Language of document : ECLI:EU:C:2006:461

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta' Lulju 2006 (*)

"Artikolu 81 KE – Kompetizzjoni – Akkordju – Inċidenti kkawżati minn vetturi bil-mutur, bastimenti u muturi – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili – Żieda fil-premiums – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Dritt ta' terzi li jitolbu kumpens għad-dannu subit – Qorti nazzjonali kompetenti – Terminu ta' preskrizzjoni – Kumpens li għandu natura ta' penali"

Fil-kawżi magħquda C-295/04 sa C-298/04,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjonijiet preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Giudice di pace di Bitonto (l-Italja), permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta' Ġunju 2004, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta' Lulju 2004, fil-proċeduri

Vincenzo Manfredi (C-295/04)

vs

Lloyd Adriatico Assicurazioni SpA,

Antonio Cannito (C-296/04)

vs

Fondiaria Sai SpA,

u

Nicolò Tricarico (C-297/04),

Pasqualina Murgolo (C-298/04)

vs

Assitalia SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský, S. von Bahr (Relatur), A. Borg Barthet u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-10 ta' Novembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Assitalia SpA (C-297/04 u C-298/04), minn A. Pappalardo, M. Merola u D. P. Domenicucci, avvocati,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Schulze-Bahr, bħala aġent,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. Christoforou u F. Amato, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta' Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE.

2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta' rikorsi għal danni mressqa mis-Sur Manfredi kontra Lloyd Adriatico Assicurazione Spa, mis-Sur Cannito kontra Fondiaria Sai Spa u, rispettivament, mis-Sur Tricarico u mis-Sinjura Murgolo kontra Assitalia Spa (iktar 'il quddiem "Assitalia") sabiex dawn il-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni jiġu kkundannati jħallsu lura ż-żieda fil-premiums ta' l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili relattiva għall-inċidenti kkawżati minn vetturi bil-mutur, bastimenti u muturi (iktar 'il quddiem l-"assigurazzjoni RC auto") li huma kienu ħallsu minħabba żidiet implementati mill-imsemmija kumpanniji bis-saħħa ta' akkordju ddikjarat illegali mill-awtorità nazzjonali inkarigata mill-kompetizzjoni u mis-suq (Autorità garante della concorrenza e del mercato, iktar 'il quddiem l-"AGCM").

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3       L-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 287, ta' l-10 ta' Ottubru 1990, dwar ir-regoli għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tas-suq (Legge 10 ottobre 1990, n. 287, Norme per la tutela della concorrenza e del mercato, GURI Nru 240, tat-13 ta' Ottubru 1990, p. 3, iktar 'il quddiem il-"Liġi Nru 287/90"), jipprojbixxi l-akkordji bejn impriżi li jkollhom bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni, b'mod sostanzjali, tal-kompetizzjoni fis-suq nazzjonali jew f'parti sinjifikattiva minnu.

4       Skond il-paragrafu 1 ta' dan l-istess Artikolu 2, il-ftehim u/jew il-prattiċi miftiehma bejn impriżi, kif ukoll id-deċiżjonijiet, anke jekk adottati taħt dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari, ta' konsorzji, ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi u ta' korpi oħra simili, huma kkunsidrati bħala "akkordji".

5       Skond l-Artikolu 2(3) tal-Liġi Nru 287/90, l-akkordji projbiti huma nulli u mingħajr effett.

6       L-Artikolu 33(2) ta' din il-liġi jispeċifika li l-azzjonijiet għall-annullament u għad-danni, kif ukoll l-azzjonijiet intiżi għall-ksib ta' miżuri provviżorji f'dak li jirrigwarda l-ksur tad-dispożizzjonijiet previsti fit-Titoli I sa IV ta' l-imsemmija liġi, fosthom l-Artikolu 2, għandhom jitressqu quddiem il-Corte d’appello li jkollha l-kompetenza territorjali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7       Permezz ta' deċiżjonijiet tat-8 ta' Settembru u ta' l-10 ta' Novembru 1999 kif ukoll tat-3 ta' Frar 2000, l-AGCM bdiet, fil-konfront ta' diversi kumpanniji ta' l-assigurazzjoni, fosthom it-tliet kumpanniji konvenuti fil-kawża prinċipali, il-proċedura ta' ksur prevista fl-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 287/90. Dawn il-kumpanniji ġew akkużati li ħadu sehem f'akkordju li kellu bħala għan "il-bejgħ abbinat ta' diversi prodotti u l-iskambju ta' informazzjoni bejn impriżi li jikkompetu ma' xulxin". F'dak li jirrigwarda dawn il-kawżi, huwa rilevanti biss l-akkordju għall-iskambju ta' informazzjoni bejn impriżi li jikkompetu ma' xulxin.

8       L-AGCM osservat li, kuntrarjament għal dak li ġara fil-kumplament ta' l-Ewropa, fl-Italja kien hemm, matul il-perijodu bejn l-1994 u l-1999, żieda mhux normali u dejjem tikber fil-premiums ta' l-assigurazzjoni RC, li hija obbligatorja.

9       L-AGCM osservat ukoll li s-suq tal-poloz ta' l-assigurazzjoni RC auto jippreżenta ostakoli sinjifikattivi għad-dħul, li ġew stabbiliti prinċipalment minħabba l-ħtieġa li jitwaqqaf netwerk effiċjenti ta' distribuzzjoni u netwerk ta' ċentri għal-likwidazzjoni tal-kumpens għall-inċidenti fil-pajjiż kollu.

10     Matul il-proċeduri li nżammu quddiemha, l-AGCM kisbet dokumentazzjoni li minnha kien jirriżulta li bejn id-diversi kumpanniji ta' l-assigurazzjoni li kienu joffru assigurazzjoni RC auto kien hemm skambju estiż u mifrux ta' informazzjoni dwar l-aspetti kollha ta' l-attività ta' l-assigurazzjoni, jiġifieri, b'mod partikolari, il-prezzijiet, it-tnaqqis, id-dħul, l-ispejjeż ta' l-inċidenti u tad-distribuzzjoni.

11     Fid-deċiżjoni finali tagħha Nru 8546 (I377), tat-28 ta' Lulju 2000 (Bolletino 30/2000 ta' l-14 ta' Awwissu 2000) l-AGCM ikkonstatat li l-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni in kwistjoni kienu implementaw ftehim illegali li kellu bħala għan l-iskambju ta' informazzjoni dwar is-settur ta' l-assigurazzjoni. Dan il-ftehim ippermetta li dawn l-impriżi li jikkoordinaw u jistabbilixxu l-premiums ta' l-assigurazzjoni RC auto b'mod li jimponu żidiet sinjifikattivi tal-premiums fuq l-utenti, żidiet li ma kinux iġġustifikati mill-kundizzjonijiet tas-suq u li ma setgħux jiġu evitati mill-konsumaturi.

