Language of document : ECLI:EU:T:2014:251

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

14 ta’ Mejju 2014 (*)

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Direttiva 2009/48/KE — Sikurezza tal-ġugarelli — Valuri ta’ limitu għan-nitrosammini, għas-sustanzi nitrosatabbli, għaċ-ċomb, il-barju, l-arseniku, l-antimonju u l-merkurju preżenti fil-ġugarelli — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tapprovax totalment iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw — Approvazzjoni limitata fiż-żmien — Prova ta’ livell ta’ protezzjoni għola għas-saħħa tal-bniedem mogħti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali”

Fil-Kawża T‑198/12,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Patakia u G. Wilms, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/160/UE, tal-1 ta’ Marzu 2012, dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mill-Gvern Federali tal-Ġermanja li jżommu l-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb, il-barju, l-arseniku, l-antimonju, il-merkurju u n-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli fil-ġugarelli lil hinn mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, lil hinn mid-data tad-dħul tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 80, p. 19),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), li qed taġixxi bħala President, A. Popescu u G. Berardis, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Dritt tal-Unjoni

1        L-Artikolu 114 TFUE jipprovdi hekk kif ġej:

“1. Ħlief fejn provdut xort’oħra fit-Trattati, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba ta’l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 26. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.

2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal dispożizzjonijiet fiskali, għal dawk li għandhom x’jaqsmu mal-moviment liberu ta’ persuni u lanqas għal dawk li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet u l-interessi ta’ l-impjegati.

3. Il-Kummissjoni, fil-proposti tagħha kif maħsuba fil-paragrafu 1 li jikkonċerna s-saħħa, s-sigurtà, il-ħarsien ta’ l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi protezzjoni fl-għola livell, waqt li tieħu kont partikolarment ta’ kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Fil-limiti tal-poteri rispettivi tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ukoll ifittxu li jilħqu dan l-objettiv.

4. Jekk, wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 36, jew li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu.

5. Barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jekk, wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali ibbażati fuq prova xjentifika ġdida li għandha x’taqsam mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bil-bażi għall-introduzzjoni tagħhom.

6. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafi 4 u 5, tapprova jew tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali invlouti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex, jew le meżż ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux, jew le ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perijodu, d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu meqjusa bħala li kienu approvati.

Meta tkun iġġustifikata mill-komplessità tal-materja u meta m’hemmx periklu għas-saħħa umana, il-Kummissjoni tista’ tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat li l-perijodu msemmi f’dan il-paragrafu jista’ jittawwal b’perijodu ieħor sa sitt xhur.

7. Meta, bis-saħħa tal-paragrafu 6, xi Stat Membru jkun awtoriżżat li jżomm jew jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha immedjetament teżamina jekk tipproponix adattament għal dik il-miżura.

8. Meta Stat Membru jqajjem problema speċifika dwar is-saħħa pubblika f’qasam li kien suġġett minn qabel għal miżuri ta’ armonizzazzjoni, dan għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni li għandha immedjatament teżamina jekk tipproponix miżuri xierqa lill-Kunsill.

9. B’deroga mill-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 258 u 259, il-Kummissjoni u xi Stat Membru jista’ jressaq il-materja direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea jekk jikkunsidraw li xi Stat Membru ieħor ikun qiegħed jgħamel użu mhux xieraq tal-poteri previsti f’dan l-Artikolu.

10. Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni msemmija hawn fuq għandhom, fil-każi xierqa, jinkludu klawsola ta’ salvagwardja li tawtoriżża lill-Istati Membri li jieħdu għal raġuni waħda jew aktar li m’ hijiex ta’ natura ekonomika imsemmija fl-Artikolu 36, miżuri provviżorji suġġetti għall-proċedura tal-kontroll mill-Unjoni.”

2        Fit-3 ta’ Mejju 1988, Il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej adotta d-Direttiva 88/378/KEE dwar l-approssimazjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward is-sigurtà tal-ġugarelli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 240).

3        L-Anness II tad-Direttiva 88/378, intitolat “Ħtiġijiet Essenzjali ta’ Sigurtà għal Ġugarelli”, jipprovdi dan li ġej:

“II. Riskji Partikulari

[…]

3. Kwalitajiet kimiċi

1. Ġugarelli għandu jkunu ddisinjati u msawra b’tali mod, li meta wżati kif speċifikat fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, ma jkunux ta’ periklu jew joħolqu riskji ta’ weġgħat fiżiċi billi jinbelgħu, jinxammu jew jiġu f’kuntatt mal-ġilda, tessuti mukużi jew l-għajnejn.

Huma għandu fil-każijiet kollha jaqblu mal-leġislazzjoni relevanti tal-Komunità marbuta ma’ ċerti kategoriji ta’ prodotti jew mal-projbizzjoni, restrizzjoni ta’ l-użu jew tikketti ta’ ċerti sustanzi u taħlitiet perikolużi.

2. B’mod partikulari, għall-protezzjoni ta’ saħħet it-tfal, biodisponibbiltà ikkawżata mill-użu ta’ ġugarelli ma tistax, bħala mira, taqbeż il-livelli li ġejjin kull ġurnata:

0,2 μg għal antimonju,

0,1 μg għal arseniku,

25,0 μg għal barium,

[…]

0,7 μg għal ċomb,

5,0 μg għal selenju,

[…]

jew valuri oħra simili kif jistgħu jkunu stabbiliti għal dawn jew sustanzi oħra fil-leġislazzjoni tal-Komunità bbażati fuq provi xjentifiċi.

Il-biodisponibbiltà ta’ dawn is-sustanzi tfisser l-estratt li jinħall li jkollu importanza tossikoloġika.

[…]”

4        Il-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà stabbiliti fid-Direttiva 88/378 jiddefinixxu l-kwantità massima ammissibbli ta’ sustanza kimika li, minħabba l-użu tal-ġugarelli, tista’ tiġi assorbita u tkun disponibbli għal proċessi bioloġiċi fil-ġisem uman. Dawn il-valuri ta’ limitu huma espressi f’mikrogrammi ta’ kull sustanza noċiva għal kull ġurnata (µg/j) u ma jagħmlux distinzjoni abbażi tal-konsistenza tal-materjal tal-ġugarelli.

5        Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) ħejja, u mbagħad adotta fit-13 ta’ Diċembru 1994, fuq il-bażi ta’ mandat tal-Kummissjoni Ewropea, l-istandard armonizzat Ewropew EN 71‑3 intitolat “sikurezza tal-ġugarelli” (iktar ’il quddiem l-istandard “EN 71‑3”), sabiex tiġi ffaċilitata, b’mod partikolari għall-produtturi tal-ġugarelli, il-prova tal-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 88/378.

6        L-istandard EN 71-3 stabbilixxa valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà stabbiliti mid-Direttiva 88/378 ta’ valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni permezz tal-inġestjoni għall-materjali li jiffurmaw il-ġugarell u jiddeskrivi proċeduri li jippermettu li dawn jiġi ddeterminati. L-osservanza tal-valuri tal-istandard EN 71-3 twassal għal preżunzjoni ta’ konformità għar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 88/378 u b’hekk għall-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà definiti minn din tal-aħħar, kif ukoll kif din tirriżulta mit-tielet premessa u mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 88/378.

7        Il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni jindikaw il-kwantità massima ammissibbli ta’ sustanza kimika li tista’ temigra, jiġifieri tgħaddi minn prodott ’il barra, pereżempju tippenetra fil-ġilda jew fil-likwidu gastriku. Huma jippermettu li jsir kalkolu fuq il-ġugarell stess u huma espressi f’milligrammi ta’ kull sustanza noċiva għal kull kilogramma ta’ materjal tal-ġugarelli (mg/kg).

8        L-istandard EN 71-3 jaqa’ fil-valuri ta’ limitu migratorju segwenti:

Elementi

Valur ta’ limitu ta’ migrazzjoni

Antimonju

60 mg/kg

Arseniku

25 mg/kg

Barju

1 000 mg/kg

Ċomb

90 mg/kg

Merkurju

60 mg/kg


9        Fl-2003, inbeda l-proċess ta’ reviżjoni tad-Direttiva 88/378 li ntemm fit-18 ta’ Ġunju 2009 permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, p. 1), filwaqt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppronunċat ruħha, f’dan il-vot, kontra l-adozzjoni ta’ dan l-att.

10      Il-premessa 22 tad-Direttiva 2009/48 tippreċiża li:

“Il-valuri ta’ limitu speċifiċi stipulati fid-Direttiva 88/378/KEE għal ċerti sustanzi għandhom ukoll jiġu aġġornati biex iqisu l-iżvilupp tal-għarfien xjentifiku. Il-valuri ta’ limitu għall-arseniku, il-kadmju, il-[k]romju VI, iċ-ċomb, il-merkurju u l-landa organika, li huma partikolarment tossiċi, u li, għalhekk, m’għandhomx jintużaw intenzjonalment f’dawk il-partijiet tal-ġugarelli li huma aċċessibbli għat-tfal, għandhom jiġu stipulati f’livelli li huma nofs dawk meqjusa bħala sikuri skont il-kriterji tal-Kumitat Xjentifiku relevanti, sabiex ikun żgurat li jkun hemm preżenti traċċi biss li jkunu kompatibbli mal-prattika tajba tal-immanifatturar.”

11      Il-premessa 47 tad-Direttiva 2009/48 hija redatta kif ġej:

“Sabiex il-manifatturi tal-ġugarelli u operaturi ekonomiċi oħra jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti stabbiliti minn din id-Direttiva, jeħtieġ li jkun stabbilit perjodu tranżizzjonali ta’ sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva li matulhom il-ġugarelli li jkunu konformi mad-Direttiva 88/378/KEE jistgħu jitqiegħdu fis-suq. Fil-każ tar-rekwiżiti kimiċi, dan il-perjodu għandu jkun ta’ erba’ snin sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati l-istandards armonizzati li huma meħtieġa għall-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti.”

12      Id-Direttiva 2009/48 tiddetermina l-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni speċifiċi għal bosta sustanzi, fosthom iċ-ċomb, l-arseniku, il-merkurju, il-barju u l-antimonju minn rakkomandazzjonijiet tar-Rijksinstituut voor Volksgezondheid en Milieu (RIVM, Istitut Olandiż għas-saħħa pubblika u l-ambjent) ippreżentati f’rapport tal-2008, intitolat “Sustanzi kimiċi fil-ġugarelli. Metodoloġija ġenerali għall-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika tal-ġugarelli b’enfasi fuq l-elementi” (iktar ’il quddiem ir-“rapport tar-RIVM”). Tliet valuri ta’ limitu differenti tal-migrazzjoni huma ddefiniti abbażi tat-tip ta’ materjal preżenti fil-ġugarell, jiġifieri l-materjal xott, fraġli, qisu trab jew flessibbli, il-materjal likwidu jew iwaħħal u materjal li jkun inbarax minn fuqu.

13      L-Anness II tad-Direttiva 2009/48, intitolat “Rekwiżiti Essenzjali tas-Sikurezza”, jipprovdi dan li ġej:

“III. Kwalitajiet kimiċi

[…]

13. Mingħajr ħsara għall-punti 3, 4 u 5, il-limiti migratorji li ġejjin, minn ġugarelli jew komponenti ta’ ġugarelli ma għandhomx jinqabżu:

Elementi

mg/kg f’materjal tal-ġugarell niexef, fraġli, flessibbli jew f’għamla ta’ trab

mg/kg f’materjal tal-ġugarell likwidu jew li jwaħħal

mg/kg f’materjal tal-ġugarell li jkun inbarax minn fuqu

[…]

[…]

[…]

[…]

Antimonju

45

11,3

560

Arseniku

3,8

0,9

47

Barju

4 500

1 125

56 000

[…]

[…]

[…]

[…]

Ċomb

13,5

3,4

160

[…]

[…]

[…]

[…]

Merkurju

7,5

1,9

94

[…]

[…]

[…]

[…]


[…]”

14      L-Artikolu 53 tad-Direttiva 2009/48 jipprovdi:

“1. L-Istati Membri ma għandhomx ifixklu t-tqegħid fis-suq ta’ ġugarelli li jkunu konformi mad-Direttiva 88/378/KEE u li tqiegħdu fis-suq qabel l-20 ta’ Lulju 2011.

