Language of document : ECLI:EU:C:2011:814

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Artikolu 88(3) KE – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija taħt forma ta’ garanzija lil min isellef sabiex ikun jista’ jagħti kreditu lil min jissellef – Ksur tar-regoli ta’ proċedura – Obbligu ta’ rkupru – Nullità – Setgħat tal-qorti nazzjonali”

Fil-Kawża C‑275/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjizi l-Baxxi) permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2010, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ġunju 2010, fil-proċedura

Residex Capital IV CV

vs

Gemeente Rotterdam,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President ta’ Awla, M. Safjan, A. Borg‑Barthet, E. Levits u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ April 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Residex Capital IV CV, minn M. Scheltema u E. Schotanus, advocaten,

–        għall-Gemeente Rotterdam, minn J. van den Brande u M. Custers, advocaten,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. van Vliet u S. Thomas, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 88(3) KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Residex Capital IV CV (iktar ’il quddiem “Residex”) u l-Gemeente Rotterdam (il-Komun ta’ Rotterdam) fir-rigward ta’ garanzija mogħtija mill-Gemeentelijk Havenbedrijf Rotterdam (kumpannija komunali tal-port ta’ Rotterdam, iktar ’il quddiem il-“GHR”) lil Residex, bil-għan li tkopri kreditu mogħti minn din tal-aħħar lil persuna li ssellfet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), tipprovdi li ġej:

“Billi f’każijiet ta’ għajnuna llegali li m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha terġa titqajjem kompetizzjoni effettiva; billi għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna, li tinkludi l-imgħax, għandha tinġieb lura mingħajr dewmien; billi huwa xieraq li r-radd lura jsir f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali; […]”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

f)      ‘għajnuna kontra l-liġi’; għandha tfisser għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f’kontravenzjoni ta’ l-Artikolu [88](3) tat-Trattat;

[…]”

5        L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali (ĠU 2009, C 85, p. 1) jipprovdi fil-punt 28 tiegħu, taħt it-titolu “Prevenzjoni tal-ħlas tal-għajnuna mogħtija kontra l-liġi”:

“[…] Il-qrati nazzjonali, għalhekk, għandhom jiġbdu l-konsegwenzi legali kollha xierqa, skont il-liġi nazzjonali, fejn ikun seħħ xi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat […]”

6        Il-punt 30 tal-istess komunikazzjoni, li jinsab taħt it-titolu “Rkupru tal-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi”, huwa fformulat kif ġej:

“Meta qorti nazzjonali tkun ikkonfrontata b’għajnuna mogħtija kontra l-liġi, din għandha tiġbed il-konsegwenzi legali kollha minn din l-illegalità skont il-liġi nazzjonali. Il-qorti nazzjonali, għaldaqstant, għandha fil-prinċipju tordna l-irkupru sħiħ […] tal-għajnuna mill-Istat li ngħatat kontra l-liġi. L-ordni tal-irkupru sħiħ ta’ għajnuna mogħtija kontra l-liġi hija parti mill-obbligu tal-qorti nazzjonali li tipproteġi d-drittijiet individwali ta’ min għamel it-talba (eż. Il-kompetitur) taħt l-Artikolu 88(3) tat-Trattat [KE]. L-obbligu ta’ rkupru tal-qorti nazzjonali mhux dipendenti fuq il-kompatibbilità tal-miżura ta’ għajnuna mal-Artikolu 87(2) jew (3) tat-Trattat [KE].”

7        Fit-tielet paragrafu tal-punt 2.1, tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il-garanziji”), huwa speċifikat:

“[…] Il-benefiċċju ta’ garanzija mill-Istat huwa li r-riskju assoċjat mal-garanzija jittieħed mill-Istat. It-teħid ta’ dan ir-riskju mill-Istat għandu normalment jiġi remunerat bi premium xieraq. Fejn l-Istat iċedi l-premium kollu jew parti minnu, ikun hemm kemm benefiċċju għall-impriża kif ukoll tnaqqis tar-riżorsi ta’ l-Istat. […]”

8        Skont il-punt 2.2 tal-istess komunikazzjoni:

“Normalment, il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna huwa min jissellef. [...]F’xi każi, min jissellef ma jsibx, mingħajr garanzija mill-Istat, istituzzjoni finanzjarja li tkun lesta ssellef bi kwalunkwe termini [...] Bl-istess mod, garanzija mill-Istat tista’ tgħin lil kumpanija f’diffikultajiet tibqa’ attiva minflok li din tiġi eliminata jew ristrutturata, u b’hekk tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni li tista’ tinqala’. [...]”

