Language of document : ECLI:EU:T:2003:235

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

17 ta’ Settembru 2003 (*)

“Regolament (KE) Nru 1049/2001 ─ Aċċess għad-dokumenti ─ Nuqqas ta’ żvelar ta’ dokument li joriġina minn Stat Membru mingħajr il-qbil minn qabel ta’ dak l-Istat”

Fil-Kawża T-76/02

Mara Messina, residenti f’Napli (l-Italja), irrappreżentata minn M. Calabrese, avukat,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn U. Wölker, V. Di Bucci u P. Aalto, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta lir-rikorrenti l-aċċess għal ċerti dokumenti rigward skema ta’ għajnuna mill-Istat li kienu suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Awwissu 2000 [Għajnuna mill-Istat Nru 715/99 ─ L-Italja (SG 2000 D/10574)],

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn V. Tiili, President, J. Pirrung, P. Mengozzi, A. W. H. Meij u M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ April 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 255 tal-KE jipprovdi li:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, soġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond il-paragrafi 2 u 3.

2. Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.

[…]”

2        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43) jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet, ibbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni previst fl-Artikolu 255 KE, b’mod li jiggarantixxi aċċess wiesgħa kemm jista jkun għad-dokumenti, jistabbilixxi regoli li jippermettu eżerċizzju tad-dritt fl-eħfef mod possibbli u jara li jippromwovi prattiċi amministrattivi tajbin dwar l-aċċess għad-dokumenti.

3        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jiddisponi li:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3. Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]”

4        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1049/2001 jistabbilixxi li:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

b)      “parti terza” tfisser kull persuna naturali jew legali, jew kull entità barra mill-istituzzjoni involuta, inklużi l-Istati Membri, korpi Komunitarji oħrajn, istituzzjonijiet oħra mhux Komunitarji u korpi u pajjiżi terzi.”

5        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiddefinixxi l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, jgħid is-segwenti:

“[…]

2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

4. Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

5. Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura

6        Ir-rikorrenti hija assistenta fil-fakultà tal-liġi ta’ l-Universitajiet ta’ Salerno u ta’ Napli (Italja).

7        Billi kellha l-kompitu li tipprepara studju dwar l-effetti ta’ l-għajnuna mill-istat fuq l-impriżi fir-reġjuni żvantaġġati fin-Nofsinhar ta’ l-Italja, hija applikat, permezz ta’ l-ittra ta’ l-4 ta’ Diċembru 2001, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għall-aċċess għal ċerti dokumenti li jikkonċernaw skema ta’ għajnuna mill-Istat, li wara eżaminazzjoni preliminarja instabet kompatibbli mas-suq komuni permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Awwissu 2000 [Għajnuna mill-Istat N 715/99 – Italja (SG 2000 D/10574)]. B’mod partikolari, ir-rikorrenti talbet aċċess għall-iskambju ta’ korrispondenza bejn l-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-investigazzjonijiet ta’ dik l-iskema, għall-minuti tal-laqgħa li saret fi Brussell fis-16 ta’ Mejju 2000, bejn dawn l-awtoritajiet u d-dipartimenti ta’ dik l-istituzzjoni, u għar-rakkomandazzjoni li biha l-Kummissjoni pproponiet, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), emendi utli għall-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni, fil-każ fejn din ir-rakkomandazzjoni ma kinitx inkluża f’wieħed jew fl-ieħor fost id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq.

8        Il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni tar-rikorrenti b’ittra tad-19 ta’ Diċembru 2001. L-istituzzjoni rreferiet għall-motivi ta’ żewġ sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza u, b’mod partikolari, għall-punti 86 sa 90 tas-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Ufex et vs Il-Kummissjoni (Kawża T-613/97, Ġabra p. II‑4055), u għall-punti 67 u 68 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2001, Petrie et vs Il-Kummissjoni (Kawża T‑191/99, Ġabra II‑3677), sabiex tiġġustifika r-rifjut għall-aċċess. Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex tibgħat it-talba tagħha lill-awtoritajiet Taljani filwaqt li għamlet ċar li, minn naħa tagħha, hija ma jkollha ebda oġġezzjoni għall-iżvelar ta’ l-ittri li hija nnifisha bagħtet lil dawk l-awtoritajiet.

