Language of document : ECLI:EU:T:2012:242

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Mejju 2012 (*)

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Fajl amministrattiv ta’ proċedura fil-qasam tal-akkordji — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali — Obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li twettaq eżami konkret u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess”

Fil-Kawża T‑344/08,

EnBW Energie Baden-Württemberg AG, stabbilita f’Karlsruhe (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Bach u A. Hahn, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn K. Petkovska, S. Johannesson u A. Falk, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn P. Costa de Oliveira, A. Antoniadis u O. Weber, sussegwentement minn A. Bouquet, P. Costa de Oliveira u A. Antoniadis, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Siemens AG, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja) u f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn I. Brinker, C. Steinle u M. Holm-Hadulla, avukati,

u minn

ABB Ltd, stabbilita f’Zurich (l-Isvizzera), inizjalment irrappreżentata minn J. Lawrence, solicitor, u E. Whiteford, barrister, sussegwentement minn J. Lawrence u D. Howe, solicitor,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG.E3/MV/psi D (2008) 4931, tas-16 ta’ Ġunju 2008, li tirrifjuta l-aċċess għall-fajl tal-proċedura COMP/F/38.899 — Switchgears insulati bil-gass,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, EnBW Energie Baden-Württemberg AG, hija impriża li tiddistribwixxi l-enerġija. Hija tqis li kienet affettwata mit-tħaddim ta’ akkordju bejn produtturi ta’ switchgears insulati bil-gass (iktar ’il quddiem “SIG”), ssanzjonat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal‑24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 — Switchgears insulati bil-gass) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni SIG”).

2        Fid-deċiżjoni SIG, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw f’akkordju fis-suq ta’ SIG, li fil-kuntest tiegħu huma kienu mmanipulaw is-sejħiet għal offerti, iffissaw il-prezzijiet u qassmu bejniethom proġetti u swieq ta’ SIG fl-Ewropa. Konsegwentement, il-Kummissjoni imponiet, fuq l-impriżi li pparteċipaw f’dan l-akkordju, multi li jammontaw għal EUR 750 miljun.

3        Fid-9 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), l-aċċess għad-dokumenti kollha relatati mal-proċedura fil-Kawża COMP/F/38.899.

4        Wara laqgħat bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ddikjarat din l-applikazzjoni kif ukoll l-applikazzjoni konfermatorja tal-10 ta’ Diċembru 2007 bħala li ma għandhomx skop u fit-13 ta’ Diċembru 2007 ippreżentat applikazzjoni ġdida għal aċċess għad-dokumenti relatati mal-kawża inkwistjoni. Permezz ta’ faks tal-11 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti ppreċiżat l-applikazzjoni tagħha, fis-sens li fiha eskludiet tliet kategoriji ta’ dokumenti, jiġifieri d-dokumenti kollha relatati esklużivament mal-istruttura tal-impriżi implikati, id-dokumenti kollha rilevanti biss għall-identifikazzjoni tad-destinatarju tad-deċiżjoni SIG u d-dokumenti kollha mfassla interament bil-lingwa Ġappuniża.

5        Fit-30 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni inizjali tar-rikorrenti, kif emendata fil-11 ta’ Jannar 2008.

6        Fl-20 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni konfermatorja fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

7        Fis-16 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni konfermatorja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

8        Fil-punt 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikat id-dokumenti inklużi fil-fajl tal-Każ COMP/F/38.899 fil-ħames kategoriji li ġejjin:

1)      dokumenti pprovduti fil-kuntest ta’ talba għal immunità jew għal klemenza, jiġifieri dikjarazzjonijiet tal-impriżi inkwistjoni u kull dokument ippreżentat minn dawn tal-aħħar fil-kuntest tat-talba għal immunità jew għal klemenza;

2)      talbiet għal informazzjoni u risposti tal-partijiet għal dawk it-talbiet;

3)      dokumenti miksuba waqt l-ispezzjonijiet, jiġifieri dokumenti elevati waqt verifiki fuq il-post fil-bini tal-impriżi kkonċernati;

4)      dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u risposti tal-partijiet;

5)      dokumenti interni:

a)      dokumenti relatati mal-fatti, jiġifieri, fl-ewwel lok, in-noti bażiċi dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mill-provi miġbura, fit-tieni lok, il-korrispondenza mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni l-oħra u, fit-tielet lok, il-konsultazzjonijiet ta’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni li intervjenew fil-kawża;

b)      atti proċedurali, jiġifieri mandati ta’ spezzjoni, proċessi ta’ spezzjoni, rapporti ta’ spezzjoni, żvelar ta’ dokumenti miksuba waqt spezzjonijiet, atti relatati man-notifika ta’ ċerti dokumenti u noti għall-fajl.