9        Taħt it-titolu “Għajnuna lil min isellef”, il-punt 2.3 ta’ din il-komunikazzjoni jipprovdi kif ġej:

“2.3.1      Anke jekk normalment il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna jkun min jissellef, ma jistax jiġi eskluż li taħt ċerti ċirkostanzi min isellef jibbenefika direttament mill-għajnuna wkoll. B’mod partikolari, pereżempju, jekk garanzija mill-Istat tingħata ex post fir-rigward ta’ self jew obbligu finanzjarju ieħor konkluż mingħajr aġġustament tat-termini ta’ dan is-self jew obbligu finanzjarju, jew jekk self garantit jintuża sabiex jitħallas lura self ieħor mhux garantit lill-istess istituzzjoni ta’ kreditu, jista’ jkun hemm ukoll għajnuna lil min isellef, u dan safejn tiżdied is-sigurtà tas-selfiet. [...]

2.3.2      Il-garanziji huma differenti minn miżuri oħra ta’ għajnuna mill-Istat, bħal għotjiet u eżenzjonijiet mit-taxxa, billi, fil-każ ta’ garanzija, l-Istat jidħol ukoll f’relazzjoni ġuridika ma’ min isellef. Għalhekk, għandhom jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi possibbli għal partijiet terzi minħabba għajnuna mill-Istat mogħti kontra l-liġi. […] Il-kwistjoni dwar jekk l-illegalità ta’ l-għajnuna taffettwax ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-Istat u l-partijiet terzi hija kwistjoni li għandha tiġi eżaminata taħt il-liġi nazzjonali. […]”

10      Il-punt 3.2 tal-komunikazzjoni dwar il-garanziji, intitolat “Garanziji individwali”, jipprovdi:

“Fir-rigward ta’ garanzija individwali mill-Istat, il-Kummissjoni tikkunsidra li biex tiġi eskluża l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat ikun biżżejjed li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

[…]

c)      Il-garanzija ma tkoprix aktar minn 80 % tas-self jew ta’ l-obbligu finanzjarju ieħor dovut; […]

Il-Kummissjoni tikkunsidra li jekk obbligu finanzjarju jkun kompletament kopert b’garanzija mill-Istat, min isellef ikollu inqas inċentiv sabiex jevalwa, jassigura u jnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju li joħroġ mill-operazzjoni tas-self, u b’mod partikolari sabiex jevalwa kif xieraq il-kapaċità ta’ min jissellef li jħallas lura s-self. […] Dan in-nuqqas ta’ inċentiv li jitnaqqas ir-riskju li s-self ma jitħallasx lura jista’ jinkuraġġixxi lil min isellef li jikkonkludi selfiet b’riskju kummerċjali akbar minn dak normali […]

[…]”

11      Il-punt 4.1 ta’ din il-komunikazzjoni jispeċifika:

“[…] Bħala punt ta’ prinċipju, l-element ta’ l-għajnuna mill-Istat jiġi meqjus li jkun id-differenza bejn il-prezz xieraq tas-suq tal-garanzija pprovduta individwalment jew permezz ta’ skema u l-prezz attwalment imħallas għal dik il-miżura.

[…]

Fil-kalkolu ta’ l-element ta’ l-għajnuna f’garanzija, il-Kummissjoni ser tiddedika attenzjoni speċjali lill-elementi li ġejjin:

a)      Jekk fil-każ ta’ garanziji individwali min jissellef jinsab f’diffikultà finanzjarja […]

Il-Kummissjoni tinnota li għal kumpanniji f’diffikultà, garanti tas-suq, jekk ikun hemm, jitlob fiż-żmien meta ssir il-garanzija ħlas ta’ premium għoli meta wieħed iqis ir-rata mistennija ta’ inadempjenza. Jekk il-probabilità li min jissellef ma jkunx kapaċi jħallas lura s-self issir partikolarment kbira, huwa possibbli li din ir-rata tas-suq ma tkunx teżisti u f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-element ta’ l-għajnuna tal-garanzija jista’ jirriżulta li jkun għoli daqs l-ammont effettivament kopert minn dik il-garanzija.