12     Id-deċiżjoni tal-AGCM, li ġiet ikkontestata mill-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni, ġiet essenzjalment ikkonfermata mit-Tribunale Amministrativo regionale per il Lazio u mill-Consiglio di Stato.

13     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu r-rikorsi rispettivi tagħhom quddiem il-Giudice di pace di Bitonto sabiex kull kumpannija ta' l-assigurazzjoni kkonċernata tiġi kkundannata tħallas lura ż-żidiet fil-premiums imħallsa minħabba l-akkordju li ġie ddikjarat illegali mill-AGCM.

14     Mill-osservazzjonijiet ta' Assitalia jirriżulta li, skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-inkjesta li saret mill-AGCM kixfet li l-prezz medju tal-poloz ta' assigurazzjoni RC auto kien 20% ogħla mill-prezz li kienu jġibu dawn il-poloz li kieku l-imġiba kompetittiva tal-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni ma ġietx mibdula mill-prattika miftiehma. Mill-ksur imwettaq mill-kumpanniji li ħadu sehem f'din il-prattika, għalhekk, irriżulta dannu għall-konsumaturi finali, dannu li jinsab preċiżament fil-ħlas ta' premium ta' assigurazzjoni RC auto li fil-medja kien 20% ogħla minn dak li dawn kien ikollhom iħallsu li kieku ma nkisrux ir-regoli tal-kompetizzjoni.

15     Il-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni fil-kawża prinċipali b'mod partikolari eċċepew l-inkompetenza tal-Giudice di pace di Bitonto skond l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 287/90 kif ukoll il-preskrizzjoni tad-dritt għall-ħlas lura u/jew għall-kumpens tad-dannu.

16     Il-qorti ta' rinviju tqis li, peress li xi kumpanniji ta' l-assigurazzjoni ta' Stati Membri oħra li joperaw ukoll fl-Italja wkoll ħadu sehem fil-ftehim ikkundannat mill-AGCM, l-akkordju in kwistjoni jikser mhux biss l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 287/90 iżda wkoll l-Artikolu 81 KE li l-paragrafu 2 tiegħu jiddikjara null kull akkordju u deċiżjoni projbiti.

17     Issa, kull terz, inkluż il-konsumatur u l-utent finali ta' servizz, jista' jidhirlu li għandu d-dritt li jsostni n-nullità ta' akkordju projbit mill-Artikolu 81 KE u li jitlob kumpens għad-dannu subit jekk ikun hemm rabta kawżali bejn dan ta' l-aħħar u l-akkordju projbit.

18     Jekk dan ikun il-każ, dispożizzjoni bħal dik ta' l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 287/90 tista' tiġi meqjusa li tmur kontra d-dritt Komunitarju. Fil-fatt, it-termini u l-ispejjeż relattivi għal kawża quddiem il-Corte d'appello huma, rispettivament, ħafna itwal u ogħla minn dawk relattivi għal kawża quddiem il-Giudice di pace, u dan jista' jikkomprometti l-effikaċja ta' l-Artikolu 81 KE.

19     Il-qorti ta' rinviju għandha wkoll dubji dwar kemm it-termini ta' preskrizzjoni tar-rikorsi għad-danni u l-ammont tal-kumpens li għandu jiġi likwidat, li huma stabbiliti mid-dritt nazzjonali, huma kompatibbli ma' l-Artikolu 81 KE.

20     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li, fil-kawżi C-295/04 sa C-297/04, il-Giudice di Pace di Bitonto ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikolu 81 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddikjara null akkordju jew prattika miftiehma bejn kumpanniji ta' l-assigurazzjoni, li jkun jikkonsisti fi skambju reċiproku ta' informazzjoni li jista' jippermetti żieda fil-premiums ta' l-assigurazzjoni RC auto, li ma tkunx iġġustifikata mill-kundizzjonijiet tas-suq, fid-dawl, b'mod partikolari, tas-sehem ta' impriżi ta' diversi Stati Membri fl-akkordju jew fil-prattika miftiehma?

2)      L-Artikolu 81 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil terzi li jkollhom interess ġuridikament rilevanti li jsostnu n-nullità ta' akkordju jew ta' prattika li jkun ipprojbit minn din id-dispożizzjoni Komunitarja u li jitolbu kumpens għad-dannu subit meta jkun hemm rabta kawżali bejn l-akkordju jew il-prattika miftiehma u d-dannu?

3)      L-Artikolu 81 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi kkunsidrat li t-terminu ta' preskrizzjoni ta' l-azzjoni għad-danni bbażata fuq dan l-Artikolu jibda jiddekorri mill-jum li fih ġie implementat l-akkordju jew il-prattika miftiehma jew mill-jum li fih ġie fi tmiemu l-akkordju jew il-prattika miftiehma?

4)      L-Artikolu 81 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li meta l-qorti nazzjonali tinduna li l-kumpens li jista' jiġi likwidat skond id-dritt nazzjonali huwa f'kull każ inqas mill-vantaġġ ekonomiku miksub mill-impriża li kkawżat id-dannu u li ħadet sehem fl-akkordju jew fil-prattika miftiehma pprojbita, hija għandha tillikwida ex officio lit-terz li sofra dannu dawk id-danni li għandhom in-natura ta' penali u li huma meħtieġa sabiex jagħmlu d-dannu li għalih jingħata kumpens ikbar mill-vantaġġ miksub mill-impriża, bil-għan li tiskoraġġixxi l-implementazzjoni ta' akkordji jew ta' prattiċi miftiehma projbiti mill-Artikolu 81 KE?"

21     Fil-kawża C-298/04, il-Giudice di Pace di Bitonto ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikolu 81 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddikjara null akkordju jew prattika miftiehma bejn kumpanniji ta' l-assigurazzjoni, li jkun jikkonsisti fi skambju reċiproku ta' informazzjoni li jista' jippermetti żieda fil-premiums ta' l-assigurazzjoni RC auto, li ma tkunx iġġustifikata mill-kundizzjonijiet tas-suq, fid-dawl, b'mod partikolari, tas-sehem ta' impriżi ta' diversi Stati Membri fl-akkordju jew fil-prattika miftiehma?

2)      L-Artikolu 81 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta' regola nazzjonali bħall-Artikolu 33 tal-Liġi [Nru 287/90], li tgħid li t-talba għall-kumpens għall-ksur tad-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali li jirrigwardaw l-akkordji antikompetittivi għandha titressaq, anke minn terzi, quddiem qorti li ma tkunx dik ordinarjament kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet ta' l-istess valur, u li għalhekk iġġib magħha żieda kunsiderevoli fl-ispejjeż u fit-tul tal-kawża?

