Language of document : ECLI:EU:C:2006:45

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta' Jannar 2006 (*)

"Moviment liberu tal-ħaddiema – Rikonoxximent ta' diplomi – Direttiva 89/48/KEE – Professjoni ta' inġinier – Rikonoxximent parzjali u limitat ta' kwalifiki professjonali – Artikoli 39 KE u 43 KE"

Fil-kawża C-330/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta' deċiżjoni tal-21 ta' Lulju 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Lulju 2003, fil-proċedura

Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos

vs

Administración del Estado,

fil-preżenza ta':

Giuliano Mauro Imo,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric, E. Juhász u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għall-Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, minn A. González Salinas, abogado,

–       għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn A. Cingolo, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–       għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Støvlbæk u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-30 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subparagrafu (a) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni [għola] mogħtija mal-kompletar ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta' mill-inqas tliet snin (ĠU 1989, L 19, p.16, iktar 'il quddiem id-"direttiva"), kif ukoll ta' l-Artikoli 39 KE u 43 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos (ordni ta' inġiniera tat-toroq, kanali u portijiet, iktar 'il quddiem il-"Colegio") u l-Administración del Estado dwar talba mressqa mis-Sinjur Imo, ċittadin Taljan, li għandu diploma fl-inġinerija ċivili bi speċjalizzazzjoni fl-idrawlika maħruġa fl-Italja, li tawtorizza lil din il-persuna biex teżerċita l-professjoni ta' inġinier tat-toroq, kanali u portijiet fi Spanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-għan tad-direttiva huwa li timplimenta metodu ta' rikonoxximent ta' diplomi intiż sabiex jiffaċilita l-eżerċizzju ta' dawk l-attivitajiet professjonali kollha, li fl-Istat Membru ospitanti jirrikjedu edukazzjoni u taħriġ post-sekondarju, għaċ-ċittadini Ewropej li jkollhom tali diplomi li ppreparawhom għal dawn l-attivitajiet u li ngħataw fi Stat Membru ieħor wara l-ikkompletar ta' kors ta' studju ta' mill-inqas tliet snin.

4       Skond l-Artikolu 1(ċ) tad-direttiva, "professjoni regolata" tfisser "l-attività professjonali regolata jew sensiela ta' attivitajiet li jikkostitwixxu din il-professjoni fi Stat Membru".

5       L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tad-direttiva jipprovdi:

"Meta, fi Stat Membru ospitanti, il-bidu jew it-twettiq ta' professjoni regolata huwa soġġett għall-pussess ta' diploma, l-awtorità kompetenti ma tistax, fuq il-bażi ta' kwalifiki inadegwati, tirrifjuta li tawtorizza ċittadin ta' Stat Membru milli jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini proprji stess:

(a)       jekk l-applikant għandu d-diploma meħtieġa fi Stat Membru ieħor għall-bidu jew it-twettiq tal-professjoni in kwistjoni fit-territorju tiegħu, u din id-diploma tkun ingħatat fi Stat Membru; […]

[…]"

6       L-Artikolu 4(1) tad-direttiva jippreċiża:

"Minkejja l-Artikolu 3, l-Istat Membru ospitanti jista' wkoll jitlob lill-applikant:

a)       jipprovdi prova ta' esperjenza professjonali, meta d-dewmien ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ meħud bħala sostenn għal din l-applikazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 3(a) u (b), huwa mill-anqas sena inqas minn dak meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti. […]

[…]

[…]

b)       jikkompleta perijodu ta' addattament li ma jaqbiżx it-tliet snin jew jieħu test ta' l-aptitude:

–       meta l-kwistjonijiet koperti bl-edukazzjoni u t-taħriġ li huwa rċieva kif stabbilit fl-Artikolu 3(a) u (b), ivarjaw sostanzjalment minn dawk koperti mid-diploma meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti, jew

–       meta, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(a), il-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti [tinkludi] attività professjonali waħda jew aktar li mhumiex fil-professjoni regolata fl-Istat Membru minn fejn joriġina jew ikun ġej l-applikant u dik id-differenza tikkorrispondi għall-edukazzjoni u t-taħriġ speċifiku meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti u tkopri materji li jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti mid-diploma murija mill-applikant […]

[…]

[…]"

7       L-Artikolu 7 tad-direttiva jirregola d-dritt tal-persuni li jibbenifikaw mis-sistema Komunitarja tar-rikonoxximent ta' diplomi li jżommu t-titoli professjonali tagħhom u li jużaw it-titoli akkademiċi tagħhom. Il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-artikolu huma fformulati bil-mod segwenti:

