Language of document : ECLI:EU:C:2012:213

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ April 2012 (*)

“Direttiva 2008/7/KE — Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital — Artikoli 5(1)(ċ) u 6(1)(e) — Kamp ta’ applikazzjoni — Taxxa annwali mħallsa lill-kmamar lokali tal-kummerċ, tal-industrija, tal-artiġjanat u tal-agrikoltura”

Fil-Kawża C‑443/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 234 KE u 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Cosenza (l-Italja), permezz tad-deċiżjonijiet tal-5 ta’ Novembru 2009 u tat-13 ta’ Settembru 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Novembru 2009 u fl-20 ta’ Settembru 2010 rispettivament, fil-proċedura

Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura (CCIAA) di Cosenza

vs

Grillo Star Srl, taħt falliment,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura (CCIAA) di Cosenza, minn O. Morcavallo u F. Sciaudone, avukati,

–        għal Grillo Star Srl, minn R. Mastroianni, avukat,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn N. Graf Vitzthum, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Aresu u M. Afonso, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5(1)(ċ) u 6(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 46, p. §11).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-passiv ta’ Grillo Star Srl (iktar ’il quddiem “Grillo Star”), kumpannija taħt falliment, mill-Imħallef inkarigat bil-kawżi ta’ falliment tat-Tribunale di Cosenza mitlub sabiex jilqa’ talba għall-inklużjoni fil-passiv ta’ kreditu favur il-Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricultora di Cosenza (iktar ’il quddiem iċ-“CCIAA di Cosenza”) dwar in-nuqqas ta’ ħlas minn Grillo Star, fis-sena 2009, tat-taxxa annwali dovuta minn kull impriża iskritta jew imsemmija fir-reġistru tal-impriżi (iktar ’il quddiem it-“taxxa annwali”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/7, bit-titolu “kumpanija ta’ kapital”, jistipula li:

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘kumpanija ta’ kapital’ tfisser:

a)      kwalunkwe kumpanija li jkollha waħda mill-forom elenkati fl-Anness I;

b)      kwalunkwe kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li l-ishma tal-kapital jew l-assi tagħha jistgħu jiġu nnegozjati f’borża;

ċ)      kwalunkwe kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li topera għall-profitt, li l-membri tagħha jkollhom id-dritt li jgħaddu l-ishma tagħhom lil partijiet terzi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel u li jkunu responsabbli biss għad-djun tal-kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika sal-limitu ta’ l-ishma tagħhom.

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, kwalunkwe kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika oħra li topera għall-profitt għandha titqies bħala kumpanija ta’ kapital.”

4        L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw lill-kumpaniji ta’ kapital għal kwalunkwe forma ta’ taxxa indiretta fir-rigward ta’ dan li ġej:

[…]

ċ)      ir-reġistrazzjoni jew kwalunkwe formalità oħra meħtieġa qabel il-bidu ta’ negozju li għalihom il-kumpanija ta’ kapital tista’ tkun suġġetta minħabba l-forma ġuridika tagħha;

[…]”

5        L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Minkejja l-Artikolu 5, l-Istati Membri jistgħu jimponu d-dazji u t-taxxi li ġejjin:

[…]

e)      dazji fil-forma ta’ miżati jew drittijiet;

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        Fil-verżjoni preċedenti tagħhom għar-reviżjoni mwettqa permezz tal-Artikolu 1(19) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 23, li jirriforma s-sistema dwar il-kmamar tal-kummerċ, tal-industrija, tal-artiġjanat u tal-agrikoltura, skont l-Artikolu 53 tal-Liġi Nru 99 tat-23 ta’ Lulju 2009 (decreto legislativo n. 23 — Riforma dell’ordinamento relativo alle camere di commercio, industria, artigianato e agricoltura, in attuazione dell’articolo 53 della legge 23 luglio 2009, n. 99), tal-15 ta’ Frar 2010 (GURI Nru 46, tal-25 ta’ Frar 2010, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Marzu 2010, id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali huma s-segwenti.

