Language of document : ECLI:EU:C:2014:242

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ April 2014 (*)

“Direttiva 2007/64/KE– Servizzi ta’ ħlas — Punt 23 tal-Artikolu 4 — Kunċett ta’ strument ta’ ħlas — Ordnijiet ta’ trasferiment mogħtija online u bl-għajnuna ta’ formola stampata — Artikolu 52(3) — Dritt ta’ min jitħallas li jitlob lil min iħallas tariffi għall-użu ta’ strument ta’ ħlas — Setgħa ta’ Stati Membri li jadottaw projbizzjoni ġenerali — Kuntratt bejn operatur ta’ telefonija ċellulari u individwi”

Fil-Kawża C‑616/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2011, fil-proċedura

T-Mobile Austria GmbH

vs

Verein für Konsumenteninformation,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda (relatur), Imħallfin

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal T-Mobile Austria GmbH, minn A. Egger, avukat,

–        għall-Verein für Konsumenteninformation, minn S. Langer, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u P. Cede, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller kif ukoll minn J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u N. Rouam, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u L. Bigotte Chorão, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K.-P. Wojcik, J. Rius u M. Noll-Ehlers kif ukoll minn C. Vrignon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Verein für Konsumenteninformation (assoċjazzjoni għall-informazzjoni tal-konsumaturi, iktar ’il quddiem il-“Verein” u T-Mobile Austria GmbH (iktar ’il quddiem “T-Mobile Austria”) fir-rigward ta’ prattika tariffarja ta’ din tal-aħħar li teżiġi mill-klijenti tagħha l-ħlas ta’ tariffi addizzjonali f’każ ta’ ħlas permezz ta’ trasferiment imwettaq online jew bl-għajnuna ta’ formola stampata.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Taħt it-Titolu I tad-Direttiva 2007/64 intitolat “Suġġett, Kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet”, l-Artikolu 1 tagħha, li hu stess huwa intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li skondhom l-Istati Membri għandhom jiddistingwu s-sitt kategoriji li ġejjin ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas:

[...]

2.      Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll regoli li jikkonċernaw kundizzjonijiet ta’ trasparenza, u d-drittijiet u l-obbligi rispettivi ta’ l-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, f’relazzjoni ma’ l-għoti ta’ servizzi ta’ ħlas bħala xogħol regolari jew attività tan-negozju.”

4        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

3)      ‘servizzi ta’ ħlas’ tfisser kwalunkwe mill-attivitajiet ta’ negozju kif elenkati fl-Anness;

[...]

7)      ‘min iħallas’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont tal-ħlas u tippermetti ordni tal-ħlas minn dak il-kont tal-ħlas, jew, fejn ma jkun hemm l-ebda kont tal-ħlas, persuna fiżika jew ġuridika li tagħti ordni għal ħlas;

8)      ‘min jitħallas’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun ir-riċevitur intenzjonat ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ transazzjoni ta’ ħlas;

9)      ‘fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas’ tfisser korpi msemmija fl-Artikolu 1(1) u persuni ġuridiċi u fiżiċi li jibbenefikaw mit-twarrib skond l-Artikolu 26;

10)      ‘utent ta’ servizzi ta’ ħlas’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn servizzi ta’ ħlas fil-kapaċità ta’ min iħallas jew ta’ min jitħallas, jew tat-tnejn;

[...]

16)      ‘ordni tal-ħlas’ tfisser kwalunkwe istruzzjoni minn min iħallas jew minn min jitħallas lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, fejn jitlob l-eżekuzzjoni ta’ transazzjoni ta’ ħlas;

[...]

19)      ‘awtentikazzjoni’ tfisser proċedura li tippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jivverifika l-użu ta’ strument tal-ħlas speċifiku, inkluż il-karatteristiċi ta’ sigurtà personalizzati tiegħu;

[...]

