Language of document : ECLI:EU:C:2008:334

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fil-11 ta’ Ġunju 2008 1(1)

Kawża C‑275/07

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Artikolu 226 KE – Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Kodiċi doganali komunitarju – Konvenzjoni TIR – Dejn doganali – Riżorsi proprji tal-Komunità – Dewmien fid-dħul tar-riżorsi proprji fil-kontabbiltà – Imgħax fuq dewmien – Regolarità ta’ operazzjoni ta’ tranżitu”





I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddikjara li, meta rrifjutat li tħallas imgħax minħabba ħlas tardiv minħabba dewmien fid-dħul fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji li jirrigwardaw operazzjonijiet doganali li fihom il-merkanzija kienet ikkonsenjata fil-ħin fl-uffiċċju tad-destinazzjoni, anke jekk il-prova korrispondenti kienet ippreżentata tardivament fl-uffiċċju tat-tluq, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunità stess.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Konvenzjoni TIR

2.        L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni doganali dwar it-trasport internazzjonali tal-merkanzija koperti mill-carnet tat-TIR (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni TIR”) (2) jistabbilixxi:

“Din il-Konvenzjoni għandha tapplika għat-trasport ta’ merkanzija mingħajr interruzzjoni, f’vetturi tat-triq, grupp ta’ vetturi jew f’containers, li jaqsam fruntiera waħda jew aktar, bejn uffiċċju doganali ta’ l-oriġini ta’ parti kontraenti waħda u l-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni ta’ parti kontraenti oħra jew l-istess waħda, basta li xi porzjon mill-vjaġġ bejn il-bidu u t-tmiem ta’ l- operazzjoni tat-TIR isir bit-triq”.

3.        L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni TIR jistabbilixxi kif ġej:

“Merkanzija ttrasportata taħt il-proċedura tat-TIR m’għandhiex tiġi suġġetta għall-ħlas jew depożitu ta’ dazji u taxxi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u taxxi lill-uffiċċji doganali ta’ matul ir-rotta”.

4.        L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni jistabbilixxi li:

“1. L-assoċjazzjoni li qed tiggarantixxi tintrabat li tħallas id-dazji u t-taxxi fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni mitluba, flimkien, jekk ikun il-każ, ma kull imgħax minħabba ħlas tardiv li kellu jitħallas skond il-liġijiet u regoli doganali tal-pajjiż li fih tkun irriżultat irregolarità dwar l-operazzjoni TIR. Hija għandha l-obbligu, b’mod konġunt u solidalment mal-persuni taxxabbli bis-somom imsemmija iktar ’il fuq, tal-ħlas ta’ dawn is-somom.

2. F’każijiet fejn il-liġijiet u r-regolamenti ta’ parti kontraenti ma jipprovdux għal ħlas ta’ dazji u taxxi fuq l-importazzjoni jew għall-esportazzjoni kif previst fil-paragrafu 1 hawn fuq, l-assoċjazzjoni li qed tiggarantixxi għandha tintrabat li tħallas, fl-istess kundizzjonijiet, somma ugwali għall-ammont tad-dazji u taxxi fuq l-importanzzjoi jew fuq l-esportazzjoni, flimkien ma, jekk ikun il-każ, l-imgħax minħabba ħlas tardiv.

[…]

7. Meta jsir dovut il-ħlas ta’ somom imsemmija f’paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritàjiet kompetenti għandhom, safejn ikun possibbli, jitolbu l-ħlas mill-persuna jew persuni direttament responsabbli qabel ma jressqu xi pretensjoni kontra l-assoċjazzjoni li qed tiggarantixxi”.

5.        L-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni TIR jistabbilixxi:

“1. Fejn carnet tat-TIR ma jkunx disċarġjat jew ikun disċarġjat b’mod kundizzjonat, l-awtoritajiet kompetenti m’għandhomx ikollhom id-dritt li jitolbu l-ħlas tas-somom imsemmija fl-Artikolu 8 (1) u (2) mill-assoċjazzjoni li qed tiggarantixxi l-pagament sakemm, fi żmien sena mid-data ta’ aċċettazzjoni tal-carnet tat-TIR minn dawn l-awtoritajiet, ikunu għarrfu bil-miktub lill-assoċjazzjoni bin-nuqqas ta’ disċarġ jew bid-disċarġ kundizzjonali. L-istess disposizzjoni għandha tapplika fejn iċ-ċertifikat ta’ disċarġ ikun inkiseb b’mezzi rregolari jew bi frodi b’dan iżda f’każ li t-terminu jkun ta’ sentejn.

2. It-talba għal ħlas tas-somom imsemmija fl-Artikolu 8 (1) u (2) għandha ssir lill-assoċjazzjoni li qed tiggarantixxi mhux qabel tliet xhur wara d-data li fiha din l-assoċjazzjoni tkun ġiet mgħarrfa li l-carnet kien għadu ma ġiex disċarġjat jew li kien ġie disċarġjat kundizzjonalment jew li ċ-ċertifikat ta’ disċarġ ikun inkiseb b’mod abużiv jew frawdolenti u sa mhux aktar tard minn sentejn wara din l-istess data. Madanakollu, f’dak li jikkonċerna l-każijiet li jitressqu quddiem il-qorti fit-terminu indikat hawn fuq ta’ sentejn, it-talba ta’ plas ser tiġi indirizzata f’terminu ta’ sena mid0data li fiha d-deċiżjoni tal-qorti issir eżekutorja.


3. Sabiex tħallas is-somom mitluba, l-assoċjazzjoni garanti ser ikollha terminu ta’ tlett snin mid-data tat-talba għal ħlas li ser tiġi indirizzata lilha. L-assoċjazzjoni ser tieħu r-rimbors tas-somom imħallsa jekk, fi żmien sentejn wara d-data tat-talba għal ħlas, ikun ġie stabbilit skond ir-rekwiżiti tal-awtoritajiet doganali li ma tkun twettqet ebda irregolarità f’dak li jikkonċerna l-operazzjoni tat-trasport in kwistjoni.”

B –    Id-dritt Komunitarju

1.      Il-Kodiċi doganali Komunitarju

6.        L-Artikolu 91 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (minn issa ’l quddiem “KDK”) (3) jistipula li:

“1. Il-proċess ta’ tranżitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’

(a) merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali;

b) merkanzija tal-Komunità li hija soġġetta għal miżura tal-Komunità li tinvolvi l-esportazzjoni tagħha lejn pajjiżi terzi u li fir-rigward tagħha l-formalitajiet korrispondenti doganali għall-esportazzjoni jkunu twettqu.

2. Moviment kif issir referenza għalih fil-paragrafu 1 għandu jiġri:

(a) taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità; jew

(b) taħt il-kopertura ta’ carnet TIR (Konvenzjoni TIR) sakemm tali moviment:

(1) beda jew għandu jintemm barra l-Komunità; jew

(2) għandu x’jaqsam ma’ konsenji ta’ merkanzija li trid tinħatt fit-territorju doganali tal-Komunità u li titwassal ma’ merkanzija li għandha tinħatt f’pajjiż terz; jew

(3) isir bejn żewġ punti fil-Komunità minn ġewwa t-territorju ta’ pajjiż terz;

[…]”

7.        L-Artikolu 92 tal-KDK jistabbilixxi:

“Il-proċedura ta’ tranżitu estern għandha tintemm meta l-merkanzija u d-dokumenti korrispondenti jiġu prodotti fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni skond id-dispożizzjonijiet tal-proċedura konċernata”.

8.        Skont l-Artikolu 204 tal-KDK:

“1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

(a) tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu, jew

(b) tan-nuqqas ta’ konformità ma’ kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta’ dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta’ l-użu finali tal-merkanziji,

f’każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 203 ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata.

2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors jew fil-mument meta l-obbligazzjoni li n-nuqqas ta’ l-eżekuzzjoni tagħha tagħti lok għad-dejn doganali ma tiġix issodisfata jew fil-mument meta l-merkanziji jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali involuta fejn jiġi stabbilit sussegwentement li kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt l-imsemmija proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta’ dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta’ l-użu finali tal-merkanziji ma ġietx fil-fatt issodisfata.

3. Id-debitur għandu jkun il-persuna li tkun meħtieġa, skond iċ-ċirkostanzi, jew li tesegwixxi l-obbligazzjonijiet li joħorġu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqegħdu, jew li tħares il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura”.

9.        L-Artikolu 217(1) tal-KDK jistabbilixxi:

“Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali [...]għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet)”.

10.      L-Artikolu 236(1), tal-KDK jistabbilixxi:

“Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta’ l-Artikolu 220(2).

[…]”

2.      Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju.

11.      L-Artikolu 378 tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (4) (minn issa ’l quddiem, “Regolament Nru 2454/93”), jistabbilixxi:

“1 Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 215 tal-Kodiċi, meta l-kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċju tad-destinazzjopni u l-post ta’ l-offiża jew l-irregolarità ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, dan il-ksur jew irregolarità għandhom jitqiesu bħallikieku saru.

–        fl-Istat Membru li jappartjeni għalih l-uffiċju tat-tluq,

jew

–        fl-Istat Membru li jappartjeni għalih fil-punt tad-dħul fil-Komunità l-uffiċju ta’ tranżitu, li lilu tkun intbagħtet nota ta’ avviż ta’ tranżitu,

sakemm fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 379(2), il-prova ta’ l-irregolarità ta’ l- operazzjoni tat-tranżitu jew tal-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu attwalment saru tingħata għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali.

2. Meta l-ebda prova bħal din ma tingħata u l-imsemmija ksur jew irregolarità jitqiesu li saru fl-Istat Membru tat-tluq jew fl-Istat Membru tad-dħul kif jidher fl-ewwel paragrafu, it-tieni inċiż, id-dazji u piżijiet oħra li jirrigwardaw il-merkanzija kkonċernata għandhom jinġabru minn dak l-Istat Membru skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali”.

12.      L-Artikolu 379 tar-Regolament nru 2454/93 jistabbilixxi:

“1. Meta kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċju tad-destinazzjoni u l-post fejn il-ksur jew l-irregolarità ikunu saru ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, l-uffiċju tat-tluq għandu jinnotifika lild-debitur b’ dan il-fatt malajr kemmjista’ jkun u fi kwalunkwe każ qabel l-aħħar tal-11-il xahar wara d-data ta’ reġistrazzjzoni tad-dikjarazzjoni ta’ tranżitu Komunitarja.

2. Il-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tindika, partikolarment, it-terminu li fih il-prova ta’ irregolarità ta’ l-operazzjoni ta’ tranżitu jew il-post fejn attwalment ikunu saru il-ksur jew l-irregolarità għandha tingħata lill-uffiċju tat-tluq għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali. Dak it-terminu għandu jkun ta’ tlett xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1. Jekk il-prova msemmija ma tkunx ġiet prodotta sa tmiem it-terminu, l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu l-passi biex jirkupra d-dazji u piżijiet oħra nvoluti. F’ każijiet meta dak l-Istat Membru ma jkunx dak li fih l-uffiċju ta’ tluq jinstab, dan ta’ l-aħħar għandu immedjatament jinforma lill-Istat Membru imsemmi”.

13.      Skont l-Artikolu 380 tar-Regolament nru 2454/93:

“Prova tar-regolarità ta’ l-operazzjoni ta’ tranżitu fis-sens ta’ l-Artikolu 378(1) għandha tingħata għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali, inter alia:

(a) bil-produzzjoni ta’ dokument iċċertifikat mill-awtoritajiet doganali li jistabilixxi li l-merkanzija in kwistjoni kienet ippreżentata fl-uffiċju tad-destinazzjoni jew, meta japplika l-Artikolu 406, lid-destinatarju awtorizzat. […]”.

14.      L-Artikolu 454 tar-Regolament Nru 2454/93 jistabbilixxi:

“1 Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjoni TIR [...] li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ l- assoċjazzjonijiet garanti meta jintuża varnet TIR [...].

2. Meta jinstab li, matul jew in konnessjoni ma’ operazzjoni tat-trasport imwettqa taħt kopertura ta’ carnet TIR jew operazzjoni ta’ tranżitu mwettqa taħt kopertura ta’ carnet ATA, ikun sar ksur jew irregolarità f’ xi Stat Membru partikolari, l-irkupru tad-dazjio u piżijiet oħrajn li jistgħu ikunu pagabbli għandu jsir minn dak l-Istat Membru skond id-disposizzjonijeit Komunitarji jew nazzjonali, mingħajr preġudizzjku għall-proċeduri kriminali.

