Language of document : ECLI:EU:C:2011:695

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 49 KE – Sigurtà soċjali – Restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Spejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar sostnuti fi Stat Membru ieħor – Assenza ta’ rimbors jew rimbors suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel”

Fil-Kawża C‑255/09,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226KE, imressaq fid-9 ta’ Lulju 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Traversa u M. França, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, L. Duarte u A. Veiga Correia kif ukoll minn P. Oliveira, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis, T. von Danwitz, D. Šváby,Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma pprovdietx, fid-Digriet-Ligi Nru 177/92, tat-13 ta’ Awwissu 1992, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi sostnuti barra mill-pajjiż (Diário da República I, série-A, nº 186, p. 3926), jew kull miżura oħra tad-dritt nazzjonali, għall-possibbiltà ta’ rimbors tal-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar sostnuti fi Stat Membru ieħor, ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1992/2006, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 392, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), jew, fil-każijiet fejn dan id-Digriet-Liġi rrikonoxxa l-possibbiltà tar-rimbors tal-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar li saru fi Stat Membru ieħor, billi ssuġġettat ir-rimbors għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni preċedenti, ir-Repubblika Portugiża ma kkonformatx ruħha mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 49 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        Skont l‑Artikolu 22(1) tar‑Regolament Nru 1408/71:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, billi tieħu inkonsiderazzjoni fejn suppost tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 18, u:

a)      li l-kondizzjoni tiegħu teħtieġ benefiċċji in natura li jsiru meħtieġa minħabba raġunijiet mediċi matul qagħda fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, waqt li tingħata konsiderazzjoni lin-natura tal-benefiċċji u t-tul mistenni tal-qagħda fil-post

jew

[…]

li hija awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti biex tmur fit-territorju ta' Stat Membru ieħor biex hemmhekk tirċievi l-kura meħtieġa għall-kondizzjoni tagħha,

tkun intitolata:

i)      għall-benefiċċji b’xi mod ipprovduti f'isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post tar-rimanenza jew residenza skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra, bħallikieku kienet assigurata magħha; it-tul tal-perjodu li matulu l-benefiċċji jkunu pprovduti jkun deċiż, però, mil-leġislazzjoni ta' l-Istat kompetenti;

[…]”

 Id-dritt nazzjonali

3        Id-Digriet-Liġi Nru 177/92 jirregola l-assistenza medika barra mill-pajjiż għall-persuni assigurati mas-servizz nazzjonali tal-kura tas-saħħa Portugiż (iktar ’il quddiem is-“SNS”).

4        L-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“1.      L-assistenza medika speċjalizzata ħafna barra minn pajjiż, li ma tistax tingħata fil-pajjiż minħabba assenza ta’ mezzi tekniċi jew umani, hija rregolata b’dan id-Digiret-Ligi Nru 177/92.

2.      Il-benefiċjarji tas-servizz nazzjonali tas-saħħa huma d-destinatarji.

3. Huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-Digriet-Liġi t-talbiet għal trasferiment barra mill-pajjiż minn istituzzjonijiet privati.”

5        L-Artikolu 2 tad-Digriet-Liġi Nru 177/92, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-rimbors sħiħ tal-ispejjeż previst fl-Artikolu 6, tal-istess Digriet-Liġi jipprovdi:

“Il-kundizzjonijiet li ġejjin huma essenzjali għall-għoti tal-benefiċċji previsti fl-Artikolu 6:

a) l-eżistenza ta’ rapport mediku pożittiv iddettaljat, miktub mit-tabib kuranti u approvat mill-kap tas-servizz kompetenti;

b) l-approvazzjon ta’ dan ir-rapport mid-Direttur mediku tas-servizz tal-isptar li fih il-pazjent irċieva kura;

c) id-deċiżjoni favorevoli tad-Direttur Ġenerali tal-isptarijiet, abbażi ta’ opinjoni ta’ servizz tekniku.”

6        Fir-rigward tas-setgħa deċiżjonali u tal-metodu ta’ intervent, l-Artikolu 4(1) tad-Digriet-Liġi Nru 177/92 jippreċiża:

“Huwa d-Direttur Ġenerali tal-isptarijiet li għandu jiddeċiedi fuq il-kura medika barra mill-pajjiż mitluba mill-partijiet ikkonċernati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

7        Wara talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni u tal-prattiki nazzjonali mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern fil-qasam tal-kura tas-saħħa, indirizzata lill-Istati Membri kollha fit-12 ta’ Lulju 2002, ir-Repubblika Portugiża, b’ittra tas-17 ta’ Jannar 2003, ipprovdiet informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni Portugiża applikabbli fil-qasam.

8        Fit-28 ta’ Lulju 2003, is-servizzi tal-Kummissjoni ppubblikaw rapport fil-qosor intitolat “Applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern għas-servizzi tas-saħħa – Implementazzjoni mill-Istati Membri tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” [SEC (2003) 900].

9        Abbażi tal-informazzjoni li kellha f’idejha, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Portugiża, fit-18 ta’ Ottubru 2006, ittra ta’ intimazzjoni li fiha hija allegat li, meta pprovdiet, fid-Digriet-Liġi Nru 177/92, li r-rimbors tal-ispejjeż dwar is-servizzi għal kura mhux fi sptar sostnuti fi Stat Membru ieħor ikun suġġett għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, li tingħata biss f’kundizzjonijiet limitati, ir-Repubblika Portugiża ma kkonformatx mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 49 KE.

10      B’ittra tat-12 ta’ Jannar 2007, ir-Repubblika Portugiża wieġbet li hija kienet tifhem “diffiċilment li s-servizzi tas-saħħa jistgħu jiġu suġġetti għall-prinċipji tas-suq intern” u li “l-pożizzjoni adottata mill-Istat Portugiż abbażi tal-interpretazzjoni kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej setgħet tiġi kkunsidrata f’sens wiesa’, li jwassal għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissuġġetta l-ħlas tal-kura tas-saħħa għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel”.