"1. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu d-dritt ta' ċittadini ta' Stati Membri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-bidu u t-twettiq ta' professjoni regolata fit-territorju tagħhom li jużaw it-titolu professjonali ta' l-Istat Membru ospitanti li jikkorrispondi għal dik il-professjoni.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri ospitanti għandhom jirrikonoxxu d-dritt ta' ċittadini ta' Stati Membri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-bidu u t-twettiq ta' professjoni regolata fit-territorju tagħhom li jużaw it-titolu akkademiku legali tagħhom u, meta approprjat, l-abbrevjazzjoni tiegħu li toħroġ mill-Istat Membru ta' l-oriġini tagħhom jew mill-Istat Membru minn fejn ikunu ġejjin, bil-lingwa ta' dak l-Istat. L-Istat Membru ospitanti jista' jitlob li dan it-titolu jkollu warajh l-isem u l-post ta' l-istabbiliment jew tal-bord ta' l-eżami li jkun tah."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       Id-direttiva kienet ġiet trasposta fid-dritt Spanjol permezz tad-Digriet Irjali Nru 1665/1991, tal-25 ta' Ottubru 1991, li jirregola s-sistema ġenerali ta' rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni għola mogħtija fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u li jeħtieġu taħriġ ta' mill-inqas tliet snin (BOE Nru 280, tat-22 ta' Novembru 1991, p. 37916). L-Artikoli 4 u 5 ta' dan id-digriet essenzjalment jirripproduċu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3 u 4 tad-direttiva.

9       Taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola, il-professjoni ta' inġinier tat-toroq, kanali u portijiet ("ingeniero de caminos, canales y puertos") tkopri qasam wiesgħa ta' attivitajiet, bħall-iddisinjar u l-bini ta' impjanti idrawliċi, ta' infrastruttura għat-trasport fuq l-art, fuq il-baħar u fuq ix-xmajjar, il-protezzjoni ta' bajjiet u l-ippjanar tat-territorju, inkluż l-ippjanar ta' l-ibliet. Mid-deċiżjoni ta' rinviju jirriżulta li din hija professjoni regolata li l-bidu u l-eżerċizzju tagħha jeħtieġu diploma Spanjola mogħtija wara edukazzjoni u taħriġ post-sekondarju speċifika ta' sitt snin jew edukazzjoni u taħriġ ekwivalenti fi Stat Membru ieħor u rikonoxxut mill-Ministeru għall-Iżvilupp. Qabel kollox, kull persuna li tkun tixtieq teżerċita din il-professjoni fi Spanja għandha tkun membru tal-Colegio, sħubija li tiddependi fuq il-pussess ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ deskritt.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10     Is-Sinjur Imo għandu diploma fl-inġinerija ċivili bi speċjalizzazzjoni fl-idrawlika ("laurea in ingegneria civile idraulica") maħruġa fl-Italja u li tikkonferixxi, f'dak l-Istat, id-dritt għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' inġinier ċivili fl-idrawlika. Fis-27 ta' Ġunju 1996, huwa ppreżenta talba quddiem il-Ministeru għall-Iżvilupp Spanjol biex id-diploma tiegħu tiġi rikonoxxuta sabiex ikun jista' jibda jeżerċita l-professjoni ta' inġinier tat-toroq, kanali u portijiet fi Spanja.

11     Permezz ta' deċiżjoni ta' l-4 ta' Novembru 1996, l-imsemmi Ministeru rrikonoxxa d-diploma tas-Sinjur Imo u awtorizzah jibda jeżerċita l-professjoni ta' inġinier tat-toroq, kanali u portijiet mingħajr ebda kundizzjoni preliminari.

12     Il-Colegio ressaq rikors intiż għall-annullament ta' din id-deċiżjoni quddiem l-Audiencia Nacional. Matul il-proċess, huwa insista fuq id-differenza fundamentali bejn il-professjoni ta' inġinier tat-toroq, kanali u portijiet fi Spanja u dik ta' inġinier ċivili fl-idrawlika fl-Italja, kemm fuq il-livell tal-kontenut ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll fuq il-livell ta' l-attivitajiet koperti minn kull waħda minn dawn il-professjonijiet.