[…]”

 Id-dritt Olandiż

12      L-Artikolu 3:40(2), tal-Kodiċi Ċivili Olandiż jipprovdi kif ġej:

“Il-ksur ta’ dispożizzjoni legali vinkolanti jwassal għan-nullità tal-att, jew tal-inqas, jekk id-dispożizzjoni tikkontempla biss il-protezzjoni ta’ waħda mill-partijiet kontraenti f’att multilaterali, il-possibbiltà li jiġi annullat l-att, u dan f’kull każ, sakemm ma jirriżultax mill-portata tad-dispożizzjoni li għandu jkun mod ieħor”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Fl-2001, Residex akkwistat azzjonijiet fil-kumpannija MD Helicopters Holding NV (iktar ’il quddiem “MDH”), sussidjarja tal-kumpannija RDM Aerospace NV (iktar ’il quddiem “Aerospace”). Fil-kuntest ta’ dan l-akkwist, Residex kienet kisbet id-dritt li tbigħ li bis-saħħa tiegħu hija setgħet terġa’ tbigħ l-azzjonijiet f’MDH lil Aerospace. Matul ix-xahar ta’ Frar 2003, wara li ċaħdet talba intiża jew sabiex iżżid is-sehem tagħha fil-kapital ta’ MDH, jew inkella sabiex tagħti self lil din tal-aħħar jew lil Aerospace, Residex eżerċitat dan id-dritt.

14      Madankollu Residez ma kisbitx il-pagament tal-prezz ta’ bejgħ tal-azzjonijiet tagħha, li kien jammonta għal madwar EUR 8.5 miljun, liema somma hija jmissha rċeviet minħabba l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kap tad-dipartiment tal-GHR ippropona lil Residex sabiex tittrasforma l-kreditu tagħha f’self u sabiex iżżid dan l-ammont ma’ self ta’ USD 15-il miljun (li f’dak iż-żmien kien ekwivalenti għal madwar EUR 13 922 405) li Residex tagħti lil Aerospace. Bħala kontroparti, il-GHR kienet ser tobbliga lilha nnifisha sabiex tikkostitwixxi garanzija intiża sabiex tkopri l-ammont ta’ dan is-self.

15      Permezz ta’ kuntratt tat-3 ta’ Marzu 2003, ikkompletat f’Mejju 2003, is-self miftiehem kien ta’ EUR 23 040 657.03, inklużi l-interessi u l-ispejjeż. Permezz ta’ kuntratt tal-istess data, il-GHR daħlet bħala garanti favur Residex għal ammont massimu ta’ EUR 23 012 510, kif ukoll għall-interessi u għall-ispejjeż tas-self.

16      Huwa paċifiku li Aerospace irrimborsat parti minn dan is-self, li kienet tammonta għal EUR 16 000 000. Wara li kkonstatat li l-bqija tas-self, flimkien mal-interessi, ma kienx ġie rrimborsat minn Aerospace, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2004 indirizzata lil Gemeente Rotterdam, Residex sejħet lil din tal-aħħar bħala garanti u talbet il-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 10 240 252, flimkien mal-ammont tal-interessi u tal-ispejjeż. Peress li l-Gemeente Rotterdam irrifjutat li tħallas dan l-ammont, Residex ressqet azzjoni quddiem il-qrati Olandiżi.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007, ir-Rechtbank Rotterdam iddikjarat bħala fondat il-motiv tal-Gemeente Rotterdam, li jgħid li l-garanzija hija nulla minħabba li hija tikser id-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u, b’hekk, ċaħdet it-talba ta’ Residex. L-appell ippreżentat minn din tal-aħħar kontra din is-sentenza ġie miċħud mill-Gerechtshof te ’s-Gravenhage (qorti ta’ appell ta’ Den Haag) permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008.

18      Għalhekk Residex ippreżentat appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Fl-istadju tal-proċeduri fil-kassazzjoni hija osservat li ma hijiex ikkontestata l-konstatazzjoni tal-Gerechtshof te ’s-Gravenhage li tgħid li peress li l-garanzija hija miżura ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE, hija jmissha ġiet innotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) KE.

19      Residex tilmenta b’mod partikolari lill-Gerechtshof te ’s-Gravenhage talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 88(3) KE jaffettwa l-validità tal-miżuri ta’ implementazzjoni inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni biss meta n-nullità ta’ dawn il-miżuri twassal għat-tneħħija tal-għajnuna illegali mogħtija lill-benefiċjarju u, b’konsegwenza ta’ dan, twassal għat-tneħħija tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa minħabba l-implementazzjoni tal-għajnuna, jiġifieri, f’dan il-każ, l-irkupru tas-self mogħti lil Aerospace.