11      Fid-dawl ta’ din it-tweġiba, fid-29 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika Portugiża fejn fiha indikat li t-tweġiba tagħha ma kienx fiha l-ebda element ġdid li seta’ jpoġġi fid-dubju l-prinċipji fundamentali u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, u stednitha sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mal-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn.

12      Fit-tweġiba tagħha għal din l-opinjoni motivata, tal-4 ta’ Settembru 2007, ir-Repubblika Portugiża sostniet li “d-Digriet-Liġi Nru 177/92 ma kienx ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ aċċes taċ-ċittadini Portugiżi għall-kura tas-saħħa fiż-żona tal-Unjoni Ewropea jew ta’ drittijiet Fundamentali taċ-ċittadini Ewropej stabbiliti bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

13      Fit-12 ta’ Frar 2008, ir-Repubblika Portugiża informat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li “twettaq ir-riflessjoni interna fuq il-konsegwenzi finanzjarji tas-sistema”, riflessjoni li kienet teħtieġ terminu addizzjonali tal-inqas xahar fid-dawl ta’ bidla reċenti tal-kompożizzjoni tal-Gvern.

14      Wara li ġiet imfakkra mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Ġunju 2008, ir-Repubblika Portugiża tenniet, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Lulju 2008, il-pożizzjoni difiża bħala tweġiba għall-opinjoni motivata.

15      Fil-15 ta’ April 2009, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Portugiża opinjoni motivata addizzjonali sabiex tippreċiża l-portata tal-ksur tad-dritt Komunitarju li kienet akkużata bih. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi ma pprovdietx fid-Digriet-Liġi Nru 177/92 jew f’kull miżura oħra tad-dritt nazzjonali l-possibbiltà ta’ rimbors tas-servizzi għal kura mhux fi sptar mogħtija fi Stat Membru ieħor, jekk dan ma huwiex fis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt Komunitarju fir-Regolament Nru 1408/71, ir-Repubblika Portugiża ma osservatx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 49 KE, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

16      B’ittra tal-15 ta’ Mejju 2009, l-awtoritajiet Portugiżi wieġbu għall-opinjoni motivata addizzjonali li “r-rimbors tal-ispejjeż magħmula għal kura barra mill-pajjiż mill-benefiċjarji tas-SNS huwa previst mid-Digriet-Liġi Nru 177/92” u li “l-leġiżlazzjoni Portugiża ma teskludix ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi sostnuti barra mill-pajjiż minn benefiċjarju tas-SNS, anki taħt il-forma ta’ konsultazzjoni ma’ tabib speċjalizzat, sakemm il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni minn qabel ta’ bżonn ta’ kura klinika hija osservata”.

17      Peress li l‑Kummissjoni ma kinitx sodisfatta b’dawn l‑ispjegazzjonijiet, din iddeċidiet li tippreżenta dan ir‑rikors.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 2009, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Finlandja tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Portugiża. Ir-Repubblika tal-Finlandja madankollu ma ppreżentatx osservazzjonijiet u lanqas ma pparteċipat fis-seduta.

19      Waqt is-seduta, il-Kummisjsoni, mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega l-konklużjonijiet li waslet għalihom mis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑512/08, Ġabra p. I‑8833), u l-impatt tagħha fil-każ ineżami, indikat li hija rrinunzjat parzjalment għar-rikors tagħha, skont l-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

20      B’att tal-24 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni kkonfermat din ir-rinunzja parzjali u ppreċiżat li r-rikors tagħha kien jikkonċerna biss l-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar sostnuti fi Stat Membru ieħor, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti servizzi mediċi li, għalkemm ipprovduti f’klinika medika, jeħtieġu l-użu ta’ apparat tqil u li jqum il-flus, elenkat b’mod eżawrjenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal gamma-kamera għax-xintigrafija bi jew mingħajr detector ta’ emissjonijiet ta’ pożizzjonijiet f’koinċidenza, tomografu għal emissjoni, telekamera għal emissjonijiet ta’ pożitroni, apparat għar-radjudijanjosi jew spettroskopija f’risonanza manjetika nukleari għall-użu kliniku, skanner għall-użu mediku, kamra iperbarika, ċiklotrun għall-użu mediku.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

 Fuq il-leġiżlazzjoni Portugiża

21      Il-Kummissjoni tesponi li kellha ċerti diffikultajiet sabiex tifhem il-pożizzjoni tar-Repubblika Portugiża, minħabba n-natura ambigwa jew kontradittorja tal-informazzjoni trasmessa minnha rigward ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar.

22      Il-Kummissjoni kkonkludiet mit-tweġiba tar-Repubblika Portugiża għall-kwestjonarju tad-Direttorat Ġenerali tas-suq intern dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-Digriet-Liġi Nru 177/92 kien att leġiżlattiv nazzjonali li kien fih id-dispożizzjonijiet applikabbli għar-rimbors tal-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar sostnuti fi Stat Membru ieħor.

23      Il-Kummissjoni ssostni, madankollu, li, fit-tweġiba tiegħu għall-opinjoni motivata, dan l-Istat Membru afferma li ma kinitx teżisti, fl-ordinament ġuridiku Portugiż fil-qasam ta’ aċċess għall-kura ta-saħħa, ebda dispożizzjoni li kienet tissuġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel id-dritt għal rimbors ta’ spejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar, f’sitwazzjonijiet li fihom il-benefiċjarju tas-SNS għandu dritt li jieħu servizz mingħand persuna li taġixxi b’mod privat fit-territorju nazzjonali jew fi Stat Membru ieħor u li, f’dawn is-sitwazzjonijiet, […] is-SNS ma jwettaqx ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar. Il-Kummissjoni kkonkludiet minn dan li l-ordinament ġuridiku Portuġiż ma kienx jipprovdi l-possibbiltà ta’ rimbors tal-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar magħmula fi Stat Membru ieħor, ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti bir-Regolament Nru 1408/71.