2. Minbarra dak li jinsab imniżżel fl-ewwel paragrafu, l-Istati Membri ma jistgħux jimpedixxu t-tqegħid fis-suq ta’ ġugarelli li jkunu konformi mar-rekwiżiti kollha ta’ din id-Direttiva minbarra dawk imniżżla fil-Parti III tal-Anness II, sakemm dawn il-ġugarelli jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti mniżżla fil-Parti 3 tal-Anness II tad-Direttiva 88/378/KEE u jkunu tqiegħdu fis-suq qabel l-20 ta’ Lulju 2013.”

15      L-Artikolu 54 tad-Direttiva 2009/48, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-20 ta’ Jannar 2011. Huma jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih dwar dan.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri b’effett mill-20 ta’ Lulju 2011. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza tali meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet

tal-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.”

16      L-Artikolu 55 tad-Direttiva 2009/48, intitolat “Revoka”, jipprovdi li:

“Id-Direttiva 88/378/KEE, ħlief l-Artikolu 2(1) u l-Parti 3 tal-Anness II, hija revokata b’effett mill-20 ta’ Lulju 2011. L-Artikolu 2(1) u l-Parti 3 tal-Anness II, għandhom jiġu revokati b’effett l-20 ta’ Lulju 2013.

Referenzi għad-Direttiva revokata għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva.”

 Id-dritt nazzjonali

17      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ttrasponiet id-Direttiva 88/378 fid-dritt nazzjonali permezz tal-Verordnung über die Sicherheit von Spielzeug (regolament dwar is-sikurezza tal-ġugarelli) tal-21 ta’ Diċembru 1989 (BGBl. 1989 I, p. 2541), emendat l-aħħar mill-Artikolu 6(2) tal-Verordnung zur Umsetzung der EG-Richtlinien 2002/44/EG und 2003/10/EG zum Schutz der Beschäftigten vor Gefährdungen durch Lärm und Vibrationen (regolament ta’ traspożizzjoni tad-Direttivi 2002/44/KE u 2003/10/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji marbuta mal-ħsejjes u l-vibrazzjonijiet) tas-6 ta’ Marzu 2007 (BGBl. I 2007, p. 261). Il-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb, l-arseniku, il-merkurju, il-barju u l-antimonju inklużi fl-Artikolu 2 tal-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija iktar ’il fuq kienu dawk definiti fid-Direttiva 88/378.

18      Fl-20 ta’ Lulju 2011, daħlet fis-seħħ iż-Zweite Verordnung zum Geräte- und Produktsicherheitsgesetz (Verordnung über die Sicherheit von Spielzeug) (2. GPSGV) [It-tieni Regolament relatat mal-Att dwar is-Sikurezza tat-Tagħmir u l-Prodotti (Regolament fuq is-sikurezza tal-ġugarelli), BGBl. 2011 I, p. 1350 et seq u p. 1470, iktar ’il quddiem it-“Tieni GPSGV 2011”], fejn l-Artikolu 10(3), dwar ir-rekwiżiti essenzjali tas-sigurtà, tinkludi l-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà tal-Anness II tad-Direttiva 88/378 għaċ-ċomb, l-antimonju, l-arseniku, il-barju u l-merkurju.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

19      B’ittra tat-18 Jannar 2011, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lill-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 114(4) TFUE, l-awtorizzazzjoni sabiex iżżomm id-dispożizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża għal dak li jirrigwarda ħames elementi, jiġifieri ċ-ċomb, l-arseniku, il-merkurju, il-barju u l-antimonju, kif ukoll għan-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli rilaxxati minn ċerti ġugarelli, wara l-20 ta’ Lulju 2013, data tad-dħul fis-seħħ tal-Anness II, punt III, tad-Direttiva 2009/48.

20      B’ittra tat-2 ta’ Marzu 2011, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ttrażmettiet motivazzjoni dettaljata ta’ din it-talba flimkien, bħala annessi, evalwazzjonijiet sanitarji tal-Bundesinstitut für Risikobewertung (Istitut Federali għall-evalwazzjoni tar-riskji, iktar ’il quddiem il-“BfR”), wieħed għall-antimonju, l-arseniku, iċ-ċomb, il-barju u l-merkurju u l-ieħor għan-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 114(6) TFEU, il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-istess paragrafu, sabiex jiġu approvati jew miċħuda d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ħames elementi inkwistjoni, f’dan il-każ, iċ-ċomb, l-arseniku, il-merkurju, il-barju u l-antimonju, kif ukoll in-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli, innotifikati fit-2 ta’ Marzu 2011, kien ipprorogat sal-5 ta’ Marzu 2012.

22      Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/160/UE, tal-1 ta’ Marzu 2012, dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mill-Gvern Federali tal-Ġermanja li jżommu l-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb, il-barju, l-arseniku, l-antimonju, il-merkurju u n-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli fil-ġugarelli lil hinn mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/48/KE (ĠU L 80, p. 19, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), innotifikata fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet hekk kif ġej:

“Artikolu 1

Il-miżuri Ġermaniżi marbuta mal-antimonju, l-arseniku u l-merkurju notifikati skont l-Artikolu 114(4) […] TFUE mhmiex approvati.

Il-miżuri Ġermaniżi marbuta maċ-ċomb u nnotifikati skont l-Artikolu 114(4) […] TFUE huma approvati sad-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tal-U[njoni Ewropea] li jiffissaw limiti ġodda għaċ-ċomb fil-ġugarelli jew l-21 ta’ Lulju 2013, liema minnhom jiġi l-ewwel.

Il-miżuri Ġermaniżi marbuta mal-barju u nnotifikati skont l-Artikolu 114(4) […] TFUE huma approvati sad-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tal-U[njoni Ewropea] li jiffissaw limiti ġodda għall-barju fil-ġugarelli jew l-21 ta’ Lulju 2013, liema minnhom jiġi l-ewwel.

Il-miżuri Ġermaniżi marbuta man-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli notifikati skont l-Artikolu 114(4) […] TFUE huma approvati.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Mejju 2012, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat ir-rikors preżenti.

24      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara nulla u bla effett id-deċiżjoni kkontestata sa fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiffissaw valuri ta’ limitu għal, minn naħa, l-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, notifikati fid-dawl taż-żamma tagħhom, ma humiex approvati u, min-naħa l-oħra, iċ-ċomb u l-barju, notifikati fid-dawl taż-żamma tagħhom, huma approvati biss sal-21 ta’ Lulju 2013;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tbati l-ispejjeż.

26      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Awwissu 2012, ir-Renju tad-Danimarka talab li jintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ digriet tal-27 ta’ Settembru 2012, il-President tat-Tmien Awla laqa’ din it-talba.

27      Permezz ta’ ittra ppreżentata lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Novembru 2012, ir-Renju tad-Danimarka informa lill-Qorti Ġenerali li rtira l-intervent tiegħu. Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-14 ta’ Diċembru 2012, ir-Renju tad-Danimarka tħassar mill-kawża preżenti bħala intervenjenti.

28      B’att tat-13 ta’ Frar 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat talba għal proċeduri għal miżuri provviżorji bil-għan li jinkisbu l-miżuri segwenti:

–        l-approvazzjoni provviżorja tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jinnotifikaw żamma tal-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb, il-barju, l-arseniku, l-antimonju u l-merkurju, sad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu;

–        sussidjarjament, li l-Kummissjoni tiġi ordnata li tapprova b’mod provviżorju id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jinnotifikaw żamma tal-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb, il-barju, l-arseniku, l-antimonju u l-merkurju, sad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu.

29      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Mejju 2013, il-President tal-Qorti Ġenerali, meta kien qed jiddeċiedi fi proċeduri għal miżuri provviżorji, iddeċieda li l-Kummissjoni awtorizzat iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jipprovdu valuri ta’ limitu għall-antimonju, l-arseniku, il-barju, iċ-ċomb u l-merkurju preżenti fil-ġugarelli sa kemm il-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet fil-kawża prinċipali.

30      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla), iddeċidiet li tibda l-proċedura orali fil-kawża preżenti, u fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet xi domandi bil-miktub lill-partijiet. Dawn irrispondewhom fit-terminu stabbilit.

31      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-19 ta’ Settembru 2013.

 Id-dritt

 Fuq it-talba li jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni parzjali fformulata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul is-seduta

32      Matul is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja indikat li, wara l-introduzzjoni tar-rikors preżenti, il-Kummissjoni kienet adottat ir-Regolament (UE) Nru 681/2013, tas-17 ta’ Lulju 2013, li temenda l-Anness II, punt III, tad-Direttiva 2009/48 (ĠU L 195, p. 16), li mmodifika l-limiti ta’ migrazzjoni għall-barju hekk kif jirriżulta minn dan l-anness, u talbet lill-Qorti Ġenerali tiddikjara li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni sa fejn ir-rikors għandu bħala għan l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għal dak li jirrigwarda l-barju, u li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Għandu jiġi kkonstatat li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 681/2013 ċaħdet l-użu tal-għan tagħha sa fejn dan għandu bħala għan l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jikkonċerna l-barju.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami tal-kap tal-konklużjonijiet li jirrigwardaw it-talba għal annullament, minħabba l-allegata illegalità tagħha, tal-limitazzjoni sal-21 ta’ Lulju 2013 tal-approvazzjoni dwar iċ-ċomb u l-barju jirrigwarda biss l-approvazzjoni dwar iċ-ċomb, b’mod li ma hemmx iktar lok li tittieħed deċiżjoni fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-barju.

 Fuq il-konklużjonijiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

35      Ir-rikors tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu bħala għan li jikseb l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, sa fejn il-miżuri nazzjonali li jistabbilixxu l-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb, innotifikati fid-dawl taż-żamma tagħhom, huma approvati biss sal-21 ta’ Lulju 2013 u, min-naħa l-oħra, sa fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jistabbilixxu valuri ta’ limitu għall-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, innotifikati fid-dawl taż-żamma tagħhom, ma humiex approvati.

 Fuq l-illegalità tal-limitazzjoni ratione temporis tal-approvazzjoni dwar iċ-ċomb

–       Fuq l-ammissibbiltà

36      Il-Kummissjoni ssostni li l-kontestazzjoni tal-approvazzjoni limitata fiż-żmien għaċ-ċomb hija inammissibbli fl-assenza ta’ interess ġuridiku tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

37      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 263 TFUE jagħmel distinzjoni ċara bejn, minn naħa, id-dritt tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jippreżentaw rikors għal annullament, u min-naħa l-oħra, dak tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, peress li t-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jagħti b’mod partikolari lil kull Stat Membru d-dritt li jikkontesta, permezz ta’ rikors għal annullament, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr mal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma huwa kkundizzjonat mill-ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 131/86, Ġabra p. 905, punt 6; Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑208/99, Ġabra p. I‑9183, punti 22 sa 24; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, Ġabra p. II‑4749, punt 57).

38      B’hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija totalment ammissibbli li tfittex l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb, innotifikati fid-dawl taż-żamma tagħhom, huma approvati biss l-iktar tard sal-21 ta’ Lulju 2013.

–       Fuq il-mertu

39      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem, essenzjalment, tliet motivi ta’ annullament, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 114 TFUE u, it-tielet nett, fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter.

40      Fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat il-motiv tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

41      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-limitazzjoni temporali tal-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għaċ-ċomb. Hija tindika li l-“mod li bih tipproċedi” l-Kummissjoni tidher li hija kontradizzjoni loġika, ħaġa li kellha twassal lil din tal-aħħar għal motivazzjoni partikolarment dettaljata tal-imsemmija limitazzjoni.

42      Il-premessi 53 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata li jikkonċernaw iċ-ċomb huma redatti hekk kif ġej:

“Il-pożizzjoni tal-Gvern Federali Ġermaniż

(53) L-awtoritajiet Ġermaniżi jirreferu għall-istudju tal-EFSA [Awtorità Ewropea tas-sigurtà tal-ikel] tal-2010 li fih valutazzjoni komprensiva dwar iċ-ċomb. Fl-opinjoni tal-EFSA, ma hemmx doża ta’ limitu ġġustifikata xjentifikament għall-effetti negattivi taċ-ċomb fuq is-saħħa tal-bniedem. Għalhekk, il-Ġermanja tqis li l-limiti tal-migrazzjoni għaċ-ċomb, kif stabbiliti fid-Direttiva, ma għadhomx ibbażati fuq ix-xjenza u talbet li żżomm il-miżuri nazzjonali.

