Language of document : ECLI:EU:C:2017:101

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Frar 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2004/83/KE – Livelli minimi tal-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew li persuni mingħajr stat għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu japplikaw għall-istatus ta’ refuġjat – Applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja – Regolarità tal-proċedura nazzjonali fl-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja ppreżentata wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat – Dritt għal smigħ – Portata – Dritt għal intervista orali – Dritt li jiġu indikati xhieda u li jiġu kontroeżaminati”

Fil-Kawża C‑560/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

M

vs

Minister for Justice and Equality,

Ireland,

Attorney General,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Frar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M, minn B. Burns u S. Man, solicitors, kif ukoll minn I. Whelan u P. O’Shea, BL,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon kif ukoll minn J. Davis u J. Stanley, bħala aġenti, assistiti minn N. Butler, SC, u minn K. Mooney, BL,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčíl, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, prevista mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M, ċittadin Rwandi, u l-Minister for Justice and Equality (ministru għall-ġustizzja u għall-ugwaljanza, Irlanda) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), l-Irlanda u l-Attorney General, dwar ir-regolarità tal-proċedura fl-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja ppreżentata minn M quddiem l-awtoritajiet Irlandizi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/83

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/83, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(e)      ‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tiegħu jew tagħha, jiffaċċja riskju veru li jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għalihom l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikawx, u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

[…]”

4        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Stima ta’ fatti u ċirkostanzi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      “L-Istati Membri jistgħu iqisuha bħala d-dmir ta’ l-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’koperazzjoni ma’ l-applikant huwa d-dmir ta’ l-Istat Membru li jistma l-elementi rilevanti ta’ l-applikazzjoni.”

2.      L-elementi riferiti fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni ta’ l-applikanti rigward l-eta ta’ l-applikant, l-ambjent minfejn ikun ġej, inkluż dak ta’ qraba rilevanti, identita, nazzjonalita(jiet), pajjiż(i) u post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, applikazzjonijiet ta’ asil ta’ qabel, rotti ta’ vjaġġar, dokumenti ta’ identita u ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.      L-istima ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi li jitqiesu:

(a)      il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ l-oriġin fil-ħin tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni; inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż ta’ l-oriġini u l-manjiera li fiha jiġu applikati;

(b)      id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti presentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(ċ)      il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, sess u eta, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikun jammonta għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(d)      jekk l-attivitajiet ta’ l-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ l-oriġini kienux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawn l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lura lil dak il-pajjiż;

(e)      jekk l-applikant ikun mistenni b’mod raġunevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor fejn ikun jista’ jiddikjara ċ-ċittadinanza.

4.      Il-fatt li applikant diġa kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-perikolu, huwa indikazzjoni serja tal-biża bir-raġun ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri periklu serju, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin li jista’jitqies li din il-persekuzzjoni jew periklu serju ma jiġix ripetut.

5.      Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;

(b)      l-elementi rilevanti kollha, għad-dispożizzjoni ta’ l-applikant, ikun ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li għandha x’taqsam ma’ nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;

(ċ)      id-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant jistabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ ta’ l-applikant;

(d)      l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali fil-ħin l-aktar kmien possibbli, sakemm l-applikant jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan; u

(e)      il-kredibilita ġenerali ta’ l-applikant tkun ġiet stabbilita.”

5        L-Artikolu 15 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Periklu serju”, jiddisponi:

“Periklu serju jikkonsisti minn:

(a)      piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

(b)      tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ l-oriġini; jew

(ċ)      theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

Id-Direttiva 2005/85/KE

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168), intitolat “Ambitu ta’ applikazzjonijiet”, jistabbilixxi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-ażil magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu, ta’ l-Istati Membri u għall-irtirar ta’ l-status ta’ rifuġjat.

[…]

3.      Fejn Stati Membri jużaw jew jintroduċu proċedura li fiha l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu eżaminati kemm bħala applikazzjonijiet abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra kif ukoll bħala applikazzjonijiet għal tipi oħra ta’ protezzjoni internazzjonali mogħtija taħt iċ-ċirkostanzi definiti mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83[…], dawn għandhom japplikaw din id-Direttiva matul il-proċedura kollha tagħhom.