3)      L-Artikolu 81 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil terzi li jkollhom interess ġuridikament rilevanti li jsostni n-nullità ta' akkordju jew ta' prattika li tkun ipprojbita minn din id-dispożizzjoni Komunitarja u li jitolbu kumpens għad-dannu subit meta jkun hemm rabta kawżali bejn l-akkordju jew il-prattika miftiehma u d-dannu?

4)      L-Artikolu 81 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi kkunsidrat li t-terminu ta' preskrizzjoni ta' l-azzjoni għad-danni bbażata fuq dan l-Artikolu jibda jiddekorri mill-jum li fih ġie implementat l-akkordju jew il-prattika miftiehma jew mill-jum li fih ġie fi tmiemu l-akkordju jew il-prattika miftiehma?

5)      L-Artikolu 81 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li meta l-qorti nazzjonali tinduna li l-kumpens li jista' jiġi likwidat skond id-dritt nazzjonali huwa f'kull każ inqas mill-vantaġġ ekonomiku miksub mill-impriża li kkawżat id-dannu u li ħadet sehem fl-akkordju jew fil-prattika miftiehma pprojbita, hija għandha tillikwida ex officio lit-terz li sofra dannu dawk id-danni li għandhom in-natura ta' penali u li huma meħtieġa sabiex jagħmlu d-dannu li għalih jingħata kumpens ikbar mill-vantaġġ miksub mill-impriża, bil-għan li tiskoraġġixxi l-implementazzjoni ta' akkordji jew ta' prattiċi miftiehma projbiti mill-Artikolu 81 KE?"

22     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Settembru 2004, il-kawżi C-295/04 sa C-298/04 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

23     Assitalia ssostni, l-ewwel nett, li l-espożizzjoni tal-kuntest fattwali u ta' dritt li fuqha huma bbażati d-domandi preliminari hija insuffiċjenti u ambigwa sal-punt li la tippermetti lill-partijiet kollha potenzjalment ikkonċernati li jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom f'dan ir-rigward b'mod xieraq u lanqas lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli għall-imsemmija domandi.

24     It-tieni nett, Assitalia ssostni li d-domandi preliminari mqajma mill-Giudice di Pace di Bitonto huma inammissibbli safejn dawn huma intiżi għall-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni tat-Trattat KE li hija manifestament inapplikabbli għall-kawżi prinċipali.

25     Fil-fatt, l-akkordju in kwistjoni fil-kawżi prinċipali pproduċa effetti li kienu limitati għat-territorju Taljan u, għaldaqstant, ma kienx ta' dannu konsiderevoli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta' l-Artikolu 81 KE (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta' Jannar 1999, Bagnasco et, C-215/96 u C-216/96, Ġabra p. I-135). Barra minn hekk, in-non-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE ma ġietx ikkontestata quddiem il-qrati nazzjonali u d-deċiżjoni tal-AGCM, ibbażata fuq l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 287/90, saret definittiva. Barra minn dan, l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 287/90 jipprovdi li d-dispożizzjonijiet ta' din ta' l-aħħar "japplikaw għall-akkordji, għall-abbużi ta' pożizzjoni dominanti u għall-konċentrazzjonijiet ta' impriżi li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni […] ta' l-Artikoli [81 KE] u/jew [82 KE], tar-regolamenti […] jew ta' l-atti Komunitarji li għandhom effett normattiv ekwivalenti".

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li trid tieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta' deċiżjoni preliminari sabiex tkun f'pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi preliminari magħmula huma dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tiddeċiedi (ara, b'mod partikolari, sentenzi tal-15 ta' Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59, u ta' l-10 ta' Novembru 2005, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, C-316/04, Ġabra p. I-9759, punt 29).

27     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, f'każijiet eċċezzjonali, hija għandha teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom tiġi adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21). Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari, magħmula minn qorti nazzjonali, huwa possibbli biss meta jidher b'mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju m'għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta' natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta' fatt u ta' dritt meħtieġa sabiex twieġeb b'mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Bosman, punt 61, u Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, punt 30)

28     F'din il-kawża ma teżisti l-ebda waħda minn dawn l-ipoteżijiet.

29     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-deċiżjoni ta' rinviju u l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali pprovdew lill-Qorti tal-Ġustizzja biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista' tinterpreta r-regoli ta' dritt Komunitarju fir-rigward tas-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta' Marzu 1994, Vaneetveld, C-316/93, Ġabra p. I-763, punt 14, u tal-21 ta' Settembru 1999, Wijsenbeek, C-378/97, Ġabra p. I-6207, punt 21).

30     Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li tallega Assitalia, ma jidhirx b'mod manifest li l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE m'għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, l-oġġezzjoni mressqa minn Assitalia bbażata fuq l-inapplikabbiltà ta' dan l-Artikolu għall-kawżi prinċipali ma tirrigwardax l-ammissibbiltà ta' dawn il-kawżi, iżda tikkonċerna l-mertu ta' l-ewwel domanda.

31     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Artikoli 81 KE u 82 KE jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ta' ordni pubbliku li għandhom jiġu applikati ex ufficio mill-qrati nazzjonali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-1 ta' Ġunju 1999, Eco Swiss, C-126/97, Ġabra p. I-3055, punti 39 u 40).

32     Minn dan isegwi li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda fil-kawżi C-295/04 sa C-298/04

33     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta' rinviju essenzjalment tistaqsi jekk akkordju jew prattika miftiehma, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, bejn kumpanniji ta' l-assigurazzjoni, li jikkonsisti fi skambju reċiproku ta' informazzjoni li jista' jagħti lok għal żieda fil-premiums ta' l-assigurazzjoni RC auto, mhux iġġustifikata mill-kundizzjonijiet tas-suq, li jikkostitwixxi ksur tar-regoli nazzjonali fuq il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, jistax ukoll jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 81 KE, fid-dawl b'mod partikolari tas-sehem ta' impriżi ta' diversi Stati Membri fl-akkordju jew fil-prattika miftiehma.

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

34     Assitalia tissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi li, fid-dawl tan-natura purament ġenerika u strumentali tad-domanda, mhuwiex possibbli li tingħata risposta utli fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE.

35     Il-Gvern Taljan iqis li l-Artikolu 81 KE ma japplikax għal akkordju bħalma huwa dak fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, sabiex imġiba antikompetittiva taqa' taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja, għandhom jiġu sodisfatti numru ta' kriterji li jmorru lil hinn minn sempliċi parteċipazzjoni ta' imprizi ta' Stati Membri oħra.