23)      ‘strument tal-ħlas’ tfisser kwalunkwe apparat personalizzat u/jew sett ta’ proċeduri rigward liema jkun sar ftehim bejn l-utent ta’ servizzi tal-ħlas u l-fornitur ta’ servizzi tal-ħlas u użati mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas sabiex jagħti bidu għal ordni ta’ ħlas;

[...]”

5        Taħt it-Titolu IV tal-imsemmija direttiva, li jittratta dwar id-drittijiet u l-obbligi relatati mal-provvista u mal-użu ta’ servizzi ta’ ħlas, l-Artikolu 52 tagħha, bit-titolu “Drittijiet [tariffi] applikabbli”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas m’għandux jipprevjeni lil min jitħallas milli jimponi drittijiet [tariffi] fuq min iħallas jew milli joffrilu tnaqqis għall-użu ta’ l-istrument tal-ħlas partikolari. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu ma jħallux jew jillimitaw id-dritt li jiġu mposti drittijiet [tariffi] b’kont meħud tal-ħtieġa li tiġi nkoraġġita l-kompetizzjoni u li jiġi promoss l-użu ta’ strumenti ta’ ħlas effiċjenti.”

6        Il-premessa 42 tad-Direttiva 2007/64 li tikkonċerna il-portata tal-Artikolu 52(3), hija redatta kif ġej:

“Sabiex tkun promossa t-trasparenza u l-kompetizzjoni, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas m’għandux iżomm lil min jitħallas milli jitlob miżata [tariffa] minn min iħallas biex juża strument għall-ħlas partikolari. Filwaqt li min jitħallas għandu jkun liberu li jitlob ħlas għall-użu ta’ ċerti strumenti ta’ ħlas, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk jipprojbixxux jew jillimitawx prattika bħal din fejn, fil-fehma tagħhom, dan huwa ġġustifikat minħabba pprezzar abużiv jew ipprezzar li jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-użu ta’ ċertu strument ta’ ħlas b’kont meħud tal-ħtieġa li jiġu inkoraġġiti l-kompetizzjoni u l-użu ta’ strumenti ta’ ħlas effiċjenti.”

7        Skont l-Artikolu 53 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Deroga għal strumenti tal-ħlas ta’ valur baxx u flus elettroniċi”:

“1.      Fil-każ ta’ strumenti tal-ħlas li skond il-kuntratt qafas, jikkonċernaw biss transazzjonjiet ta’ ħlas individwali li ma jeċċedux l-EUR 30 jew li għandhom limitu ta’ nfiq ta’ EUR 150 jew li jaħżnu fondi li fl-ebda ħin ma jeċċedu l-EUR 150 il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas jistgħu jiftiehmu ma’ l-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas tagħhom:

(a)      li l-Artikoli 56(1)(b) u l-Artikolu 57(1)(ċ) u (d) kif ukoll l-Artikolu 61(4) u (5) ma japplikawx jekk l-istrument tal-ħlas ma jippermettix l-ibblukklar tiegħu jew il-prevenzjoni ta’ aktar użu tiegħu;

(b)      li l-Artikoli 59, 60 u l-Artikolu 61(1) u (2) ma japplikawx jekk l-istrument tal-ħlas jintuża anonimament jew il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mhux f’pożizzjoni għal raġunijiet oħrajn li huma intrinsiċi għall-istrument tal-ħlas biex jagħti prova li transazzjoni kienet awtorizzata;

(ċ)      b’deroga mill-Artikolu 65(1), li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas m’għandux għalfejn jinnotifika lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas dwar ir-rifjut ta’ ordni tal-ħlas, jekk in-nuqqas ta’ l-eżekuzzjoni ikun apparenti mill-kuntest;

(d)      b’deroga mill-Artikolu 66, li min iħallas ma jistax jirrevoka l-ordni tal-ħlas wara li jitrasmetti l-ordni tal-ħlas jew jagħti l-kunsens tiegħu għaliha għall-eżekuzzjoni tat-transazzjoni ta’ ħlas lil min jitħallas;

(e)      b’deroga mill-Artikoli 69 u 70, li perijodi ta’ eżekuzzjoni oħra japplikaw.

