korp ta’ reviżjoni.

[…]”

 Id-dritt Slovakk

11      Skont l-Artikolu 9(3) tal-Liġi Nru 25/2006 dwar il-kuntratti pubbliċi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali:

“L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandu josserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni bejn l-offerenti jew tal-persuni kkonċernati, ta’ trasparenza, ta’ ekonomija u ta’ effettività.”

12      L-Artikolu 27 ta’ din il-liġi, intitolat, “Kapaċità ekonomika u finanzjarja”, jipprovdi:

“1.      B’mod ġenerali, il-kapaċità ekonomika u finanzjarja tista’ tintwera bil-mezzi li ġejjin:

a)      dikjarazzjoni bankarja jew ta’ sussidjarja barranija tal-bank, possibbilment fil-forma ta’ wegħda ta’ kreditu bankarju jew tas-sussidjarja barranija tiegħu;

[…]

3.      Jekk minħabba raġunijiet oġġettivi, l-offerent jew il-kandidat ma jkunx f’kundizzjonijiet li juri l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu permezz ta’ dokument partikolari, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ taċċetta li tali evidenza tingħata permezz ta’ kwalunkwe dokument ieħor.”

13      L-Artikolu 32(1)(b) tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“L-awtorità kontraenti għandha tippreċiża, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-kriterji ta’ għażla li jirrigwardaw

[…]

b)      il-kapaċità ekonomika u finanzjarja u r-referenzi probatorji msemmija fl-Artikolu 27.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Permezz ta’ avviż ippubblikat fis-16 ta’ Novembru 2013 fis-supplement tal-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea taħt in-numru Nru 223/2013, kif ukoll fil-Gazzetta Slovakka ta’ avviżi ta’ kuntratti pubbliċi tal-istess ġurnata taħt ir-referenza 18627-MSP, l-awtorità kontraenti għamlet sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku relatat ma’ xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni, ta’ modernizzazzjoni u ta’ kostruzzjoni fir-rigward ta’ sittax-il stadju tal-futbol (iktar ʼil quddiem il-“kuntratt pubbliku”).

15      Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju b’risposta għal talba għal kjarifika jirriżulta li l-valur tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni kien jitla’ għal EUR 25 500 000 mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

16      F’dak li jikkonċerna r-rekwiżiti fil-qasam tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja, l-avviż tal-kuntratt, filwaqt li jirreferi għall-Artikolu 27(1)(a) tal-liġi Nru 25/2006, kien jeżiġi mill-parteċipanti għas-sejħa għal offerti li jipproduċu dikjarazzjoni ta’ bank Slovakk jew ta’ sussidjarja Slovakka ta’ bank barrani skont liema kien ser jingħatalhom self ta’ valur minimu ta’ EUR 3 000 000, somma li kellhom ikollhom għad-dispożizzjoni matul it-tul kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku. Dan iċ-ċertifikat kellu jkun fil-forma ta’ kuntratt ta’ self jew ta’ kuntratt ta’ ftuħ ta’ kreditu u jkun inħareġ minn persuna awtorizzata li torbot lill-istabbiliment bankarju mitlub.

17      L-offerent eskluż ipparteċipa fl-imsemmija sejħa għal offerti. Sabiex jiġġustifika li kien jissoddisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt preċedenti, huwa ppreżenta ċertifikat maħruġ minn stabbiliment bankarju li kien jinkludi informazzjoni dwar il-ftuħ ta’ kreditu fil-kont kurrenti għal ammont ta’ iktar minn EUR 5 000 000 u dikjarazzjoni ġuramentata li tiċċertifika li, fl-ipoteżi fejn l-offerta tiegħu tingħażel, il-kont kurrenti tiegħu kien ser jiġi kkreditat b’somma ta’ EUR 3 000 000 tal-inqas fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol u matul il-perijodu kollu ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku.

18      L-offerent eskluż invoka impossibbiltà oġġettiva li jissodisfa b’mod ieħor ir-rekwiżiti fil-qasam tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja stabbiliti mill-awtorità kontraenti, filwaqt li bbaża ruħu fuq id-dikjarazzjonijiet tal-banek Slovakki mitluba minn dan tal-aħħar, skont liema obbligu vinkolanti ta’ self, kif mitlub fl-avviż tal-kuntratt, seta’ jingħata biss wara li t-tranżazzjoni ta’ kreditu tkun ġiet approvata u li r-rekwiżiti kollha imposti mill-bank għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self ikunu ġew osservati.