3. Meta ma jkunx possibli li jkun iddeterminat it-territorju li fih ikunu saru il-ksur jew l-irregolarità, dan il-ksur jew irregolarità għandhom jitqiesu bħala li saru fl-Istat Membru fejn inkixfu sakemm fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 455(1), ma tiġix ippruvata li l-operazzjoni kienet regolari jew fejn il-ksur jew l-irregolarità ikunu ġew kommessi għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali.

Meta l-ebda prova bħal din ma tingħata u l-imsemmija offiża jew irregolarità b’ hekk jitqiesu li saru fl-Istat Membru li fih ikunu nkixfu, id-dazji u l-piżijiet lġ-oħrajn li jirrelataw għall-merkanzija kkonċernata għandhom jiġu mposti minn dak l-istat Membru skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali.

[…]

L-amministrazzjonijiet doganali ta’ l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jittrattaw kull ksur jew irregolarità biex jimponu penali effettivi”.

15.      Skont l-Artikolu 455 tar-Regolament Nru 2454/93:

“1. Meta jinstab li jkunu saru ksur jew irregolarità matul jew in konnessjoni ma’ operazzjoni ta’ trasport imwettqa taħt kopertura ta’ carnet TIR [...],l-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lit-titolari tal-carnet TIR [...]u lill-assoċjazzjoni garanti fit-terminu preskritt [...]fl-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR [...].

2. Il-Prova ta’ l-irregolarità fl-operazzjoni mwettqa taħt kopertura ta’ carnet TIR [...],fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 454(3) għandha tingħata fit-terminu preskritt [...] fl-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni TIR [...].

3. Din il-prova tista’ tingħata għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali inter alia:

(a) bil-produzzjoni ta’ dokument iċċertifikat mill-awtoritajiet doganali li jistabilixxi li l-merkanzija in kwistjoni kienet ippreżentata fl-uffiċju tad-destinazzjoni. Dan id-dokument għandu jinkludi informazzjoni li tippermetti li l-merkanzija tiġi identifikata; jew

(b) bil-produzzjoni ta’ dokument doganali maħruġ f’pajjiż terz li juri r-rilaxx għall-użu domestiku jew kopja jew fotokopja tiegħu; din il-kopja jew fotokopja għandha tkun iċċertifikata bħala kopja vera jew mill-korp li jikkontrofirma id-dokument oriġinali, jew mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat jew mill-awtoritajiet ta’ wieħed mill-Istati Membri. Dan id-dokument għandu jinkludi nformazzjoni li tippermetti li l-merkanzija in kwistjoni tiġi identifikata; jew

[…]”.

3.      Regolament dwar riżorsi proprji tal-Komunità

16.       L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1552/89, li jimplimenta d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (5) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 1552/89”), jistabbilixxi:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament in kwistjoni, dritt tal-Komunitajiet dwar ir-riżorsi innifishom msemmija fl-ittri a) u b) ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom huwa kkonstatat meta l-ammont dovut huwa kkomunikat mis-servizz kompetenti tal-Istat Membru lid-debitur. Din il-komunikazzjoni sseħħ meta d-debitur huwa magħruf u meta l-ammont tad-dazju jista’ jiġi kkalkolat mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet Komunitarji kollha applikabbli fil-qasam”.

17.       L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (6) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1150/2000”), li ħassar ir-Regolament Nru 1552/89, ukoll għandu dispożizzjonijiet simili:

“1.      Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, l-intitolament tal-Komunità għar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom għandhom ikunu stabbiliti malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur.

2. Id-data tat-twaqqif li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 għandu tkun id-data tad-dħul fil-kotba tal-kontijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom fir-regolament doganali.

[…].”

18.      L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1552/89 jistabbilixxi:

“1. Kontijiet għar-riżorsi tagħha proprji għandhom jinżammu mit-Teżor ta’ kull Stat Membru jew minn korp maħtur minn kull Stat Membru u maqsum skond it-tipi ta’ riżorsi

2. (a) Drittijiet stabbiliti bi qbil ma’ l-Artikolu 2 għandhom, bla ħsara għall-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jiddaħlu fil-kontijiet mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara id-19-il jum tat-tieni xhar wara dak li matul id-dritt ikun ġie kkonstatat.

(b) Drittijiet ikkonstatati u mhux imdaħħla fil-kontijiet msemmija fil-punt (a), għaliex ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u l-ebda sigurtà ma tkun ġiet ipprovduta għandhom jintwerew f’kontijiet separati matul it-terminu previst fil-punt (a). L-Istati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta d-drittijiet ikkonstatati u koperti minn garanziji jiġu suġġetti għal kontestazzjonijiet jew jistgħu jissubixxu varjazzjonijiet wara nuqqas ta’ qbil li jkun seħħ” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

19.      Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1150/2000:

“1. Kontijiet għar-riżorsi tagħha proprji għandhom jinżammu mit-Teżor ta’ kull Stat Membru jew minn korp maħtur minn kull Stat Membru u maqsum skond it-tipi ta’ riżorsi.

2. Għall-iskopijiet tal-kontijiet tar-riżorsi tagħha, ix-xahar għandu jintemm mhux aktar kmieni mis-1 p.m. ta’ l-aħħar jum tax-xogħol li matulu t-twaqqif ikun seħħ.

3 a)      Intitolamenti stabbiliti bi qbil ma’ l-Artikolu 2 għandhom, bla ħsara għall-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jiddaħlu fil-kontijiet mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xhar tax-xahar ta’ wara li matulu l-intitolament ikun stabbilit.

b) Intitolamenti stabbiliti li ma jkunux imdaħħla fil-kontijiet msemmija fil-punt (a), għaliex ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta għandhom jintwerew f’kontijiet separati matul il-perijodu preskritt fil-punt (a). Stati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta l-intitolamenti stabbiliti li dwarhom garanzija tkun ġiet ipprovduta jkunu ġew sfidatati u jistgħu, mat-twettieq tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil.

[…]”

20.      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1552/89 jistabbilixxi:

“Korrezzjonijiet li jitwettqu skond l-Artikolu 2(2) għandhom jiżdiedu jew jitnaqqsu mill-ammont totali tad-drittijiet ikkonstatati. Dawn għandhom ikunu reġistrati fil-kontijiet kif speċifikat fl-Artikolu 6(2)(a) u (b) u fl-istqarrijiet kif speċifikat fl-Artikolu 6(3) li jikkorrispondu mad-data ta’ dawn il-korrezzjonijiet.

Għandha ssir referenza għal dawn il-korrezzjonijiet rigward każijiet ta’ frodi u irregolaritajiet diġà nnotifikati lill-Kummissjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21.      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1150/2000 huwa fformulat b’termini kważi identiċi:

“Korrezzjonijiet li jitwettqu permezz ta’ l-Artikolu 2(4) għandhom jiżdiedu jew jitnaqqsu mill-ammont totali ta’ intitolamenti stabbiliti. Dawn għandhom ikunu reġistrati fil-kontijiet kif speċifikat fl-Artikolu 6(3)(a) u (b) u fl-istqarrijiet kif speċifikat fl-Artikolu 6(4) bi qbil mad-data ta’ dawn il-korrezzjonijiet.

Korrezzjonijiet rigward każijiet ta’ frodi u irregolaritajiet diġa notifikati lill-Kummissjoni għandhom ikunu aċċennati”.

22.      L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89 u l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000 għandhom suġġett totalment l-istess:

“Kull dewmien biex isir id-dħul fil-kont msemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti bidu għal pagament ta’ imgħax mill-Istat Membru kkonċernat bir-rati ta’ l- imgħax applikabbli fis-suq monetarju ta’ dak l-Istat, fid-data li suppost ikun seħħ, għal operazzjonijiet ta’ żmien qasir ta’ finanzjament publiku, miżjud b’żewġ punti perċentwali. Din ir-rata għandha tkun miżjuda bi 0,25 ta’ punt perċentwali għall kull xahar ta’ dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tkun applikata għal perjodu kollu tad-dewmien.”

23.      L-Artikolu 17(1) u (2), tar-Regolamenti Nru 1552/89 u Nru 1150/2000, inklużi fit-Titlu VII “Dispożizzjonijiet rigward miżuri ta’ spezzjoni”, jistabbilixxi:

“1. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammont korrispondenti ta’ l-intitolament stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 2 isir magħmul disponibbli lill-Kummissjoni kif speċifikat f’dan ir-Regolament.

2. Stati Membri għandhom ikunu ħielsa mill-obligi li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu ma’ l-intitolament stabbilit biss jekk, għal raġunijiet ta’ forza maġġuri, dawn l-ammonti ma jkunux ġew miġbura. Apparti minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jinjoraw din l-obligazzjoni biex jagħmlu ammonti bħal dawn disponibbli lill-Kummissjoni f’każijiet speċifiċi jekk, wara studju komplet taċ-ċirkostanzi relevanti kollha tal-każ individwali, jkun jidher li l-irkupru jkun impossibli għal żmien fit-tul minħabba raġunijiet li ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti lilhom. [...].”

24.      Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1150/2000:

“Regolament (KEE) Nru 1552/89 għandu jkun imħassar.

Referenzi għall-imsemmi Regolament għandhom ikunu meqjusa bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw bi qbil mat-tabella ta’ korrelazzjoni esiġita f’Parti A ta’ dan l-Anness”.

25.      L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1150/2000 jistabbilixxi:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol b’effett fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej”.

26.      Ir-Regolament Nru 1150/2000 ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fil-31 ta’ Mejju 2005.

III – Proċeduri ta’ ksur u r-rikors tal-Kummissjoni

27.      L-appell tal-Kummissjoni jirreferi għal żewġ proċeduri ta’ ksur, rappreżentati bin-numri 2003/2241 u 2006/2266.

A –    Proċedura ta’ ksur 2003/2241

28.      Fil-kuntest ta’ kontroll fuq riżorsi innifishom, li seħħ f’April tal-1994, il-Kummissjoni kkonstatat li f’ċerti każijiet ta’ tranżitu Komunitarju, l-awtoritajiet Taljani ma kinux bdew japplikaw fit-terminu previst għal dan il-għan id-dazji doganali u taxxi oħra dovuti skont l-Artikolu 379 tar-Regolament Nru 2454/93 minħabba n-nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-provi tar-regolarità tal-operazzjoni doganali.

29.      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, talbet għaldaqstant lill-Italja sabiex tħallas l-imgħax minħabba ħlas tardiv fl-ammont ta’ Lit 31 564.893 (EUR 16 301,90) għad-dħul tardiv fil-kontijiet ta’ riżorsi proprji li għalihom il-Komunità kellha dritt skont id-dazju doganali li nħoloq mill-fatt tal-irregolaritajiet li seħħew matul it-tranżitu Komunitarju.

30.      Wara investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Taljani, kien ivverifikat li fi 11 minn 201 dokumenti ma rriżultawx irregularitajiet. F’dawn il-każijiet preċiżi, il-proċeduri doganali twettqu regolarment, għalkemm l-uffiċċju ta’ destinazzjoni bagħat tard il-prova lill-uffiċċju tat-tluq. Minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Lulju 2001, li ħallsu l-imgħax fuq dewmien biss rigward l-operazzjonijiet doganali li matulhom seħħew irregolaritajiet. Rigward id-dokumenti li fihom, fil-qafas tal-investigazzjoni biss, irriżulta li ma kienx hemm irregularitajiet, l-awtoritajiet Taljani rrifjutaw li jħallsu imgħax fuq l-arretrati. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Taljani allegaw ukoll – minħabba l-fatt li d-dokumenti ta’ tranżitu ġew ippreżentati fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni – li ma kien ġenerat ebda dejn doganali skont l-Artikolu 204 tar-Regolament Nru 2913/92. L-awtoritajiet Taljani ddikjaraw, għaldaqstant, li l-imgħax minħabba dewmien ma kienx dovut.

31.       Peress li l-awtoritajiet Taljani ma kienux lesti li jħallsu l-imsemmi imgħax fuq dewmien, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Taljana, fit-3 ta’ Frar 2004, ittra ta’ intimazzjoni li fiha hija talbet il-ħlas ta’ imgħax minħabba ħlas tardiv ta’ EUR 847,06 għall-operazzjonijiet doganali li kienet wettqet, iżda li għalihom ir-riżorsi proprji kienu ddaħħlu tardivament fil-kontabbiltà. Peress li l-Italja, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ġunju 2004, innotifikat mill-ġdid lill-Kummissjoni li ma kinitx se tħallas l-imsemmija imgħax fuq dewmien, fil-5 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni adottat opinjoni motivata li fiha talbet mill-ġdid il-ħlas ta’ imgħax minħabba dewmien f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċievi l-opinjoni.