20      Billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks (C‑390/98, Ġabra p. I‑6117, punti 73 sa 80) u tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, Ġabra p. I‑469, punti 34 sa 55), il-Hoge Raad der Nederlanden tqis li t-tneħħija tal-għajnuna illegali permezz tal-irkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha u li l-qorti nazzjonali għandha tilqa’ t-talba ta’ rimbors tal-għajnuna mogħtija bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE.

21      B’hekk, fil-każ inkwistjoni, bil-kontra ta’ dak li ssostni Residex, il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage kienet kompetenti sabiex tannulla, skont l-Artikolu 3:40(2) tal-Kodiċi Ċivili Olandiż, att ġuridiku li jimplementa din l-għajnuna, sa fejn hija inkompatibbli mal-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat KE. Barra minn hekk il-Hoge Raad der Nederlanden tosserva li f’kawża simili li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑404/97, Ġabra p. I‑4897), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-garanzija ma kinitx valida u kkunsidrat li għalhekk il-qorti nazzjonali kellha tannullaha fil-kuntest tal-obbligu tagħha li tneħħi konsegwenzi ta’ għajnuna illegali.

22      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-annullament tal-garanzija jikkostitwixxix miżura effikaċi sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet tippreċedi l-għoti tal-kreditu, b’mod partikolari għall-finijiet tal-protezzjoni tal-partijiet affettwati minn distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għoti ta’ dan il-kreditu. F’dan ir-rigward hija tindika li l-annullament tal-garanzija b’dankollu ma’ jagħtix lok għat-tneħħija tad-distrosjoni tal-kompetizzjoni, jiġifieri tal-kreditu miksub minn Aerospace li minnu din il-kumpannija ma setgħetx tibbenefika f’ċirkustanzi normali tas-suq. Sabiex issir din it-tneħħija, huwa neċessarju li jiġi rkuprat il-profitt ta’ Aerospace minn dan il-vantaġġ kompetittiv.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE [li sar l-Artikolu 108(3) TFUE] għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fejn għajnuna illegali ngħatat permezz ta’ garanzija lil min isellef – li ppermettiet lil dan tal-aħħar li jagħti kreditu lil min qed jissellef li qatt ma seta’ jissellef f’kundizzjonijiet normali tas-suq –, il-qrati nazzjonali huma obbligati li, jew tal-inqas għandhom ġurisdizzjoni biex, fil-kuntest tal-obbligu tagħhom li jevitaw il-konsegwenzi ta’ għajnuna illegali, jikkanċellaw il-garanzija kkontestata, anki jekk din il-kanċellazzjoni ma twassalx għal kanċellazzjoni tal-kreditu mogħti taħt il-garanzija?”

 Fuq id-domanda preliminari

24      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri humiex kompetenti sabiex jannullaw garanzija f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, li fiha din il-garanzija ngħatat minn awtorità pubblika, sabiex tkopri self mogħti minn kumpannija finanzjarja lil impriża li ma kinitx tista’ tikseb tali finanzjament taħt ċirkustanzi normali tas-suq, u, min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix lill-imsemmija qorti sabiex tannulla garanzija miksuba taħt tali kundizzjonijiet.

25      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti ta’ din id-domanda, għandu jitfakkar li l-implementazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, kif tirriżulta mill-Artikolu 88 KE u mill-ġurisprudenza relatata tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija r-responsabbiltà, minn naħa, tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tal-qrati nazzjonali (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich et, C‑368/04, Ġabra p. I‑9957, punt 36).

26      F’dan ir-rigward, il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom rwoli distinti iżda komplimentari (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punt 41; tal-21 ta’ Ottubru 2003, Van Calster et, C‑261/01 u C-262/01, Ġabra p. I‑12249, punt 74, kif ukoll Transalpine Ölleitung in Österreich et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

27      Fil-fatt, filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq komuni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għal stħarriġ mill-qrati tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel tal-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni prevista fl-Artikolu 88(3) KE (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Van Calster et, punt 75, kif ukoll Transalpine Ölleitung in Österreich et, punt 38).

28      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li miżura ta’ għajnuna implementata bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 88(3) KE hija illegali (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C‑354/90, Ġabra p. I‑5505, punt 17 kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et, C‑266/04 sa C‑270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, Ġabra p. I‑9481, punt 30).).Barra minn hekk tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 659/1999.