[…]”

 Id-dritt Irlandiż

7        Id-dritt Irlandiż jiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ applikazzjonijiet għall-finijiet tal-kisba ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġifieri:

–        l-applikazzjoni għal ażil, u

–        l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja.

8        Kull waħda minn dawn iż-żewġ applikazzjonijiet hija s-suġġett ta’ proċedura speċifika, il-proċedura li tirrigwarda applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, li hija miftuħa biss fil-każ ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal ażil, isseħħ biss wara l-proċedura fuq l-eżami ta’ din l-aħħar applikazzjoni.

9        Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal ażil jinsabu essenzjalment fir-Refugee Act 1996 (Liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali. Il-proċedura għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għal ażil tinkludi b’mod partikolari intervista personali mal-applikant.

10      Id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja huma inklużi fil-European Communities (Eligibility for Protection) Regulations 2006 [digriet tal-2006 dwar il-Komunitajiet Ewropej (kundizzjonijiet li jikkwalifikaw għal protezzjoni)] tal-Ministru, tad-9 ta’ Ottubru 2006, li għandu, b’mod partikulari, l-għan li jittrasponi fid-dritt nazzjonali d-Direttiva 2004/83.

11      L-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja tiġi ppreżentata permezz ta’ formola standard li hija annessa ma’ dan id-digriet.

12      Dan id-digriet ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tipprovdi għal smigħ orali tal-applikant għal protezzjoni sussidjarja fil-kuntest tal-istruttorja relatata mal-applikazzjoni tiegħu.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      M ġie ammess fl-Irlanda, fix-xahar ta’ Settembru 2006 permezz ta’ viża għal soġġorn twil għal finijiet ta’ studju. Wara li spiċċa l-istudji tiegħu, M ippreżenta applikazzjoni għal ażil li ġiet miċħuda mir-Refugee Applications Commissioner (kummissarju inkarigat mill-applikazzjonijiet għall-ażil, l-Irlanda), fit-30 ta’ Awwissu 2008. Rikors kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud permezz ta’ sentenza tar-Refugee Appeals Tribunal (tribunal tal-appell tar-refuġjati, l-Irlanda) tat-28 ta’ Ottubru 2008.

14      M sussegwentement ressaq applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda fit-30 ta’ Settembru 2010 u deċiżjoni ta’ tneħħija ttieħdet fir-rigward tiegħu mill-Ministru fil-5 ta’ Ottubru 2010. Fid-deċiżjoni tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2010, il-Ministru bbaża essenzjalment ruħu fuq id-deċiżjonijiet preċedenti dwar l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn M sabiex ikkonkluda li dan ma weriex l-eżistenza ta’ raġunijiet serji sabiex jitqies li kien hemm riskju li jsofri perikolu serju, meta jitqiesu, b’mod partikolari, id-dubji serji fuq il-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet magħmula fl-applikazzjoni tiegħu.

15      Fis-6 ta’ Jannar 2011, M ippreżenta rikors quddiem il-High Court (qorti għolja, l-Irlanda) kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni sussidjarja.

16      Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors, il-High Court (qorti għolja) għamlet id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fl-ipoteżi fejn applikant jitlob l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja wara li jkun ġie rrifjutat l-istatus ta’ refuġjat, u fejn huwa propost li tali talba [applikazzjoni] tinċaħad, il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni mal-applikant imposta fuq l-Istati Membri [mit-tieni sentenza tal-]Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83[…] tobbliga lill-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru inkwistjoni li jikkomunikaw lill-applikant ir-riżultati ta’ tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali, b’mod li jkun jista’ jirreaġixxi għall-aspetti tad-deċiżjoni proposta li tissuġġerixxi risposta negattiva?”