32.      Bħala risposta għal din l-opinjoni motivata, l-awtoritajiet Taljani żammew mal-pożizzjoni tagħhom li ma kinux ser iħallsu l-imgħax minħabba ħlas tardiv.

B –    Proċedura ta’ ksur 2006/2266

33.       Fil-kuntest tal-proċedura ta’ ksur 2006/2266, il-Kummissjoni stabbiliet erba’ operazzjonijiet ta’ tranżitu koperti mill-Konvenzjoni TIR li fihom ivverifikat li l-proċeduri korrispondenti ma ġewx imwettqa fit-termini tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni TIR. Safejn il-carnet TIR fis-seħħ ma kienx ġie disċarġjat, l-awtoritajiet kompetenti kellhom jeħtieġu l-ħlas. Peress li m’għamlux dan, l-operazzjoni ta’ tranżitu kienet irregolari, u minħabba f’hekk, skont il-Kummissjoni, kien inħoloq dejn doganali. Minħabba d-dħul fil-kontijiet tardiv ta’ riżorsi proprji ta’ dazji li kienet intitolata għalihom l-Komunità skont l-imsemmi dejn doganali, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani l-ħlas tal-imgħax minħabba ħlas tardiv.

34.      Bħal fil-każ tal-proċedura 2003/2241, l-awtoritajiet Taljani rrifjutaw fil-kuntest ta’ din il-proċedura il-ħlas ta’ imgħax minħabba ħlas tardiv. Huma sostnew li fin-nuqqas ta’ dejn doganali, il-ħlas ta’ imgħax minħabba ħlas tardiv ibiddel in-natura ta’ dawn l-imgħaxijiet. B’hekk l-imgħaxijiet minħabba ħlas tardiv jieħdu n-natura ta’ sanzjoni, imposta minħabba ksur formali tat-termini stabbiliti mir-Regolament Nru 1552/89 għall-għeluq tal-operazzjonijiet li huma previsti fih.

35.       Fl-4 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana li fiha hija talbet lill-awtoritajiet tal-pajjiż il-ħlas ta’ imgħaxijiet minħabba ħlas tardiv għal EUR 3 322. Peress li ma rċeviet ebda tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Taljani fit-12 ta’ Ottubru 2006.

36.      Fit-tweġiba tagħhom għall-opinjoni motivata, l-awtoritajiet Taljani ċaħdu it-talba għal ħlas tal-imgħaxijiet minħabba ħlas tardiv fit-12 ta’ Diċembru 2006.

C –    Ir-rikors tal-Kummissjoni

37.      Peress li fil-proċeduri prekontenzjużi 2003/2241 u 2006/2266, l-awtoritajiet Taljani rrifjutaw li jħallsu l-imgħax fuq arretrati, il-Kummissjoni iddeċidiet tippreżenta appell għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Italja.

38.      F’dan l-appell, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li, billi rrifjutat li tħallas lil-Kummissjoni l-imgħax minħabba ħlas tardiv għal ammont totali ta’ EUR 847,06 relatati mal-kontabbiltà tardiva tad-dazji doganali u billi rrifjutat li tadatta d-dispożizzjonijiet nazzjonali mal-leġiżlazzjoni Komunitarja f’dak li jikkonċerna l-kontabbiltà tal-operazzjonijiet doganali mhux ikkontestati koperti minn garanzija globali u li jirriżultaw minn tranżazzjoni ta’ tranżitu Komunitarju,

–        u li, meta rrifjutat li tħallas lill-Kummissjoni imgħax minħabba ħlas tardiv għal ammont totali ta’ EUR 3,322 minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-termini mogħtija mil-leġiżlazzjoni Komunitarja għad-dħul tad-dazji doganali fil-kontabbiltà “A” fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ tranżitu skont il-Konvenzjoni TIR,.

ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552 tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2)(a) tiegħu li ġie ssostitwit mill-31 ta’ Mejju 2000 mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150 tat-22 ta’ Mejju 2000, jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet proprji u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3)(a) tiegħu.

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

39.      Ir-Repubblika Taljana titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

IV – Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

40.      Ir-rikors tal-Kummissjoni ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2007; ir-risposta ġiet ippreżentata fid-19 ta’ Lulju 2007. Fis-seduta li seħħet fis-17 ta’ April 2008, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Taljana għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom u rrispondew għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V –    L-argumenti tal-partijiet

41.      Il-Kummissjoni tafferma, f’dak li jikkonċerna l-proċedura 2003/2241 li, safejn l-uffiċju ta’ tluq ma kisibx il-prova tat-twettiq tal-operazzjoni doganali fit-terminu previst għal dan il-għan, din l-operazzjoni doganali għandha tiġi kkunsidrata bħala irregolari, raġuni li għaliha dejn doganali nħoloq f’din il-kawża. Il-Kummissjoni ssostni l-argument tagħha bl-għajnuna ta’ indikazzjonijiet ibbażati fuq il-ġurisprudenza minn fejn jirriżulta li “il-kunsinni mqiegħda taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern ma jkunux ġew ippreżentati lill-uffiċċju tad-destinazzjoni fit-terminu preskritt mill-uffiċċju tat-tluq, id-dejn doganali huwa preżunt li nħoloq u d-debitur huwa preżunt li huwa d-debitur ta’ dan id-dejn” (7).

42.       Il-Kummissjoni tiddikjara li l-Istat Membru kompetenti huwa obbligat f’din is-sitwazzjoni li jitlob lid-debitur prinċipali l-prova tar-regolarità tal-operazzjoni ta’ tranżitu u li jekk din il-prova ma tressqitx fil-ħin, l-Istat Membru għandu jikseb il-ħlas tad-dazji doganali korrispondenti. Il-Kummissjoni ssostni li t-termini li d-drtt Komunitarju jistabbilixxi f’dan ir-rigward huma termini imperattivi, ħaġa li tippermetti applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet dwar il-qasam tal-ħlas tad-dazji doganali. Meta t-termini stabbiliti fl-Artikolu 379 tar-Regolament Nru 2454/93 jiskadu, l-Istat Membru għandu, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1552/89, iniżżel l-ammonti korrispondenti mingħajr dewmien fil-kontijiet ta’ riżorsi proprji u jqiegħdhom għad-dispozzjoni tal-Kummsjoni skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi Regolament.

43.       Il-Kummissjoni ssemmi wkoll l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89, li jgħid li l-Istat Membru għandu jħallas imgħax minħabba ħlas tardiv għal kull dewmien fid-dħul fil-kontabbiltà. Skont il-Kummissjoni, diġà jirriżulta mill-kitba ta’ dan l-Artikolu li l-obbligu li jitħallsu imgħaxijiet jirriżulta min-nuqqas ta’ dħul fil-kontabbiltà u dan, indipendentement minn kull kundizzjoni oħra. Il-Kummissjoni tafferma fuq dan is-suġġett li l-imgħaxijiet li hija talbet il-ħlas f’dan il-każ mhumiex imgħaxijiet minħabba ħlas tardiv iżda bil-kontra huma imgħaxijiet li għandhom jitħallsu direttament mill-fatt li d-dejn doganali mhuwiex imħaddal fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji jew iddaħħal tardivament. Dan l-obbligu jibqa’ l-istess ukoll jekk ma kienx hemm obbligu ewlieni ta’ ħlas minħabba li jirriżulta ulterjorment li l-operazzjoni doganali rriżultat korretta.

44.      Il-Kummissjoni tiċħad ukoll l-argument tal-Gvern Taljan li l-ħlas ta’ imgħaxijiet fil-każ ineżami ifisser sanzjoni. Hija ssostni f’dan ir-rigward li jeżisti prinċipju stabbilit b’mod ċar fid-dritt ċivili li l-għan tal-imgħaxijiet minħabba ħlas tardiv huwa, minn naħa, li jikkumpensa d-dannu subit mill-kreditur peress li dan ma kellux għad-dispożizzjoni tiegħu matul perijodu speċifiku il-mezzi finanzjarji inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li jinkoraġġixxi lid-debitur sabiex jissodisfa fil-ħin l-obbligi tiegħu. Barra minn hekk il-Kummissjoni ssostni li l-ħlas tal-imgħax jirriżulta mill-ksur tal-obbligi stabbiliti mid-dritt Komunitarju, indipendentement mill-fatt li l-Komunità effettivament issubixxiet jew le kwalunkwe dannu.

45.       F’dak li jirrigwarda l-proċedura 2006/2266, il-Kummissjoni ssostni li l-uffiċċju doganali tat-tluq kellu jirċievi l-ħlas tad-dazji doganali mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni TIR. Peress li l-uffiċċju doganali ta’ tluq ma rċeviex il-prova tat-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ tranżitu fit-terminu ta’ ħmistax-il-xahar mid-data li fiha l-uffiċċju kiseb il-carnet TIR, għandu jiġi kkunsidrat li din l-operazzjoni kienet irregolari, raġuni li għaliha inħoloq dejn doganali. F’dan il-każ, l-Istat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-dritt tal-Komunità dwar ir-riżorsi proprji skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89 peress li l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti huma fil-pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont tad-dazji. B’hekk l-awtoritajiet Taljani kellhom, skont l-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament Nru 1552/89, jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt tal-Komunità fuq ir-riżorsi proprji mhux iktar tard mill-ewwel ġurnata xogħol wara d-19 tat-tieni xahar wara dak li matulu d-dritt ġie kkonstatat. Il-Kummissjoni żżid tgħid li dawn l-awtoritajiet kellhom jibdew it-talba għal ħlas tal-ammonti inkwistjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoin TIR l-iktar fis possibbli tlett xhur wara d-data li fiha l-assoċjazzjoni garanti tkun ġiet infurmata li ma kienx hemm iktar disċarġjar tal-carnet TIR.

46.      L-Italja tafferma l-ewwel nett li l-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ obbligu li jitħallsu imgħaxijiet fuq dewmien skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000 fil-fehma tagħha mhumiex sodisfatti. Skont din id-dispożizzjoni, il-ħlas tal-imgħaxijiet huwa meħtieġ għal kull dewmien fid-dħul fil-kontabbiltà, iżda f’dan il-każ, fil-fehma tagħha, ebda obbligu ma ġie kkonstatat.

47.      L-Italja tenfasizza li, fil-kawża inkwistjoni, it-twettiq tardiv tal-operazzjonijiet doganali ma jikkawża l-ebda dannu finanzjarju lill-Komunità u li, għaldaqstant, ma jeżisti ebda obbligu ta’ ħlas ta’ imgħax ta’ dewmien. Jekk f’dan il-każ kellu jkun meħtieġ il-ħlas ta’ imgħax fuq ħlas tardiv, dan ifisser l-attribut ta’ funzjoni ta’ sanzjoni fuq dawn l-imgħaxijiet li huma ma jistax ikollhom. L-imgħaxijiet fuq dewmien huma marbuta mal-ħlas tardiv ta’ kwantitajiet adegwati u l-għan tagħhom jikkonsisti fil-kumpens lill-kreditur għat-telf ekonomiku li jbati minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ dawn il-kwantitajiet ta’ flus. Għall-kuntrarju ta’ dan, is-sanzjoni hija marbuta ma’ ksur formali ta’ obbligu ma tirreferix għal telf ekonomiku konkret.

48.      L-Italja tqis li l-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (8) u Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (9), imsemmija mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha ma jistgħux japplikaw f’din il-kawża peress li fil-kawżi msemmija iktar ’il fuq, l-ammonti kienu effettivament dovuti. F’dawn iż-żewġ kawżi, id-dazju doganali effettivament inħoloq minħabba irregolaritajiet fl-operazzjonijiet ta’ tranżitu u l-Istati Membri konvenuti ma kkontestawx dan il-fatt. F’din il-kawża, il-Kummissjoni madankollu titlob il-ħlas ta’ dejn aċċessorju, għalhekk l-imgħaxijiet minħabba ħlas tardiv – fin-nuqqas ta’ obbligu prinċipali u b’hekk id-dejn doganali.

