Language of document : ECLI:EU:C:2012:318

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Rinunzja għal kreditu fiskali — Eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji — Żieda fil-kapital azzjonarju — Aġir tal-Istat bħala investitur privat diliġenti f’ekonomija tas-suq — Kriterji li jippermettu li ssir distinzjoni bejn l-Istat li jaġixxi bħala azzjonist u l-Istat li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika — Definizzjoni tal-investitur privat ta’ riferiment — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Oneru tal-prova”

Fil-Kawża C‑124/10 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Gippini Fournier, B. Stromsky u D. Grespan, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

sostnuta minn:

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn X. Lewis u B. Alterskjær, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Électricité de France (EDF), stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn M. Debroux, avukat,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u J. Gstalter, bħala aġenti,

Iberdrola SA, stabbilita f’Bilbao (Spanja), irrappreżentata minn J. Ruiz Calzado u É. Barbier de La Serre, avukati,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u M. Safjan, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, A. Arabadjiev (Relatur), D. Šváby u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Lulju 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Ottubru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Diċembru 2009, EDF vs Il-Kummissjoni, (T‑156/04, Ġabra p. II‑4503, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din annullat l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/145/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lil EDF u lis-settur tal-industriji tal-elettriku u tal-gass (ĠU 2005, L 49, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġenerali Franċiż tat-Taxxi jipprovdi li:

“Il-profitt nett huwa d-differenza bejn il-valur tal-attiv nett fl-għeluq u fil-ftuħ tal-perijodu li għalih l-eċċess jikkostitwixxi d-dħul taxxabbli, bit-tnaqqis ta’ kontribuzzjonijiet addizzjonali u ż-żieda ta’ ammonti rtirati mis-sidien jew il-membri f’dak il-perjodu. L-attiv nett huwa l-ammont li bih l-attiv jeċċedi dak il-porzjon ta’ passiv totali li jinkludi krediti ta’ terzi, deprezzament verifikabbli u provvedimenti ta’ kontabbiltà.”

3        L-Artikolu 4(I) u (II) tal-Liġi Nru 97‑1026, tal-10 ta’ Novembru 1997, li tistabbilixxi miżuri urġenti ta’ natura fiskali u finanzjarja (JORF tal-11 ta’ Novembru 1997, p. 16387), jipprovdi li:

“I.       L-istrutturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli għandhom jitqiesu li kienu proprjetà ta’ Électricité de France [(iktar ’il quddiem “EDF”)] miż-żmien meta ngħatat il-konċessjoni għal dak in-netwerk.

II.       Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-[paragrafu] I, fl-1 ta’ Jannar 1997, il-kontro-valur tal-attiv in natura allokat taħt konċessjoni lin-netwerk ta’ trażmissjoni ta’ vultaġġ għoli li jidher bħala passiv fuq il-karta tal-bilanċ ta’ [EDF] għandu jiddaħħal, nett mid-differenzi ta’ rivalutazzjoni korrispondenti, taħt l-entrata ‘Injezzjonijiet ta’ kapital’.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-kuntest ġenerali tal-kawża

4        EDF tipproduċi, tittrasporta, u tiddistribwixxi l-elettriku b’mod partikolari fit-territorju Franċiż kollu. Imwaqqfa mil-Liġi Nru 46‑628, tat-8 ta’ April 1946, dwar in-nazzjonalizzazzjoni tal-elettriku u tal-gass (JORF tad-9 ta’ April 1946, p. 2651), EDF kienet kollha kemm hi proprjetà tal-Istat meta, matul l-2002, ġiet adottata d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

5        L-Artikolu 36 tal-Liġi Nru 46‑628 stabbilixxa l-prinċipju tat-trasferiment lil EDF ta’ konċessjonijiet tal-elettriku nnazzjonalizzati. Id-diversi konċessjonijiet ta’ trasport tal-elettriku mogħtija mill-Istat ġew magħquda, fl-1958, f’konċessjoni unika, imsejħa r-“réseau d’alimentation générale” (netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli) (iktar ’il quddiem ir-“RAG”).

6        L-applikazzjoni tal-Pjan Ġenerali ta’ Kontabbiltà tal-1982 lil EDF, li kien jinkludi regoli ta’ kontabbiltà speċifiċi għall-konċessjonijiet wasslet, sa mill-1987, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni restrizzjonijiet speċifiċi li kellhom jiffaċċjaw il-konċessjonarji, li għandhom l-obbligu ta’ restituzzjoni tal-beni konċessi fi stat tajjeb ta’ funzjonament fl-aħħar tal-konċessjoni, abbażi tal-“prinċipju ta’ perennità tas-servizzi pubbliċi”.

7        Taħt l-imsemmi pjan ġenerali ta’ kontabbiltà, ġie stabbilit pjan ta’ kontabbiltà speċifiku għal EDF u ġie approvat bid-digriet interministerjali tal-21 ta’ Diċembru 1986 (JORF tat-30 ta’ Diċembru 1986, p. 15794).

8        Taħt dan il-pjan ta’ kontabbiltà tal-aħħar, ir-RAG iddaħħal fl-attiv fuq il-karta tal-bilanċ ta’ EDF taħt l-entrata “Assi fissi fil-qasam tal-konċessjoni” u bejn l-1987 u l-1996 ġew maħluqa provvedimenti speċifiċi fir-rigward tat-tiġdid tal-assi fissi taħt il-konċessjoni sabiex jippermettu lill-konċessjonarju jirritorna lill-konċedent dawk l-assi fi stat perfett fl-aħħar tal-konċessjoni.

9        In-nefqa għat-tiġdid sostnuta minn EDF ġiet irreġistrata fl-entrata tal-karta tal-bilanċ intitolata “Kontor-valur in natura ta’ assi taħt konċessjoni”. Din l-entrata, imsejħa wkoll “Drittijiet tal-konċedent” kienet tirrappreżenta dejn li EDF kellha mal-Istat Franċiż u li kien konness mar-ritorn gratwit tal-assi mibdula fl-aħħar tal-konċessjoni.

10      Fl-1994, il-Qorti tal-Awdituri Franċiża kkunsidrat l-istatus patrimonjali tar-RAG bħala irregolari u, konsegwentement, anki l-imsemmi pjan ta’ kontabbiltà. Għaldaqstant, l-Istat Franċiż impenja ruħu li jwettaq kjarifika tal-istatus patrimonjali tar-RAG kif ukoll ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF.

11      Il-kuntratt ta’ ġestjoni “Stat-EDF 1997-2009”, iffirmat fit-8 ta’ April 1997, kien jipprevedi n-normalizzazzjoni tal-kontijiet tal-impriża u tar-relazzjonijiet finanzjarji tagħha mal-Istat, bl-għan li jiftaħ is-suq tal-elettriku kif stabbilit fid-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3). Kienu f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Liġi Nru 97‑1026 ġiet adottata.

