Language of document : ECLI:EU:C:2013:836

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

12 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46/KE — Kundizzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għal aċċess — Ġbir ta’ spejjeż eċċessivi”

Fil-Kawża C‑486/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof te’s-Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura mressqa minn

X

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn C. G. Fernlund (Relatur), President tal-Awla, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u C. Wissels, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér kif ukoll minn K. Szíjjártó u K. Molnár, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u C. Vieira Guerra, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistita minn J. Holmes, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Martenczuk u P. van Nuffel, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża ippreżentata minn X dwar il-ħlas ta’ tariffa sabiex jingħata ċertifikat awtentikat li fih data ta’ natura personali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46, bit-titolu “Dritt ta’ aċċess”, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

a)      mingħajr restrizzjoni f’perjodi raġjonevoli u mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi:

–        konferma jekk data dwaru tkunx qed tiġi pproċessata, u għall-inqas informazzjoni dwar l-għanijiet ta’ l-ipproċessar, il-kategoriji tad-data in kwistjoni, u r-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom ikun żvelat id-data,

–        komunikazzjoni lilu b’mod li tinftiehem tad-data li tkun qed tiġi pproċessata u informazzjoni oħra li jkun hemm dwar l-oriġini tiegħu,

–        għarfien tar-raġuni għal kull ipproċessar awtomatiku tad-data dwaru, għall-inqas fil-każ ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati imsemmija fl-Artikolu 15(1);

b)      skont kif jixraq, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li l-ipproċessar tiegħu ma jkunx skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-data;

ċ)      notifika lill-partijiet terzi li lilhom id-data tkun żvelata dwar kull rettifika, tħassir jew imblokk li jkunu saru skont (b), sakemm din tkun tista’ ssir jew ma tkunx titlob sforz sproporzjonat.”

 Id-dritt Olandiż

4        L-Artikolu 79 tal-Liġi dwar id-data personali miżmuma mill-awtoritajiet komunali (Wet gemeentelijke basisadministratie persoonsgegevens, Stb. 1994, Nru 494, iktar ʼil quddiem il-“Wet GBA”), jipprovdi:

“1.      Il-kulleġġ tas-sindku u tal-kunsilliera fl-amministrazzjoni għandhom jinfurmaw bil-miktub, mingħajr ħlas, fi żmien erba’ ġimgħat, lil kull min jagħmel it-talba, jekk id-data personali li tikkonċernah hijiex ipproċessata fid-database tal-amministrazzjoni. Fl-affermattiv, l-avviż bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 78(3) isir lil min jagħmel it-talba sa fejn jikkonċerna d-database komunali. [...]

2.      Il-kulleġġ tas-sindku u tal-kunsilliera fl-amministrazzjoni jagħtu aċċess mingħar spejjeż, f’terminu ta’ erba’ ġimgħat, lil kull min japplika, għad-data li tikkonċernah. [...]

3.      Il-kulleġġ tas-sindku u tal-kunsilliera fl-amministrazzjoni jikkomunikaw, fi żmien erba’ ġimgħat, lil kull min jagħrl talba, estratt (awtentikat skont talba), f’forma li tinftiehem, ta’ data personali pproċessata fid-database li jikkonċernawh u informazzjoni disponibbli dwar is-sors ta’ din id-data, sa fejn ma toriġinax mimm min jagħmel it-talba stess [...]”

5        L-Artikolu 229 tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-Komuni (Gemeentewet) huwa fformulata kif ġej:

“1.      Jistgħu jinġabru drittijiet fil-każ ta’:

[...]

b)      it-tgawdija tas-servizzi pprovduti mill-amministrazzjoni komunali jew f’isimha;

[...]”

6        L-Artikolu 229b(1) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-Komuni huwa fformulat kif ġej:

“Fir-regolamenti li fuq il-bażi tagħhom id-drittijiet fis-sens tal-Artikolu 229(1)(a) u (b) huma rċevuti, it-tariffi huma stabbiliti b’tali mod li l-prodotti stmati bbażati fuq drittijiet ma jaqbżux l-ispejjeż stmati f’dan il-każ. [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Fil-kuntest ta’ proċedura kontra deċiżjoni li timponi multa fuqu għal ksur tal-kodiċi tat-triq, X ried juri li l-avviżi ta’ rkupru ta’ din il-multa ma waslux għandu, peress li ma ntbagħtux fl-indirizz it-tajjeb. Għal dan il-għan, X talab lill-komun tiegħu ta’ residenza li jibgħatulu d-data ta’ natura personali għas-snin 2008 u 2009, b’mod partikolari l-indirizzi tiegħu suċċessivi. Bi tweġiba, dan il-komun ipprovda estratt awtentikat tad-data personali inkwistjoni, abbażi tal-Artikolu 79(3) tal-Wet GBA, u rrikjeda, bħala korrispettiv, il-ħlas ta’ tariffa ta’ EUR 12.80.