 Il-Kodiċi Ċivili

7        L-Artikolu 2188(1) tal-Kodiċi Ċivili Taljan (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”) stabbilixxa reġistru tal-impriżi fejn, skont l-Artikolu 2195 ta’ dan il-kodiċi, l-impriżi industrijali, kummerċjali u finanzjarji kollha għandhom l-obbligu li jkunu iskritti fih, kemm jekk ikunu mmexxija individwalment kif ukoll b’assoċjazzjoni u b’mod iktar partikolari, skont l-Artikolu 2200 tal-istess kodiċi, il-kumpanniji u l-kooperattivi, anki meta ma jeżerċitawx attività kummerċjali.

 Il-Liġi Nru 580/1993 u t-testi ta’ applikazzjoni tiegħu

8        L-Artikolu 8(1) u (2) tal-Liġi Nru 580, li jorganizza mill-ġdid il-kmamar tal-kummerċ, tal-industrija, tal-artiġjanat u tal-agrikoltura (legge n. 580 — Recante Riordinamento delle camere di commercio, industria, artigianato e agricoltura), tad-29 ta’ Diċembru 1993 (Supplement Ordinarju fil-GURI Nru 7, tal-11 ta’ Jannar 1994, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 580/1993”), jipprovdi li r-reġistru tal-impriżi jinżamm mill-kmamar tal-kummerċ, tal-industrija, tal-artiġjanat u tal-agrikoltura.

9        L-Artikolu 18(3) sa (5) tal-Ligi Nru 580/1993 jiddetermina l-metodi ta’ kalkolu tat-taxxa annwali.

10      Id-digriet tal-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku li jiffissa l-ammonti tat-taxxa annwali dovuti mill-impriżi lill-kmamar tal-kummerċ għas-sena 2009 (decreto del ministro dello Sviluppo economico — Determinazione delle misure del diritto annuale dovuto per l’anno 2009, dalle imprese alle camere di commercio), tat-30 ta’ April 2009 (GURI Nru 114, tad-19 ta’ Mejju 2009, p. 37) jiffissa, għas-sena inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ammont tat-taxxa annwali. Din it-taxxa kienet tammonta għal ammont fiss ta’ EUR 200 għall-impriżi li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 100 000 u, lil hinn minn dan il-limitu, l-ammont tat-taxxa jiġi kkalkulat, għal numru ta’ perijodi, f’perċentwali tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ April 2009, l-Awla tal-Fallimenti tat-Tribunale di Cosenza ddikjarat il-falliment ta’ Grillo Star u fetħet il-proċedura għall-inklużjoni tad-djun fil-passiv, skont l-Artikolu 93 tal-liġi Taljana dwar il-fallimenti.

12      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, iċ-CCIAA di Cosenza talbet, fl-4 ta’ Ġunju 2009, l-inklużjoni fil-passiv tal-falliment ta’ Grillo Star ta’ dejn ta’ EUR 200, miżjud b’ EUR 113.39, għat-taxxa annwali dovuta għas-sena 2009.

13      Mitlub jilqa’ t-talba għall-inklużjoni ta’ dan id-dejn fil-passiv tal-falliment ta’ Grillo Star, l-Imħallef inkarigat bil-kawżi ta’ falliment tat-Tribunale di Cosenza għandu dubju dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana dwar id-determinazzjoni tat-taxxa annwali mad-Direttiva 2008/7.

14      F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, għas-sentenzi tal-20 ta’ April 1993, Ponente Carni u Cispadana Costruzioni (C‑71/91 u C‑178/91, Ġabra p. I‑1915), tat-2 ta’ Diċembru 1997, Fantask et (C‑188/95, Ġabra p. I‑6783), kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2002, Prisco u CASER (C‑216/99 u C‑222/99, Ġabra p. I‑6761), li jiddefinixxu n-natura remuneratorja tat-taxxi li l-Istati Membri jistgħu jirċievu, skont l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11), li essenzjalment hija riprodotta fl-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 2008/7. Issa, l-imsemmi Mħallef ikkonstata li t-taxxa annwali ma għandhiex tali natura sa fejn il-kalkolu tagħha ma huwiex marbut ma kemm jiswa s-servizz pprovdut lill-impriżi għaż-żamma tal-iskrizzjoni tagħhom fir-reġistru miżmum mill-kmamar tal-kummerċ, tal-industrija, tal-artiġjanat u tal-agrikoltura.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Imħallef inkarigat bil-kawżi ta’ falliment tat-Tribunale di Cosenza ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kriterji li jiddeterminaw it-taxxa annwali msemmija fl-Artikolu 18(b) tal-[Liġi Nru 580/1993], kif stabbiliti mill-Artikolu 18(3), (4), (5) u (6), huma kompatibbli mad-[Direttiva 2008/7/KE] peress li t-taxxa annwali ma taqax taħt id-deroga stabbilita mill-Artikolu 6[(1)](e) tal-imsemmija direttiva?