36     Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li l-Artikolu 81 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi akkordju jew prattika miftiehma bejn impriżi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, meta, abbażi ta' numru ta' elementi ta' dritt jew ta' fatt, ikun possibbli li wieħed jipprevedi bi grad ta' probabbiltà suffiċjenti li l-akkordju jew il-prattika miftiehma in kwistjoni għandu influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-fatt li ċerti impriżi ta' Stati Membri oħra ħadu sehem f'dan l-akkordju jew f'din il-prattika miftiehma ma jikkostitwixxix fih innifsu element suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-imsemmija akkordju jew prattika miftiehma għandu tali influwenza fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37     Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni Assitalia, din id-domanda hija preċiża biżżejjed sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

38     Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-dritt Komunitarju u d-dritt nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni japplikaw parallelament peress li dawn jikkunsidraw il-prattiċi restrittivi minn aspetti differenti. Filwaqt li l-Artikoli 81 KE u 82 KE jikkunsidrawhom fid-dawl ta' l-ostakoli li dawn jistgħu joħolqu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-leġiżlazzjoni interna, ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet speċifiċi għal kull Stat Membru, jikkunsidraw il-prattiċi restrittivi biss f'dan il-kuntest (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta' Frar 1969, Wilhelm et, 14/68, Ġabra p. 1, punt 3; ta' l-10 ta' Lulju 1980, Giry et Guerlain et, 253/78 u 1/79 sa 3/79, Ġabra p. 2327, punt 15, u tad-9 ta' septembre 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union, C-137/00, Ġabra p. I-7975, punt 61).

39     Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-Artikoli 81(1) KE u 82 KE jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħolqu drittijiet għall-individwi kkonċernati li għandhom jiġu mħarsa mill-qrati nazzjonali (ara s-sentenzi tat-30 ta' Jannar 1974, BRT u SABAM, imsejħa "BRT I", 127/73, Ġabra p. 51, punt 16; tat-18 ta' Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C-282/95 P, Ġabra p. I-1503, punt 39, u ta' l-20 ta' Settembru 2001, Courage u Crehan, C-453/99, Ġabra p. I-6297, punt 23) u li l-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju jeżiġi li ma tiġix applikata kull dispożizzjoni ta' liġi nazzjonali li tmur kontra regola Komunitarja, indipendentement minn jekk tkunx daħlet fis-seħħ qabel jew wara din ir-regola (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta' Settembru 2003, CIF, C-198/01, Ġabra p. I-8055, punt 48).

40     Madankollu, kif diġà jirriżulta mill-kliem użat fl-Artikoli 81 KE u 82 KE, sabiex ir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni japplikaw għal akkordju jew għal prattika miftiehma, hemm bżonn li dan ta' l-aħħar ikun jista' jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

41     L-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' din il-kundizzjoni dwar l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri għandhom jieħdu bħala punt ta' tluq il-fatt li l-iskop tagħha huwa li jiġi ddeterminat, f'dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni, il-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju b'relazzjoni għal dak ta' l-Istati Membri. Huwa għalhekk li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju kull akkordju jew prattika miftiehma li jista' jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri b'mod li jista' jkun ta' dannu għat-twettiq ta' l-għanijiet ta' suq wieħed bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari billi jiġu iżolati s-swieq nazzjonali jew billi tiġi modifikata l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta' Mejju 1979, Hugin vs Il-Kummissjoni, 22/78, Ġabra p. 1869, punt 17, u tal-25 ta' Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, point 47).

42     Sabiex ikunu jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri, deċiżjoni, akkordju jew prattika miftiehma għandhom jippermettu, abbażi ta' numru ta' elementi oġġettivi ta' dritt u ta' fatt, li wieħed jipprevedi bi grad ta' probabbiltà suffiċjenti li huma jista' jkollhom influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b'mod li joħolqu l-biża' li jistgħu jostakolaw ir-realizzazzjoni ta' suq wieħed bejn l-Istati Membri (ara s-sentenzi tal-11 ta' Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra p. 2545, punt 22, u Ambulanz Glöckner, iċċitata iktar 'il fuq, punt 48). Barra minn dan, din l-influwenza m'għandhiex tkun insinjifikanti (sentenza tat-28 ta' April 1998, Javico, C-306/96, Ġabra p. I-1983, punt 16).

43     Għalhekk, ġeneralment l-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju jirriżulta mit-tagħqid flimkien ta' diversi elementi li, meħuda waħedhom, mhux bilfors huma determinanti (ara s-sentenzi Bagnesco et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47, u tad-29 ta' April 2004, British Sugar vs Il-Kummissjoni, C-359/01 P, Ġabra p. I-4933, punt 27).

44     F'dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat, kif ġustament għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-sempliċi fatt li fost dawk li jkunu ħadu sehem fl-akkordju wieħed isib ukoll operaturi minn Stati Membri oħra huwa element importanti fl-evalwazzjoni li għandha ssir, iżda fih innifsu mhuwiex determinanti sabiex iwassal għall-konklużjoni li ġiet sodisfatta l-kundizzjoni relattiva għall-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

45     Min-naħa l-oħra, il-fatt li akkordju jkollu biss bħala skop il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti fi Stat Membru wieħed mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż li l-kummerċ bejn Stati Membri jista' jintlaqat (ara s-sentenza tal-11 ta' Lulju 1989, Belasco et vs Il-Kummissjoni, 246/86, Ġabra p. I-2117, punt 33). Fil-fatt, akkordju li jkun mifrux fuq it-territorju kollu ta' Stat Membru għandu, min-natura tiegħu, l-effett li jikkonsolida d-diviżjonijiet ta' natura nazzjonali, u b'hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat (sentenzi tas-17 ta' Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs Il-Kummissjoni, 8/72, Ġabra p. 977, punt 29; tal-11 ta' Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22, u tat-8 ta' Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-35/96, Ġabra p. I- 3851, punt 48).

46     Barra minn dan, f'dak li jirrigwarda s-servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-influwenza fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri tista' tikkonsisti fil-fatt li l-attivitajiet in kwistjoni jiġu organizzati b'mod li s-suq komuni jiġi diviż u tiġi ostakolata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li hija waħda mill-għanijiet tat-Trattat (ara s-sentenzi ta' l-4 ta' Mejju 1988, Bodson, 30/87, Ġabra p. 2479, punt 24, u Ambulanza Glöckner, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49).

47     Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq nazzjonali in kwistjoni, jeżistix grad suffiċjenti ta' probabbiltà li l-akkordju jew il-prattika miftiehma in kwistjoni fil-kawża prinċipali jista' jkollu influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq il-bejgħ tal-poloz ta' l-assigurazzjoni RC auto fl-Istat Membru kkonċernat minn operaturi minn Stati Membri oħra u li din l-influwenza mhijiex insinjifikanti.

48     Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2002, Payroll et, C-79/01, Ġabra p. I‑8923, punt 29).

49     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li dan huwa suq miftuħ għall-provvista ta' servizzi minn operaturi minn Stati Membri oħra, il-membri li jieħdu sehem f'akkordju nazzjonali dwar il-prezzijiet jistgħu jżommu s-sehem fis-suq tagħhom biss jekk jipproteġu rwieħhom kontra l-kompetizzjoni barranija (ara, f'dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Belasco et vs Il-Kummissjoni, punt 34, u British Sugar vs Il-Kummissjoni, punt 28).