12      Qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi, il-karta tal-bilanċ ta’ EDF kienet ifformulata b’dan il-mod:

–        fl-attiv, kienet tinsab entrata bit-titolu “Assi fissi fil-qasam tal-konċessjoni” fl-ammont ta’ FRF 285.7 biljun, li minnhom, madwar FRF 90 biljun kienu jirrigwardaw ir-RAG;

–        fil-passiv, kienet tinsab entrata bit-titolu “Provvedimenti”, li kien fiha madwar FRF 38.5 biljun li jirrigwardaw ir-RAG, kif ukoll entrata bit-titolu “Kontor-valur in natura ta’ assi taħt konċessjoni” fejn jiġu rreġistrati l-ispejjeż ta’ tiġdid imwettqa. Din l-entrata kienet tammonta għal FRF 145.2 biljun, li minnhom FRF 18.3 biljun kienu jirrigwardaw ir-RAG.

13      Skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026, il-mod ta’ kif kellha ssir ir-ristrutturazzjoni tal-parti ta’ fuq tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF ġie kkomunikat lil EDF fit-22 ta’ Diċembru 1997 permezz ta’ ittra tal-Ministru għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Industrija, is-Segretarju tal-Istat għall-Baġit u tas-Segretarju tal-Istat għall-Industrija u, b’mod partikolari, permezz tal-Anness 1 tagħha. Il-konsegwenzi fiskali ta’ din ir-ristrutturazzjoni kienu esposti fl-Anness 3 ta’ din l-ittra. Fil-punt 34 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor l-operazzjonijiet li saru fil-kuntest tal-imsemmija ristrutturazzjoni kif ġej:

–        l-ewwel nett, l-assi li jikkostitwixxu r-RAG ġew riklassifikati, għal FRF 90.325 biljun, bħala “assi proprji”, u b’hekk ma baqgħux ikklassifikati bħala “assi taħt konċessjoni”;

–        it-tieni nett, il-provvedimenti mhux użati għat-tiġdid tar-RAG, f’ammont ta’ FRF 38.521 biljun, ġew inklużi bħala qliegħ mhux distribwit mingħajr ma għaddew mill-kont tal-profitti u telf, u ġew riklassifikati fl-ammont ta’ FRF 20.225 biljun fit-trasferiment tat-telf, b’liema mod dan il-kont ġie estint, u l-bqija ta’ FRF 18.296 biljun ġiet allokata lir-riżervi. Għalkemm ma għaddewx mir-rapport tal-qliegħ, dawn ir-riklassifikazzjonijiet wasslu għall-konstatazzjoni ta’ dħul taxxabbli, intaxxat bir-rata ta’ 41.66 %, skont l-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi;

–        it-tielet nett, id-“drittijiet tal-konċedent” ġew allokati direttament fl-entrata tal-injezzjonijiet ta’ kapital f’ammont ta’ FRF 14.119 biljun (fuq total ta’ FRF 18.345 biljun) mingħajr ma għaddew mir-rapport tal-qliegħ, u l-bqija ġiet irreġistrata f’diversi kontijiet ta’ evalwazzjoni mill-ġdid.

 Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

14      Permezz ta’ ittri tal-10 ta’ Lulju u tas-27 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Franċiżi jipprovdulha ċerta informazzjoni dwar diversi miżuri meħuda fir-rigward ta’ EDF u li setgħu jinvolvu elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

15      Sussegwentement, saru diversi skambji ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi, fejn fosthom kien hemm ittra tad-9 ta’ April 2002 indirizzata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Franċiżi, li magħha kien hemm mehmuża nota, mingħajr data, tad-Direttorat-Ġenerali għat-Tassazzjoni tal-Ministru għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Industrija, li fiha kien hemm indikat, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Id-drittijiet tal-konċedent fir-rigward tar-RAG jirrappreżentaw dejn mhux dovut li ġie eżentat mit-taxxa, b’mod mhux ġustifikabbli, billi ġie inkorporat fil-kapital.

Dawn il-provvedimenti ġew inkorporati fil-kapital mingħajr effett fiskali, peress li r-RAG ma huwiex suġġett għas-sistema ta’ taxxa u ta’ kontabbilltà tal-konċessjonijiet. Peress li r-RAG ikkostitwit minn assi proprji, EDF ma kinitx marbuta fir-rigward tal-Istat minn ebda dejn ta’ restituzzjoni ta’ dawn l-assi, b’tali mod li l-ammonti korrispondenti li jidhru fl-entrata ‘[D]rittijiet tal-konċedent’ ma jikkostitwixxux passiv reali, iżda riżerva mhux eżenti mit-taxxa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, qabel ma din ir-riżerva ġiet inkorporata fil-kapital, kellha tiġi ttrasferita mill-passiv tal-impriża, fejn kienet ġiet inkorrettament imdaħħla, f’kont tal-assi netti, biex b’hekk kien hemm varjazzjoni pożittivi fil-valur nett li kien taxxabli taħt l-Artikolu 38[(2)], diġà ċċitat.

Il-benefiċċji fiskali miksuba b’dan il-mod jistgħu jiġu stmati għal [FRF] 5.88 [biljun] (14.119 x 41.66 %) [jiġifieri EUR 888.89 biljun, skont il-konverżjoni mwettqa mill-Kummissjoni abbażi tar-rata ta’ skambju FRF/EUR fit‑22 ta’ Diċembru 1997].”

16      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2002, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tas-16 ta’ Novembru 2002 (ĠU C 280, p. 8), il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Franċiżi bi tliet deċiżjonijiet magħquda fir-rigward ta’ EDF. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-vantaġġ li rriżulta min-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji min-naħa ta’ EDF dovuta fuq il-parti tal-provvedimenti tal-kontabbiltà maħluqa eżenti mit-taxxi għat-tiġdid tar-RAG.

17      Sussegwentement, reġgħu saru diversi skambji ta’ korrispondenza bejn l-awtoritajiet Franċiżi u l-Kummissjoni, fejn fosthom kien hemm ittra tad-9 ta’ Diċembru 2002 indirizzata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Franċiżi, li fiha kien hemm indikat, b’mod partikolari, dan li ġej:

“2.      Ir-riforma tal-kontabbiltà tal-1997 tista’ titqies bħala injezzjoni addizzjonali ta’ kapital, ta’ ammont ekwivalenti għall-eżenzjoni parzjali mit-taxxa, li l-għan tagħha kien ukoll li tiġi korretta s-sottokapitalizzazzjoni.

[...]

Id-drittijiet tal-konċedent ‘RAG’ kienu diġà kkunsidrati, qabel l-1997, bħala kważi fondi proprji minħabba s-sitwazzjoni partikolari li tirriżulta mill-kwalità doppja tal-Istat fil-konfront ta’ EDF: l-awtorità konċedenti u l-proprjetarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien impliċitu li d-drittijiet tal-konċedent ma kinux jikkostitwixxu dejn realment pagabbli minn EDF lill-Istat.

Għaldaqstant, meta saret ir-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ fl-1997, li fiha pparteċipaw il-Ministru għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Industrija, is-Segretarju tal-Istat għall-Baġit u s-Segretarju tal-Istat għall-Industrija, EDF u l-Istat xtaqu jallokaw il-kważi fondi proprji lill-kaptial, mingħajr ma jkunu suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji.

