Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Frar 2009 - Saint-Gobain Glass France et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-56/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Saint-Gobain Glass France SA (Courbevoie, Franza), Saint-Gobain Sekurit Deutschland GmbH & Co. KG (Aachen, il-Ġermanja), Saint-Gobain Sekurit France SAS (Thourotte, Franza) (rappreżentanti: B. van de Walle de Ghelcke, B. Meyring, M. Guillaumond u E. Venot, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti1

tannulla l-verżjoni emendata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej C(2008) 6815 finali, tat-12 ta' Novembru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE fil-Każ COMP/39.125 - Ħġieġ tal-vetturi hekk kif adottata permezz tad-Deċiżjoni C(2009)863 finali tal-11 ta' Frar 2009, notifikata lir-rikorrenti fit-13 u s-16 ta' Frar 2009, kif ukoll il-motivi li fuqhom huwa bbażat id-dispożittiv, inkwantu l-verżjoni emendata ta' din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-rikorrenti jew alternattivament l-Artikolu 2 tagħha;

sussidjarjament tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2 tal-verżjoni emendata tad-Deċiżjoni hekk kif adottata permezz tad-Deċiżjoni C(2009)863 finali tal-11 ta' Frar 2009, notifikata lir-rikorrenti fit-13 u s-16 ta' Frar 2009, għal ammont xieraq;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 6815 finali, tat-12 ta' Novembru 2008, fil-Każ COMP/39.125 - Ħġieġ tal-vetturi, li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea billi qasmu kuntratti ta' provvista ta' ħġieġ għall-vetturi u billi kkoordinaw il-politika tal-prezzijiet u l-istrateġiji ta' provvista tagħhom fis-suq Ewropew tal-ħġieġ tal-vetturi.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu tmien motivi bbażati :

fuq ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali u tad-dritt għall-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza peress li l-multa kienet ġiet imposta minn awtorità amministrattiva li għandha kemm setgħa ta' investigazzjoni kif ukoll dik li timponi sanzjonijiet, kif ukoll fuq l-illegalità tar-Regolament Nru 1/20032 sa fejn dan ma jagħtix dan id-dritt lil qorti indipendenti u imparzjali;

fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ peress li l-Kummissjoni ma ssuġġettatx għall-kontradittorja l-metodu ta' kalkolu tal-multa skont il-linji gwida dwar il-multi tal-20063;

fuq ksur tal-Artikolu 253 KE peress li d-Deċiżjoni kkontestata ma kinitx motivata biżżejjed skont il-liġi inkwantu l-Kummissjoni ma spjegatx b'mod konkret fuq il-bażi ta' liema bejgħ kien ġie kkalkolat id-dħul mill-bejgħ fir-rigward tal-ksur;

fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni kif ukoll fuq abbuż ta' poter, peress li l-limitu ta' 10 % kellu jiġi applikat għad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti biss, bl-esklużjoni tad-dħul mill-bejgħ ta' Compagnie de Saint-Gobain;

fuq ksur tal-prinċipju ta' non-retroattività tal-pieni, inkwantu l-Kummissjoni applikat b'mod retroattiv il-linji gwida dwar il-multi tal-2006, li wassal għal żieda sinjifikattiva mhux prevedibbli tal-livell tal-multi, billi bbażat id-Deċiżjoni kkontestata fuq dawn il-linji gwida minkejja l-fatt li dawn kienu ġew adottati wara t-tmiem tal-ksur;

fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità billi imponiet multa eċċessiva, sproporzjonata u mhux ġustifikabbli mill-għan ta' dissważjoni;

fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u fuq nuqqas ta' motivazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni m'għandhiex dritt tibbaża ruħha fuq iż-żewġ każijiet ta' reċidiviżmu kkunsidrati bħala rilevanti fir-rigward tad-Deċiżjoni kkontestata, għar-raġuni li r-rikorrenti mhuma destinatarji ta' ebda waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet;

fuq żball ta' liġi u ta' evalwazzjoni fl-applikazzjonu tal-Artikolu 23(2)(a) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 inkwantu fil-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta' kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti mir-rikorrenti.

____________

1 - Kif emendati wara l-preżentata tar-rikors minħabba korrezzjoni għad-deċiżjoni kkontestata adottata mill-Kummissjoni.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1).

3 - Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).