50     Issa, id-deċiżjoni ta' rinviju tindika li l-AGCM osservat li s-suq tal-poloz ta' l-assigurazzjoni RC auto jippreżenta ostakoli sinjifikattivi għad-dħul, li ġew stabbiliti prinċipalment minħabba l-ħtieġa li jitwaqqaf netwerk effiċjenti ta' distribuzzjoni u netwerk ta' ċentri għal-likwidazzjoni ta' kumpens għall-inċidenti fl-Italja kollha. Madankollu, il-qorti ta' rinviju tosserva wkoll li kumpanniji ta' l-assigurazzjoni ta' Stati Membri oħra li joperaw ukoll fl-Italja wkoll ħadu sehem fil-ftehim ikkundannat mill-AGCM. Għalhekk jidher li dan huwa suq miftuħ għall-provvista ta' servizzi minn kumpanniji ta' l-assigurazzjoni ta' Stati Membri oħra, minkejja li l-imsemmija ostakoli jagħmlu l-provvista ta' dawn is-servizzi iktar diffiċli.

51     F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija b'mod partikolari l-qorti ta' rinviju li għandha teżamina jekk l-eżistenza ta' l-akkordju jew tal-prattika miftiehma setgħetx diġà jkollha effett dissważiv fuq il-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni ta' Stati Membri oħra li ma joperawx fl-Italja, b'mod partikolari billi tippermetti l-koordinazzjoni u l-iffissar tal-premiums ta' l-assigurazzjoni RC auto f'livell tali li l-bejgħ ta' tali assigurazzjoni minn dawn il-kumpanniji ma jkunx lukrattiv (ara, f'dan is-sens, is-sentenza British Sugar, iċċitata iktar 'il fuq, punti 29 u 30).

52     Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-kawżi C-295/04 sa C-298/04 għandha tkun li akkordju jew prattika miftiehma, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, bejn kumpanniji ta' l-assigurazzjoni, li jikkonsisti fi skambju reċiproku ta' informazzjoni li jista' jagħti lok għal żieda fil-premiums ta' l-assigurazzjoni RC auto, mhux iġġustifikata mill-kundizzjonijiet tas-suq, li jikkostitwixxi ksur tar-regoli nazzjonali fuq il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, jista' wkoll jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 81 KE jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq nazzjonali in kwistjoni, jeżisti grad suffiċjenti ta' probabbiltà li l-akkordju jew il-prattika miftiehma in kwistjoni jista' jkollu influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq il-bejgħ tal-poloz ta' din l-assigurazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat minn operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra u li din l-influwenza mhijiex insinjifikanti.

 Fuq it-tieni domanda fil-kawżi C-295/04 sa C-297/04 u fuq it-tielet domanda fil-kawża C-298/04

53     Permezz ta' din id-domanda, li għandha tiġi eżaminata qabel it-tieni domanda fil-kawża C-298/04, il-qorti ta' rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 81 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li kull persuna għandha d-dritt li ssostni n-nullità ta' akkordju jew ta' prattika projbita minn dan l-Artikolu u, meta jkun hemm rabta kawżali bejn l-akkordju jew il-prattika miftiehma u d-dannu subit, li titlob kumpens għall-imsemmi dannu.

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

54     Assitalia tissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi fl-affermattiv filwaqt li madankollu tfakkar li, fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa ta' l-effett dirett tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni li dawn il-modalitajiet jirrispettaw il-prinċipji ta' l-ekwivalenza u ta' l-effettività (ara s-sentenza Courage u Crehan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29).

55     Skond il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, l-Artikolu 81 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil terzi li jkollhom interess ġuridikament rilevanti li jsostnu n-nullità ta' akkordju jew ta' prattika li tkun ipprojbita minn din id-dispożizzjoni Komunitarja u li jitolbu kumpens għad-dannu subit meta jkun hemm rabta kawżali bejn l-akkordju jew il-prattika miftiehma u d-dannu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56     Qabel kollox għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 81(2) KE jipprovdi li kull akkordju u deċiżjoni projbiti skond l-Artikolu 81 KE huma nulli.

57     Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din in-nullità, li tista' tiġi invokata minn kulħadd, għandha tiġi applikata mill-qorti meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE u meta l-ftehim ikkonċernat ma jistax jiġġustifika l-għoti ta' eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE (ara, fuq dan l-aħħar punt, b'mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta' Lulju 1969, Portelange, 10/69, Ġabra p. 309, punt 10). Peress li n-nullità prevista fl-Artikolu 81(2) KE hija ta' natura assoluta, ftehim li jkun null bis-saħħa ta' din id-dispożizzjoni huwa bla effett fir-relazzjonijiet bejn il-kontraenti u ma jistax jiġi infurzat kontra terzi (ara s-sentenza tal-25 ta' Novembru 1971, Béguelin, 22/71, Ġabra p. 949, punt 29). Barra minn dan, hija tolqot l-effetti kollha kkonċernati, tal-passat jew tal-futuri, ta' l-akkordju jew tad-deċiżjoni (ara s-sentenzi tas-6 ta' Frar 1973, Brasserie de Haecht, 48/72, Ġabra p. 77, punt 26, u Courage et Crehan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22).

58     Barra minn dan, kif ġie mfakkar fil-punt 39 ta' din is-sentenza, l-Artikolu 81(1) KE jipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħloq drittijiet għall-individwi kkonċernati li għandhom jiġu mħarsa mill-qrati nazzjonali.

59     Minn dan isegwi li kull persuna għandha d-dritt li tinvoka fil-qorti l-ksur ta' l-Artikolu 81 KE (ara s-sentenza Courage u Crehen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24) u, għaldaqstant, li ssostni n-nullità ta' akkordju jew prattika pprojbita minn dan l-Artikolu.

60     Wara dan, f'dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn kuntratt jew imġiba li jista' joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-effettività sħiħa ta' l-Artikolu 81 KE u, b'mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiegħu jiġu ppreġudikati li kieku ma kienx possibbli għal kull persuna li titlob kumpens għad-dannu li jkun ikkawżalha kuntratt jew imġiba li jista' joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Courage u Crehan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26).

61     Minn dan isegwi li kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għal dannu subit meta jkun hemm rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u akkordju jew prattika projbita mill-Artikolu 81 KE.

62     Fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa ta' l-effett dirett tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta' natura interna (prinċipju ta' l-ekwivalenza) u li ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta' l-effettività) (ara s-sentenzi ta' l-10 ta' Lulju 1997, Palmisani, C-261/95, Ġabra p. I-4025, punt 27, u Courage u Crehan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29).