2)      B’mod partikolari

–        it-taxxa annwali, li tiġi ddeterminata b’referenza għal ‘finanzi meħtieġa sabiex il-kmamar tal-kummerċ iwettqu s-servizzi li huma obbligati li jipprovdu fit-territorju kollhu tal-pajjiż’, hija ‘dazj[u] fil-forma ta’ miżati jew drittijiet’?

–        il-fatt li ġie stabbilit ‘fond għall-ibbilanċjar’, maħsub sabiex jarmonizza fit-territorju nazzjonali kollu t-twettiq tal-‘funzjonijiet amministrattivi’ kollha mogħtija lill-kmamar tal-kummerċ mil-liġi, jeskludi li t-taxxa annwali hija dazju fil-forma ta’ miżati jew drittijiet?

–        l-għażla mogħtija lil kull kamra tal-kummerċ li żżid it-taxxa annwali sa 20 % sabiex tikkofinanzja inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li jżidu l-produttività u jtejbu l-kundizzjonijiet ekonomiċi tat-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, hija kompatibbli mal-interpretazzjoni li t-taxxa fiha nnifisha hija dazju fil-forma ta’ miżati jew drittijiet?

–        in-nuqqas ta’ spjegazzjoni dwar il-metodi meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti l-ħtiġijiet finanzjarji, tal-kmamar tal-kummerċ, marbuta maż-żamma u l-aġġornament tar-reġistrazzjonijiet u noti fir-reġistru tal-impriżi, jipprekludi l-verifika ta’ jekk it-taxxa annwali hijiex dazju fil-forma ta’ miżati jew drittijiet?

–        il-fatt li t-taxxa annwali hija stabbilta abbażi ta’ rata fissa, u fid-dawl tal-fatt li m’hemmx dispożizzjonijiet dwar il-verifika ‘f’intervalli regolari’ ta’ jekk din tirriflettix l-ispiża medja tas-servizz, huwa kompatibbli mal-interpretazzjoni li t-taxxa hija dazju fil-forma ta’ miżati jew drittijiet?”

16      Għal dak li jirrigwarda l-applikabbiltà tal-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/7 għat-taxxa annwali, l-Imħallef inkarigat bil-kawżi ta’ falliment tat-Tribunale di Cosenza ssupplimenta d-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu tal-5 ta’ Novembru 2009 permezz taż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-obbligu ta’ ħlas tat-[taxxa annwali] impost fuq kumpannija b’kapital azzjonarju li ma teżerċitax u qatt ma eżerċitat attività ekonomika — u li, barra minn hekk, hija ‘inattiva’ — imur kontra d-[Direttiva 2008/7/KE]?

2)      In-natura kostituttiva tal-iskrizzjoni fir-reġistru tal-impriżi — iskrizzjoni li, fl-ordinament ġuridiku Taljan, hija marbuta strettament mal-kisba tal-personalità ġuridika tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju — u l-ħlas sussegwenti tat-‘taxxa annwali’ marbut ma’ dan imorru kontra d-[Direttiva 2008/7]?”

