Language of document : ECLI:EU:C:2015:854

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-23 ta’ Diċembru 2015 (1)

Kawża C‑477/14

Pillbox 38 (UK) Limited

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), ir-Renju Unit]

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40/UE — Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati — Sigaretti elettroniċi — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ sussidjarjetà — Drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Libertà ta’ intrapriża u dritt għall-proprjetà — Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”





I –    Introduzzjoni

1.        Kważi l-ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma wasslet għal kawżi daqstant intensi matul is-snin bħad-diversi direttivi dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati fi ħdan is suq intern Ewropew (2).

2.        Anki l-miżura ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern l-iktar reċenti adottata f’dan il-qasam, id-Direttiva 2014/40/UE (3), ma hijiex eċċezzjoni f’dan ir-rigward. Il-Qorti tal-Ġustizzja bħalissa għandha quddiemha tliet proċeduri paralleli dwarha. Madankollu, l-adegwatezza tal-Artikolu 114 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 95 KE jew l-Artikolu 100a tat-Trattat KEE) bħala bażi legali, għalkemm tista’ tkompli tkun kontroversjali fuq ċerti punti, ma għadx għandha rwol ċentrali bħal fis-snin preċedenti. Issa punti ta’ dritt oħra jinsabu fiċ-ċentru tal-interess, b’mod partikolari dawk b’rabta mal-prinċipju fundamentali tal-proporzjonalità, mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3.        Wara dawn il-kwistjonijiet legali, li jinvolvu interessi ekonomiċi enormi u jaffettwaw il-ħajja ta’ miljuni ta’ ċittadini tal-Unjoni kuljum, finalment hemm moħbija kwistjoni fundamentali ħafna: liema marġni ta’ diskrezzjoni għad għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiżgura li prodotti jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni kollha taħt kundizzjonijiet uniformi, mingħajr ma jiġi injorat b’dan il-mod l-għan fundamentali ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, li huwa stabbilit b’mod prominenti fid-dritt primarju [Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE, 168(1) TFUE u t-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea]?

4.        F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li toriġina minn rikors ippreżentat minn Pillbox 38 (UK) Limited (4) quddiem qorti Brittanika, ma hijiex ikkonċernata d-Direttiva kollha, iżda biss ir-regola l-ġdida li nħolqot għall-ewwel darba mil-leġiżlatur tal-Unjoni dwar is-sigaretti elettroniċi (“e-cigarettes”) skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva. B’din ir-regola, l-Unjoni Ewropea, anki meta mqabbla mal-isfera internazzjonali, ħadet pass importanti sabiex issolvi l-kwistjoni delikata, dwar kif għandhom jiġu indirizzati, b’osservanza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, ir-riskji possibbli għas-saħħa, li jistgħu jiġu kkawżati mis-sigaretti elettroniċi bħala prodott ġdid li għadu relattivament ftit magħruf.

5.        Proċedura għal deċiżjoni preliminari oħra (5) — imressqa mill-istess qorti, li fil-każ preżenti rrikorriet għall-Qorti tal-Ġustizzja (iżda mhux mill-istess imħallef) — tikkonċerna għadd ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva u b’dan il-mod tindirizza b’mod partikolari l-għażla tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u dak ta’ ċertezza legali, kwistjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll kwistjonijiet b’rabta mal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE fir-rigward tad-delega ta’ setgħat leġiżlattivi u ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni. Il-proċedura, li tinsab ukoll pendenti, dwar rikors għall-annullament (6) ippreżentat mir-Repubblika tal-Polonja, għall-kuntrarju, tirrigwarda b’mod speċjali d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/40 dwar il-projbizzjoni ta’ sigaretti li fihom il-metanol. Illum ser nippreżenta wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dawk iż-żewġ kawżi.

II – Id-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva 2014/40/UE

6.        L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 huwa intitolat “Sigaretti elettroniċi” u huwa fformulat kif ġej:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika jitqiegħdu fis-suq biss jekk jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u mal-leġiżlazzjoni l-oħra kollha rilevanti tal-Unjoni.

Din id-Direttiva ma tapplikax għal sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika li huma soġġetti għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2001/83/KE jew għar-rekwiżiti mniżżlin fid-Direttiva 93/42/KEE.

(2)      Il-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika għandhom jippreżentaw notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar tali prodotti li biħsiebhom iqiegħdu fis-suq. In-notifika għandha tingħata f’għamla elettronika sitt xhur qabel it-tqegħid intenzjonat fis-suq. Għal sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika li diġà qegħdin fis-suq fl-20 ta’ Mejju 2016, in-notifika għandha tingħata fi żmien sitt xhur minn dik id-data. Għandha tingħata notifika ġdida għal kull bidla sostanzjali tal-prodott.

In-notifika għandha, skont jekk il-prodott ikunx sigarett elettroniku jew kontenitur ta’ rikarika, tinkludi t-tagħrif li ġej:

a)      l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-manifattur, persuna ġuridika jew fiżika responsabbli fl-Unjoni, u, jekk applikabbli, l-importatur fl-Unjoni;

b)      lista tal-ingredjenti kollha li fih il-prodott u l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu tiegħu, skont l-isem tad-ditta u t-tip, inklużi l-kwantitajiet tagħhom;

c)      data tossikoloġika dwar l-ingredjenti u l-emissjonijiet tal-prodott, inkluż meta jissaħħnu, b’referenza partikolari għall-effetti tagħhom fuq is-saħħa tal-konsumaturi meta jinġibdu man-nifs u b’qies ta’, fost l-oħrajn, kwalunkwe effett ta’ dipendenza;

d)      tagħrif dwar id-dożaġġ u l-ammont assorbit tan-nikotina meta kkunsmata taħt kondizzjonijiet normali jew li jistgħu jiġu raġonevolment previsti;

e)      deskrizzjoni tal-komponenti tal-prodott; inkluż, fejn applikabbli, il-mekkaniżmu ta’ ftuħ u mili mill-ġdid tas-sigarett elettroniku jew tal-kontenituri ta’ rikarika;

f)      deskrizzjoni tal-proċess ta’ produzzjoni, inkluż jekk dan jinvolvi produzzjoni ta’ serje u dikjarazzjoni li l-proċess ta’ produzzjoni jiżgura konformità mar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu;

g)      dikjarazzjoni li l-manifattur jew l-importatur iġorru r-responsabbiltà sħiħa għall-kwalità u s-sigurtà tal-prodott, meta jitqiegħed fis-suq u jintuża taħt kondizzjonijiet normali jew li jistgħu jiġu previsti raġonevolment.

Meta l-Istati Membri jqisu li l-informazzjoni ppreżentata ma tkunx kompleta, huma għandhom id-dritt jitolbu li l-informazzjoni kkonċernata tiġi kompluta.

L-Istati Membri jistgħu jimponu tariffi proporzjonati fuq il-manifatturi u importaturi tal-prodotti tat-tabakk biex jirċievu, jaħżnu, jimmaniġġaw u janalizzaw l-informazzjoni mibgħuta lilhom.

(3)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

a)      likwidu li fih in-nikotina jitqiegħed fis-suq biss f’kontenituri ta’ rikarika apposta li ma jaqbżux volum ta’ 10 ml, f’sigaretti elettroniċi li jistgħu jintremew jew fi stoċċijiet li jintużaw darba u li l-istoċċijiet jew tankijiet ma jaqbżux volum ta’ 2 ml;

b)      il-likwidu li fih in-nikotina ma jkunx fih aktar minn 20mg/ml nikotina;

c)      il-likwidu li fih in-nikotina ma jkunx fih addittivi elenkati fl-Artikolu 7(6);

d)      ingredjenti ta’ purità għolja biss jintużaw fil-manifattura tal-likwidu li fih in-nikotina. Sustanzi għajr l-ingredjenti msemmijin fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jkunu preżenti biss fil-likwidu li fih in-nikotina f’livelli ta’ traċċi, jekk tali traċċi teknikament ma jkunux jistgħu jiġu evitati waqt il-manifattura;

e)      ħlief għan-nikotina, fil-likwidu li fih in-nikotina jintużaw biss ingredjenti li mhumiex ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem f’forma msaħħna jew mhux imsaħħna;

f)      is-sigaretti elettroniċi jagħtu d-dożi ta’ nikotina f’livelli konsistenti taħt kondizzjonijiet normali ta’ użu;

g)      ikun impossibbli li s-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika jintmessu mit-tfal jew li jsir tbagħbis fihom; jkunu mħarsa kontra ksur u tnixxija u jkollhom mekkaniżmu li jiżgura li jimtlew mill-ġdid mingħajr tnixxija.

(4)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

a)      il-pakketti individwali ta’ sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika jinkludu fuljett b’informazzjoni dwar:

i)      struzzjonijiet ta’ tagħrif għall-użu u l-ħżin tal-prodott, inkluż referenza li l-prodott mhux rakkomandat għall-użu miż-żgħażagħ u dawk li ma jpejpux;

ii)      kontraindikazzjonijiet;

iii)      twissijiet għal gruppi speċifiċi ta’ riskju;

iv)      effetti negattivi possibbli;

v)      l-effett ta’ dipendenza u t-tossiċità; u

vi)      dettalji ta’ kuntatt tal-manifattur jew importatur u persuna ta’ kuntatt ġuridika jew fiżika fl-Unjoni;

b)      il-pakketti individwali u kwalunkwe ippakkjar estern tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika:

i)      jinkludu lista tal-ingredjenti kollha li fih il-prodott f’ordni mill-aktar li għandu piż għall-anqas wieħed, u indikazzjoni tal-kontenut tan-nikotina tal-prodott u l-ammont f’kull doża, in-numru tal-lott u rakkomandazzjoni biex il-prodott jinżamm ’il bogħod mit-tfal;

ii)      mingħajr preġudizzju għall-punt (i) ta’ dan il-punt, ma jinkludux elementi jew karatteristiċi msemmijin fl-Artikolu 13, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 13(1)(a) u (c) li jirrigwarda l-informazzjoni dwar il-kontenut tan-nikotina u dwar aromi; u

iii)      iġorru waħda mit-twissijiet ta’ saħħa li ġejjin:

‘Dan il-prodott fih in-nikotina li hija sustanza li tista’ faċilment twassal għad-dipendenza. Mhuwiex rakkomandat għall-użu minn persuni li ma jpejpux.’

jew

‘Dan il-prodott fih in-nikotina li hija sustanza li tista’ faċilment twassal għad-dipendenza.’

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema minn dawn it-twissijiet tas-saħħa għandhom jintużaw;

c)      it-twissijiet tas-saħħa jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifikati fl-Artikolu 12(2).

(5)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

a)      komunikazzjonijiet kummerċjali fis-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni, fl-istampa u pubblikazzjonijiet stampati oħrajn, bil-għan jew l-effett dirett jew indirett tal-promozzjoni ta’ sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika jkunu pprojbiti, bl-eċċezzjoni ta’ pubblikazzjonijiet li huma maħsuba esklussivament għal professjonisti fil-kummerċ tas-sigaretti elettroniċi jew il-kontenituri ta’ rikarika u għal pubblikazzjonijiet li jiġu stampati u ppubblikati f’pajjiżi terzi, meta dawk il-pubblikazzjonijiet ma jkunux maħsuba prinċipalment għas-suq tal-Unjoni;

b)      komunikazzjonijiet kummerċjali fuq ir-radju, bil-għan jew l-effett dirett jew indirett tal-promozzjoni ta’ sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika jiġu pprojbiti;

c)      kwalunkwe forma ta’ kontribut pubbliku jew privat għal programmi tar-radju bil-għan jew l-effett dirett jew indirett tal-promozzjoni ta’ sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika jiġu pprojbit;

d)      kwalunkwe forma ta’ kontribut pubbliku jew privat lil kwalunkwe avveniment, attività jew persuna individwali bil-għan jew l-effett dirett jew indirett tal-promozzjoni ta’ sigaretti elettroniċi jew kontenituri ta’ rikarika u li jinvolvi jew isir f’diversi Stati Membri jew li nkella jkollu effetti transkonfinali jkun ipprojbit;

e)      komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li għalihom tapplika d-Direttiva 2010/13/UE […] jkunu pprojbiti għas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika.

(6)      L-Artikolu 18 ta’ din id-Direttiva għandu japplika għall-bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika.

(7)      L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-manifatturi u l-importaturi ta’ sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika jippreżentaw kull sena lill-awtoritajiet kompetenti:

i)      data komprensiva dwar il-volumi tal-bejgħ, skont l-isem tad-ditta u t-tip tal-prodott;

ii)      informazzjoni dwar il-preferenzi ta’ diversi gruppi ta’ konsumaturi, inklużi ż-żgħażagħ, il-persuni li ma jpejpux u tipi ewlenin ta’ utenti attwali;

iii)      il-mod kif qed jinbiegħu l-prodotti; u

iv)      taqsiriet eżekuttivi ta’ kwalunkwe stħarriġ tas-suq li jkun sar dwar dak imsemmi hawn fuq, inkluża traduzzjoni bl-Ingliż tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-iżviluppi tas-suq li jikkonċernaw is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika, inkluż kwalunkwe evidenza li l-użu tagħhom iservi bħala l-ewwel pass għall-vizzju tat-tabakk u fl-aħħar għall-konsum tradizzjonali tat-tabakk fost iż-żgħażagħ u l-persuni li ma jpejpux.

[…]

(13)      Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi format komuni għan-notifika prevista fil-paragrafu 2 u l-istandards tekniċi għall-mekkaniżmu ta’ rikarika previst fil-paragrafu 3(g).

[…]”

III – Il-kawża prinċipali u l-proċedura għal deċiżjoni preliminari

7.        Pillbox hija impriża li timmanifattura u tikkummerċjalizza sigaretti elettroniċi taħt l-isem “Totally Wicked”. Pillbox ippreżentat rikors kontra s-Secretary of State for Health (7) quddiem il-High Court of Justice (England and Wales) — Queen’s Bench Division (Administrative Court) —, il-qorti tar-rinviju, bl-għan li tipprevjeni t-traspożizzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 fir-Renju Unit.

8.        Fil-kawża prinċipali, is-Secretary of State huwa tal-fehma li l-Artikolu 20 tad-Direttiva huwa validu, iżda fl-istess waqt jargumenta li huwa ma għandux l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiddefendi din id-dispożizzjoni.

9.        F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li ma titlob l-ebda difiża fil-mertu u l-ebda produzzjoni ta’ provi mingħand is-Secretary of State, iżda li tagħmel immedjatament domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva. B’deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2014, li waslet fis-27 ta’ Ottubru 2014, hija ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE:

“L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40/UE […] huwa invalidu, kollu kemm hu jew fir-rigward ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu, għal waħda jew iktar mid-diversi raġunjiet li ġejjin:

–        huwa jimponi, kollu kemm hu jew f’waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu, serje ta’ obbligi fuq il-manifatturi u/ jew bejjiegħa bl-imnut ta’ sigaretti elettroniċi li jmorru kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ċertezza legali?

–        għal raġunijiet ekwivalenti jew simili, ma josservax il-prinċipju ta’ ugwaljanza u/jew joħloq distorsjoni illegali tal-kompetizzjoni?

–        ma josservax il-prinċipju ta’ sussidjarjetà?

–        imur kontra d-drittijiet tal-manifatturi jew tal-bejjiegħa bl-imnut ta’ sigaretti elettroniċi skont l-Artikoli 16 u/jew 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?”