24      Il-Kummissjoni tosserva li r-Repubblika Portugiża madankollu ddikjarat, bħala tweġiba għall-opinjoni motivata addizzjonali, li “l-aċċess għall-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor issegwi proċedura […] ta’ ċertifikazzjoni tan-neċessità klinika”, li jidher li jindika li teżisti fil-Portugall sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ta’ rimbors tal-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar li fir-rigward tagħhom il-benefiċjarju uża servizz mingħand persuna li taġixxi b’mod privat fi Stat Membru ieħor.

25      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Portugiża kienet espressament irrikonoxxiet, fir-risposta tagħha, li ma kienet teżisti ebda possibbiltà ta’ rimbors tal-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi stpar minbarra fil-każijiet previsti bir-Regolament Nru 1408/71.

26      Ir-Repubblika Portugiża tikkontesta l-allegati ambigwitajiet jew kontradizzjonijiet li jinsabu fl-ispjegazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-Portugall. Hija tesponi, f’dan ir-rigward, li jeżistu, fl-ordinament ġuridiku Portugiż, żewġ possibbiltajiet ta’ aċċess għas-servizzi tas-saħħa barra mill-pajjijż, li huma previsti, minn naħa, mir-Regolament Nru 1408/71, b’mod partikolari permezz tal-Artikolu 22 tiegħu u, min-naħa l-oħra, permezz tad-Digriet-Liġi Nru 177/92, li jirregola l-“kura medika speċjalizzata ħafna li ma tistax tingħata fit-territorju nazzjonali”.

27      Id-Digriet-Liġi Nru 177/92 għandu jiġi interpetat fil-loġika ta’ funzjonament tas-SNS u huwa intiż sabiex japplika l-liġi qafas dwar is-saħħa, jiġifieri l-liġi Nru 48/90, tal-24 ta’ Awwissu 1990, fejn fl-intestatura XXXV(2) tipprovdi li “[fl-]uniku każ eċċezzjonali fejn huwa impossibbli li jiġi ggarantit fil-Portugall trattament f’kundizzjonijiet eżiġibbli ta’ sigurtà u fejn huwa possibbli li dan isir barra mill-pajjiż, is-servizz nazzjonali tas-saħħa għandu jħallas l-ispejjeż ta’ dan it-trattament”.

28      Id-Digriet-Liġi Nru 177/92 kien ġie maħsub bħala strument ta’ amministrazzjoni tal-isptarijiet. Trattament mediku barra mill-pajjiż ikun possibli meta s-sistema tas-saħħa Portugiża, permezz tal-kapaċità tagħha stabbilita fin-netwerk ta’ kura fl-isptarijiet (netwerk pubbliku jew privat), ma jkollhiex soluzzjoni ta’ kura għall-pazjent assigurat ma’ din is-sistema. Din is-soluzzjoni hija intiża sabiex tipprovdi lill-pazjent il-kura li huwa jkollu bżonn, flimkien ma’ garanzija ta’ kwalità u ta’ effettività medika.

29      Kura barra mill-pajjiż hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, li huma stabbiliti fid-Digriet-Liġi Nru 177/92. Għalhekk it-talbiet għal kura medika speċjalizzata ħafna barra mill-pajjiż għandhom jiġu ppreżentati mill-isptarijiet tas-sistema nazzjonali tas-saħħa, akkumpanjati b’rapport mediku ddettaljat li qabel irid jiġi kkonfermat mill-kap tas-servizz ikkonċernat kif ukoll mid-Direttur mediku [Artikolu 2(1) u (2)]. Id-deċiżjoni finali tkun tad-Direttur tas-saħħa. Minbarra dan, ir-rapport mediku għandu jkollu fih sensiela ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ saħħa tal-pazjent u jispjega l-kura kif ukoll il-postijiet barra mill-pajjiż fejn il-pazjent għandu jiġi operat jew jieħu l-kura. Jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet legali, il-pazjent ikollu dritt għar-rimbors sħiħ tal-ispejjeż, inklużi dawk tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni tal-pazjent kif ukoll ta’ min ikun qed jakkumpanjah. Il-ħlas isir bl-intermedju ta’ unità klinika korrispondenti li hija kompetenti għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni minn qabel (Artikolu 6).

30      Ir-Repubblika Portugiża ssostni li ma għandha ssir ebda distinzjoni bejn il-kura fi sptar u dik mhux fi sptar. Filwaqt li tirreferi għall-kriterju dwar in-natura tal-istabbiliment tas-servizz nazzjonali tas-saħħa inkarigat milli jistabbilixxi ċ-ċertifikazzjoni medika, din hija kura fi sptar, filwaqt li, meta tagħmel riferiment għall-kriterju tal-kura meħtieġa, din hija “assistenza medika speċjalizzata ħafna” ipprovduta mis-servizz tal-isptar jew l-unità ta’ kura barra minn pajjiż, li jista’ jkopri kemm is-servizzi tipiċi ta’ unità ta’ sptar (bħal intervent kirurġiku) kif ukoll eventwali atti mediċi li ma jaqgħux taħt dan il-kunċett strett ta’ kura fi sptar (konsultazzjoni ta’ speċjalisti).

31      Hija żżid li l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tan-neċessità klinika ta’ kura barra mill-pajjiż hija paragunabbli mal-proċedura ta’ trasferiment lejn tabib speċjalizzat.