Fid-dawl ta’ dan il-ħsieb, tqis iktar effettiv u newtrali li l-awtoritajiet pubbliċi jallokaw direttament id-drittijiet tal-konċedent għall-fondi proprji fl-ammont totali tagħhom minflok ma’ jwettqu l-operazzjoni ta’ natura ekwivalenti li kienet tikkonsisti f’li:

–        jiġi allokat għall-kapital ammont nett wara t-taxxa fuq il-kumpanniji;

–        jintalab il-ħlas minn EDF tat-taxxa fuq il-kumpanniji korrispondenti għall-varjazzjoni fl-attiv nett;

–        issir injezzjoni addizzjonali ta’ kapital ta’ ammont ekwivalenti għat-taxxa mħallsa.

Tali injezzjoni addizzjonali kienet iġġustifikata mill-prospetti ta’ profittabbiltà offerti minn EDF fl-1997, li barra minn hekk ġew ikkonkretizzati fis-snin sussegwenti. F’ċirkustanzi paragunabbli, investitur privat f’ekonomija tas-suq kien jipprovdi tali injezzjoni ta’ kapital.

Barra minn hekk jista’ jitfakkar li l-kontabbiltà tal-provvedimenti għat-tiġdid tar-RAG kienu ġew irranġati [...] anki sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid struttura tal-karta tal-bilanċ iktar konformi mal-impriżi ta’ setturi industrijali paragunabbli.”

18      Fis-16 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

19      L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li:

“In-nuqqas ta’ ħlas min-naħa ta’ EDF, fl-1997, tat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq uħud mill-provvedimenti maħluqa eżenti mit-taxxa għat-tiġdid tar-RAG, korrispondenti għal [FRF] 14.119 biljun ta’ drittijiet tal-konċedent riklassifikati bħala injezzjonijiet ta’ kapital, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

L-element ta’ għajnuna involut fin-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji jammonta għal EUR 888.89 miljun.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi b’mod partikolari:

“Franza għandha tadotta kull miżura neċessarja sabiex tirkupra mingħand EDF l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 u li diġà tpoġġiet għad-dispożizzjoni tagħha illegalment.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21      Għal dak li jikkonċerna l-vantaġġ fiskali li bbenefikat minnu EDF fl-1997, fil-motivi tal-istesss deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari dan li ġej:

“(88) L-ittra tal-Ministru għall-Ekonomija, li tistabbilixxi l-konsegwenzi fiskali tar-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF, turi li l-provvedimenti mhux użati għat-tiġdid tar-RAG ġew suġġetti mill-awtoritajiet Franċiżi għat-taxxa fuq il-kumpanniji b’rata ta’ 41.66 %, ir-rata applikabbli fl-1997.

(89) Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97‑1026 [...], parti minn dawn il-provvedimenti, id-drittijiet tal-konċedent, korrispondenti għall-operazzjonijiet ta’ tiġdid diġà mwettqa, ġiet riklassifikata bħala injezzjoni ta’ kapital fl-ammont ta’ FRF 14.119 biljun mingħajr ma ġiet suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji. [...]. F’nota tad-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi tad-9 ta’ April 2002, mibgħuta lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi [...] jikkonstataw li ‘l-benefiċċju f’taxxi akkwistat b’dan il-mod [fl-1997 minn EDF] jista’ jiġi valutat għal [FRF] 5.88 biljun (14.119 × 41.66 %)’, jiġifieri EUR 888.89 miljun [...].

      [...]

(91) Il-Kummissjoni tqis li d-drittijiet tal-konċedent kellhom jiġu ntaxxati flimkien ma’ u bl-istess rata bħall-provvedimenti ta’ kontabbiltà l-oħra maħluqa eżenti mit-taxxa. Dan ifisser li l-FRF 14.119 biljun ta’ drittijiet tal-konċedent kellhom jiżdiedu mal-FRF 38.5 biljun ta’ provvedimenti mhux użati sabiex jiġu ntaxxati bir-rata ta’ 41.66 % applikata għar-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF mill-awtoritajiet Franċiżi. Meta ma ħallsitx it-total tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta matul ir-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ tagħha, EDF iffrankat EUR 888.89 miljun.

      [...]

(95) Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi jallegaw li r-riforma tal-kontabbiltà tal-1997 hija ekwivalenti għal injezzjoni addizzjonali ta’ kapital f’ammont ugwali għall-eżenzjoni parzjali mit-taxxa. B’hekk, min-naħa tagħhom, din hija kwistjoni ta’ investiment u mhux ta’ għajnuna. [...]

(96) Il-Kummissjoni tista’ biss tiċħad dawn l-argumenti filwaqt li tfakkar li l-prinċipju tal-investitur privat jista’ japplika biss fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi, u mhux fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ poteri regolatorji. Awtorità pubblika ma tistax tuża l-argument tal-eventwali benefiċċji ekonomiċi li hija setgħet tikseb bħala proprjetarja ta’ impriża sabiex tiġġustifika għajnuna mogħtija b’mod diskrezzjonali permezz tal-prerogattivi li tiddisponi minnhom bħala awtorità fiskali fil-konfront ta’ din l-istess impriża.

(97) Fil-fatt, għalkemm Stat Membru jista’, minbarra l-eżerċizzju tal-funzjoni pubblika tiegħu, jaġixxi bħala azzjonist, huwa ma jistax jgħaqqad flimkien il-funzjonijiet tiegħu ta’ Stat li jeżerċita s-setgħa pubblika u dawk ta’ Stat azzjonist. Jekk l-Istati Membri jiġu awtorizzati jużaw il-prerogattivi ta’ setgħa pubblika tagħhom favur l-investimenti li jkollhom f’impriżi attivi fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni, jiġu miċħuda minn kull effett utli r-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, għalkemm, abbażi tal-Artikolu 295 tiegħu, it-Trattat huwa newtrali fir-rigward tal-proprjetà tal-kapital, xorta jibqa’ l-fatt li l-impriżi pubbliċi għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli bħall-impriżi privati. Għalhekk, ma jkunx hemm iktar ugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi pubbliċi u l-impriżi privati jekk l-Istat juża l-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tiegħu favur l-impriżi li huwa azzjonist fihom.”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

22      Fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li, fir-rigward tal-interessi kkalkolati skont l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont totali li qed jintalab il-ħlas lura tiegħu lil EDF jammonta għal EUR 1.217 biljun u li EDF kienet ħallset lura din is-somma lill-Istat Franċiż.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ April 2004, EDF ippreżentat rikors għall-annullament tal-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata.

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Awwissu 2004, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ EDF. Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Settembru 2004, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent.

25      Permezz ta’ att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Marzu 2008, Iberdrola SA (iktar ’il quddiem “Iberdrola” talbet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Peress li t-talba għal intervent tressqet wara li skada t-terminu ta’ sitt ġimgħat stabbilit fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Ġunju 2008 Iberdrola ġiet aċċettata sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni matul il-proċedura orali.

26      Insostenn tar-rikors tagħha, EDF qajmet tliet motivi prinċipali u żewġ motivi sussidjarji.

27      Il-Qorti Ġenerali llimitat l-eżami tagħha għall-ewwel motiv prinċipal u għall-ewwel tliet partijiet tat-tieni motiv prinċipali. Fil-fatt, permezz tas-sentenza appellata hija ċaħdet l-ewwel motiv kif ukoll l-ewwel żewġ partijiet tat-tieni motiv. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali laqgħat it-tielet parti tat-tieni motiv u, konsegwentement, annullat l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata.