13     Permezz ta' sentenza ta' l-1 ta' April 1998, l-Audiencia Nacional ċaħdet ir-rikors imsemmi, b'mod partikolari minħabba li, fl-Italja, id-diploma ta' inġinier ċivili fl-idrawlika tikkonferixxi d-dritt li tiġi eżerċitata l-istess professjoni bħal dik ta' inġinier tat-toroq, kanali u portijiet fi Spanja. Barra minn hekk, din il-qorti osservat li l-edukazzjoni u t-taħriġ li jirċievi t-titolari ta' l-imsemmija diploma ta' inġinier ċivili jinkludu s-suġġetti fundamentali rikjesti fi Spanja fir-rigward tal-qasam tal-professjoni ta' inġinier in kwistjoni.

14     Il-Colegio ressaq appell quddiem it-Tribunal Supremo intiż biex tkun annullata din is-sentenza. Dan ta' l-aħħar ikkonstata mill-ewwel li ż-żewġ tipi ta' edukazzjoni u taħriġ in kwistjoni kellhom differenzi sustanzjali u li, għaldaqstant, il-kunsiderazzjoni tal-fatti magħmula mill-Audiencia Nacional kienet żbaljata.

15     F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

"1)       L-Artikolu 3(a), moqri flimkien ma' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/48 […], jista' jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istat ospitanti jipproċedi għal rikonoxximent limitat tal-kwalifiki professjonali ta' applikant li jkollu diploma ta' inġinier ċivili fl-idrawlika ("ingegnere civile idraulico") (mogħtija fl-Italja) u li jixtieq jeżerċita din il-professjoni fi Stat Membru ieħor li l-leġiżlazzjoni tiegħu tirrikonoxxi l-professjoni ta' inġinier tat-toroq, kanali u portijiet ("ingeniero de caminos, canales y puertos") bħala professjoni regolata? Din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li din il-professjoni ta' l-aħħar tinkludi, fl-Istat ospitanti, attivitajiet li mhux dejjem jikkorrispondu mad-diploma ta' l-applikant u li l-edukazzjoni u t-taħriġ iċċertifikati permezz ta' din id-diploma ma jinkludux ċerti suġġetti fundamentali meħtieġa b'mod ġenerali sabiex tinkiseb id-diploma ta' inġinier tat-toroq, kanali u portijiet fl-Istat ospitanti.

2)       Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, huwa konformi ma' l-Artikoli 39 KE u 43 KE li jiġi ristrett id-dritt ta' applikanti li jkollhom l-intenzjoni jeżerċitaw professjoni, għal rashom jew bħala impjegati, fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak li fih kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom, b'tali mod li l-Istat ospitanti jista' jeskludi, permezz ta' leġiżlazzjoni interna, ir-rikonoxximent limitat ta' kwalifiki professjonali jekk deċiżjoni bħal din, li fil-prinċipju hija konformi ma' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/49 […], timplika li l-eżerċizzju tal-professjoni jiġi suġġett għal rekwiżiti addizzjonali sproporzjonati?

Għall-finijiet tad-domandi preċedenti, "rikonoxximent limitat" ifisser rikonoxximent li jawtorizza lill-applikant jeżerċita l-attivita ta' inġinier unikament fis-settur ikkonċernat (l-idrawlika) tal-professjoni, iktar ġenerali, ta' inġinier tat-toroq, kanali u portijiet regolata fl-Istat ospitanti, mingħajr ma jkun suġġett għar-rekwiżiti addizzjonali previsti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/49 […]."

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

16     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-direttiva tipprekludix, meta persuna li jkollha diploma miksuba fi Stat Membru tressaq talba biex tiġi awtorizzata tibda teżerċita professjoni regolata fi Stat Membru ieħor, lill-awtoritajiet ta' dan l-Istat milli jilqgħu parzjalment din it-talba, b'ċerti kundizzjonijiet, billi jillimitaw il-portata ta' l-awtorizzazzjoni għal dawk l-attivitajiet biss li d-diploma kkonċernata tagħti aċċess għalihom fl-Istat Membru fejn inkisbet.

17     Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttiva, fit-tieni lok, l-iskema u l-istruttura ġenerali tagħha u, fit-tielet lok, l-għanijiet tagħha.

18     Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li l-kliem tad-direttiva la jawtorizzaw u lanqas jipprojbixxu espressament ir-rikonoxximent parzjali ta' kwalifiki professjonali bħal dik definita fid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, il-projbizzjoni prevista fis-subparagrafu (a) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tad-direttiva ma tipprekludix rikonoxximent parzjali bħal dan sakemm deċiżjoni meħuda fuq talba tal-persuna ikkonċernata u li tawtorizzaha tibda teżerċita f'parti biss mill-kamp ta' attivitajiet kopert mill-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti, ma titqabbilx ma' rifjut li tibda teżerċita din il-professjoni.