Valutazzjoni tal-pożizzjoni tal-Gvern Federali Ġermaniż

(54) Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-limiti tal-migrazzjoni għaċ-ċomb kif stabbiliti fid-Direttiva ma għadhomx joffru livelli xieraq ta’ protezzjoni għat-tfal. Id-doża tollerabbli ta’ kuljum użata għall-kalkolu tal-limiti ġiet iddubitata mill-EFSA u l-JECFA [Kumitat ta’ esperti FAO/OMS fuq l-additivi alimentari] fl-2010, wara r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sikurezza tal-ġugarelli. Meta qieset dan, il-Kummissjoni diġà wettqet ir-reviżjoni tal-limiti msemmija fuq.

(55) Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-miżuri notifikati mill-Ġermanja fir-rigward taċ-ċomb jistgħu jitqiesu li huma ġġustifikati minħabba r-raġunijiet ta’ bżonn maġġuri ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.”

43      Il-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, li tidher fil-parti intitolata “Nuqqas ta’ xkiel fil-funzjonament tas-suq intern”, taqra hekk:

“Fir-rigward taċ-ċomb […], il-Kummissjoni tinnota li l-manifatturi, meta japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, se jkunu jistgħu jqiegħdu ġugarelli fis-swieq tal-Istati Membri kollha ħlief tal-Ġermanja. Il-manifatturi aktarx li mhux se jiżviluppaw żewġ settijiet ta’ ġugarelli differenti, iżda se jallinjaw id-dispożizzjonijiet tad-deroga sabiex ikollhom ġugarelli li jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-limiti Ġermaniżi għaċ-ċomb […] huma dawk li kienu applikabbli fl-UE mill-1990 fuq il-bażi tad-Direttiva 88/378/KEE, u għalhekk jistgħu jiġu sodisfatti teknikament mill-manifatturi. Il-manifatturi tal-ġugarelli kkonfermaw din il-preżunzjoni huma u jesprimu l-pożizzjoni tagħhom dwar il-miżuri Ġermaniżi. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha raġunijiet biex tikkunsidra li l-effett fuq it-tħaddim tas-suq intern huwa fi proporzjon mal-għan tal-protezzjoni ta’ saħħet it-tfal.”

44      Il-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, li tidher fil-parti intitolata “Konklużjoni”, tipprovdi dan li ġej:

“Fir-rigward tal-miżuri nazzjonali nnotifikati mill-Ġermanja għaċ-ċomb […], il-Kummissjoni tikkonkludi li dawn il-miżuri huma meqjusa bħala ġġustifikati mill-bżonn għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, u li la huma mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja, la huma restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u lanqas ostaklu disproporzjonat għat-tħaddim tas-suq intern. Il-Kummissjoni għalhekk għandha raġunijiet biex tikkunsidra li l-miżuri nazzjonali nnotifikati jistgħu jkunu approvati, soġġetti għal limitu ta’ żmien.”

45      Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, b’dan tal-aħħar ikun ibbażat fuq il-legalità fuq il-mertu tal-att ikkontestat (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s Franza, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67, u tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35).

46      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tagħmel ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tadotta l-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjoni tal-miżura li tiġi adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi fattwali u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s Franza, punt 45 iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 58).

47      Għandu jingħad li l-motivazzjoni ta’ att għandha tkun loġika, u partikolarment din ma għandha turi l-ebda kontradizzjoni interna li taffettwa l-ftehim tar-raġunijiet wara dan l-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 151).

48      Kontradizzjoni fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkostitwixxi ksur tal-obbligu li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tali li jaffettwa l-validità tal-att inkwistjoni jekk ikun stabbilit li, minħabba din il-kontradizzjoni, id-destinatarju tal-att ma huwiex f’pożizzjoni li jifhem, kompletament jew parzjalment, il-motivi veri tad-deċiżjoni u li, minħabba dan, id-dispożittiv tal-att huwa, kompletament jew parzjalment, nieqes minn kull sostenn ġuridiku (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 1995, Tremblay et vs Il-Kummissjoni, T‑5/93, Ġabra p. II‑185, punt 42; tat-30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il-Kummissjoni, T‑65/96, Ġabra p. II‑1885, punt 85, u tat-12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑347/09, punt 101).

49      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, jekk deċiżjoni tal-Kummissjoni taqa’ f’prassi deċiżjonali stabbilita, tista’ tkun immotivata b’mod sommarju, b’mod partikolari permezz ta’ referenza għal din il-prassi, billi din tmur iktar lil hinn, b’mod sinjifikattiv, minn deċiżjonijiet preċedenti, hija l-Kummissjoni li għandha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des produtturi de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punt 31, u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret, C‑295/07 P, Ġabra p. I‑9363, punt 44).

50      Għandu jingħad ukoll li l-istħarriġ tal-osservanza tal-garanziji mogħtija mis-sistema ġuridika tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, bħalma huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti, jirriżulta li huwa iktar importanti fil-kuntest tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 114(4) TFUE peress li l-prinċipju ta’ kontradittorju ma japplikax għal din (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Marzu 2003, Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, C‑3/00, Ġabra p. I‑2643, punt 50, u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑405/07 P, Ġabra p. I‑8301, punti 56 u 57).

51      F’din il-kawża, għandu jingħad li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi kummenti preliminari (premessi 19 sa 24) li jirreferu, b’mod partikolari, għall-kundizzjonijiet li fihom ġew stabbiliti l-valuri ta’ limitu għall-arseniku, iċ-ċomb, l-antimonju, il-barju u l-merkurju fid-Direttivi 88/378 u 2009/48. F’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2009/48, il-Kummissjoni ssostni li, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet li jidhru fir-rapport tar-RIVM, l-esponiment tat-tfal għal sustanzi kimiċi fil-ġugarelli ma tistax teċċedi ċertu livell, imsejjaħ “doża tollerabbli ta’ kuljum” u li, sa fejn id-dożi tollerabbli ta’ kuljum huma stabbiliti permezz ta’ studji xjentifiċi u li x-xjenza hija suġġetta li tevolvi, il-leġiżlatura pprovdiet għall-possibbiltà li tbiddel dawn il-limiti meta hija disponibbli data xjentifika ġdida.

52      Il-Kummissjoni pproċediet b’analiżi ta’ ġustifikazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tat-talba tagħha għal eżenzjoni għal kull waħda mis-sustanzi kkonċernati. Skont l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni approvat it-talba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bil-għan taż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu valuri ta’ limitu li jirrigwardaw iċ-ċomb, meta kkunsidrat li huma kienu “ġġustifikati minħabba r-raġunijiet ta’ bżonn maġġuri ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem” (premessi 55 u 94 tad-deċiżjoni kkontestata).

53      Skont il-Kummissjoni, din l-aħħar imsemmija konklużjoni għandha l-oriġini tagħha f’problemi speċifiċi marbuta mad-doża tollerabbli ta’ kuljum użata għall-kalkolu tal-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni taċ-ċomb, iddubitata minn ċerti evalwazzjonijiet xjentifiċi (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni b’hekk indikat li d-doża tollerabbli ta’ kuljum użata għall-kalkolu tal-valuri ta’ limitu kienet ġiet ikkontestata mill-Awtorità Ewropea tas-sigurtà tal-ikel (EFSA) u mill-Kumitat ta’ Esperti FAO/OMS (JECFA) fl-2010, wara r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sikurezza tal-ġugarelli, u li, konsegwentement, hija kienet diġà wettqet reviżjoni tal-limiti msemmija iktar ’il fuq.

54      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li d-dispożizzjonijiet innotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jikkonċernaw iċ-ċomb la huma mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja, la huma restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u lanqas ostaklu sproporzjonat għat-tħaddim tas-suq intern (premessi 83, 86, 91 u 94 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Huwa biss fil-parti konklużiva tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni indikat li għandha raġunijiet biex tikkunsidra li l-miżuri nazzjonali nnotifikati jistgħu jkunu approvati, “soġġetti għal limitu ta’ żmien” (premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata), kif iddefinita fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni. Il-Kummissjoni b’hekk approvat iż-żamma tad-dispożizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża għaċ-ċomb preżenti fil-ġugarelli “sad-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tal-U[njoni Ewropea] li jiffissaw limiti ġodda għaċ-ċomb fil-ġugarelli jew il-21 ta’ Lulju 2013, liema minnhom jiġi l-ewwel”.

56      Preliminarjament, għandu jingħad li l-approvazzjoni temporanja tal-miżuri nazzjonali nnotifikati li jirrigwardaw iċ-ċomb hija akkumpanjata minn terminu li jikkonsisti mill-eqreb ta’ żewġ avvenimenti alternattivi, l-ewwel, inċert, ikun magħmul mid-“data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tal-UE li jiffissaw limiti ġodda għaċ-ċomb fil-ġugarelli”, it-tieni, ċertament tkun id-data tal-21 ta’ Lulju 2013. […] F’dan ir-rigward, anki jekk il-Kummissjoni ssostni fil-kitbiet tagħha li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa l-fatt li diġà ttieħdu miżuri sabiex jiġu adattati l-valuri dwar b’mod partikolari ċ-ċomb hekk kif iddefiniti fid-Direttiva 2009/48 b’kunsiderazzjoni tal-evoluzzjoni tal-konoxxenzi xjentifiċi li wassluha tillimita fiż-żmien id-deroga mogħtija, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija deċiżjoni ma tinkludix żvilupp speċifiku fuq dan il-punt.

57      Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-approvazzjoni “sad-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tal-UE li jiffissaw limiti ġodda għaċ-ċomb fil-ġugarelli”, għandu jiġi kkunsidrat li qari flimkien tad-deċiżjoni kkontestata, b’rabta loġika tal-kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ din dwar l-implementazzjoni ta’ eżami mill-ġdid tal-valuri ta’ limitu tad-Direttiva 2009/48 għaċ-ċomb mal-kontenut tal-Artikolu 1 tad-dispożittiv tagħha li tillimita l-approvazzjoni sad-dħul fis-seħħ tad-“dispożizzjonijiet tal-UE li jiffissaw limiti ġodda” għal din is-sustanza, kienet ta’ natura li tippermetti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tifhem ir-raġunament tal-Kummissjoni.

58      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-limitazzjoni sa“l-21 ta’ Lulju 2013”, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tosserva, l-ewwel nett li, l-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-limitu tal-migrazzjoni għaċ-ċomb kif stabbilit mid-Direttiva 2009/48, ma joffrix iktar livell ta’ protezzjoni xierqa għat-tfal u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati kienu ġustifikati minn rekwiżiti importanti marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod li l-prinċipju ta’ limitazzjoni ratione temporis twassal sabiex tidher kontradizzjoni loġika. Barra minn hekk, il-limitazzjoni ratione temporis għandha tiġi kklassifikata bħala diverġenza fir-rigward tar-rekwiżit normattiv tal-Artikolu 114(4) u (6) TFUE, li jimplika li l-Kummissjoni hija obbligata tapprova d-dispożizzjoni nazzjonali nnotifikata jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jseħħu. Min-naħa l-oħra, il-kontradizzjoni tkun iktar manifesta fir-rigward tal-iżviluppi tal-Kummissjoni li jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar in-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli, approvati mingħajr limitazzjoni ratione temporis. Fl-aħħar nett, il-limitazzjoni ratione temporis sal-21 ta’ Lulju 2013 filgħaxija tkun ekwivalenti, fir-rigward tar-riżultat, għal rifjut, fir-rigward tal-istruttura tad-Direttiva 2009/48.

59      Għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda, minn naħa, li, jekk id-Direttiva 2009/48 kellha tiġi trasposta l-iktar tard sal-20 Jannar 2011, l-Istati Membri kellhom min-naħa l-oħra japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni biss mill-20 ta’ Lulju 2011 (Artikolu 54 tad-Direttiva 2009/48) u, min-naħa l-oħra, li d-Direttiva 88/378 kienet ġiet abrogata b’effett mill-20 ta’ Lulju 2011, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 2(1) tagħha, u tal-punt II 3 tal-Anness II tagħha, abrogati b’effett mill-20 ta’ Lulju 2013 (Artikolu 55 tad-Direttiva 2009/48).