10.      Apparti milli jifformula din id-domanda preliminari, id-digriet tar-rinviju huwa limitat sabiex jiġbor fil-qosor il-punti legali mqajma minn Pillbox kontra l-Artikolu 20 tad-Direttiva fil-kawża prinċipali “sabiex jiġu informati l-persuni kollha li jixtiequ jissottomettu osservazzjonijiet dwar il-kontenut tal-ilmenti ta’ [Pillbox] kontra d-[Direttiva]”. Peress li l-qorti tar-rinviju tqis li l-ilmenti ta’ Pillbox huma “raġonevoli”, hija tqis li hija meħtieġa deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja.

11.      Fil-parti bil-miktub tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, Pillbox, il-Gvernijiet tar-Renju Unit, ta’ Spanja u ta’ Franza, kif ukoll il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet. Fis-seduta tal-1 ta’ Ottubru 2015 kienu rrappreżentati l-istess partijiet.

IV – L-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

12.      Qabel ma nittratta d-domanda preliminari fir-rigward tal-kontenut tagħha, hemm lok għal diskussjoni fil-qosor dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Minn naħa tqum kwistjoni dwar jekk il-validità tad-dispożizzjoni tad-Direttiva dwar is-sigaretti elettroniċi tistax tiġi indirizzata u eżaminata b’mod iżolat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ preżenti humiex kompatibbli mal-ispirtu u mal-funzjonament tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

A –    Fuq il-limitazzjoni tad-domandi dwar il-validità għal artikolu wieħed tad-Direttiva

13.      Il-qorti tar-rinviju ma hijiex qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-Direttiva 2014/40 fl-intier tagħha, iżda biss dwar il-validità ta’ dispożizzjoni waħda ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-Artikolu 20 tagħha.

14.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss jekk l-elementi li tagħhom ikun intalab l-annullament ikunu jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att (l-hekk imsejjaħ rekwiżit ta’ separabbiltà) (8). Ma jkunx hemm tali separabbiltà meta l-annullament parzjali tal-att ikkontestat ikollu bħala effett it-tibdil tal-essenza tiegħu (9). Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi awtomatikament applikata għall-eżami tal-validità ta’ att tal-Unjoni permezz ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari (10).

15.      Id-dispożizzjoni inkwistjoni, l-Artikolu 20 tad-Direttiva, fiha dispożizzjonijiet speċjali għas-sigaretti elettroniċi, li jeżistu indipendentement minn dawk applikabbli għat-tabakk tradizzjonali. Dawn ġew inkorporati fid-direttiva kkontestata għal finijiet ta’ semplifikazzjoni biss, iżda setgħu wkoll jiġu inklużi f’direttiva separata. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġiet sottomessa l-ebda indikazzjoni li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-sigaretti elettroniċi u dawk dwar prodotti oħrajn għandhom japplikaw jew jaqgħu flimkien, bħal pereżempju għal raġunijiet marbuta mat-teknika leġiżlattiva jew għal raġunijiet politiċi. B’hekk, anki li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddikjara bħala għalkollox jew parzjalment invalidu l-Artikolu 20 tad-Direttiva f’din il-proċedura, dan ma jċaħħadx id-dispożizzjonijiet l-oħra inklużi fid-Direttiva mir-raġuni tagħhom, b’mod partikolari dawk dwar it-tabakk tradizzjonali, u l-portata tagħhom ma tinbidilx.

16.      Konsegwentement għandu jiġi preżunt li l-Artikolu 20 huwa parti separabbli tad-Direttiva 2014/40, u li l-eventwali dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu ma taffettwax l-essenza ta’ din id-direttiva.

B –    Fuq iċ-ċirkustanzi li fihom sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      Minkejja dan, jeħtieġ li jiġi diskuss iktar fid-dettall jekk iċ-ċirkustanzi li fihom sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ preżenti humiex tali li jaffettwaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

1.      Fuq ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva

18.      L-ewwel nett huwa irrilevanti l-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet f’mument meta l-perijodu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kien għadu ma skadiex u ma kien għad daħal fis-seħħ l-ebda att nazzjonali għat-traspożizzjoni tagħha (11). Dan għaliex il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li huwa espress fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jeżiġi b’mod partikolari li l-individwi jkunu jistgħu jiksbu stħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Unjoni li jikkonċernawhom, mingħajr ma jkunu mġiegħla jiksru d-dritt preċedentement (12). Fid-dawl ta’ dan, il-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) waqt il-fażi tat-traspożizzjoni ta’ direttivi tal-Unjoni Ewropea fid-dritt nazzjonali, li teżisti u li diġà ntużat diversi drabi fid-dritt tar-Renju Unit, flimkien ma’ eventwali rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju għandha tintlaqa’.

2.      Fuq in-natura allegatament ipotetika tad-domanda preliminari u dwar in-natura allegatament fittizja tal-kawża prinċipali

19.      Barra minn hekk, ftit huwa konvinċenti l-argument tal-Parlament, tal-Kummissjoni u ta’ Franza, li d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija ta’ natura purament ipotetika u li hija bbażata fuq kawża prinċipali purament fittizja.

20.      Il-punt tal-bidu għall-kunsiderazzjonijiet għandu jkun li fir-rigward ta’ domandi preliminari li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni, tapplika preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa, fil-fatt, possibbli biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (13).

21.      Il-Parlament, il-Kummissjoni u Franza għandhom raġun isostnu li d-deskrizzjoni tal-kuntest reali tal-kawża prinċipali fid-digriet tar-rinviju tibqa’ estremament qasira u b’mod partikolari ma ngħatat l-ebda informazzjoni ddettaljata dwar it-tip ta’ sigaretti elettroniċi mqiegħda fis-suq minn Pillbox. Fl-istess ħin huwa stabbilit li Pillbox tbigħ sigaretti elettroniċi fis-suq intern Ewropew taħt it-trade mark “Totally Wicked”. B’hekk, ma hemm l-ebda dubju li l-prodotti ta’ Pillbox fil-prinċipju jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva u li l-impriża, wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva fir-Renju Unit, ser tibda tħabbat wiċċha ma’ sitwazzjoni legali ġdida. Għaldaqstant, id-domanda preliminari magħmula bl-ebda mod ma hija manifestament ipotetika.

22.      Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Parlament, il-Kummissjoni u Franza, fil-każ preżenti ma tistax tiġi preżunta kawża purament fittizja (14). Filwaqt li huwa minnu li fil-kawża prinċipali s’issa ma hemm l-ebda argument ta’ difiża ssostanzjat mill-konvenut, is-Secretary of State, madankollu hija l-qorti nazzjonali biss li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal-kawża prinċipali jeħtieġ li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (15); din tista’ ssir anki qabel proċedura kontradittorja bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali (16).

23.      Speċifikament f’sitwazzjoni bħal dik preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, barra minn hekk, li nuqqas ta’ qbil — u b’hekk f’każ ta’ kawża ġenwina — bejn il-partijiet, dejjem għandu jiġi preżunt ladarba l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat ikunu wrew l-intenzjoni tagħhom li jittrasponu d-direttiva kkontestata (17). Tali intenzjoni fil-każ preżenti tista’ tiġi konkluża diġà mill-fatt li s-Secretary of State fil-kawża prinċipali ddikjara espressament li jqis l-Artikolu 20 tad-Direttiva bħala validu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda preliminari bl-ebda mod ma hija bbażata fuq kawża manifestament fittizja.

3.      Fuq l-assenza eventwali ta’ dubji min-naħa tal-qorti tar-rinviju nnifisha dwar il-validità tad-Direttiva

24.      Min-naħa l-oħra, huwa ferm iktar importanti li l-oġġezzjoni magħmula mill-Parlament, mill-Kummissjoni u minn Franza, li l-qorti tar-rinviju ma esprimiet l-ebda dubju tagħha nnifisha dwar il-validità tad-Direttiva, iżda fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha ssottomettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja biss l-ilmenti ta’ Pillbox.

25.      Fil-fatt, id-digriet tar-rinviju essenzjalment sempliċement jiġbor fil-qosor l-argumenti legali kontra l-Artikolu 20 tad-Direttiva magħmul minn Pillbox fil-kawża prinċipali, “sabiex jiġu infurmati l-persuni kollha li jixtiequ jissottomettu osservazzjonijiet dwar il-kontenut tal-ilmenti ta’ [Pillbox] kontra d-[Direttiva]”.

26.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-qorti nazzjonali ma għandhiex sempliċement tgħaddi l-ilmenti ta’ individwu lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda d-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu adottati minnha (18). Dan għaliex skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE ma tikkostitwixxix rimedju għall-partijiet f’kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali, iżda pjuttost proċedura ta’ kooperazzjoni u ta’ djalogu bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja (19).

27.      Konsegwentement, il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi hija nnifisha jekk domanda magħmula lilha dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni hijiex neċessarja sabiex tagħti sentenza fil-kawża prinċipali (20). Eventwali kontestazzjoni tal-validità ta’ att tal-Unjoni magħmula quddiem il-qorti nazzjonali ma hijiex biżżejjed, minnha nnifisha, sabiex tiġġustifika r-rinviju ta’ domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (21). Fil-prinċipju hija l-qorti nazzjonali li għandha tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — u b’hekk ukoll tad-Direttiva 2014/40 (22).

28.      L-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika wkoll li l-qorti nazzjonali, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, għandha tesponi r-raġunijiet għaliex tqis li tali rinviju huwa neċessarju (23) [ara wkoll l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja].

29.      Meqjusa fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, id-digriet tar-rinviju li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ xejn ma huwa eżemplari.

30.      Iżda l-qorti nazzjonali xorta waħda indikat li hija tqis l-ilmenti ta’ Pillbox bħala “raġonevoli” u għalhekk tqis li hija neċessarja deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja.

31.      Dawn id-dikjarazzjonijiet tassew jirrappreżentaw l-iktar limitu baxx ta’ dak li l-qorti nazzjonali għandha tikkomunika sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà fi proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. Flimkien mal-argumenti ta’ Pillbox riprodotti fid-digriet tar-rinviju, madankollu dawn jikkostitwixxu bażi suffiċjenti għall-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għal dawk intitolati li jipparteċipaw fil-proċedura skont l-Artikolu 23 tal-Istatut, sabiex jissottomettu osservazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet legali mqajma f’dan il-każ.

32.      Fid-dawl tal-importanza li tingħata lill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (24), ma għandhomx jiġu stabbiliti rekwiżiti stretti żżejjed fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari sabiex tiġi mistħarrġa l-validità tal-atti tal-Unjoni. Dan japplika iktar u iktar f’każijiet bħal dak preżenti, li fihom il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, meta l-impriżi kkonċernati ma jkollhomx il-possibbiltà jippreżentaw rikors dirett, tirrappreżenta l-unika possibbiltà sabiex jiksbu stħarriġ ġudizzjarju fil-livell tal-Unjoni u sabiex jippreżentaw l-argumenti tagħhom lill-qorti tal-Unjoni (25).

33.      Għaldaqstant, kollox ma’ kollox, din it-talba għal deċiżjoni preliminari, minkejja n-nuqqas li bih huwa vvizzjat id-digriet tar-rinviju f’dan il-punt, xorta għandha titqies li hija ammissibbli.

V –    Evalwazzjoni tal-mertu tad-domanda preliminari

34.      Bir-rinviju tagħha, il-High Court of Justice titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-validità tad-Direttiva 2014/40 minn erba’ perspettivi differenti: fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ kompetizzjoni libera, fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif ukoll fid-dawl tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni skont l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dawn l-aspetti parzjali tat-talba għal deċiżjoni preliminari kollha kemm huma jirriżultaw minn ilmenti mqajma minn Pillbox fil-kawża prinċipali quddiem il-High Court of Justice kontra t-traspożizzjoni tad-Direttiva.

35.      Huwa xieraq li l-ewwel tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-ugwaljanza fit-trattament, minħabba li minn din jirriżultaw konsegwenzi fuq kif jiġu ttrattati l-aspetti oħra ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

A –    Il-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u ta’ kompetizzjoni libera

36.      L-ewwel nett għandu jiġi ċċarat jekk l-Artikolu 20 tad-Direttiva jikkonformax mal-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament. Skont il-kritika magħmula minn Pillbox, l-Artikolu 20 jissuġġetta s-sigaretti elettroniċi għal regoli iktar stretti minn dawk għas-sigaretti tat-tabakk tradizzjonali, għalkemm is-sigaretti elettroniċi huma “bil-bosta l-iktar prodott sigur”. Din l-allegata inugwaljanza fit-trattament, li għaliha ma ngħatat l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, fil-fehma ta’ Pillbox twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq, li tikser l-Artikolu 3 TUE flimkien mal-Artikolu 106 TFUE, 116 TFUE u 119 TFUE, kif ukoll il-Protokoll Nru 27 għat-Trattat tal-UE u dwar it-Trattat TUE.

37.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju li jikkonċernaw il-kompetizzjoni libera, bħal dawk ta’ Pillbox innifisha, ma għandhomx kontenut awtonomu meta mqabbla mal-argumenti dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u b’mod partikolari ma juru l-ebda motivazzjoni separata. Konsegwentement, minn issa ’l quddiem ser niffoka biss fuq il-kwistjoni tal-ugwaljanza fit-trattament, għalkemm il-kunsiderazzjonijiet tiegħi japplikaw ukoll mutatis mutandis għall-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera.

38.      Il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (26). Dan ma jistax jiġi interpretat u applikat b’mod differenti skont il-qasam legali inkwistjoni.

39.      Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jimplika li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, għajr jekk dan it-trattament ikun iġġustifikat oġġettivament (27).

40.      Mingħajr dubju ta’ xejn, id-Direttiva fl-Artikolu 20 tagħha tipprevedi sensiela ta’ dispożizzjonijiet speċjali għas-sigaretti elettroniċi, li f’diversi aspetti huma kunsiderevolment differenti minn dawk applikabbli għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali.

41.      Kuntrarjament għall-opinjoni ta’ Pillbox, din id-differenza fit-trattament, madankollu, ma hijiex ta’ żvantaġġ għall-manifatturi u għall-importaturi tas-sigaretti elettroniċi. Għall-kuntrarju, ir-rekwiżiti li japplikaw għat-tqegħid fis-suq tas-sigaretti elettroniċi fis-suq intern Ewropew skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva — b’mod partikolari s-sistema ta’ reġistrazzjoni (28) u t-twissijiet (29), iżda wkoll l-assenza ta’ projbizzjoni ta’ togħmiet karatterizzanti (30) — meħuda flimkien huma inqas stretti minn dawk li għandhom josservaw il-manifatturi u l-importaturi tal‑prodotti tat-tabakk tradizzjonali, għalkemm xi dispożizzjonijiet applikabbli għas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika tagħhom huma iktar eżiġenti (31).

42.      Għal din ir-raġuni biss, ma tistax tkun kwistjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għad-detriment tal-manifatturi u tal-importaturi tas-sigaretti elettroniċi. Dan ġie enfasizzat ġustament mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u minn xi wħud mill-Istati Membri li pparteċipaw fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

43.      Barra minn hekk, il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fi kwalunkwe każ tkun tippreżupponi li s-sitwazzjonijiet ikkonċernati huma komparabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (32).

44.      Għal dan huwa deċiżiv paragun taż-żewġ tipi ta’ prodotti filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti. F’dan ir-rigward għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kemm jekk iż-żewġ tipi ta’ prodotti jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli fid-dawl tal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, kif ukoll jekk humiex simili fir-rigward tal-karatteristiċi oġġettivi tagħhom.

45.      L-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura komparabbli tagħhom għandhom, fost l-oħrajn, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ l-att inkwistjoni” (33).