49.      L-Italja issostni wkoll li l-operazzjonijiet ta’ tranżitu inkwistjoni kienu mwettqa fis-snin 1996 u 1997, żmien li fih it-tranżitu Komunitarju ma kienx jiffunzjona sew. Preċiżament għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet Taljani, quddiem in-nuqqas ta’ evidenza ta’ irregolaritajiet tal-operazzjonijiet doganali, ma ħadux passi għall-irkupru immedjat tad-dazji bil-għan li jevitaw sitwazzjonijiet li fihom huma kellhom jagħtu lura l-ammonti mħallsa b’mod żbaljat. Matul dan il-perijodu, il-Parlament Ewroepw stabbilixxa kummissjoni speċjali fejn iż-żewġ missjonijiet kienu l-ħolqien ta’ sistema iktar koerenti ta’ trażmissjoni tad-dokumenti ta’ tranżitu u l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-proċeduri doganali.

VI – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali

A –    Introduzzjoni

50.      F’din il-kawża, il-Kummissjoni tixtieq tikkonstata li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha billi rrifjutat li tħallas imgħax minħabba ħlas tardiv għal dewmien fir-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji fil-kontabbiltà tal-Komunità f’każ li fih il-merkanzija tkun waslet fil-ħin fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni, iżda l-prova tkun ġiet ippreżentata tardivament fl-uffiċċju doganali ta’ tluq.

51.      F’dawn il-konklużjonijiet nibda l-ewwel nett bil-kwistjoni tal-perijodu msemmi mir-rikors tal-Kummissjoni, qabel ma nirreferi fil-qosor għall-iskema ta’ tranżitu estern u nikkonkludi billi nanalizza l-fondatezza tar-rikors tal-Kummissjoni. Fil-kuntest tal-analiżi tal-fondatezza tar-rikors tal-Kummissjoni, ser nikkunsidra tliet kwistjonijiet ta’ prinċipju: l-ewwel nett, inħoloq dejn doganali fil-każ konkret? It-tieni nett, l-awtoritajiet Taljani kellhom fil-każ konkret obbligu tal-kunsiderazzjoni tad-dritt Komunitarju fuq ir-riżorsi proprji? U fit-tielet lok, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-Italja kellha l-obbligu li tħallas imgħaxijiet minħabba ħlas tardiv?

B –    Il-perjodu msemmi mir-rikors tal-Kummissjoni

52.      Ma jirriżultax ċar min-noti ppreżentati mill-partijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, matul liema perijodu seħħew il-ksur u għal-liema perijodu il-Kummissjoni tagħmel referenza fir-rikors tagħha. Il-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, tafferma biss li l-kontroll tar-riżorsi proprji seħħ f’April 1994. Bil-kontra, l-Italja tafferma fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-kontroll seħħ fl-1993, 1994, 1995 u 1996 iżda hija ssostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-operazzjonijiet ta’ tranżitu inkwistjoni seħħew fl-1996 u 1997.

53.      Matul is-seduta, il-Kummissjoni kkjarifikat li r-rikors tagħha kien jikkonċerna l-irregolaritajiet ikkonstatati fl-1994.

C –    Proċedura ta’ tranżitu estern

54.      Skont l-Artikolu 91(1) tal-KDK, is-sistema ta’ trażitu estern tippermetti l-moviment ta’ merkanzija minn punt għall-ieħor tat-territorju doganli tal-Komunità mingħajr ħlas ta’ dazju doganali (10). Is-sistema ta’ tranżitu estern tista’, skont l-Artikolu 91(2)(a) u (b), isseħħ kemm taħt is-sistema ta’ tranżitu Komunitarju estern, kemm skont il-carnet TIR. L-Artikolu 92 KDK jipprovdi li s-sistema ta’ tranżitu estern jintemm meta l-merkanzija u d-dokumenti korrispondenti huma ppreżentati fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tas-sistema kkonċernata.

55.       Nixtieq ukoll magħmel distinzjoni bejn “la fin” u “l’apurement” tal-proċedura doganali. Kif diġà indikajt qabel, il-proċedura doganali hija ffinalizzata meta l-merkanzija u d-dokumenti korrispondenti huma ppreżentati fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni. Madankollu, il-proċedura doganali hi li meta l-uffiċju ta’ tluq jirċievi mill-uffiċċju tad-destinazzjoni l-prova tat-tmiem tal-operazzjoni doganali u meta l-uffiċċju tat-tluq jipprovdi d-dokumentazzjoni doganali (11). Fil-kawża inkwistjoni, il-proċedura doganali kienet iffinalizzata fil-ħin, iżda ma kinitx ġiet korrettament imwettqa. Inkompli billi nenfasizza li l-verżjoni oriġinali tal-KDK tinkludi biss fl-Artikolu 92 id-definizzjoni ta’ tmiem tal-proċedura doganali; il-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 92 ġiet ikkompletata iktar tard meta żdied mal-ewwel paragrafu it-tieni paragrafu li jiddefinixxi t-twettiq tal-imsemmija proċedura (12).

1.      Proċedura ta’ tranżitu estern

56.       It-tranżitu komunitarju huwa regolat fil-parti II, tar-Regolament Nru 2454/93, b’mod partikolari fit-Titlu II, Sub-Sezzjoni 4. L-imsemmi kapitolu jistabbilixxi s-sistema speċjali tat-tranżitu Komunitarju estern fil-fażijiet li jinkludu din is-sistema. Jekk merkanzija, li qiegħda fi tranżitu komunitarju estern, ma tkunx ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni, huwa kkunsidrat, skont l-Artikolu 378 tar-Regolament Nru 2454/93, li l-irregolarità kienet imwettqa fl-Istat Membru tal-uffiċċju tat-tluq jew fl-Istat Membru tal-uffiċċju ta’ trażitu għad-dħul fil-Komunità li għalih intbagħtet nota ta’ avviż ta’ tranżitu.

57.      Skont l-Artikolu 379 tar-Regolament Nru 2454/93, f’dak il-każ, l-uffiċċju tat-tluq għandu jinnotifika lill-prinċipal qabel l-aħħar tal-11-il xahar wara d-data ta’ reġistrazzjzoni tad-dikjarazzjoni ta’ tranżitu Komunitarja u jitlob li dan jibgħat, fi żmien tliet xhur, il-prova tar-regolarità tal-operazzjoni ta’ tranżitu. Mal-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur, l-uffiċċju tat-tluq għandu jirċievi l-ħlas tad-dazji doganali korrispondenti li huwa għandu sussegwentement idaħħal fil-kontijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1552/89, jiġifieri mhux iktar tard mill-ewwel ġurnata xogħol wara d-19 tat-tieni xahar wara dak li matulu d-dazju jkun ġie kkonstatat.

2.      Il-proċedura skont il-carnet TIR

58.       Il-Konvenzjoni TIR ġiet iffirmata f’Ġinevra (l-Isvizzera) fl-14 ta’ Novembru 1975 u l-Italja hija firmatarja ta’ din il-Konvenzjoni (13). Il-Komunità Ekonomika Ewropea approvat l-imsemmija Konvenzjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78, tal-25 ta’ Lulju 1978 (14). Din il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fil-Komunità fl-20 ta’ Ġunju 1983 (15).

59.       Il-Konvenzjoni TIR tistabbilixxi fl-Artikolu 4 tagħha li l-merkanzija ttrasportata taħt is-sistema TIR, introdotta minn din il-konvenzjoni, mhijiex soġġetta għall-ħlas jew tal-għoti ta’ dazji u taxxa fuq l-importanzzjoni jew fuq l-esportazzjoni lill-uffiċċji doganali ta’ passaġġ. Sabiex tapplika din l-eżenzjoni, il-merkanzija għandu jkollha magħha matul il-perijodu kollu ta’ transpost, dokument wieħed, il-carnet TIR, li jippermetti l-kontroll tar-regolarità tal-operazzjoni.

60.       Meta carnet tat-TIR ma jkunx disċarġjat, l-operazzjoni doganali ma tkunx twettqet regolarment. F’dak il-każ, l-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR jistabbilixxi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom, f’terminu ta’ sena mid-data tal-aċċettazzjoni tal-carnet TIR, javżaw uffiċjalment bil-miktub lill-assoċjazzjoni garanti li ma kinitx iddisċarġjat il-carnet TIR. It-talba għal ħlas tad-dazji hija indirizzata lill-assoċjazzjoni garanti skont l-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni TIR, fl-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur sa mhux iktar tard mis-sentejn wara d-data li fiha l-assoċjazzjoni tkun ġiet informata li ma kienx sar disċarġ tal-carnet TIR (16).

61.      Jekk jiġi kkonstatat li kien hemm fi Stat Membru ksur jew irregolarità fir-rigward ta’ trasport ta’ merkanzija fuq il-bażi tal-carnet TIR, dan l-Istat Membru għandu – hekk kif jipprovdi l-Artikolu 454 tar-Regolamnet Nru 2454/93 jitlob id-dazju doganali u d-dazji evenwali oħra skont id-dispożizzjonijiet tal-Komunità jew id-dispożizzjonijiet tiegħu stess. Fil-mument fejn l-awtoritajiet kompetenti jiksbu d-dritt li jitolbu l-ħlas tad-dazji lill-assoċjazzjoni garanti, huma għandhom idaħħlu dawn id-dazji fil-kontabbiltà skont l-Artikolu 1552/89. Dan ifisser li d-dritt Komunitarju japplika fir-relazzjonijiet bejn l-Istat Membru u l-Komunità f’dak li jikkonċerna r-riżorsi proprji u d-dħul ta’ dawn ir-riżorsi fil-kontabbiltà tal-Komunità. Din hija r-raġuni li għaliha din il-kawża tapplika wkoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar ir-riżorsi stess għad-dħul fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji li jinħolqu minħabba n-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-Konvenzjoni TIR.

D –    Dejn doganali

62.      L-ewwel domanda li għandna nirrispondu rigward l-obbligu tal-ħlas tal-imgħax minħabba ħlas tardiv mill-awtoritajiet Taljani tikkonsisti f’jekk, f’dan il-każ, inħoloqx dejn doganali.

63.      Fir-rigward ta’ din id-domanda, hemm bżonn li nispeċifikaw il-bażi legali għall-ħolqien tad-dejn doganali, jew iċ-ċirkostanzi li fihom jinħoloq dan id-dejn doganali, il-bażi legali jew ċirkustanzi li joħolqu l-obbligu tal-Istat Membru li jieħu inkunsiderazzjoni r-riżorsi infushom tal-Komunità (17). Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-impriżi li jikkonċernaw id-dikjarazzjonijiet doganali, l-impożizzjoni u l-ġbir ta’ dazji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni huma rregolati mid-dispożizzjonijiet doganali (18). Ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri dwar il-kunsiderazzjoni u l-għoti tar-riżorsi stess huma dawk irregolati mid-dispożizzjonijet fuq ir-riżorsi proprji.

64.      Il-Kummissjoni tafferma fir-rikors tagħha li meta l-uffiċċju tat-tluq ma jirċevix il-prova tat-twettiq tal-proċedura doganali fit-terminu previst, jeħtieġ li jiġi kkunsdirat li l-operazzjoni doganali hija irregolari, ħaġa li twassal għall-ħolqien tad-dejn doganali. L-Italja ssostni bil-kontra li d-dejn doganali qatt ma nħoloq peress li l-kunsinna ġiet ippreżentata fil-ħin fl-uffiċċju tad-destinazzjoni; skont l-Italja, il-fatt li l-uffiċċju ta’ destinazzjoni bagħat tardivament l-attestazzjoni tar-regolarità tal-operazzjoni doganali m’għandux effett fuq il-ħolqien ta’ dejn doganali.

65.       Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu l-ewwel nett jiġi kkjarifikat l-istat tal-fatti f’din il-kawża. L-uffiċċju ta’ tluq stabbilixxa terminu għall-preżentazzjoni tal-merkanzija fl-uffiċċju ta’ distribuzzjoni (19). Il-merkanzija ġiet ippreżentata fil-ħin fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni, iżda dan ma bagħatx mill-ewwel id-dokumenti li kienu juru dan il-fatt lill-uffiċċju ta’ tluq (20).

