Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Rumanija

(Kawża C-301/17)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Nicolae u E. Sanfrutos Cano, aġenti)

Konvenuta: Ir-Rumanija

Talbiet

tiddikjara, skont l-Artikolu 258 TFUE, li r-Rumanija, meta ma kkonformatx ruħha, fir-rigward ta’ 68 landfill, mal-obbligu li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiexr, mill-aktar fis possibli, konformement mal-Artikolu 7(g) u l-Artikolu 13, jingħalqu s-siti li ma kisbux, skont l-Artikolu 8, permess sabiex ikomplu l-operazzjonijiet tagħhom, ir-Rumanija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(b) flimkien mal-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’skart f’terraferma;

tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Rumanija jirrigwarda n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li għandha taħt l-Artikolu 14(b) flimkien mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 1999/31/KE fir-rigward ta’ 68 landfill, li ma rċevewx, skont l-Artikolu 8, permess sabiex ikomplu jiffunzjonaw u li, konsegwentement, kellhom jingħalqu, konformement mal-Artikolu 7(g) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva.

Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31/KE jipprevedi sistema tranżitorja ta’ derogi dwar il-landfills li kienu kisbu permess jew kienu diġà joperaw fid-data tal-implementazzjoni tad-Direttiva sabiex, sal-iktar tard bejn is-16 ta’ Lulju 2009. skont l-Artikolu 14(b), wara l-preżentazzjoni tal-pjan ta’ kondizzjonament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu deċiżjoni finali dwar it-tkomplija tal-operat abbażi tal-imsemmi pjan u din id-direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex, kemm jista’ jkun malajr, skont l-Artikolu 7(g) u l-Artikolu 13, jagħlqu l-landfills li, skont l-Artikolu 8, ma kisbux permess sabiex ikomplu bl-operazzjonijiet tagħhom.

Skont l-Artikolu 13, il-landfill jew parti minnha tista’ titqies bħala magħluqa definittivament biss wara li l-awtorità kompetenti tkun wettqet spezzjoni finali fuq il-post, tkun evalwat ir-rapporti kollha sottomessi mill-operatur u tat lill-operatur il-permess tagħha għall-għeluq.

Għat-68 landfill imsemmija fit-talba, il-Kummissjoni tqis li r-Rumanija ma pprovdietx data għall-Kummissjoni li tippermettilha tivverifika li, minbarra l-waqfien tal-operazzjonijiet, il-proċess ta’ għeluq ġie effettivament iffinalizzat konformement mar-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 1999/31/KE. F’dan is-sens, il-Kummissjoni ssostni li r-Rumanija ma tistax tibbaża ruħha fuq sitwazzjonijiet purament interni biex sabiex tiġġustifika n-nuqqas milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva bħall-fatt li l-operaturi saru insolventi, tilwim ġudizzjarju dwar id-dritt tal-proprjetà, l-iżvolġiment ta’ proċeduri amministrattivi jew ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali.

It-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt intern skada fis-16 ta’ Lulju 2009.

____________