2.      Għal transazzjonijiet ta’ ħlas nazzjonali, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jnaqqsu jew jirdoppjaw l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1. Fir-rigward ta’ strumenti tal-ħlas imħallsa minn qabel huma jistgħu iżidu l-ammonti sa EUR 500.

3.      L-Artikoli 60 u 61 għandhom japplikaw ukoll għal flus elettroniċi fis-sens ta’ l-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Settembru 2000, dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenti tal-kummerċ ta’ istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 343)], ħlief fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ min iħallas m’għandux l-abbiltà li jiffriża l-kont jew l-istrument. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw din id-deroga għal kontijiet ta’ ħlas jew strumenti ta’ ħlas ta’ ċertu valur.”

 Id-dritt Awstrijak

8        Skont il-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 2007/64 ġiet trasposta fid-dritt Awstrijak permezz tal-liġi dwar is-servizzi ta’ ħlas (Zahlungsdienstegesetz, BGBl. I, 66/2009, iktar ’il quddiem iz-“ZaDiG”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2009.

9        L-Artikolu 1 taz-ZaDiG, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din il-liġi federali tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom persuni jistgħu jipprovdu fuq bażi kummerċjali servizzi ta’ ħlas fl-Awstrija (fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas) u tirregola d-drittijiet u l-obbligi tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas stabbiliti fl-Awstrija u tal-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas stabbiliti fl-Awstrija, kif ukoll l-aċċess għas-sistemi ta’ ħlas.”

10      L-Artikolu 27 taz-ZaDiG, bit-titolu “Tariffi applikabbli”, jiżgura fil-paragrafu 6 tiegħu t-traspożizzjoni fl-ordinament ġuridiku Awstrijak tal-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64. L-Artikolu 27(6) taz-ZaDiG jipprovdi:

“Il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ma jistax jipprekludi lil min jitħallas milli jipproponi tnaqqis lil min iħallas għall-użu ta’ strument ta’ ħlas partikolari. Min jitħallas huwa pprojbit milli japplika tariffi f’każ ta’ użu ta’ strument ta’ ħlas partikolari.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      T-Mobile Austria GmbH hija waħda mill-fornituri tas-servizzi tat-telefonija ċellulari fl-Awstrija. Fuq din il-bażi, hija tikkonkludi kuntratti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni ma’ konsumaturi li jinkludu kundizzjonijiet ġenerali regolarment aġġornati minnha. Fil-verżjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali fis-seħħ fix-xahar ta’ Novembru 2009 kienet tidher il-klawżola segwenti:

“Artikolu 23

[...]

1.2.      Il-mezzi kollha ta’ ħlas huma aċċettati, iżda aħna nimponu tariffi ta’ pproċessar f’każ ta’ ħlas permezz ta’ trasferiment b’formola stampata jew bl-internet, skont l-iskema ta’ tariffi applikabbli għalik”.

12      B’applikazzjoni ta’ din il-klawżola, T-Mobile kienet timponi tariffi addizzjonali ta’ kull xahar ta’ EUR 3 għall-konsumaturi abbonati mat-tariffa “Call Europe” li huma jagħżlu ħlas li ma jsirx permezz ta’ debitu dirett jew permezz ta’ karta ta’ kreditu, li jinkludi b’mod partikolari l-ħlasijiet permezz ta’ trasferiment imwettaq bl-internet jew bl-għajnuna ta’ formola stampata.