66.       L-Artikolu 379(1) tar-Regolament Nru 2454/93 jistabbilixxi li meta “kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni”, l-uffiċċju tat-tluq għandu jinnotofika lill-persuna prinċipali. Skont interpretazzjoni litterali stretta, din id-dispożizzjoni ċertament ma tkoprix is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali fejn il-merkanzija ġiet ippreżentata fil-ħin fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni, iżda fejn l-uffiċċju ta’ tluq ma jkunx ġie infurmat. Madankollu aħna inqisu, li din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem mill-perspettiva tal-uffiċċju tat-tluq, u dan, fis-sens li dan l-uffiċċju għandu, jekk ma jkunx ġie infurmat bil-preżentazzjoni fit-termini tal-merkanizja, jikkunsidra li l-merkanzija ma ġietx ippreżentata fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni (21). Jekk kienet ġiet adottata interpretazzjoni oħra tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 379 tar-Regolament Nru 2454/93, il-proċedura ta’ demostrazzjoni tar-regolarità tal-operazzjoni ta’ tranżitu skont it-tieni paragrafu titlef is-sens kollu tagħha. Jekk l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu jirregola biss is-sitwazzjonijiet li fihom il-merkanzija ma ġietx effettivament ippreżentata fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni, ma jkunx possibbli li sussegwentement jintwera li l-merkanzija tassew ġiet ippreżentata fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni. Dan l-argument huwa kkonfermat mill-Artikolu 380(a) tar-Regolament Nru 2454/93 li jgħid li jista’ jiġi ppreżentat bħala prova tar-regolarità tal-operazzjoni ta’ tranżitu “dokument iċċertifikat mill-awtoritajiet doganali li jistabilixxi li l-merkanzija inkwistjoni kienet ippreżentata fl-uffiċju tad-destinazzjoni”.

67.      Għaldaqstant, peress li mill-perspettiva tal-uffiċċju tat-tluq, il-merkanzija ma kinitx ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni, l-uffiċċju tat-tluq għandu jitlob lill-prinċipal ċertifikat tar-regolarità tal-operazzjoni ta’ tranżitu. Jekk dan iċ-ċertifikat ma jintalabx lill-prinċipal, il-konsegwenza ta’ din l-ommissjoni hija, fil-fehma tiegħi, tal-uffiċċju ta’ tluq (u mhux tal-prinċipal), l-istess bħallikieku ma rċeviex iċ-ċertifikat tar-regolarità tal-operazzjoni ta’ tranżitu min-naħa tal-prinċipal – skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/889 huwa b’hekk li jinħoloq id-dritt tal-Komunità fuq ir-riżorsi proprji u, għaldaqstant, l-obbligu tal-uffiċċju ta’ tluq li jdaħħalhom fil-kontabbiltà tal-Komunità.

68.       Fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (22) u Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (23), imsemmija mill-Kummissjoni, ġie stabbilit li meta “il-kunsinni mqiegħda taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern ma jkunux ġew ippreżentati lill-uffiċċju tad-destinazzjoni fit-terminu preskritt mill-uffiċċju tat-tluq, id-dejn doganali huwa preżunt li nħoloq u d-debitur huwa preżunt li huwa d-debitur ta’ dan id-dejn”(24). Dan il-punt huwa kkonfermat ukoll mill-Avukat Ġenerali Stix-Hackl, li fil-konklużjonijiet taż-żewġ kawżi iddefendiet l-istess opinjoni li l-Artikolu 378(1) u (2) tar-Regolament Nru 2454/93 – il-każ li fih il-kunsinna ma ġietx ippreżentata fit-termini fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni – joħloq “preżunzjoni legali” fir-rigward tal-ħolqien tad-dejn doganali u tal-karatteristika ta’ debitur tal-prinċipal (25). Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata b’mod analogu fil-każ li fih l-uffiċċju ta’ tluq m’għandux il-prova li l-merkanzija ġiet ippreżentata fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni.

69.      Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, ma jistax bħala konsegwenza jintqal li d-dejn doganali effettivament inħoloq. Mal-iskadenza tat-terminu li l-uffiċċju ta’ tluq ikun stabbilixxa għall-preżentazzjoni tal-merkanzija fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni, tinħoloq biss preżunzjoni ta’ dejn doganali (26). Kontra l-imsemmija preżunzjoni hija ammessa prova għall-kuntrarju (praesumptio iuris tantum) u, għaldaqstant, huwa possibbli li tiġi kkontestata jekk persuna interessata turi li l-operazzjoni doganali hija korrettament imwettqa. L-oneru tal-prova f’dan il-każ huwa bbażat fuq il-persuna li tikkontesta l-preżunzjoni (27). F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar min jista’ jikkontesta l-preżunzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ possibbiltajiet.

70.      L-ewwel waħda tikkonsisti f’jekk l-uffiċċju tat-tluq ikunx talab lill-prinċipal il-prova dwar ir-regolarità tal-operazzjoni ta’ tranżitu skont l-Artikolu 379(2) tar-Regolament Nru 2454/93. F’dak il-każ, l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl enfasizzat fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑460/01) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑104/02) (28), li d-debitur jista’, fi żmien tliet xhur mid-data ta’ riċeviment tan-notifika tal-irregularità tal-operazzjoni ta’ tranżitu, jikkontesta l-preżunzjoni dwar l-eżistenza tad-dejn doganali billi jagħti prova li l-irregularità ma rriżultatx minħabba dan il-fatt. Kif jiskadi l-imsemmi żmien, il-prinċipal ma jistax jikkontesta l-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ dejn doganali li ma jistax jiġi kkontestat ħlief mill-awtoritajiet doganali billi juru li l-merkanzija ġiet ippreżentata fil-ħin fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni. It-tieni possibbiltà hija li l-uffiċċju ta’ tluq ma jitlobx din il-prova lill-prinċipal. F’dan il-każ, il-prinċipal jista’, fil-fehma tiegħi, bħal fil-każ tal-awtoritajiet doganali, jikkontesta l-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ dejn doganali wkoll wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ erbatax-il-xahar wara l-ġuranta tal-bidu ta’ tranżitu tal-merkanzija.

71.      Fil-kawża inkwistjoni, huwa neċessarju, għaldaqstant, li jiġi kkonstatat li inħolqot preżunzjoni ta’ dejn doganali, li ġie kkontestat, meta l-uffiċċju ta’ destinazzjoni ppreżenta fl-uffiċċju ta’ tluq il-prova li l-merkanzija waslet fil-ħin fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni.

E –    Obbligu ta’ dħul fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji tal-Komunità

72.      It-tieni domanda li hemm bżonn nirrrispondu tikkonsisti jekk l-awtoritajiet Taljani kellhomx obbligu li jdaħħlu r-riżorsi proprji fil-kontijiet tal-Komunità. L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89 u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000 huma importanti għall-konstatazzjoni tad-dritt tal-Komunità dwar ir-riżorsi proprji.

73.       Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni għalhekk tinvoka r-Regolament Nru 1552/89 kif ukoll ir-Regolament Nru 1150/2000 li ssostitwixxa l-ewwel regolament mill-31 ta’ Mejju 2000. Mal-ewwel għandu jiġi kkjarifikat li ż-żewġ Regolamenti għandhom jiġu applikati f’din il-kawża (29). F’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet taż-żewġ Regolamenti, nosservaw li meta d-dritt Komunitarju ġie emendat matul proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni tista’ titlob il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta minn dispożizzjonijiet tad-dispożizzjoni inizjalment fis-seħħ li jkunu ġew emendati iktar tard, jekk id-dispożizzjonijiet ikunu ġew ikkonservati fl-ewwel dispożizzjoni (30). Għall-kuntrarju, is-suġġett tal-kawża ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li m’għandhomx ekwivalenza fil-verżjoni iniżjali tal-att inkwistjoni, li jfisser ksur tal-forom sostanzjali tar-regolarità tal-proċedura li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. (31)

74.       L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89 ġie ssostiwit mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000. L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89 kien jipprovdi li d-dritt tal-Komunità tar-riżorsi tagħha proprji huwa stabbilit immedjatament meta d-dipartiment nazzjonali kompetenti jinforma lid-debitur bl-ammont dovut; id-debitur huwa infurmat immedjatament meta huwa magħruf u meta l-awtorità amministrattiva kompetenti hija fil-pożizzjoni, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet Komunitarji kollha f’dan il-qasam, li tikkalkula l-ammont. L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000 jipprovdi li d-dritt tal-Komunità għal riżorsi tagħha proprji huwa stabbilit immedjatament meta jitwettqu l-kundizzjonijiet għall-konstatazzjoni tad-dritt fil-baġit u għall-informazzjoni tad-debitur, li jinsabu fid-dispożizzjonijiet doganali. B’hekk il-kliem tal-Artikolu 2 ġew emendati mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid, raġuni li għaliha aħna f’din il-kawża rridu nikkunsidraw dispożizzjonijiet tar-Regolament inizjali.

75.      Il-Gvern Taljan spjega fis-seduta li l-awtoritajiet Taljani ma infurmawx lill-prinċipal bl-ammont dovut. Indipendentement minn din iċ-ċirkustanza, id-dritt tal-Komunità fuq ir-riżorsi tagħha proprji f’kull każ jinħoloq meta jkunu skadew it-termini tal-Artikolu 379 tar-Regolament Nru 2454/93, jiġifieri mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ terminu ta’ erbatax-il-xahar wara l-preżentazzjoni tal-merkanizja tal-uffiċċju ta’ tluq. Fil-każ tal-Konvenzjoni TIR, dan id-dritt Komunitarju inħoloq meta jkunu skadew it-termini tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni, jiġifieri sena u tlett xhur – għalhekk flimkien ħmistax-il-xahar – u mhux iktar tard minn tliet snin minn meta jiġi rċevut il-carnet TIR.

76.       L-awtoritajiet Taljani kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni id-dritt Komunitarju fuq ir-riżorsi tagħha proprji fuq il-bażi tal-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament Nru 1552/89 li jipprovdi li d-drittijiet, stabbiliti skont l-Artikolu 2, jiddaħħlu fil-kontabbiltà mhux iktar tard mill-ewwel ġurnata xogħol wara d-19 tat-tieni xahar wara dak li matulu d-dritt ikun ġie ikkonstatat. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1150/2000; b’hekk huwa possibbli minħabba l-prinċipji msemmija iktar ’il fuq li dan jiġi applikat. Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Istati Membri ma jistgħux jiddispensaw ruħhom mill-obbligu li jistabbilixxu d-djun, anki jekk jikkontestawhom, inkella jkollu jiġi ammess li l-ekwilibriju finanzjarju tal-Komunità jista’ jiġi sfrattat bl-aġir ta' Stat Membru (32). L-Istati Membru jkunu meħlusa mill-obbligu li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti inkwistjoni biss jekk ma setgħux jiġu rkuprati jew jekk ikun jidher li l-irkupru jkun definittivament impossibbli minħabba raġunijiet li ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti lilhom (33).

77.      Mal-iskadenza tat-termini msemmija iktar ’il fuq, il-preżunzjoni ta’ dejn doganali hija biżżejjed sabiex ikun hemm obbligu ta’ dħul tad-dritt Komunitarju fir-riżorsi proprji tagħha. Minn din il-perspettiva, għalhekk mhuwiex importanti li wieħed ikun jaf jekk l-uffiċċju ta’ tluq jafx b’ċertezza jekk inħoloqx dejn doganali għall-prinċipal. Mill-perspettiva tal-uffiċċju tad-dwana, dan id-dejn doganali huwa kkunsidrat bħala eżistenti u għandu, minħabba din il-preżunzjoni, jipprovdi biex jiddaħħal fil-kontabbiltà id-dritt tal-Komunità fuq ir-riżorsi proprji tagħha.. L-eżami mill-perspettiva tal-prinċipal, li fuqu jibbaża l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet tiegħu, b’hekk mhuwiex deċiżiv f’din il-kawża – il-fatt li, de facto , ebda dejn doganali ma nħoloq fir-rigward tiegħu skont l-Artikolu 204 tal-KDK m’għandu ebda rwol importanti għall-uffiċċju doganali ta’ tluq ħlief meta dan l-uffiċċju iqabbel id-dokumenti ta’ dwana, jikkonstata li ma kienx hemm irregolaritajiet matul l-operazzjoni doganali, u jipproċedi għat-twettiq tal-proċedura doganali. B’hekk aħna nistgħu nikkunsidraw li l-prinċipal issodisfa l-obbligu tiegħu fil-kuntest tas-sistema ta’ tranżitu estern meta huwa jkun ippreżenta l-merkanzija u d-dokumenti korrispondenti fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni filwaqt li l-uffiċċju doganali tat-tluq jissodisfa l-obbligu tiegħu meta huwa jqabbel id-dokumenti doganali u jkun ikkonstata li ma kienx hemm irregolaritajiet fil-proċedura ta’ tranżitu.