9        Ir-rikorrenti indirizzat applikazzjoni konfermatorja [ta’ konferma] lill-Kummissjoni, permezz ta’ l-ittra ta’ l-14 ta’ Jannar 2002, hekk konformi ma’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

10      Wara li nnotifikat lir-rikorrenti, permezz ta’ l-ittra ta’ l-1 ta’ Frar 2002, dwar l-estensjoni bi 15-il ġurnata tat-terminu previst għall-ipproċessar tat-talba tagħha, il-Kummissjoni eventwalment ma pprovdiet l-ebda risposta għall-applikazzjoni ta’ konferma, pożizzjoni li hija kkunsidrata bħala risposta negattiva konformi ma’ l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

11      Ir-rikorrenti bdiet il-proċeduri preżenti billi ppreżentat rikors mar-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Marzu 2002. Ir-rikorrenti għamlet talba għal proċedura mħaffa, permezz ta’ dokument separat bid-data ta’ l-istess jum, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 76a tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tal-11 ta’ April 2002.

12      Bħala risposta għall-ittra tat-30 ta’ April 2002, mibgħuta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Taljani sabiex dawn jindikaw jekk kinux jaqblu jew le dwar jekk ir-rikorrenti kelliex tiġi trażmessa d-dokumenti mitluba, permezz ta’ l-ittra tas-16 ta’ Mejju 2002, l-awtoritajiet Taljani qablu li jirrifjutaw dan l-aċċess lill-persuna kkonċernata.

13      Il-proċeduri bil-miktub ġew konklużi fl-1 ta’ Awwissu 2002.

14      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, billi applikat l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tar-Raba’ Awla, wara li semgħet lill-partijiet konformament ma’ l-Artikolu 51 ta’ dawn ir-regoli, illi tirreferi l-kawża quddiem kulleġġ estiż tal-Qorti.

15      Fuq rapport ta’ l-Imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri orali.

16      Ir-rikorrenti, permezz ta’ l-ittra tat-3 ta’ Marzu 2003, b’mod partikolari talbet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri bil-miktub sabiex tressaq motivi ġodda bbażati fuq elementi ta’ fatt li seħħew wara l-għeluq ta’ din il-proċedura kif ukoll żmien itwal għat-trattazzjoni.

17      B’risposta għal din l-ittra, ġie deċiż, b’mod partikolari, li t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri bil-miktub tiġi miċħuda u r-rikorrenti ġiet mistiedna sabiex, minn naħa, tikkomunika lill-Qorti tal-Prim’Istanza d-dokumenti li jikkonċernaw l-allegati fatti ġodda u, min-naħa l-oħra, sabiex tippreżenta fil-qosor, bil-miktub, il-kontenut tat-talbiet il-ġodda invokati.

18      Ir-rikorrenti rrispondiet għal din l-istedina fl-24 ta’ Marzu 2003 permezz ta’ nota, bid-data tal-21 ta’ Marzu 2003, li fiha hija invokat erba’ motivi ġodda għall-annullament.

19      Fl-istess ħin, permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni qalet li kienet ittrażmettiet lir-rikorrenti, permezz ta’ l-ittra ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, id-dokumenti li kienet stabbilixxiet fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni. Din il-komunikazzjoni kienet tkopri l-ittri indirizzati lill-awtoritajiet Taljani bid-dati tat-22 ta’ Diċembru 1999, tas-7 ta’ Marzu u tad-29 ta’ Mejju 2000, li kienu effettivament imsemmija fit-talba inizjali għal aċċess magħmula mir-rikorrenti, bl-aħħar ittra tirrigwarda, b’mod partikolari, il-kontenut tal-laqgħa tas-16 ta’ Mejju 2000 fi Brussell, imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq. Skond il-Kummissjoni, din it-trażmissjoni tagħmel ir-rikors mingħajr suġġett f’dak li jirrigwarda d-dokumenti fuq imsemmija. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ppreċiżat li ma setgħatx tittrażmetti lir-rikorrenti l-korrispondenza li kienet intbagħtet mill-awtoritajiet Taljani matul l-eżaminazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni minħabba r-rifjut tagħhom ta’ tali żvelar permezz ta’ l-ittra tas-16 ta’ Mejju 2002. Fid-dawl ta’ dawn it-tibdiliet, il-Kummissjoni pproponiet li r-rikorrenti tkun mistoqsija jekk hija kellhiex l-intenzjoni li tipproċedi bir-rikors tagħha jew le.