17      Sussegwentement għal din id-deċiżjoni tar-rinviju supplimentari, ġie deċiż permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Ottubru 2010 li terġa’ tinfetaħ il-proċedura bil-miktub.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

18      Iċ-CCIAA di Cosenza ssostni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari sa fejn l-Imħallef inkarigat bil-kawżi ta’ falliment tat-Tribunale di Cosenza ma jistax jitqies bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-proċedura quddiem dan l-Imħallef ma tirriżultax f’deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja. F’dan is-sens, hija tosserva li l-imsemmi Mħallef jeżerċita essenzjalment funzjonijiet ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tar-regolarità tal-proċedura għall-istabbiliment tal-passiv billi jilqa’, totalment jew parzjalment, jiċħad jew jiddikjara innammissibbli kull talba għall-inklużjoni ta’ dejn. Hija tallega wkoll li l-proċedura quddiem tali Mħallef għandha diversi limitazzjonijiet għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ kontradittorju.

19      Grillo Star issostni, min-naħa l-oħra, li l-proċedura mmexxija mill-Imħallef inkarigat bil-kawżi ta’ falliment għandha natura ġudizzjarja peress li l-leġiżlazzjoni Taljana tagħtih l-inkarigu li jieħu deċiżjonijiet motivati dwar kull waħda mit-talbiet għal inklużjoni fil-passiv tal-falliment u li dawn id-deċiżjonijiet għandhom, fin-nuqqas ta’ appell, is-saħħa ta’ res judicata u jorbtu lill-partijiet. Hija ssostni wkoll li d-deċiżjoni tal-Imħallef inkarigat bil-kawżi ta’ falliment hija adottata wara seduta li għaliha jitħarrku l-partijiet u li fiha għandhom id-dritt jipparteċipaw.

20      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiddetermina jekk korp ta’ rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 267 TFUE, liema kwistjoni taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħal jekk il-korp huwiex stabbilit mil-liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċeduri quddiemu humiex kontradittorji, jekk il-korp japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Miles et, C‑196/09, Ġabra p. I-5105, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali jistgħu jirrikorru għall-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk kawża tkun pendenti quddiemhom u jekk ikunu mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura li l-iskop tagħha huwa li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (digriet tal-24 ta’ Marzu 2011, Bengtsson, C‑344/09, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Għaldaqstant, meta jieħu deċiżjoni amministrattiva mingħajr fl-istess ħin ma jkun mitlub jiddeċiedi fuq kawża, il-korp tar-rinviju ma jistax jitqies li qiegħed jeżerċita funzjoni ġudizzjarja (digriet Bengtsson, iċċitat iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet mogħtija miċ-CCIAA di Cosenza u kkonfermati minn Grillo Star jirriżulta li l-Imħallef inkarigat bil-kawżi ta’ falliment għandu jiddetermina, abbażi ta’ abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-istat tal-passiv imfassal mill-kuratur tal-kumpannija taħt falliment u fuq talba tal-kredituri, id-djun li għandhom jiġu inklużi f’dan il-passiv. Mil-liġi dwar il-fallimenti jirriżulta wkoll li kemm il-kuratur kif ukoll il-partijiet l-oħra kkonċernati għandhom il-possibbiltà jikkontestaw, quddiem l-Imħallef inkarigat bil-kawżi ta’ falliment, it-talba għall-inklużjoni ta’ dejn magħmula lilu minn kreditur. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, f’nuqqas ta’ oppożizzjoni, id-deċiżjoni tal-imsemmi Mħallef li tirrifjuta l-inklużjoni ta’ dejn fil-passiv tipproduċi effetti legali vinkolanti.

24      Barra minn hekk, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 19 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kuratur u l-kredituri għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali quddiem l-Imħallef inkarigat bil-kawżi ta’ falliment.

25      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ma jistax jiġi validament sostnut li l-Imħallef inkarigat bil-kawżi ta’ falliment tat-Tribunale di Cosenza ma huwiex mitlub, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, li jagħti deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja bl-għan li jaqta’ kawża fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq id-domandi preliminari

27      Permezz tad-domandi tagħha li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-Direttiva 2008/7 u, b’mod partikolari, l-Artikoli 5(1)(ċ) u 6(1)(e) tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-ġbir ta’ taxxa annwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imħallsa lill-kmamar Taljani tal-kummerċ, tal-industrija, tal-artiġjanat u tal-agrikoltura minn kull impriża iskritta jew imsemmija fir-reġistru tal-impriżi miżmum minn dawn tal-aħħar.