32      Is-sistema ta’ assistenza medika barra mill-pajjiż, kif prevista mid-Digriet-Liġi Nru 177/92, tikkorrispondi għar-rekwiżiti jew għall-għażla strutturali marbuta mal-funzjonament tas-SNS, li kien inħoloq sabiex jimplementa l-Artikolu 64 tal-Kostituzzjoni Portugiża, li l-paragrafu 2 tagħha jippreċiża li d-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa huwa żgurat “permezz ta’ servizz nazzjonali tas-saħħa universali u ġenerali li jkun mingħajr ħlas fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali taċ-ċittadini”.

 Fuq id-dritt tal-Unjoni

33      Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 49 KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Skont din il-ġurisprudenza, l-Artikolu 49 KE huwa applikabbli meta pazjent jibbenefika, bi ħlas, minn servizzi mediċi fi Stat Membru li ma huwiex dak tar-residenza tiegħu. Issa, id-Digriet-Liġi Nru 177/92 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-ispejjeż mediċi li jkunu saru barra mill-pajjiż ma jipprevedix ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar li jkunu saru fi Stat Membru ieħor, ħlief fil-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1408/71 jew billi jissuġġetta r-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel f’kundizzjonijiet restrittivi.

34      Il-Kummissjoni tqis li s-sistema Portugiża tal-kura mhux fi sptar meħuda fi Stat Membru ieħor ma tistax tiġi ġġustifikata la minn raġunijiet ta’ saħħa pubblika u lanqas mill-allegata eżistenza ta’ periklu gravi għall-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali.

35      Ir-Repubblika Portugugiża ssostni li ebda dispożizzjoni tat-Trattat ma rrikonoxxiet liċ-ċittadini tal-Unjoni d-dritt li jeħtieġu r-rimbors tal-ispejjeż mediċi marbuta ma’ kura mogħtija barra mill-pajjiż jew il-possibbiltà li jeżerċitaw għal kollox dan id-dritt, mingħajr ma dan ikun irregolat minn mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

36      Skont ir-Repubblika Portugiża, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 49 KE għas-servizzi tas-saħħa transkonfinali hija kkaratterizzata mill-assenza ta’ ċertezza legali tagħha. Minbarra dan, hija kienet ġiet żviluppata fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, li jipprekludi t-traspożizzjoni tas-soluzzjonijiet għall-każ preżenti.

37      L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 jissuġġettwa wkoll il-provvista ta’ servizzi tas-saħħa transkonfinali għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u dan anki jekk awtorizzazzjoni minn qabel setgħet tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti sevizzi, l-Artikolu 49 KE ma jiprekludix tali awtorizzazzjoni sakemm hija tiddependi minn kriterji oġġettivi, li l-osservaazzjoni tagħhom hija rekwiżit għar-rimbors tal-ispejjeż mediċi marbuta ma’ kura li ssir fit-territorju nazzjonali.

38      Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża ssostni n-neċessità li tartikola u tikkonċilja l-Artikolu 49 KE mad-dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat u ssostni li l-Artikolu 152(5) KE jiddefinixxi riżerva ta’ kompetenza favur Stati Membri li l-effettività tagħha teskludi kull applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat li jippreġudikaw is-setgħat tal-istituzzjoni nazzjonali li tieħu deċiżjoni fil-qasam ta’ organizzazzjoni, ta’ finanzjament u l-ippjanar tas-sistema nazzjonali tas-saħħa applikata.

39      Ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-awtorizzazzjoni minn qabel hija ġġustifikata min-neċessità li tiggarantixxi l-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali.

40      Ir-Renju ta’ Spanja josserva li l-Artikolu 49 KE ma jimponi fuq l-Istati Membri ebda obbligu li jadottaw atti ta’ traspożizzjoni pożittivi, partikolarment peress li d-direttiva Ewropea hija l-istrument ġuridiku espressament previst mid-dritt tal-Unjoni sabiex jimponi tali atti ġewwa ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Skont dan, l-Artikolu 52 KE jipprovdi espressament li d-direttiva Ewropea tikkostitwixxi l-mezz biex is-suq intern tal-provvista ta’ servizzi jiġi liberalizzat.

41      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx uriet li r-Repubblika Portugiża tapplika l-leġiżlazzjoni tagħha bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 49 KE, b’mod partikolari billi tirrifjuta sistematikament l-awtorizzazzjoni prevista mis-sistema għal kura barra mill-pajjiż.

42       Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Portugiża mal-Artikolu 49 KE, ir-Renju ta’ Spanja jindika li sistema li tipprovdi awtorizzazzjoni minn qabel ma tikkostitwixxix neċessarjament restrizzjoni inġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali jiġġustifikaw tali sistema, b’mod partikolari fil-kuntest tal-provvista tal-kura tas-saħħa fi sptar.

43      Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li għandu jiġi eżaminat jekk il-proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni stabbilita mis-sistema Portugiża tibbażax fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji li huma magħrufa minn qabel mill-partijiet ikkonċernati u li jippermettu li jsiru magħrufa l-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44      Il-Kummissjoni, wara r-rinunjza tagħha kif ippreċiżat fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, takkuża lir-Repubblika Portugiża li naqset li twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 49 KE peress li hija ma tipprovdix, fid-Digriet-Liġi Nru 177/92, jew f’kull miżura oħra tad-dritt nazzjonali, il-possibbiltà ta’ rimbors tal-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar sostnuti fi Stat Membru ieħor, ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti mir-Regolament (KEE) Nru 1408/71, jew, fil-każijiet fejn dan id-Digriet-Liġi rrikonoxxa l-possibbiltà ta’ rimbors tal-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar sostnuti fi Stat Membru ieħor, billi tissuġġetta r-rimbors għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

45      Ir-Repubblika Portugiża, filwaqt li tirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 152(2) KE, tikkontesta prinċipalment, l-applikabbiltà tal-Artikolu 49 KE fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali.