17      Fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744), il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari kkunsidrat li, f’sistema bħal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ikkaratterizzata bl-eżistenza ta’ żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tħares li jiġu rrispettati, fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri, id-drittijiet fundamentali tal-applikant u, b’mod iktar partikolari, id-dritt li jinstema’ fis-sens li għandu jkun jista’ jesponi utilment l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li ma tagħtix il-benefiċċju tal-protezzjoni mitluba. F’tali sistema, iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata tkun diġà nstemgħet waqt l-istruttorja tal-applikazzjoni tagħha għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat ma jfissirx li din il-formalità tista’ tiġi injorata fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja.

18      Wara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (Ċ‑277/11, EU:C:2012:744), il-High Court (qorti għolja) iddeċidiet, fit-23 ta’ Ġunju 2013, li l-Ministru kien naqas, b’mod żbaljat, milli jorganizza smigħ effettiv ta’ M matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni sussidjarja.

19      Il-Ministru ppreżenta appell kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda). M, min-naħa tiegħu, ippreżenta appell inċidentali kontra din id-deċiżjoni.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (qorti suprema), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2014, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-‘dritt ta’ smigħ’ fid-dritt tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li persuna li tagħmel talba għall-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja skont id-Direttiva 2004/83/KE tingħata l-benefiċċju ta’ smigħ relatat ma’ din it-talba, inkluż id-dritt li ssejjaħ jew li tagħmel kontroeżami tax-xhieda, meta t-talba titressaq f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru kkonċernat jipprevedi żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami tat-talba intiża li jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat u tat-talba għal protezzjoni sussidjarja, rispettivament?”

 Fuq id-domanda preliminari

21      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk id-dritt għal smigħ jirrikjedix li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi għal żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, l-applikant għal protezzjoni sussidjarja għandux id-dritt għal intervista orali dwar l-applikazzjoni tiegħu u d-dritt li jindika xhieda u li jiġu kontroeżaminati matul din l-intervista.

22      Id-Direttiva 2005/85 tistabbilixxi, min-naħa tagħha, livelli minimi dwar il-proċeduri ta’ eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u tippreċiża d-drittijiet tal-applikanti għal ażil. L-Artikolu 3(1) u (3) ta’ din id-direttiva jippreċiża li din tapplika għall-applikazzjonijiet għal ażil li kienu eżaminati bħala applikazzjonijiet ibbażati fuq il-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], u bħala applikazzjonijiet għal tipi oħra ta’ protezzjoni internazzjonali mogħtija fiċ-ċirkustanzi speċifikati fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 26).

23      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2005/85 tista’ tiġi applikata għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja biss meta Stat Membru kien stabbilixxa proċedura unika, li fil-kuntest tagħha jeżamina applikazzjoni fid-dawl taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġifieri dik dwar l-istatus ta’ refuġjat u dik relatata mal-protezzjoni sussidjarja (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 27).

24      Madankollu, mill-proċess jirriżulta li dan ma kienx il-każ fl-Irlanda fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, b’tali mod li d-Direttiva 2005/85 ma tapplikax għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja f’dan l-Istat Membru.

25      Madankollu, sal-punt li d-dritt għal smigħ huwa parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li jiġi rrispettat id-dritt għal smigħ tad-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod kunsiderevoli l-interessi tagħhom huwa għaldaqstant, bħala prinċipju, fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta huma jadottaw miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament għal tali formalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punti 49 u 50, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 39 u 40).

26      Għaldaqstant, hekk kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 91 tas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C-277/11, EU:C:2012:744), meta leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi għal żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, id-dritt għal smigħ tal-applikant għandu jiġi ggarantit b’mod sħiħ fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ proċeduri.

27      Madankollu, ma jirriżultax mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan id-dritt jeħtieġ li neċessarjament titwettaq intervista orali fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja.

28      Fil-fatt, fl-ewwel lok, ma jirriżultax mill-konstatazzjonijiet fis-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C-277/11, EU:C:2012:744), li intervista orali għandha neċessarjament tiġi organizzata fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja.