28      Perezz ta’ din it-tielet parti tat-tieni motiv tar-rikors tagħha, EDF sostniet li l-miżuri inkwistjoni kellhom jiġu kklassifikati bħala injezzjoni ta’ kapital u jiġu evalwati f’kuntest globali ta’ kjarifika tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u EDF. Meta implementa dawn il-miżuri, dan l-Istat aġixxa bħala investitur privat diliġenti f’ekonomija tas-suq u dan kellu jiġi vverifikat mill-Kummissjoni permezz tal-kriterju tal-investitur privat.

29      Ir-Repubblika Franċiża interveniet insostenn tat-talbiet ta’ EDF fir-rigward, b’mod partikolari, tal-imsemmija tielet parti. Iberdrola interveniet insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni dwar l-istess parti.

30      Fil-punti 233 sa 237 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, sabiex tiddetermina jekk kienx l-obbligu tal-Kummissjoni jew le li teżamina l-intervent tal-Istat Franċiż fil-kapital ta’ EDF fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat, ried jiġi stabbilit jekk l-imsemmi intervent, b’kunsiderazzjoni tan-natura u l-iskop tiegħu u fid-dawl tal-għan imfittex, kienx jikkostitwixxi investiment realizzabbli minn investitur privat, u għaldaqstant kienx sar minn dan l-Istat bħala operatur ekonomiku li aġixxa bl-istess mod bħal investitur privat, jew jekk kienx jikkostitwixxi intervent tal-Istat bħala awtorità pubblika bl-esklużjoni, għaldaqstant, tal-imsemmi kriterju. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset li l-miżura inkwistjoni ma kellhiex tiġi eżaminata biss skont il-forma tagħha, peress li l-użu ta’ liġi fih innifsu ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi eliminat il-fatt li l-intervent tal-Istat fil-kapital ta’ impriża għandu skop ekonomiku li jista’ jadotta wkoll investitur privat.

31      Fil-punti 240 sa 242 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li d-“drittijiet tal-konċedent” ġew allokati direttament għall-entrata ta’ injezzjonijiet ta’ kapital għal ammont ta’ FRF 14.119 biljun mingħajr ma għaddew mir-rapport tal-qliegħ. Hija enfasizzat li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li kien biss in-nuqqas li jiġu intaxxati l-imsemmija drittijiet qabel l-injezzjoni ta’ kapital li kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, filwaqt li l-partijiet kollha kienu qablu li kellu jitqies li kienet dovuta taxxa fuq l-ammont ta’ FRF 14.119 biljun qabel ma ġie rreġistrat fl-entrata “Injezzjoni ta’ kapital”.

32      Fil-punti 243 sa 245 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-miżura inkwistjoni, li kellha l-għan li tirristruttura l-karta tal-bilanċ ta’ EDF u li żżid il-fondi proprji tagħha, ma kinitx dispożizzjoni ta’ natura fiskali fiha nnifisha, iżda dispożizzjoni ta’ kontabbiltà li għandha implikazzjonijiet fiskali. Madankollu, hija kkonstatat li l-Kummissjoni kienet eżaminat biss l-implikazzjonijiet fisakli tal-imsemmija miżura u li hija kienet ippreċiżat li, minħabba n-natura tal-vantaġġ li kienet identifikat, la kien l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni ż-żieda ta’ kapital miksuba u lanqas il-kriterju tal-investitur privat, peress li rinunzja ta’ kreditu fiskali bħal dak inkwistjoni tirriżulta mill-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

33      Fil-punti 247 sa 250 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl tal-għan ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ EDF imfittex mill-miżura inkwistjoni, in-natura fiskali weħidha tal-kreditu kkontestat ma kinitx tippermetti lill-Kummissjoni tevita l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat. Fil-fehma tagħha, kien l-obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika r-razzjonalità ekonomika tal-investiment inkwistjoni, billi tevalwa jekk, fl-istess ċirkustanzi, investitur privat kienx iwettaq investiment paragunabbli tal-istess ammont favur EDF. Fil-fatt, tali obbligu huwa impost fuq il-Kummissjoni indipendentement mill-forma li fiha jkun ġie allokat il-kapital min-naħa tal-Istat.

34      Fil-punti 251 u 252 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li ma jistax jiġi eskluż li l-forma adottata mill-investiment inkwistjoni twassal għal differenzi f’termini ta’ spejjeż ta’ trasferiment tal-kapital u ta’ profitt minn dan tal-aħħar, li jistgħu jwasslu sabiex jitqies li investitur privat ma kienx iwettaq tali investiment. Madankollu, dan jippresupponi li titwettaq evalwazzjoni ekonomika fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, tali analiżi kienet iġġustifikata peress li, minn naħa, żieda ta’ kapital setgħet tirriżulta mill-inkorporazzjoni ta’ kreditu miżmum minn azzjonist privat fir-rigward tal-impriża u li, min-naħa l-oħra, l-użu ta’ liġi għal dan il-għan seta’ jitqies bħala l-konsegwenza neċessarja tal-fatt li r-regoli relattivi għall-kapital ta’ EDF kienu huma stess stabbiliti mil-liġi.

35      Għaldaqstant, fil-punt 253 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fid-dawl tal-ħtieġa li l-miżura kkontestata tiġi evalwata fil-kuntest tagħha, il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement teżamina l-implikazzjonijiet fiskali tagħha iżda kellha teżamina, fl-istess waqt, il-fondatezza tal-argument li r-rinunzja għall-kreditu ta’ taxxa, fil-kuntest tal-operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ u ta’ żieda tal-kapital ta’ EDF, setgħet tissodisfa l-kriterju tal-investitur privat.

36      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fi-punti 254 sa 259 tal-imsemmija sentenza, l-argument tal-Kummissjoni li l-kriterju tal-investitur privat ma setax jiġi applikat peress li f’dan il-każ l-Istat Franċiż kien eżerċita l-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika billi uża liġi sabiex jirrinunzja għal kreditu fiskali. F’dan ir-rigward hija kkunsidrat li, f’dan il-każ, ma kien hemm l-ebda obbligu impost fuq l-Istat bħala awtorità pubblika u li ma kellhomx jiġu evalwati ċerti spejjeż li rriżultaw fuq l-Istat mill-obbligi tiegħu ta’ awtorità pubblika.

37      Fil-punti 260 sa 263 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li l-kriterju tal-investitur privat ma jistax japplika għall-konverżjoni f’kapital ta’ kreditu fiskali, peress li investitur privat ma jistax ikollu tali kreditu fir-rigward ta’ impriża, iżda biss kreditu ċivili jew kummerċjali. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, il-kriterju tal-investitur privat għandu l-għan li jivverifika jekk, minkejja l-fatt li l-Istat għandu mezzi li investitur privat ma għandux, dan tal-aħħar kienx jieħu deċiżjoni ta’ investiment paragunabbli fl-istess ċirkustanzi. Għaldaqstant, in-natura tal-kreditu u l-fatt li investitur privat ma jistax iżomm kreditu fiskali, huma irrilevanti.