46.      L-għan ġenerali tad-Direttiva 2014/40 huwa li tiġi ggarantita ċ-ċirkulazzjoni kemm tal-prodotti tat-tabakk tradizzjonali kif ukoll tas-sigaretti elettroniċi fis-suq intern Ewropew, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa (34).

47.      Is-sempliċi fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni jsegwi l-istess għan fundamentali fir-rigward taż-żewġ tipi ta’ prodotti — il-prodotti tat-tabakk tradizzjonali u s-sigaretti elettroniċi —, madankollu bl-ebda mod ma jippermetti l-preżunzjoni li anki l-miżuri ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern adottati mid-Direttiva kellhom ikunu bilfors identiċi għaż-żewġ tipi ta’ prodotti.

48.      Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li bejn iż-żewġ tipi ta’ prodotti — minkejja relazzjoni kompetittiva eżistenti bejniethom li ma hijiex ikkontestata — għandhom jiġu nnotati differenzi oġġettivi (35), li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet totalment differenti fid-Direttiva sabiex jiġi segwit l-istess għan komuni.

49.      Minn naħa, dawn id-differenzi jikkonċernaw il-kompożizzjoni fiżika tal-prodotti tat-tabakk tradizzjonali u tas-sigaretti elettroniċi kif ukoll il-mod kif jiġu kkonsmati: il-ħruq tat-tabakk fuq naħa, u l-evaporazzjoni elettrika ta’ likwidu (li normalment ikun fih in-nikotina u xi kultant bit-togħma) fuq in-naħa l-oħra. Min-naħa l-oħra, u fuq kollox, id-differenzi msemmija bejn iż-żewġ tipi ta’ prodotti huma apparenti mill-fatt li l-prodotti tat-tabakk tradizzjonali huwa familjari fis-suq u r-riskji għas-saħħa li jirriżultaw minnu huma studjati sew, filwaqt li s-sigaretti elettroniċi, mill-inqas fil-preżent, huma kkaratterizzati min-natura innovattiva tagħhom, u, — fir-rigward tal-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni — ukoll mill-fatt li għadhom relattivament mhux magħrufa.

50.      Minn dawn id-differenzi jista’ jiġi konkluż li s-sigaretti elettroniċi kienu jinsabu f’sitwazzjoni partikolari, meta ġiet adottata d-Direttiva (36), li abbażi tagħha mhux biss kien ammissibbli, iżda wkoll neċessarju, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jittrattahom b’mod differenti mill-prodotti tat-tabakk tradizzjonali f’ċerti aspetti; b’hekk ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ma jistax jiġi invokat b’suċċess (37).

51.      Dan japplika iktar u iktar meta s-sigaretti elettroniċi jitqabblu ma’ stimulanti oħra bħall-kafé u l-alkoħol, invokati minn Pillbox. Dan għaliex fir-rigward tal-kompożizzjoni fiżika, it-tip ta’ konsum u d-drawwiet tal-konsumaturi, id-differenzi bejn il-prodotti msemmija minn naħa u s-sigaretti elettroniċi min-naħa l-oħra huma saħansitra ħafna ikbar u iktar manifesti minn dawk bejn is-sigaretti elettroniċi u l-prodotti tat-tabakk tradizzjonali. Barra minn hekk, meta mqabbla ma’ xorb li fih il-kafeina u l-alkoħol, is-sigaretti elettroniċi, kif diġà ntqal, huma prodott ġdid u relattivament mhux magħruf, fatt li minnu nnifsu jiġġustifika li dawn jingħataw trattament speċjali.

52.      Għaldaqstant, kollox ma kollox, l-ilment li l-Artikolu 20 tad-Direttiva jikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ kompetizzjoni libera għandu jiġi miċħud.

B –    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ċerti kunsiderazzjonijiet relatati dedotti mir-rekwiżiti tal-istat tad-dritt

53.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa dak li huwa bil-bosta l-iktar wieħed importanti fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice kif ukoll fl-osservazzjonijiet tal-partijiet. Fuq ilment ta’ Pillbox, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proporzjonalità ta’ diversi aspetti tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-sigaretti elettroniċi. Jissemmew ukoll, b’mod marġinali, fir-rigward ta’ xi elementi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali u, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ preċiżjoni kif ukoll l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni.

1.      Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità

54.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dan jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu (38). B’dan il-mod, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva; barra minn hekk, il-piżijiet imposti ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa (39).

55.      Għall-finijiet tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Unjoni fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni tista’ tkun limitata skont ċertu numru ta’ elementi, ġaladarba jinsab inkwistjoni ndħil fi drittijiet fundamentali. Dawn l-elementi jinkludu, fost l-oħrajn, il-qasam ikkonċernat, in-natura tad-dritt fundamentali inkwistjoni, in-natura u l-gravità tal-indħil kif ukoll l-għan tiegħu (40).

56.      Fil-każ preżenti, huwa kkonċernat id-dritt fundamentali għal-libertà tal-intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), li ser nippreżenta osservazzjonijiet dwaru wkoll iktar ’il quddiem f’kuntest ieħor (41). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà tal-intrapriża għandha tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (42), filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu diskrezzjoni wiesgħa, meta jkun ikkonċernat qasam li jimplika għażliet ta’ natura kemm politika, kif ukoll ekonomika jew soċjali, u li fih għandhom jitwettqu eżamijiet u evalwazzjonijiet kumplessi (43).

57.      Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien qed iħabbat wiċċu ma’ tali kwistjonijiet ekonomiċi, politiċi u soċjali ta’ natura kumplessa fl-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40 ma huwiex ikkontestat u, barra minn hekk, ma jitpoġġiex f’dubju serju mill-ebda parti fil-proċedura. Konsegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jingħata diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-Direttiva, mhux l-inqas fid-dawl tal-miżuri li bihom jista’ jintlaħaq bl-aħjar mod il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa previst fis-suq intern Ewropew [Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE, 168(1) TFUE u t-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali]. Dan japplika wkoll minħabba li l-previżjonijiet dwar il-funzjonament futur tas-suq naturalment jistgħu, mill-iktar, jiġu eżaminati fir-rigward tal-plawżibbiltà tagħhom.

58.      Din id-diskrezzjoni tfisser li ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jiġi preżunt biss jekk l-att tal-Unjoni inkwistjoni jkun manifestament sproporzjonat, jiġifieri meta evidentement ma jkunx adattat sabiex jilħaq l-għanijiet leġittimi segwiti, imur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet jew iwassal għal żvantaġġi li huma manifestament sproporzjonati b’rabta ma’ dawn l-għanijiet (44). Ma tantx huwa rilevanti, min-naħa l-oħra, li l-miżura adottata f’dan l-att hija l-unika konċepibbli jew saħansitra l-iktar opportuna.

59.      B’din il-kundizzjoni, il-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet dwar is-sigaretti elettroniċi stabbiliti fl-Artikolu 20 tad-Direttiva għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju iktar ’il quddiem.

60.      Qabel nindirizza konkretament l-aspetti individwali tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tad-Direttiva ttrattati fit-talba għal deċiżjoni preliminari, għandhom isiru xi rimarki, ibbażati fuq il-kritiki magħmula minn Pillbox, dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni u dwar l-analiżi tal-impatt tal-abbozzi leġiżlattivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

a)      Fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni

61.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Pillbox ipprovat tippreżenta s-sigaretti elettroniċi bħala prodotti li ġeneralment ma jagħmlux ħsara u pprovat turi l-vantaġġi tagħhom meta mqabbla mal-prodotti tat-tabakk tradizzjonali, b’mod partikolari għal dawk li jpejpu ħafna, bħala alternattivi għall-konsum tas-sigaretti ta’ tabakk konvenzjonali.

62.      Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri li pparteċipaw fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari indikaw b’ċerta enfasi r-riskji għas-saħħa, li possibbilment jistgħu jirriżultaw mis-sigaretti elettroniċi, mhux l-inqas il-perikolu tal-avvelenament min-nikotina minħabba l-użu eċċessivament twil u intensiv jew minħabba l-użu inkorrett tas-sigaretti elettroniċi, kif ukoll b’mod ġenerali l-perikolu tad-dipendenza fuq in-nikotina (45). B’mod partikolari, fil-fehma tagħhom, is-sigaretti elettroniċi jistgħu jiżviluppaw f’portal għall-effett ta’ dipendenza fuq in-nikotina (bl-Ingliż “gateway effect”). Peress li, barra minn hekk, bil-konsum tas-sigaretti elettroniċi tiġi imitata u nnormalizzata l-azzjoni tat-tipjip (l-hekk imsejjaħ “effett ta’ normalizzazzjoni”) (46), meta tikber l-attraenza tas-sigaretti elettroniċi tista’ tiżdied l-aċċettazzjoni mis-soċjetà tat-tipjip inġenerali. Finalment huwa ta’ tħassib il-fatt li ċerti konsumaturi jagħmlu użu kemm minn sigaretti elettroniċi kif ukoll minn sigaretti ta’ tabakk tradizzjonali (bl-Ingliż “dual use”), li jista’ jagħmel iktar diffiċli għal min ipejjep b’mod abitwali biex jaqta’ d-dipendenza fuq in-nikotina, kif ukoll jiffaċilita l-bidu tal-konsum għal dawk li ma jpejpux, fosthom l-adolexxenti u adulti żgħażagħ, u b’hekk tista’ titwitta t-triq għad-dipendenza fuq in-nikotina.

63.      Iż-żewġ naħat jibbażaw l-argumenti rispettivi tagħhom fuq studji xjentifiċi. Iż-żewġ naħat madankollu jirrikonoxxu li jeħtieġ li ssir iktar riċerka dwar is-sigaretti elettroniċi, sabiex ikun hemm bażi iktar affidabbli għall-evalwazzjoni ta’ dan il-prodott ġdid u tal-perikoli li possibbilment jistgħu jirriżultaw minnu għas-saħħa tal-bniedem.

64.      Fi kwalunkwe każ, finalment sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-Direttiva 2014/40 u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 20 tagħha dwar is-sigaretti elettroniċi xejn ma huwa rilevanti jekk ir-riskji għas-saħħa invokati mil-leġiżlatur tal-Unjoni — li fil-fehma tiegħi jidhru plawżibbli ħafna — ma jistgħux jiġu pprovati b’mod suffiċjentement preċiż skont l-għarfien xjentifiku attwali.

65.      Dan għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu josserva l-prinċipju ta’ prekawzjoni meta adotta d-Direttiva (47). Speċifikament meta ma jkunx possibbli, minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji magħmula, li l-eżistenza jew il-portata tar-riskju allegat tiġi ddeterminata b’ċertezza, iżda tibqa’ l-probabbiltà ta’ dannu reali għas-saħħa pubblika fil-każ fejn hemm lok ta’ riskju, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, bil-kundizzjoni li dawn ikunu nondiskriminatorji u oġġettivi (48).

66.      Anki r-rakkomandazzjonijiet imfassla fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) (49), li jitolbu li jiġu adottati miżuri restrittivi mad-dinja kollha b’rabta mas-sigaretti elettroniċi, ma huma xejn iktar ħlief espressjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

67.      F’dan il-kuntest, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni kien tassew raġonevoli u possibbilment ukoll meħtieġ li jiġu inklużi dispożizzjonijiet restrittivi dwar is-sigaretti elettroniċi fid-Direttiva, speċjalment peress li skont ir-regoli tad-dritt primarju kellu jiġi mfittex livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa [Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE, 168(1) TFUE u t-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali].

b)      Fuq l-allegat nuqqas ta’ analiżi tal-impatt

68.      Pillbox tikkritika wkoll il-fatt li t-test adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva qatt ma kien suġġett għal analiżi tal-impatt.

69.      Huwa minnu li l-Kummissjoni, fil-proposta għal direttiva tagħha, kienet użat mudell regolatorju iktar strett għas-sigaretti elettroniċi. Hija kienet tkellmet favur il-fatt li essenzjalment is-sigaretti elettroniċi jiġu ttrattati bħala prodotti mediċinali (50).

70.      Madankollu dan ma jfissirx li r-regoli inqas stretti dwar is-sigaretti elettroniċi li finalment ġew adottati fit-tmiem tal-proċedura leġiżlattiva, kif issa jinsabu fl-Artikolu 20 tad-Direttiva, ħarġu, biex ngħidu hekk, “minn vakwu” u ġew adottati mingħajr analiżi tal-impatt.

71.      Għall-kuntrarju, l-għarfien li l-Kummissjoni bbażat fuqu fl-analiżi tal-impatt tagħha (51) — anki jekk dan ma kienx vinkolanti għal-leġiżlatur tal-Unjoni (52) — irrappreżenta punt ta’ bidu utli għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet inqas stretti stabbiliti fl-Artikolu 20 tad-Direttiva (53). Minbarra dan, huwa rikonoxxut li l-Parlament u l-Kunsill jistgħu jagħmlu użu minn sorsi ta’ informazzjoni addizzjonali fil-proċedura leġiżlattiva (54). Fil-każ preżenti ma huwiex ikkontestat li l-istituzzjonijiet kompetenti kisbu informazzjoni addizzjonali dwar il-kwistjoni tas-sigaretti elettroniċi matul il-proċedura leġiżlattiva li kienet għaddejja u, b’mod partikolari li l-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet ulterjuri dwar dawn mal-gruppi interessati, u li l-Parlament min-naħa tiegħu żamm is-seduti proprji tiegħu (55).

72.      Li kieku l-istituzzjonijiet leġiżlattivi tal-Unjoni kienu ristretti jadottaw biss dawk id-dispożizzjonijiet li kienu speċifikament is-suġġett ta’ analiżi tal-impatt mill-Kummissjoni, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill ikun limitat b’mod kunsiderevoli u l-proċedura leġiżlattiva titlef il-biċċa l-kbira tas-sinjifikat tagħha (56).

2.      Fuq il-proporzjonalità u l-preċiżjoni ta’ partijiet speċifiċi tal-Artikolu 20 tad-Direttiva

73.      Apparti mill-osservazzjonijiet ġenerali direttament li għadni kemm esponejt dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-talba għal deċiżjoni preliminari, bl-ilmenti mqajma minn Pillbox fil-kawża prinċipali bħala l-punt tal-bidu, tqajjem kwistjonijiet ta’ dettall dwar il-proporzjonalità u l-preċiżjoni ta’ partijiet speċifiċi tal-Artikolu 20 tad-Direttiva. Dawn ser nindirizzahom sussegwentement.

74.      Nibda billi ngħid li jien inqis id-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 20 tad-Direttiva bħala relattivament moderati, bi qbil mal-fehma espressa mill-Parlament Ewropew, mhux biss meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali fis-suq intern Ewropew, iżda wkoll meta mqabbla mal-istandards internazzjonali (57).

a)      L-obbligu ta’ notifika [l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva]

75.      L-ewwel nett, Pillbox tikkontesta l-“iskema ta’ awtorizzazzjoni” għas-sigaretti elettroniċi allegatament introdotta mil-leġiżlatur tal-Unjoni (58).

76.      Madankollu, kif diġà turi ħarsa ħafifa lejn l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva, dan l-ilment huwa bbażat fuq nuqqas ta’ ftehim fundamentali tad-dispożizzjoni kkontestata. Fir-realtà, b’din id-dispożizzjoni l-leġiżlatur tal-Unjoni ma introduċa l-ebda skema ta’ awtorizzazzjoni, iżda għall-kuntrarju introduċa sempliċi sistema ta’ notifika għas-sigaretti elettroniċi, ikkombinata ma’ obbligu ta’ “standstill” ta’ sitt xhur. Dan jikkonfermawh ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet l-oħra fil-proċedura.