46      Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-servizzi mediċi li jingħataw bi ħlas jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Kohll, C‑158/96, Ġabra p. I‑1931, punt 29, u tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, Ġabra p. I‑8889, punt 36), mingħajr ma jkun hemm lok li ssir distinzjoni skont jekk il-kura tkunx ingħatat f’kuntest ta’ sptar jew barra minn tali kuntest (sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Vanbraekel et, C‑368/98, Ġabra p. I‑5363, punt 41; tat-13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet, C‑385/99, Ġabra p. I‑4509, punt 38; tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C‑372/04, Ġabra p. I‑4325, punt 86, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

47      Ċertament, huwa paċifiku li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-benefiċċji fil-qasam tas-sigurtà soċjali (ara s-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑490/09, Ġabra p. I‑247, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hemm lok, ukoll, li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 152(5) KE, l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika għandha tosserva bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fil-qasam ta’ organizzazzjoni u l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ kura medika (ara s-sentenza Watta, iċċitata iktar ’il fuq, punt 146).

48      Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C‑157/99, Ġabra p. I‑5473, punti 44 sa 46; Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100; Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92; Elchinov, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40; tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑211/08, Ġabra p. I‑5267, punt 53, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

49      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 152(5) KE ma jeskludix li l-Istati Membri għandhom l-obbligu, skont dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, bħall-Artikolu 49 KE, li jadottaw tibdiliet għas-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom, mingħajr madankollu ma jiġi kkunsidrat li minħabba dan il-fatt ġiet ippreġudikata l-kompetenza sovrana tagħhom f’dan il-qasam (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Watts, punt 147, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, punt 45).

50      Bl-istess mod, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-natura tas-sistema nazzjonali tas-saħħa Portugiża, għandu jitfakkar li ċ-ċirkustanza li leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-qasam tas-sigurtà soċjali u iktar speċifikament, tipprovdi, fir-rigward ta’ assigurazzjoni għall-mard, għal benefiċċji in natura pjuttost milli rimbors, ma jfissirx illi l-kura medika ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-libertà fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Müller-Fauré u van Riet, punt 103; punt 89, Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 47, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, punt 36).

51      Mill-bqija, servizz mediku ma jitlifx il‑kwalifika tiegħu bħala provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE għar‑raġuni li l-pazjent, wara li jkun ħallas lil min ikun ipprovdielu s-servizz barra mill-pajjiż għall-kura li jkun ingħata, jitlob sussegwentement il-ħlas ta’ din il-kura minn servizz nazzjonali tas-saħħa (sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

52      Jirriżulta minn dan li l-Artikolu 49 KE japplika għall-qasam tal-kura transkonfinali.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Portugiża inkwisjtoni tikkostitwixxix nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 49 KE.

54      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-Artikolu 49 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interna fi Stat Membru (ara b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Stamatelaki, C‑444/05, Ġabra p. I‑3185, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Sabiex isir dan l-eżami, għandha l-ewwel nett tiġi kkjarifikata s-sistema prevista mil-leġiżlazzjoni Portugiża għar-rimbors tal-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar sostnuti fi Stat Membru ieħor.

56      Huwa paċifiku li, minbarra ċirkustanzi previsti mir-Regolament Nru 1408/71 mhux imsemmija minn dan ir-rikors, id-Digriet-Liġi Nru 177/92 jikkostitwixxi l-unika leġiżlazzjoni Portugiża applikabbli fil-qasam tar-rimbors tal-kura medika mogħtija barra mill-pajjiż.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 1 tad-Digriet-Liġi Nru 177/92 jipprovdi li dan jirregola “[l]-assistenza medika speċjalizzata ħafna barra minn pajjiż, li ma tistax tingħata fil-pajjiż minħabba nuqqas ta’ mezzi tekniċi jew umani”.

58      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 177/92 jipprevedi r-rimbors, fil-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi, tal-ispejjeż mediċi mhux fi sptar marbuta ma’ kura medika “speċjalizzata ħafna” barra mill-pajjiż li ma tistax tingħata fil-Portugall. Ma teżistix, min-naħa l-oħra, ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti mir-Regolament Nru 1408/71, ebda possibbiltà ta’ rimbors tal-ispejjeż mediċi għal kura mhux fi sptar barra mill-pajjiż mhux imsemmija mid-Digriet-Liġi Nru 177/92, hekk kif il-Gvern Portugiż finalment ammetta waqt is-seduta.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tar-rinunzja parzjali tal-Kummissjoni, għandha tiġi eżaminata suċċessivament is-sitwazzjoni tal-kura medika “speċjalizzata ħafna” li ma timplikax l-użu ta’ apparat tqil u li jiswa’ l-flus elenkat b’mod eżawrjenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li d-Digriet-Liġi Nru 177/92 jissuġġetta r-rimbors tagħha għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel (il-kura mhux fi sptar li ma hijiex “sostanzjali” imsemmija mid-Digriet-Liġi Nru 177/92), u dik tal-kura mhux fi sptar, mhux imsemmija mid-Digriet-Liġi Nru 177/92, li għaliha d-dritt Portugiż ma jipprovdix il-possibbiltà ta’ rimbors (il-kura mhux fi sptar li ma hijiex “sostanzjali”, mhux imsemmija mid-Digriet-Liġi Nru 177/92), fejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet jikkorrispondu għaż-żewġ ilmenti alternattivi fformulati mill-Kummissjoni.

 F’dak li jikkonċerna l-kura mhux fi sptar li ma hijiex “sostanzjali” msemmija mid-Digriet-Liġi Nru 177/92

60      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sempliċi rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li għaliha huwa suġġett il-ħlas mill-istituzzjoni kompetenti, skont is‑sistema ta’ kopertura fis‑seħħ fl‑Istat Membru li taqa’ taħtu, tal-kura ppjanata fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kemm għall-pazjenti kif ukoll għal min jipprovdi s-servizzi, peress li tali sistema tiskoraġġixxi lil dawn il-pazjenti, jew tipprekludihom milli jindirizzaw ruħhom għand min jipprovdi servizzi mediċi stabbilit fi Stat Membru ieħor sabiex jiksbu l-kura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kohll, punt 35; Smits u Peerbooms, punt 69; Müller-Fauré u van Riet, punti 41, 44 u 103; Watts, punt 98, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 32).