38      Fil-punti 264 sa 277 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li min-naħa tiegħu l-investitur privat kien ikollu jħallas it-taxxa f’sitwazzjoni paragunabbli, u dan kien iwassal għal spiża superjuri għalih, peress li, sabiex jagħti EUR 100, fir-realtà, investitur privat kien ikollu jittrasferixxi EUR 141.66.

39      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat li EDF u r-Repubblika Franċiża kienu sostnew u li l-Kummissjoni kienet hija stess qieset fil-punt 51 tad-deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fil-punt 16 tas-sentenza preżenti, li taħt id-dritt tat-taxxa Franċiż, il-varjazzjoni tal-attiv nett ikkawżata minn żieda fil-kapital permezz tal-inkorporazzjoni ta’ kreditu miżmum fir-rigward ta’ impriża minn azzjonist ta’ din tal-aħħar, ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-taxxa fuq il-kumpanniji u li, konsegwentement, din il-konverżjoni ta’ kreditu f’kapital ma kinitx tinvolvi tassazzjoni li għandha bħala bażi l-ammont ta’ dan il-kreditu.

40      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-argument tal-Kummissjoni kien jikkontradixxi l-vantaġġ li hija identifikat fid-deċiżjoni kkontestata peress li dan l-argument kien iwassal għal eżami tal-ispiża globali li jħallas investitur privat sabiex jinvesti FRF 14.119 biljun filwaqt li r-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent, għal dan l-ammont, ma ġietx ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala li tikkostitwixxi għajnuna.

41      Ir-tielet nett, il-Qorti Ġenerali qieset l-argument tal-Kummissjoni bħala mhux koerenti peress li hija ammettiet li kienet teżamina l-injezzjoni addizzjonali tal-kapital ta’ FRF 5.88 biljuni, ammont li l-Qorti Ġenerali indikat b’mod żbaljat bħala FRF 5.6 biljuni, li kieku EDF ħallset minn qabel dan l-ammont bħala taxxa u kieku l-Istat Franċiż ħallasha lura dan l-istess ammont, minħabba li l-ispejjeż imħallsa minn dan l-Istat setgħu f’dak il-każ — u f’dak il-każ biss — jiġu pparagunati ma’ dawk ta’ investitur privat. Issa, il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dak il-każ, l-ispiża kienet tkun l-istess għall-imsemmi Stat u l-ammont irċevut minn EDF kien ikun l-istess bħal dak li din tal-aħħar irċeviet permezz tal-miżura kkontestata.

42      Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali qieset li, fil-każ li investitur privat kien effettivament obbligat iħallas it-taxxa, l-ispiża għalih ta’ injezzjoni ta’ kapital permezz ta’ inkorporazzjoni ta’ kreditu kienet tkun ta’ FRF 5.88 biljun u, għaldaqstant, identika għal dik imħallsa mill-Istat Franċiż f’dan il-każ. Barra minn hekk, hija biss l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat li kienet tippermetti tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ eventwali differenza fl-ispejjeż.

43      Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali qieset li, anki jekk l-ispiża ta’ rikapitalizzazzjoni f’ammont ta’ FRF 14.119 biljun kienet ta’ FRF 0 għall-Istat Franċiż u jekk din l-ispiża kienet ta’ FRF 5.6 biljun għal investitur privat, din id-differenza fl-ispejjeż ma kinitx tipprekludi applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.

44      Fil-punt 283 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li l-fatt li applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat tiġi aċċettata jista’ jwassal sabiex issir valida kull forma ta’ eżenzjoni fiskali mwettqa mill-Istati Membri. F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fakkret li f’dan il-każ, fil-fehma tagħha, ma kienx hemm sempliċi eżenzjoni fiskali mogħtija lil impriża, iżda r-rinunzja ta’ kreditu fiskali fil-kuntest ta’ żieda fil-kapital ta’ impriża li l-Istat huwa l-uniku azzjonist tagħha, u min-naħa l-oħra, qieset li ma jistax jiġi ppreġudikat ir-riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, li fin-nuqqas tiegħu, dan ikun inutli.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

45      Permezzz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Lulju 2010, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

46      Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Settembru 2010, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta dan l-intervent.

 It-talbiet tal-partijiet

47      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata u kkundannat lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ EDF;

–        tiċħad it-tielet parti tat-tieni motiv imqajjem minn EDF fl-ewwel istanza;

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami ġdid, u

–        tirriżerva l-ispejjeż tal-kawża.

48      L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata, u

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

49      Iberdrola titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad it-tielet parti tat-tieni motiv imqajjem minn EDF;

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lil EDF għall-ispejjeż, inklużi dawk subiti minn Iberdrola.

50      EDF u r-Repubblika Franċiża jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

51      Insostenn tal-appell, il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji bbażati, l-ewwel nett, fuq żnaturament tal-fatti u, it-tieni nett, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 87 KE u, b’mod iktar partikolari, fid-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-kontenut tal-kriterju tal-investitur privat diliġenti f’ekonomija tas-suq.

52      L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat it-tieni aggravju.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 87 KE

53      It-tieni aggravju jinqasam f’erba’ partijiet li għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

54      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju l-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha fuq l-għan imfittex mill-Istat Franċiż sabiex tiddetermina jekk kienx aġixxa bħala azzjonist jew bħala awtorità pubblika. Fil-fatt, l-Artikolu 87(1) KE ma jagħmilx distinzjoni skont l-għanijiet imfittxija mill-interventi tal-Istat.

55      Il-Kummissjoni ssostni li l-kriterju bbażat fuq l-intervent tal-imsemmi Stat Membru ma jippermettix li tiġi stabbilita distinzjoni bejn l-interventi tal-Istat azzjonist jew dawk tal-Istat li jaġixxi bħala awtorità pubblika. Skont din l-istituzzjoni, dan il-kriterju jippreżenta natura suġġettiva u jista’ jkun suġġett għal manipulazzjoni.

56      Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tikkunsidra, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali ma pprovatx tistabbilixxi jekk l-aġir adottat mill-Istat Franċiż kienx paragunabbli għal dak ta’ investitur privat peress li l-analiżi tagħha ma kinitx tirrigwarda l-“iskema fil-qosor” prevista mil-Liġi Nru 97‑1026 iżda l-“iskema fit-tul” li kienet tikkonsisti l-ewwel nett, fl-allokazzjoni fl-entrata “injezzjoni ta’ kapital” ta’ ammont nett wara t-taxxa, imbagħad fit-talba lil EDF sabiex tħallas taxxa korrispondenti għall-varjazzjoni fl-attiv nett u, fl-aħħar nett, f’li ssir injezzjoni addizzjonali ta’ kapital ta’ ammont ekwivalenti għall-imsemmija taxxa.

57      Madankollu, skont il-Kummissjoni, l-għażla bejn dawn iż-żewġ proċessi ma hijiex irrilevanti peress li fl-“iskema fit-tul” il-baġit tal-Istat jiggarantixxi t-trasparenza, filwaqt li fl-“iskema fil-qosor”, li kienet applikata f’dan il-każ, ir-riżorsi użati jevitaw kwalunkwe dixxiplina baġitarja. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fiskali ġie injorat peress li EDF gawdiet trattament speċjali mingħajr l-ebda forma ta’ trasparenza.