63     Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda fil-kawżi C-295/04 sa C-297/04 u għat-tielet domanda fil-kawża C-298/04 għandha tkun li l-Artikolu 81 għandu jiġi interpretat fis-sens li kull persuna għandha d-dritt li ssostni n-nullità ta' akkordju jew ta' prattika pprojbita minn dan l-Artikolu u, meta jkun hemm rabta kawżali bejn l-akkordju jew il-prattika miftiehma u d-dannu subit, li titlob kumpens għall-imsemmi dannu.

64     Fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku ta' kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt, fosthom dawk ta' l-applikazzjoni tal-kunċett ta' "rabta kawżali", bil-kundizzjoni li jkunu rrispettati l-prinċipji ta' l-ekwivalenza u ta' l-effettività.

 Fuq it-tieni domanda fil-kawża C-298/04

65     Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 81 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 287/90, li tipprovdi li t-terzi għandhom iressqu r-rikorsi għad-danni tagħhom minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji u nazzjonali quddiem qorti li ma tkunx dik ordinarjament kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta' rikorsi għal danni ta' l-istess valur, u li b'dan il-mod iġġib magħha żieda konsiderevoli fl-ispejjeż u fit-tul tal-kawża.

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

66     Assitalia tosserva li l-Artikolu 33(2) tal-Liġi Nru 287/90 japplika biss għar-rikorsi għad-danni bbażati fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipproteġu l-kompetizzjoni u li, għall-kuntrarju, ir-rikorsi għad-danni bbażati fuq il-ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE jaqgħu, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet legali espressi, taħt il-kompetenza tal-qrati ordinarji.

67     Għalhekk, fid-dawl tal-prinċipju ta' l-awtonomija proċedurali, li kieku l-qorti nazzjonali kellha tintalab tivverifika r-rispett tal-prinċipji ta' l-ekwivalenza u ta' l-effettività f'dak li jirrigwarda l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 287/90, hija jkollha tosserva li s-sitwazzjoni ġuridika bbażata fuq id-dritt Komunitarju hija protetta aħjar, fid-dawl tal-garanzija tad-doppju eżami, meta mqabbla ma' dik ibbażata fuq id-dritt nazzjonali.

68     Il-Gvern Taljan isostni li l-għażla li tirrigwarda l-għoti tal-kompetenza għas-smigħ tal-kawżi in kwistjoni tiddependi esklużivament mill-organizzazzjoni ġudizzjarja ta' kull wieħed mill-Istati Membri, bla ħsara għall-prinċipji ta' l-ekwivalenza u ta' l-effettività.

69     Il-Kummissjoni ssostni li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi regoli ta' kompetenza għall-azzjonijiet ċivili bbażati fuq il-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni li huma differenti minn dawk applikabbli għal azzjonijiet simili ta' natura interna hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju meta r-regoli ta' l-ewwel ma jkunux inqas favorevoli mir-regoli ta' l-aħħar u ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mill-ordinament ġuridiku Komunitarju prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70     Qabel kollox, f'dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk l-Artikolu 33(2) tal-Liġi Nru 287/90 japplikax biss għar-rikorsi għad-danni bbażati fuq il-ksur tar-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni jew japplikax ukoll għar-rikorsi għad-danni bbażati fuq il-ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali u lanqas m'għandha teżamina l-applikazzjoni tagħha fil-każ in eżami (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Dietz, C-435/93, Ġabra p. I-5223, punt 39, u tad-19 ta' Jannar 2006, Bouanich, C-265/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 51).

71     Wara dan, kif jirriżulta mill-punt 62 ta' din is-sentenza, fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u jistabbilixxi l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa ta' l-effett dirett tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta' natura interna (prinċipju ta' l-ekwivalenza) u li ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta' l-effettività).

72     Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda fil-kawża C-298/04 għandha tkun li, fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni tar-rikorsi għad-danni bbażati fuq ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u jistabbilixxi l-modalitajiet proċedurali għal dawn ir-rikorsi, bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati ma jkunux anqas favorevoli minn dawk relattivi għar-rikorsi għad-danni bbażati fuq ksur tar-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni u li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju jew prattika projbita mill-Artikolu 81 KE prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

 Fuq it-tielet domanda fil-kawżi C-295/04 sa C-297/04 u fuq ir-raba' domanda fil-kawża C-298/04

73     Permezz ta' din id-domanda, il-qorti ta' rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 81 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tgħid li t-terminu ta' preskrizzjoni sabiex jintalab kumpens għal dannu kkawżat minn akkordju jew prattika projbita mill-Artikolu 81 KE jibda jiddekorri mill-jum li fih ġie implementat dan l-akkordju jew prattika projbita.

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

74     Assitalia tosserva li, skond il-prinċipju ta' l-awtonomija proċedurali, hija l-qorti nazzjonali li għandha, fir-rispett tal-prinċipji ta' l-ekwivalenza u ta' l-effettività, tiddetermina, fid-dawl tal-ordinament ġuridiku tagħha, liema huma t-termini ta' preskrizzjoni u l-modalitajiet ta' applikazzjoni tagħhom (ara s-sentenza ta' l-14 ta' Diċembru 1995, Peterbroeck, C-312/93, Ġabra p. I-4599).

75     Il-Gvern Taljan isostni li l-protezzjoni kontra l-effetti negattivi li jirriżultaw mill-akkordju jkollha effett mill-jum li fih din ta' l-aħħar tkun ġiet implementata. Huwa għalhekk minn dan il-mument li jibda jiddekorri t-terminu ta' preskrizzjoni ta' l-azzjoni għad-danni bbażata fuq l-Artikolu 81 KE.

76     Il-Kummissjoni ssostni li, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet Komunitarji f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku ta' kull Stat Membru li għandu jirregola l-kwistjonijiet bħalma huma dawk tad-dekors tat-terminu ta' preskrizzjoni li fih jistgħu jitressqu l-azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li dan it-terminu ma jkunx inqas favorevoli minn dak applikabbli għar-rikorsi simili ta' natura interna u ma jagħmilx l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

77     Kif ġie mfakkar fil-punt 62 ta' din is-sentenza, fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa ta' l-effett dirett tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni li dawn il-modalitajiet jirrispettaw il-prinċipji ta' l-ekwivalenza u ta' l-effettività.

78     Regola nazzjonali li tipprovdi li t-terminu ta' preskrizzjoni sabiex jitressaq rikors għad-danni jibda jiddekorri mill-jum li fih l-akkordju jew il-prattika miftiehma ġiet implementata, tista' tagħmilha prattikament impossibbli li jiġi eżerċitat id-dritt li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn dan l-akkordju jew prattika projbita, b'mod partikolari jekk din ir-regola nazzjonali tipprovdi wkoll terminu ta' preskrizzjoni qasir u jekk dan it-terminu ma jistax jiġi sospiż.