77.      B’mod differenti minn kif sottomess minn Pillbox fis-seduta, is-sistema ta’ notifika flimkien mal-obbligu ta’ “standstill” ta’ sitt xhur de facto ma għandhiex l-effett ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, is-sigaretti elettroniċi jistgħu jitqiegħdu fis-suq wara l-iskadenza ta’ sitt xhur, sakemm l-awtorità kompetenti ma tintervjenix matul dan it-terminu. Għall-kuntrarju, skema ta’ awtorizzazzjoni tkun kunsiderevolment iktar ta’ piż għall-manifatturi u għall-importaturi u tobbligahom, b’mod partikolari, li f’kull każ individwali jistennew sakemm tinħareġ deċiżjoni pożittiva mill-awtorità kompetenti.

i)      Fuq il-proporzjonalità tas-sistema ta’ notifika

78.      Kif diġà ntqal, is-sigaretti elettroniċi huma prodott ġdid u, mill-inqas għall-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni, prodott li huwa relattivament mhux magħruf u li għalih jeżisti suq li qed jevolvi b’mod rapidu (59).

79.      Fuq il-bażi tad-data u tal-għarfien xjentifiku disponibbli matul il-proċedura leġiżlattiva, ma kienx manifestament żbaljat jew irraġonevoli meta l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li s-sigaretti elettroniċi jistgħu jkunu ta’ perikolu għas-saħħa tal-bniedem u li dan il-prodott — speċjalment fejn huma kkonċernati l-adolexxenti u l-adulti żgħażagħ — jista’ jiżviluppa f’portal għall-effett ta’ dipendenza fuq in-nikotina u finalment għall-konsum tat-tabakk tradizzjonali (60).

80.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li huwa evidenti li l-awtoritajiet kompetenti għandhom interess leġittimu ta’ monitoraġġ tas-sigaretti elettroniċi, b’mod partikolari meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawzjoni (61).

81.      Sistema ta’ notifika bħal dik prevista fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva mingħajr dubju ta’ xejn hija xierqa sabiex tiffaċilita lill-Istati Membri l-eżerċizzju tal-kompiti ta’ sorveljanza u ta’ kontroll fir-rigward tas-sigaretti elettroniċi.

82.      Fost l-indħil sovran konċepibbli fil-libertà tal-intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), tali sistema ta’ notifika hija miżura relattivament ħafifa, li fuq kollox hija kunsiderevolment inqas severa minn, pereżempju, sistema ta’ awtorizzazzjoni konvenzjonali.

83.      B’kuntrast ma’ dan, l-istabbiliment ta’ standards tal-prodott għas-sigaretti elettroniċi mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif invokat minn Pillbox fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, lil hinn minn dawk l-istandards li diġà huma previsti fl-Artikolu 20(3) tad-Direttiva, ma jistax jitqies serjament li huwa alternattiva inqas stretta meta mqabbla mal-obbligu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva. Dan minħabba li, minn naħa, fil-każ tal-istabbiliment ta’ standards tal-prodott, ikun involut indħil kunsiderevolment iktar serju fil-libertà tal-intrapriża mis-sempliċi obbligu ta’ notifika ta’ prodott. U min-naħa l-oħra, l-istabbiliment ta’ tali standard jimplika bażi suffiċjentement affidabbli ta’ data u ta’ għarfien dwar il-prodott ikkonċernat. Fid-dawl tan-natura relattivament ġdida tas-sigaretti elettroniċi u tal-fatt li dawn ma tantx huma magħrufa, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ raġonevolment iqis li fiċ-ċirkustanzi attwali, għad ma hemmx biżżejjed data u għarfien ta’ dan it-tip. Huwa biss permezz tas-sistema ta’ notifika li dawn setgħu jinkisbu ftit ftit.

84.      Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument ta’ Pillbox li s-sistema ta’ notifika għas-sigaretti elettroniċi skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva hija iktar stretta mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali fl-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva. Għall-kuntrarju, kif enfasizzaw ġustament l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li pparteċipaw fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, ir-rekwiżiti ta’ notifika previsti għas-sigaretti elettroniċi huma inqas estensivi minn dawk għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-addittivi (62).

85.      Minbarra dan, huwa ħafna iktar sinjifikattiv paragun tas-sistema ta’ notifika introdotta għas-sigaretti elettroniċi permezz tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva mal-obbligu ta’ rapportar applikabbli għall-prodotti ġodda tat-tabakk stabbilit permezz tal-Artikolu 19 tad-Direttiva. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkorrispondu fir-rigward tal-aspetti kollha rilevanti. Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fir-rigward ta’ prodotti ġodda u li ma tantx huma magħrufa, kemm jekk huma prodotti tat-tabakk jew sigaretti elettroniċi, kollox ma’ kollox ħoloq sistema koerenti.

86.      Barra minn hekk, ma huwiex ċar sa fejn is-sempliċi obbligu ta’ notifika ta’ prodott ġdid li jagħmel parti mill-kategorija tas-sigaretti elettroniċi seta’ jfixkel l-innovazzjoni, kif ġie allegat minn Pillbox. Għall-kuntrarju, tali sistema ta’ notifika tista’ tippromwovi l-innovazzjoni. Hija tirrappreżenta inċentiv għall-impriżi kkonċernati sabiex jaġixxu b’mod responsabbli fis-suq u biex iqiegħdu fis-suq biss prodotti li dwarhom jeżisti għarfien suffiċjenti, sabiex jiggarantixxu livell xieraq ta’ kwalità u sigurtà, li possibbilment jista’ jiġi approvat f’kontroll amministrattiv. Il-Kummissjoni indikat dan b’mod korrett mhux l-inqas fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari. Inżid ngħid li eventwali kontroll amministrattiv jiftaħ possibbiltà oħra għall-manifatturi u l-importaturi ta’ sigaretti elettroniċi, sabiex jiżguraw ruħhom mill-korrettezza tal-kontrolli tal-kwalità interni tagħhom, għalkemm naturalment dan ma jistax iwassal sabiex ir-responsabbiltà tiġi ttrasferita fuq l-awtoritajiet rilevanti.

87.      Finalment, l-obbligu ta’ “standstill” ta’ sitt xhur, assoċjat man-notifika skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva, xejn ma jidher eċċessiv, meta wieħed iżomm f’moħħu, fid-dawl tal-perikoli li possibbilment jistgħu jirriżultaw mis-sigaretti elettroniċi, li l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom perijodu ta’ żmien xieraq sabiex jeżaminaw l-informazzjoni kollha pprovduta mill-manifatturi u l-importaturi, speċjalment l-informazzjoni dwar l-ingredjenti, l-emissjonijiet, id-data tossikoloġika u l-proċess ta’ produzzjoni, sabiex f’każ ta’ emerġenza jkunu jistgħu jintervjenu fil-ħin u qabel ma jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti kkonċernati (63). Inċidentalment, ninnota li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda tali proċedura ta’ notifika b’obbligu ta’ “standstill” ta’ sitt xhur anki għat-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti kożmetiċi (64).

88.      Kollox ma’ kollox, għaldaqstant jidher li s-sistema ta’ notifika b’obbligu ta’ “standstill” prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva għas-sigaretti elettroniċi tikkostitwixxi bilanċ ġust bejn l-interess leġittimu tal-awtoritajiet kompetenti ta’ monitoraġġ u l-libertà tal-intrapriża tal-manifatturi u tal-importaturi tas-sigaretti elettroniċi. Ma jeżisti l-ebda dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ din is-sistema mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

ii)    Fuq l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ preċiżjoni tal-obbligi tal-partijiet notifikanti

89.      B’mod sussidjarju, Pillbox issostni li xi informazzjoni mitluba mill-manifatturi u mill-importaturi fil-kuntest tal-obbligu ta’ notifika tagħhom tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, minħabba li din hija fformulata b’mod wisq vag. Speċifikament, Pillbox issemmi, b’mod partikolari, it-“tagħrif dwar id-dożaġġ u l-ammont assorbit tan-nikotina meta kkunsmata taħt kondizzjonijiet normali jew li jistgħu jiġu raġonevolment previsti” fis-sens tal-Artikolu 20(2)(d) tad-Direttiva, kif ukoll l-“effett ta’ dipendenza” tas-sigaretti elettroniċi. Pillbox tenfasizza li d-dożaġġ tan-nikotina u l-konsum tan-nikotina meta wieħed ipejjep sigarett elettroniku jiddependu mill-ħtiġijiet personali u mill-mod tal-konsum individwali ta’ kull konsumatur.

90.      Madankollu, dan l-argument lanqas ma għandu jintlaqa’.

91.      Fir-rigward tal-“effett ta’ dipendenza”, dan it-terminu ma jintużax fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva, la fil-punt (d) u lanqas xi mkien ieħor.

92.      Fir-rigward tal-formulazzjonijiet l-oħra li lmentat dwarhom Pillbox, fil-każ tat-tagħrif li għandu jingħata skont l-Artikolu 20(2)(d) tad-Direttiva, evidentement ma huwiex ikkonċernat dak it-tagħrif dwar id-dożaġġ u l-ammont assorbit tan-nikotina individwali minn kull konsumatur individwali, iżda l-valuri minimi, medji u massimi normalment mistennija meta jitpejjep sigarett elettroniku. Tali valuri għandhom ikunu jistgħu jiġu pprovduti minn manifattur jew importatur responsabbli, jekk ma jkunx jixtieq li jiġi akkużat li qed iqiegħed fis-suq prodott imprevedibbli b’riskji għas-saħħa li possibbilment ma jistgħux jiġu previsti.

93.      B’mod iktar ġenerali, huwa naturali li jintużaw kunċetti legali indeterminati fil-leġiżlazzjoni. Dan japplika iktar u iktar għal dispożizzjonijiet f’direttivi li dejjem jeħtieġ li jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali [ara l-Artikolu 288(3) TFUE], u għalhekk kwalunkwe ambigwitajiet rigward id-dettall li jkun fadal ikunu jistgħu jiġu eliminati fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jifdal għall-Istati Membri għal traspożizzjoni fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(13) tad-Direttiva jippermetti lill-Kummissjoni, fir-rigward tan-notifiki mitluba mill-manifatturi u mill-importaturi skont l-Artikolu 20(2), tistabbilixxi format komuni, li jekk ikun hemm bżonn jista’ jikkontribwixxi għal iktar ċarezza fir-rigward tan-natura u tal-forma tat-tagħrif mitlub mill-impriżi.

94.      F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi identifikat ksur mill-Artikolu 20(2) tad-Direttiva, b’mod partikolari mill-punt (d), tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.

b)      Il-kontenut massimu tan-nikotina [l-Artikolu 20(3)(b) tad-Direttiva]

95.      L-Artikolu 20(3)(b) tad-Direttiva jipprevedi li l-likwidu li fih in-nikotina fis-sigaretti elettroniċi kif ukoll fi kwalunkwe stoċċ li jintuża darba jew kontenitur ta’ rikarika ma għandux ikun fih iktar minn 20 mg/ml nikotina. Pillbox tqis li din ir-regola ma hijiex proporzjonata u tħossha żvantaġġata fir-rigward tal-manifatturi ta’ prodotti tat-tabakk tradizzjonali. L-impriża esprimiet il-fehma li r-regola hija kontroproduttiva għal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fil-mira tad-Direttiva, peress li l-adegwatezza tas-sigaretti elettroniċi bħala sostitut għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali tirrikjedi kontenut ogħla ta’ nikotina (65).

96.      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-miżuri ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern skont l-Artikolu 114 TFUE tirrikonoxxi l-istabbiliment ta’ valuri massimi għal sustanzi perikolużi mil-leġiżlatur tal-Unjoni, sakemm dawn il-valuri massimi jippermettu ċ-ċirkulazzjoni ta’ prodotti fis-suq intern Ewropew filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa (66).

97.      Meta jiddetermina l-valur massimu rispettiv għal sustanza speċifika, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa intitolat għal marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, għalkemm ċertament il-valur massimu ma jistax jiġi stabbilit b’mod arbitrarju, iżda għandu jkun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi li jqisu l-iktar għarfien xjentifiku reċenti u għandu josserva l-prinċipju ta’ prekawzjoni.

98.      Kif urew b’mod konvinċenti l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li intervjenew matul il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, meta ġie stabbilit il-valur massimu kkontestat ta’ 20 mg/ml nikotina ttieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-iktar għarfien reċenti disponibbli fil-proċedura leġiżlattiva dwar ir-riskji għas-saħħa u l-problemi ta’ sigurtà li jirriżultaw mis-sigaretti elettroniċi, kif ukoll l-għarfien dwar id-drawwiet tal-konsumaturi fl-użu tas-sigaretti elettroniċi kif ukoll tal-prodotti tat-tabakk tradizzjonali.

99.      B’mod partikolari, fil-proċedura leġiżlattiva tqies il-fatt li jirriżultaw riskji speċifiċi mil-likwidu li fih in-nikotina previsti fis-sigaretti elettroniċi u fil-kontenituri ta’ rikarika tagħhom, li jistgħu jkunu relatati mal-użu bi traskuraġni jew ħażin ta’ dan il-likwidu — possibbilment anki mit-tfal (67) — jew inkella ma’ konsum eċċessivament twil u intensiv (68), speċjalment il-perikolu tal-avvelenament min-nikotina.

100. Fl-istess ħin, fil-proċedura leġiżlattiva ttieħed bħala bażi l-fatt li l-biċċa l-kbira tas-sigaretti elettroniċi jew il-kontenituri ta’ rikarika tagħhom li hemm l-ikbar domanda għalihom bħalissa għandhom kontenut ta’ nikotina ta’ mhux iktar minn 18 mg/ml, jiġifieri valur li huwa wkoll inqas mill-valur massimu futur stabbilit fid-Direttiva ta’ 20 mg/ml.

101. Il-valur massimu ta’ 20 mg/ml nikotina b’hekk kien ir-riżultat ta’ evalwazzjoni tal-għarfien attwali dwar ir-riskji u d-drawwiet tal-konsum b’rabta mas-sigaretti elettroniċi u mal-kontenituri ta’ rikarika tagħhom. Barra minn hekk, dan huwa komparabbli mad-doża ta’ nikotina permessa dderivata minn sigarett standard matul il-ħin meħtieġ biex wieħed ipejjep tali sigarett (69).

102. Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tressqet l-ebda prova li għandha mnejn iddgħajjef din l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

103. Essenzjalment Pillbox hawnhekk tillimita ruħha li ssostni li bħala sostitut għal prodotti tat-tabakk tradizzjonali s-sigaretti elettroniċi għandhom ikunu jistgħu jinbiegħu b’kontenut ta’ nikotina ogħla minn 20 mg/ml.

104. Madankollu dan l-argument ma huwiex xieraq sabiex ipoġġi f’dubju l-legalità tar-regola stabbilita fl-Artikolu 20(3)(b) tad-Direttiva.

105. Dan għaliex is-sigaretti elettroniċi b’kontenut ta’ nikotina partikolarment għoli, li jitqiegħdu fis-suq bħala għajnuna għall-waqfien għal dawk li jpejpu ħafna tabakk tradizzjonali, ma humiex prodott għall-konsum normali. Skont l-iskema tad-Direttiva, kif spjegaw l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li intervjenew fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tqegħid fis-suq ta’ din il-kategorija ta’ sigaretti elettroniċi ma huwiex ipprojbit assolutament, iżda dawn jistgħu jinbiegħu fis-suq intern Ewropew biss taħt ir-rekwiżiti partikolari applikabbli għal prodotti mediċinali (70).

106. Kien fid-diskrezzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jaqta’ linja bejn prodotti għall-konsum u prodotti mediċinali rregolati b’mod iktar strett, permezz tal-valur ta’ 20 mg/ml.