60      Huwa fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fil-punt preċedenti li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lill-Kummissjoni ż-żamma tad-dispożizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha għal sustanzi differenti, fosthom iċ-ċomb preżenti fil-ġugarelli “wara l-20 ta’ Lulju 2013, data tad-dħul fis-seħħ tal-punt III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48”, sa fejn il-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà stabbiliti bid-Direttiva 88/378 u inklużi f’dawn id-dispożizzjonijiet ikomplu japplikaw sa din id-data, indipendentement minn kull awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni.

61      Huwa stabbilit li l-Kummissjoni tapprova biss iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għaċ-ċomb sad-dħul fis-seħħ tal-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni riveduti għal din is-sustanza u, f’kull każ, l-iktar tard sal-21 ta’ Lulju 2013.

62      B’hekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li, kemm l-iskadenza tal-approvazzjoni taż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għaċ-ċomb kellha tikkoinċidi mad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ġodda tal-Unjoni li jistabbilixxu valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni riveduti għal din is-sustanza, li kien jagħmel sens biss jekk id-dħul fis-seħħ kien seħħ qabel il-21 ta’ Lulju 2013, kif ukoll l-iskadenza tal-approvazzjoni taż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għaċ-ċomb kellha sseħħ, bl-iskadenza taż-żmien, fil-21 ta’ Lulju 2013, li kellha tikkorrispondi, għal jum qrib, l-iskadenza taż-żamma fis-seħħ tal-punt II 3 tal-Anness II tad-Direttiva 88/378, sostitwit bil-punt III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48.

63      Fir-rigward ta’ din l-aħħar ipoteżi, il-Kummissjoni spjegat li, bħala risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali:

“Il-valuri ta’ limitu għas-sustanzi kimiċi stabbiliti bid-direttiva huma applikabbli sa minn siegħa 0 tal-20 ta’ Lulju 2013. Fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreżumi li l-valuri ta’ limitu għaċ-[…] ċomb ikunu adattati fil-ħin, qabel din id-data. Madankollu, riedet ukoll tevita li tippubblika deċiżjoni li, ma tipprovdix kamp ta’ applikazzjoni temporali għal dawn iż-żewġ sustanzi. Barra minn hekk, iż-żewġ dati jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa. Konsegwentement, id-deċiżjoni tagħti (simbolikament) lill-gvern Ġermaniż terminu supplimentari ta’ jum għall-adattament”.

64      Peress li, minn naħa, il-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà stabbiliti mid-Direttiva 88/378 għandhom ikomplu japplikaw sal-20 ta’ Lulju 2013 u li, min-naħa l-oħra, iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għaċ-ċomb ġiet approvata biss l-iktar tard sal-21 ta’ Lulju 2013, ikun ppreċiżat li d-differenza bejn dawn iż-żewġ dati hija purament simbolika, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif ġustament sostniet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li d-deċiżjoni kkontestata hija ekwivalenti, fir-rigward tar-riżultat konkret tagħha, għal deċiżjoni negattiva, ħaġa li l-Kummissjoni rrikonoxxiet speċifikament matul is-seduta, anki jekk il-Kummissjoni kkonstatat f’din id-deċiżjoni, li seħħew il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114 (4) u (6) TFUE (premessi 55, 83, 86, 91 u 94 tad-deċiżjoni kkontestata).

65      B’hekk jidher li d-deċiżjoni kkontestata fiha kontradizzjoni interna ta’ tip li x-xekkel li wieħed jifhem sew ir-raġunijiet tagħha.

66      Fir-rigward ta’ din il-kontradizzjoni interna, u mingħajr ma kellha l-opportunità li tippronunċa ruħha fuq il-motivi l-oħra tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-allegata illegalità tal-limitazzjoni ratione temporis tal-approvazzjoni dwar iċ-ċomb, hemm lok li jiġi annullat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn dan illimita sal-21 ta’ Lulju 2013 l-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu valuri ta’ limitu għaċ-ċomb.

 Fuq l-illegalità tar-rifjut taż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw l-antimonju, l-arseniku u l-merkurju

–       Id-deċiżjoni kkontestata

67      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tat-talba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażata fuq l-Artikolu 114(4) TFUE, il-Kummissjoni ressqet, fil-premessi 19 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, kummenti ġenerali, li jikkonċernaw is-sustanzi kollha inkwistjoni, qabel ma teżamina t-talba fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn is-sustanzi.

68      Dawn l-osservazzjonijiet preliminari jaqraw hekk:

“(19) Il-valuri ta’ limitu għall-arseniku, iċ-ċomb, l-antimonju, il-barju u l-merkurju stipulati fit-Tieni Ordinanza relatata mal-Att dwar is-Sikurezza tat-Tagħmir u l-Prodotti (Verordnung über die Sicherheit von Spielzeug - 2. GPSGV) huma dawk stipulati fid-Direttiva 88/378/KEE, applikabbli fl-UE mill-1990 ’l hawn. Dawn il-limiti kienu stipulati fuq il-bażi tal-evidenza xjentifika disponibbli dak iż-żmien, primarjament l-opinjoni xjentifika tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv biex jeżamina t-tossiċità u l-ekotossiċità tal-komposti kimiċi mill-1985, bit-titolu Rapport EUR 12964(EN), Kapitolu III “Proprjetajiet kimiċi tal-ġugarelli”. Biex jitwaqqfu l-valuri ta’ limitu, intużaw bħala bażi l-estimi għall-konsum tal-ikel għall-adulti. Tqies li t-tfal li għandhom piż stmat ta’ mhux iktar minn 12 kg jikkunsmaw massimu ta’ 50 % tal-konsum tal-adulti, u li t-tnixxija mill-ġugarelli ma għandux jikkontribwixxi iktar minn 10 %.

(20) Id-Direttiva, adottata fl-2009, issostitwiet id-Direttiva 88/378/KEE u mmodernizzat il-qafas legali applikabbli għall-kimiċi, billi qieset l-aħħar evidenza xjentifika disponibbli fiż-żmien tar-reviżjoni.

(21) Il-valuri ta’ limitu għall-arseniku, iċ-ċomb, l-antimonju, il-barju u l-merkurju stipulati fid-Direttiva jiġu kkalkulati kif ġej: abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Istitut Nazzjonali Olandiż għas-Saħħa Pubblika u l-Ambjent (RIVM) li saru fir-rapport tal-2008 bit-titlu “Il-Kimiċi fil-Ġugarelli. Metodoloġija ġenerali għall-valutazzjoni tas-sikurezza kimika tal-ġugarelli b’fokus fuq l-elementi”, l-esponiment tat-tfal għall-kimiċi fil-ġugarelli ma jistax jisboq ċertu livell li jissejjaħ “doża tollerabbli ta’ kuljum”. Billi t-tfal huma esposti għall-kimiċi minn sorsi oħra apparti l-ġugarelli, perċentwal biss mid-doża tollerabbli ta’ kuljum tista’ tiġi allokata. Il-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (CSTEE) irrakkomanda fir-rapport tiegħu tal-2004 li jista’ jiġi allokat massimu ta’ 10 % tad-doża tollerabbli ta’ kuljum fil-ġugarelli. Madankollu, għal sustanzi partikolarment tossiċi (pereżempju, l-arseniku, iċ-ċomb u l-merkurju) il-leġiżlatur iddeċieda li l-allokazzjoni rrakkomandata ma għandhiex tisboq il-5 % tad-doża tolerabbli ta’ kuljum, sabiex ikun żgurat li jkunu preżenti biss dawk it-traċċi li jkunu kompatibbli mal-prattika tajba tal-manifattura. Sabiex jinkisbu l-valuri ta’ limitu, il-perċentwal massimu tad-doża tollerabbli ta’ kuljum għandu jiġi mmultiplikat bil-piż tat-tfal, stmat għal 7,5 kg, u diviż bil-kwantità tal-materjal tal-ġugarell ikkunsmat, stmata mill-RIVM għal 8 mg kuljum għall-materjal mibrux mill-ġugarell, 100 mg għall-materjal ta’ ġugarelli li jitfarrak malajr u 400 mg għal materjal tal-ġugarelli likwidu jew li jwaħħal. Dawk il-limiti ta’ inġestjoni kienu appoġġati mill-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa u r-Riskji Ambjentali (SCHER) fl-opinjoni tiegħu bit-titlu “Riskji mis-sustanzi CMR organiċi fil-ġugarelli” adottata fit-18 ta’ Mejju 2010. Billi d-dożi tollerabbli ta’ kuljum jiġu stabbiliti bi studji xjentifiċi, u x-xjenza tista’ tevolvi, il-leġiżlatur ippreveda l-possibbiltà li jemenda dawn il-limiti meta ssir disponibbli evidenza xjentifika ġdida.

(22) Id-Direttiva tistabbilixxi limiti ta’ migrazzjoni, filwaqt li l-valuri nazzjonali li l-Ġermanja trid iżżomm huma espressi f’bijodisponibbiltà. Il-bijodisponibbiltà hija definita bħala l-ammont ta’ kimiċi li tabilħaqq joħroġ minn ġugarell u li jista’, iżda mhux bilfors, jiġi assorbit minn ġisem il-bniedem. Il-migrazzjoni hija definita bħala l-ammont li tabilħaqq joħroġ minn ġugarell u li tabilħaqq jiġi assorbit minn ġisem il-bniedem. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-limiti tal-bijodisponibbiltà stipulati fl-1990 ġew mibdula f’limiti tal-migrazzjoni fl-istandard EN 71-3 — Migrazzjoni ta’ ċerti elementi. Madankollu, il-kalkoli li saru għall-iskop ta’ din it-trasformazzjoni kienu approssimattivi. Id-dożi tollerabbli ta’ kuljum li ntużaw huma abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mill-1985. Ġiet preżunta doża kuljum ta’ 8 mg ta’ materjal tal-ġugarelli, u saru aġġustamenti biex jiġi mminimizzat l-esponiment tat-tfal għall-elementi tossiċi bit-tnaqqis, pereżempju, tal-limitu tal-migrazzjoni għall-barju, u biex tiġi żgurata l-fattibilità analitika biż-żieda, pereżempju, tal-limitu tal-migrazzjoni għall-antimonju u l-arseniku.

(23) Il-Kummissjoni tinnota li l-istandards mhumiex mandatorji, iżda jintużaw fuq bażi volontarja mill-industrija fil-qafas tal-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità stipulati fil-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, l-istandard EN 71-3 bħalissa qiegħed jiġi rivedut sabiex jagħti preżunzjoni tal-konformità mal-valuri ta’ limitu l-ġodda stabbiliti fid-Direttiva.

(24) B’konklużjoni, tqiesu kunsiderazzjonijiet xjentifiċi differenti fl-istabbiliment tal-limiti skont id-Direttiva u skont l-istandard EN 71-3. Dawk stabbiliti skont id-Direttiva huma bbażati fuq approċċ xjentifiku-tossikoloġiku konsistenti u trasparenti biex tiġi żgurata s-sikurezza, u għalhekk jistgħu jitqiesu li huma iktar xierqa.”

–       Fuq l-injorar tal-kriterju applikabbli għall-eżami previst fl-Artikolu 114(4) u (6) TFUE

69      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, sa fejn il-Kummissjoni bbażat ir-rifjut taż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-antimonju, l-arseniku u l-merkurju fuq il-fatt li hija ma wrietx li l-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni tad-Direttiva 2009/48 ma joffrux livell xieraq ta’ protezzjoni (premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata) jew li huma kienu ta’ tip li jwasslu għal effetti ħżiena fuq is-saħħa (premessi 59 sa 62 tad-deċiżjoni kkontestata), id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata b’injorar tal-kriterju applikabbli għall-eżami previst fl-Artikolu 114(4) u (6) TFUE, hekk kif definit mill-ġurisprudenza.