78.      Konsegwentement, l-awtoritajiet Taljani kellhom l-obbligu li jdaħħlu r-riżorsi proprji fil-kontijiet tal-Komunità.

F –    Imgħax fuq ħlas tardiv

79.       It-tielet domanda, li hija deċiżiva f’din il-kawża, hija jekk l-Istat Membru tal-uffiċċju doganali li kellu l-obbligu li jdaħħal id-dritt Komunitarju fuq ir-riżorsi proprji fil-kontabbiltà għandux iħallas imgħax minħabba ħlas tardiv mid-data li fiha dak l-Istat kellu l-obbligu li jikkredita dawn ir-riżorsi fil-kontabbiltà tal-Komunità sal-ġurnata li fiha ġiet ikkontestata l-preżunzjoni ta’ dejn doganali. Fil-fatt, l-obbligu tal-uffiċċju doganali li jdaħħal ir-riżorsi tiegħi fil-kontabbiltà fil-kuntest tar-relazzjoni legali ta’ dwana jikkorrispondi mal-obbligu tal-Istat Membru li jikkredita l-kontabbiltà tal-Komunità fil-kuntest tar-relazzjoni mal-Komunità. B’hekk, l-Istat Membru huwa meħtieġ li jħallas imgħax minħabba ħlas tardiv għall-perijodu li fih ir-riżorsi proprji kellhom ikunu fil-kontabbiltà tal-Komunità kieku l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kienu daħħlu dawn ir-riżorsi fil-kontabbiltà fiż-żmien preskritt.

80.       Fir-rigward tal-imgħax minħabba ħlas tardiv, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89 jistabbilixxi li “kull dewmien” (34) biex isir id-dħul fil-kontijiet ta’ riżorsi proprji tal-Komunità jagħti lok għal ħlas ta’ imgħax mill-Istat Membru korrispondenti. Fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000 teżisti dispożizzjoni identika. Barra minn hekk, mill-ġurispridenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa stabbilit li teżisti konnessjoni inseparabbli bejn l-obbligu li jiġu stabbiliti r-riżorsi proprji Komunitarji, dak li jiġi kkreditat il-kont tal-Kummissjoni fit-termini stipulati u dak li jitħallsu l-interessi minħabba dewmien (35). Dawn l-imgħaxijiet jistgħu jintalbu indipendentement mir-raġuni għad-dewmien li bih ir-riżorsi proprji ddaħħlu fil-kont tal-Kummissjoni (36). B’hekk skont il-ġurisprudenza mhuwiex neċessarju li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni li fiha l-Istat Membru jikkonstata r-riżorsi proprji mingħajr ma jdaħħalhom fil-kontabbiltà u s-sitwazzjoni li fiha l-Istat Memmbru ikun sempliċement naqas milli jikkonstata r-riżorsi proprji (37).

81.      Minkejja dan, fl-opinjoni tiegħi dawn il-prinċipji huma applikabbli biss meta d-dejn doganali jkun effettivament jeżisti jew biss sakemm tibqa’ fis-seħħ il-preżunzjoni ta’ eżistenza tiegħu u, għaldaqstant, ir-riżorsi huma effettivament dovuti. L-applikazzjoni tal-imsemmija prinċipji mhix possibbli, madankollu, mill-mument li fih huwa ddikjarat li d-dejn doganali ma eżistiex realment u, konsegwentement, ma jibqax jeżisti d-dritt Komunitarju fuq id-dħul fil-kontijiet ta’ riżorsi proprji jew id-dritt fuq riżorsi proprji diġà mdaħħla fil-kontabbiltà.

82.      F’dan il-punt, għandi niċċara f’iktar dettall ir-rabtiet bejn ir-regolamentazzjoni ġuridika tar-relazzjonijiet bejn l-Istat Membru u l-impriżi (relazzjoni ta’ dritt doganali) u r-regolamentazzjoni ġuridika bejn l-Istat Membru u l-Komunità (relazzjonijiet li jikkonċernaw ir-riżorsi proprji tal-Komunità). Mill-perspettiva tal-ħarsien ġenerali tal-interessi finanzjarji tal-Komunità, dan ma jirriżultax mill-implementazzjoni ta’ unjoni doganali iżda bil-kontra minn għan awtonomu li jinsab fit-Trattat taħt it-titolu II (dispożizzjonijiet finanzjarji) tal-ħames parti u mhux it-tielet parti li tirregola l-politika tal-Komunità u fost l-oħrajn l-unjoni doganali fil-Kapitolu I (38). Madankolu teżisti – kif jirriżulta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka – bejn id-dispożizzjonijiet doganali u d-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tal-Komunità rabta fis-sens li l-awtoritajiet doganali nazzjonali kompetenti għandhom skont dispożizzjonijiet doganali, jevalwaw, jimponu u jiġbru d-dazji doganali inkwantu riżorsi proprji (39). L-Istati Membri għaldaqstant għandhom l-obbligu li japplikaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Komunità r-riżorsi proprji li għandha dritt fuqhom u l-Istati Membri jkunu meħlusa minn dan l-obbligu biss jekk ma setax iseħħ l-irkupru minħabba raġunijiet ta’ force majeure jew jekk jirriżulta definittivament impossibbli li jsiru passi għall-irkupru minħabba kawżi esterni li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tagħhom (40).

83.       F’każijiet partikolari, ir-relazzjoni ta’ dritt doganali tista’ tiġi distinta totalment mir-relazzjoni korrispondenti tar-riżorsi proprji tal-Komunità. Dan kien il-każ diskuss mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża De Haan (41). F’dan il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ distinzjoni bejn l-obbligu li jiġu stabbiliti drittijiet tal-Komunità fuq riżorsi proprji u l-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jirrikjedu t-twettiq tad-dejn doganali mill-prinċipal. Fil-paragrafu 34 tas-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li n-nuqqas ta’ twettiq mill-awtoritajiet doganali tal-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja jista’ jwassal biex l-Istat Membru inkwistjoni iħallas imgħax fuq ħlas tardiv, fil-kuntest ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Komunità ta’ riżorsi proprji, u li hija ma tidħolx fil-kwistjoni dwar in-neċessità tad-dejn doganali u lanqas tad-dritt tal-imsemmija awtoritajiet biex iwettqu l-irkupru tad-dejn aposteriori. Fil-ġurisprudenza sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, anke jekk żball imwettaq mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru għandu l-effett li d-debitur ma jkollux iħallas l-ammont ta’ dazji involuti, dan ma joħloqx dubju dwar l-obbligu tal-Istat Membru inkwistjoni li jħallas l-ammont tar-riżorsi proprji u l-imgħax fuq ħlas tardiv għal dħul tardiv fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji (42).

84.      Madankollu, teżisti differenza essenzjali bejn il-każ fejn jeżisti dejn doganali u l-Istat Membru ma jistax jieħu passi għall-irkupru minħabba żbalji tal-uffiċċji doganali tiegħu, u l-każ fejn ikun iddikjarat sussegwentement li d-dejn doganali ma jeżistix, bħal fil-każ ta’ din il-kawża. Għaldaqstant, il-prinċipji mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza De Haan (43) ma jistgħux jiġu trasposti f’din il-kawża.

85.       Bl-istess mod, wieħed ma jistax jiddikjara fil-kawża inkwistjoni li, wara li jinħoloq l-obbligu tal-Istat Membru li jdaħħal ir-riżorsi proprji fil-kontabbiltà ta’ riżorsi proprji tal-Komunità, ir-relazzjoni bejn l-Istat Membru u l-Komunità tirriżulta totalment awtonoma mir-relazzjoni bejn l-Istat Membru u l-prinċipal. Il-fatt li ż-żewġ proċeduri jibqgħu obbligatorji inkluż il-ħolqien tal-obbligu ta’ dħul ta’ riżorsi proprji fil-kontabbiltà tal-Komunità huwa rrikonoxxut impliċitament ukoll mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni, f’każ li tkun ikkunsidrat li l-obbligu ta’ dħul fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji teżisti anke jekk ikun stabbilit li ma nħoloq ebda dejn doganali, tkun talbet ukoll fir-rikors tagħha li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq minħabba n-nuqqas ta’ dħul tal-imsemmija riżorsi fil-kontabbiltà tal-Komunità. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tirreferi fl-argument tagħha għall-fatt li meta jiġi vverifikat in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ dejn doganali, lanqas ma jeżisti l-obbligu ta’ dħul fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji.

86.       L-awtonomija totali tal-proċedura mir-riżorsi proprji rigward il-proċedura ġuridika doganali ma tistax teżisti minħabba raġuni oħra. L-Artikolu 236 KDK jistabbilixxi, fil-fatt, li dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura “safejn jiġi stabbilit li fil-mument ta’ ħlas tiegħu l-ammont tagaħhom ma kienx legalment dovut” (44). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll fil-ġurisprudenza tagħha li l-prinċipal jista’ jirċievi l-ħlas lura tal-ammonti mħallsa jekk sussegwentement jirriżulta li l-operazzjoni doganali kienet twettqet korrettament (45). Għaldaqstant, kieku l-prinċipal seta’ jitlob lill-Istat Membru l-ħlas lura tal-kwantitajiet imħallsa b’mod inġust, iżda li dan tal-aħħar għandu dejjem l-obbligu – indipendentement minn dan – li jdaħħal dawn ir-riżorsi fil-kontabbiltà tal-Komunità, l-Isat Membru inkwistjoni jkun obbligat li jħallas darbtejn l-istess ammont – darba lill-Komunità u darba oħra lill-prinċipal. Fl-opinjoni tiegħi, madankollu, dan ma jistax ikun l-għan la tal-leġiżlazzjoni doganali u lanqas tal-leġiżlazzjoni dwar riżorsi proprji tal-Komunità.

87.      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li mill-annullament tal-preżunzjoni tal-eżistenza tad-dejn doganali, irriżultat ukoll l-illegalità tad-dħul tar-riżorsi proprji fil-kontabbiltà tal-Komunità. L-imsemmija dikjarazzjoni mhix mibdula minħabba l-fatt li, fiż-żmien fejn kienet għadha fis-seħħ il-preżunzjoni ta’ eżistenza tad-dejn doganali, l-awtoritajiet doganali nazzjonali kellhom l-obbligu li jdaħħlu r-riżorsi proprji fil-kontabbiltà.

88.      In-nuqqas ta’ dritt tal-Komunità fuq riżorsi proprji għandu konsegwenzi relevanti anke fuq l-imgħaxijiet eventwalment dovuti mill-Istat Membru għad-dewmien fid-dħul fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji inkwistjoni. Fl-opinjoni tiegħi, f’dan ir-rigward huwa xieraq li nosservaw li, mal-waqfien tad-dritt tal-Komunità fuq riżorsi proprji, jonqos ukoll id-dritt tagħha għal imgħaxijiet fuq ħlas tardiv għall-eventwali dħul tardiv tal-imsemmija riżorsi fil-kontabbiltà. Varji argumenti jistgħu jkunu msemmija li jsostnu dan l-argument.

89.       L-obbligu ta’ dħul fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji u l-obbligu ta’ ħlas ta’ imgħax fuq ħlas tardiv minħabba kontabbiltà tardiva huma konnessi bejniethom bħala obbligu prinċipali u obbligu aċċessorju. Peress li ma jeżistix l-obbligu ta’ dħul fil-kontabbiltà –fi kliem ieħor, l-obbligu prinċipali –, skont il-prinċipju ta’ accessorium sequitur principale jispiċċa wkoll l-obbligu aċċessorju ta’ ħlas tal-imgħax minħabba ħlas tardiv fl-imsemmija kontabilità. L-imgħaxijiet fuq ħlas tardiv huma istituzzjoni tipika tad-dritt ċivili, iżda huwa possibbli li jiġu trasposti fil-qasam tad-dritt doganali li huwa parti mid-dritt pubbliku kif ukoll fil-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji tal-Komunità il-prinċipji fundamentali marbuta ma’ dan l-istrument. Jekk kellna nibbażaw b’analoġija fuq id-dritt ċivil, jiġi kkonstatat li l-ħlas ta’ imgħaxijiet huwa dejjem marbut mal-ħlas tad-dejn prinċipali.