107. F’dan il-kuntest, ma tqum l-ebda oġġezzjoni rigward l-Artikolu 20(3)(b) tad-Direttiva fl-intier tiegħu fir-rigward tal-kompatibbiltà tiegħu mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

c)      Ir-rekwiżit tal-għoti ta’ dożi ta’ nikotina f’livelli konsistenti [l-Artikolu 20(3)(f) tad-Direttiva]

108. L-Artikolu 20(3)(f) tad-Direttiva jistabbilixxi li s-sigaretti elettroniċi għandhom jingħataw f’doża ta’ nikotina f’livelli konsistenti taħt kundizzjonijiet ta’ użu normali. Pillbox tilmenta dwar il-fatt li din id-dispożizzjoni hija fformulata b’mod mhux speċifiku u b’hekk tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, minħabba li d-doża ta’ nikotina u l-konsum tan-nikotina meta wieħed ipejjep sigarett elettroniku tiddependi mill-ħtiġijiet personali u mill-mod tal-konsum individwali ta’ kull konsumatur. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda rekwiżit komparabbli għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali.

109. Din il-kritika hija żbaljata.

110. Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-ilment ta’ Pillbox għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk li jikkonċernaw l-Artikolu 20(3)(d) tad-Direttiva (71).

111. Fejn għandu x’jaqsam il-paragun mal-prodotti tat-tabakk tradizzjonali, għandu jiġi nnotat li s-sigaretti elettroniċi, sakemm ikun hemm problemi u riskji għas-saħħa speċifiċi relatati mal-konsum tagħhom, jeħtieġu regoli mfassla apposta għalihom, u dawn jistgħu jkunu differenti mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali. B’mod korrett, il-Kunsill, il-Kummissjoni u Spanja f’dan il-kuntest jindikaw il-perikolu tal-avvelenament min-nikotina mill-użu eċċessivament twil u intensiv jew minħabba l-użu inkorrett tas-sigaretti elettroniċi (72). Huwa dan il-perikolu partikolari li jiġġustifika r-rekwiżit stabbilit b’mod speċjali għas-sigaretti elettroniċi fir-rigward tal-għoti ta’ dożi ta’ nikotina f’livelli konsistenti fl-Artikolu 20(3)(f) tad-Direttiva.

112. F’każ li l-manifatturi u l-importaturi ma jirnexxilhomx jiżguraw l-għoti ta’ dożi ta’ nikotina f’livelli konsistenti fis-sigaretti elettroniċi ddistribwiti minnhom, dan ikun sinjal li l-prodott tagħhom huwa ta’ natura perikoluża u imprevedibbli, li ma jkunx jiġġustifika miżuri inqas restrittivi, iżda jekk xejn ikun jiġġustifika miżuri iktar severi min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

d)      Il-fuljett [l-Artikolu 20(4)(a) tad-Direttiva]

113. Skont l-Artikolu 20(4)(a) tad-Direttiva, il-pakketti tas-sigaretti elettroniċi jew tal-kontenituri ta’ rikarika għandhom jinkludu fuljett b’informazzjoni dwar diversi suġġetti, pereżempju informazzjoni dwar l-effett ta’ dipendenza u dwar it-tossiċità kif ukoll istruzzjonijiet ta’ tagħrif għall-użu u l-ħżin tal-prodott. Pillbox tqis li dan ma huwiex proporzjonat u tħossha żvantaġġata meta mqabbla mal-manifatturi tal-prodotti tat-tabakk tradizzjonali, minħabba li dawn ma humiex marbuta jinkludu fuljett mal-prodotti tagħhom.

114. L-għan tar-regoli dwar il-fuljett, kif diġà spjegat, huwa li tiġi promossa ċ-ċirkulazzjoni tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika tagħhom fis-suq intern Ewropew filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa.

115. Il-fatt li l-fuljett huwa previst biss għas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika tagħhom huwa assoċjat mal-karatteristiċi partikolari ta’ dan il-prodott meta mqabbel mal-prodotti tat-tabakk tradizzjonali. Dan ġie indikat b’mod konvinċenti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li huma partijiet fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari u minn xi wħud mill-Istati Membri parteċipanti.

116. B’differenza mill-prodotti tat-tabakk tradizzjonali, is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika tagħhom huma kkaratterizzati b’mod partikolari mill-fatt li huma prodotti ġodda — fil-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni — anki mill-fatt li huma relattivament ftit magħrufa. Barra minn hekk, hemm xi problemi speċifiċi relatati man-natura tas-sigaretti elettroniċi u li ma jqumux daqstant fil-każ tal-prodotti tat-tabakk tradizzjonali: minn naħa l-kwistjonijiet tekniċi dwar il-funzjonament u l-użu korrett tas-sigaretti elettroniċi kif ukoll tal-kontenituri ta’ rikarika tagħhom, min-naħa l-oħra l-perikolu speċifiku tal-avvelenament min-nikotina minħabba l-użu eċċessivament twil u intensiv jew minħabba l-użu inkorrett tas-sigaretti elettroniċi.

117. Dan kollu jiġġustifika l-fatt li, fir-rigward tas-sigaretti elettroniċi, jiġi previst obbligu ta’ informazzjoni iktar estensiv minn dak applikabbli għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali.

118. Għall-kuntrarju tal-fehma ta’ Pillbox, is-sempliċi stampar tal-informazzjoni inkwistjoni fuq il-pakketti tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika tagħhom ma tistax jitqies li huwa miżura inqas restrittiva. Dan għaliex l-ewwel nett hemm wisq tagħrif li huwa wisq estensiv minn dak li jista’ jiġi ppreżentat b’mod viżiv u li jista’ jinqara fuq il-pakkett biss, anki fuq wieħed relattivament kbir. It-tieni nett, stampar fuq il-pakkett inaqqas l-ispazju disponibbli għall-elenkar tal-ingredjenti u għat-twissijiet neċessarji, li huma preskritti għal dan il-pakkett skont l-Artikolu 20(4)(b) tad-Direttiva, l-istess bħal għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali. U t-tielet nett, fuljett separat iżid il-probabbiltà li l-konsumaturi jkunu jistgħu jżommu t-twissijiet li jkun hemm fih dwar l-użu korrett tas-sigaretti elettroniċi meta jkunu diġà rmew il-pakkett.

119. Konsegwentement, anki d-dispożizzjonijiet dwar il-fuljett skont l-Artikolu 20(4)(a) tad-Direttiva ma jiksrux il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

e)      Il-projbizzjoni tar-reklamar [l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva]

120. L-Artikolu 20(5) tad-Direttiva jipprevedi projbizzjoni ferm estensiva tal-komunikazzjonijiet kummerċjali u l-isponserizzazzjoni tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika tagħhom, sa fejn dawn il-prattiki jkollhom fil-mira l-promozzjoni tal-bejgħ jew iwasslu għaliha direttament jew indirettament. Din il-projbizzjoni, li iktar ’il quddiem ser nirreferi għaliha bħala “projbizzjoni tar-reklamar” għal finijiet ta’ semplifikazzjoni, ġiet ikkontestata mill-qorti tar-rinviju fuq ilment ta’ Pillbox fir-rigward tal-proporzjonalità tagħha.

121. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat immedjatament li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-passat diġà qieset li projbizzjoni tar-reklamar għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali kienet kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (73). F’din il‑proċedura għal deċiżjoni preliminari ma ġiet ipprovduta l-ebda prova li kienet xierqa sabiex il-projbizzjoni tar-reklamar għas-sigaretti elettroniċi li qed tiġi kkontestata tiġi evalwata b’mod fundamentalment differenti.

122. L-imsemmija projbizzjoni tar-reklamar għandha tiżgura li fil-kummerċ tas-sigaretti elettroniċi fis-suq intern Ewropew ikunu japplikaw l-istess kundizzjonijiet kullimkien, u fl-istess ħin jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa. Kif diġà ġie enfasizzat diversi drabi, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jassumi li s-sigaretti elettroniċi jirrappreżentaw perikolu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem.

123. Il-projbizzjoni tar-reklamar, kif prevista mill-Artikolu 20(5) tad-Direttiva, hija xierqa sabiex jiġi indirizzat dan il-perikolu, minħabba li permezz ta’ tali projbizzjoni, il-konsumaturi jiltaqgħu ma’ inqas inċentivi kummerċjali sabiex jixtru u jikkonsmaw is-sigaretti elettroniċi, mhux l-inqas il-gruppi fil-mira li huma partikolarment sensittivi għar-reklamar, jiġifieri l-adolexxenti u l-adulti żgħażagħ, u b’hekk ikunu inqas esposti għar-riskji għas-saħħa li possibbilment huma assoċjati magħhom.

124. Tali projbizzjoni hija meħtieġa wkoll sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa. Dan l-approċċ tal-leġiżlatur tal-Unjoni jikkorrispondi mhux l-inqas għar-rakkomandazzjonijiet żviluppati fil-kuntest tad-WHO (74).

125. Miżuri inqas severi minn projbizzjoni tar-reklamar, li jkunu ugwalment adattati sabiex joħolqu kundizzjonijiet kummerċjali uniformi fis-suq intern Ewropew u biex b’hekk jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, ma humiex evidenti u lanqas ma ġew issuġġeriti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

126. Għall-kuntrarju tal-fehma ta’ Pillbox, il-projbizzjoni tar-reklamar ikkontestata hawnhekk, barra minn hekk, bl-ebda mod ma hija iktar stretta minn dik li diġà hija għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali (75), iżda hija komparabbli magħha fl-aspetti kollha essenzjali. Il-paralleliżmu tad-dispożizzjonijiet rilevanti mfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa intiż sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn ir-restrizzjonijiet tar-reklamar applikabbli għas-sigaretti elettroniċi u għat-tabakk tradizzjonali.

127. Li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta projbizzjoni tar-reklamar inqas stretta għas-sigaretti elettroniċi minn dik applikabbli għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali, dan seta’ jwassal realistikament għal evażjoni tal-projbizzjoni tar-reklamar għal dawn il-prodotti tat-tabakk. Barra minn hekk, kien ikun hemm raġuni għal biża’ li s-sigaretti elettroniċi jinxtraw u jiġu kkonsmati iktar minħabba r-reklamar u, speċjalment fil-każ tal-adolexxenti u l-adulti żgħażagħ, li jiżviluppaw f’portal għall-effett ta’ dipendenza fuq in-nikotina u finalment għall-konsum tat-tabakk tradizzjonali (76).

128. Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza tal-protezzjoni tas-saħħa, ma jistax jiġi preżunt li l-iżvantaġġi ekonomiċi relatati mal-projbizzjoni tar-reklamar għall-impriżi bħal Pillbox huma sproporzjonati għall-vantaġġi mistennija għas-saħħa pubblika. Dan japplika iktar u iktar meta wieħed iqis li l-projbizzjoni tar-reklamar skont l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva hija waħda wiesgħa ferm, iżda bl-ebda mod ma hija universali. B’hekk, pereżempju, l-Istati Membri huma liberi li jkomplu jippermettu r-reklamar permezz tat-twaħħil ta’ posters kif ukoll ir-reklamar lokali fi kjosks u fi ħwienet.

129. F’dan il-kuntest ma tantx huwa konvinċenti l-argument tal-Pillbox, li l-manifatturi tal-prodotti tat-tabakk tradizzjonali fil-passat setgħu jiżviluppaw il-pożizzjoni tagħhom fis-suq permezz ta’ reklamar aggressiv, filwaqt li dan ma huwiex possibbli fl-istess grad għall-manifatturi tas-sigaretti elettroniċi.

130. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax ikun imġiegħel ġuridikament jirrepeti l-iżbalji tal-passat. Huwa ma jistax jintalab joqgħod lura minn restrizzjonijiet fuq ir-reklamar fir-rigward ta’ prodott ġdid li, skont għarfien attwali raġonevolment jista’ jwassal għal perikoli għas-saħħa tal-bniedem, sempliċement biex jippermetti lill-manifatturi ta’ dan il-prodott jistabbilixxu ruħhom fis-suq bl-istess mod bħall-kompetituri tagħhom li ilhom stabbiliti. Inkella interessi purament kummerċjali ta’ impriżi individwali jipprevalu fuq il-protezzjoni tas-saħħa, għalkemm is-saħħa tal-bniedem tingħata ħafna iktar importanza fis-sistema ta’ valuri tad-dritt tal-Unjoni [ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE, 168(1) TFUE kif ukoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali].

131. Finalment, Pillbox issostni wkoll li l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva ma jipprojbixxix biss ir-reklamar tas-sigaretti elettroniċi, iżda jelimina wkoll kompletament l-internet bħala kanal għall-bejgħ għal tali prodotti.

132.  Dan l-argument tal-aħħar huwa bbażat fuq interpretazzjoni manifestament żbaljata tad-dispożizzjoni kkontestata. Kif ġie enfasizzat korrettament mill-istituzzjonijiet kollha li pparteċipaw fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva jinkludi biss projbizzjoni tar-reklamar, iżda ma jipprojbixxix ukoll il-bejgħ permezz tal-internet. Dan isir partikolarment ċar meta wieħed jinterpreta d-dispożizzjoni msemmija fil-kuntest tagħha u fid-dawl tal-Artikolu 20(6) tad-Direttiva. Hemmhekk — u hemmhekk biss —, hija prevista possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu l-bejgħ transkonfinali mill-bogħod tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika (77). Anki ħarsa lejn l-Artikolu 18(1)(c) tad-Direttiva, li jagħmel riferiment għalih l-Artikolu 20(6), juri li d-Direttiva ma hijiex intiża sabiex tipprojbixxi kompletament l-użu ta’ websajts għall-kummerċjalizzazzjoni tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika tagħhom, iżda saħansitra tassumi li dan ser isir.

133. Kollox ma’ kollox, il-projbizzjoni tar-reklamar skont l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva ma tistax titqies li hija sproporzjonata.

f)      Il-bejgħ transkonfinali mill-bogħod (l-Artikolu 20(6) tad-Direttiva)

134. L-Artikolu 20(6) tad-Direttiva, permezz ta’ riferiment għall-Artikolu 18 tad-Direttiva, jippermetti lill-Istati Membri jipprojbixxu l-bejgħ transkonfinali tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika tagħhom lill-konsumaturi bl-istess mod bħall-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk tradizzjonali. Il-qorti tar-rinviju, fuq ilment ta’ Pillbox, tqajjem dubji dwar din ir-regola minn żewġ aspetti: minn naħa qed jingħad li ma hijiex motivata biżżejjed, u min-naħa l-oħra għandu jkun hemm miżuri inqas restrittivi, b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ limiti fuq l-età għal konsumaturi mill-bogħod.

i)      Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

135. L-ewwel nett, fejn għandu x’jaqsam l-obbligu ta’ motivazzjoni [it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE], huwa minnu li l-premessa 33 tad-Direttiva, li tispjega s-sistema tal-bejgħ mill-bogħod, bħala tali, skont il-kliem tagħha, tirreferi biss għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali.

136. Madankollu, kif jirriżulta mill-bqija tal-elementi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, mill-analiżi tal-impatt tad-dipartimenti tal-Kummissjoni (78), is-sigaretti elettroniċi huma s-suġġett ta’ kummerċ transkonfinali attiv, u l-internet jirrappreżenta kanal ta’ bejgħ importanti għalihom. Barra minn hekk, dan il-fatt huwa ċertament magħruf mill-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti elettroniċi, peress li huma dawk li jintlaqtu l-iktar minn dawn id-dispożizzjonijiet.

137. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li fuqha hija bbażata d-Direttiva, li s-sigaretti elettroniċi u l-prodotti tat-tabakk tradizzjonali jiġu ttrattati bl-istess mod fir-rigward tal-bejgħ transkonfinali mill-bogħod, ma teħtieġ l-ebda spjegazzjoni separata u espliċita fil-preambolu. Huwa evidenti li l-kunsiderazzjonijiet dwar il-prodotti tat-tabakk tradizzjonali fil-premessa 33 tad-Direttiva jistgħu jiġu applikati direttament għas-sigaretti elettroniċi, u li preċiżament għal din ir-raġuni, id-dispożizzjoni fl-Artikolu 18 tad-Direttiva ġiet estiża għas-sigaretti elettroniċi permezz tar-riferiment li sar fl-Artikolu 20(6).

138. Fi kwalunkwe każ il-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni, intiż li jadotta dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali, tista’ sempliċement tindika s-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu, u ssemmi l-għanijiet ġenerali li dan l-att huwa intiż li jilħaq; il-motivazzjoni għandha sempliċement tindika l-qofol tal-għan segwit bl-att inkwistjoni (79).

139. Din hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ. B’hekk, ma jistax jiġi allegat bis-serjetà li d-Direttiva ma hijiex motivata suffiċjentement fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-bejgħ transkonfinali mill-bogħod tas-sigaretti elettroniċi.

ii)    Fuq l-evalwazzjoni sostantiva tad-dispożizzjonijiet dwar il-bejgħ mill-bogħod

140. Mil-lat sostantiv, għandu jiġi nnotat li l-possibbiltà ta’ projbizzjoni tal-bejgħ mill-bogħod, kif prevista fl-Artikolu 20(6) flimkien mal-Artikolu 18 tad-Direttiva, issegwi għan doppju (80). Minn naħa, għandha tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tad-Direttiva permezz tal-bejgħ mill-bogħod tal-prodotti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tagħha. Min-naħa l-oħra, il-konsumaturi żgħażagħ b’mod speċjali għandhom jiġu protetti mill-perikoli għas-saħħa li huma assoċjati mal-konsum ta’ prodotti li fihom in-nikotina.

141. Tassew li, kif tallega Pillbox, jista’ jkun li mhux l-istudji rilevanti kollha jindikaw li s-sigaretti elettroniċi huma partikolarment attraenti għall-adolexxenti u għall-adulti żgħażagħ. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni ma kienx manifestament żbaljat jew irraġonevoli, min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jassumi perikolu partikolari għaż-żgħażagħ u li jagħmel użu minn dan il-fatt bħala raġuni għal dispożizzjoni restrittiva dwar bejgħ mill-bogħod.

142. B’kuntrast ma’ dan, l-osservazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, l-istess bħal dawk magħmula minn Pillbox, sempliċement isemmu limiti tal-età — b’mod partikolari r-rekwiżit tal-età maġġorenni tal-konsumaturi li jixtru mill-bogħod — bħala miżura inqas restrittiva minn projbizzjoni kompluta tal-bejgħ mill-bogħod tas-sigaretti elettroniċi.

143. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li kwalunkwe miżura inqas restrittiva fil-kuntest tal-istħarriġ tal-proporzjonalità għall-miżuri adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss, meta huma jkunu ugwalment adattati sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-att tal-Unjoni inkwistjoni (81).

144. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-limiti tal-età msemmija. Kif urew b’mod konvinċenti l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u diversi Stati Membri intervenjenti, il-limiti tal-età fil-kummerċ, speċjalment fil-bejgħ mill-bogħod, faċli li jiġu evitati, u huwa estremament diffiċli li tiġi kkontrollata l-osservanza tagħhom.

145. Minn naħa, teżisti l-possibbiltà li l-minuri jiġu pprovduti b’sigaretti elettroniċi minn persuni maġġorenni mill-familja tagħhom jew mill-ħbieb u persuni li jkunu jafu. Min-naħa l-oħra, anki rekwiżit ta’ età maġġorenni għax-xiri tas-sigaretti elettroniċi ma jiżgurax li l-konsumaturi żgħażagħ, li jkunu għadhom kemm qabżu l-limitu tal-età reċentement, jiġu protetti b’mod adegwat mill-perikoli tal-konsum tan-nikotina. Iżda kif ġie sottomess b’mod konvinċenti fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, mhux biss il-minuri, iżda anki l-adulti żgħażagħ li jkunu qabżu l-limiti tal-età maġġorenni (speċjalment il-gruppi ta’ adulti ta’ bejn it-18 u l-25 sena) huma f’perikolu kbir, minħabba li ta’ spiss anki qabel persuna tilħaq l-età ta’ 25 sena, din tista’ tibda tikkonsma prodotti li fihom in-nikotina, u dan ġie osservat.

146. Minbarra dan, limiti tal-età, tkun xi tkun in-natura tagħhom, ma humiex adegwati sabiex jintlaħaq it-tieni għan imsemmi tad-dispożizzjoni, jiġifieri li tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tad-Direttiva permezz tal-bejgħ mill-bogħod tal-prodotti li, min-naħa tagħhom, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva.

147. B’hekk is-sistema ta’ bejgħ mill-bogħod ikkontestata lanqas ma hija sproporzjonata, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddikjara l-ebda projbizzjoni ġenerali għall-Unjoni kollha tal-bejgħ transkonfinali mill-bogħod tas-sigaretti elettroniċi fl-Artikolu 20(6) tad-Direttiva, iżda ta biss il-possibbiltà lill-Istati Membri sabiex jintroduċu tali projbizzjonijiet huma stess u b’hekk sabiex jirrestrinġu b’mod selettiv il-moviment liberu tal-merkanzija f’dan il-qasam.

iii) Konklużjoni intermedja

148. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 20(6) tad-Direttiva ma jqajjem l-ebda dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tiegħu mal-obbligu ta’ motivazzjoni u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

g)      L-obbligi ta’ rapportar annwali [l-Artikolu 20(7) tad-Direttiva]

149. L-Artikolu 20(7) tad-Direttiva finalment jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jitolbu l-preżentazzjoni ta’ ċerta informazzjoni mingħand il-manifatturi u l-importaturi ta’ sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika tagħhom kull sena, b’mod partikolari dwar iċ-ċifri tal-bejgħ tagħhom u kwalunkwe sħarriġ tas-suq imwettaq. Pillbox hija tal-fehma li dawn l-obbligi ta’ rapportar annwali huma wisq vagi, u li meta mqabbla mal-obbligi applikabbli għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali huma sproporzjonalment stretti. L-awtoritajiet kompetenti, minflok, għandhom iwettqu l-istħarriġ proprju tagħhom dwar is-suq.

150. Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-obbligi ta’ rapportar, għandu jitfakkar li s-sigaretti elettroniċi huma prodott ġdid u relattivament mhux magħruf, li fir-rigward tiegħu l-awtoritajiet kompetenti fuq il-livell tal-Unjoni kif ukoll dawk fuq il-livell nazzjonali għandhom interess leġittimu ta’ monitoraġġ, speċjalment fid-dawl tal-perikoli għas-saħħa u r-riskji li diġà ssemmew diversi drabi, li jistgħu raġonevolment jirriżultaw mis-sigaretti elettroniċi (82).

151. L-istudji tas-suq, li fil-fehma ta’ Pillbox jistgħu jwettqu l-awtoritajiet kompetenti taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess, minħabba l-piż u l-ispejjeż relatati magħhom, kif ukoll l-assenza ta’ aċċess pubbliku għal ħafna mid-data li sservi bħala bażi, huma inqas adattati sabiex jikkompilaw l-informazzjoni meħtieġa u biex b’hekk jiffaċilitaw il-monitoraġġ tal-prodotti inkwistjoni.

152. B’kuntrast ma’ dan, fil-każ tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, il-piż u l-ispejjeż għall-impriżi kkonċernati jistgħu jiġu limitati min-naħa tagħhom, peress li l-obbligi ta’ rapportar skont l-Artikolu 20(7) tad-Direttiva jikkonċernaw biss informazzjoni li tirriżulta mill-isfera tagħhom stess, u li huwa tassew probabbli li huma xorta jiġbru data dwarha; xi studji dwar is-suq imwettqa mill-impriżi barra minn hekk għandhom jiġu ppreżentati biss fl-għamla ta’ sommarju, u dan biss jekk tassew ikunu saru tali studji. Tali dispożizzjoni diffiċli li titqies li hija eċċessivament ta’ piż għall-impriżi.

153. L-argument ta’ Pillbox, li skontu l-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti elettroniċi huma, taħt l-Artikolu 20(7) tad-Direttiva, suġġetti għal obbligi ta’ rapportar iktar stretti minn dawk li jimmanifatturaw u jimportaw il-prodotti tat-tabakk tradizzjonali wkoll ma huwiex korrett. Il-każ huwa l-oppost: l-obbligi ta’ rapportar fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk tradizzjonali, skont l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva, jestendu wkoll għall-ingredjenti, ċerti addittivi u għall-kwantitajiet tal-emissjoni, li ma huwiex il-każ fir-rigward tas-sigaretti elettroniċi skont l-Artikolu 20(7).

154. Fl-aħħar nett, ma tantx huwa konvinċenti l-ilment magħmul minn Pillbox dwar in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-Artikolu 20(7) tad-Direttiva. Kif diġà semmejt (83), huwa fin-natura ta’ direttiva li d-dispożizzjonijiet tagħha jkun għad iridu jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE). Konsegwentement, l-Istati Membri huma obbligati, billi jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom, jistabbilixxu n-natura u l-forma eżatti tat-trażmissjoni tad-data li hija suġġetta għall-obbligu ta’ rapportar skont l-Artikolu 20(7) tad-Direttiva fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom.

155. Kollox ma’ kollox, anki fir-rigward tal-Artikolu 20(7) tad-Direttiva, ma hemm l-ebda dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-prinċipji ta’ preċiżjoni u ta’ proporzjonalità.

C –    Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà

156. It-tielet parti tad-domanda preliminari hija ddedikata għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 5(3) TUE.

157. Skont dan il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni [Artikolu 5(3) TUE].

158. Peress li l-Unjoni ma għandha l-ebda kompetenza ġenerali li tirregola s-suq intern (84) u peress li s-suq intern jaqa’ fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri [l-Artikolu 4(2)(a) TFUE], il-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika għall-miżuri ta’ armonizzazzjoni skont l-Artikolu 114 TFUE kif ukoll, konsegwentement, għal din id-direttiva (85).

159. L-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà hija suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qrati tal-Unjoni (86). Dan l-istħarriġ ikopri, b’mod partikolari, żewġ aspetti: minn naħa, il-kompatibbiltà tal-kontenut tal-atti tal-Unjoni mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u, min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni tagħhom fid-dawl ta’ dan il-prinċipju. Iż-żewġ aspetti ftit jissemmew fid-digriet tar-rinviju, abbażi tal-ilmenti ta’ Pillbox fil-kawża prinċipali. Konsegwentement, ser nesprimi l-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar il-prinċipju ta’ sussidjarjetà fil-każ preżenti iktar fil-qosor milli għamilt fiż-żewġ konklużjonijiet l-oħra tiegħi tad-data preżenti, li għalihom nixtieq nirreferi b’mod komplementari (87).

1.      Il-kompatibbiltà tal-kontenut tad-Direttiva mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

160. L-ewwel nett, fid-digriet tar-rinviju huwa ssuġġerit li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà jista’ jinkiser minħabba li matul il-proċedura leġiżlattiva, għadd ta’ parlamenti nazzjonali ppreżentaw opinjonijiet motivati fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità (88) (89).

161. Dan l-argument ma tantx huwa konvinċenti. Minn naħa, l-ilmenti dwar is-sussidjarjetà li jinsabu f’dawn l-opinjonijiet motivati ma humiex numerużi biżżejjed sabiex tiġi skattata l-proċedura tal-“karta s-safra” skont l-Artikolu 7(2) tal-Protokoll Nru 2. Min-naħa l-oħra, tali lmenti ma tantx kienu bbażati fuq evalwazzjoni legali, iżda pjuttost kienu bbażati fuq evalwazzjoni politika tal-abbozz ta’ att leġiżlattiv ippreżentat mill-Kummissjoni, u b’hekk ma tantx huma sinjifikattivi għall-istħarriġ ġudizzjarju. Speċjalment fil-każ preżenti, kważi l-ebda opinjoni motivata ma inkludiet kunsiderazzjonijiet sostantivi dwar il-kwistjoni tas-sigaretti elettroniċi inkwistjoni f’dan il-każ.

162. It-tieni nett, id-digriet tar-rinviju jesprimi dubji dwar jekk teżistix sitwazzjoni legali differenti biżżejjed bejn l-Istati Membri sabiex tiġġustifika l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sigaretti elettroniċi fid-Direttiva.

163. Dan id-dubju jidher li huwa dirett iktar lejn l-Artikolu 114 TFUE milli lejn il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Possibbilment huwa bbażat fuq il-preżunzjoni żbaljata li l-kundizzjonijiet biex wieħed jirrikorri għall-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern u r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà huma l-istess. Iżda dan ma huwiex il-każ. Huwa minnu li l-biċċa l-kbira mill-kunsiderazzjonijiet li għandhom isiru fil-kuntest tal-Artikolu 5(3) TUE huma simili għal dawk li huma ta’ importanza wkoll fil-kuntest tal-Artikolu 114 TFUE. Madankollu, dawn ma humiex kongruwenti għalkollox.

164. Raġuni għal dan hija li l-Artikolu 114 TFUE jipprovdi tagħrif dwar jekk l-Unjoni għandhiex effettivament kompetenza li tadotta miżuri ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk l-Unjoni f’każ speċifiku tagħmilx użu minn din il-kompetenza, u b’liema mod isir dan, hija ddeterminata mill-prinċipju ta’ sussidjarjetà skont l-Artikolu 5(3) TUE. Fi kliem ieħor, it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri huwa ddeterminat mill-Artikolu 114 TFUE, filwaqt li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà jipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni linji gwida legalment vinkolanti għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom [Artikolu 5(1) TUE].

165. Għall-implementazzjoni prattika tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà skont l-Artikolu 5(3) TUE, huwa deċiżiv test fuq żewġ livelli:

–        Minn naħa, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaffermaw li huma ser jaġixxu biss jekk u sa fejn l-għanijiet tal-miżuri previsti ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri (l-aspett negattiv tat-test).

–        Min-naħa l-oħra, azzjoni mill-Unjoni hija permessa biss jekk u sa fejn l-għanijiet tal-miżuri previsti, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, ikunu jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni (l-aspett pożittiv tat-test).

B’dawn iż-żewġ aspetti tat-test tas-sussidjarjetà finalment qed tiġi diskussa l-istess kwistjoni minn żewġ perspettivi differenti, jiġifieri dik jekk għandhiex tittieħed azzjoni fuq il-livell tal-Unjoni jew fuq il-livell tal-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti.

166. La l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, u lanqas Pillbox fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ttrattaw b’xi mod dawn iż-żewġ aspetti tat-test ta’ sussidjarjetà.

167. Sa fejn Pillbox u, b’segwitu għaliha, il-qorti tar-rinviju, tixtieq tpoġġi f’dubju l-eżistenza ta’ problema transkonfinali, għandu jiġi nnotat li fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali applikabbli għas-sigaretti elettroniċi kienu sostanzjalment differenti minn xulxin: filwaqt li xi Stati Membri kienu jipprojbixxu kompletament il-bejgħ tas-sigaretti elettroniċi, f’oħrajn kienet tapplika l-projbizzjoni tar-reklamar għas-sigaretti elettroniċi, filwaqt li jerġa’ oħrajn ikklassifikawhom bħala prodott mediċinali (90). Fil-kuntest ta’ tali differenzi fundamentali fid-dritt nazzjonali applikabbli, il-mistoqsija mqajma minn Pillbox, dwar jekk kinux jeżistu standards tal-prodott differenti applikabbli għas-sigaretti elettroniċi fl-Istati Membri, għandha titqies li hija kompletament irrilevanti.