13      Il-Verein adixxiet lill-qorti tal-ewwel istanza fil-kawża prinċipali biex titlob li T‑Mobile Austria tkun ipprojbita, minn naħa waħda, milli tinserixxi l-imsemmija klawżola fil-kuntratti li hija tikkonkludi mal-klijenti tagħha u, min-naħa l-oħra, milli tinvokaha fil-kuntest tal-kuntratti eżistenti. Insostenn tal-azzjoni tagħha, il-Verein sostniet li l-istess klawżola tmur kontra d-dispożizzjonijiet imperattivi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 27(6) taz-ZaDiG.

14      T-Mobile Austria talbet b’mod prinċipali billi sostniet, fl-ewwel lok, li hija ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2007/64 u taz-ZaDiG, peress li hija ma hijiex fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas iżda operatur ta’ telefonija ċellulari. Sussegwentement, formola ta’ trasferiment ma taqax, fin-nuqqas ta’ karatteristika ta’ sigurtà personalizzata, taħt il-kunċett ta’ “strument ta’ ħlas” fis-sens tal-Artikolu 4(23) ta’ din id-direttiva. Finalment, it-traspożizzjoni tal-Artikolu 52(3) tal-imsemmija direttiva permezz tat-tieni sentenza tal-Artikolu 27(6) taż-ZaDiG ma hijiex konformi mal-istess direttiva, peress li l-leġiżlatur Awstrijak naqas milli jimmotiva l-projbizzjoni milli jiġu applikati tariffi għall-użu ta’ strumenti ta’ ħlas partikolari.

15      Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talbiet kollha tal-Verein. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata fl-appell. Il-qorti tal-appell ikkunsidrat li t-trasferiment imwettaq bl-għajnuna ta’ rendikont b’formola stampata ma jikkostitwixxix strument ta’ ħlas fis-sens tal-Artikolu 4(23) tad-Direttiva 2007/64. Madankollu, peress li l-Artikolu 52(3) ta’ din id-direttiva ma jipprovdix armonizzazzjoni totali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, huwa permessibbli li l-leġiżlatur nazzjonali jipprovdi projbizzjoni ġenerali milli jiġu applikati tariffi supplimentari, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 27(6) taz-ZaDiG, li tirrigwarda kemm l-istrumenti ta’ ħlas fis-sens tal-imsemmija direttiva kif ukoll tranżazzjonijiet oħrajn ta’ ħlas, bħat-trasferimenti imwettqin bl-għajnuna ta’ formola stampata. Barra minn hekk, din il-projbizzjoni tissodisfa l-għan li jinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-istess direttiva, li jiġu mħeġġa l-kompetizzjoni u l-funzjonament tajjeb tas-sistema tat-tariffi.

16      T-Mobile Austria ippreżentat azzjoni ta’ reviżjoni tas-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar, li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja taħt id-dritt nazzjonali, ikkonstatat li d-domandi mqajma fil-kawża prinċipali kienu jeħtieġu interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/64.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu japplika wkoll għar-relazzjoni kuntrattwali bejn operatur ta’ telefonija ċellulari, bħala benefiċjarju [min jitħallas], u l-klijent tiegħu (konsumatur), bħala pagatur [min iħallas]?

2)      Formola ta’ trasferiment ta’ ħlas iffirmata bl-idejn mill-pagatur [min iħallas] u/jew il-proċedura għall-ordnijiet ta’ trasferiment ta’ ħlas ibbażata fuq formola ta’ trasferiment ta’ ħlas debitament iffirmata, kif ukoll il-proċedura miftiehma sabiex jinħarġu ordnijiet ta’ trasferiment ta’ ħlas permezz tal-online banking (“Telebanking”) għandhom jiġu kkunsidrati bħala strumenti ta’ ħlas fis-sens tal-Artikolu 4(23) u tal-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64/KE?

3)      L-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu benefiċjarju [min jitħallas] milli jimponi spejjeż b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, milli jiddistingwi bejn strumenti ta’ ħlas differenti?

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

18      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-użu ta’ strument ta’ ħlas fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali bejn operatur ta’ telefonija ċellulari, bħala min jitħallas, u l-klijent tiegħu, bħala min iħallas.