90.       Id-dritt sekondarju tal-Komunità li jmiss mal-qasam tal-imgħaxijiet minħabba ħlas tardiv jirriżulta mill-prinċipju tan-natura aċċessorja tal- imgħaxijiet (46). Dan il-prinċipju huwa rikonoxxut wkoll fil-liġi ta’ diversi Stati Membri tal-UE (47). In-natura aċċessorja tal-imgħax tirriżulta wkoll mid-dokumenti ta’ diversi gruppi ta’ esperti għall-unifikazzjoni tad-dritt Ewropew u tal-istrumenti ta’ dritt internazzjonali. Għalhekk, per eżempju, fl-Artikolu III.-3:708(1) tal-Abbozz tal-qafas ta’ referenza komuni (Draft Common Frame of Reference) huwa stabbilit li d-debitur għandu jħallas imgħax fuq ħlas tardiv jekk ikun f’sitwazzjoni ta’ dewmien fil-ħlas ta’ somma partikolari ta’ flus (48). Dispożizzjoni simili tinsab fl-Artikolu 4.507(1) tal-Prinċipji tad-dritt kuntrattwali Ewropew (Principles of European Contract Law) (49). Bl-istess mod, fl-Artikolu 78 tal-Konvenzjoni dwar il-kuntratti ta’ bejgħ internazzjonali ta’ merkanzija huwa stabbilit li jekk parti għandha dritt għal imgħax minħabba ħlas tardiv jekk il-parti l-oħra iddum sabiex tħallas il-prezz jew ammont ieħor (50). Ebda wieħed mill-istrumenti msemmija ma jirregola każijiet fejn il-kreditur għandu dritt għall-imgħax minħabba ħlas tardiv ukoll jekk ma kienx hemm obbligu ta’ ħlas tas-somma dovuta.

91.      Fil-każ tar-relazzjoni ta’ dritt ċivili, fil-fatt din hija relazzjoni fuq żewġ livelli, li hija komposta minn obbligu prinċipali u waħda aċċessorja, peress li l-debitur bid-dewmien fil-pagament għandu jħallas imgħax fuq ħlas tardiv skont l-obbligi finanzjarji prinċipali. Min-naħa l-oħra, fil-kawża inkwistjoni r-relazzjoni tinqasam fi tliet livelli: l-ewwel nett, jinħoloq dejn doganali, wara jirriżulta l-obbligui ta’ dħul fil-kontabbiltà ta’ somma partikolari rigward riżorsi proprji u, fl-aħħar nett, jinbeda l-obbligu ta’ ħlas tal-imgħax fuq ħlas tardiv tad-dħul tardiv fil-kontabbiltà tal-imsemmija somma. Madankollu, l-eżistenza tal-imsemmija relazzjoni fuq tliet livelli ma tistax taffettwa, fl-opinjoni tiegħi, il-konklużjoni li l-Komunità m’għandhiex dritt f’dan il-każ għall-ħlas ta’ imgħax fuq ħlas tardiv. Id-dritt tal-Komunità fuq riżorsi proprji jispiċċa meta tkun invalidata l-preżunzjoni li hemm dejn doganali, peress li l-proċedura legali li tirregola r-riżorsi proprji tal-Komunità ma tistax tkun sa dak il-punt indipendenti mir-relazzjoni ġuridika doganali li tippermetti l-eżistenza totalment awtonoma ta’ dejn maħluq fil-kuntest tal-imsemmija relazzjoni ġuridika.

92.       Il-validità tal-argument dwar in-natura aċċessorja tal-imgħaxijiet fuq ħlas tardiv tirriżulta kkonfermata mill-fatt li r-ratio tal-imsemmi argument jista’ jintuża wkoll fil-każ oppost, fi kliem ieħor meta r-riżorsi proprji – għall-kuntrarji ta’ dak li jiġri f’dan il-każ – kienu mdaħħla fil-kontabbiltà, avolja b’mod tardiv, u l-Istat Membru ħallas imgħax fuq ħlas tardiv għall-kontabbiltà tardiva, anke jekk wara d-dħul fil-kontabbiltà kien ġie ivverfikat li ma kienx hemm dejn doganali. Kif diġà indikajt fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, jekk il-Komunità tirċievi dħul rigward riżorsi proprji tal-Komunità li m’għandhiex dritt għalihom, il-bilanċ finanzjarju tal-Komunità jkun mibdul għad-dannu ta’ Stat Membru. (51) F’dak il-każ jista’ jkun hemm ċaqliq finanzjarju mhux iġġustifikat favur il-Komunità, b’arrikkiment indebitu tagħha (52). Jekk f’dan il-każ ir-riżorsi proprji tal-Komunità kienu mdaħħla fil-kontabbiltà tardivament u l-Istat Membru ħallas imgħax għad-dħul fil-kontabbiltà tardiv, fl-opinjoni tiegħi dan jista’ jitlob lill-Komunità l-ħlas lura kemm tar-riżorsi proprji inkwistjoni kif ukoll l-imgħaxijiet fuq ħlas tardiv.

93.      Kif jindika korrettement il-Gvern Taljan, bħala konsegwenza tal-obbligu ta’ ħlas ta’ imgħaxijiet fuq ħlas tardiv f’dan il-każ, l-imsemmija imgħaxijiet jiksbu natura ta’ sanzjoni. L-għan tal-imgħaxijiet fuq ħlas tardiv jista’ jkun ċertament wieħed ta’ sanzjoni, billi jwasslu biex jobbliga lid-debitur biex iħallas fil-ħin billi jippenalizzawh għal kull ġurnata ta’ dewmien. Madankollu, anke n-natura ta’ sanzjoni tal-imgħaxijiet fuq ħlas tardiv hija marbuta mal-eżistenza effettiva tal-obbligu prinċipali (53). Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjonni tipprova fir-realtà timla lacuna ġuridika manifestament eżistenti b’mod ċar rigward is-sanzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Istati Membri li jdaħħlu r-riżorsi proprji fil-kontabbiltà. Din l-intenzjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi inkluża, fil-fatt, fid-dawl tal-possibilità ta’ abbużi u frodi fid-dħul fil-kontabbiltà ta’ riżorsi proprji (54), iżda tmur kontra n-natura tal-imgħaxijiet fuq ħlas tardiv jekk dawn jissostitwixxu sistema effiċjenti ta’ sanzjonijiet għall-ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

94.      Inqis li huwa possibbli li l-imsemmija lacuna ġuridika tal-leġiżlazzjoni Komunitarja tiġi mimlija. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi emenda fil-leġiżlazzjoni Komunitarja bl-iskop li tistabbilixxi sanzjoni effettiva, li tinkludi sanzjoni ekonomika għall-imsemmija ksur, li tkun indipendenti mill-ħlas tal-imgħaxijiet fuq ħlas tardiv. Bħala paragun, għandi nfakkar li, bħala prinċipju, fid-dritt ċivili lanqas mhija eskluża l-possibilità li l-kreditur jitlob lid-debitur li qed idum biex iħallas, ħlas addizzjonali li m’għandux x’jaqsam mal-ħlas ta’ imgħax fuq ħlas tardiv. (55) Għaldaqstant, anke fid-dritt ċivili huma stabbiliti sanzjonijiet addizzjonali għall-ksur tal-obbligu ta’ ħlas puntwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru, skont l-Artikolu 226 KE, dwar id-dħul tardiv tar-riżorsi proprji fil-kontabbiltà. Il-fatt li Stat Membru ma daħħalx fil-kontijiet ir-riżorsi inkwistjoni fil-kontabbiltà meta kienet għadha fis-seħħ il-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ dejn doganali jista’, fl-opinjoni tiegħi, jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tal-imsemmi Stat. Il-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ dħul fil-kontijiet meta kienet għadha fis-seħħ il-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ dejn doganali hija differenti mill-kwistjoni rigward l-obbligu ta’ ħlas ta’ imgħax fuq ħlas tardiv ladarba l-imsemmija preżenzjoni kienet ġiet annullata.

95.      Skont il-kunsiderazzjonijiet magħmula, nikkunsidra li l-Istat Membru tal-uffiċċju doganali li kellu l-obbligu li jdaħħal fil-kontijiet id-dritt tal-Komunità dwar ir-riżorsi proprji mhuwiex obbligat li jħallas imgħax fuq ħlas tardiv mid-data li fiha beda l-obbligu li tiġi mdaħħla l-imsemmija riżorsi fil-kontabbiltà tal-Komunità sad-data li fiha kienet tneħħiet il-preżunzjoni dwar l-eżistenza ta’ dejn doganali.

VII – Konklużjoni

96.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lil-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: Sloven.


2 – ĠU L 252, 14 ta’ Settembru 1978, p. 2.


3 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302 tad-19 ta’ Ottubru 1992, p. 1).


4 – Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, tal-11 ta’ Ottubru 1993, p. 1).


5 – Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU L 155 tas-7 ta’ Ġunju 1989, p. 1).


6 – Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU L 130 tal-31 ta’ Mejju 2000, p. 1).


7 – Sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑104/02, Ġabra p. I‑2689, punt 81, u tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑460/01, Ġabra p. I‑2613, punt 72.


8 – Sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑104/02, Ġabra p. I‑2689, punt 81.


9 – Sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑460/01, Ġabra p. I‑2613, punt 72.


10 – Dwar il-proċedura ta’ tranżtu, ara, pereżempju, V. Olbrich,: Der Zollkodex im Überblick. Eine Einführung in die Systematik, Jehle, Mónaco, 1994, minn p. 31 ’il quddiem; T. Lyons: EC Customs Law, Oxford University Press, Oxford, 2001, minn p. 306 ’il quddiem; P. Witte, u H.-M. Wolffgang (ed.): Lehrbuch des Europäischen Zollrechts, ir-Raba’ edizzjoni., Verlag Neue Wirtschafts-Briefe, Herne/Berlín, 2003, minn p. 145 ’il quddiem; C.J. Berr, u H. Trémeau: Le droit douanier. Communautaire et national, is-Seba’ edizzjoni, Económica, Paríġi 2006, minn p. 370 ’il quddiem.


11 – Ara, f’dan ir-rigward, P. Witte (ed.): Zollkodex, C.H. Beck’sche Verlagsbuchhandlung, Mónaco, 1994, kummentarju dwar l-Artikolu 92, p. 583, li jagħmel distinzjoni espliċitament bejn tmiem u t-twettiq tal-proċedura doganali; ara wkoll T. Lyons, EC Customs Law, Oxford University Press, Oxford, 2001, p. 318.


12 – L-Artikolu 92 ġie emendat bl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 955/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 1999 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 dwar il-proċedura ta’ transitu estern (ĠU L 119 tas-7.5.1999, p. 1). Fl-ewwel paragrafu, li ma kienx emendat b’mod sinifikattiv, kien miżjud paragrafu ieħor: “L-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu l-proċedura [ta’ tranżitu] meta jkunu f'pozizzjoni li jistbilixxu, fuq il-bażi ta' paragun tad-data disponibbli għall-uffiċju tat-tluq u dik disponibbli lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni, li l-proċedura tkun intemmet korrettement”. Għal kummentarju, ara P. Witte (ed.): Zollkodex, ir-Raba’ edizzjoni, C. H. Beck’sche Verlagsbuchhandlung, Mónaco, 2006, kummentarju dwar l-Artikolu 92, p. 1008.


13 – L-Italja ffirmat il-Konvenzjoni TIR fit-28 ta’ Diċembru 1976 iżda rratifikatha biss fl-20 ta’ Diċembru 1982. L-informazzjoni dwar il-firmatarji tal-imsemmija Konvenzjoni tista’ tinkiseb fil-paġna tal-Internet http://untreaty.un.org/ENGLISH/bible/englishinternetbible/partI/chapterXI/subchapA/treaty16.asp.


14 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti taħt il-carnet TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra (ĠU L 252, tal-14 ta’ Settembru 1978, p. 1)


15 – Dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti koperti bil-carnet TIR (Konvenzjoni TIR) (ĠU L 31 ta’ Frar 1983, p. 13).


16 – Iktar partikolarment, rigward il-proċedura ta’ tranżitu estern kopert bil-carnet TIR, ara pereżempju H.‑J. Kampf: “Das Versandverfahren mit Carnet TIR”, Zeitschrift für Zölle und Verbrauchsteuern, n. 6/2002, p. 182; C. J. Berr, u H. Trémeau,: Le droit douanier. Communautaire et national, is-Seba’ edizzjoni, Económica, Pariġi, 2006, p. 385.