61      F’dan il-każ, id-Digriet-Liġi Nru 177/92 jissuġġetta r-rimbors tal-ispejjeż mediċi li jsiru barra mill-pajjiż għal kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tripla. Skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-Digriet-Liġi, ir-rimbors fil-fatt jeħtieġ rapport mediku pożittiv iddettaljat, miktub mit-tabib kuranti u approvat mid-Direttur mediku tas-servizz tal-isptar u d-deċiżjoni favorevoli tad-Direttur Ġenerali tal-isptarijiet.

62      Jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tipprekludix direttament il-pazjenti kkonċernati li jindirizzaw ruħhom għand persuna li tipprovdi servizzi mediċi stabbilita fi Stat Membru ieħor, il-perspettiva ta’ telf finanzjarju fl-assenza ta’ ħlas tal-ispejjeż mediċi mis-sistema nazzjonali tas-saħħa sussegwentement għal deċiżjoni amministrattiva negattiva hija, fiha nfisha, manifestament ta’ natura li tiskoraġġihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kohll, punt 35; Smits u Peerbooms, punt 69, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 44). Il-kumplessità ta’ din il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, li hija artikolata b’mod partikolari fi tliet stadji, tikkostitwixxi fattur dissważiv supplimentari għall-użu ta’ servizzi tas-saħħa transkonfinali.

63      Minbarra dan, id-Digriet-Liġi Nru 177/92 ma jipprovdix il-ħlas tal-kura medika barra mill-pajjiż ħlief fl-uniku każ eċċezzjonali fejn is-sistema tas-saħħa Portugiża ma għandhiex soluzzjoni ta’ kura għall-persuna marida affiljata ma’ din is-sistema. Din il-kundizzjoni tista’, min-natura tagħha stess, tillimita b’mod qawwi ċ-ċirkustanzi li fihom awtorizzazzjoni tista’ tinkiseb (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Smits u Peerbooms, punt 64, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 42).

64      L-argument tal-Gvern Portugiż li l-proċedura ta’ “ċertifikazzjoni minn qabel tan-neċessità klinika” (“referenciação prévia da necessidade clínica”) ta’ kura barra mill-pajjiż stabbilita mid-Digriet-Liġi Nru 177/92 hija paragunabbli ma’ riferiment lejn tabib speċjalist fit-territorju nazzjonali ma jistax jiġi aċċettat.

65      Fil-fatt, minn naħa, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Portugiż fin-noti tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-aċċess għall-kura speċjalista fit-territorju nazzjonali, iggarantit mis-SNS, jiddependi sempliċement mill-kisba ta’ ċertifikazzjoni tan-neċessità klinika tagħhom mogħtija mit-tabit kuranti u mhux minn awtorizzazzjoni minn qabel tripla ekwivalenti għal dik prevista mid-Digriet-Liġi Nru 177/92 għar-rimbors tal-ispejjeż mediċi sostnuti fi Stat Membru ieħor.

66      Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni restrittiva ħafna msemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, mid-definizzjoni tagħha, ma tapplikax għall-kura mogħtija fil-Portugall.

67      Bl-istess mod, in-natura restrittiva tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista mid-Digriet-Liġi Nru 177/92 ma hijiex ikkontestata mill-affermazzjoni li l-benefiċjarji tas-servizz nazzjonali tas-saħħa li għandhom rikors għall-kura tas-saħħa mogħtija barra mill-kuntest tas-SNS, minn persuni li jipprovdu servizzi li jinsabu fit-territorju nazzjonali, iħallsu kompletament din il-kura.

68      Fil-fatt, sabiex tiġi applikata l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-kundizzjonijiet dwar l-assunzjoni tar-responsabbiltà, mill-imsemmi servizz, għall-ħlas tal-ispejjeż tal-kura fl-isptarijiet li għandha tingħata fi Stat Membru ieħor ma għandhomx jiġu pparagunati mat-trattament li d-dritt nazzjonali jirrizerva għas-servizzi ta’ kura fl-isptarijiet li l-pazjenti jingħataw fi stabbilimenti lokali privati. Bil-kontra ta’ dan, il-paragun għandu jsir mal-kundizzjonijiet li fihom jingħataw tali servizzi minn dan is-servizz fil-kuntest tal-infrastrutturi tal-isptarijiet li jaqgħu taħtu (sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100).

69      Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża tiżbalja meta tqis li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 iqajjem il-prinċipju tar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal kull kura fi Stat Membru ieħor.

70      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-fatt li miżura nazzjonali tista’ eventwalment tkun konformi ma’ dispożizzjoni ta’ dritt sekondarju, f’dan il-każ l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, ma għandux bħala effett li din il-miżura ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Minbarra dan, l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa intiż sabiex jippermetti lill-persuna assigurata, li hija awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti sabiex tmur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk tirċievi kura xierqa għas-sitwazzjoni tagħha, li tibbenefika minn benefiċċji tal-mard in natura, mingħand l-istituzzjoni kompetenti, iżda skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Istat li fih dawn is-servizzi huma pprovduti, b’mod partikolari fil-każ fejn it-trasferiment isir neċessarju minħabba s-sitwazzjoni ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, u dan mingħajr ma ssostni spejjeż supplimentari. Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, interpretat fid-dawl tal-għan tiegħu, ma għandux bħala għan li jirregola u, għalhekk, bl-ebda mod ma jipprekludi r-rimbors mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni, skont it-tariffi fis-seħħ f’dan l-Istat Membru, ta’ spejjeż sostnuti minħabba kura pprovduta fi Stat Membru ieħor, anki fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel (sentenza Kohll, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 27).