20      Ir-rikorrenti talbet, permezz ta’ l-ittra tas-26 ta’ Marzu 2003, sabiex s-seduta iffissata għat-3 ta’ April 2003 tinżamm kif miftiehem. Fis-27 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti talbet sabiex tintbagħtilha l-ittra tas-17 ta’ Frar 2003 ta’ l-awtoritajiet Taljani, in segwitu għad-domanda tal-Kummissjoni dwar applikazzjoni għal aċċess magħmul minn kumpannija Taljana u li fiha jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom għall-komunikazzjoni ta’ dokumenti identiċi għal dawk li kienet qed titlob ir-rikorrenti, talba li kienet ġiet milqugħa.

21      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta li nżammet fit-3 ta’ April 2003.

 Talbiet tal-partijiet

22      Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2001 li tiċħad it-talba inizjali tagħha għal aċċess;

–        tannulla ċ-ċaħda impliċita ta’ l-applikazzjoni tagħha ta’ konferma;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett

24      Għandu jingħad illi, matul il-proċeduri preżenti, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 19, iktar ’il fuq, li biddel il-fatti oriġinali tal-kawża.

25      Fis-seduta tat-3 ta’April 2003, ir-rikorrenti ddikjarat li t-talba tagħha għal aċċess kienet parzjalment sodisfatta, bħala riżultat ta’ din it-trażmissjoni ta’ dokumenti tal-Kummissjoni, u hija konsegwentement, irrinunzjat għat-talbiet tagħha għall-annullament tar-rifjut għal aċċess għal dawn id-dokumenti. Hija rrinunzjat ukoll għall-ewwel tliet motivi ġodda mressqa fin-nota tagħha tal-21 ta’ Marzu 2003 u bbażati fuq il-ksur, rispettivament, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet nota formali ta’ din ir-rinunzja fil-proċess verbali tas-seduta.

26      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti żammet it-talbiet tagħha għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fejn ġie miċħud l-aċċess għad-dokumenti stabbiliti mill-awtoritajiet Taljani kif ukoll il-motivi għal annullament ibbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 2(1) u (3) u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ippreżentati fir-rikors tagħha, u fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament, kif imsemmi fin-nota tagħha tal-21 ta’ Marzu 2003.

27      L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001

 Argumenti tal-partijiet

28      Rigward l-element ġdid li fuqu hija bbażata din it-talba, ir-rikorrenti tqis li, ladarba saret taf li s-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni awtorizza l-komunikazzjoni tad-dokumenti rigward l-eżaminar ta’ skema oħra ta’ għajnuna mill-Istat, lil kumpannija Taljana, għalhekk hija mill-ġdid, reġgħet staqsiet lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni dwar it-talba tagħha. Ir-risposta ta’ dan ta’ l-aħħar, fl-ittra tal-11 ta’ Novembru 2002, flimkien ma’ l-ittra ta’ l-awtoritajiet Taljani tas-16 ta’ Mejju 2002, misjuba fl-Anness 2 tal-kontroreplika, tista’ tikkostitwixxi motiv ġdid ta’ rifjut ta’ l-aċċess ikkontestat, li tiġġustifika l-introduzzjoni ta’ motiv ġdid.

29      F’dik l-ittra tal-11 ta’ Novembru 2002, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni reġa’ rrifjuta l-komunikazzjoni tad-dokumenti mitluba, fid-dawl ta’ dawn il-preżenti proċeduri u tal-fatt li l-awtoritajiet Taljani oġġezzjonaw għall-iżvelar ta’ dokumenti li huma ttrażmettew lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna in kwistjoni.