17 – F’dan ir-rigward, nikkunsidra li huwa xieraq li nżid li d-dazji doganali mhumiex l-uniku sors ta’ riżorsi proprji tal-Komunità. Jinħolqu riżorsi proprji wkoll permezz ta’ kontribuzzjonijiet fuq il-GDP tal-Istati Membri jew tal-VAT. Għal iktar dettalji dwar ir-riżorsi proprji tal-Komunità, ara R. Messal, A. y Klein: «Finanzlasten und Eigenmittelstruktur der Europäischen Gemeinschaft», Europäisches Wirtschafts- und Steuerrecht, suppliment għan-numru 11/1993, minn p. 1 ’il quddiem.; M.-H. Aubert: Rapport: Système des ressources propres des Communautés européennes, Assemblée nationale (Documents d'information de l'Assemblée nationale. Il-ħdax-il leġiżlatura; nru 3436), Pariġi, 2001. Dwar id-dazji doganali bħala sors ta’ riżorsi proprji, ara, pereżempju, B. Meermagen: Beitrags- und Eigenmittelsystem. Die Finanzierung inter- und supranationaler Organisationen, insbesondere der Europäischen Gemeischaften, Beck, Mónaco, 2002, p. 152. Dwar riżorsi proprji ġodda possibbli tal-Komunità, ara S. Plasschaert: “Towards an Own Tax Resource for the European Union? Why? How? And when?”, European Taxation, nru 11/2004, minn p. 470 ’il quddiem.


18 – Ara l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Geelhoed tal-10 ta’ Marzu 2005 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑392/02, Ġabra p. I‑9811, punt 62; ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fl-10 ta’ Lulju 2007 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑19/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 65.


19 – L-Artikolu 348(1) tar-Regolament Nru 2454/93 jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, li l-uffiċċju tat-tluq “jiffissa il-periodu li fih il-merkanzija għandha tiġi ppreżentata fl-uffiċju tad-destinazzjoni”.


20 – Skont l-Artikolu 356(2) tar-Regolament Nru 2454/93, l-uffiċċju tad-destinazzjoni –wara li jkun ippreżentat bil-merkanzija “jirreġistra fuq il-kopji tad-dokument T1 id-dettalji tal-kontrolli mwettqa u għandu mingħajr dewmien jibgħat kopja lill-uffiċju tat-tluq u jżomm il-kopja l-oħra”. Il-korsiv huwa tiegħi.


21 – P. Witte (ed.): Zollkodex, C. H. Beck’sche Verlagsbuchhandlung, Mónaco, 1994, fil-kummentarju dwar l-Artikoli 378‑380 tar-Regolament Nru 2454/93, p. 570, jiddikjara li l-Artikoli 378-380 tal-imsemmi Regolament mhumiex applikabbli f’każ li l-merkanzija ma tkunx waslet fl-uffiċċju tad-destinazzjoni jew ma jkunx intwera li l-proċedura doganali kienet mitmuma, u li f’dan il-każ hemm bżonn li jkun dedott li l-merkanzija kienet iddikjarata f’ċirkolazzjoni libera fiż-Żona Ekonomika Ewropea.


22 – Sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑104/02, Ġabra p. I‑2689.


23 – Sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑460/01, Ġabra p. I‑2613.


24 – Sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑104/02, Ġabra p. I‑2689, punt 81 u tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑460/01, Ġabra p. I‑2613, punt 72.


25 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl ippreżentati fit-13 ta’ Lulju 2004, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑460/01, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑104/02, Ġabra p. I‑2613, punt 53.


26 – L-argument li jgħid li din hija preżunzjoni ta’ dejn doganali huwa sostnut fid-duttrina wkoll minn A. Dulmet: “Dette douanière et ressources propres des Communautés”, Europe, Nru  206/2005, p. 22.


27 – M Prim. Henninger: Die Frage der Beweislast im Rahmen des UN – Kaufrechts. Zugleich eine rechtsvergleichende Grundlagenstudie zur Beweislast, VVF, Munich, 1995, p. 53.


28 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl, iċċitati fin-nota ta’qiegħ il-paġna 25.


29 – Il-Kummissjoni bagħtet l-opinjonijiet motivati tagħha fiż-żewġ kawżi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament il-ġdid; fil-proċedura minħabba ksur 2003/224, l-opinjoni motivata ngħatat fil-5 ta’ Lulju 2005 u fil-proċedura ta’ ksur 2006/2266 fit-12 ta’ Ottubru 2006.


30 – Ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑363/00, Ġabra p. I‑5767, punt 22.


31 – Sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-363/00, Ġabra p. I‑5767, punt 22, u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑275/04, Ġabra p. I‑9883, punt 35.


32 – Sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑96/89, Ġabra p. I‑2461, punt 37; tal-15 ta’ Ġunju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑348/97, Ġabra p. I‑4429, punt 64, u tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑392/02, Ġabra p. I‑9812, punt 60.


33 – Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-392/02, Ġabra p. I‑9811, punt 66. Araw ukoll il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fl-10 ta’ Lulju 2007 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑19/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 74.


34 – Il-korsiv huwa tiegħi.


35 – Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑96/89, Ġabra p. I‑2641, punt 38; tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑104/02, Ġabra p. I‑2689, punt 45, u tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑392/02, Ġabra p. I‑9811, punt 67.


36 – Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑96/89, Ġabra p. I‑2461, punt 38; tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑392/02, Ġabra p. I‑9811, punt 67; tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑275/04, Ġabra p. I‑9883, punt 74 u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑378/03, Ġabra p. I‑9805, punt 53.


37 – Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑96/89, Ġabra p. I‑2461, punt 38 u tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑392/02, Ġabra p. I‑9811, punt 67.


38 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑209/97, Ġabra p. I‑8067, punt 29. Ara fid-duttrina, T. Lyons, EC Customs Law, Oxford University Press, Oxford, 2001, p. 52 u 53.


39 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑392/02 Ġabra p. I‑6811, punt 62). Fid-duttrina, C.J. Berr u E.Natarel jenfasizzaw li għall-irkupru ta’ dazji doganali għandhom ikunu applikati l-ewwel nett id-dispożizzjonijiet doganali, filwaqt li d-dispożizzjonijiet dwar riżorsi proprji għandhom jiġu applikati biss fil-fażi tal-ġbir tad-dazji doganali. Ara C.J.Berr u E. Natarel: “Chronique de jurisprudence du Tribunal et de la Cour de justice des Communautés européennes. Échanges commerciaux”, Journal du droit international, Nru 2/2007, p. 633.


40 – Ara l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1552/89 u tar-Regolament Nru 1150/2000. Fil-ġurisprudenza, ara pereżempju s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑392/02, Ġabra p. I‑9811, punt 66. Fid-duttrina, ara É. Meisse “Application du système des ressources propres des Communautés”, Europe,Nnru 346/2006, p. 9.


41 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 1999, De Haan Beheer, (C‑61/98, Ġabra p. I‑5003).


42 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑392/02, Ġabra p. I‑9811, punt 63. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi tal-10 ta’ Lulju 2007 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑19/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 61.


43 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 1999, De Haan Beheer, C‑61/98, Ġabra p. I‑5003.


44 – Skont l-Artikolu 236(2), il-prinċipal jkun jista’ jitlob il-ħlas lura tad-dazji fi żmien tliet snin mid-data li fiha kienu nnotifikati l-imsemmija dazji. Rigward dan id-dritt tal-prinċipal, ara wkoll T Lyons: EC Customs Law, Oxford University Press, Oxford, 2001, p. 411; M. Lux: Guide to Community Customs Legislation, Bruylant, Brussel, 2002, p. 494; C. J. Berr, , H. y Trémeau: , Le droit douanier. Communautaire et national, is-Seba’ edizzjoni, Económica, Pariġi,2006, minn p. 237 ’il quddiem.


45 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑104/02, Ġabra p. I‑2689, punt 88.


46 – Ara d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/35/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 200, tat-8.8.2000, p. 35), li fl-Artikolu 3(1)(ċ)(ii) tiegħu jistabbilixxi li “il-kreditur għandu jkun intitolat għall-imgħax fuq ħlas tard sal-limitu li […]ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin, [...]”. Għaldaqstant, il-kwantità għandha tkun effettivament dovuta sabiex il-kreditur ikunu jista’ jitlob il-ħlas ta’ imgħax fuq ħlas tardiv.


47 – Nillimita ruħi sabiex nindika xi sistemi ġuridiċi li fihom huwa fis-seħħ dan il-prinċipju, skont liema l-imgħaxijiet huma dovuti biss minħabba dewmien fil-ħlas effettiv tal-kwantità dovuta: id-dritt Belġjan (Artikolu 1153 tal-Kodiċi Ċivili); id-dritt Ċek (Artikoli 121(3) u 517(2) tal-Občanský zakonik); id-dritt Estonjan (Artikolu 113 (1) tal-vôlaôigusseadus); id-dritt Franċiż (Artikolu 1153 tal-Kodiċi Ċivili); id-dritt Taljan (Artikolu 1224 tal-Kodiċi Ċivili); id-dritt Ġermaniż (Artikolu 288(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch); id-dritt Portugiż (Artikolu 561 tal-Kodiċi Ċivili); id-dritt Rumen (Artikoli 1082 sa 1089 tal-Cod civil); id-dritt Sloven (Artikolu 378 tal-Obligacijskega zakonika); id-dritt Spanjol (l-Artikolu 1108 tal-Código civil).


48 – L-Artikolu III.-3:708(1) tal-Abbozz tal-qafas ta’ referenza komuni jistabbilixxi: “If payment of a sum of money is delayed, whether or not the non-performance is excused, the creditor is entitled to interest on that sum [...]”. Ara von Bar u oħrajn (ed.): Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law. Draft Common Frame of Reference (DCFR). Interim Outline Edition, Sellier, Munich, 2008, p. 170. Il-qafas ta’ referenza komuni ma jiffurmax parti attwalment mid-dritt Komunitarju fis-seħħ.


49 – L-Artikolu 4.507(1) tal-Principles of European Contract Law jistabbilixxi: “If payment of a sum of money is delayed, the agrrieved party is entitled to interest on that sum [...]” Ara O.Lando u H. Beale (ed.): Principles of European Contract Law. Part I: Performance, Non-performance and Remedies, Kluwer Law International, L’Aja, Londra, Boston, 1995, p. 212. Il-Prinċipji tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew mhumiex inklużi attwalment fid-dritt Komunitarju fis-seħħ.


50 – Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kuntratti ta’ bejgħ internazzjonali ta’ merkanzija ġiet adottata fil-11 ta’ April 1980 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.


51 – Ara l-konklużjonijiet ippreżentati minni fl-10 ta’ Lulju 2007 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-19/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 89.


52Ibidem.


53 – F’dan ir-rigward, huwa xieraq li ninnotifikaw li fid-duttrina xi awturi jsostnu li l-ħolqien proprju ta’ dejn doganali minħabba ksur tal-forom sostanzjali huwa b’ċertu mod sanzjoni. Ara K. P. Müller-Eiselt: “Die Entstehung der Zollschuld bei Verstoβ gegen Verfahrensvorschriften nach dem Zollkodex – Das Zollschuldrecht auf dem Irrweg zu einem Sanktionszollrecht?”, Zeitschrift für Zölle und Verbrauchsteuern, nru 12/2001, p. 398; K. Fuchs: “Zollschuld – Probleme der Rechtsfolgen und der Abgrenzung”, Zeitschrift für Zölle und Verbrauchsteuern, Nru 2/2004, p. 38.


54 – J.A.E. Vervaele: La fraude communautaire et le droit pénal européen des affaires, Presses universitaires de France, París, 1994, p. 45, jindika bħala waħda mill-forom ta’ frodi, il-frodi fil-każ ta’ importazzjoni jew esportazzjoni ta’ merkanzija.


55 – F’dan is-sens, ara l-Artikolu 4.507(2) tal-Prinċipji ta’ Dritt Kuntrattwali Ewropew (PECL), li jippermetti li l-parti li ssofri dannu li titlob, minbarra l-imgħax fuq ħlas tardiv, il-kumpens ta’ kwalunkwe dannu addizzjonali. Ara O. Lando, H. Beale (ed.): Principles of European Contract Law. Part I: Performance, Non-performance and Remedies, Kluwer Law International, L'Aja, Londra, Boston, 1995, p. 212. Dispożizzjoni identika tinstab fl-Artikolu III.-3:708(2) tad-Draft Common Frame of Reference (Abbozz ta’ Qafas ta’ referenza komuni). Ara von Bar u oħrajn (ed.): Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law. Draft Common Frame of Reference (DCFR). Interim Outline Edition, Sellier, Munich, 2008, p. 170.