19     Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-iskema tad-direttiva, għandu jiġi mfakkar li s-sistema għar-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi stabbilita permezz tad-direttiva ma timplikax li d-diplomi mogħtija mill-Istati Membri l-oħra jirrapreżentaw edukazzjoni u taħriġ analogi jew komparabbli għal dawk meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, skond is-sistema stabbilita permezz tad-direttiva, diploma ma tiġix rikonoxxuta abbażi tal-valur intrinsiku ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ li tirrappreżenta iżda minħabba li fl-Istat Membru fejn ingħatat jew fejn hija rikonoxxuta, tagħti l-opportunità li tiġi eżerċitata professjoni regolata. Differenzi fl-organizzazzjoni jew fil-kontenut ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ akkwistati fl-Istat Membru ta' oriġini u dawk mogħtija fl-Istat Membru ospitanti mhumiex biżżejjed biex jiġġustifikaw rifjut ta' rikonoxximent tal-kwalifika professjonali kkonċernata. L-aktar l-aktar, jekk dawn id-differenzi jkunu ta' natura sustanzjali, l-Istat Membru ospitanti jista' jkun iġġustifikat li jitlob l-applikant jissodisfa waħda mill-miżuri ta' kumpens previsti fl-Artikolu 4 ta' l-imsemmija direttiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta' April 2004, Beuttenmüller, C-102/02, Ġabra p. I-5405, punt 52).

20     Minn dan isegwi li, kif ġustament osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 sa 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-frażi "professjoni in kwistjoni" [l-istess professjoni] fis-subparagrafu (a) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tad-direttiva, għandha tinftiehem fis-sens li tinkludi professjonijiet li fl-Istat Membru ta' l-oriġini u f'dak ospitanti huma, fir-rigward ta' l-attivitajiet li jkopru, jew identiċi, jew analogi, jew f'ċerti każijiet, sempliċiment ekwivalenti. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(b) tad-direttiva. Fil-każijiet li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma marbutin li jieħdu in kunsiderazzjoni kull waħda mill-attivitajiet koperti mill-professjoni in kwistjoni fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati sabiex jiddeċiedu jekk tirrigwardax effettivament "l-istess professjoni" u jekk hemmx lok li, jekk ikun il-każ, tiġi applikata waħda mill-miżuri ta' kumpens previsti mill-imsemmija dispożizzjoni. Dan ifisser li, anki jekk id-direttiva tqis professjoni regolata bħala professjoni waħda, hija xorta waħda tagħraf li fir-realtà jeżistu attivitajiet professjonali separati u edukazzjoni u taħriġ korrispondenti. Konsegwentement, trattament distint xieraq fir-rigward ta' kull waħda mill-attivitajiet professjonali koperti minn professjoni regolata la jmur kontra u lanqas mhuwa estranju għall-istruttura ġenerali tad-direttiva.

21     Il-pożizzjoni kuntrarja, meħuda f'dan ir-rigward mill-Gvern Spanjol u mill-Gvern Żvediż ma tistax tiġi milqugħa. Fil-fatt, għalkemm l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tad-direttiva jistabbilixxi d-dritt ta' ċittadin ta' Stat Membru, titolari ta' diploma koperta mid-direttiva, li "jibda jew iwettaq […] il-professjoni [awtorizzata minn din id-diploma] bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini proprji stess", din id-dispożizzjoni m'għandhiex tiġi interpretata fis-sens li twassal, dejjem u mingħajr ebda eċċezzjoni, biex tawtorizza li wieħed jibda jeżerċita l-attivitajiet kollha koperti minn din il-professjoni fl-Istat Membru ospitanti. Kif essenzjalment josserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 sa 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-espressjoni hija biss sempliċi traskrizzjoni tal-prinċipji fundamentali ta' non-diskriminazzjoni u ta' aspettattivi reċiproċi, inerenti fis-sistema Komunitarja tar-rikonoxximent ta' diplomi.