29      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja limitat ruħha, fil-punt 90 tas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M (C-277/11, EU:C:2012:744), tippreċiża li ma jistax jiġi aċċettat l-argument tal-qorti tar-rinviju u tal-Irlanda, li l-fatt li l-applikant ikun diġà nstema’ bħala parti mill-istruzzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-ażil jirrendi superfluwa l-organizzazzjoni ta’ smigħ fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni sussidjarja sussegwenti. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement fakkret il-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ tal-applikant għal protezzjoni sussidjarja minkejja li dan kien ikun diġà nstema’ fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, mingħajr għaldaqstant ma jkun ikkonstatat obbligu li fi kwalunkwe ċirkustanza tiġi organizzata intervista orali dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja.

30      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam li tkun applikabbli fl-Irlanda, huwa l-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru li għandu jirregola l-arranġamenti proċedurali għall-eżaminazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, b’dan l-Istat Membru jkollu r-responsabbiltà li jiżgura, f’dan il-kuntest, protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, b’mod partikolari, li jiggarantixxi r-rispett tad-dritt għal smigħ tal-applikant għal protezzjoni sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 65).

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil dan l-applikant il-possibbiltà li jippreżenta, b’mod utli u effettiv, matul il-proċedura amministrattiva, il-fehma tiegħu dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja tiegħu u r-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw li l-awtorità kompetenti toqgħod lura milli tieħu deċiżjoni negattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 54, u tas-17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal, C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 33).

32      Barra minn hekk, id-dritt għal smigħ għandu jippermetti lil din l-awtorità li tistudja l-fajl b’mod li tieħu deċiżjoni informata bis-sħiħ, filwaqt li tqis l-elementi kollha rilevanti, u timmotiva din tal-aħħar b’mod xieraq sabiex, fejn applikabbli, l-applikant ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu għal appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 49, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 59).

33      Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ għandu jiġi evalwat skont, b’mod partikolari, ir-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Minn dan isegwi li l-modalitajiet li bih applikant għal protezzjoni sussidjarja għandu jkun jista’ jeżerċita d-dritt għal smigħ tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83 li, b’mod partikolari, huma intiżi sabiex jiġu stabbiliti livelli minimi tal-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu japplikaw għal protezzjoni sussidjarja (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 55, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 45).

35      Sabiex tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, li jimplika b’mod partikolari li jiġi ddeterminat jekk hemmx raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li, jekk jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jiffaċċja riskju veru li jsofri perikolu serju, u jekk l-applikant ma jistax jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma huwiex dispost japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż.

36      Għal dan il-għan, jirriżulta mill-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva li jinkludi b’mod partikolari, fost l-elementi rilevanti li l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, l-informazzjoni u d-dokumenti relatati mal-età tal-applikant, mal-passat tiegħu, mal-identità tiegħu, man-nazzjonalità jew man-nazzjonalitajiet tiegħu, mal-pajjiż fejn kien residenti qabel, mal-applikazzjonijiet tiegħu preċedenti għall-ażil, mar-rotta ta’ vjaġġar tiegħu, mar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tiegħu u, b’mod iktar wiesa’, mar-reati serji li fihom huwa kien jew seta’ kien is-suġġett tagħhom. Fejn xieraq, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra wkoll l-ispjegazzjonijiet fornuti għal dak li jirrigwarda l-assenza ta’ provi u l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant.

37      Għaldaqstant, id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja għandu jippermetti lill-applikant li jippreżenta l-fehma tiegħu fir-rigward ta’ dawn l-elementi, sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu u sabiex jippermetti lill-amministrazzjoni sabiex tipproċedi bl-għarfien sħiħ tal-evalwazzjoni individwali tal-fatti u taċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83, sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx riskju reali li l-applikant isofrix dannu serju, fis-sens ta’ din id-direttiva, jekk jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li applikant għal protezzjoni sussidjarja ma setgħax jirrapporta dwar tali punt bil-miktub, b’mod ġenerali, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li ma jippermettix b’mod effettiv id-dritt tiegħu għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu.