 Fuq l-ammissibbiltà

19      Preliminarjament, il-Verein qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra din l-ewwel domanda, minħabba li risposta għaliha ma hijiex “meħtieġa” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE sabiex il-qorti tar-rinviju tista’ taqta’ l-kawża prinċipali.

20      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolatorju u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 39; van der Weerd et., C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 22, kif ukoll Betriu Montull, C‑5/12, EU:C:2013:571, punt 34).

21      F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 21 sa 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jidhirx b’mod ċar li l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64 mitluba mill-qorti tar-rinviju ma hijiex neċessarja għal din tal-aħħar biex issolvi l-kawża li tressqet quddiemha.

22      Fil-fatt, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-Verein titlob li T-Mobile Austria tkun ipprojbita milli tinserixxi, fil-kuntratti li hija tikkonkludi mal-klijenti tagħha, klawżola li tipprevedi li jiġu ffatturati tariffi ta’ pproċessar fil-każ ta’ ħlas bi trasferiment permezz ta’ formola stampata jew online u milli tinvoka tali klawżola fil-kuntest tal-kuntratti eżistenti. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-azzjoni ta’ Verein hija bbażata fuq it-tieni sentenza tal-Artikolu 27(6) taz-ZaDiG, li tittrasponi fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 52(3) tal-imsemmija direttiva.

23      Konsegwentement, l-ewwel domanda hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

24      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64 tipprovdi li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ma għandux iżomm lil min jitħallas milli japplika tariffa jew milli jipproponi tnaqqis lil min iħallas għall-użu ta’ strument ta’ ħlas partikolari. It-tieni sentenza tal-Artikolu 52(3) ta’ din id-direttiva tagħti madankollu lill-Istati Membri s-setgħa li jipprojbixxu jew jillimitaw id-dritt ta’ min jitħallas li jitlob tariffa lil min iħallas għall-użu ta’ ċertu strument ta’ ħlas, fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi inkoraġġita l-kompetizzjoni u li jiġi promoss l-użu ta’ mezzi ta’ ħlas effiċjenti.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li operatur ta’ telefonija ċellulari jista’ jiġi kklassifikat bħala “min jitħallas” fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 meta huwa d-destinatarju ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas. Barra minn hekk, il-klijent ta’ dan l-operatur ta’ telefonija ċellulari jista’ jiġi kklassifikat bħala “min iħallas” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva meta jawtorizza ordni ta’ ħlas mill-kont tal-ħlas li tiegħu huwa l-proprjetarju jew meta jagħti ordni ta’ ħlas.

26      Issa, mill-kliem stess tal-Artikolu 52(3) tal-imsemmija direttiva, li jirregola d-dritt ta’ min jitħallas li jitlob tariffi mingħand min iħallas għall-użu ta’ strument ta’ ħlas partikolari, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirrigwarda r-relazzjoni bejn “min jitħallas” u “min iħallas”. Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjoni tapplika għall-użu ta’ strument ta’ ħlas fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali bejn operatur ta’ telefonija ċellulari, bħala min jitħallas, u l-klijent tiegħu, bħala min iħallas, kif isostnu il-Verein, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Taljan u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea.

27      Barra minn hekk, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-setgħa mogħtija lill-Istati Membri fit-tieni sentenza tal-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64 tkun imċaħħda mill-effettività tagħha jekk ma tinstabx li tapplika għar-relazzjonijiet bejn “min jitħallas” u “min iħallas”.

28      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-użu ta’ strument ta’ ħlas fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali bejn operatur ta’ telefonija ċellulari, bħala min jitħallas, u l-klijent tiegħu, bħala min iħallas.