19      Peress li qieset li l-offerent ma kienx b’mod partikolari ssodisfa r-rekwiżiti fil-qasam tal-kapaċitajiet ekonomiċi u finanzjarji msemmija fl-Artikolu 27(1)(a) tal-liġi Nru 25/2006, l-awtorità kontraenti ddeċidiet li teskludih mill-kuntratt. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-awtorità regolatorja tal-kuntratti pubbliċi. Peress li l-Krajský súd de Bratislava (qorti reġjonali ta’ Bratislava, is-Slovakkja) ċaħdet ir-rikors kontra din id-deċiżjoni permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2015, l-offerent eskluż appella kontra din is-sentenza quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka).

20      Din tal-aħħar tistaqsi dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li, minkejja l-fatt li l-offerent eskluż kellu, fil-mument tal-proċedura ta’ għażla tal-offerta, dikjarazzjoni minn stabbiliment bankarju dwar self ta’ somma ta’ EUR 5 000 000, qieset li ma kienx jissoddisfa l-kriterji fil-qasam ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt.

21      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-kapaċità ekonomika u finanzjarja setgħetx tiġi pprovata b’mezzi alternattivi u, f’dan il-kuntest, jekk dikjarazzjoni ġuramentata pprovduta mill-offerent eskluż, li tiċċertifika li, fl-ipoteżi fejn l-offerta tiegħu tingħażel, il-kont kurrenti tiegħu kien ser jiġi kkreditat b’somma ta’ EUR 3 000 000 tal-inqas fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol u matul il-perijodu kollu ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku, kinitx biżżejjed għal dan il-għan.

22      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-punt jekk ir-rikors ġuridiku li l-offerent eskluż jista’ juża fuq il-livell nazzjonali jistax jiġi kkwalifikat bħala “effettiv” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-għan ta’ dan ir-rikors ma kienx għadu jeżisti, billi l-kandidat magħżul li ngħata l-kuntratt pubbliku kien kważi eżegwih kollu.

23      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-kawża u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Awtorità nazzjonali taġixxi b’mod konformi mal-għan imfittex mill-Artikolu 47, b’mod partikolari l-paragrafi 1(a) u 4 tad-Direttiva [2004/18] jekk hija tikkonstata li offerent għal kuntratt li l-valur tiegħu huwa stmat għal EUR 3 miljun ma jissodisfax il-kriterju ta’ selezzjoni fuq il-kapaċità ekonomika u finanzjarja, minkejja li l-affidavit li huwa pprovda u d-dikjarazzjoni li ntbagħtet lilu mill-bank tiegħu jiċċertifikaw li huwa kapaċi li jieħu flus taħt self bankarju li ma huwiex affettwat sa limitu li jaqbeż il-valur tal-kuntratt?

2)      L-aġir, fis-suq tas-servizzi bankarji ta’ Stat Membru, ta’ bank li, f’impenn vinkolanti ta’ self, jissuġġetta d-disponibbiltà ta’ fondi mitluba għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ self li ma humiex iddeterminati b’mod iktar speċifiku fil-ftehim ta’ self fil-mument tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt jikkonstiwixxi raġuni ġġustifikata, skont l-Artikolu 47(5) tad-Direttiva 2004/18, li tostakola lill-offerent milli jipproduċi r-referenzi mitluba mill-awtorità kontraenti, għalkemm l-imsemmi offerent jista’ jistabbilixxi l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu permezz ta’ affidavit li jiċċertifika li r-relazzjoni ta’ self bejnu u l-bank tiegħu hija suffiċjenti?

3)      Jista’ jitqies li l-qorti nazzjonali qiegħda tiffaċċja ostakolu li jostakolaha li tkun konformi mal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-[Karta], moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(3) u (6) sa (8) tad-Direttiva [89/665], jekk tkun qed tintalab tiddeċiedi fuq rikors minn offerent eskluż permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, filwaqt li l-eżekuzzjoni ta’ diversi kuntratti hija kważi lesta mill-offerent rebbieħ?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47(1)(a) u (4) tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi awtorità kontraenti milli teskludi offerent minn kuntratt pubbliku, minħabba li dan tal-aħħar ma kienx jissoddisfa l-kundizzjoni relatata mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja stabbilita mill-avviż tal-kuntratt, dwar il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat maħruġ minn stabbiliment bankarju skont liema dan tal-aħħar jintrabat li jagħti self għall-ammont stabbilit minn dan l-avviż ta’ kuntratt u sabiex jiggarantixxi lil dan l-offerent id-disponibbilta ta’ dan l-ammont matul it-tul kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

