Language of document :

Appell ippreżentat fis-7 ta' Ġunju 2011 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-24 ta' Marzu 2011 fil-Kawża T-382/06, Tomkins plc vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-286/11 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Castillo de la Torre, V. Bottka, R. Sauer, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Tomkins plc

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad, fit-totalità tiegħu, ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjez kollha sostnuti kemm matul il-proċedura preżenti kif ukoll matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet manifestament ultra petita meta annullat parti mill-perijodu stabbilit fid-deċiżjoni abbażi ta' elementi li qatt ma tqajmu minn Tomkins. Il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni ma tirrikonoxxix eċċezzjonijiet għar-regola stabbilita fil-Kawża C-310/97 P, AssiDamän, abbażi tal-fatt li żewġ rikorrenti kienu jappartjenu għall-istess impriża. Reċentement, fis-sentenza AcelorMittal Luxembourg (Kawżi magħquda C-201/09 P u C-216/09 P), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li kawża mressqa minn entità waħda fi ħdan grupp ma taffettwax il-pożizzjoni legali ta' entitajiet oħrajn fi ħdan l-istess impriża.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta ddeċidiet li t-talbiet ta' Pegler (is-sussidjarja, fil-Kawża T-386/06) u ta' Tomkins (il-kumpannija parent, fil-Kawża T-382/06) kellhom l-"istess suġġett". Għalkemm il-perijodu kkontestat minn Tomkins kien ferm iqsar minn dak ikkontestat f'kawża separata minn Pegler, iż-żewġ kumpaniji ngħataw l-istess tnaqqis f'termini ta' tul ta' żmien. Madankollu mhux biss talli Pegler ikkontestat perijodu ferm itwal, iżda talli bbażat ir-rikors tagħha fuq motivi li kienu differenti jekk mhux saħansitra opposti għal dawk ta' Tomkins. Billi kkontestat il-perijodu inizjali tat-tul, l-għan ta' Pegler kien li tneħħi l-ħtija minn fuqha u li titfagħha fuq Tomkins, filwaqt li l-għan ta' Tomkins kien pjuttost limitat, jiġifieri li tikkontesta l-evidenza relatata mal-ewwel 38 ġurnata (li lanqas ma kien jaffettwa t-tul meħud inkunsiderazzjoni għall-multa).

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq il-premessa fattwalment żbaljata li Tomkins kienet issostni li "jekk id-deċiżjoni kkontestata jkollha tiġi annullata fir-rigward ta' Pegler, ikun hemm ukoll lok li l-imsemmija deċiżjoni tiġi annullata fil-konfront tagħha" (punt 42 tas-sentenza appellata). Tomkins imkien ma għamlet tali talba, la fir-rikors u lanqas fir-risposta tagħha (li f'kull każ kien ikun tard wisq). Dan jikkostitwixxi żnaturament tat-talba tal-appellata li hija suffiċjenti, waħedha, sabiex tiġi annullata s-sentenza appellata.

It-tielet aggravju jirrigwarda n-nuqqas ta' teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li Tomkins kienet tifforma parti minn impriża li fuq ammissjoni tagħha stess wettqet ksur. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi peress li naqqset ir-responsabbiltà ta' entità (il-kumpannija parent Tomkins) fi ħdan l-impriża "Tomkins" għar-raġuni li parti oħra ta' dik l-impriża, jiġifieri għas-sussidjarja Pegler, kien tnaqqas il-perijodu tal-ksur. Madankollu t-tnaqqis tar-responsabbiltà ta' Pegler għall-ksur kien ibbażat fuq l-istatus ta' Pegler bħal "kumpannija rieqda" u ma kienx ibbażat fuq il-fatt li l-grupp inkwistjoni ma pparteċipax fil-ksur. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-fatt li din is-sussidjarja partikolari (Pegler) tal-grupp setgħet ma kinitx l-aħjar destinatarja fi ħdan il-grupp għal ċertu perijodu, jikkonċerna biss lis-sussidjarja u ma jeżentax lill-"impriża" kollha kemm hi. Dan huwa partikolament minnu f'sitwazzjoni fejn il-Qorti Ġenerali (u lanqas Tomkins innifisha) ma kinitx ikkontestat li l-impriża miżmuma minn Tomkins kienet ipparteċipat fil-ksur matul il-parti l-kbira tal-perijodu rilevanti.

Il-Kummissjoni tibbaża r-raba' aggravju tagħha fuq nuqqas ta' motivazzjoni u fuq kuntradizzjonijiet fis-sentenza appellata. Ir-raba' aggravju huwa sussidjarju għall-ewwel wieħed, jiġifieri anki li kieku l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx ultra petita, is-sentenza għandha xorta waħda tiġi annullata minħabba li ma tinkludix motivi ċari u suffiċjenti (nuqqas ta' motivazzjoni). B'mod partikolari hemm żewġ ċirkustanzi partikolari fejn is-sentenza appellata ma hijiex ċara.

o L-ewwel nett, fid-deskrizzjoni tal-eċċezzjoni li l-Qorti Ġenerali tqis li għandha ssir mill-ġurisprudenza AssiDomän, il-kundizzjonijiet għal tali tbegħid ma humiex ċari u huma kontradittorji.

o It-tieni nuqqas ta' koerenza jew aspett mhux ċar fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa l-fatt li fil-punt 57 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-multiplikatur għal finijiet ta' dissważjoni, il-Kummissjoni tintalab "skont l-Artikolu 266 TFUE, tislet il-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan l-iżball u mir-responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa fir-rigward tar-rikorrenti." Madankollu, fil-punt 59 il-Qorti Ġenerali teżerċità l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fuq il-multa u tiddetermina l-ammont tal-multa applikabbli fil-konfront ta' Tomkins. Id-dispożittiv tas-sentenza appellata jirrepeti l-ammont finali tal-multa mingħajr ma jsemmi xi ħtieġa li l-ammont jiġi emendat ulterjorment. Irrispettivament mit-tifsira preċiża tal-punt 57, il-Kummissjoni tosserva li l-annullament tal-multiplikatur għal finijiet ta' dissważjoni fil-Kawża T-386/06 Pegler v Il-Kummissjoni ma kellux jaffetwa l-multiplikatur ta' Tomkins.

Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-"prinċipju ta' kontradittorju" u d-dritt għal smiegħ xieraq peress li naqset milli tagħti lill-Kummissjoni l-opportunita li tikkummenta fuq l-intenzjoni tagħha li tnaqqas il-multa ta' Tomkins abbażi tat-talbiet imqajma minn Pegler f'kawża separata.

____________