8        X ippreżenta rikors mingħajr eżitu pożittiv kontra din it-talba għal ħlas. Fl-appell quddiem il-qorti tar-rinviju, X stqarr li ma kienx staqsa għal estratt awtentikat, iżda xtaq biss jikseb id-data ta’ natura personali li tirrigwardah, fuq il-bażi ġuridika tal-liġi li tirregola l-aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-amministrazzjoni (Wet van Openbaarheid Bestuur). Fid-dawl ta’ din il-bażi legali, X iqis li ebda tariffa ma tista’ tintalab mingħandu.

9        Min-naħa tagħha, il-komun ikkonċernat iqis li d-data personali inkwistjoni tista’ tiġi pprovduta biss permezz ta’ estratt awtentikat, abbażi tal-Artikolu 79(3) tal-Wet GBA. Peress li l-komunikazzjoni hija marbuta mal-fatt li jkunu sodisfatti interessi privati, din hija servizz, fis-sens tal-Artikolu 229(1)(b) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-Komuni, li jagħti lok għall-ħlas ta’ tariffa.

10      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, minn naħa, li l-estratti awtentikati tad-data personali huma l-uniċi rrikonoxxuti u użati mill-awtoritajiet pubbliċi u, min-naħa l-oħra, li l-komunikazzjoni ta’ data li ġejja minn fajls komunali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, irrispettivament mill-bażi, fid-dritt nazzjonali, tal-applikazzjoni għal aċċess din id-data.

11      Skont l-imsemmija qorti, l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 jiggarantixxi d-dritt tal-persuna kkonċernata li tikseb mingħajr restrizzjoni f’perijodi raġonevoli u mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi, il-komunikazzjoni, b’mod li tinftiehem, tad-data li tkun qed tiġi pproċessata, kif ukoll tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-oriġini ta’ din id-data. Din l-istess qorti tqis li żewġ interpretazzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni huma possibbli:

–        il-komunikazzjoni ta’ data personali għandha sseħħ mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi, jew

–        il-komunikazzjoni ta’ data personali għandha sseħħ mingħajr dewmien żejjed jew spejjeż.

12      Fl-ewwel każ, il-ġbir ta’ dritt ikun permess, sakemm l-ammont tiegħu ma jkunx eċċessiv. Huwa pprojbit fit-tieni każ.

13      Rigward in-natura eċċessiva tad-dritt inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont l-Artikolu 229b tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-Komuni, it-tariffi huma stabbiliti b’tali mod li l-prodotti ma jeċċedux il-ħlasijiet. Dan madankollu ma jippermettix li jkun żgurat li d-drittijiet ma jaqbżux l-ispejjeż marbuta mal-komunikazzjoni ta’ data personali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll fuq il-punt dwar jekk l-ammont tal-ispejjeż miġbura jistax jitqies li huwa eċċessiv fis-sens tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46.

14      Jekk l-Artikolu 12(a) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni ta’ data personali hija b’xejn, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-ħtieġa li tipprovdi għażla għall-komunikazzjoni ta’ estratt bi ħlas skont l-Artikolu 79(3) tal-Wet GBA, b’mod partikolari billi jkun permess li d-data tintwera fuq skrin. Hija madankollu tosserva li tali konsultazzjoni ma tikkostitwixxix komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 12(a) tal-imsemmija direttiva u li l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipproteġi biss id-dritt tal-konsultazzjoni ta’ data. Il-konsultazzjoni permezz ta’ skrin tipprovdi żvantaġġ addizzjonali peress li ma tistax, kuntrarjament għall-estratt awtentikat, tiġi rrikonoxxuta bħala awtentika u eżatta mill-awtoritajiet pubbliċi (sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer, C‑553, Ġabra p. 3889 ) u ma tistax tagħti ħarsa ġenerali storika ta’ data rreġistrata.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof te’s-Gravenhage ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt ta’ aċċess (fuq il-bażi tal-Artikolu 79(2) tal-Wet GBA (Wet gemeentelijke basisadministratie persoonsgegevens — liġi dwar id-data personali miżmuma mill-amministrazzjonijiet muniċipali)) huwa konformi mal-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ data li tkun qiegħda tiġi pproċessata skont kif ipprovdut fit-tieni inċiż tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46/KE [1]?