 Fuq it-tieni domanda

29      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, formola ta’ trasferiment ta’ ħlas iffirmata bl-idejn minn min iħallas u/jew il-proċedura għall-ordni ta’ trasferiment ta’ ħlas ibbażata fuq tali formola u, min-naħa l-oħra, il-proċedura sabiex tinħareġ ordni ta’ trasferiment ta’ ħlas permezz tal-online banking jikkostitwixxux strumenti ta’ ħlas fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

30      Skont il-punt 23 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, strument ta’ ħlas jikkunsisti fi “kwalunkwe apparat personalizzat u/jew sett ta’ proċeduri rigward liema jkun sar ftehim bejn l-utent ta’ servizzi tal-ħlas u l-fornitur ta’ servizzi tal-ħlas u użati mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas sabiex jagħti bidu għal ordni ta’ ħlas”.

31      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li hemm ċerta diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu. Ċertament fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, l-aġġettiv “personalizzat” jikkaratterizza l-frażi “kwalunkwe apparat”. Madankollu, fil-verżjoni Franċiża (“tout dispositif personnalisé et/ou ensemble de procédures”), li tikkoinċidi b’mod partikolari mal-verżjoni Spanjola, mal-verżjoni Taljana, mal-verżjoni Ungeriża, mal-verżjoni Portugiża u ma’ dik Rumena, l-aġġettiv “personalizzat” ma jikkaratterizzax il-frażi “sett ta’ proċeduri”. Bil-maqlub, fil-verżjoni Ġermaniża (“jedes personalisierte Instrument und/oder jeden personalisierten Verfahrensablauf”), l-aġġettiv “personalizzat” jikkaratterizza l-frażi “sett ta’ proċeduri”. Il-verżjoni Ingliża [“any personalised device(s) and/or set of procedures”], li tikkoinċidi b’mod partikolari mal-verżjoni Daniża, mal-verżjoni Griega, mal-verżjoni Olandiża, mal-verzjoni Finlandiża u ma’ dik Svediża, tippresta ruħha għaż-żewġ interpretazzjonijiet.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi Bark, C‑89/12, EU:C:2013:276, punt 40, u Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑309/11, EU:C:2013:610, punt 49).

33      F’dan ir-rigward, il-Verein, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni ġustament jirrilevaw li biex ikun ikkwalifikat minn personalizzat, strument ta’ ħlas għandu jippermetti lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jivverifika li l-ordni tal-ħlas tkun inbdiet minn utent awtorizzat li jagħmel dan.

34      Issa, kif jirrileva l-Gvern Franċiż, ċerti strumenti ta’ ħlas espressament imsemmija fl-Artikolu 53 tad-Direttiva 2007/64 ma humiex personalizzati. Għaldaqstant, mill-Artikolu 53(1)(b) ta’ din id-direttiva jirriżulta, pereżempju, li ċerti strumenti tal-ħlas jintużaw anonimament, f’liema każ il-fornituri ta’ servizzi tal-ħlas ma humiex obbligati li jipproduċu l-prova tal-awtentikazzjoni tat-tranżazzjoni kkunsidrata fil-każ imsemmi fl-Artikolu 59 tal-imsemmija direttiva.

35      Mill-eżistenza ta’ tali strumenti tal-ħlas mhux personalizzati jirriżulta neċessarjament li l-kunċett ta’ strument ta’ ħlas iddefinit fil-punt 23 tal-Artikolu 4 tal-istess direttiva jista’ jkopri l-proċeduri mhux personalizzati kollha, miftiehma bejn l-utent u l-fornitur tas-servizzi tal-ħlas, u li għalih l-utent juża biex jibda ordni tal-ħlas.

36      Huwa fir-rigward ta’ din id-definizzjoni tal-kunċett ta’ strument ta’ ħlas fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 li għandha tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

37      Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk formola ta’ trasferiment ta’ ħlas iffirmata bl-idejn minn min iħallas u/jew il-proċedura sabiex tinħareġ ordni ta’ trasferiment ta’ ħlas permezz tat-tali formola ta’ trasferiment jikkostitwixxux strument ta’ ħlas.