29      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ripetutament li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jisiltu l-konsegwenzi kollha tal-ksur tal-imsemmi Artikolu 88(3) KE, b’mod konformi mad-dritt nazzjonali tagħhom, kemm fir-rigward tal-validità tal-atti li jikkomportaw l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna kif ukoll l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64; tal-21 ta’ Lulju 2005, Xunta de Galicia, C‑71/04, Ġabra, p. I‑7419, punt 49, kif ukoll CELF u ministre de la Culture et de la Communication, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

30      Issa, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li l-garanzija mogħtija lil Residex hija miżura ta’ għajnuna mhux innotifikata u, għaldaqstant, illegali.

31      B’hekk, jekk dan ikun il-każ, il-qrat nazzjonali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huma kompetenti sabiex jisiltu l-konsegwenzi kollha ta’ din l-illegalità, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, inkluż fir-rigward tal-validità tal-atti li jikkomportaw l-implementazzjoni tal-imsemmija garanzija.

32      Permezz tat-tieni parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix lill-qrati nazzjonali sabiex jannullaw garanzija mogħtija f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

33      Sabiex tingħata risposta għal din it-tieni parti tad-domanda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ għajnuna hija t-tneħħija tagħha permezz tal-irkupru sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, Ġabra p. I‑4035, punt 66, u tat-28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, C‑403/10 P, Ġabra p. I‑0000, punt 122).

34      B’hekk, l-għan prinċipali tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa illegalment huwa li tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv mogħti mit-tali għajnuna (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/10, Ġabra p. I‑3925, punt 76, u tas-17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, C‑520/07 P, Ġabra p. I‑8555, punt 57). Fil-fatt, bir-rimbors tal-għajnuna, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li huwa kellu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, u b’dan il-mod terġa tiġi stabbilita s-sitwazzjoni eżistenti qabel l-għoti tal-għajnuna (sentenza tal-4 ta’ April 1995, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑350/93, Ġabra p. I‑699, punt 22).

35      Huwa biss jekk ikun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn ma jkunx xieraq li jiġi ordnat ir-rimbors tal-għajnuna (sentenzi tal-20 ta’ Settembru, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑5/89, Ġabra p. I‑3437, punt 16; SFEI et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70, kif ukoll CELF u ministre de la Culture et de la Communication, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

36      Fil-kawża prinċipali, ma jirriżultax mill-proċess li tali ċirkustanzi eċċezzjonali ġew invokati quddiem il-qrati tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’tali mod li dawn tal-aħħar għandhom l-obbligu jordnaw ir-rimbors tal-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont id-dritt nazzjonali tagħhom.

37      Issa, sabiex isir dan ir-rimbors, huwa essenzjali li l-qrati nazzjonali jidentifikaw il-benefiċjarju jew, jekk ikun il-każ, il-benefiċjarji tal-għajnuna. Fil-fatt, meta għajnuna tingħata taħt forma ta’ garanzija, il-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna jistgħu jkunu jew min jissellef, jew min isellef jew, f’ċerti każijiet, it-tnejn li huma flimkien.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, ċertament, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-kawża quddiemha, il-benefiċjarju tal-għajnuna hija Aerospace.

39      Fil-fatt, meta s-self mogħti minn istituzzjoni ta’ kreditu lil min jissellef huwa ggarantit mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru, min isellef normalment jikseb vantaġġ finanzjarju u jibbenefika b’hekk minn għajnuna fis-sens tal‑Artikolu 87(1) KE, sa fejn l-ispiża finanzjarja li jsostni huwa inferjuri għal dak li kien isostni li kieku kien ikollu jikseb dan l-istess finanzjament u din l-istess garanzija għall-prezzijiet tas-suq.

40      Madankollu, hekk kif jirriżulta mid-diskussjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tagħha, minn ċerti konstatazzjonijiet fattwali tad-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li fil-kawża prinċipali, kien hemm ukoll il-possibbiltà li Residex tikseb profitt ekonomiku mill-garanzija inkwistjoni.