25      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ speċifiku, iżda sempliċement li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita minn dan l-artikolu, mill-informazzjoni fil-proċess, tipprovdi lill-qorti nazzjonali bi gwida għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun utli fl-evalwazzjoni tal-effetti tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C-83/14, EU:C:2015:480, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Skont it-termini tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeżiġu livelli minimi tal-kapaċitajiet li l-offerenti għandhom jissodisfaw. Dawn il-livelli minimi ta’ kapaċitajiet għandhom jiġu indikati fl-avviż tal-kuntratt.

27      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 47(1) ta’ din id-direttiva jelenka r-referenzi li jistgħu, bħala regola ġenerali, jiġu mitluba minn operatur ekonomiku sabiex jiġġustifika l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu. Dawn ir-referenzi huma intiżi sabiex jipprovaw li l-offerent għandu mezzi neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku. Fost dawn ir-referenzi jinsabu “stqarrijiet xierqa minn banek”.

28      Skont it-termini tal-Artikolu 47(4), l-awtoritajiet kontraenti għandhom jippreċiżaw, fl-avviż tal-kuntratt, ir-referenzi li jkunu għażlu kif ukoll ir-riferenzi probanti l-oħra li għandhom jiġu prodotti.

29      F’dan il-każ, l-avviż tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jeżiġi, bħala kriterju relattiv għall-ġustifikazzjoni tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja, il-produzzjoni mill-offerent ta’ dokument maħruġ minn stabbiliment bankarju li jipprova l-għoti, favur tiegħu, ta’ self ta’ ammont minimu ta’ EUR 3 000 000, validu matul it-tul kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jiġifieri 48 xahar.

30      Mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-offerent eskluż ippreżenta dikjarazzjoni maħruġa minn stabbiliment bankarju li tinkludi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu u ċertifikat li jistabbilixxi li ser ikun hemm ftuħ ta’ kreditu fil-kont kurrenti ta’ ammont ta’ iktar minn EUR 5 000 000. L-offerent eskluż ipproduċa wkoll ċertifikat skont liema kien jiddikjara taħt ġurament li, fl-ipoteżi fejn l-offerta tiegħu tingħażel, il-kont tiegħu kien ser jiġi kkreditat b’tal-inqas EUR 3 000 000 matul it-tul kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

31      L-awtorità kontraenti madankollu kkunsidrat li l-offerent eskluż ma kienx issodisfa r-rekwiżiti meħtieġa fil-qasam tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja, peress li s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta’ din tal-aħħar ma kinitx tirrispondi għall-kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni li timplika l-preżentazzjoni ta’ prova taħt il-forma u l-kontenut mitlub.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18 iħalli libertà pjuttost kbira għall-awtoritajiet kontraenti, li jirriżulta b’mod partikolari mit-termini “bħala regola ġenerali” użati f’din id-dispożizzjoni. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għall-Artikolu 48 ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi sistema magħluqa li tillimita l-modi ta’ evalwazzjoni u ta’ verifika li għandhom l-imsemmija awtoritajiet u, għaldaqstant, il-possibbiltajiet tagħhom li jifformulaw rekwiżiti, l-Artikolu 47(4) jawtorizza espressament lill-awtoritajiet kontraenti jagħżlu r-referenzi probatorji li għandhom jiġu prodotti mill-kandidati jew offerenti sabiex jiġġustifikaw il-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom. Peress illi l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18 jirreferi għall-imsemmi Artikolu 47, l-istess libertà ta’ għażla teżisti f’dak li jikkonċerna l-livelli minimi ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Édukövízig u Hochtief Construction, C-218/11, EU:C:2012:643, punt 28).