79     Fil-fatt, f'sitwazzjoni bħal din, fil-każ ta' ksur kontiwu jew ripetut, mhuwiex eskluż li t-terminu ta' preskrizzjoni jiskadi saħansitra qabel ma jinġieb fi tmiemu l-ksur, f'liema każ ma jkunx possibbli għal kull min ikun sofra dannu li jressaq rikors qabel l-iskadenza tat-terminu ta' preskrizzjoni.

80     Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tar-regola nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

81     Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda fil-kawżi C-295/04 sa C-297/04 u għar-raba' domanda fil-kawża C-298/04 għandha tkun li, fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi t-terminu ta' preskrizzjoni sabiex jintalab kumpens għal dannu kkawżat minn akkordju jew prattika pprojbita mill-Artikolu 81 KE, bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati l-prinċipji ta' l-ekwivalenza u ta' l-effettività.

82     F'dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk regola nazzjonali li tipprovdi li t-terminu ta' preskrizzjoni sabiex jintalab kumpens għal dannu kkawżat minn akkordju jew prattika pprojbita mill-Artikolu 81 KE jibda jiddekorri mill-jum li fih l-akkordju jew il-prattika miftiehma ġiet implementata, b'mod partikolari jekk din ir-regola nazzjonali tipprovdi wkoll terminu ta' preskrizzjoni qasir u jekk dan it-terminu ma jistax jiġi sospiż, tagħmilx l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu subit prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

 Fuq ir-raba' domanda fil-kawżi C-295/04 sa C-297/04 u fuq il-ħames domanda fil-kawża C-298/04

83     Permezz ta' din id-domanda, il-qorti ta' rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 81 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jagħtu danni li għandhom in-natura ta' penali, sabiex il-kumpens ikun ikbar mill-vantaġġ miksub mill-operatur ekonomiku li jkun kiser din id-dispożizzjoni u b'hekk jiskoraġġixxi l-implementazzjoni ta' akkordji jew ta' prattiċi projbiti mill-Artikolu 81 KE.

 Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

84     Assitalia ssostni li l-kwistjoni dwar ir-rikonoxximent ta' danni punittivi lit-terz li sofra dannu minħabba mġiba antikompetittiva taqa' għall-darb'oħra taħt il-prinċipju ta' l-awtonomija proċedurali. Safejn fil-fatt ma teżisti ebda leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta' danni punittivi, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tal-kumpens, dejjem fir-rispett tal-prinċipji ta' l-ekwivalenza u ta' l-effettività (ara b'mod partikolari, f'dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punti 89 u 90).

85     Il-Gvern Taljan isostni li l-istitut tad-danni punittivi ma jagħmilx parti mill-ordinament ġuridiku Taljan u mir-raġuni li tiġġustifika l-istitut tad-danni. Fil-fatt, dan ta' l-aħħar huwa maħsub bħala miżura kompensatorja għad-dannu subit u pprovat mill-vittma. Fl-ebda każ ma jista' jkollu funzjoni punittiva jew repressiva peress li tali funzjoni taqa' fl-ambitu tal-liġi.

86     Il-Gvern Ġermaniż isostni li din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva.

87     Skond il-Gvern Awstrijak, mhuwiex meħtieġ, sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE, li t-terz li jkun sofra dannu jingħata danni li għandhom in-natura ta' penali, peress li l-arrikkiment tal-persuna li tkun sofriet dannu la huwa prospettat u lanqas meħtieġ. Il-parti l-kbira ta' l-ordinamenti ġuridiċi ta' l-Istati Membri ma jorbtux konsegwenzi ġuridiċi ta' dan it-tip ma' ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE. Minflok huma jipprovdu drittijiet ta' kumpens u ta' projbizzjoni, li huma biżżejjed għall-implementazzjoni effettiva ta' l-Artikolu 81 KE.

88     Il-Kummissjoni tqis li, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet Komunitarji f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku ta' kull Stat Membru li jirregola l-kwistjonijiet bħalma hija dik tal-likwidazzjoni tad-danni li jirriżultaw mill-ksur tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li l-kumpens tad-dannu f'tali każ ma jkunx inqas favorevoli, għall-persuna leża, mill-kumpens li din kienet tikseb permezz ta' azzjonijiet analogi ta' natura interna.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89     Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, huma l-qrati nazzjonali inkarigati biex japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li għandhom jassiguraw l-effett sħiħ ta' dawn ir-regoli u jħarsu d-drittijiet li dawn jagħtu lill-individwi (ara' b'mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta' Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punt 16, tad-9 ta' Ġunju 1990, Factortame et, C-213/89, Ġabra p. I-2433, punt 19, u Courage u Crehan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25).

90     Kif ġie mfakkar fil-punt 60 ta' din is-sentenza, l-effettività sħiħa ta' l-Artikolu 81 KE u, b'mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiegħu jiġu ppreġudikati li kieku ma kienx possibbli għal kull persuna li titlob kumpens għad-dannu li jkun ikkawżalha kuntratt jew imġiba li jista' joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni.

91     Fil-fatt, dritt bħal dan isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u huwa ta' natura li jiskoraġġixxi l-ftehim jew il-prattiċi, ta' spiss dissimilati, li jistgħu joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni. F'din il-perspettiva, l-azzjonijiet għad-danni li jitressqu quddiem il-qrati nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għaż-żamma ta' kompetizzjoni effettiva fil-Komunità (sentenza Courage u Crehan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27).

92     F'dak li jirrigwarda l-għoti ta' danni u l-eventwali possibbiltà li jingħataw danni li għandhom in-natura ta' penali, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet Komunitarji f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tal-kumpens, bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati l-prinċipji ta' l-ekwivalenza u ta' l-effettività.

93     F'dan ir-rigward, minn naħa, skond il-prinċipju ta' l-ekwivalenza, għandhom ikunu jistgħu jingħataw danni speċifiċi, bħal danni eżemplari jew punittivi, fil-kuntest ta' azzjonijiet ibbażati fuq ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, jekk dawn ikunu jistgħu jingħataw fil-kuntest ta' azzjonijiet simili bbażati fuq id-dritt intern (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq, punt 90).

94     Madankollu, skond ġurisprudenza stabbilita, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jassiguraw li l-protezzjoni tad-drittijiet garantiti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju ma ġġibx magħha arrikkiment indebitu għal dawk li jgawdu dawn id-drittijiet (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-4 ta' Ottubru 1979, Ireks-Arkady vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 238/78, Ġabra p. 2955, punt 14; tal-21 ta' Settembru 2000, Michaïlidis, C-441/98 u C-442/98, Ġabra p. I-7145, punt 31, u Courage u Crehan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30).