58      It-tieni nett, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ħtieġa ta’ definizzjoni ta’ investitur privat ta’ riferiment, peress li l-ġurisprudenza tipprevedi d-definizzjoni ta’ terminu ta’ paragun reali eżistenti fl-ekonomija tas-suq. Fil-fatt, skont din l-istituzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat is-sitwazzjonijiet li fihom ma jeżisti l-ebda operatur reali li l-aġir tal-Istat jista’ jiġi pparagunat miegħu.

59      It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li l-aġir tal-Istat Franċiż ma setax jiġi adottat minn investitur privat, peress li dan tal-aħħar kien ikollu jħallas it-taxxa fuq il-kumpanniji u ma kienx ikun jista’ jikkonverti dan l-ammont f’kapital. L-Istat biss, bħala awtorità fiskali, seta’ jkollu s-somma inkwistjoni. Issa, il-kriterju tal-investitur privat huwa intiż sabiex jivverifika jekk investiment privat setax jitwettaq f’ċirkustanzi simili.

60      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tqis li l-kriterju tal-investitur privat, kif applikat mill-Qorti Ġenerali, huwa intiż sabiex jeżamina kwalunkwe aġir tal-Istat mis-sempliċi angolu tal-profittabbiltà, u dan jippermetti lill-impriżi pubbliċi jibbenefikaw mill-kwalità tal-proprjetarju tagħhom.

61      Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li, minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-angolu ta’ profittabbiltà biss u l-possibbiltà tal-Istat li juża l-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika, l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn impriżi pubbliċi u privati, toħloq distorsjonijiet għall-kompetizzjoni li jmorru kontra l-Artikoli 295 KE u 87 KE u tmur kontra l-għan imfittex mill-kriterju tal-investitur privat. Fil-fatt, dan il-kriterju jsir mezz kif tiġi eskluża l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna għal dak li jikkonċerna l-miżuri li investitur privat ma jistax jadotta.

62      Permezz tar-raba’ parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali injorat ir-regoli dwar l-oneru tal-prova. Fil-fehma tagħha, meta l-kundizzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat huma sodisfatti, huwa l-obbligu tal-Istat Membru li jinvoka l-eċċezzjoni bbażata fuq il-kriterju tal-investitur privat li jipproduċi l-provi bl-għan li juri li l-kundizzjonijiet imposti sabiex din l-eċċezzjoni tiġi aċċettata huma sodisfatti.

63      Issa, ma huwiex ikkontestat li matul il-proċedura amministrattiva l-awtoritajiet Franċiżi sempliċement invokaw il-prospetti ta’ profittabbiltà mingħajr ma pproduċew l-ebda data insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, l-ebda dokument fil-proċess ma kien jindika li l-Istat Franċiż kien ikkunsidra l-profittabbiltà potenzjali tal-eżenzjoni mit-taxxa kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li ma kinitx obbligata twettaq eżami tal-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fid-dawl tal-imsemmi kriterju.

64      It-tieni nett, il-Kummissjoni tfakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li hija seta’ kellha meta ġiet adottata din id-deċiżjoni. Madankollu, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, f’dak il-mument, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda prova li setgħet turi r-rilevanza tal-kriterju tal-investitur privat.

65      Iberdrola tadotta l-argument tal-Kummissjoni u żżid tgħid, għal dak li jikkonċerna l-ewwel parti tat-tieni motiv, li billi qiegħdet f’pożizzjoni ċentrali l-għan imfittex mill-Istat, il-Qorti Ġenerali injorat id-distinzjoni eżistenti bejn l-Istat azzjonist u l-Istat li jaġixxi bħala awtorità pubblika. Għaldaqstant, l-inugwaljanza li teżisti bejn il-mezzi li għandu operatur privat u dawk tal-Istat tgħib permezz tal-konverġenza potenzjali tal-għanijiet imfittxija.

66      Iberdrola tippreċiża li l-ebda operatur privat ma għandu s-setgħa jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom għandu jsir l-issuġġettar għat-taxxa u hija tqis li peress li attività ekonomika tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari, l-eżerċizzju ta’ setgħa fil-qasam tat-taxxa ma jagħmilx parti minn tali attività. Iberdrola ssostni wkoll li l-fatt li l-Istat jiġi pprojbit milli juża s-setgħa li għandu fil-qasam tat-taxxa favur impriżi pubbliċi ma jwassal għal ebda diskriminazzjoni peress li l-Istat jista’ dejjem jagħmel kontribuzzjoni ta’ kapital.

67      Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, Iberdrola tippreċiża li, kieku l-Istat Franċiż ġabar it-taxxa mbagħad integraha fil-baġit tiegħu, ma huwiex ċert li l-kontribuzzjoni tal-ammont ikkontestat fil-kapital ta’ EDF kien iseħħ, peress li l-proċeduri, l-istħarriġ u l-arbitraġġ previsti għall-implementazzjoni ta’ deċiżjoni dwar tali kontribuzzjoni kienu jkunu differenti minn dawk li wasslu għall-eżenzjoni fiskali inkwistjoni.

68      Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni aggravju, Iberdrola ssostni li d-diviżjoni stabbilita bejn l-attivitajiet ta’ azzjonist u dawk li jaqgħu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tal-Istat għandha l-għan li tevita kunflitt ta’ interessi u żżomm opportunitajiet ugwali bejn l-operaturi. Madankollu, l-loġika applikata mill-Qorti Ġenerali tippermetti lill-Istati Membri jużaw il-prerogattivi tagħhom sabiex jeżentaw lill-impriżi pubbliċi minn ċerti obbligi li għandhom l-operaturi privati.

69      L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tadotta l-argument tal-Kummissjoni u ta’ Iberdrola. Għal dak li jikkonċerna l-ewwel parti tat-tieni aggravju, hija tqis li anki jekk l-intenzjonijiet tal-Istat setgħu jiġu ddeterminati b’ċertezza, huma ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għandu jiġi ddeterminat, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u verifikabbli, jekk l-Istat aġixxiex bħala awtorità pubblika jew bħala investitur privat.

70      L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tirrileva li l-Istat jiġbor it-taxxi fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u hija tqis li, għaldaqstant, ir-rinunzja għad-dejn fiskali jseħħ fl-istess kuntest. Issa, aġir bħal dak tal-Istat ma jistax jiġi pparagunat ma’ dak ta’ investitur privat.

71      Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tenfasizza li d-dejn ta’ EDF fil-konfront tal-Istat Franċiż ma kienx kummerċjali jew kuntrattwali iżda wieħed fiskali. Skont l-imsemmija awtorità, il-Qorti Ġenerali kien messha, minflok tipparaguna aġir suġġettiv fittizju tal-Istat Franċiż ma’ dak ta’ investitur privat ipotetiku, tipparaguna l-aġir reali ta’ dan l-Istat mhux ma’ dak ta’ kreditur iżda ta’ investitur eżistenti fis-suq.

72      L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tippreċiża li l-kriżi finanzjarja wriet li f’dan it-tip ta’ sitwazzjonijiet għandu jiġi applikat kriterju ċar u faċli sabiex jiġi implementat, ibbażat fuq elementi oġġettivi, li jistgħu jkunu s-suġġet ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Issa, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali ma jissodisfax dan ir-rekwiżit.