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorizzazzjoni minn qabel inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 49 KE.

72      Peress li l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija stabbilita, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk din il-leġiżlazzjoni Portugiża inkwistjoni tistax tiġi ġġustifikata minħabba raġuni imperattivi u li jiġi żgurat, f’każ simili, skont ġurisprudenza stabbilita, li hija ma teċċedix dak li huwa oġġettivament neċċessarju għal dan il-għan u li dan ir-riżultat ma jistax jinkiseb permezz ta’ regoli inqas restrittivi (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummisjoni vs Il‑Ġermanja, 205/84, Ġabra p.I‑3755, punti 27 u 29; tas-26 ta’ Frar 1991, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑180/89, Ġabra p. I‑709, punti 17 u 18; kif ukoll tal-20 ta’ Mejju 1992, Ramarth, C‑106/91, Ġabra p. I‑3351, punti 30 u 31).

–       Żamma tal-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali

73      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ma jistax jiġi eskluż li riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li tista’ tiġġustifika ostakolu għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Għalhekk, hija ammettiet li rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jista’ taħt ċerti kundizzjonijiet, ikun iġġustifikat minn tali kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ kura fi sptar (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Smits u Peerbooms, punti 76 sa 81; Müller-Fauré u van Riet, punti 76 sa 81, kif ukoll Watts, punti 108 sa 110), kif ukoll f’dak ta’ kura medika li, minkejja li tista’ tingħata barra minn kuntest ta’ sptar, teħtieġ l-użu ta’ apparat tqil u li jiswa’ l-flus elenkat b’mod eżawrjenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 sa 42).

75      Madankollu, fir-rigward ta’ kura mhux fi sptar li ma hijiex “sostanzjali”, imsemmija mid-Digriet-Liġi Nru 177/92, għandu jiġi kkonstatat li ebda element preċiż ma tressaq mill-Gvern Portugiż insostenn tal-affermazzjoni li l-libertà mogħtija lill-persuni assigurata li jiċċaqilqu, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak fejn hija stabbilita l-iskema ta’ mard li jaqgħu taħta, sabiex jittieħed benefiċċju minn din il-kura, tista’ tippreġudika b’mod serju l-ekwilibriju finanzjarju tas-SNS.

76      Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li t-tneħħija tar-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni minn qabel għal din it-tip ta’ kura joħloq ċaqliq transkonfinali ta’ pazjenti ta’ importanza tali, minkejja l-barrieri lingwistiċi, id-distanza ġeografika, l-ispejjeż ta’ residenza barra mill-pajjiż, li l-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali Portugiża jiġi mfixkel serjament u li, minn dan il-fatt, il-livell globali ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika jkun mhedded, li jista’ validament jiġġustifika ostakolu għall-prinċipju fundamentali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

77      Madankollu, il-kura ġeneralment tingħata f’post li jinsab viċin il-post fejn jirrisjedi l-pazjent, f’ambjent kulturali li huwa familjari għalih u li jagħtih il-possibbiltà li jibni relazzjoni ta’ fiduċja mat-tabib kuranti. Minbarra f’każijiet ta’ emerġenza, iċ-ċaqliq transkonfinali ta’ pazjenti jseħħ fuq kollox fir-reġjuni li jinsabu mal-fruntiera jew għal kura ta’ patoloġiji speċifiċi (sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96).

78      Dawn id-diversi ċirkustanzi jidhru li huma ta’ natura li jillimitaw l-impatt finanzjarju possibbli fuq is-SNS tat-tneħħija tar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel f’dak li jirrigwarda l-kura pprovduta fil-klinika tat-tabib barranija.

79      F’kull każ, għandu jitfakkar illi l-Istati Membri biss jistgħu jiddeterminaw il-portata tal-kopertura għall-mard li minnha jibbenefikaw il-persuni assigurati, b’mod li, meta l-persuni assigurati jmorru fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-fond għall-mard tagħhom huwa stabbilit mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, sabiex jirċievu l-kura hemmhekk, huma jistgħu jitolbu l-ħlas tal-ispejjeż tal-kura mogħtija lilhom biss fil-limiti tal-kopertura ggarantita lilhom mill-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard fl-Istat Membru ta’ assigurazzjoni (sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98).

–       Kontroll tal-kwalità tas-servizzi tas-saħħa pprovduti barra mill-pajjiż

80      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Portugiża li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi pprovduti, għandu jitfakkar li, jekk l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jillimitaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, din il-possibbiltà madankollu ma tippermettilhomx li jeskludu s-settur tas-saħħa pubblika, bħala settur ekonomiku u mill-perspettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mill-protezzjoni tal-libertà fundamentali ta’ moviment liberu (sentenza Kohll, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 46).

81      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-każijiet tas-servizzi mhux fi sptar, li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess u ta’ eżerċizzju tal-attivitajiet relatati magħhom kienu s-suġġett ta’ diversi direttivi ta’ koordinazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni, b’mod li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma jistax jiġi ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-kwalità tas-servizzi pprovduti barra mill-pajjiż (ara s-sentenza Kohll, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

82      F’kull każ, id-Digriet-Liġi Nru 177/92 jissuġġetta l-awtorizzazzjoni minn qabel mhux għall-verifika tal-kwalità tal-kura pprovduta fi Stat Membru ieħor, iżda għan-nuqqas ta’ disponibbiltà tagħha fil-Portugall.

83      Isegwi li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għar-rimbors tal-ispejjeż mediċi inkwistjoni ma jistax jiġi ġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa minħabba n-neċessità ta’ kontroll tal-kwalità tas-servizzi tas-saħħa pprovduti barra mill-pajjiż.

