Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-27 ta’ Settembru 2017 – Staatssecretaris van Financiën vs L. W. Geelen

(Kawża C-568/17)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Staatssecretaris van Financiën

Konvenut: L. W. Geelen

Domandi preliminari

1a)    L-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva 1 flimkien mal-Artikolu 52(a) tad-Direttiva tal-VAT tal-2006 2 (verżjoni applikabbli sal-1 ta’ Jannar 2010) għandhom jiġu interpretati fis-sens li taħt dawn id-dispożizzjonijiet jaqa’ wkoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni bi ħlas ta’ sessjonijiet webcam erotiċi interattivi diretti?

1b)    Jekk il-parti (a) tal-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, il-frażijiet “il-post fejn dawk is-servizzi jingħataw materjalment” u “il-post fejn is-servizzi huma fiżikament imwettqa” li jinsabu rispettivament fl-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva u fil-parti introduttiva tal-Artikolu 52 tad-Direttiva tal-VAT tal-2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-post determinanti huwa dak fejn il-mudelli jidhru quddiem il-webcam, jew fis-sens li l-post determinanti huwa dak fejn il-viżitaturi jħarsu lejn l-immaġni, jew għandu jiġi kkunsidrat post ieħor?

2)    It-tnax-il inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 56(1)(k) tad-Direttiva tal-VAT tal-2006 (verżjoni applikabbli sal-1 ta’ Jannar 2010), flimkien mal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-VAT tal-2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid għad-dispożizzjoni bi ħlas ta’ sessjonijiet webcam erotiċi interattivi diretti jista’ jiġi kkunsidrat bħala “[s]ervizzi provduti elettronikament”?

3)    Fil-każ li kemm il-parti (a) tal-ewwel domanda kif ukoll it-tieni domanda jingħataw risposta affermattiva u fil-każ li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi rilevanti jwasslu għal riżultati differenti fir-rigward tal-postijiet fejn jiġu pprovduti s-servizzi, kif għandu, għalhekk, jiġi stabbilit il-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi?

____________

1 Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).

2 Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).