2)      L-Artikolu 12(a) tad-Direttiva (95/46/KE) jipprekludi l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ dritt meta ssir komunikazzjoni, permezz ta’ estratt mid-database muniċipali, ta’ data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ dritt inkwistjoni hija eċċessiva fis-sens tal-Artikolu 12(a) [tal-imsemmija] Direttiva?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

16      Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(a) tad-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ġbir ta’ spejjeż għall-komunikazzjoni minn awtorità pubblika ta’ data personali.

17      L-istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea jaqblu mal-fehma li l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 jippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi li jirrikjedu l-ħlas ta’ spejjeż mhux eċċessivi għall-komunikazzjoni ta’ data personali intiża minn din id-dispożizzjoni.

18      Għandu jiġi osservat li l-verżjoni bil-lingwa Olandiża tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 tagħmel użu mill-espressjoni “bovenmatige vertraging of kosten”. Din il-formulazzjoni tħalli li jinftiehem li t-terminu “bovenmatige” (“eċċessiv”) jirrigwarda biss it-termini (“vertraging”), li jagħti x’jifhem b’hekk li d-dritt li tinkiseb komunikazzjoni tal-informazzjoni intiża minn din id-dispożizzjoni għandu jsir mingħajr spejjeż.

19      Madankollu, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tiegħu, l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 ma jistax jiġi eżaminat fil-verżjoni bl-Olandiż tiegħu biss. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni u, għalhekk, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni, teskludi li dan l-att jiġi kkunsidrat b’mod iżolat f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda tirrikjedi li dan l-att jiġi interpretat fid-dawl kemm tar-rieda reali tal-awtur tiegħu u kif ukoll fid-dawl tal-għan segwit minn dan tal-aħħar, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder, 29/69, Ġabra p. 419, punt 3; tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C‑280/04, Ġabra p. I‑10683, punt 31; kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2011, IMC Securities, C‑445/09, Ġabra p. I‑5917, punt 25).

20      Issa, il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46, barra minn dik tal-lingwa Olandiża, ma għandhomx indikazzjonijiet li bihom jista’ jiġi permess li jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri jkunu obbligati li jikkomunikaw b’xejn l-elementi intiżi minn din id-dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, b’mod partikolari mill-verżjonijiet tal-imsemmija dispożizzjoni bil-lingwa Spanjola (“sin retrasos ni gastos excesivos”), Daniża (“uden større ventetid eller større udgifter”), Ġermaniża (“ohne unzumutbare Verzögerung oder übermäβiger Kosten”), Franċiża (“sans délais ou frais excessifs”), Taljana (“senza ritardi o spese eccessivi”), Portugiża (“sem demora ou custos excessivo”) u Finlandiża (“aiheetonta viivyvtystä tai aiheettomia kustannuksia”) jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati li jikkomunikaw l-imsemmija elementi mingħajr spejjeż eċċessivi.

21      Ċertament, ċerti verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni inkwistjoni, bħal dik bil-lingwa Ingliża (“without excessive delay or expense”) u Svediża (“större tidsutdräkt eller kostnader”), iwasslu, bħall-verżjoni Olandiża, għal ċerta ambigwità sa fejn il-kelma “frais” ma hijiex ikkwalifikata bl-aġġettiv “excessif”. Madankollu, ebda verżjoni lingwistika tal-imsemmija dispożizzjoni ma tipprovdi b’mod univoku li l-imsemmija komunikazzjoni għandha sseħħ b’xejn.

22      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li l-Istati Membri jipprojbixxu u lanqas tipprojbixxihom milli jiġbru spejjeż għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal data personali, sa fejn l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż ma huwiex eċċessiv.