95     Min-naħa l-oħra, mill-prinċipju ta' l-effettività u mid-dritt ta' kull persuna li titlob kumpens għad-dannu kkawżat minn kuntratt jew minn imġiba li jista' joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni jirriżulta li l-persuni li jkunu sofrew dannu għandhom ikunu jistgħu jitolbu kumpens mhux biss għad-dannu reali (damnum emergens) iżda wkoll għat-telf ta' qligħ (lucrum cessans) kif ukoll il-ħlas ta' interessi.

96     Fil-fatt, l-esklużjoni totali tat-telf ta' qligħ mid-dannu kumpensabbli ma tistax tiġi aċċettata meta jkun hemm ksur tad-dritt Komunitarju, għaliex, speċjalment fir-rigward ta' kawżi ta' natura ekonomika jew kummerċjali, tali esklużjoni totali tan-nuqqas ta' qligħ tkun ta' natura li tagħmel il-kumpens għad-dannu effettivament impossibbli (ara s-sentenzi Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq, punt 87, u tat-8 ta' Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 91).

97     Fir-rigward tal-ħlas ta' interessi, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 31 tas-sentenza tat-2 ta' Awwissu 1993, Marshall (C-271/91, Ġabra p. I-4367) li l-għoti tagħhom, skond ir-regoli nazzjonali applikabbli, jikkostitwixxi element indispensabbli ta' kumpens.

98     Minn dan isegwi li r-risposta għar-raba' domanda fil-kawżi C-295/04 sa C-297/04 u għall-ħames domanda fil-kawża C-298/04 għandha tkun li, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet Komunitarji f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tal-kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju jew minn prattika pprojbita mill-Artikolu 81 KE, bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati l-prinċipji ta' l-ekwivalenza u ta' l-effettività.

99     Għalhekk, minn naħa, skond il-prinċipju ta' l-ekwivalenza, jekk jistgħu jingħataw danni speċifiċi, bħal danni eżemplari jew punittivi, fil-kuntest ta' azzjonijiet nazzjonali simili għall-azzjonijiet ibbażati fuq ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jingħataw ukoll fil-kuntest ta' dawn l-azzjonijiet ta' l-aħħar. Madankollu, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jassiguraw li l-protezzjoni tad-drittijiet garantiti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju ma ġġibx magħha arrikkiment indebitu għal dawk li jgawdu dawn id-drittijiet.

100   Min-naħa l-oħra, mill-prinċipju ta' l-effettività u mid-dritt ta' l-individwu li jitlob kumpens għad-dannu kkawżat minn kuntratt jew minn imġiba li jista' joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni jirriżulta li l-persuni li jkunu sofrew dannu għandhom ikunu jistgħu jitolbu kumpens mhux biss għad-dannu reali (damnum emergens) iżda wkoll għat-telf ta' qligħ (lucrum cessans) kif ukoll il-ħlas ta' interessi.

 Fuq l-ispejjeż

101   Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Akkordju jew prattika miftiehma, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, bejn kumpanniji ta' l-assigurazzjoni, li jikkonsisti fi skambju reċiproku ta' informazzjoni li jista' jagħti lok għal żieda fil-premiums ta' l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili relattiva għall-inċidenti kkawżati minn vetturi bil-mutur, bastimenti u muturi, mhux iġġustifikata mill-kundizzjonijiet tas-suq, li jikkostitwixxi ksur tar-regoli nazzjonali fuq il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, jista' wkoll jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 81 KE jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq nazzjonali in kwistjoni, jeżisti grad suffiċjenti ta' probabbiltà li l-akkordju jew il-prattika miftiehma in kwistjoni jista' jkollu influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq il-bejgħ tal-poloz ta' din l-assigurazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat minn operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra u li din l-influwenza mhijiex insinjifikanti.

2)      L-Artikolu 81 għandu jiġi interpretat fis-sens li kull persuna għandha d-dritt li ssostni n-nullità ta' akkordju jew ta' prattika pprojbita minn dan l-Artikolu u, meta jkun hemm rabta kawżali bejn l-akkordju jew il-prattika miftiehma u d-dannu subit, li titlob kumpens għall-imsemmi dannu.

Fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku ta' kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt, fosthom dawk ta' l-applikazzjoni tal-kunċett ta' "rabta kawżali", bil-kundizzjoni li jkunu rrispettati l-prinċipji ta' l-ekwivalenza u ta' l-effettività.

3)      Fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni tar-rikorsi għad-danni bbażati fuq ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u jistabbilixxi l-modalitajiet proċedurali għal dawn ir-rikorsi, bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati ma jkunux anqas favorevoli minn dawk relattivi għar-rikorsi għad-danni bbażati fuq ksur tar-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni u li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju jew prattika projbita mill-Artikolu 81 KE prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

4)      Fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi t-terminu ta' preskrizzjoni sabiex jintalab kumpens għal dannu kkawżat minn akkordju jew prattika pprojbita mill-Artikolu 81 KE, bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati l-prinċipji ta' l-ekwivalenza u ta' l-effettività.

F'dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk regola nazzjonali li tipprovdi li t-terminu ta' preskrizzjoni sabiex jintalab kumpens għal dannu kkawżat minn akkordju jew prattika pprojbita mill-Artikolu 81 KE jibda jiddekorri mill-jum li fih l-akkordju jew il-prattika miftiehma ġiet implementata, b'mod partikolari jekk din ir-regola nazzjonali tipprovdi wkoll terminu ta' preskrizzjoni qasir u jekk dan it-terminu ma jistax jiġi sospiż, tagħmilx l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu subit prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

5)      Fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet Komunitarji f'dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tal-kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju jew minn prattika pprojbita mill-Artikolu 81 KE, bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati l-prinċipji ta' l-ekwivalenza u ta' l-effettività.

Għalhekk, minn naħa, skond il-prinċipju ta' l-ekwivalenza, jekk jistgħu jingħataw danni speċifiċi, bħal danni eżemplari jew punittivi, fil-kuntest ta' azzjonijiet nazzjonali simili għall-azzjonijiet ibbażati fuq ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jingħataw ukoll fil-kuntest ta' dawn l-azzjonijiet ta' l-aħħar. Madankollu, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jassiguraw li l-protezzjoni tad-drittijiet garantiti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju ma ġġibx magħha arrikkiment indebitu għal dawk li jgawdu dawn id-drittijiet.

Min-naħa l-oħra, mill-prinċipju ta' l-effettività u mid-dritt ta' l-individwu li jitlob kumpens għad-dannu kkawżat minn kuntratt jew minn imġiba li jista' joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni jirriżulta li l-persuni li jkunu sofrew dannu għandhom ikunu jistgħu jitolbu kumpens mhux biss għad-dannu reali (damnum emergens) iżda wkoll għat-telf ta' qligħ (lucrum cessans) kif ukoll il-ħlas ta' interessi. 

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.