–       Karatteristiċi essenzjali tas-SNS

84      Skont ir-Repubblika Portugiża, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel hija ġġustifikata mill-ispeċifiċità tal-organizzazzjoni u tal-funzjonament tas-SNS, b’mod partikolari mill-assenza ta’ mekkaniżmu ta’ rimbors tal-ispejjż mediċi u mill-obbligu li wieħed irid jgħaddi minn tabib mhux speċjalista għall-finijiet ta’ konsultazzjoni ma’ tabib speċjalista.

85      Hemm lok li jiġi osservat f’dan ir-rigward li, fil-kuntest stess tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, l-Istati Membri li stabbilixxew sistema ta’ benefiċċji in natura, jew servizz nazzjonali tas-saħħa, għandhom f’kull każ jipprovdu mekkaniżmi għar-rimbors a posteriori għall-kura pprovduta fi Stat Membru differenti minn dak kompetenti (sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105).

86      Bl-istess mod, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji, inkwantu la huma diskriminatorji u lanqas ma jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-persuni, jibqgħu applikabbli fejn il-kura tiġi pprovduta fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-persuna hija affiljata. Dan japplika b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżit li jiġi kkonsultat tabib mhux speċjalista qabel ma jiġi kkonsultat tabib speċjalista (sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 106).

87      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li xejn ma jwaqqaf lill-Istat Membru kompetenti li għandu sistema ta’ benefiċċji in natura, milli jiddetermina l-ammonti ta’ rimbors li pazjenti li jkunu ngħataw kura fi Stat Membru ieħor jistgħu jitolbu, sakemm dawn l-ammonti jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u trasparenti (sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 107).

88      Konsegwentement, il-karatteristiċi essenzjali tas-SNS ma jippermettux li jiġi ġġustifikat ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel previst mid-Digriet-Liġi Nru 177/92, sabiex jinkiseb ir-rimbors tal-kura tas-saħħa mhux fi sptar, mogħtija fi Stat Membru ieħor.

89      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 KE meta ssuġġettat, fid-Digriet-Liġi Nru 177/92, għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ir-rimbors tal-kura mhux fi sptar “speċjalizzata ħafna” sostnuta fi Stat Membru ieħor, li ma timplikax l-użu ta’ apparat tqil u bi ħlas elenkat b’mod eżawrjenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

 F’dak li jikkonċerna l-kura mhux fi sptar barra dik “sostanzjali” mhux imsemmija mid-Digriet-Liġi Nru 177/92

90      Id-Digriet-Liġi Nru 177/92 jirregola biss l-assistenza medika speċjalizzata ħafna barra mill-pajjiż. Isegwi li, għal kura mhux fi sptar, mhux imsemmija mid-Digriet-Liġi Nru 177/92, ħlief f’ċirkustanzi previsti bir-Regolament Nru 1408/71, id-dritt Portugiż ma jipprovdix il-possibbiltà ta’ rimbors. Ir-Repubblika Portugiża barra minn hekk ammettiet waqt is-seduta li l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż mediċi mhux fi sptar sostnuti fi Stat Membru ieħor, bħal konsultazzjoni ta’ tabib mhux speċjalista, jew dentist, bl-ebda mod ma huwa previst.

91      Ir-Repubblika Portugiża ma resqet ebda argument speċifiku insostenn tal-kompatibbiltà ta’ din l-assenza ta’ ħlas mal-Artikolu 49 KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

92      F’kull każ, il-motivi relatati kemm man-natura restrittiva tar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kif ukoll ma’ l-assenza ta’ ġustifikazzjoni leġittima tagħha japplikaw b’mod ċar a fortiori fir-rigward tal-kura medika mhux fi sptar li għaliha ma teżisti ebda possibbiltà ta’ rimbors.

93      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 49 KE billi ma pprovdietx, ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti bir-Regolament (KEE) Nru 1408/71, il-possibbiltà ta’ rimbors tal-kura medika mhux fi sptar sostnuta fi Stat Membru ieħor, mhux imsemmija mid-Digriet-Liġi Nru 177/92.

94      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat.

95      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma pprovdietx, ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti bir-Regolament Nru 1408/71, il-possibbiltà ta’ rimbors tal-kura medika mhux fi sptar sostnuta fi Stat Membru ieħor, li ma jimplikax l-użu ta’ apparat tqil u bi ħlas elenkat b’mod eżawrjenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew, fil-każijiet fejn id-Digriet-Liġi Nru 177/92 irrikonoxxa l-possibbiltà ta’ rimbors għal din il-kura, billi ssuġġettat ir-rimbors tagħha għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 KE.

 Fuq l-ispejjeż

96      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 69(3), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, għal raġunijiet eċċezzjonali. F’dan il-każ, ir-Repubblika Portugiża tilfet, iżda sostniet, matul il-proċedura kollha, spejjeż intiżi sabiex tikkonfuta l-ilmenti li l-Kummissjoni rrinunzjat għalihom wara s-seduta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni u r-Repubblika Portugiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

97      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) ta’ dawn l-istess regoli, ir-Repubblika ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Finlandja, bħala partijiet intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma pprovdietx, ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1992/2006, tat-18 ta’ Diċembru 2006, il-possibbiltà ta’ rimbors tal-kura medika mhux fi sptar sostnuta fi Stat Membru ieħor, li ma jimplikax l-użu ta’ apparat tqil u bi ħlas elenkat b’mod eżawrjenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew, fil-każijiet fejn id-Digriet-Liġi Nru 177/92, tat-13 ta’ Awwissu 1992, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi sostnuti barra mill-pajjiż, irrikonoxxa l-possibbiltà ta’ rimbors għal din il-kura, billi ssuġġettat ir-rimbors tagħha għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 KE

2)      Ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.