22     Fir-rigward ta' l-Artikolu 7(1) tad-direttiva, dan jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti għandhom jirrikonoxxu d-dritt ta' ċittadini ta' Stati Membri oħra, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-bidu u t-twettiq ta' professjoni regolata fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti, li jużaw it-titolu professjonali ta' l-Istat Membru ospitanti li jikkorrispondi għal dik il-professjoni. L-għan ta' din id-dispożizzjoni, li tikkonċerna l-konsegwenzi prattiċi ta' l-applikazzjoni tar-regoli previsti fl-Artikoli 3 u 4 ta' l-istess direttiva, huwa li tiffaċilita l-assimilazzjoni taċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra li kisbu d-diplomi tagħhom f'dawn l-Istati maċ-ċittadini ta' l-Istat Membru ospitanti li kisbu l-kwalifika professjonali tagħhom f'dan l-Istat. Madankollu, ir-rikonoxximent tad-dritt li jintuża t-titolu professjonali previst fl-imsemmi Artikolu 7(1) japplika biss meta l-persuni kkonċernati jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa biex jibdew u biex jeżerċitaw il-professjoni kkonċernata.

23     Fl-aħħar lok, ir-raġunament magħmul iktar 'il fuq huwa kompletament ikkorroborat minn interpretazzjoni teleoloġika tad-direttiva. Fil-fatt, mit-tielet u mit-tlettax-il premessa tad-direttiva jirriżulta li l-għan prinċipali tagħha huwa li tiffaċilita l-aċċess tal-persuna li għandha diploma mogħtija fi Stat Membru għall-attivitajiet professjonali korrispondenti fl-Istati Membri l-oħra u li ssaħħaħ id-dritt taċ-ċittadin Ewropew li juża l-għarfien professjonali tiegħu f'kull Stat Membru. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-direttiva kienet ġiet adottata abbażi ta' l-Artikolu 57(1) tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 47(1) KE). Issa, mill-kliem ta' din id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-għan tad-direttivi bħal dik in kwistjoni huwa li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi, ċertifikati u titoli oħra billi jistabbilixxu regoli u kriterji komuni li safejn ikun possibbli jwasslu għar-rikonoxximent awtomatiku ta' dawn id-diplomi, ċertifikati u titoli oħra. Mill-banda l-oħra, dawn id-direttivi la għandhom l-għan u lanqas m'għandu jkollhom l-effett li jagħmlu r-rikonoxximent ta' diplomi, ċertifikati u titoli oħra simili iktar diffiċli fis-sitwazzjonijiet li mhumiex koperti minnhom (sentenza tat-22 ta' Jannar 2002, Dreessen, C-31/00, Ġabra p. I-663, punt 26).

24     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-portata ta' l-Artikolu 4(1) tad-direttiva, li jawtorizza espressament miżuri ta' kumpens, għandha tiġi limitata għall-każ fejn dawn il-miżuri jkunu proporzjonati għall-għan li jrid jintlaħaq. Fi kliem ieħor, għalkemm awtorizzati espressament, dawn il-miżuri jistgħu, f'ċerti każijiet, jammontaw għal fattur ta' natura dissważiva ħafna għal ċittadin ta' Stat Membru meta jiġi biex jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu mid-direttiva. Fil-fatt, perjodu ta' addattament u test tal-kapaċità jitolbu, it-tnejn li huma, żmien u sforz kunsiderevoli mingħand il-persuna kkonċernata. Il-fatt li l-miżuri ma jiġux applikati jista' jkun importanti, anki deċiżiv, għal ċittadin ta' Stat Membru li jixtieq jibda, fi Stat Membru ieħor, professjoni regolata. F'każijiet bħal dak fil-kawża prinċipali, aċċess parzjali għall-professjoni in kwistjoni, mogħti fuq talba tal-persuna kkonċernata, li jeħlisha mill-miżuri ta' kumpens u li jagħtiha aċċess immedjat għall-attivitajiet professjonali li għalihom diġà hija kkwalifikata, ikun konformi ma' l-għanijiet tad-direttiva.

25     Għaldaqstant, minn dan isegwi li la l-kliem, la l-iskema u lanqas l-għanijiet tad-direttiva ma jeskludu l-possibbiltà ta' aċċess parzjali għal professjoni regolata fis-sens tad-deċiżjoni tar-rinviju. Ċertament, jista' jiġi argumentat, kif isostnu l-Gvern Spanjol u l-Gvern Żvediż, li aċċess parzjali jista' joħloq riskju ta' multiplikazzjoni ta' l-attivitajiet professjonali eżerċitati b'mod awtonomu miċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra, u, għaldaqstant, joħloq ċerta konfużjoni f'moħħ il-konsumaturi. Madankollu, dan ir-riskju potenzjali mhux biżżejjed biex jiġi konkluż li rikonoxximent parzjali ta' kwalifika professjonali huwa inkompatibbli mad-direttiva. Fil-fatt, jeżistu metodi effiċjenti biżżejjed biex jirrimedjaw dan ir-riskju bħal ma hija l-fakultà li l-persuni kkonċernati jkunu obbligati jiddikjaraw l-isem u l-post ta' l-istabbiliment jew tal-bord ta' l-eżami li tahom it-titoli ta' edukazzjoni tagħhom. Bl-istess mod, l-Istat Membru ospitanti dejjem jista' jobbliga lill-persuni kkonċernati jużaw, fir-relazzjonijiet ġuridiċi u kummerċjali kollha fuq it-territorju tiegħu, kemm it-titolu ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ jew it-titolu professjonali rispettiv fil-lingwa u l-forma oriġinali u kif ukoll it-traduzzjoni tiegħu fil-lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru ospitanti, u dan sabiex jassigura li t-titolu jinftiehem u sabiex jevita kull riskju ta' konfużjoni.