33      Minkejja dan, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18 jirriżulta li l-livelli minimi ta’ kapaċitajiet meħtieġa għal kuntratt partikolari għandhom ikunu marbuta u proporzjonati mal-għan tal-kuntratt. Minn dan jirriżulta li r-rekwiżiti f’termini ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja għandhom ikunu oġġettivament xierqa sabiex tingħata informazzjoni dwar din il-kapaċità fuq livell ta’ operatur ekonomiku u li dawn għandhom ikunu adattati għall-importanza tal-kuntratt ikkonċernat fis-sens li jikkostitwixxu oġġettivament indikazzjoni pożittiva tal-eżistenza ta’ bażi ekonomika u finanzjarja suffiċjenti sabiex isseħħ kif għandu jkun l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, mingħajr madankollu ma jmur lil hinn minn dak li huwa raġonevolment neċessarju għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Édukövízig et Hochtief Construction, C‑218/11, EU:C:2012:643, punt 29).

34      Barra minn hekk, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponi li l-offerenti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom, u għaldaqstant jimplika li dawn l-offerti jkunu suġġetti huma stess għall-istess kundizzjonijiet għall-offerenti kollha. Min-naħa l-oħra, l-għan tal-obbligu ta’ trasparenza, li jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, huwa essenzjalment li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmi u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Dan l-obbligu jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod, l-ewwel nett, li jippermetti li l-offerenti raġonevolment informati u normalment diliġenti kollha jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, it-tieni nett, li jqiegħed lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika effettivament jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo, C-27/15, EU:C:2016:404, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dak li jikkonċerna, minn naħa, ir-rekwiżit espressament imsemmi fl-avviż tal-kuntratt skont liema l-garanzija finanzjarja kellha tiġi pprovduta “għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt” mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari jidher li jirriżulta li l-awtorità kontraenti kkunsidrat li tali rekwiżit ma kienx issodisfatt peress li s-self bankarju mogħti lill-offerent, minkejja li kien jaqbeż l-ammont meħtieġ mill-imsemmi avviż ta’ kuntratt, kien kreditu f’kont kurrenti li ma kienx allokat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li rekwiżit ta’ kisba ta’ self allokat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt huwa oġġettivament xieraq sabiex tingħata informazzjoni dwar il-kapaċità tal-offerent li jwettaq sewwa l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Fil-fatt, kif irrelevat il-Kummissjoni Ewropea, l-allokazzjoni tas-self hija xierqa sabiex jiġi stabbilit li l-offerent effettivament għandu għad-dispożizzjoni mezzi li ma humiex proprjament tiegħu u li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Holst Italia, C-176/98, EU:C:1999:593, punt 29). Madankollu, għal darb’oħra hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-ammont mitlub fl-avviż tal-kuntratt huwa proporzjonat mal-għan tal-kuntratt.

37      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tar-rekwiżit imsemmi wkoll fl-avviż tal-kuntratt dwar l-għoti ta’ self ta’ ammont minimu ta’ EUR 3 000 000 “matul it-tul tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt (48 xahar)” għalkemm, ċertament, l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18 ma jipprovdix espressament li l-awtorità kontraenti tista’ teżiġi minn offerent li l-mezzi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikunu disponibbli matul it-tul kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, għandu jiġi kkunsidrat, bħal ma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-verifika tal-osservanza tal-kriterji ekonomiċi u finanzjarji mill-awtorità kontraenti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, tippresupponi li din ikollha l-garanzija li l-offerent għandu effettivament l-użu ta’ mezzi ta’ natura oħra li jista’ jgawdi minnu matul il-perijodu kopert mill-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Ostas celtnieks, C-234/14, EU:C:2016:6, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Barra minn hekk, iż-żamma tad-disponibbiltà tas-somma meħtieġa matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt hija element utli fid-dawl tal-evalwazzjoni, b’mod konkret, tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-offerent fir-rigward tal-obbligi tiegħu. L-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt hija fil-fatt intrinsikament marbuta mal-fatt li l-offerent ikollu mezzi finanzjarji għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex iwettqu b’suċċess.

39      Għaldaqstant, il-kundizzjoni li tgħid li l-offerent għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu fondi matul it-tul kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt hija xierqa sabiex tiggarantixxi l-għanijiet tal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2004/18.

40      Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa r-relevanza tal-provi prodotti mill-offerent għal dan il-għan, fosthom b’mod partikolari l-kuntratt ta’ ftuħ ta’ kreditu f’kont kurrenti.

