Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2016 minn Guccio Gucci SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) fil-11 ta’ Ottubru 2016 fil-Kawża T-461/15 – Guccio Gucci SpA vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-675/16 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Guccio Gucci SpA (rappreżentanti: V. Volpi, P. Roncaglia, F. Rossi, N. Parrotta, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea; Guess? IP Holder LP

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fil-kuntest tal-kawża odjerna;

tikkundanna lil Guess għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fil-kuntest tal-kawża odjerna.

Aggravji u argumenti prinċipali

1. Permezz ta’ din il-kawża, Guccio Gucci S.p.A. (iktar ’il quddiem “Gucci” jew l-“appellanti”) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (it-Tielet Awla) fil-Kawża T-461/15 (is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Gucci kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tas-27 ta’ Mejju 2015 fil-Każ R 2049/2014-44, li kienet ikkonfermat id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-31 ta’ Lulju 2014 li tiċħad it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Nru 5538012, fil-klassijiet 3, 9, 14, 16, 18, 25 u 35 (it-“trade mark ikkontestata”), f’isem Guess? IP Holder L.P. (iktar ’il quddiem “Guess”).

2. Il-kawża odjerna hija intiża sabiex jiġi stabbilit li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li r-raġunijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità previsti fl-Artikolu 8(1)(b) u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 1 , tas-26 ta’ Frar 2009, qabel ma ġie emendat, ma kinux japplikaw għat-trade mark ikkonestata. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat il-fatti u l-provi li ġew prodotti quddiemha waqt l-evalwazzjoni tagħha tax-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti u, konsegwentement, applikat b’mod żbaljat kemm l-Artikolu 8(1)(b) kif ukoll l-Artikolu 8(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja; u li ma pprovdietx motivazzjoni għas-sentenza appellata.

3. Il-Qorti Ġenerali eskludiet ix-xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti abbażi tal-preżunzjoni lil-pubbliku rilevanti […] ma jipperċepixxix fit-trade mark [ikkontestata] l-ittra kapitali “G”, irrappreżentata fi trade marks preċedenti, iżda pjuttost motiv ornamentali astratt. Barra minn hekk, fid-dawl tal-istilizzazzjoni tas-sinjal u fid-dawl tal-fatt li l-elementi tagħha jidħlu f’xulxin jew huma magħqudin flimkien, dan jista’ wkoll jiġi pperċepit bħala li jirriproduċi ittri stilizzati, bħall-ittra kapitali “X” jew l-ittra “e”, u bħala assjem ta’ ċifri u ittri, bħaċ-ċifra “3” u l-ittra “e” (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 30 tas-sentenza appellata). Din il-preżunzjoni hija l-qofol tas-sentenza appellata, li wasslet lill-Qorti Ġenerali sabiex teskludi kull xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti u, konsegwentement, l-applikabbiltà tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja għall-każ odjern.

4. Madankollu, il-preżunzjoni suesposta hija manifestament żbaljata. Dan jirriżulta b’mod ċar mid-dokumenti ppreżentati fil-każ li juru b’mod ċar li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi sewwa l-ittri kapitali “G” fit-trade mark ikkontestata, skont ir-riżultati ta’ sondaġġ dwar il-preċezzjoni tal-pubbliku tat-trade mark ikkontestata prodotti minn Gucci. Dan l-iżnaturament manifest tal-fatti u tal-provi affettwa l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-rikors ta’ Gucci: kieku l-Qorti Ġenerali ammettiet li l-pubbliku rilevanti – jew, tal-inqas, parti mill-imsemmi pubbliku rilevanti – jipperċepixxi jew tipperċepixxi t-trade mark ikkontestata bħala assjem ta’ ittri kapitali “G”, hija ma kinitx tkun tista’ teskludi x-xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti u, kolnsegwentement, l-applikabbiltà kemm tal-Artikolu 8(1)(b) kif ukoll tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (verżjoni kkodifikata) ĠU L 78, p. 1.