26     Fir-rigward ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-direttiva ma tipprekludix, meta l-persuna li jkollha diploma miksuba fi Stat Membru titlob awtorizzazzjoni biex tibda teżerċita professjoni regolata fi Stat Membru ieħor, lill-awtoritajiet ta' dan l-Istat milli jaċċettaw din it-talba parzjalment, jekk il-persuna li jkollha d-diploma titlob hekk, billi jillimitaw il-portata ta' l-awtorizzazzjoni għal dawk l-attivitajiet biss li d-diploma tagħti aċċess għalihom fl-Istat Membru fejn inkisbet.

 Fuq it-tieni domanda

27     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 39 KE u 43 KE jipprekludux lill-Istat Membru ospitanti milli jeskludi l-possibbiltà ta' aċċess parzjali għal professjoni regolata, limitat għall-eżerċizzju ta' waħda jew aktar mill-attivitajiet koperti minn din il-professjoni.

28     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 43 KE, il-libertà ta' l-istabbiliment għandha tiġi eżerċitata taħt il-kundizzjonijiet definiti mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ospitanti fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu stess. Minn dan isegwi li, meta l-aċċess għal attività speċifika jew l-eżerċizzju tagħha jkunu regolati fl-Istat Membru ospitanti, iċ-ċittadin ta' Stat Membru ieħor li jkollu l-intenzjoni jeżerċita din l-attività għandu, bħala prinċipju, jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' din il-leġiżlazzjoni (sentenzi tat-30 ta' Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 36, u ta' l-1 ta' Frar 2001, Mac Quen et, C-108/96, Ġabra p. I-837, punt 25).

29     Il-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-professjoni ta' inġinier tat-toroq, kanali u portijiet sal-lum għadhom mhumiex is-suġġett ta' armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju. Għaldaqstant, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jiddefinixxu dawn il-kundizzjonijiet, u d-direttiva ma tillimitax il-kompetenza tagħhom fuq dan il-punt. Madankollu, xorta jibqa' l-fatt li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f'dan il-qasam b'rispett għal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat KE (ara s-sentenzi tad-29 ta' Ottubru 1998, De Castro Freitas u Escallier, C-193/97 u C-194/97, Ġabra p. I-6747, punt 23; tat-3 ta' Ottubru 2000, Corsten, C-58/98, Ġabra p. I-7919, punt 31, u Mac Quen et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).

30     Madankollu, skond ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew li jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta' dawn il-libertajiet jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk jissodisfaw erba' kundizzjonijiet: li japplikaw mingħajr diskriminazzjoni; li jirrispondu għal raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali; li jkunu xierqa biex jiggarantixxu t-twettiq ta' l-għan tagħhom; u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkiseb dan il-għan (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1993, Kraus, C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32; Gebhard, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37; ta' l-4 ta' Lulju 2000, Haim, C-424/97, Ġabra p. I-5123, punt 57, u Mac Quen et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26).

31     Fil-każijiet simili għal dak tal-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru ospitanti li teskludi kull possibbiltà għall-awtoritajiet ta' dak l-Istat li jippermettu aċċess parzjali għal professjoni, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni bejn iċ-ċittadini ta' l-Istat Membru ospitanti u dawk ta' Stati Membri oħra, tista' tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal- moviment liberu tal-persuni kif ukoll tal-libertà ta' l-istabbiliment.