38      Kif isostnu ġustament il-Verein, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Taljan u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni, il-ħruġ ta’ ordni ta’ trasferiment minn formola ta’ trasferiment ta’ ħlas iffirmata bl-idejn minn min iħallas jirrappreżenta l-proċeduri kollha miftiehma bejn l-utent u l-fornitur tas-servizzi tal-ħlas u li l-utent juża biex jibda ordni tal-ħlas, u jikkostitwixxi għalhekk strument ta’ ħlas fis-sens tat-tieni każ tal-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64.

39      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-ħruġ ta’ tali ordni tat-trasferiment jippreżumi ġeneralment li min iħallas jiddepożita kampjun tal-firma tiegħu bl-idejn quddiem l-istabbiliment tal-kreditu mal-ftuħ tal-kont tal-ħlas, li huwa juża formoli ta’ trasferiment partikolari, u li huwa jinkludi f’dawn il-formoli l-firma tiegħu bl-idejn. L-imsemmi stabbiliment tal-kreditu jista’ jipproċedi għall-awtentikazzjoni tal-ordni tal-ħlas fis-sens tal-punt 19 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, billi jqabbel il-firma bl-idejn inkluża fil-formola ta’ trasferiment mal-kampjun tal-firma bl-idejn iddepożitata minn qabel minn min iħallas.

40      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk il-proċedura tal-ħruġ ta’ ordni tat-trasferiment online jikkostitwixxix strument ta’ ħlas.

41      Kif jirrilevaw il-Verein, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Taljan u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni, il-ħruġ ta’ ordni tat-trasferiment online jirrappreżenta l-proċeduri kollha miftiehma bejn l-utent u l-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li l-utent juża biex jibda ordni tal-ħlas, u jikkostitwixxi għaldaqstant strument ta’ ħlas fis-sens tat-tieni każ tal-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64.

42      Fil-fatt, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħruġ ta’ ordni tat-trasferiment online jippreżumi li min iħallas jintroduċi diversi kodiċijiet personalizzati, bħalma huma login, kodiċi sigriet u kodiċi tat-tranżazzjoni, li l-użu tagħhom huwa miftiehem bejn l-istabbiliment tal-kreditu u min iħallas. L-użu ta’ dawn il-kodiċijiet personalizzati differenti minn min iħallas jippermetti lill-istabbiliment tal-kreditu li jipproċedi għall-awtentikazzjoni tal-ordni tal-ħlas fis-sens tal-punt 19 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-proċedura tal-ħruġ ta’ ordni tat-trasferiment permezz ta’ formola tat-trasferiment ta’ ħlas iffirmata bl-idejn ta’ min iħallas jew il-proċedura ta’ ħruġ ta’ ordni tat-trasferiment online jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “apparat personalizzat” fis-sens tal-ewwel każ tal‑punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64, ġaladarba huma jikkostitwixxu “sett ta’ proċeduri” fis-sens tat-tieni każ ta’ din id-dispożizzjoni.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li kemm il-proċedura tal-ħruġ ta’ ordni tat-trasferiment permezz ta’ formola tat-trasferiment ta’ ħlas iffirmata bl-idejn ta’ min iħallas kif ukoll il-proċedura sabiex tinħareġ ordni ta’ trasferiment ta’ ħlas permezz tal-online banking jikkostitwixxu strumenti ta’ ħlas fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tielet domanda

45      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64/KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jipprojbixxu b’mod ġenerali lil min jitħallas milli jimponi spejjeż fuq min iħallas, għall-użu ta’ kull strumenti ta’ ħlas.

46      Kif jirrilevaw il-Verein, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Taljan u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni, jirriżulta mill-istess kliem tal-Artikolu 52(3) ta’ din id-direttiva li s-setgħa mogħtija lill-Istati Membri li jipprojbixxu lil min jitħallas milli jimponi spejjeż għall-użu ta’ strument ta’ ħlas tista’ tiġi użata fid-dawl ta’ parti jew tal-istrumenti kollha tal-ħlas użati fit-territorju tagħhom. Fil-fatt, it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni ma tillimitax din is-setgħa tal-Istati Membri għall-użu ta’ strument ta’ ħlas partikolari.