39      Fil-fatt, fid-dawl tan-natura tal-elementi msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, ma jistax, bħala prinċipju, jiġi eskluż li dawn jistgħu utilment jinġiebu għall‑attenzjoni tal-awtorità kompetenti permezz ta’ dikjarazzjonijiet bil-miktub tal-applikant għal protezzjoni sussidjarja jew f’formola xierqa prevista għal dan il-għan, flimkien ma’, skont il-każ, provi dokumentali li dan l-applikant jixtieq jinkludi fl-applikazzjoni tiegħu.

40      Tali mekkaniżmu proċedurali, sakemm iħalli biżżejjed flessibbiltà lill-applikant sabiex jesprimi l-fehma tiegħu u li jkun jista’, fejn meħtieġ, jikseb l-assistenza xierqa, hija ta’ natura li tippermetti lill-applikant jesprimi ruħu b’mod iddettaljat dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità kompetenti u jesponi, jekk iqis dan utli, informazzjoni jew evalwazzjonijiet differenti għal dik diġà mressqa quddiem l-awtorità kompetenti fl-okkażjoni tal-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu.

41      Bl-istess mod, dan il-mekkaniżmu huwa probabbli li jipprovdi lill-awtorità kompetenti l-elementi relatati mal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, imsemmija fl-Artikolu 4(2) sa (5) tad-Direttiva 2004/83, li fuqhom din l-awtorità għandha tipproċedi fl-evalwazzjoni individwali tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti, u għalhekk jippermettilha li tagħmel id-deċiżjoni tagħha b’għarfien sħiħ tal-fatti u li timmotiva din tal-aħħar b’mod xieraq.

42      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja sseħħ wara proċedura ta’ ażil, li matulha l-applikant għal protezzjoni internazzjonali kellu intervista orali dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil.

43      Madankollu, ċerta informazzjoni jew ċertu elementi miġbura matul din l-intervista jistgħu wkoll ikunu utli fl-evalwazzjoni tal-mertu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja. B’mod partikolari, elementi li jirrigwardaw l-istatus individwali tal-applikant jew tas-sitwazzjoni personali tiegħu jistgħu jkunu rilevanti anki għall-istħarriġ tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu kif ukoll għall-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni sussidjarja.

44      Għalhekk, jekk intervista orali waqt il-proċedura ta’ ażil ma hijiex biżżejjed, bħala tali, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ tal-applikant dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 90), ma jistax madankollu jiġi eskluż li l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, ċerta informazzjoni jew ċerti elementi miġbura matul tali intervista li huma ta’ natura tali li jikkontribwixxu sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti.

45      F’dan ir-rigward, huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li d-dritt tal-applikant għal protezzjoni sussidjarja li jikkummenta bil-miktub fuq ir-raġunijiet li jistgħu jissostanzjaw l-applikazzjoni tiegħu jagħtih l-opportunità li jippreżenta l-fehma tiegħu fuq l-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti, sabiex tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dawn l-elementi.

46      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, jekk l-organizzazzjoni ta’ intervista orali matul l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja hija probabbli li toffri lill-applikant opportunità sabiex iżid elementi ġodda għal dawk li huma diġà mogħtija bil-miktub, id-dritt għal smigħ ma jimplikax li tingħatalu tali possibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 71).

47      Madankollu, jibqa’ l-fatt li, f’ċerti każijiet, ċirkustanzi speċifiċi jistgħu jeħtieġu l-organizzazzjoni ta’ intervista orali b’tali mod li d-dritt għal smigħ tal-applikant għal protezzjoni sussidjarja jiġi rrispettat.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jekk, għal kwalunkwe raġuni, l-elementi pprovduti mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma humiex kompluti, attwali jew rilevanti, jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 li l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkoopera b’mod attiv mal-applikant sabiex ikunu ssodisfatti l-elementi kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 66).