32     Fir-rigward ta' l-għan tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jingħad li, kif jenfasizzaw il-Gvern Spanjol u l-Gvern Żvediż, rikonoxximent parzjali tal-kwalifiki professjonali jista', bħala prinċipju, jkollu l-effett li, fi ħdan Stat Membru wieħed, jaqsam il-professjonijiet regolati f'attivitajiet differenti. Dan essenzjalment iġib miegħu riskju ta' konfużjoni f'moħħ id-destinatarji tas-servizzi li jistgħu jiġu mqarrqa dwar il-portata ta' dawn il-kwalifiki. Issa, il-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi, u b'mod aktar ġenerali, tal-konsumaturi, diġà tqieset mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala raġuni imperattiva ta' interess ġenerali li tista' tiġġustifika restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' l-istabbiliment u fuq il-prestazzjoni libera tas-servizzi (ara s-sentenzi ta' l-4 ta' Diċembru 1986, Kummissjoni vs Franza, 220/83, Ġabra p. 3663, punt 20; tal-21 ta' Settembru 1999, Läärä et, C-124/97, Ġabra p. I-6067, punt 33, u tal-11 ta' Settembru 2003, Anomar et, C-6/01, Ġabra p. I-8621, punt 73).

33     Huwa meħtieġ ukoll li l-miżuri bbażati fuq għan bħal dan ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkiseb dan il-għan. F'dan ir-rigward, kif osservat il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jinħolqu meta l-awtoritajiet ta' Stat Membru ssirilhom talba għal rikonoxximent ta' kwalifika professjonali mogħtija fi Stat Membru ieħor u meta d-differenza fil-kontenut ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ jew fl-attivitajiet koperti mill-professjoni kkonċernata fiż-żewġ Stati tipprekludi rikonoxximent sħiħ u immedjat. Għandha ssir distinzjoni bejn il-każijiet li jistgħu u dawk li ma jistgħux jiġu solvuti oġġettivament permezz tal-metodi previsti mid-direttiva.

34     L-ewwel sitwazzjoni tikkonċerna l-każijiet fejn, fl-Istat Membru ta' l-oriġini u f'dak ospitanti, il-livell ta' xebh bejn iż-żewġ professjonijiet huwa tali li wieħed ikun jista' essenzjalment jikkwalifikahom bħala ta' l-"istess professjoni", fis-sens tas-subparagrafu (a) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tad-direttiva. F'każ bħal dan, l-oqsma li ma ġewx koperti mill-edukazzjoni u t-taħriġ ta' l-applikant meta mqabbla ma' dik mitluba fl-Istat Membru ospitanti, jistgħu jiġu effettivament koperti permezz ta' l-applikazzjoni tal-miżuri ta' kumpens previsti fl-Artikolu 4(1) tad-direttiva u b'hekk tkun assigurata integrazzjoni sħiħa tal-persuna kkonċernata fis-sistema professjonali ta' l-Istat Membru ospitanti.

35     Mill-banda l-oħra, it-tieni sitwazzjoni, kif ingħad ġustament mill-Kummissjoni, tikkonċerna każijiet li mhumiex koperti mid-direttiva, fis-sens li d-differenzi bejn l-oqsma ta' attivitajiet huma tant kbar li fir-realtà jkun hemm bżonn li jiġu segwiti edukazzjoni u taħriġ sħaħ. Dan jikkostitwixxi fattur li, minn aspett oġġettiv, jista' jwassal lill-persuna kkonċernata biex ma teżerċitax, fi Stat Membru ieħor, waħda jew iktar mill-attivitajiet li għalihom hija kkwalifikata.

36     Huma l-awtoritajiet u, b'mod partikolari, il-qrati kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti li għandhom jiddeterminaw meta, f'kull każ konkret, il-kontenut ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ miksuba mill-persuna kkonċernata jkun differenti minn dak mitlub minn dan l-Istat. Fil-kawża prinċipali, it-Tribunal Supremo kkonstata li bejn il-kontenut ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ li, rispettivament, iwasslu għall-professjoni ta' inġinier ċivili fl-idrawlika fl-Italja u l-professjoni ta' inġinier tat-toroq, kanali u portijiet fi Spanja, hemm differenzi fundamentali b'tali mod li l-applikazzjoni ta' miżura ta' kumpens jew ta' addattament ikunu sostanzjalment ekwivalenti għal obbligu impost fuq il-persuna kkonċernata li tirċievi edukazzjoni u taħriġ professjonali ġodda.