47      Barra minn hekk, għalkemm l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-bżonn li tiġi inkoraġġuta l-kompetizzjoni u l-użu ta’ strumenti ta’ ħlas effettivi meta jillimitaw jew jipprojbixxu l-impożizzjoni ta’ spejjeż għall-użu ta’ strument ta’ ħlas, huma għandhom madankollu marġni ta’ diskrezzjoni estiża fl-użu tas-setgħa li ngħatat lilhom permezz tal-Artikolu 52(3) tal-imsemmija direttiva, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 42 ta’ din tal-aħħar.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jipprojbixxu b’mod ġenerali lil min jitħallas milli jimponi spejjeż fuq min iħallas, għall-użu ta’ kull strumenti ta’ ħlas, sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fl-intier tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġu inkoraġġuti l-kompetizzjoni u l-użu ta’ strumenti ta’ ħlas effiċjenti, liema fatt huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

 Fuq il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza

49      T-Mobile Austria titlob il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza li tingħata kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja tiġġudika, minn naħa, li l-proċeduri tal-ħruġ ta’ ordni tat-trasferiment jikkostitwixxu strumenti ta’ ħlas fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 52(3) ta’ din id-direttiva jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jipprojbixxu b’mod ġenerali lil min jitħallas milli jimponi tariffi għall-użu ta’ strument ta’ ħlas.

50      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha mogħtija mill-Artikolu 267 TFUE tikkjarifika u tippreċiża s-sinjifikat u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’, u għandha, tiġi applikata mill-qrati stess għal rapporti ġuridiċi li jinħolqu u jiġu stabbiliti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għall-interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni ta’ dik ir-regola quddiem il-qrati kompetenti jiġu ssodisfatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Barra minn hekk, limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ sentenza tikkostitwixxi miżura eċċezzjonali li tippresupponi li jkun hemm riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji, dovuti b’mod partikolari għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u li jkun jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu mħeġġa jadottaw aġir li ma kienx konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li għaliha possibbilment ikkontribwixxa l-aġir stess adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Endress, C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali ma kinux mħeġġa jadottaw aġir li ma kienx konformi mad-dritt tal-Unjoni ladarba l-leġiżlazzjoni Awstrijaka applikabbli fil-kawża prinċipali ttrasponiet korrettament id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2007/64.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li T-Mobile Austria sempliċement issemmi “konsegwenzi finanzjarji kunsiderevoli” għall-impriżi tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni, mingħajr ma tipproduċi provi jew data preċiżi f’dan ir-rigward, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji ma huwiex stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Endress EU:C:2013:864, punt 37).

54      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġu limitati ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-użu ta’ strument ta’ ħlas fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali bejn operatur ta’ telefonija ċellulari, bħala min jitħallas, u l-klijent tiegħu, bħala min iħallas.

2)      Il-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li kemm il-proċedura tal-ħruġ ta’ ordni tat-trasferiment permezz ta’ formola tat-trasferiment ta’ ħlas iffirmata bl-idejn ta’ min iħallas kif ukoll il-proċedura sabiex tinħareġ ordni ta’ trasferiment ta’ ħlas permezz tal-online banking jikkostitwixxu strumenti ta’ ħlas fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

3)      L-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jipprojbixxu b’mod ġenerali lil min jitħallas milli jimponi tariffi fuq min iħallas, għall-użu ta’ kull strument ta’ ħlas, sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fl-intier tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġu inkoraġġuti l-kompetizzjoni u l-użu ta’ strumenti ta’ ħlas effiċjenti, liema fatt huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.