28      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tippreċiża li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 69/335, li huwa essenzjalment identiku għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/7, jikkostitwixxi deroga mill-projbizzjoni, bħala prinċipju, ta’ taxxi li għandhom l-istess karatteristiċi bħat-taxxa kapitali stabbilita fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 69/335, liema artikolu essenzjalment ittieħed huwa stess mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/7 (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Fantask et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

29      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat l-ewwel nett jekk taxxa annwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex waħda mit-taxxi pprojbiti mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/7.

30      L-imsemmi artikolu jipprojbixxi b’mod partikolari fil-paragrafu (1)(ċ) tiegħu t-taxxi indiretti ta’ kwalunkwe forma, li għandhom jitħallsu għall-iskrizzjoni jew għal kull formalità preliminari oħra għall-eżerċizzju ta’ attività, li tista’ tkun suġġetta għaliha kumpannija b’kapital azzjonarju minħabba l-forma ġuridika tagħha.

31      Din il-projbizzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li, għalkemm it-taxxi inkwistjoni ma jikkonċernawx il-kontribuzzjonijiet tal-kapital fihom infushom, dawn xorta waħda jinġabru minħabba formalitajiet marbuta mal-forma ġuridika tal-kumpannija, jiġifieri l-mezz użat sabiex jinġabar il-kapital, b’tali mod li ż-żamma tagħhom toħloq riskju li jitqiegħdu f’dubju anki l-għanijiet tad-Direttiva 2008/7 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Albert Reiss Beteiligungsgesellschaft, C‑466/03, Ġabra p. I‑5357, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      L-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/7 għandu, bħala prinċipju, jingħata interpretazzjoni wiesgħa fis-sens li jinkludi mhux biss il-proċeduri formali preliminari għall-eżerċizzju tal-attività ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, iżda wkoll dawk il-formalitajiet li jikkundizzjonaw l-eżerċizzju u l-andament tal-attività ta’ tali kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Albert Reiss Beteiligungsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-artikolu ma jipprojbixxix taxxa li hija dovuta kull sena għall-iskrizzjoni ta’ impriża ma’ kamra tal-kummerċ u tal-industrija sa fejn il-fatt li jagħti lok għal din it-taxxa ma jikkonsistix fl-iskrizzjoni tal-kumpannija jew tal-persuna ġuridika li hija l-proprjetarja ta’ impriża iżda fl-iskrizzjoni tal-impriża nfisha, sa fejn tali taxxa tkun indipendenti mill-forma ġuridika li għandha l-entità li hija l-proprjetarja tal-impriża u sa fejn għalhekk ma tkunx marbuta mal-formalitajiet li l-kumpanniji b’kapital azzjonarju jistgħu jkunu suġġetti għalihom minħabba l-forma ġuridika tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1996, Denkavit Internationaal et, C‑2/94, Ġabra p. I‑2827, punti 24 sa 26).

34      Huwa paċifiku li l-fatt li jagħti lok għal taxxa annwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkonsistix, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, fl-iskrizzjoni tal-kumpannija jew tal-persuna ġuridika li hija l-proprjetarja tal-impriża iżda fl-iskrizzjoni tal-impriża nfisha. Hija taxxa li tolqot, abbażi tad-dħul mill-bejgħ tagħhom, l-entitajiet kollha bi skop ta’ lukru.

35      Tali taxxa hija, kif ikkonfermat Grillo Star fis-seduta, indipendenti mill-forma ġuridika li għandha l-entità li hija l-proprjetarja tal-impriża peress li tolqot kemm l-impriżi li għandhom il-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/7 kif ukoll dawk li għandhom forma ġuridika oħra u, b’mod partikolari, dawk miżmuma jew immexxija individwalment mill-persuni fiżiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza Denkavit Internationaal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

36      Barra minn hekk u kif josservaw b’mod korrett il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea, il-fatt li t-taxxa annwali hija proporzjonali għad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata jeskludi li l-ħlas tagħha jikkostitwixxi formalità iktar oneruża għal impriża li tkun adottat il-forma ġuridika ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju milli għal impriża kkostitwita b’forma ġuridika differenti.