9        Sussegwentement, fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li kull waħda minn dawn il-kategoriji taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li d-dokumenti tal-kategorija 5(a) jaqgħu wkoll taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

10      Imbagħad, fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li d-dokumenti fil-kategoriji 1 sa 4 jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

11      Fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija ma setgħet tidentifika l-ebda indikazzjoni dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-aċċess għad-dokumenti mitluba fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

12      Fl-aħħar, fil-punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mmotivat ir-rifjut tagħha li tagħti aċċess parzjali għall-fajl permezz tal-fatt li d-dokumenti kollha inklużi fil-fajl kienu jaqgħu interament taħt l-eċċezzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1049/2001.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-25 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

14      Permezz ta’ att separat ippreżentat fl-istess jum, hija talbet li r-rikors jiġi deċiż permezz tal-proċedura mħaffa, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 76a(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fil-11 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba. B’deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2008, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) ċaħdet it-talba sabiex tingħata deċiżjoni skont il-proċedura mħaffa.

15      Fit-8 ta’ Diċembru 2008, ir-Renju tal-Isvezja talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Fid-9 u fit-12 ta’ Diċembru 2008 rispettivament, Siemens AG u ABB Ltd talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

16      Permezz ta’ digrieti tat-13 ta’ Marzu 2009, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dawn l-interventi.

17      Fis-27 ta’ Mejju 2009, ir-Renju tal-Isvezja u Siemens ippreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom. Fit-28 ta’ Mejju 2009, ABB ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha.

18      Fid-29 u fit-30 ta’ Settembru 2009, rispettivament, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-noti ta’ intervent.

19      Fit-18 ta’ Novembru 2009, b’segwitu għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni pproduċiet inventarju tal-fajl tal-Każ COMP/F/38.899 fejn indikat taħt liema mill-kategoriji msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq jaqa’ kull wieħed mid-dokumenti li kien hemm riferiment għalih fil-fajl, filwaqt li eskludiet informazzjoni dwar il-kontenut tad-dokumenti differenti.

20      B’digriet tas-26 ta’ April 2010, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ssospenda l-proċeduri f’din il-kawża sakemm ingħatat id-deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali li temmet il-proċeduri fil-Kawża T‑399/07, Basell Polyolefine vs Il-Kummissjoni. Billi din id-deċiżjoni ngħatat b’digriet ta’ tħassir tal-25 ta’ Jannar 2011, il-proċedura ssoktat f’din id-data.

21      Wara li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, u għaldaqstant, din il-kawża ġiet assenjata lilha.

22      B’segwitu għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti pproduċiet kopja tal-applikazzjoni konfermatorja tagħha tal-20 ta’ Frar 2008 u l-Kummissjoni wieġbet għall-mistoqsijiet bil-miktub.

23      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni bl-istess mod irrifjutat li tagħtih aċċess parzjali għad-dokumenti inklużi fil-fajl;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Siemens u ABB, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

25      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tal-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, fit-tieni lok, fuq ksur tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament u, fit-tielet lok, fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tal-istess regolament. Barra minn hekk, hija tinvoka r-raba’ motiv, essenzjalment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tal-applikazzjoni għal aċċess.

A –  Fuq l-ammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti

26      Ir-Renju tal-Isvezja qajjem ilment, li ma tqajjimx espressament mir-rikorrenti, li jallega li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami konkret u individwali tad-dokumenti tal-fajl. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-ilment huwa inammissibbli, peress li jmur lil hinn mis-suġġett tar-rikors kif iddefinit mir-rikorrenti.

27      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, it-talbiet tar-rikors għal intervent jistgħu jkollhom bħala suġġett biss is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Skont l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis. Skont il-ġurisprudenza, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lill-intervenjent milli jressaq argumenti differenti minn dawk tal-parti li jkun qiegħed isostni, bil-kundizzjoni li l-argumenti tiegħu ma jibdlux il-kuntest tal-kawża u bil-kundizzjoni li l-intervent ikun dejjem intiż għas-sostenn tat-talbiet magħmula minn din tal-aħħar (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, 30/59, Ġabra p. 1, 37, u tat-8 ta’ Jannar 2002, Franza vs Monsanto u l-Kummissjoni, C‑248/99 P, Ġabra p. I‑1, punt 56; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, T‑119/02, Ġabra p. II‑1433, punti 203 u 212).

28      F’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li l-obbligu ta’ istituzzjoni li twettaq evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija f’kull applikazzjoni bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxi soluzzjoni ta’ prinċipju, li għandha tapplika indipendentement mill-qasam li jkunu relatati miegħu d-dokumenti mitluba, anki jekk din is-soluzzjoni ta’ prinċipju ma tfissirx li tali eżami huwa rikjest fiċ-ċirkustanzi kollha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, Ġabra p. II‑1121, iktar ’il quddiem is-“sentenza VKI”, punti 74 u 75).

29      Konsegwentement, l-eżami tal-ilment ibbażat fuq ksur ta’ dan l-obbligu jikkostitwixxi stadju preliminari għall-eżami tal-motivi bbażati fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Għalhekk il-Qorti Ġenerali għandha fi kwalunkwe każ tistħarreġ, fil-kuntest tal-eżami tal-motivi bbażati fuq il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk il-Kummissjoni wettqitx eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti mitluba, jew jekk stabbilixxietx li d-dokumenti rrifjutati kienu koperti interament minn eċċezzjoni.