70      Fir-rigward tal-kriterju applikabbli għall-verifiki implementati mill-Kummissjoni u previsti fl-Artikolu 114(4) u (6) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li Stat Membru seta’ jibbaża talba għaż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali preeżistenti tagħha fuq evalwazzjoni tar-riskju għas-saħħa pubblika differenti minn dik ikkunsidrata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni li għaliha dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jidderogaw. Għal dan il-għan, huwa l-Istat Membru li għandu jitlob li jiġi stabbilit li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jiżguraw livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika iktar għolja mill-miżura ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni u li huma ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 64).

71      F’din il-kawża, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, għal kull wieħed mit-tliet sustanzi kkonċernati, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat l-istess argumenti insostenn tat-talba tagħha bbażata fuq l-Artikolu 114(4) TFUE, jiġifieri li l-valuri ta’ limitu għal dawn is-sustanzi ppreżentati fil-materjal mibrux, hekk kif stabbiliti bid-Direttiva 2009/48, żdiedu kkomparat ma’ dak imsemmi fir-regola EN 71‑3, peress li din tal-aħħar ġiet ikkonvertita fil-limiti ta’ migrazzjoni tal-limiti ta’ bijodisponibbiltà stabbiliti fid-Direttiva 88/378 u inklużi fid-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati (premessi 34, 40, 57 u 58 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-ittra tagħha tat-2 ta’ Marzu 2011, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet il-fatt li, hekk kif jirriżulta miż-żieda msemmija iktar ’il fuq, il-livell ta’ protezzjoni tad-Direttiva 2009/48 kienet insuffiċjenti u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kienu iktar restrittivi u jiżguraw, konsegwentement, livell ta’ protezzjoni għas-saħħa għola minn dak li jirriżulta mid-Direttiva 2009/48.

72      Permezz ta’ dan l-argument, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni mhux biss li l-livell ta’ protezzjoni mogħti mill-miżura ta’ armonizzazzjoni huwa insuffiċjenti, iżda wkoll u b’mod korrelattiv li dak mogħti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali huwa iktar għoli, ħaġa li tappartjeni effettivament lill-Istat Membru applikant li jressaq prova ta’ dan b’mod konformi mal-ġurisprudenza f’dan il-qasam.

73      Dawn l-allegazzjonijiet huma, fir-realtà, oġġettivament u strettament marbuta u l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, kull ma għamlet kien li rrispondiet għal dan l-argument ta’ natura komparattiva, billi spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li “l-valuri ta’ limitu stabbiliti fid-Direttiva [2009/48] huma iktar xierqa” (premessi 36, 42 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata).

74      Bl-istess mod, huwa stabbilit li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali filwaqt li rrikonoxxiet li l-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2009/48 għall-antimonju u għall-merkurju ma kellhomx iwasslu għal effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem (premessi 40 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata), ħaġa li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tikkunsidra (premessi 43 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata).

75      Għandu fl-aħħar nett jingħad li l-Kummissjoni indikat b’mod ċar, fil-kuntest tal-analiżi tagħha dwar l-antimonju u l-merkurju, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kienet forniet ebda element li juri li “l-miżuri tal-Ġermanja kienu se joffru livell ogħla ta’ protezzjoni” (premessi 43 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata), din l-aħħar referenza tikkorrispondi preċiżament mad-definizzjoni tal-għan tal-prova li kellha tiġi mressqa mill-Istat Membru applikant. Is-sempliċi nuqqas ta’ tali referenza f’dak li jirrigwarda l-arseniku ma huwiex madankollu suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit injorar tal-kriterju applikabbli għall-eżami previst fl-Artikolu 114(4) u (6) TFUE, u l-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata kollha turi li dan il-kriterju ma ġiex injorat.

76      Isegwi li l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114(4) u (6) TFUE

77      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat is-sitwazzjoni ta’ fatt u applikat b’mod skorrett skont il-liġi l-Artikolu 114(4) u (6) TFUE billi kkunsidrat li ma kienx ġie muri li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jagħtu livell ta’ protezzjoni iktar għoli għas-saħħa tat-tfal milli d-Direttiva 2009/48.

78      Fil-kuntest tal-argumenti msemmija fl-ewwel parti tal-motiv tagħha, intitolat “Il-motivazzjonijiet għaż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati (kunċett ta’ protezzjoni nazzjonali xierqa)”, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fformulat osservazzjonijiet differenti dwar il-prinċipju ta’ prattiki tajba ta’ produzzjoni u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, ħaġa li l-Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod suffiċjenti fit-tfassil tad-Direttiva 2009/48.

79      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-livell konkret tal-valuri ta’ limitu stabbiliti fid-dispożizzjonijiet innotifikati jikkorrispondu għal dak li huwa neċessarju mill-perspettiva tossikoloġika u fattibbli mill-perspettiva teknoloġika u li hija b’hekk aġixxiet b’mod koerenti abbażi tal-“prinċipju tal-prattiki tajba ta’ produzzjoni”, filwaqt li ma kinitx ikkunsidrat b’mod suffiċjenti l-imsemmi prinċipju fit-tfassil tad-Direttiva 2009/48, fejn il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni huma bbażati fuq ir-rapport tar-RIVM, imfassal bħala sempliċi bażi ta’ diskussjoni. Id-Direttiva 2009/48 tkun ukoll f’kontradizzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni li jirrikorru għall-imsemmi prinċipju f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tar-residwi tas-sustanzi noċivi fil-prodotti ta’ konsum.

80      Għandu jingħad ukoll li dan l-argument huwa kontradut mit-termini tad-Direttiva 2009/48, li tiżvela, b’mod partikolari fil-premessi 3, 20 u 22 tagħha, il-kunsiderazzjoni tal-kwistjoni teknoloġika.

81      Huwa b’hekk li l-premessa 3 tad-Direttiva 2009/48, l-ewwel nett, tipprovdi li “[l]-iżviluppi teknoloġiċi fis-suq tal-ġugarelli, madankollu, qajmu kwistjonijiet ġodda fir-rigward tas-sikurezza tal-ġugarelli u qajmu tħassib min-naħa tal-konsumaturi” u li “[s]abiex jitqiesu dawk l-iżviluppi u biex ikun hemm kjarifika fir-rigward tal-qafas li fih il-ġugarelli jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq, ċerti aspetti tad-Direttiva 88/378/KEE għandhom jiġu riveduti u mtejba u, fl-interessi taċ-ċarezza, dik id-Direttiva għandha tiġi sostitwita minn din id-Direttiva.” Il-premessa 20 tad-Direttiva 2009/48 tippreċiża barra minn hekk li “[ċ]erti rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza li kienu stipulati fid-Direttiva 88/378/KEE għandhom jiġu aġġornati sabiex iqisu l-progress tekniku li seħħ mill-adozzjoni ta’ dik id-Direttiva” u li “[p]artikolarment, fil-qasam tal-proprjetajiet elettriċi, il-progress tekniku ppermetta li l-limitu ta’ 24 volt stipulat fid-Direttiva 88/378/KEE jinqabeż filwaqt li l-użu sikur tal-ġugarell baqa’ garantit.” Fl-aħħar nett, il-premessa 22 tad-Direttiva 2009/48, imsemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq, tirreferi speċifikament għan-neċessità, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-valuri ta’ limitu, “sabiex ikun żgurat li jkun hemm preżenti traċċi biss li jkunu kompatibbli mal-prattika tajba tal-immanifatturar”.

82      Huwa wkoll stabbilit li, sabiex jiġi mfassal l-abbozz tad-Direttiva 2009/48, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-rapport tar-RIVM, li fih ġie indikat b’mod ċar li l-għan tiegħu jikkonsisti, b’mod partikolari, li “jiġi eżaminat kif il-valuri ta’ limitu għal ċerti elementi kontenuti f’ġugarelli, previsti fl-Anness II, [punt II] 3 tad-Direttiva 88/378/KEE rigward is-sigurtà tal-ġugarelli, għandhom jiġu riveduti fuq il-bażi ta’ konoxxenzi xjentifiċi l-iktar riċenti”. L-awturi indikaw ukoll li jippreżentaw, fir-rapport inkwistjoni, “metodoloġija bbażata fuq ir-riskju sostnut li jista’ jiġi użat sabiex tiġi evalwata s-sigurtà fir-rigward tal-fatt li wieħed jiġi espost għal sustanzi kimiċi kontenuti fil-ġugarelli”. Dawn iċ-ċitazzjonijiet jikkontradixxu l-allegazzjoni tar-rikorrenti li skont din ir-rapport tar-RIVM “qatt ma ġie maħsub sabiex jiġi applikat jew iservi ta’ bażi għall-applikazzjoni fil-prattika”.

83      L-uniku fatt li l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu setgħa jwassal, għal ċerti elementi, għall-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni għola minn dawk awtorizzati bis-saħħa tad-Direttiva 88/378 ma jfissirx neċessarjament, kif issuġġerit mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li ma ġiex ikkunsidrat b’mod suffiċjenti l-prinċipju ta’ prattiki tajba ta’ produzzjoni fit-tfassil tad-Direttiva 2009/48.

84      B’hekk hemm lok li jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li skont din il-miżura inkwistjoni tkun ukoll f’kontradizzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni li jirrikorru għall-prinċipju tal-prattiki tajba ta’ produzzjoni hija bbażata fuq premessa li ma ġietx pruvata.

85      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-prinċipju ta’ prekawzjoni, li għandu normalment ikun applikat b’mod partikolari fil-każijiet ta’ inċertezza xjentifika, lanqas ma ġie kkunsidrat b’mod suffiċjenti fit-tfassil tad-Direttiva 2009/48, hekk kif juru l-valuri ta’ limitu ta’ din id-direttiva għall-antimonju, l-arseniku u l-merkurju, kif ukoll it-trattament tal-kwistjoni speċifika tad-doża tollerabbli ta’ kuljum ta’ arseniku. Id-Direttiva 2009/48 iżżomm, f’dak li jirrigwarda l-arseniku, doża tollerabbli ta’ kuljum ta’ 1 µg għal kull kg ta’ piż tal-ġisem u għal kull jum b’mod li jkun impossibbli li tiġi stabbilita, skont l-EFSA, kwalunkwe doża aċċettabbli għal din is-sustanza mingħajr ma jkun hemm riskju għas-saħħa.

86      Għandu jingħad ukoll li, fil-kuntest tat-talba tagħha skont l-Artikolu 114(4) TFUE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ippreżentat argumenti identiċi f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tad-doża tollerabbli ta’ kuljum ta’ arseniku.

87      Fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 31 sa 33), il-Kummissjoni rrispondiet għal dawn l-argumenti bil-mod segwenti:

“(31) Il-Kummissjoni ġiet infurmata dwar l-istudju tal-EFSA tal-2009 dwar l-arseniku u qisitu bħala evidenza xjentifika ġdida li tista’ twassal għar-reviżjoni tal-valuri ta’ limitu tal-arseniku. L-istudju ntbagħat lill-kumitat SCHER. Fl-opinjoni tiegħu […], SCHER jinnota li EFSA ma dderivatx doża tollerabbli ta’ kuljum, iżda użat valur abbażi tar-riskju. SCHER ikkonkluda f’opinjonijiet preċedenti [...] li ‘doża tal-arseniku għandha rispons mhux lineari f’dawk li jirrigwarda l-kanser’. Bl-użu tal-limitu legali attwali għall-ilma tax-xorb (10 μg/L) u l-esponiment għall-ikel definit mill-EFSA għall-konsumatur medju, SCHER ikkonkluda li l-esponiment tal-bniedem għall-arseniku kuljum huwa madwar 1 μg/kg tal-piż tal-ġisem/jum u ma jżidx l-inċidenza tat-tumuri. Dan il-valur jista’ jintuża bħala doża tollerabbli pragmatika ta’ kuljum, u l-esponiment tat-tfal mill-ġugarelli ma għandux jaqbeż l-10 %.

(32) Il-valur li fuqu SCHER ikkonkluda jikkorrispondi għad-doża tollerabbli ta’ kuljum irrakkomandata minn RIVM u użata biex jikkalkula l-migrazzjoni tal-arseniku mill-ġugarelli fid-Direttiva. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-valuri ta’ limitu għall-arseniku ma għandhomx jiġu emendati, billi ma ġiet stabbilita ebda doża tollerabbli ġdida li tista’ titfa’ d-dubju fuq il-livell tal-protezzjoni mogħti mid-Direttiva.