37      Huwa ċar għalhekk li taxxa annwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex marbuta ma’ formalitajiet li l-kumpanniji b’kapital azzjonarju jistgħu jkunu suġġetti għalihom minħabba l-forma ġuridika tagħhom.

38      Iċ-ċirkustanza, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li l-iskrizzjoni tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju fir-reġistru tal-impriżi għandha, għall-kumpanniji b’kapital azzjonarju fis-sens tad-dritt nazzjonali inkwistjoni u għad-differenza ta’ impriżi oħrajn, effett kostituttiv ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti. Fil-fatt, għalkemm l-iskrizzjoni f’dan ir-reġistru, u konsegwentement il-ħlas tat-taxxa annwali relatat magħha, tikkostitwixxi kundizzjoni għall-eżistenza ġuridika ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju, dan l-element ma jistax fih innifsu jbiddel il-fatt li jagħti lok għal din it-taxxa annwali, kif identifikat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, billi jbiddilha f’taxxa dovuta minħabba l-iskrizzjoni tal-kumpannija b’kapital azzjonarju li hija l-proprjetarja tal-impriża (ara, b’analoġija, is-sentenza Denkavit Internationaal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). Barra minn hekk, huwa paċifiku li n-nuqqas ta’ ħlas minn kumpannija b’kapital azzjonarju ta’ din it-taxxa ma jwassalx għat-tneħħija tagħha mir-reġistru tal-impriżi.

39      Huwa wkoll irrilevanti l-fatt, invokat miċ-CCIAA di Cosenza, li l-ħlas ta’ taxxa annwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija imposta fuq kumpannija b’kapital azzjonarju, bħal ma hija Grillo Star, anki għall-perijodu li matulu hija ma teżerċita ebda attività ekonomika effettiva. Fil-fatt, skont id-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali obbligu għall-kumpanniji b’kapital azzjonarju li jħallsu t-taxxa annwali hija ġġustifikata mill-preżunzjoni li kull kumpannija b’kapital azzjonarju hija, bħala prinċipju, proprjetarja ta’ impriża. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, minn naħa, li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża taqa’, f’qasam bħal dak kopert mid-Direttiva 2008/7, taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Denkavit Internationaal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31) u, min-naħa l-oħra, li din il-preżunzjoni ma taffettwax il-konstatazzjoni li l-fatt li jagħti lok għal taxxa, bħat-taxxa annwali, jinsab, kif ġie mfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, fl-iskrizzjoni tal-impriża nfisha, indipendentement mill-forma ġuridika tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Denkavit Internationaal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

40      Barra minn hekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kumpannija bħal Grillo Star, li għall-inqas wettqet operazzjonijiet preparatorji għal attività tal-lukandi, b’mod partikolari billi akkwistat artijiet, ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi mqabbla ma’ “kumpannija vojta” [shell company] fis-sens tal-punt 29 tas-sentenza Denkavit Internationaal et, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri kumpannija li ma jkollhiex assi u li b’hekk ma teżerċita ebda attività.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li taxxa annwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix taxxa pprojbita fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/7.

42      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk tali taxxa taqax taħt id-deroga mill-imsemmi artikolu prevista fl-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 2008/7.

43      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dovuta kull sena minn kull impriża fid-dawl tal-iskrizzjoni tagħha fir-reġistru tal-impriżi, anki jekk tali iskrizzjoni għandha effett kostituttiv għall-kumpanniji b’kapital azzjonarju u jekk din it-taxxa hija dovuta wkoll minn dawn il-kumpanniji għall-perijodu li matulu huma jwettqu biss attivitajiet preparatorji għall-operat ta’ impriża.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dovuta kull sena minn kull impriża fid-dawl tal-iskrizzjoni tagħha fir-reġistru tal-impriżi, anki jekk tali iskrizzjoni għandha effett kostituttiv għall-kumpanniji b’kapital azzjonarju u jekk din it-taxxa hija dovuta wkoll minn dawn il-kumpanniji għall-perijodu li matulu huma jwettqu biss attivitajiet preparatorji għall-operat ta’ impriża.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.