37     Barra minn hekk, f'każijiet speċifiċi simili għall-kawża prinċipali, wieħed mill-kriterji deċiżivi huwa l-kwistjoni dwar jekk l-attività professjonali li l-persuna kkonċernata tixtieq teżerċita fl-Istat Membru ospitanti tistax tiġi separata b'mod oġġettiv mill-attivitajiet kollha koperti mill-professjoni korrispondenti f'dan l-Istat. Fl-ewwel lok, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jirrispondu għal din id-domanda. Madankollu, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 86 u 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, wieħed mill-kriterji deċiżivi f'dan ir-rigward hija l-kwistjoni dwar jekk din l-attività tistax tiġi eżerċitata, taħt forma indipendenti jew awtonoma, fl-Istat Membru fejn tkun inkisbet il-kwalifika professjonali in kwistjoni.

38     Meta l-attività in kwistjoni tista' tiġi separata b'mod oġġettiv mill-attivitajiet kollha koperti mill-professjoni in kwistjoni fl-Istat Membru ospitanti, ikun hemm lok li jiġi konkluż li l-effett dissważiv ikkawżat bl-esklużjoni ta' kull possibbiltà ta' rikonoxximent parzjali tal-kwalifika professjonali in kwistjoni huwa importanti wisq biex ikun iġġustifikat mill-biża' tal-possibbiltà ta' ksur tad-drittijiet tad-destinatarji tas-servizzi. F'każ bħal dan, l-għan leġittimu ta' protezzjoni tal-konsumaturi u destinatarji oħra tas-servizzi jista' jintlaħaq permezz ta' metodi inqas restrittivi, b'mod partikolari, permezz ta' l-obbligu li jintuża t-titolu professjonali oriġinali jew it-titolu ta' edukazzjoni u taħriġ fil-lingwa u l-forma oriġinali li ngħata kif ukoll fil-lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru ospitanti.

39     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 39 KE u 43 KE ma jipprekludux lil Stat Membru milli ma jagħtix aċċess parzjali għal professjoni, sakemm l-oqsma li ma ġewx koperti mill-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persuna kkonċernata meta mqabbla ma' dawk mitluba fl-Istat Membru ospitanti, jistgħu jiġu effettivament koperti permezz ta' l-applikazzjoni tal-miżuri ta' kumpens previsti fl-Artikolu 4(1) tad-direttiva. Mill-banda l-oħra, l-Artikoli 39 KE u 43 KE jipprekludu lil Stat Membru milli ma jagħtix dan l-aċċess parzjali meta l-persuna kkonċernata titolb hekk u meta d-differenzi bejn l-oqsma ta' attivitajiet huma tant kbar li fir-realtà jkun hemm bżonn li jiġu segwiti edukazzjoni u taħriġ sħaħ ħlief meta r-rifjut għal dan l-aċċess parzjali huwa ġġustifikat minħabba raġunijiet imperattivi li huma ta' interess ġenerali, li huma xierqa biex jiggarantixxu t-twettiq ta' l-għan tagħhom u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkiseb dan il-għan.

 Fuq l-ispejjeż

40     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni [għola] mogħtija mal-kompletar ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta' mill-inqas tliet snin ma tipprekludix, meta l-persuna li jkollha diploma miksuba fi Stat Membru titlob awtorizzazzjoni biex tibda teżerċita professjoni regolata fi Stat Membru ieħor, lill-awtoritajiet ta' dan l-Istat milli jaċċettaw din it-talba parzjalment, jekk il-persuna li jkollha d-diploma titlob hekk, billi jillimitaw il-portata ta' l-awtorizzazzjoni għal dawk l-attivitajiet biss li d-diploma tagħti aċċess għalihom fl-Istat Membru fejn inkisbet.

2)      L-Artikoli 39 KE u 43 KE ma jipprekludux lil Stat Membru milli ma jagħtix aċċess parzjali għal professjoni, sakemm l-oqsma li ma ġewx koperti mill-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persuna kkonċernata meta mqabbla ma' dawk mitluba fl-Istat Membru ospitanti, jistgħu jiġu effettivament koperti permezz ta' l-applikazzjoni tal-miżuri ta' kumpens previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/48. Mill-banda l-oħra, l-Artikoli 39 KE u 43 KE jipprekludu lil Stat Membru milli ma jagħtix dan l-aċċess parzjali meta l-persuna kkonċernata titlob hekk u meta d-differenzi bejn l-oqsma ta' attivitajiet huma tant kbar li fir-realtà jkun hemm bżonn li jiġu segwiti edukazzjoni u taħriġ sħaħ ħlief meta r-rifjut għal dan l-aċċess parzjali huwa ġġustifikat minħabba raġunijiet imperattivi li huma ta' interess ġenerali, li huma xierqa biex jiggarantixxu t-twettiq ta' l-għan tagħhom u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkiseb dan il-għan.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.