41      Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, Aerospace kienet tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja tali li hija ma kinitx tinsab f’pożizzjoni li tikseb kreditu fis-swieq ta’ kapitali. Minħabba f’hekk, huwa biss permezz tal-garanzija mogħtija mill-Gemeente Rotterdam li Residex tagħtha self b’rata preferenzjali meta mqabbla ma’ dik disponibbli fis-suq. Barra minn hekk, ma jirriżultax mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li Residex irremunerat lill-Gemeente Rotterdam taħt kundizzjonijiet normali tas-suq bħala kontroparti tal-benefiċċju li hija kellha tikseb mill-garanzija.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tad-data fattwali msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-garanzija inkwistjoni ingħatat għall-bżonnijiet ta’ kreditu eżistenti ta’ Residex, u dan fil-kuntest tal-ġestjoni tad-dejn ta’ Aerospace. Li kieku dan kellu jkun il-każ, Residex kienet tikseb, permezz tal-imsemmija garanzija, vantaġġ ekonomiku għaliha, sa fejn, bħal ma ġie indikat ukoll fil-punt 2.3.1 tal-komunikazzjoni dwar il-garanziji, il-kreditu tagħha sar iktar sigur minħabba l-garanzija tiegħu mill-awtorità pubblika, barra minn hekk mingħajr ma l-kundizzjonijiet tas-self iggarantit ġew adattati.

43      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet kollha tal-każ inkwistjoni, il-benefiċjarju jew, jekk ikun il-każ, il-benefiċjarji ta’ din il-garanzija u, li jipproċedu, b’applikazzjoni tal-prinċipji mfakkra fil-punti 33, 34 u 36 ta’ din is-sentenza, għall-irkupru tal-ammont globali tal-għajnuna inkwistjoni.

44      Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-annullament tal-garanzija u jkun min ikun il-benefiċjarju tal-għajnuna, id-dritt tal-Unjoni ma jimponi ebda konsegwenza speċifika li l-qrati nazzjonali għandhom obbligatorjament jisiltu fir-rigward tal-validità tal-atti relatati mal-eżekuzzjoni tal-għajnuna.

45      Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-għan tal-miżuri li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jadottaw fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 88(3) KE, intiżi essenzjalment sabiex terġa’ tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva preċedenti qabel il-ħlas tal-għajnuna inkwistjoni, dawn tal-aħħar għandhom jiżguraw ruħhom li l-miżuri li huma jadottaw fir-rigward tal-validità ta’ dawn l-atti jippermettu li jintlaħaq tali għan.

46      B’hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-annullament tal-garanzija jistax, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża mressqa quddiemha, jirriżulta iktar effikaċi minn miżuri oħra bil-għan li jintlaħaq tali stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni kompetittiva.

47      Fil-fatt, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom l-annullament ta’ kuntratt, sa fejn dan jista’ jagħti lok għar-restituzzjoni reċiproka tas-servizzi eżegwiti mill-partijiet jew it-tneħħija ta’ vantaġġ għall-futur, jista’ jkun iktar effikaċi sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva li tippreċedi l-għoti tal-għajnuna.

48      B’hekk, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tista’, fin-nuqqas ta’ miżuri proċedurali inqas vinkolanti, tiddeċiedi l-annullament tal-garanzija mogħtija mill-Gemeente Rotterdam lil Residex jekk hija tqis li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi relatati mal-każ inkwistjoni, dan l-annullament huwa tali li jikkawża jew jiffaċilita li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva li tippreċedi l-għoti tal-imsemmija garanzija.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qrati nazzjonali għandhom ġurisdizzjoni sabiex jannullaw garanzija f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, li fiha għajnuna illegali ġiet eżegwita permezz ta’ garanzija mogħtija minn awtorità pubblika sabiex tkopri self mogħti minn kumpannija finanzjarja għall-benefiċċju ta’ impriża li ma setgħetx tikseb tali finanzjament taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, l-imsemmija qrati għandhom jiżguraw l-irkupru tal-għajnuna u, għal dan il-għan, jistgħu jannullaw il-garanzija b’mod partikolari meta, fin-nuqqas ta’ miżuri proċedurali inqas vinkolanti, dan l-annullament ikun tali li jagħti lok jew jiffaċilita li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva li tippreċedi l-għoti ta’ din il-garanzija.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qrati nazzjonali huma kompetenti sabiex jannullaw garanzija f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, li fiha għajnuna illegali ġiet eżegwita permezz ta’ garanzija mogħtija minn awtorità pubblika sabiex tkopri self mogħti minn kumpannija finanzjarja għall-benefiċċju ta’ impriża li ma setgħetx tikseb tali finanzjament taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-imsemmija qrati għandhom jiżguraw l-irkupru tal-għajnuna u, għal dan il-għan, huma jistgħu jannullaw il-garanzija b’mod partikolari meta, fin-nuqqas ta’ miżuri proċedurali inqas vinkolanti, dan l-annullament ikun tali li jagħti lok jew jiffaċilita li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva li tippreċedi l-għoti ta’ din il-garanzija.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.