Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta’ Ġunju 2017 mir-Repubblika Ellenika mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-30 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-112/15, Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-341/17 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: G. Kanellopoulos, A. Vasilopoulou, E. Leftheriotou, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tilqa’ l-appell,

tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-112/15, fil-parti li tiċħad ir-rikors tagħha,

tilqa’ r-rikors ippreżentat mir-Repubblika Ellenika tat-2 ta’ Marzu 2015 għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2014/950/UE, tad-19 ta’ Diċembru 2014, fil-parti fejn jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea l-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika Ellenika fis-settur tal-għajnuna marbuta mas-superfiċji għas-sena 2008 li fiha ntalbu l-ispejjeż u li jikkorrispondu għal: a) 10 % tal-ammont sħiħ tal-ispejjeż sostnuti għal għajnuna marbuta mal-mergħat; b) 5 % tal-ammont sħiħ tal-ispejjeż sostnuti għall-għajnuna addizzjonali konnessa u c) 5 % tal-ammont sħiħ tal-ispejjeż sostnuti fis-settur tal-iżvilupp rurali,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tressaq sitt aggravji:

A.    Fir-rigward tal-parti tas-sentenza appellata li għaliha tirreferi l-ewwel talba fir-rigward tar-rettifika finanzjarja ta’ 10 % relatata mal-għajnuna marbuta mas-superfiċji użati bħala mergħat (punti 23 sa 106 tas-sentenza appellata) qed jiġu sostnuti tliet aggravji.

L-ewwel aggravju jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, fir-rigward tad-definizzjoni ta’ mergħa, fuq l-interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 296 TFUE u fuq motivazzjoni insuffiċjenti u mhux xierqa tas-sentenza appellata.

It-tieni aggravju jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 296 TFUE, u/jew motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata fil-parti fejn jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika fir-rigward tal-legalità tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Barra minn hekk, permezz tat-tielet aggravju, qed jiġi sostnut li s-sentenza appellata ngħatat bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 296 TFUE u motivazzjoni insuffiċjenti.

B.    Fir-rigward tal-parti tas-sentenza appellata li għaliha tagħmel riferiment it-tieni talba dwar ir-rettifika finanzjarja ta’ 5 % fis-settur tal-għajnuna addizzjonali konnessa mas-superfiċji (punti 107 sa 137 tad-deċiżjoni appellata) qed jiġu sostnuti żewġ aggravji. L-ewwel wieħed (ir-raba’ aggravju) jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 u tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, kif ukoll il-motivazzjoni żbaljata u/jew insuffiċjenti u kontradittorja tas-sentenza appellata, filwaqt li permezz tat-tieni wieħed [il-ħames aggravju] qed jiġi sostnut li d-deċiżjoni fis-sentenza appellata hija bbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità flimkien ma’ interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja.

C.    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-parti tas-sentenza appellata li għaliha tagħmel riferiment it-tielet talba dwar ir-rettifika finanzjarja ta’ 5 % fis-settur tal-iżvilupp rurali (punti 138 sa 168 tas-sentenza appellata) qed jiġi sostnut li (is-sitt aggravju) is-sentenza appellata, fil-parti fejn tiċħad parzjalment it-talba tar-Repubblika Ellenika, ingħatat b’assenza kompleta ta’ motivazzjoni.

____________