(33) Barra minn hekk, il-Kummissjoni tixtieq tisstressja li l-awtoritajiet Ġermaniżi ġġustifikaw it-talba tagħhom biex iżommu l-livelli nazzjonali għall-arseniku billi jirreferu għall-firxa ta’ dożi ta’ kuljum stabbiliti fl-istudju tal-EFSA tal-2009. Il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri nnotifikati ma jidhrux konsistenti ma’ din il-ġustifikazzjoni. Il-limiti nnotifikati huma derivati mid-dożi stmati tal-ikel stabbiliti fl-1985, u mhux mid-dożi rrakkomandati mill-EFSA fl-2009.”

88      Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kitbiet tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma forniet l-ebda osservazzjoni fuq din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata u b’hekk l-ebda element ta’ tip li jikkontradixxi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa u r-Riskji Ambjentali (SCHER). Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tillimitax ruħha li tirreferi għall-valuri ta’ limitu stabbiliti bid-Direttiva 2009/48 għall-antimonju, l-arseniku u l-merkurju sabiex turi li ma ġiex suffiċjentement ikkunsidrat il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

89      F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li, permezz ta’ dawn l-argumenti, imsemmija fil-punti 79 u 85 iktar ’il fuq u miġbura fil-kitbiet tagħha taħt it-titolu “Il-motivazzjonijiet għaż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati (kunċett ta’ protezzjoni nazzjonali xierqa)”, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tressaqx prova u lanqas ma tallega li hija ssodisfat l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqha, jiġifieri l-prova li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati joffru livell ta’ protezzjoni għola mid-Direttiva 2009/48. Min-naħa l-oħra jirriżulta mir-rikors li din il-kwistjoni hija s-suġġett ta’ żvilupp speċifiku, formalment distint mill-parti tal-kitbiet imsemmija iktar ’il fuq.

90      Fil-kuntest tal-argumenti żviluppati fit-tieni parti tal-motiv tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tallega li wriet li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati jistabbilixxu valuri ta’ limitu għall-arseniku, l-antimonju u l-merkurju li jiżguraw livell ta’ protezzjoni għola għas-saħħa tat-tfal milli d-Direttiva 2009/48.

91      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni tad-dispożizzjonijiet innotifikati, li jirriżultaw mill-konverżjoni li seħħet sa mir-rekwiżiti tal-istandard EN 71-3, jirriżultaw li huma inferjuri għal dawk stabbiliti mid-Direttiva 2009/48, fejn din tal-aħħar b’hekk tawtorizza esponiment ikbar tat-tfal għas-sustanzi noċivi. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din iċ-ċirkustanza tippermetti, lilha waħedha, tikkonkludi li ġie stabbilit b’mod kredibbli li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati jiggarantixxu livell ta’ protezzjoni għola milli d-Direttiva 2009/48. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni l-affermazzjonijiet tagħha, bħala eżempju, permezz ta’ konverżjoni tal-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni kontenuti fid-Direttiva 2009/48 f’valuri ta’ limitu tal-bijodisponibbiltà u ssostni li l-valuri ta’ limitu previsti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali jirriżultaw, kemm f’każ ta’ evalwazzjoni separata jew globali, inferjuri għall-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà tad-Direttiva 2009/48, wara konverżjoni, u dan tkun xi tkun is-sustanza u l-konsistenza tal-materjal tal-ġugarell inkwistjoni.

92      Preliminarjament, fil-punt 70 iktar ’il fuq tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru jista’ jibbaża talba bil-għan taż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu fuq evalwazzjoni tar-riskju għas-saħħa pubblika differenti minn dik ikkunsidrata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni li għaliha dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jidderogaw. Għal dan il-għan, huwa l-Istat Membru li għandu jitlob li jiġi stabbilit li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jiżguraw livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika iktar għolja mill-miżura ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni u li huma ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

93      Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-affermazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li skont din il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni tad-dispożizzjonijiet innotifikati, li jirriżultaw mill-konverżjoni mwettqa mir-rekwiżiti tal-istandard EN 71-3, jirriżultaw iktar baxxi minn dawk stabbiliti mid-Direttiva 2009/48, ħaġa li turi li l-imsemmija dispożizzjonijiet jiżguraw livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika għola mill-miżura ta’ armonizzazzjoni.

94      Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja pproduċiet tabella sinottika li tidher fl-ittra tat-2 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem it-“Tabella 1”), li tikkorrispondi għal evalwazzjoni li saret mill-BfR, li fiha din tal-aħħar ikkonkludiet li l-applikazzjoni tal-valuri ta’ migrazzjoni tad-Direttiva 2009/48 iwasslu għal assorbiment ikbar mit-tfal ta’ arseniku, ta’ antimonju u ta’ merkurju minn dak li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jinnotifikaw, anki jekk dawn tal-aħħar ma jagħmlux differenza abbażi tal-konsistenza tal-materjal tal-ġugarell. Din it-tabella tinkludi data dwar il-paragun bejn il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni tad-Direttiva 2009/48 għall-ġugarelli magħmula minn materjal li jista’ jiġi mibrux u dawk tal-istandard EN 71-3, li jirrifletti l-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà tad-Direttiva 88/378 f’valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni, identiċi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li d-dimostrazzjoni tagħha ma tillimitax ruħha għal paragun mal-materjal mibrux tal-ġugarell, din tissemma biss bħala gwida minħabba l-fatt li l-parti l-kbira tal-ġugarelli huma magħmula minn materjali li jinbarxu.

95      It-Tabella 1 tinkludi b’mod partikolari d-data segwenti:

Elementi

EN 71‑3 f’mg/kg

Direttiva 2009/48 f’mg/kg

Arseniku

25

47

Merkurju

60

94

Antimonju

60

560


96      Għandu jitfakkar li l-valuri ta’ limitu li jikkonċernaw is-sustanzi noċivi ma humiex stabbiliti bl-istess mod, minn naħa, fit-Tieni GPSGV 2011, li jieħu l-valuri tad-Direttiva 88/378, u, min-naħa l-oħra, fid-Direttiva 2009/48. B’hekk, id-Direttiva 2009/48 tipprovdi valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni differenti skont it-tliet tipi ta’ materjali tal-ġugarelli kkunsidrati, b’mod li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jistabbilixxu valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà applikabbli għal kull tip ta’ ġugarell, tkun xi tkun il-konsistenza materjali tal-ġugarell inkwistjoni.

97      Hekk kif jirriżulta minn neċessità għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tressaq provi li jippermettu li jsiru paraguni bejn id-data inkwistjoni, din wasslitha tuża l-konverżjoni tal-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà f’valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni hekk kif imwettaq mill-istandard EN 71-3.

98      Fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li “l-limiti tal-bijodisponibbiltà stipulati fl-1990 [kienu] ġew mibdula f’limiti tal-migrazzjoni fl-istandard EN 71-3 — Migrazzjoni ta’ ċerti elementi”, iżda li, “[m]adankollu, il-kalkoli li saru għall-iskop ta’ din it-trasformazzjoni kienu approssimattivi”.

99      Il-Kummissjoni kkontestat, għal kull sustanza kkonċernata, l-evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem li saret mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sa mill-konstatazzjoni taż-żieda tal-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni ta’ dawn is-sustanzi ppreżentati fil-materjali tal-ġugarelli li jkunu inbarxu. Fid-deċiżjoni kkontestata, hija b’hekk ikkunsidrat, fir-rigward tal-arseniku (premessa 36), l-antimonju (premessa 42) u l-merkurju (premessa 61), dan li ġej:

“Il-limiti tal-migrazzjoni għal [dawn is-sustanzi] fl-istandard EN 71‑3 ġew derivati mil-limiti tal-bijodisponibbiltà stabbiliti fid-Direttiva 88/378/KEE, abbażi tal-istimi tal-konsum mill-ikel stabbiliti fl-1985. Il-metodu tal-kalkolu applikat ma qiesx il-piż tat-tfal u lanqas ma qies id-differenzi bejn il-materjali tal-ġugarelli, kif tagħmel id-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-valuri ta’ limitu stabbiliti fid-Direttiva huma iktar xierqa.”

100    F’dan ir-rigward, jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tfakkar, ġustament, li l-Istat Membru applikant jista’, sabiex jiġġustifika ż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, jinvoka l-fatt li huwa evalwa r-riskju għas-saħħa pubblika b’mod differenti milli għamel il-leġiżlatur tal-Unjoni fl-armonizzazzjoni, evalwazzjonijiet diverġenti ta’ dawn ir-riskji setgħu leġittimament jitwettqu, mingħajr neċessarjament ma jkunu bbażati fuq data xjentifika differenti jew ġdida (sentenza Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 63), hija għandha turi kif il-provi diġà ppreżentati lill-Kummissjoni ġew evalwati b’mod żbaljat minn din u jeħtieġu interpretazzjoni differenti minn naħa tal-Qorti Ġenerali.

101    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2009/48 stabbiliet limiti ta’ migrazzjoni, peress li r-riskju sanitarju jkun ikkunsidrat bħala marbut mal-kwantità ta’ sustanza noċiva partikolari li tista’ tiġi rrilaxxata minn ġugarell, imbagħad assorbita minn tfal. Il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni tad-Direttiva 2009/48 għal sustanzi bħall-antimonju, l-arseniku u l-merkurju ġew stabbiliti fuq il-bażi tar-rapport tar-RIVM, li wera l-kwantità stmata ta’ materjal li minnu huwa magħmul il-ġugarell li tinbelgħa minn tfal, f’dan il-każ 8 mg għal kull jum għall-materjal mibrux minn ġugarelli, 100 mg għal kull jum għall-materjal ta’ ġugarelli fraġli u 400 mg għal kull jum għall-materjal ta’ ġugarelli likwidu jew li jwaħħal. Dawk il-limiti ta’ inġestjoni kienu appoġġati mis-SCHER fl-opinjoni tiegħu intitolata “Riskji mis-sustanzi CMR organiċi fil-ġugarelli” (Riskji marbuta mas-sustanzi organiċi kanċeroġeni, mutaġeniċi u tossiċi fil-ġugarelli għar-riproduzzjoni), adottata fit-18 Mejju 2010 (premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata), u dawk li jikkorrispondu mal-“għar sitwazzjonijiet imaġinabbli ta’ inġestjoni mill-ħalq” skont l-opinjoni tas-SCHER tal-1 ta’ Lulju 2010.

102    Il-kwantità li tista’ tiġi assorbita b’hekk tiddependi hija stess fuq il-konsistenza tal-materjal li minnu huma magħmula l-ġugarelli, peress li din id-distinzjoni ma saritx fl-istandard EN 71-3, li tuża qies wieħed għal kull tip ta’ materjal. Huwa fil-fatt, ippreċiżat li “inġestjoni ta’ kuljum medju akkumulat ta’ 8 mg tal-materjali tal-ġugarelli differenti kien ikkunsidrat bħala ipoteżi ta’ ħidma, fejn ikunu jafu li, f’ċerti każijiet partikolari, dan il-valur setgħa jkun għola”.

103    It-tieni nett, għalkemm fil-kitbiet tagħha, r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma fformulat ebda osservazzjoni li tirrigwarda l-assenza ta’ kunsiderazzjoni tal-piż tat-tfal fil-metodu tal-kalkolu applikat fl-istandard EN 71-3, hija indikat, bħala risposta għal domanda bil-miktub lill-Qorti Ġenerali, li l-metodu ta’ kalkolu applikat fl-istandard EN 71-3 kien jikkunsidra l-piż tat-tfal l-iktar baxx meta kkomparat ma’ dak tal-adulti, peress li hija tibbaża ruħha fuq valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà li tnaqqsu għat-tfal ta’ taħt it-12-il sena. Id-definizzjoni tal-bijodisponibbiltà fis-sens tad-Direttiva 88/378 hija bbażata fuq il-pożizzjoni tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv biex jeżamina t-tossiċità u l-ekotossiċità tal-komposti kimiċi, li kien evalwa speċifikament għat-tfal id-dożi ta’ kuljum li jiġu inġeriti u ried jiżgura li l-ġugarelli jikkontribwixxu biss f’proporzjoni partikolari għad-doża totali tal-metalli tqal assorbiti mit-tfal. Minn dan isegwi li l-piż imnaqqas tat-tfal ġie kkunsidrat permezz ta’ doża ta’ kuljum imnaqqsa u b’hekk ġiet integrata wkoll fil-valuri ta’ migrazzjoni fis-sens tal-istandard EN 71-3.