23      Konsegwentement, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-ġbir ta’ spejjeż għall-komunikazzjoni minn awtorità pubblika ta’ data personali.

 Fuq it-tielet domanda

24      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema huma l-kriterji li jippermettu li jiġi żgurat li l- ammont tal-ispejjeż miġbura waqt l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal data personali ma jkunx eċċessiv fis-sens tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46.

25      Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lil kull persuna dritt ta’ aċċess għad-data personali li tikkonċernah kif ukoll l-informazzjoni fuq id-destinatarji, il-kategoriji ta’ destinatarji tad-data u l-loġika li hija abbażi ta’ kull ipproċessar awtomatizzat tad-data. Fid-dawl ta’ dak li ġie preċedentement spjegat fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni domanda, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ aċċess mingħajr restrizzjoni, mingħajr dewmien eċċessiv u mingħajr spejjeż eċċessivi.

26      B’hekk, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw jekk il-komunikazzjoni tal-elementi msemmija fl-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 twassalx għall-ħlas ta’ spiża u, jekk ikun il-każ, li tiffissa l-ammont tagħha f’livell li ma jkunx eċċessiv.

27      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjoni ma tippreċiżax il-kriterji li fuqhom l-ispejjeż miġbura minn Stat Membru għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal din l-istess dispożizzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati eċċessivi. Sabiex isir dan, għandu jiġi interpretat l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 fir-rigward tal-għan tiegħu eżaminati fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

28      B’hekk huma l-Istati Membri li jirrikjedu l-ħlas ta’ spiża b’korrispettiv għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 li għandhom jiddetermina l-ammont tal-imsemmija spejjeż f’livell li jikkostitwixxi bilanċ ġust bejn, minn naħa waħda, l-interess tas-suġġett tad-data li jipproteġi l-ħajja privata tiegħu, b’mod partikolari permezz tad-drittijiet għal rettifika, tħassir u imblokk tad-data, fil-każ li l-ipproċessar ta’ din id-data ma jkunx konformi mad-Direttiva, kif ukoll id-drittijiet ta’ oġġezzjoni u ta’ rimedju ġudizzjarju u, min-naħa l-oħra, il-piż li l-obbligu li tinżamm din l-informazzjoni jirrappreżenta għall-kontrollur (ara, b’analoġija, is-sentenza Rijkeboer, punt 64).

29      Fid-dawl tal-importanza tal-protezzjoni tal-ħajja privata, imnaqqxa fil-premessi 2 u 10 tad-Direttiva 95/46 , enfasizzata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Rijkeboer, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata) u stabbilita fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi kkunsidrat li l-ispejjeż rikjesti skont l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva ma jistgħux ikunu stabbiliti f’livell li jikkostitwixxu ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt għal aċċess iggarantit minn din id-dispożizzjoni.

30       Għandu jiġi kkunsidrat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46, meta awtorità pubblika nazzjonali tiġbor spejjeż b’korrispettiv għall-eżerċizzju minn persuna fiżika tad-dritt ta’ aċċess għad-data personali li tikkonċernah, l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż ma għandux jeċċedi l-ispiża tal-komunikazzjoni ta’ din id-data. Tali limitu superjuri madankollu ma jostakolax il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jistabbilixxu f’livell inqas l-ammont tal-imsemmija spejjeż sabiex jiġi żgurat lil kull persuna fiżika li l-imsemmi dritt għal aċċess jibqa’ effettiv.

31      Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi żgurat li l-ispejjeż miġbura matul l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-data personali ma jkunux eċċessivi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-ammont tagħhom ma jistax jaqbeż l-ispiża tal-komunikazzjoni ta’ din id-data. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-verifiki neċessarji.

 Fuq l-ewwel domanda

32      L-ewwel domanda għandha tinftiehem bħala li tqajmet biss fil-każ li l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 kien ġie interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-ġbir ta’ spejjeż għall-komunikazzjoni minn awtorità pubblika ta’ data personali. Issa, fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-ġbir ta’ spejjeż għall-komunikazzjoni minn awtorità pubblika ta’ data personali.

2)      L-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi żgurat li l-ispejjeż miġbura matul l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-data personali ma jkunux eċċessivi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-ammont tagħhom ma jistax jaqbeż l-ispiża tal-komunikazzjoni ta’ din id-data. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-verifiki neċessarji.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.