30      F’dak li jikkonċerna s-sustanza tal-motiv, ir-rikorrenti tiġbed l-attenzjoni, l-ewwel nett, għall-fatt li l-ittra tas-16 ta’ Mejju 2002 mill-Ministeru Taljan ta’ Attivitajiet ta’ Produzzjoni hija ffirmata minn Direttur-Ġenerali u ssostni, ukoll, illi hija “tiddubita li l-firma ta’ wieħed minn (numru ta’) diretturi ta’ wieħed minn (numru ta’) ministeri ta’ Stat Membru huwa biżżejjed sabiex jorbot lil dan l-Istat” fid-dawl tan-natura eċċezzjonali ta’ poter mogħti lil dan ta’ l-aħħar mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

31      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-awtur ta’ l-ittra msemmija iktar ’il fuq obbliga lilu nnifsu sabiex jinnota u japprova r-rifjut għal aċċess oppost mill-Kummissjoni u ma jitlobx espressament il-protezzjoni mill-iżvelar tad-dokumenti mitluba. Din il-pożizzjoni ma teskludix il-possibiltà ta’ deċiżjoni ulterjuri mill-Kummissjoni kontra dik li tifforma s-suġġett tal-kawża.

32      F’dawk iċ-ċirkustanzi, billi rat din l-ittra bħala eżerċizzju mill-Istat Taljan tal-poter mogħti lilu mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex jitlob il-protezzjoni mill-iżvelar tad-dokumenti mitluba u konsegwentement peress li kkunsidratha bħala ostaklu għall-iżvelar, il-Kummissjoni għamlet żball ċar fl-evalwazzjoni u kisret l-Artikolu msemmi iktar ’il fuq.

33      Fl-ittra tagħha tal-21 ta’ Marzu 2003 u fis-seduta, il-Kummissjoni sostniet illi hija ma setgħetx tittrażmetti d-dokumenti mitluba li oriġinaw mill-awtoritajiet Taljani minħabba r-rifjut espress minn dawn l-istess awtoritajiet fl-ittra tas-16 ta’Mejju 2002, rifjut li jinsab ukoll f’ittra tas-17 ta’Frar 2003 li tirrigwarda l-istess dokumenti, u li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 kien gie rrispettat b’mod sħiħ f’dan il-każ. Il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri permezz ta’ dan l-Artikolu hija spjegata mill-eżistenza ta’ regoli nazzjonali dwar l-aċċess għal dokumenti, li ma jistgħux jiġu evitati permezz tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija kkonfermat ukoll li mhux kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tirrevedi r-rifjut ta’ l-iżvelar minn Stat Membru kemm jekk għal raġunijiet formali kif ukoll fuq il-merti u enfasizzat il-fatt li t-Tribunale amministrattivo regionale del Lazio (Tribunal Amministrattiv Reġjonali tal-Lazio) kkonferma, fid-digriet tal-25 ta’ Lulju 2001, ir-rifjut mill-awtoritajiet Taljani ta’ applikazzjoni għal aċċess ta’ dawn id-dokumenti msemmija magħmula f’April ta’ dik is-sena minn xi kumpanniji.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

34      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar illi, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi introdott matul il-proċeduri sakemm dawn ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt illi jkunu ħarġu matul il-proċeduri.

35      F’dan il-każ, huwa normali li fil-kontroreplika tagħha l-Kummissjoni ppreċiżat illi hija kienet staqsiet lill-awtoritajiet Taljani, fit-30 ta’April 2002, dwar it-talba tar-rikorrenti għal aċċess, sabiex tkun taf jekk jaqblux jew le li d-dokumenti mitluba jiġu trażmessi lilha, u li wara kienet irċeviet ir-risposta ta’ dawn l-awtoritajiet fejn esprimew, f’ittra tas-16 ta’ Mejju 2002 (Anness 2 tal-kontroreplika), l-approvazzjoni tagħhom għar-rifjut ta’ aċċess lill-persuna kkonċernata.

36      Hemm lok illi tali elementi ta’ fatt, illi ħarġu matul il-proċeduri u li r-rikorrenti ma setgħetx tkun f’pożizzjoni illi tkun taf bihom b’xi mod ieħor, jikkostitwixxu fatti ġodda li jwasslu għall-introduzzjoni ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 4(5), tar-Regolament Nru 1049/2001, u meta wieħed jinnota li l-konvenuta ma kkontestatx, fis-seduta, l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv.

37      Għandu jingħad ukoll li matul il-proċeduri, il-Kummissjoni ttrażmettiet lir-rikorrenti l-ittri li hija indirizzat lill-awtoritajiet Taljani dwar l-iskemi ta’ għajnuna in kwistjoni u baqgħet tirrifjuta li tikkomunika d-dokumenti li joriġinaw mill-imsemmija awtoritajiet, permezz ta’ raġunijiet addizzjonali, billi toqgħod fuq l-oġġezzjoni għal xi tip ta’ żvelar espressa minn dawn l-awtoritajiet f’żewġ ittri tas-16 ta’ Mejju 2002 u tas-17 ta’ Frar 2003.

38      Għandu jiġi enfasizzat li d-dritt għal aċċess għal dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, li jinsab fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, jikkonċerna d-dokumenti kollha miżmuma minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti magħmula minnha jew li hija rċeviet u fil-pussess tagħha, skond l-Artikolu 2(3).

39      Għalhekk l-istituzzjonijiet jistgħu jiġu mitluba sabiex jikkomunikaw dokumenti magħmula minn terzi, li jistgħu b’mod partikolari jinkludu l-Istati Membri, b’mod konformi mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “parti terza” fl-Artikolu 3(b), tar-Regolament Nru 1049/2001.

40      Madankollu, jirriżulta mill-Artikolu 4(5), tar-Regolament Nru 1049/2001, illi, fost terzi, l-Istati Membri huma suġġetti għal trattament partikolari. Din id-dispożizzjoni tattribwixxi fil-fatt, lill-Istat Membru l-poter li jistaqsi lil xi istituzzjoni li ma tiżvelax dokumenti li huma magħmula minn dak l-Istat mingħajr qbil bil-quddiem dwar dan.

41      Għandu jiġi enfasizzat f’din il-fażi, li l-kliem ta’ Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, jikkostitwixxu t-traspożizzjoni tad-Dikjarazzjoni Nru 35 annessa ma’ l-Att finali tat-Trattat ta’Amsterdam, fejn skond din il-konferenza qablet illi l-prinċipji u l-kundizzjonijiet misjuba fl-Artikolu 255 KE jippermettu lil Stat Membru li jistaqsi lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill sabiex ma jikkomunikax lil terzi dokument ta’ dan l-Istat mingħajr il-qbil tiegħu minn qabel. Kif il-Kummissjoni ġustament innotat fis-seduta, dan il-poter mogħti lill-Istati Membri mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiġi spjegat mill-fatt illi tali regolament m’għandux la bħala għan u lanqas bħala effett illi jimmodifika l-liġijiet nazzjonali dwar l-aċċess għal dokumenti (premessa 15 tar-Regolament Nru 1049/2001).

42      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni staqsiet permezz ta’ l-ittra tat-30 ta’April 2002, lill-awtoritajiet Taljani jekk huma qablux jew le li l-korrispondenza skambjata ma’ l-istituzzjoni kellhiex tiġi mgħoddija lir-rikorrenti, li isimha kien imsemmi espressament fl-ittra in kwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li din il-konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet Taljani kienet manifestament neċessarja, peress li l-applikazzjoni tar-rikorrenti għal aċċess kienet tkopri dokumenti trażmessi lill-istituzzjoni qabel id-data li fiha r-Regolament Nru 1049/2001 daħal fis-seħħ.

43      B’ittra tas-16 ta’ Mejju 2002, trażmessa lill-Kummissjoni bil-posta mir-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika Taljana ma’ l-Unjoni Ewropea bid-data tas-17 ta’ Mejju 2002 (Anness 2 tal-kontroreplika), G. Visconti, Direttur Ġenerali tal-Ministeru Taljan ta’ l-Attivitajiet ta’ Produzzjoni, ħa nota u approva r-rifjut għal aċċess li diġà kien ġie kkomunikat lir-rikorrenti mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2001.

44      Ir-rikorrenti ssostni li, billi wieħed jittratta l-ittra tas-16 ta’ Mejju 2002 bħala l-eżerċizzju ta’ poter mill-Istat Taljan mogħti lilu mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex jitlob għall-protezzjoni mill-iżvelar tad-dokumenti mitluba, u allura, billi wieħed jikkunsidrah bħala ostaklu għall-iżvelar tad-dokumenti, il-Kummissjoni għamlet żball ċar ta’ evalwazzjoni u bi ksur ta’ l-artikolu msemmi.

45      Fin-nota tagħha tal-21 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti, l-ewwel nett, esprimiet id-“dubji” tagħha rigward il-kompetenza tal-firmatarju ta’ l-ittra bid-data tas-16 ta’ Mejju 2002 sabiex jeżerċita l-poter mogħti lir-Repubblika Taljana permezz ta’ l-Artikolu 4(5), tar-Regolament Nru 1049/2001.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, li skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhux kompitu tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar it-tqassim ta’ kompetenzi mir-regoli istituzzjoni ta’ kull Stat membru (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 1990, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-8/88, Ġabra p. I-2321, punt 13).

47      Għandu jingħad ukoll li fil-kuntest ta’ rikors taħt l-Artikolu 230 KE, il-qorti Komunitarja mhijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq il-legalità ta’ att adottat minn awtorità nazzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il-Kummissjoni, C-97/91, Ġabra p. I-6313, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il-Kummissjoni, T-22/97, Ġabra p. II-3775, punt 83).

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kellhiex tiddeċiedi, fir-rigward tal-liġi Taljana, dwar il-kompetenza ta’ l-awtur ta’ l-ittra tas-16 ta’ Mejju 2002, sabiex topponi l-iżvelar tad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti taħt l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda hija kellha biss tivverifika jekk l-ittra in kwistjoni kinitx, prima facie, dik ta’ Stat Membru fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq (Kesko vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84). Meta l-Kummissjoni rċeviet l-ittra tal-Ministeru Taljan ta’ Attivitajiet ta’ Produzzjoni, flimkien ma’ ittra mir-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika Taljana għall-Unjoni Ewropea li tirreferi espressament għall-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’April 2002, il-Kummissjoni setgħet leġittimament issostni li hija, prima facie, irċeviet oġġezzjoni mir-Repubblika Taljana għall-komunikazzjoni tad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti, skond l-Artikolu 4(5), tar-Regolament Nru 1049/2001.

49      F’kull każ, għandu jingħad, li wara li fformulat l-ilment tagħha f’termini ta’ dubji fin-nota tagħha tal-21 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti, bħala risposta għall-mistoqsija li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet fis-seduta, sostniet illi hija ma setgħetx tgħid liema awtorità, skond hija, hija kompetenti, fl-Italja, sabiex timplementa l-fakultà ddefinita fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għalhekk, evidenza li turi n-nuqqas ta’ kompetenza ta’ l-awtur ta’ l-ittra tas-16 ta’ Mejju 2002 ma kinitx prodotta.

50      It-tieni nett, ir-rikorrenti tibbaża fuq il-fatt illi l-ittra bid-data tas-16 ta’ Mejju 2002 ma fihiex rifjut formali sabiex tikkomunika d-dokumenti mitluba, li l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 neċessarjament timplika.

51      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa ċar mill-kitba ta’ din l-ittra msemmija iktar ’il fuq li din hija r-risposta għall-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2002, li titkellem dwar ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti in segwitu għar-rifjut ta’ aċċess ikkontestat u fejn titlob lill-awtoritajiet Taljani sabiex jieħdu pożizzjoni dwar l-iżvelar ta’ dokumenti mitluba mir-rikorrenti.

52      Hemm lok, wara, li jingħad li l-ifformular ta’ din l-ittra tas-16 ta’ Mejju 2002 huwa sempliċiment spjegat mill-kuntest li fih ġiet miktuba, jiġifieri r-rifjut pre-eżistenti tal-Kummissjoni għar-rigward ta’ aċċess għar-rikorrenti, u, meta tiġi meħuda in kunsiderazzjoni s-sustanza ta’ l-ittra nnifisha, ma jibqa’ l-ebda ambigwità fuq in-natura negattiva dwar ir-risposta ta’ l-awtoritajiet Taljani u, għalhekk, dwar l-oppożizzjoni tagħhom, skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, għal kull tip ta’ żvelar ta’ dokumenti magħmula minnha matul l-eżami ta’ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni. Barra mill-qbil espress tagħhom dwar ir-rifjut mill-Kummissjoni għal aċċess lir-rikorrenti, l-awtoritajiet Taljani hemm indikaw li huma diġà rrifjutaw żewġ talbiet għal aċċess dwar l-istess dokumenti mitluba mir-rikorrenti, li kienu ġew magħmula f’April u f’Diċembru 2001 minn impriżi Taljani u mill-avukat tar-rikorrenti f’ismu stess.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex neċessarju li tiġi meħuda in kunsiderazzjoni l-ittra ta’ l-awtoritajiet Taljani, tas-17 ta’ Frar 2003, wara domanda magħmula mill-Kummissjoni dwar applikazzjoni għal aċċess minn impriża Taljana u li fiha l-awtoritajiet imsemmija jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom għall-komunikazzjoni tad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti.

54      Fid-dawl tar-raġunijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni f’dan il-każ ma għamlitx żball ċar ta’ evalwazzjoni u li ma kisritx l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

55      Fl-aħħar nett, huwa xieraq li wieħed jinnota li l-poter mogħti lill-Istati Membri sabiex jitolbu nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti lil terzi persuni mingħajr il-qbil minn qabel magħhom bħala wieħed mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

56      Fid-dawl ta’ l-oġġezzjoni ta’ l-awtoritajiet Taljani, hekk kif jidher mill-ittra tas-16 ta’ Mejju 2002, sabiex jiġu kkomunikati lir-rikorrenti d-dokumenti stabbiliti fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni, ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni għal aċċess, sa fejn jikkonċerna dawn id-dokumenti, jidher illi huwa legalment iġġustifikat, meta wieħed josserva li r-rikorrenti f’dan il-każ, ikkontestat biss l-oppożizzjoni ta’ l-awtoritajiet imsemmija għat-trażmissjoni tad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr il-bżonn ta’ deċiżjoni dwar il-motivi li jirriżultaw mill-ksur ta’ l-Artikolu 2(1) u (3) u ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

58      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-parti telliefa hija kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn jiġu mitluba. Madankollu, skond l-Artikolu 87(3), jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

59      F’dan il-każ, hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud f’dak li jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mir-Repubblika Taljana. Għandu jiġi wkoll imfakkar illi r-rikorrenti waqqfet il-kawża tagħha f’dak li jikkonċerna l-annullament tar-rifjut għal aċċess għad-dokumenti, stabbilit mill-Kummissjoni, li ġew lilha trażmessi fl-20 ta’ Marzu 2003.

60      Madanakollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, minn naħa, il-Kummissjoni kkonsultat l-awtoritajiet Taljani tard u, min-naħa l-oħra, ikkomunikat lir-rikorrenti d-dokumenti stabbiliti minnha fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni biss wara li ġie ppreżentat ir-rikors u iktar minn 15-il xahar wara li tressqet it-talba inizjali għal aċċess.

61      Fid-dawl ta’ l-imġiba tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, abbażi ta’ l-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, l-istituzzjoni konvenuta għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs dawk tar-rikorrenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

tiddikjara u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti tbati nofs l-ispejjeż tagħha. Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Tiili

Pirrung

Mengozzi

Meij

 

      Vilaras

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Settembru 2003.

H. Jung

 

      V. Tiili

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.