Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Awwissu 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda

(Kawża C-504/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Tomat, J. Tomkin, aġenti)

Konvenuta: L-Irlanda

Talbiet

tiddikjara li billi ma żguratx l-applikazzjoni tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni għall-karburanti previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE 1 , tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 4 u 7 ta’ dik id-direttiva;

tiddikjara li billi tippermetti l-użu ta’ kombustibbli mmarkat għall-propulsjoni ta’ dgħajsa għall-użu privat jew għall-divertiment, anki meta dan il-kombustibbli ma kienx suġġett għal xi eżenzjoni jew tnaqqis fid-dazju tas-sisa, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva tal-Kunsill 95/60/KE 2 , tas-27 ta’ Novembru 1995, dwar l-immarkar fiskali tan-nafta u tal-pitrolju;

tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sistema li biha l-Irlanda timponi u tiġbor dazji tas-sisa fuq kombustibbli użat għall-propulsjoni ta’ dgħajsa għall-użu privat jew għall-divertiment hija inkompatibbli mal-obbligi tagħha skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (id-“Direttiva dwar Tassazzjoni tal-Enerġija") u d-Direttiva 95/60/KE (id-“Direttiva dwar l-Immarkar Fiskali”).

Dwar il-ħlas tad-dazji tas-sisa, jidher ċar li huwa biss numru żgħir ħafna ta’ sidien ta’ dgħajsa għall-użu privat jew għall-divertiment li fil-fatt jissottomettu dijarazzjoni għall-ħlas tar-rata sħiħa tad-dazju. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-fatt li huwa permess l-bejgħ ta’kombustibbli mmarkat għal użi li huma suġġetti għal rata sħiħa tad-dazju tas-sisa huwa fundamentalment inkompatibbli mad-Direttiva dwar l-Immarkar Fiskali. L-obbligu ta’ mmarkar tal-kombustibbli li kien suġġett għal rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa huwa intiż speċifikament biex jiġi żgurat li dawk il-kombustibbli jintgħarfu mill-ewwel minn kombustibbli oħra li fir-rigward tagħhom ġie mħallas id-dazju sħiħ. Madankollu, l-effett tal-miżura nazzjonali huwa li meta kombustibbli mmarkat jinstab fit-tank ta’ dgħajsa għall-użu privat jew għall-divertiment li ntlew fl-Irlanda, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit b’riferiment għall-immarkar, jekk il-kombustibbli użat kienx is-suġġett ta’ ħlas sħiħ tad-dazju tas-sisa jew le.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 289.