73      Għal dak li jikkonċerna r-raba’ parti tat-tieni aggravju, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tenfasizza li l-fatt li l-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova jpoġġi lill-istituzzjonijiet inkarigati jistħarrġu l-għajnuna mill-Istat f’pożizzjoni diffiċli peress li ma humiex f’pożizzjoni li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom ħlief fid-dawl tal-informazzjoni li għandhom disponibbli. Il-Kummissjoni ma setgħatx tapplika l-kriterju tal-investitur privat fuq inizjattiva tagħha stess.

74      EDF u r-Repubblika Franċiża jitolbu li t-tieni aggravju jiġi miċħud. B’mod partikolari, skont EDF u r-Repubblika Franċiża, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-kriterju tal-investitur privat kien, f’dan il-każ, applikabbli u li, peress li ċaħdet minnufih li tapplika dan il-kriterju, il-Kummissjoni kisret l-obbligi proċedurali tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75      Il-Kummissjoni, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u Iberdrola essenzjalment jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li eżaminat l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat, f’dan il-każ, l-ewwel nett billi ħadet inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, l-għan imfittex mill-Istat Franċiż meta adotta l-miżura kkontestata, it-tieni nett, billi fixklet ir-rwoli tal-Istat azzjonist u l-Istat li jeżerċita s-setgħet tiegħu fil-qasam tat-taxxa, it-tielet nett, billi kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn impriżi pubbliċi u privati u, ir-raba’ nett, billi kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.

76      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li miżura mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat li tpoġġi lill-impriża benefiċjarja f’sitwazzjoni finanzjarja iktar vantaġġuża minn dik tal-kompetituri tagħha u li, għal din ir-raġuni, toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni u fl-istess waqt taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma tistax tevita minnufih li tiġi kklassifikata bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87 KE minħabba l-għanijiet imfittxija mill-imsemmi Stat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1999, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑6/97, Ġabra p. I‑2981, punt 15; tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra p. I‑4727, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Fil-fatt, l-Artikolu 87(1) KE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenza Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87 KE ma humiex sodisfatti jekk l-impriża pubblika benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li saru disponibbli għaliha permezz tar-riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għal ċirkustanzi normali tas-suq, evalwazzjoni li għall-impriżi pubbliċi ssir billi jiġi applikat, bħala prinċipju, il-kriterju tal-investitur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑303/88, Ġabra p. I-1433, punt 20; tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I-4397, punti 68 sa 70, kif ukoll Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-istess miżura kinitx tiġi adottata fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn investitur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat, huma biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar meta jaġixxi bħala azzjonist, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 14, u Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 40/85, Ġabra p. 2321, punt 13; kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 22, u tat-28 ta’ Jannar 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑334/99, Ġabra p. I‑1139, punt 134).

80      Minn dan jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn ir-rwoli tal-Istat azzjonist ta’ impriża, minn naħa, u dawk tal-Istat li jaġixxi bħala awtorità pubblika, min-naħa l-oħra, bħalma ġustament isostnu l-Kummissjoni, Iberdrola kif ukoll l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 223 sa 228 tas-sentenza appellata.

81      Konsegwentement, l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat jiddependi, finalment, fuq il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża proprjetà tiegħu fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika.

82      Minn dan isegwi li jekk matul il-proċedura amministrattiva l-Istat Membru jinvoka l-imsemmi kriterju, huwa għandu l-obbligu, fil-każ ta’ dubju, li jistabbilixxi mingħajr dubju u abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implementata tirriżulta mill-kwalità tiegħu ta’ azzjonist.

83      Dawn l-elementi għandhom juru b’mod ċar li, qabel jew fl-istess waqt tal-għoti tal-vantaġġ ekonomiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 71 u 72), l-Istat Membru kkonċernat ħa d-deċiżjoni li jwettaq, permezz tal-miżura effettivament implementata, investiment fl-impriża pubblika kkontrollata.

84      F’dan ir-rigward jistgħu jkunu meħtieġa, b’mod partikolari, provi li juru li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, investitur privat razzjonali li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-imsemmi Stat Membru kien jagħmel, qabel ma jwettaq l-imsemmi investiment, sabiex jiddetermina l-profittabbiltà futura ta’ tali investiment.

85      Min-naħa l-oħra, evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara l-għoti tal-imsemmi vantaġġ, il-konstatazzjoni retrospettiva tal-profittabbiltà effettiva tal-investiment imwettqa mill-Istat Membru kkonċernat jew ġustifikazzjonijiet ulterjuri tal-għażla tal-proċess effettivament użat ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan l-Istat Membru ħa, qabel jew fl-istess waqt ta’ dan l-għoti, tali deċiżjoni fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 71 u 72).

86      Jekk l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi lill-Kummissjoni provi tan-natura meħtieġa, huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar li twettaq evalwazzjoni globali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat, kwalunkwe prova oħra rilevanti f’dan il-każ li tippermettilha tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni tirriżultax mill-kwalità tal-imsemmi Stat Membru ta’ azzjonist jew minn dik ta’ awtorità pubblika. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward jistgħu jkunu rilevanti, hekk kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 229 tas-sentenza appellata, in-natura u l-iskop ta’ din il-miżura, il-kuntest li din tiġi adottata fih kif ukoll l-għan imfittex u r-regoli li għalihom hija suġġetta l-imsemmija miżura.

87      Konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-għan imfittex mill-Istat Franċiż seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi Stat kienx fil-fatt aġixxa bħala azzjonist u jekk, għaldaqstant, il-kriterju tal-investitur privat kienx applikabbli f’dan il-każ.

88      Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat setgħetx tiġi evitata, f’dan il-każ, fuq is-sempliċi bażi tan-natura fiskali tal-mezzi użati mill-Istat Franċiż, għandu jitfakkar li l-Artikolu 87(1) KE jipprovdi li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li minħabba l-effetti tagħha twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, hija inkompatibbli mas-suq komuni. (ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25 u l-ġurisprudenza iċċitata).

89      Barra minn hekk, fil-punt 78 tas-sentenza preżenti ġie rrilevat li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat hija intiża sabiex tiddetermina jekk il-vantaġġ ekonomiku mogħti, taħt kwalunkwe forma, permezz ta’ riżorsi tal-Istat lil impriża pubblika huwiex, minħabba l-effetti tiegħu, tali li jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, u jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

90      Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni u dan il-kriterju huma intiżi sabiex jevitaw li, permezz ta’ riżorsi tal-Istat, l-impriża pubblika benefiċjarja jkollha sitwazzjoni finanzjarja iktar vantaġġuża minn dik tal-kompetituri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 14, u tad-19 ta’ Mejju 1999, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

91      Madankollu, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża pubblika benefiċjarja ma tiddependix fuq il-forma disponibbli għal dan il-vantaġġ, tkun xi tkun in-natura, iżda fuq l-ammont li hija finalment tibbenefika minnu. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonċentrat l-analiżi tagħha tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat fuq it-titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ EDF bl-għan tal-ftuħ tas-suq tal-elettriku għall-kompetizzjoni u fuq l-effetti tal-miżura inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u mhux fuq in-natura fiskali tal-mezzi użati mill-Istat Franċiz.