49      Għaldaqstant, intervista orali għandha tkun organizzata jekk l-awtorità kompetenti ma tkunx oġġettivament f’pożizzjoni, abbażi tal-elementi disponibbli għaliha insegwitu għall-proċedura bil-miktub u għall-intervista orali tal-applikant magħmula matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, li tiddetermina b’għarfien sħiħ jekk hemmx raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li l-applikant, jekk jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jiffaċċja riskju veru li jsofri perikolu serju, u jekk l-applikant ma jistax jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma huwiex dispost japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż.

50      F’sitwazzjoni bħal din, intervista orali tista’ tabilħaqq tippermetti lill-awtorità kompetenti tistaqsi lill-applikant fuq l-elementi li huma nieqsa sabiex tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni tiegħu u, jekk ikun meħtieġ, tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2004/83 humiex issodisfatti.

51      Intervista orali għandha tiġi wkoll organizzata jekk ikun jidher, fid-dawl taċ-ċirkustanzi personali jew ġenerali attinenti għall-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, b’mod partikolari tal-vulnerabbiltà partikolari possibbli tal-applikant, pereżempju minħabba fl-età tiegħu, saħħtu jew għaliex ikun fil-fatt sofra forom gravi ta’ vjolenza, b’tali intervista tkun neċessarja sabiex ikun jista’ jesprimi ruħu b’mod sħiħ u koerenti fuq il-provi li jistgħu jissostanzjaw din l-applikazzjoni.

52      Konsegwentement, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk hemmx, fil-kawża prinċipali, ċirkustanzi speċifiċi li jirrikjedu intervista orali tal-applikant għal protezzjoni sussidjarja sabiex id-dritt għal smigħ tiegħu jkun irrispettat.

53      Fil-każ fejn tali intervista kellha tkun organizzata fi proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-applikant għal protezzjoni sussidjarja għandux ikollu d-dritt li jindika xhieda u li jiġu kontroeżaminati matul din l-intervista.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li tali dritt jmur lil hinn mir-rekwiżiti li ordinarjament jirriżultaw mid-dritt għal smigħ fil-proċeduri amministrattivi, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 200), u, min-naħa l-oħra, li r-regoli applikabbli sabiex jiġu eżaminati applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83, ma jagħtux importanza partikolari lix-xhieda fl-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti.

55      Minn dan isegwi li d-dritt għal smigħ ma jimplikax li l-applikant għal protezzjoni sussidjarja għandu d-dritt li jindika xhieda u li jiġu kontroeżaminati matul din l-intervista orali fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li d-dritt għal smigħ, hekk kif japplika fil-kuntest tad-Direttiva 2004/83, ma jirrikjedix, bħala prinċipju, li meta leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi għal żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, l-applikant għal protezzjoni sussidjarja għandu d-dritt għal intervista orali dwar l-applikazzjoni tiegħu u d-dritt li jindika xhieda u li jiġu kontroeżaminati matul din l-intervista.

57      Madankollu, intervista orali xorta għandha tiġi organizzata meta ċ-ċirkustanzi speċifiċi, li jikkonċernaw il-provi disponibbli għall-awtorità kompetenti jew iċ-ċirkustanzi personali u ġenerali attinenti għall-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, jagħmluh neċessarju sabiex din l-applikazzjoni tiġi eżaminata b’għarfien sħiħ, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt għal smigħ, hekk kif japplika fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ma jirrikjedix, bħala prinċipju, li meta leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi għal żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, l-applikant għal protezzjoni sussidjarja għandu d-dritt għal intervista orali dwar l-applikazzjoni tiegħu u d-dritt li jindika xhieda u li jiġu kontroeżaminati matul din l-intervista.

Madankollu, intervista orali xorta għandha tiġi organizzata meta ċ-ċirkustanzi speċifiċi, li jikkonċernaw il-provi disponibbli għall-awtorità kompetenti jew iċ-ċirkustanzi personali u ġenerali attinenti għall-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, jagħmluh neċessarju sabiex din l-applikazzjoni tiġi eżaminata b’għarfien sħiħ, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż