Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-27 ta' April 2012 - Minister voor Immigratie en Asiel vs X

(Kawża C-199/12)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Minister voor Immigratie en Asiel

Konvenut: X

Domandi preliminari

Il-barranin b'orjentazzjoni omosesswali jikkostitwixxu grupp soċjali partikolari fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta' April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96; iktar 'il quddiem, id-"Direttiva")?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: liema attivitajiet omosesswali jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u, fil-każ ta' atti ta' persekuzzjoni kontra dawn l-attivitajiet, jistgħu l-imsemmija atti, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra jiġu sodisfatti, iwasslu għall-għoti tal-istatus ta' refuġjat? Din id-domanda tinkludi ż-żewġ sottodomandi li ġejjin:

a)    Barranin b'orjentazzjoni omosesswali jistgħu jiġu mistennija li jaħbu l-orjentazzjoni tagħhom minn kulħadd fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom sabiex jevitaw li jiġu ppersegwitati?

b)    Jekk tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda preċedenti, jista' jiġi mistenni - u f'dan il-każ, sa fejn - li barranin b'orjentazzjoni omosesswali jrażżnu ruħhom fl-espressjoni ta' din l-orjentazzjoni fil-pajjiż ta' oriġini sabiex jevitaw li jiġu ppersegwitati? F'dan ir-rigward, jista' jiġi mistenni li l-omosesswali jrażżnu ruħhom iktar mill-eterosesswali?

ċ)    Jekk, f'dan ir-rigward, tista' ssir distinzjoni bejn l-espressjonijiet li jikkonċernaw in-nukleu tal-orjentazzjoni u l-espressjonijiet l-oħra, x'għandu jinftiehem b'nukleu tal-orjentazzjoni u kif jista' jiġi stabbilit?

3)    Is-sempliċi penalizzazzjoni tal-attivitajiet omosesswali flimkien mat-theddida ta' piena ta' priġunerija, kif previsti mil-Liġi tal-1861 fuq il-ksur kontra l-persuna (Offences against the Person Act 1861) tas-Sierra Leone, jikkostitwixxu att ta' persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) moqri flimkien mas-subparagrafu inizjali u mas-subparagrafu (ċ) tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva? Jekk tingħata risposta fin-negattiv, f'liema ċirkustanzi huwa dan il-każ?

____________