41      Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 47(1)(a) u (4) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix awtorità kontraenti milli teskludi offerent ta’ kuntratt pubbliku, minħabba li dan tal-aħħar ma jissodisfax il-kundizzjoni dwar il-kapaċità ekonomika u finanzjarja stabbilita mill-avviż tal-kuntratt, dwar il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat maħruġ minn stabbiliment bankarju li jipprovdi li dan tal-aħħar jintrabat sabiex jagħti self għall-ammont stabbilit f’dan l-avviż tal-kuntratt u sabiex jiggarantixxi lil dan l-offerent id-disponibbiltà ta’ dan l-ammont matul it-tul kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

 Fuq it-tieni domanda

42      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk meta avviż tal-kuntratt ikun jeħtieġ il-produzzjoni ta’ ċertifikat maħruġ minn stabbiliment bankarju skont liema dan tal-aħħar jintrabat li jagħti self għall-ammont stabbilit f’dan l-avviż tal-kuntratt u sabiex jiggarantixxi lil dan l-offerent id-disponibbiltà ta’ dan l-ammont matul it-tul kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-fatt li l-istabbilimenti bankarji mitluba mill-offerent ma jqisux ruħhom f’pożizzjoni li jagħtu lill-offerent ċertifikat fit-termini hekk ippreċiżati, jistax jikkostitwixxi “raġuni valida”, fis-sens tal-Artikolu 47(5) tad-Direttiva 2004/18, li jawtorizza, skont il-każ, lill-imsemmi offerent jipprova l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu bi kwalunkwe dokument ieħor ikkunsidrat xieraq mill-awtorità kontraenti, bħal dikjarazzjoni ġuramentata li tiċċertifika li, fl-ipoteżi fejn l-offerta tiegħu tiġi magħżula, il-kont kurrenti tiegħu ser jiġi kkreditat b’somma li tikkorrispondi għall-ammont stabbilit fl-avviż tal-kuntratt mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u mat-tul kollu tal-eżekuzzjoni tiegħu.

43      L-Artikolu 47(5) tad-Direttiva 2004/18 jawtorizza lill-offerenti li jinsabu, għal raġuni valida, fl-impossibbiltà li jipproduċu referenzi mitluba mill-awtorità kontraenti sabiex jipprovdu l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom permezz ta’ kwalunkwe dokument ieħor, sakemm l-awtorità kontraenti tikkunsidra tali dokument xieraq għal dan il-għan.

44      F’dan il-każ, l-offerent eskluż ippreżenta dikjarazzjoni ġuramentata li tiċċertifika li, fl-ipoteżi fejn l-offerta tiegħu tingħażel, il-kont tiegħu ser jiġi kkreditat b’tal-inqas EUR 3 000 000 matul il-perijodu kollu ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, u żied li ma kienx possibbli li jikseb ċertifikat maħruġ minn stabbiliment bankarju li kien jintrabat li jagħtih self għall-ammont stabbilit fl-avviż tal-kuntratt.

45      F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-offerent eskluż kienx fl-impossibbiltà oġġettiva li jipproduċi r-referenzi mitluba mill-awtorità kontraenti. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-imsemmi offerent ma jkunx f’pożizzjoni, fis-Slovakkja, li jikseb referenzi bħal dawk mitluba fl-avviż tal-kuntratt.

46      Huwa biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata tali impossibbiltà oġġettiva li jkollha tivverifika jekk l-awtorità kontraenti kinitx fondata tikkunsidra li d-dikjarazzjoni ġuramentata prodotta mill-offerent tikkostitwixxi jew le dokument xieraq għall-finijiet tal-prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħha. Hija għandha wkoll tivverifika, skont l-Artikolu 44(2) ta’ din id-direttiva u moqri fid-dawl tal-premessa 39 ta’ din, li l-portata tal-informazzjoni u l-livell ta’ kapaċità meħtieġa huma marbuta u proporzjonati mal-għan tal-kuntratt u li l-kriterji ta’ għażla huma applikati b’mod nondiskriminatorju.

47      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ta’ tip fattwali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-offerent eskluż kienx fl-impossibbiltà oġġettiva li jipproduċi r-referenzi mitluba mill-awtorità kontraenti u, fl-affermattiv, jekk l-awtorità kontraenti kinitx fondata tikkunsidra li d-dikjarazzjoni ġuramentata prodotta mill-offerent ma tikkostitwixxix dokument xieraq sabiex tiġi pprovata l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħha.