168. Fid-dawl tad-diverġenzi fundamentali bejn ir-regoli tal-Istati Membri dwar is-sigaretti elettroniċi, tal-kummerċ transkonfinali estensiv f’dan il-qasam (91), tan-natura innovattiva tal-prodott inkwistjoni (92), kif ukoll tal-iżvilupp ulterjuri rapidu tas-settur (93), il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi akkużat li wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta assuma li, fir-rigward tas-sigaretti elettroniċi, hemm kwistjoni ta’ dimensjoni transkonfinali, li ma setgħetx tiġi riżolta biss permezz ta’ miżuri tal-Istati Membri, iżda li pjuttost kienet titlob azzjoni fuq il-livell tal-Unjoni (94).

169. Din l-impressjoni hija msaħħa jekk il-kunsiderazzjonijiet jinkorporaw ir-rakkomandazzjonijiet żviluppati fil-kuntest tad-WHO, li jitolbu għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fuq livell globali b’rabta mas-sigaretti elettroniċi (95). Tali kuntest internazzjonali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jeżerċitawx il-kompetenzi fdati lilhom u b’liema mod.

170. Kollox ma’ kollox, b’hekk, fid-dawl tal-osservazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju u minn Pillbox, ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda ksur sostantiv tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

2.      Il-motivazzjoni suffiċjenti tad-Direttiva b’rabta mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

171. It-tielet nett, fid-digriet tar-rinviju huwa sostnut li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprovdiex evidenza suffiċjenti li r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà huma ssodisfatti f’dan il-każ. B’hekk, finalment, huwa sostnut li d-Direttiva hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

172. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun adottat l-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (96).

173. Jekk tkun qed tiġi mistħarrġa l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, mill-motivazzjoni tal-att tal-Unjoni għandu jkun jista’ jiġi nnotat jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni jkunx indirizza suffiċjentement il-kwistjonijiet li huma rilevanti fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, u jekk iva, għal liema konklużjonijiet wasal fir-rigward tas-sussidjarjetà.

174. Huwa sorprendenti li d-digriet tar-rinviju f’dan ir-rigward ma jindirizzax il-motivazzjoni proprja tad-Direttiva, kif tirriżulta mill-preambolu tagħha, iżda jirreferi biss, abbażi tal-kritika ta’ Pillbox, għat-Taqsima 3.7 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal direttiva tal-Kummissjoni (97). Huwa kkritikat li din is-silta tat-test ma fiha l-ebda indikazzjoni dwar ir-rekwiżiti għas-sigurezza għas-sigaretti elettroniċi, kif kienu applikabbli fl-Istati Membri individwali dak iż-żmien, iżda hija limitata biss għall-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tas-sigaretti elettroniċi bħala prodotti mediċinali jew bħala prodotti tat-tabakk.

175. Insibha diffiċli li nidentifika sa fejn dan l-argument jista’ jkun rilevanti speċifikament għall-kwistjoni tal-motivazzjoni suffiċjenti tad-Direttiva fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

176. Minbarra dan, għandu jitqies il-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni fi kwalunkwe każ ma hijiex meħtieġa tispeċifika l-punti ta’ liġi jew ta’ fatt kollha rilevanti. Barra minn hekk, l-osservanza tal-obbligu li tingħata motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem użat fl-att, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu, kif ukoll f’dak tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (98). Dan japplika iktar u iktar jekk, bħalma huwa l-każ hawnhekk, tkun fil-mira l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali, li l-motivazzjoni tagħhom tista’ tkun ristretta għal deskrizzjoni pjuttost ġenerali tal-aspetti prinċipali tar-regola inkwistjoni kif ukoll tal-għanijiet segwiti minnha (99).

177. Huwa ovvju li f’dan ir-rigward ma għandhiex titqies biss it-Taqsima 3.7 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, li ġiet enfasizzata mill-qorti tar-rinviju, iżda fir-raġunament għandhom jiġu inkorporati wkoll elementi oħrajn. Minn naħa, għal-leġiżlatur tal-Unjoni kienu disponibbli siltiet oħrajn anki fi ħdan il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, b’mod partikolari t-Taqsima 3.9.2 intitolata “Is-sussidjarjetà”. Min-naħa l-oħra, huwa seta’ jibbaża ruħu fuq rapport komprensiv tad-dipartimenti tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-impatt (100) dwar dan l-abbozz leġiżlattiv. L-iżvantaġġi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet nazzjonali diversi kif ukoll il-vantaġġi ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni ġew diskussi b’mod estensiv mhux biss fit-test iddedikat speċjalment għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà, iżda wkoll f’bosta partijiet oħra ta’ dawn iż-żewġ testi.

178. Għaldaqstant huwa ddokumentat b’mod suffiċjenti li l-istituzzjonijiet leġiżlattivi kellhom materjal komprensiv li fuqhom setgħu jibbażaw l-evalwazzjoni tagħhom tal-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

179. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Direttiva fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma huwiex fondat meta jitqies fl-intier tiegħu.

3.      Konklużjoni intermedja

180. Kollox ma’ kollox, ma jistax jiġi stabbilit ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà la mill-perspettiva sostantiva u lanqas minn dik proċedurali.

D –    Id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni

181. Permezz tar-raba’ u l-aħħar parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 20 tad-Direttiva jiksirx id-drittijiet fundamentali tal-manifatturi u tad-distributuri tas-sigaretti elettroniċi stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-ilment ta’ Pillbox fil-kawża prinċipali li t-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali tkun tikser il-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà tal-impriżi jikkostitwixxi s-sors ta’ din il-parti tad-domanda. Pillbox, f’dan ir-rigward, tallega li l-Artikolu 20 tad-Direttiva, u fuq kollox il-“projbizzjoni kompluta tar-reklamar kummerċjali” fil-paragrafu 5 tiegħu jipprekludu promozzjoni xierqa tal-attivitajiet tagħha kif ukoll id-disseminazzjoni tat-trade mark tagħha.

1.      Il-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali)

182. Skont l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-libertà ta’ intrapriża hija rrikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali.

183. Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet dwar din id-dispożizzjoni, li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha, il-protezzjoni mogħtija skont l-Artikolu 16 tal-Karta tkopri l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera (101).

184. Mingħajr dubju ta’ xejn, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 20 tad-Direttiva, u b’mod partikolari l-projbizzjoni tar-reklamar prevista fl-Artikolu 20(5) tagħha, iwasslu għal indħil fir-rigward tal-libertà ta’ intrapriża ta’ operaturi ekonomiċi bħal Pillbox, minħabba li r-reklamar huwa mezz importanti għall-impriżi sabiex iżommu jew jespandu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq kif ukoll biex javvanzaw fi swieq ġodda. Min ma jkunx jista’ jirreklama l-prodotti tiegħu jew ikun jista’ jagħmel dan b’mod ristrett ħafna jiġi impedit milli jeżerċita l-libertà tal-intrapriża tiegħu.

185. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà ta’ intrapriża madankollu ma hijiex dritt assolut, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħha fis-soċjetà (102).

186. Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti fil-Karta għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tosserva l-kontenut essenzjali tagħhom u għandha, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u effettivament tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ persuni oħra.

187. L-Artikolu 20 tad-Direttiva jissodisfa kompletament dawn ir-rekwiżiti.

188. Ir-rekwiżit ta’ promulgazzjoni huwa ssodisfatt mill-Artikolu 20 tad-Direttiva, li jikkostitwixxi dispożizzjoni leġiżlattiva espressa f’att leġiżlattiv tal-Unjoni (103).

189. Mil-lat sostantiv, il-libertà ta’ intrapriża, kif diġà ntqal, tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (104). Dan għandu impatt, b’mod partikolari, fuq il-mod kif għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta (105). F’dan il-każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni, kif diġà ntqal f’iktar dettall iktar ’il fuq (106), għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

190. Dan japplika iktar u iktar jekk, bħal fil-każ preżenti, ikun meħtieġ li jinstab bilanċ ġust bejn l-interessi purament ekonomiċi, kif espressi fir-rigward tal-libertà ta’ intrapriża, u l-protezzjoni legalment iggarantita tas-saħħa pubblika, li għandha sinjifikat partikolarment kbir fis-sistema ta’ valuri tad-dritt tal-Unjoni. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE u Artikolu 168(1) TFUE, iżda wkoll mit-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta, dejjem għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politika u tal-azzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma kollha (107).

191. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-miżuri previsti fl-Artikolu 20 tad-Direttiva, b’mod partikolari l-projbizzjoni tar-reklamar skont l-Artikolu 20(5), huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (108).

192. Finalment, lanqas ma hija ppreġudikata l-essenza tal-libertà ta’ intrapriża [l-Artikolu 52(1) tal-Karta] (109). Minkejja li r-reklamar tas-sigaretti elettroniċi huwa pprojbit b’mod estensiv skont l-Artikolu 20(5), l-operaturi ekonomiċi xorta għad fadlilhom il-possibbiltà li jimmanifatturaw is-sigaretti elettroniċi u li jikkummerċjalizzawhom, sakemm josservaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 20 tad-Direttiva. Jistgħu wkoll ċertament jagħmlu użu mit-trade marks rispettivi tagħhom. Il-projbizzjoni tar-reklamar skont l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva tassew li tirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn it-trade marks, iżda ma tippreġudikax il-funzjoni essenzjali ta’ trademark, jiġifieri li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodott inkwistjoni.

193. Kollox ma’ kollox, b’hekk il-libertà ta’ intrapriża ma ġietx miksura.

2.      Id-dritt għall-proprjetà [l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali]

194. Id-dritt għall-proprjetà huwa stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li t-tieni paragrafu tiegħu jipproteġi, ukoll, b’mod speċifiku, il-proprjetà intellettwali.

195. Regoli bħal dik prevista fl-Artikolu 20 tad-Direttiva, b’mod partikolari l-projbizzjoni tar-reklamar skont l-Artikolu 20(5), madankollu, ma jikkostitwixxu l-ebda indħil fid-dritt għall-proprjetà.

196. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà ggarantita mid-dritt tal-Unjoni, kif stabbilit fil-preżent fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma tirrigwardax biss is-sempliċi interessi jew opportunitajiet kummerċjali, li n-natura aleatorja tagħhom tifforma parti inerenti mis-sustanza stess tal-attività ekonomika (110). Operatur ekonomiku lanqas ma jista’ jsostni li għandu dritt miksub jew anki aspettattivi leġittimi fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel permezz ta’ atti adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni (111).

197. L-istess jirriżulta mill-Artikolu 1 Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta u skont l-Artikolu 6(3) TUE. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), il-garanzija tad-dritt għall-proprjetà stabbilita fihom ukoll ma tinkludix protezzjoni ta’ sempliċi prospettiva ta’ qligħ (112).

198. Madankollu, Pillbox tinvoka finalment proprju tali prospettivi ta’ qligħ, li ma humiex koperti mid-dritt għall-proprjetà, meta ssostni li hija żvantaġġata fir rigward tal-possibbiltajiet futuri ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-sigaretti elettroniċi fis-suq intern Ewropew, minħabba l-Artikolu 20 tad-Direttiva, b’mod partikolari minħabba l-projbizzjoni tar-reklamar skont l-Artikolu 20(5).

199. Għal dak li għandu x’jaqsam b’mod speċifiku mat-trade mark li taħtha Pillbox tqiegħed fis-suq is-sigaretti elettroniċi, din it-trade mark hija, bħala parti mill-proprjetà intellettwali, effettivament tgawdi mill-protezzjoni tal-Artikolu 17(2) tal-Karta. Il-projbizzjoni tar-reklamar prevista fl-Artikolu 20(5) tad-Direttiva tista’ tassew tirrestrinġi l-possibbiltajiet ta’ Pillbox li tagħmel użu mit-trade mark tagħha. Madankollu, kif diġà ntqal qabel fil-kuntest tal-Artikolu 16 tal-Karta (113), din ir-restrizzjoni tal-użu tat-trademark hija ġġustifikata fid-dawl tal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa mfittex.

200. Peress li, barra minn hekk, l-użu tat-trade mark bħala tali jibqa’ possibbli fil-kummerċjalizzazzjoni tas-sigaretti elettroniċi minkejja l-projbizzjoni tar-reklamar, l-essenza tal-proprjetà intellettwali ta’ Pillbox ma hijiex affettwata mill-Artikolu 20 tad-Direttiva

201. Konsegwentement, id-dritt għall-proprjetà ma huwiex miksur.

VI – Konklużjoni

202. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għat-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-High Court of Justice (Administrative Court):

L-eżami tad-domanda preliminari ma wera xejn li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40/UE.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari s-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544), British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741), Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:800), Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802), Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑380/03, EU:C:2006:772) u Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑468/14, EU:C:2015:504).


3 – Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, p. 1; iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 2014/40” jew sempliċement id-“Direttiva”).


4 – Iktar ’il quddiem,“Pillbox”.


5 – Kawża C‑547/14 (Philip Morris Brands et).


6 – Kawża C‑358/14 (Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill).


7 – Il-Ministru tas-Saħħa tar-Renju Unit.


8 – Sentenzi Jamet vs Il-Kummissjoni (37/71, EU:C:1972:57, punt 11), Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 38), Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 16) u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 94).


9 – Sentenzi Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑244/03, EU:C:2005:299, punt 13), Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 38), Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 16) u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 94); ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza et vs Il-Kummissjoni (C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punti 257 sa 259).


10 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-Kawża AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2010:500, punt 112 fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69). Ara, barra minn hekk, is-sentenzi Eurotunnel et (C‑408/95, EU:C:1997:532), Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312), Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662), Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, EU:C:2011:100) kif ukoll AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja, kull darba fuq talba għal deċiżjoni preliminari mill-qrati nazzjonali, ħadet pożizzjoni dwar il-validità ta’ dispożizzjonijiet individwali ta’ atti tal-Unjoni, mingħajr ma rrimarkat espressament dwar l-imsemmija kwistjoni ta’ ammissibbiltà.


11 – Sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 33) u Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 33 sa 35).


12 – Ara, f’dan is-sens, fuq ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, is-sentenzi Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 27) kif ukoll T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 29).


13 – Sentenza Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25); ara wkoll is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 34 u 35), Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 13 u 14) u Association Kokopelli (C‑59/11, EU:C:2012:447, punti 28 u 29); dwar il-preżunzjoni ta’ rilevanza ara wkoll is-sentenza Beck und Bergdorf (C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22).


14 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ta’ prinċipju Foglia vs Novello (104/79, EU:C:1980:73).


15 – Sentenzi Irish Creamery Milk Suppliers Association et (36/80 u 71/80, EU:C:1981:62, punt 5), AGM-COS.MET (C‑470/03, EU:C:2007:213, punt 45 flimkien mal-punt 42) u Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 29).


16 – Sentenza Corsica Ferries (C‑18/93, EU:C:1994:195, punt 12) u l-ġurisprudenza ċċitata.


17 – Sentenza Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 15); ara, fl-istess sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 36).


18 – Ara, f’dan is-sens, id-digriet Adiamix (C‑368/12, EU:C:2013:257, punti 22 u 32); ara wkoll is-sentenza IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punti 30 u 31).