104    F’dan ir-rigward, ir-referenza tal-Kummissjoni għall-assenza tal-kunsiderazzjoni tal-piż tat-tfal fil-metodu ta’ kalkolu għandu jkun moqri fid-dawl tal-premessi 19 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 68 iktar ’il fuq), li skont dawn, fid-Direttiva 88/378, “[t]qies li t-tfal li għandhom piż stmat ta’ mhux iktar minn 12 kg jikkunsmaw massimu ta’ 50 % tal-konsum tal-adulti”, filwaqt li, fid-Direttiva 2009/48, sabiex jinkisbu valuri ta’ limitu, “il-perċentwal massimu tad-doża tollerabbli ta’ kuljum għandu jiġi mmultiplikat bil-piż tat-tfal, smat għal 7,5 kg, u diviż bil-kwantità tal-materjal tal-ġugarell ikkunsmat, stmata mill-RIVM għal 8 mg kuljum għall-materjal mibrux mill-ġugarell, 100 mg għall-materjal ta’ ġugarelli li jitfarrak malajr u 400 mg għal materjal tal-ġugarelli likwidu jew li jwaħħal”. B’hekk, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-metodu ta’ kalkolu tal-istandard EN 71-3 ma kkunsidrax b’mod adegwat il-piż tat-tfal, anki jekk hija rreferiet, fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-adattamenti mwettqa fil-kuntest ta’ din ir-regola sabiex timminimizza l-esponiment tat-tfal għall-elementi tossiċi.

105    It-tielet nett, l-argument imressaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-valur tal-metodu tal-kalkolu użat għall-finijiet li jiġu stabbiliti l-limiti ta’ migrazzjoni fil-kuntest tal-istandard EN 71-3 isib ġustifikazzjoni xjentifika espressa fl-opinjoni ta’ SCHER tal-1 ta’ Lulju 2010, imqabbad mill-Kummissjoni sabiex jiddetermina jekk il-limiti ta’ migrazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2009/48 jammontawx għal bażi xjentifika solida sabiex tistabbilixxi limiti ta’ migrazzjoni siguri għal 19-il element kimiku.

106    Fil-kuntest tal-motivazzjoni tal-opinjoni tiegħu, l-SCHER indika b’mod partikolari li l-istandard EN 71-3 kien is-suġġett ta’ testijiet li seħħew fil-kuntest ta’ eżerċizzju interlaboratorju għal tmien elementi kimiċi, li żvelaw bejn il-laboratorji differenzi qisien li jvarjaw minn sempliċi għal għaxar darbiet iktar, li qajjem tħassib fir-rigward tal-affidabbiltà tal-metodu u tar-rilevanza tal-użu kontinwu tal-fatturi ta’ korrezzjoni applikati attwalment, filwaqt li jingħad li l-metodu ta’ qies tal-migrazzjoni tal-elementi kimiċi kkunsidrat fl-istandard EN 71-3 ma kienx affidabbli.

107    Dawn il-konklużjonijiet speċifiċi tas-SCHER jikkontradixxu l-affidabbiltà tal-bażi tal-analiżi komparattiva kontenuta fit-Tabella 1, ibbażata fuq il-metodu tal-qies tal-migrazzjoni tal-istandard EN 71-3, u b’hekk tal-validità tar-riżultati tagħha. F’dan ir-rigward, anki jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, bħala risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li s-sens u l-għan tal-istudju komparattiv tal-laboratorji ma kienx li tiġi stabbilita l-affidabbiltà tal-metodu, għandu jingħad li hija stess iċċitat, fost l-għanijiet ta’ dan l-istudju komparattiv, dak “li jiġu identifikati l-problemi marbuta mat-teknika u mal-metodoloġija”.

108    F’kull każ, anki jekk il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni li jirriżultaw mill-konverżjoni ta’ valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà tad-Direttiva 88/378 imwettqa mill-istandard EN 71-3, hekk kif imsemmija fit-Tabella 1, jistgħu jkunu kkunsidrati, għandu jingħad li l-kitbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirriflettu evalwazzjoni inkompleta tar-riskju sanitarju.

109    Fil-kuntest tal-kawża preżenti, il-Kummissjoni forniet tabella (iktar ’il quddiem it-“Tabella 2”) li tagħmel l-istess paragun bħal dak kontenut fit-Tabella 1, iżda għall-materjali kollha tal-ġugarell imsemmija fid-Direttiva 2009/48. Din it-tabella taqra hekk:

Elementi

Materjal likwidu jew li jwaħħal Migrazzjoni (mg/kg)

Materjal niexef, fraġli, f’għamla ta’ trab jew flessibbli Migrazzjoni (mg/kg)

Materjal mibrux Migrazzjoni (mg/kg)

Qisien notifikati Bijodisponibbiltà (µg)

Valuri ta’ qisien notifikati konvertiti f’valuri ta’ migrazzjoni standard EN71‑3) (mg/kg)

Antimonju

11,3

45

560

0,2

60

Arseniku

0,9

3,8

47

0,1

25

Merkurju

1,9

7,5

94

0,5

60


110    Mit-tabella msemmija iktar ’il fuq jirriżulta b’mod ċar li, għall-materjal likwidu jew li jwaħħal kif ukoll għall-materjal niexef, fraġli, f’għamla ta’ trab jew flessibbli, il-valuri notifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, konvertiti f’valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni sa mill-istandard EN 71-3, huma nettament għola minn dawk tad-Direttiva 2009/48.

111    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tat-talba ppreżentata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bis-saħħa tal-Artikolu 114(4) TFUE, hija bbażata biss fuq il-kunsiderazzjoni tal-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni dwar il-materjal mibrux li minnu huwa magħmul il-ġugarell.

112    Fir-rigward tad-data tat-Tabella 2, li jirreflettu b’mod komprensiv ir-riżultati numeriċi tar-raġunament komparattiv proprju għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din tal-aħħar ma ssostnix b’mod validu, b’mod ġenerali, li d-Direttiva 2009/48 tawtorizza migrazzjoni għola mis-sustanzi noċivi inkwistjoni minn dak ammessi mid-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati, li jwassal għal esponiment ikbar tat-tfal għal dawn is-sustanzi, u li din iċ-ċirkustanza tippermetti li “waħedha” tikkonkludi li hija stabbiliet b’mod kredibbli li l-imsemmija dispożizzjonijiet jiżguraw livell ta’ protezzjoni għola mid-Direttiva 2009/48.

113    Ċertament, għall-materjal mibrux, il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni stabbiliti mid-Direttiva 2009/48 huma effettivament għola minn dawk li jirriżultaw mill-konverżjoni ta’ valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà previsti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati.

114    Madankollu, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, il-kwantità li hija possibbli li tiġi assorbita tiddependi hija stess mill-konsistenza tal-materjal użat (ara, ukoll, punti 101 u 102 iktar ’il fuq). B’hekk, il-materjal mibrux huwa iktar diffiċilment aċċessibbli għat-tfal mill-materjal niexef jew mill-materjal likwidu, li jistgħu faċilment jinbelgħu u għalhekk jiġu assorbiti fi kwantità ikbar minnhom.

115    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ppreżentatx osservazzjonijiet kritiċi fir-rigward tal-aċċessibbiltà tal-inqas materjal mibrux li minnu huwa magħmul il-ġugarell. Hija madankollu sostniet li, peress li d-Direttiva 2009/48 ma tippreċiżax b’mod ċar ir-relazzjoni bejn il-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni ta’ tliet kategoriji ta’ materjali bejniethom, kien meħtieġ li wieħed jitlaq mill-prinċipju li l-kwantità indikata setgħet temigra kull jum minn kull wieħed minn dawn il-kategoriji u li l-imsemmija valuri kellhom jiġu miżjuda sabiex tiġi ddefinita l-esponiment totali “għall-każ fejn” tfal ikunu f’kuntatt, matul l-istess jum, ma’ ġugarelli komposti minn tlett materjali kkonċernati.

116    Dawn l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma humiex ta’ natura li juru, pożittivament, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati jiggarantixxu livell ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem għola minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/48, fejn jitfakkar li la dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas l-istandard EN 71-3, li jirreflettu l-valuri ta’ bijodisponibbiltà previsti minn dawn tal-aħħar f’valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni, ma jagħmlu distinzjoni abbażi tal-konsistenza tal-materjali li minnha huma magħmula dawn il-ġugarelli. L-analiżi komparattiva kontenuta fit-Tabella 1 (punt 95 iktar ’il fuq) ma tistax, f’dan ir-rigward, tintuża utilment insostenn tal-argumenti msemmija fil-punt 115 iktar ’il fuq.

117    F’dan ir-rigward, jidher li l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma bbażati fuq l-enfasi ta’ sitwazzjoni partikolari, imsemmija bħala ipoteżi, jiġifieri l-każ fejn it-tfal huma esposti, fl-istess ħin, għal tlett materjali li minnhom huwa magħmul il-ġugarell previsti bid-direttiva, fejn ikun osservat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tillimita ruħha li tqajjem tali sitwazzjoni fil-kitbiet tagħha mingħajr ma tirreferi għal xi studju xjentifiku.

118    Issa, il-Kummissjoni ssostni li dan l-approċċ ma kienx realistiku u hija tirreferi għall-opinjoni ta’ SCHER tal-1 ta’ Lulju 2011, li fih dan indika li xi limiti partikolari għall-elementi kimiċi kkonċernati kienu ġew stabbiliti, fid-Direttiva 2009/48, abbażi tal-valuri ta’ limitu bbażati fuq is-saħħa u d-dożi tollerabbli ta’ kuljum kif ukoll abbażi tal-għar każijiet imaġinabbli ta’ inġestjoni mill-ħalq, jiġifieri 8 mg/kuljum dwar il-materjal mibrux tal-ġugarell, 100 mg/kuljum dwar il-materjal niexef, fraġli, f’għamla ta’ trab jew flessibbli tal-ġugarell u 400 mg/kuljum dwar il-materjal likwidu jew li jwaħħal tal-ġugarell. Peress li t-tfal ikunu esposti għal prodotti kimiċi provenjenti minn sorsi oħra milli l-ġugarelli, l-SCHER ifakkar l-opinjoni tiegħu li skont din il-kontribuzzjoni totali provenjenti mill-ġugarelli ma teċċedix 10 % tad-doża tollerabbli ta’ kuljum, iżda li, f’dak li jirrigwarda l-elementi partikolarment tossiċi, bħall-arseniku, il-kadmju, il-kromju, iċ-ċomb, il-merkurju u l-landa organika, il-leġiżlatur iddeċieda li l-parti rrappreżentata mill-ġugarelli ma kellhiex teċċedi 5 % tad-doża tollerabbli ta’ kuljum, sabiex tiżgura li t-traċċi biss kompatibbli mal-prattiki tajba tal-produzzjoni jkunu preżenti. L-SCHER żied li, “fl-agħar xenarju ta’ esponiment kontemporanju provenjenti minn dawn it-tlett sorsi f’daqqa [jiġifieri, il-materjal mibrux, il-materjal fraġli, f’għamla ta’ trab jew flessibbli u l-materjal likwidu jew li jwaħħal], l-esponiment totali mill-ħalq għal dawn l-elementi kimiċi [kien] ta’ 30 % u 15 % tad-doża tollerabbli ta’ kuljum” u li, “madankollu, ma kienx probabbli li l-esponiment kien iseħħ permezz ta’ dawn it-tlett sorsi simultanjament”.

119    Il-bażi stess tal-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija b’hekk ikkontestata mill-SCHER, u dan mingħajr ma ġiet ikkontradita minn naħa ta’ dan tal-aħħar. Ċertament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet, bħala risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li r-rapport tar-RIVM, li fuq il-bażi tiegħu ġew iddefiniti l-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni abbażi tat-tip ta’ materjal li minnu huwa magħmul il-ġugarell (premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata), jindika rispettivament, għall-ġugarelli niexfa u għall-ġugarelli likwidi, li l-valuri ta’ 100 mg u 400 mg kienu stimi approssimattivi li kienu jeħtieġu iktar riċerka.