92      Għaldaqstant, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, b’kunsiderazzjoni tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 87(1) KE kif ukoll mill-kriterju tal-investitur privat, vantaġġ ekonomiku, anki jekk mogħti permezz ta’ mezzi ta’ natura fiskali, għandu jiġi evalwat, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat jekk wara l-evalwazzjoni globali, fil-każ li tkun meħtieġa, jidher li minkejja l-użu ta’ tali mezzi li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika l-Istat Membru kkonċernat ta l-imsemmi vantaġġ fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist tal-impriża li hija l-proprjetà tiegħu.

93      Minn dan jirriżulta li l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 250 tas-sentenza appellata li l-obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika jekk il-kapital ġiex trasferit mill-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq jeżisti indipendentement mill-forma li fiha l-kapital ġie ttrasferit mill-Istat, ma hijiex ivvizzjata minn żball ta’ liġi.

94      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni, tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u ta’ Iberdrola li investitur privat ma kienx ikun jista’ jwettaq investiment, bħal dak li għamel l-Istat Franċiż, f’kundizzjonijiet paragunabbli, peress li kien ikollu jħallas it-taxxa u li l-imsemmi Stat biss, bħala awtorità fiskali, seta’ jkollu s-somom korrispondenti għal din it-taxxa, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li fir-rigward tal-operazzjoni ta’ kontabbiltà inkwistjoni, hija l-impriża privata li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ EDF u mhux l-azzjonist tagħha, li kien ikollha tħallas l-imsemmija taxxa.

95      F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat kien għaldaqstant jippermetti li jiġi ddeterminat jekk azzjonist privat kienx jittrasferixxi, taħt kundizzjonijiet simili, ammont ugwali għat-taxxa dovuta, f’impriża li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ EDF.

96      Min-naħa l-oħra, kif tirrileva l-Qorti Ġenerali fil-punti 275 u 276 tas-sentenza appellata, differenza possibbli bejn l-ispiża sostnuta minn investitur privat u dik sostnuta mill-Istat investitur ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat. Fil-fatt, dan il-kriterju jippermetti preċiżament li tiġi stabbilita, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ tali differenza u li matul l-evalwazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi kriterju humiex sodisfatti.

97      Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw l-Kummissjoni, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u Iberdrola, l-analiżi li wettqet il-Qorti Ġenerali ma tinjorax l-ugwaljanza fit-trattament bejn impriżi pubbliċi u privati, ma toħloqx distorsjonijiet għall-kompetizzjoni u ma tmurx kontra l-għan imfittex mill-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.

98      Għaldaqstant, billi kkunsidrat li l-kriterju tal-investitur privat jista’ jiġi applikat anki fil-każ fejn intużaw mezzi ta’ natura fiskali, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

99      Għandu jingħad ukoll li, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali la ppreġudikat l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju f’dan il-każ u lanqas, hekk kif tirrileva fil-punt 283 ta’ din is-sentenza, ir-riżultat tal-eventwali applikazzjoni ta’ dan il-kriterju.

100    B’mod partikolari, billi sempliċement ivverifikat jekk l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat setgħetx tiġi evitata fuq is-sempliċi bażi tan-natura fiskali tal-mezzi użati mill-Istat Franċiż, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma adottat analiżi li twassal sabiex tawtorizza lill-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni, matul l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mal-kwalità tagħhom ta’ awtorità pubblika jew ta’ provi suġġettivi u li huma suġġetti għal manipulazzjoni.

101    Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, kienx neċessarju li tingħata definizzjoni ta’ investitur ta’ riferiment, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza li jibbażaw ruħhom fuqha f’dan ir-rigward il-Kummissjoni, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u Iberdrola tirrigwarda n-nuqqas ta’ kwalunkwe possibbiltà li tiġi pparagunata s-sitwazzjoni ta’ impriża pubblika għal dik ta’ impriża privata li ma toperax f’settur riżervat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs Ufex et, C‑83/01 P, C‑93/01 P u C‑94/01 P, Ġabra p. I‑6993, punt 38).

102    Madankollu, il-Kummissjoni, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u Iberdrola ma jsostnux li huwa impossibbli li jsir paragun bejn is-sitwazzjoni ta’ EDF u dik ta’ impriża privata li topera f’setturi ta’ attività identiċi għal dawk ta’ EDF. Barra minn hekk, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li, għall-finijiet ta’ tali paragun, għandha ssir evalwazzjoni b’riferiment għall-elementi oġġettivi u verifikabbli li huma disponibbli.

103    Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, il-kriterju tal-investitur privat ma huwiex eċċezzjoni li ma tapplikax ħlief fuq talba ta’ Stat Membru, meta l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, li jinsab fl-Artikolu 87(1) KE, ikunu sodisfatti. Fil-fatt, mill-punt 78 tas-sentenza preżenti jirriżulta li dan il-kriterju, meta jkun applikabbli, jinsab fost l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali għajnuna.

104    Konsegwentement, meta jidher li l-kriterju tal-investitur privat jista’ japplika, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà u għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju humiex sodisfatti u hija tista’ tirrifjuta li teżamina tali informazzjoni biss jekk il-provi prodotti jkunu ġew stabbiliti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li twettaq l-investiment inkwistjoni.

105    Fil-fatt, fil-punti 83 sa 85 tas-sentenza preżenti diġà ġie rrilevat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, huma biss rilevanti l-provi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fil-mument meta d-deċiżjoni li jitwettaq l-investiment tkun ittieħdet. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni teżamina l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat meta mqabbla ma’ investiment li ma ġiex innotifikat lilha u li diġà twettaq mill-Istat Membru kkonċernat fil-mument meta hija twettaq l-eżami tagħha.

106    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żnaturament tal-fatti

107    Il-Kummissjoni essenzjalment tqis li l-Qorti Ġenerali żnaturat xi provi meta kkunsidrat li permezz tal-miżura kkontestata r-Repubblika Franċiża kkonvertiet kreditu fiskali f’kapital. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, permezz ta’ din il-miżura, ir-Repubblika Franċiża eżentat lil EDF mit-taxxa fuq il-kumpanniji. Issa, il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ ta’ eżenzjoni fiskali, il-kriterju tal-investitur privat ma huwiex rilevanti.

108    Madankollu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni aggravju ġie kkonstatat li meta Stat Membru jagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża li hija l-proprjetà tiegħu, in-natura fiskali tal-proċess użat għall-finijiet tal-għoti tal-imsemmi vantaġġ ma hijiex tali li tevita minnufih l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat. Minn dan jirriżulta, a fortiori, li l-proċess preċiż magħżul mill-Istat Membru kkonċernat huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tal-imsemmi kriterju.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jiġi preżunt li l-allegat żnaturament tal-fatti mwettaq mill-Qorti Ġenerali ġie stabbilit, dan fi kwalunkwe każ ma jkunx tali li jaffettwa l-fondatezza tas-sentenza appellata. Minn dan jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

110    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

111    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub minn EDF.

112    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont dan l-Artikolu 118, ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

113    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 69(4) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-imsemmi Artikolu 118, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

114    It-tielet paragrafu tal-Artikolu 69(4) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-istess Artikolu 118, jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tordna li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata għal Iberdrola.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, ir-Repubblika Franċiża u Iberdrola SA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.