19 – Sentenzi SAT Fluggesellschaft (C‑364/92, EU:C:1994:7, punt 9), Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punti 90 u 91) u Consiglio Nazionale dei Geologi (C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 28).


20 – Sentenzi SMW Winzersekt (C‑306/93, EU:C:1994:407, punt 15), British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 34), Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 13 u 14), Association Kokopelli (C‑59/11, EU:C:2012:447, punt 28) u d-digriet Adiamix (C‑368/12, EU:C:2013:257, punt 16).


21 – Sentenza IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 28) u d-digriet Adiamix (C‑368/12, EU:C:2013:257, punt 17).


22 – Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123, punt 68).


23 – Sentenza IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 31) u d-digriet Adiamix (C‑368/12, EU:C:2013:257, punti 21, 22, 27 u 32).


24 – Ara s-sentenzi Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23), Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 90 u 91) u Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 60).


25 – Fuq l-importanza tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari f’tali każijiet, ara s-sentenzi Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 38 sa 40), Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 92 sa 96), Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punti 27 sa 29) kif ukoll T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 29 sa 31).


26 – Sentenzi Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 54) u Sky Italia (C‑234/12, EU:C:2013:496, punt 15); ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Ruckdeschel et (117/76 u 16/77, EU:C:1977:160, punt 7).


27 – Sentenzi Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23), S.P.C.M. et (C‑558/07, EU:C:2009:430, punt 74), Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 55), Sky Italia (C‑234/12, EU:C:2013:496, punt 15), kif ukoll P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 41).


28 – Ara l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva kif ukoll il-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il quddiem. 


29 – Ara l-Artikolu 20(2)(b) u (c) tad-Direttiva, imqabbla mal-Artikoli 8 sa 10 tad-direttiva applikabbli għall-prodotti ta’ tabakk tradizzjonali.


30 – Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-premessa 47 tad-Direttiva, li tiċċara li d-Direttiva ma tarmonizzax l-użu ta’ aromatizzanti fis-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika, iżda r-responsabbiltà għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe regola dwar dawn tibqa’ f’idejn l-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7 tad-Direttiva jistabbilixxi projbizzjoni ta’ togħmiet karatterizzanti għall-prodotti ta’ tabakk tradizzjonali.


31 – Ara, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar il-fuljett fl-Artikolu 20(4)(a) tad-Direttiva (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 113 sa 119 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il quddiem).


32 – Sentenza Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23).


33 – Sentenzi Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 25 u 26), Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, EU:C:2011:100, punt 29), Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 167) u Feakins (C‑335/13, EU:C:2014:2343, punt 51).


34 – Ara, b’mod partikolari, l-aħħar parti tal-Artikolu 1 u l-premessi 5, 6, 8 u 36 tad-Direttiva.


35 – Fuq il-ħtieġa ta’ paragun tal-karatteristiċi oġġettivi tad-diversi prodotti inkwistjoni kif ukoll tal-użu tagħhom, ara s-sentenzi Rewe-Zentrale des Lebensmittel-Großhandels (45/75, EU:C:1976:22, punt 12), John Walker (243/84, EU:C:1986:100, punt 11), Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 69) u Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 71).


36 – F’dan ir-rigward, il-każ preżenti huwa fundamentalment differenti mill-kawża Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14; ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati wkoll illum f’dik il-kawża, punti 50 sa 57), li fiha jitqabblu tipi differenti ta’ sigaretti aromatizzati.


37 – Ara, fl-istess sens, is-sentenzi Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:800, punti 64 u 69) u Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802, punti 66 u 71), ibbażati fuq id-differenzi bejn tabakk għall-magħda u prodotti tat-tabakk tradizzjonali.


38 – Sentenzi Maizena et (137/85, EU:C:1987:493, punt 15), Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑84/94, EU:C:1996:431, punt 57), British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 122), Digital Rights Ireland (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 46) u Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 67).


39 – Sentenzi Schräder HS Kraftfutter (265/87, EU:C:1989:303, punt 21), Jippes et (C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 81), u ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86); ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenza Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 91).


40 – Sentenza Digital Rights Ireland (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 47).


41 – Ara iktar ’il quddiem, il-punti 182 sa 193 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42 – Sentenza Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 46).


43 – Sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 123), S.P.C.M. et (C‑558/07, EU:C:2009:430, punt 42), Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 52) u Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 67).


44 – Sentenza Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 74, 81 u 91); ara, fl-istess sens, is-sentenzi Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 52), S.P.C.M. et (C‑558/07, EU:C:2009:430, punt 42) u Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 46).


45 – Il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa tagħha, tirrikonoxxi li n-nikotina twassal għad-dipendenza u li ma hemmx dubju dwar it-tossiċità tagħha (sentenzi Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 50, u Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 52).


46 – Anki Pillbox, fis-sottomissjoni tagħha, titkellem dwar l-aspetti tat-tipjip relatati mal-imġiba (fil-lingwa tal-proċedura “behavioural aspects of smoking”).


47 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 68), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu “jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawzjoni meta jadotta, fil-kuntest tal-politika tas-suq komuni, miżuri intiżi sabiex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem”.


48 – Sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (C‑180/96, EU:C:1998:192, punt 99), Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑192/01, EU:C:2003:492, punti 52 u 53), Il-Kummissjoni vs Franza (C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 93), Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 60 sa 62) u Acino vs Il-Kummissjoni (C‑269/13 P, EU:C:2014:255, punt 57).


49 – Ara d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, adottata waqt is-sitt laqgħa tagħha f’Moska fit-18 ta’ Ottubru 2014, FCTC/COP/6(9). Din id-deċiżjoni hija intitolata “Electronic nicotine delivery systems and electronic non-nicotine delivery systems” (fil-qosor “ENDS” jew “ENNDS”) u taqra kif ġej: “The Conference of the Parties […] INVITES Parties to consider prohibiting or regulating ENDS/ENNDS, including as tobacco products, medicinal products, consumer products, or other categories, as appropriate, taking into account a high level of protection for human health” (ara, b’mod partikolari, il-punt 3 ta’ din id-deċiżjoni).


50 – Ara l-Artikolu 18 tal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, ippreżentata fid-19 ta’ Diċembru 2012, COM (2012) 788 finali.


51 – “Impact Assessment” tad-dipartimenti tal-Kummissjoni ppreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2012, Dok. SWD (2012) 452 finali, b’mod partikolari l-Parti 1, p. 77 et seq.


52 – Sentenza Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 57).


53 – Anki l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżami tal-validità ta’ atti tal-Unjoni, xi drabi ħadet inkunsiderazzjoni tali analiżi tal-impatt tal-Kummissjoni (ara, pereżempju, is-sentenza Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punti 55 u 65).


54 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 39 u 40).


55 – Dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe seduta jew “workshop” tal-Parlament ara, pereżempju, is-sentenza Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 35 u 36).


56 – B’mod simili — għalkemm f’kuntest differenti — ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:190, punt 31).


57 – Skont rapport, li ġie ppreżentat fl-2014 mill-Konferenza tal-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, il-bejgħ ta’ sigaretti elettroniċi li fihom in-nikotina fi 13 minn 59 pajjiż li kienu adottaw dispożizzjonijiet dwar din il-kwistjoni, kien kompletament ipprojbit (Conference of the Parties to the WHO Framework Convention on Tobacco Control, “Electronic Nicotine Delivery Systems”, Report by WHO, 21 ta’ Lulju 2014, FCTC/COP/6/10 [2014], punt 31).


58 – L-osservazzjonijiet ta’ Pillbox huma redatti bil-mod li ġej: “The EU legislature has adopted a disproportionate approach by putting in place an authorisation scheme for electronic cigarettes”.


59 – Dan l-aħħar punt huwa enfasizzat ukoll fl-ewwel sentenza tal-premessa 46 tad-Direttiva.


60 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 43 tad-Direttiva.


61 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 36 tad-Direttiva kif ukoll, dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-punti 64 sa 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


62 – Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva, il-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk huma obbligati jibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti, inter alia, lista tal-ingredjenti kollha u l-kwantitajiet tagħhom, użati fil-manifattura ta’ dawn il-prodotti, u b’dan il-mod l-obbligu jmur lil hinn minn dak applikabbli għas-sigaretti elettroniċi skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva. Addizzjonalment, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva, japplikaw obbligi ta’ rapportar iktar stretti għal ċerti addittivi fis-sigaretti u t-tabakk tal-brim, li huma inklużi f’lista ta’ prijorità; l-Artikolu 20 tad-Direttiva ma jipprevedix tali obbligi ta’ rapportar iktar stretti għas-sigaretti elettroniċi.


63 – Ara, f’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva, li skontha l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti tat-tabakk u l-prodotti relatati li ma jikkonformawx mad-Direttiva ma jitqegħdux fis-suq.


64 – Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, p. 59).


65 – Bħala motivazzjoni, Pillbox tirreferi għall-għarfien xjentifiku, li skontu n-nikotina mis-sigaretti elettroniċi tiġi mmetabolizzata b’mod differenti fil-ġisem ta’ min ipejjep min-nikotina tal-prodotti tat-tabakk tradizzjonali. Madankollu, dan ġie kkontestat minn partijiet oħra fil-proċedura, speċjalment mill-Kunsill, ukoll b’riferiment għal għarfien xjentifiku.


66 – Sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, b’mod partikolari l-punt 126), abbażi tal-Artikolu 95 KE.


67 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 40 tad-Direttiva.


68 – Sigarett elettroniku jista’ jintuża għal żmien ħafna itwal mingħajr interruzzjoni, u minnu jistgħu jittieħdu ħafna iktar nifsijiet kull darba minn sigarett b’tabakk tradizzjonali.


69 – Premessa 38 tad-Direttiva.


70 – Ara, f’dan ir-rigward, ir-regola fl-Artikolu 20(1)(2) ta’ din id-direttiva, li skontha din ma tapplikax għal sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika li huma suġġetti għar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/42/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, dwar mezzi mediċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 82).


71 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 92 u 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


72 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 99 iktar ’il fuq kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73 – Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑380/03, EU:C:2006:772, punti 144 sa 158).


74 – Ara d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, tat-18 ta’ Ottubru 2014 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49 iktar ’il fuq), li taqra kif ġej: “The Conference of the Parties […] URGES Parties to consider banning or restricting advertising, promotion and sponsorship of ENDS” (ara, b’mod partikolari, il-punt 4 ta’ din id-deċiżjoni).


75 – Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2003/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-reklamar u l-patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 460), li għandha tinqara flimkien mad-definizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 2(b) u (c) ta’ dik id-direttiva.


76 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 43 tad-Direttiva.


77 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 134 sa 148 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


78 – “Impact Assessment”, ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2012, Dok. SWD (2012) 452 finali, ara l-Parti 1, p. 16 u 17.


79 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑150/94, EU:C:1998:547, punti 25 u 26), AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 59) u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 29).


80 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 33 tad-Direttiva.


81 – Sentenzi Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 55) u Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 56).


82 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 78 sa 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


83 – Ara l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


84 – Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 83).


85 – Ara wkoll il-ġurisprudenza eżistenti b’rabta mal-perijodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona; ara s-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 179) u Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 75).


86 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑233/94, EU:C:1997:231, punti 23 sa 29), British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 177 sa 185), Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punti 72 sa 79) u L-Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑508/13, EU:C:2015:403, punti 44 sa 55).


87 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fid-data preżenti fil-Kawżi Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14, punti 137 sa 188) u Philip Morris Brands et (C‑547/14, punti 270 sa 299).


88 – Protokoll Nru 2, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE (iktar ’il quddiem, il-“Protokoll Nru 2”).


89 – Fuq il-bażi tal-abbozz ta’ direttiva tal-Kummissjoni, waslu opinjonijiet motivati mingħand il-Parlamenti tal-Bulgarija, tar-Repubblika Ċeka, tad-Danimarka, tal-Greċja, tal-Italja, tal-Portugall, tar-Rumanija u tal-Isvezja.


90 – Ara, f’dan ir-rigward, l-analiżi tal-impatt (“Impact Assessment”), mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, ippreżentata fid-19 ta’ Diċembru 2012. Dok. SWD (2012) 452 finali, b’mod partikolari l-Parti 4, p. 2 u p. 15 sa 22.


91 – Ara l-punt 136 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


92 – Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


93 – Dan l-aspett tal-aħħar huwa wkoll enfasizzat mill-ewwel sentenza tal-premessa 46 tad-Direttiva.


94 – Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari l-premessa 60 tad-Direttiva.


95 – Ara d-deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2014 tal-Konferenza tal-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49 iktar ’il fuq), li, kif diġà ntqal, taqra kif ġej: “The Conference of the Parties […] INVITES Parties to consider prohibiting or regulating ENDS/ENNDS, including as tobacco products, medicinal products, consumer products, or other categories, as appropriate, taking into account a high level of protection for human health” (ara, b’mod partikolari, il-punt 3 ta’ din id-deċiżjoni).


96 – Sentenza Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (II) (C‑466/93, EU:C:1995:370, punt 16), AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 58) u Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 70).


97 – COM(2012) 788 finali, ippreżentata mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2012.


98 – Ara, għal darba oħra, is-sentenzi Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (II) (C‑466/93, EU:C:1995:370, punt 16), AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 58) u Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 70), kif ukoll is-sentenza L-Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑508/13, EU:C:2015:403, punti 58, 59 u 61).


99 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑150/94, EU:C:1998:547, punti 25 u 26), AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 59) u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 29).


100 – “Impact Assessment” tad-dipartimenti tal-Kummissjoni ppreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2012, Dok. SWD (2012) 452 finali, b’mod partikolari l-Parti 4, p. 15 sa 22.


101 – Sentenzi DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 32) u Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 42).


102 – Sentenzi Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526, punt 54) u Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 45).


103 – Ara, f’dan is-sens ukoll, is-sentenza Digital Rights Ireland (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 38 et seq), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat il-kwistjoni tal-konformità mad-drittijiet fundamentali ta’ direttiva u, f’din l-okkażjoni, ma kkonstatat l-ebda ksur tar-rekwiżit ta’ promulgazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.


104 – Sentenza Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 46).


105 – Sentenza Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 47).


106 – Ara l-punti 55 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


107 – Fuq l-importanza tal-protezzjoni tas-saħħa, ara wkoll, l-iktar reċenti, is-sentenzi Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526, b’mod partikolari l-punti 45 sa 47) u Léger (C‑528/13, EU:C:2015:288, b’mod partikolari l-punt 57).


108 – Ara, f’dan ir-rigward, speċifikament il-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar il-proporzjonalità ta’ diversi partijiet tal-Artikolu 20 tad-Direttiva fil-punti 53 sa 155 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq; dwar ir-reklamar b’mod speċifiku ara wkoll is-sentenza Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526, punti 49 u 56, dwar projbizzjoni tar-reklamar tax-xorb alkoħoliku).


109 – Ara, fl-istess sens, is-sentenza Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526, punti 56 sa 58).


110 – Sentenzi Nold vs Il-Kummissjoni (4/73, EU:C:1974:51, punt 14), FIAMM et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 185), Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 34) u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 60).


111 – Sentenzi Faust vs Il-Kummissjoni (52/81, EU:C:1982:369, punt 27), Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 73) u Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C-155/04, EU:C:2005:449, punt 128).


112 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 1979, Marckx vs Il-Belġju (ECLI:CE:ECHR:1979:0613JUD000683374, punt 50), tal-11 ta’ Jannar 2007, Anheuser-Busch vs Il-Portugall (ECLI:CE:ECHR:2007:0111JUD007304901, punt 64), u tat-13 ta’ Marzu 2012, Malik vs Ir-Renju Unit (ECLI:CE:ECHR:2012:0313JUD002378008, punt 93).


113 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 184 u 192 ta’ dawn il-konklużjonijiet.