48      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 47(5) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta avviż tal-kuntratt ikun jeħtieġ il-produzzjoni ta’ ċertifikat maħruġ minn stabbiliment bankarju skont liema dan tal-aħħar jintrabat li jagħti self għall-ammont stabbilit f’dan l-avviż tal-kuntratt u sabiex jiggarantixxi lil dan l-offerent id-disponibbiltà ta’ dan l-ammont mat-tul kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-fatt li l-istabbilimenti bankarji mitluba mill-offerent ma jqisux ruħhom f’pożizzjoni li jagħtuh ċertifikat fit-termini hekk ippreċiżati, jista’ jikkostitwixxi “raġuni valida”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, li jawtorizza, jekk ikun il-każ, l-imsemmi offerent jipprova l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu permezz ta’ kwalunkwe dokument ieħor ikkunsidrat xieraq mill-awtorità kontraenti, sakemm dan l-offerent kien fl-impossibbiltà oġġettiva li jipproduċi r-referenzi mitluba mill-awtorità kontraenti, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq it-tielet domanda

49      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex tkun deċiża l-kawża li tkun tressqet quddiemhom (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-8 ta’ Settembru 2016, Caixabank u Abanca Corporación Bancaria, C‑91/16 u C-120/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:673, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat diversi drabi li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega l-ipoteżi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-8 ta’ Settembru 2016, Caixabank u Abanca Corporación Bancaria, C-91/16 u C-120/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:673, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fil-punt 15 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2016, C 439, p. 1), skont liema kull talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi “espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi preliminari”, “il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti” kif ukoll “l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali” (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-20 ta’ Lulju 2016, Stanleybet Malta u Stoppani, C-141/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:596, punti 8 u 9 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi sabiex jittrasponu dawk tad-Direttiva 89/665 dwar il-proċeduri ta’ appell u tal-effetti tagħhom. Hija tonqos milli tindika b’mod partikolari jekk ir-Repubblika Slovakka pprevedietx, kif jipprevedi l-Artikolu 2(6) ta’ din id-direttiva, li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel tiġi annullata sabiex ikunu jistgħu jintalbu danni jew jekk, kif jippermetti t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7) tal-imsemmija direttiva, hija pprovdietx li, wara l-konklużjoni tal-kuntratt, is-setgħat tal-istanza responsabbli mill-appell huma limitati għall-għoti ta’ danni.

53      Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju hija nieqsa mill-preċiżjoni fir-rigward tal-fatti fil-kawża prinċipali, dwar l-għan tal-appell ippreżentat mill-offerent eskluż kif ukoll ir-raġunijiet għalfejn il-proċedura tal-għoti tal-kuntratt kompliet minkejja l-fatt li kien hemm pendenti appell kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti.

54      Fl-assenza ta’ dawn l-indikazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tagħti risposta utli għat-tielet domanda magħmula, li hija, konsegwentement, inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 47(1)(a) u (4) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix awtorità kontraenti milli teskludi offerent ta’ kuntratt pubbliku, minħabba li dan tal-aħħar ma jissodisfax il-kundizzjoni dwar il-kapaċità ekonomika u finanzjarja stabbilita mill-avviż tal-kuntratt, dwar il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat maħruġ minn stabbiliment bankarju li jipprovdi li dan tal-aħħar jintrabat sabiex jagħti self għall-ammont stabbilit f’dan l-avviż tal-kuntratt u sabiex jiggarantixxi lil dan l-offerent id-disponibbiltà ta’ dan l-ammont matul it-tul kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt

2)      LArtikolu 47(5) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta avviż tal-kuntratt ikun jeħtieġ il-produzzjoni ta’ ċertifikat maħruġ minn stabbiliment bankarju skont liema dan tal-aħħar jintrabat li jagħti self għall-ammont stabbilit f’dan l-avviż tal-kuntratt u sabiex jiggarantixxi lil dan l-offerent id-disponibbiltà ta’ dan l-ammont mat-tul kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-fatt li l-istabbilimenti bankarji mitluba mill-offerent ma jqisux ruħhom f’pożizzjoni li jagħtuh ċertifikat fit-termini hekk ippreċiżati, jista’ jikkostitwixxi “raġuni valida”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, li jawtorizza, jekk ikun il-każ, l-imsemmi offerent jipprova l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu permezz ta’ kwalunkwe dokument ieħor ikkunsidrat xieraq mill-awtorità kontraenti, sakemm dan l-offerent kien fl-impossibbiltà oġġettiva li jipproduċi r-referenzi mitluba mill-awtorità kontraenti, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Firem


* Lingwa tal-kawża: is-Slovakk