120    Għandu madankollu jingħad li l-osservazzjonijiet tar-RIVM huma ċċitati biss parzjalment mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, liema argument ma jistax jirnexxi, peress li l-RIVM indikat, għall-materjali niexfa:

“L-inġestjoni ta’ 100 mg mit-tfal hija kkunsidrata bħala [stima] raġonevoli, iżda tista’ ma sseħx ta’ kuljum. Sabiex tiġi rfinuta l-evalwazzjoni tal-esponiment, aħna nipproponu li tintuża frekwenza ta’ 1/ġimgħa bħala valur standard għal din it-tip ta’ inġestjoni […] Din hija stima approssimattiva u teħtieġ iktar riċerka [u, għall-materjali likwidi] […] inġestjoni ta’ 400 mg tista’ sseħħ okkażjonalment, iżda mhux ta’ kuljum. Sabiex tiġi rfinuta l-evalwazzjoni tal-esponiment, aħna nipproponu li tintuża frekwenza ta’ [darba fil-] ġimgħa bħala valur standard għal din it-tip ta’ inġestjoni […] Din hija stima approssimattiva u teħtieġ iktar riċerka.”

121    Min-naħa l-oħra, anki jekk wieħed jassumi li kien hemm lok li wieħed joqgħod biss fuq ir-riżultati numeriċi tal-istudju ta’ BfR kontenuti fit-Tabella 1, ma jkunx hemm lok li jiġi konkluż, b’hekk, li hemm illegalità tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni tad-Direttiva 2009/48 huma għola minn dawk tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżultaw minn konverżjoni permezz tal-istandard EN 71-3 f’sitwazzjoni waħda, f’dan il-każ għall-materjal mibrux li minnu huwa magħmul il-ġugarell, il-Kummissjoni ma tiġix ikkritikata li ċaħdet it-talba taż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jagħmlu ebda distinzjoni abbażi tal-konsistenza tal-materjali li minnu huwa magħmul il-ġugarell.

122    Fit-tieni lok, għall-finijiet tar-rikors preżenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat ukoll it-tieni Tabella, li tippreżenta paragun bejn, minn naħa, il-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà hekk kif jirriżultaw mill-Artikolu 10(3) tat-Tieni GPSGV 2011, li huma l-istess bħal dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati u, mid-Direttiva 88/378, u, min-naħa l-oħra, l-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà li jirriżultaw minn konverżjoni tal-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni previsti mid-Direttiva 2009/48 għat-tlett kategoriji ta’ ġugarelli (iktar ’il quddiem it-“Tabella 3”). Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà tat-Tieni GPSGV 2011 jirriżultaw, għal kull wieħed mis-sustanzi kimiċi inkwistjoni u kull wieħed mill-konsistenzi ta’ materjali li minnu huwa magħmul il-ġugarell, inferjuri għall-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà tad-Direttiva 2009/48 wara konverżjoni, li juru wkoll li l-miżuri nazzjonali nnotifikati jiżguraw livell ta’ protezzjoni għola għas-saħħa tat-tfal mid-Direttiva 2009/48.

123    It-Tabella 3 taqra hekk:

Elementi

Valur ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà li jirriżulta mill-Artikolu 10(3), tat-Tieni GPSGV 2011

Valur ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà — li jirriżulta mill-konverżjoni — li jirriżulta mill-paragrafu 13 tal-punt III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48

 

µg/kuljum indipendentement mill-konsistenza tal-materjal tal-ġugarell

µg/kuljum ta’ materjal niexef, fraġli, f’għamla ta’ trab jew flessibbli tal-ġugarell

µg/kuljum ta’ materjal likwidu jew li jwaħħal tal-ġugarell

µg/kuljum ta’ materjal mibrux tal-ġugarell

Antimonju

0,2

4,5

4,5

4,5

Arseniku

0,1

0,38

0,36

0,38

Barju

25

450

450

448

Ċomb

0,7

1,35

1,36

1,3

Merkurju

0,5

0,75

0,76

0,76


124    It-Tabella 3 hija bbażata fuq id-data li tidher f’tabella stabbilita mill-BfR u intitolata “Paragun tad-dożi assorbiti u limiti ta’ migrazzjoni aċċettabbli rispettivament bis-saħħa tad-Direttiva 88/378/KEE, tad-Direttiva 2009/48/KE u tal-istandard EN 71-3”.

125    Għandu jingħad l-ewwel nett li hekk kif qalet il-Kummissjoni, li t-Tabella 3 għandha bħala għan li tikkompara l-valuri ta’ kuljum ta’ assorbiment stabbiliti mid-Direttiva 2009/48 għat-tliet konsistenzi tal-materjal li minnu huwa magħmul il-ġugarell mal-valuri li jirriżultaw mill-istandard EN 71-3, b’mod li konsistenza waħda tal-materjal li minnu huwa magħmul il-ġugarell huwa kkunsidrat fil-kalkolu ta’ dan u li l-limiti ta’ migrazzjoni tal-istandard EN 71-3 għall-materjali niexfa u likwidi li minnu huwa magħmul il-ġugarell tħallew barra. Hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, l-ispjegazzjoni fornuta mill-BfR li skont din “jikkunsidraw biss il-limiti ta’ migrazzjoni għall-materjal tal-ġugarell li jista’ jinbarax stabbiliti fl-istandard EN 71-3 għaliex il-kwantità ta’ 8 mg ta’ materjal tal-ġugarell li jista’ jinbelgħa tapplika biss għal dan it-tip ta’ materjal u l-uniku paragun possibbli f’dan ir-rigward huwa l-paragun mal-limiti ta’ migrazzjoni korrispondenti mad-Direttiva 2009/48/KE” ma hijiex konvinċenti, peress li d-data kwantitattiva tad-Direttiva 2009/48 għall-materjali niexfa u likwidi setgħu jkunu, pereżempju, użati għal dan il-għan.

126    Barra minn hekk, fit-tabella stabbilita mill-BfR, id-dożi tollerabbli ta’ kuljum li jikkorrispondi għal tliet materjali msemmija fid-Direttiva 2009/48 huma addizzjonali, u mbagħad ikkomparati mal-uniku materjal li jinbarax, previst mill-istandard EN 71-3. B’hekk, il-BfR ikkompara d-doża ta’ sustanza awtorizzata f’8 mg ta’ materjal li minnu huwa magħmul il-ġugarell, b’mod konformi mad-Direttiva 88/378, u s-somma tad-dożi aċċettabbli f’508 mg ta’ materjal li minnu huwa magħmul il-ġugarell, jiġifieri 8 mg ta’ materjal mibrux mill-ġugarell, 100 mg ta’ materjal niexef tal-ġugarell u 400 mg ta’ materjal likwidu tal-ġugarell, li jbiddel il-konklużjonijiet tagħha.

127    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-paragun tal-limiti ta’ bijodisponibbiltà, eċċepit mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jesprimi evalwazzjoni tar-riskju sanitarju kuntrarja għal dak ibbażat fuq il-konoxxenzi xjentifiċi l-iktar reċenti u li fuqhom ġew stabbiliti r-rekwiżiti speċifiċi dwar il-proprjetajiet kimiċi li jidhru fil-punt III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48. F’dan ir-rigward, għandha tiġi ċċitata l-opinjoni tal-SCHER tal-1 ta’ Lulju 2010, li skont din “il-kwantità totali ta’ elementi kimiċi preżenti f’ġugarell ma tammontax fiha nnifisha għal riskju sa fejn il-parti l-kbira tal-elementi kimiċi jibqgħu fil-ġugarell anki wara li partijiet minn dan il-ġugarell jitqiegħdu fil-ħalq jew jinbelgħu” u li, “[b]hekk, l-evalwazzjoni tar-riskju għandha tkun ibbażata fuq l-eżami tal-livelli ta’ migrazzjoni tal-elementi kimiċi”. F’din l-opinjoni tal-1 ta’ Lulju 2010, ġie ppreċiżat ukoll li “l-SCHER ittenni r-rakkomandazzjoni tagħha li s-sikurezza tal-ġugarelli tkun ibbażata fuq limiti ta’ migrazzjoni”.

128    Għandu min-naħa l-oħra jingħad li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja indikat li, fl-10 ta’ April 2008, hija kienet “ipproponiet, billi titlaq minn valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà tad-Direttiva 88/378, tal-valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà aġġornati għaċ-ċomb, l-arseniku, il-merkurju, il-barju u l-antimonju, li fuq il-bażi tagħhom kellhom jiġu mfassla valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni” u sostniet, f’din l-okkażjoni, li l-“livell ta’ protezzjoni tad-Direttiva 88/378 kellu jkun għall-inqas miżmum, iżda madankollu ċerti punti kellhom jittejbu”. Hija ppreċiżat ukoll, fil-kitbiet tagħha, li hija “ma topponix la l-iffissar tal-valuri ta’ limitu ta’ migrazzjoni u lanqas id-distinzjoni abbażi tal-konsistenzi differenti tal-materjal li minnu huwa magħmul il-ġugarell, hekk kif ġew introdotti fid-Direttiva 2009/48”.

129    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tkun bbażat ruħha b’mod xieraq fuq paragun tal-limiti ta’ bijodisponibbiltà sabiex tallega li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati jiggarantixxu livell ta’ protezzjoni għola għas-saħħa tal-bniedem mid-Direttiva 2009/48.

130    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ressqitx il-prova li kellha tressaq, jiġifieri l-prova tal-fatt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikata jiggarantixxu, f’dak li jirrigwarda l-arseniku, l-antimonju u l-merkurju, livell ta’ protezzjoni għola minn dak tad-Direttiva 2009/48.

131    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud sa fejn dan jirrigwarda l-annullament tar-rifjut tal-Kummissjoni li żżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati li jipprovdu valuri ta’ limitu ta’ bijodisponibbiltà għall-arseniku, l-antimonju u l-merkurju, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-proporzjonalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u dwar il-fatt li huma ma jammontawx la għal mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja, la għal restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, u lanqas għal ostakolu sproporzjonat għall-funzjonament tas-suq intern.

132    Sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma wrietx li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati jiggarantixxu, f’dak li jirrigwarda l-arseniku, l-antimonju u l-merkurju, livell ta’ protezzjoni għola mid-Direttiva 2009/48, l-argumenti msemmija fil-paragrafu preċedenti jidhru irrilevanti.

 Fuq l-ispejjeż

133    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 87(6) tal-imsemmija Regoli jipprovdi li, fil-każ li ma hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

134    Hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 33 u 34 iktar ’il fuq, peress li r-rikors ma għadx għandu skop sa fejn dan jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda l-barju, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni.

135    F’dawn iċ-ċirkustanzi u fir-rigward tal-fatt li kull wieħed mill-partijiet tilef parzjalment it-talbiet tiegħu, hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha u nofs dawk sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx lok iktar li tingħata deċiżjoni fuq il-legalità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/160/UE, tal-1 ta’ Marzu 2012, dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mill-Gvern Federali tal-Ġermanja li jżommu l-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb, il-barju, l-arseniku, l-antimonju, il-merkurju u n-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli fil-ġugarelli lil hinn mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, għal dak li jirrigwarda l-barju.

2)      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2012/160 huwa annullat, sa fejn illimita sal-21 ta’ Lulju 2013 l-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb.

3)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs dawk esposti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Martins Ribeiro

Popescu

Berardis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Mejju 2014.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Id-Dritt tal-Unjoni

Id-dritt nazzjonali

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq it-talba li jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni parzjali fformulata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul is-seduta

Fuq il-konklużjonijiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-illegalità tal-limitazzjoni ratione temporis tal-approvazzjoni dwar iċ-ċomb

– Fuq l-ammissibbiltà

– Fuq il-mertu

Fuq l-illegalità tar-rifjut taż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw l-antimonju, l-arseniku u l-merkurju

– Id-deċiżjoni kkontestata

– Fuq l-injorar tal-kriterju applikabbli għall-eżami previst fl-Artikolu 114(4) u (6) TFUE

– Fuq l-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114(4) u (6) TFUE

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.