30      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, għalkemm huwa veru li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali ġie invokat mir-Renju tal-Isvezja fl-ewwel parti tan-nota ta’ intervent tiegħu mingħajr ebda rabta diretta mal-motivi invokati mir-rikorrenti, dan sussegwentement ġie rripetut fil-kuntest tal-argumenti relatati mal-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

31      Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti mhux żvelati, kif espost mir-Renju tal-Isvezja, huwa ammissibbli.

B –  Fuq il-mertu

1.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tal-applikazzjoni għal aċċess

32      Mill-punt 2 in fine tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li d-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(b) (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), ma kinux koperti mill-applikazzjoni għal aċċess ippreżentata mir-rikorrenti, “peress li dawn id-dokumenti kienu ta’ natura purament proċedurali u/jew kienu jirriproduċu biss fatti magħrufa”. B’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, indikat li din il-kunsiderazzjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li, fl-applikazzjoni konfermatorja tagħha, ir-rikorrenti ma qajmitx oġġezzjonijiet dwar id-definizzjoni restrittiva tal-portata tal-applikazzjoni għal aċċess, kif esposta fir-risposta għall-applikazzjoni għal aċċess, u lanqas ma kienet semmiet id-dokumenti interni. Fit-tieni lok, hija għamlet riferiment għan-nota fil-fajl, tal-21 ta’ Jannar 2008, relatata ma’ komunikazzjoni telefonika bejn uffiċjal tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” u l-konsulenti tar-rikorrenti, tad-9 ta’ Jannar 2008. Minn din in-nota jirriżulta li l-konsulenti tar-rikorrenti indikaw li l-applikazzjoni tagħhom għal aċċess kienet tirrigwarda biss id-dokumenti li huma relatati mal-ksur allegat fir-rigward tal-parteċipanti fl-akkordju dwar SIG u mhux, pereżempju, id-dokumenti interni. Kienu dawk iż-żewġ elementi flimkien li sostnew il-konvinzjoni tal-Kummissjoni li d-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(b) ma kinux previsti mill-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrenti.

33      Fir-rikors, ir-rikorrenti topponi din l-esklużjoni, billi ssostni li hija bl-ebda mod ma indikat li hija kienet teskludi dawn id-dokumenti mill-applikazzjoni tagħha u li, għall-kuntrarju, hija kienet identifikat espressament fil-faks tagħha tal-11 ta’ Jannar 2008 d-dokumenti esklużi mill-applikazzjoni tagħha.

34      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fl-applikazzjoni inizjali tagħha tad-9 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti talbet l-aċċess għad-dokumenti kollha tal-fajl li jikkonċernaw l-akkordju dwar SIG, mingħajr ebda speċifikazzjonijiet jew restrizzjonijiet. Sussegwentement, f’faks tal-11 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti limitat l-applikazzjoni tagħha billi eskludiet ċerti gruppi ta’ dokumenti espressament enumerati, jiġifieri d-dokumenti kollha relatati esklużivament mal-istruttura tal-impriżi implikati, id-dokumenti kollha rilevanti biss għall-identifikazzjoni tad-destinatarji tad-deċiżjoni SIG u d-dokumenti kollha mfassla interament bil-lingwa Ġappuniża. Għaldaqstant, din il-limitazzjoni espressa u bil-miktub li saret wara l-konversazzjoni telefonika tad-9 ta’ Jannar 2008 ma tikkorroborax l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati ma’ allegata limitazzjoni li r-rikorrenti kkomunikat oralment matul dik il-konversazzjoni.

35      Fit-tieni lok, l-applikazzjoni konfermatorja tal-20 ta’ Frar 2008 għandha eżattament l-istess portata bħall-applikazzjoni inizjali, kif limitata permezz tal-faks tal-11 ta’ Jannar 2008, sa fejn hija tipprevedi l-iżvelar tat-“totalità tad-dokumenti fil-pussess tal-[…] Kummissjoni dwar il-proċedura […] fil-Każ COMP/F/38.899”, bl-eċċezzjoni tat-tliet kategoriji ta’ dokumenti esklużi fl-imsemmija faks tal-11 ta’ Jannar 2008. Għaldaqstant, mhux iktar tard mill-qari tal-applikazzjoni konfermatorja, il-Kummissjoni kellha tevalwa mill-ġdid il-fehim restrittiv tagħha fir-rigward tal-portata tal-applikazzjoni għal aċċess.

36      Fit-tielet lok, ir-raġunijiet invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika sostantivament il-fehim restrittiv tagħha, jiġifieri l-allegat fatt li d-dokumenti inklużi fil-kategorija 5(b) huma ta’ natura purament proċedurali u jirriproduċu biss fatti magħrufa, ma humiex rilevanti fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, l-interess personali li jista’ jfittex l-applikant permezz tal-applikazzjoni tiegħu għal aċċess huwa kriterju totalment estranju għar-Regolament Nru 1049/2001, b’tali mod li ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tagħti deċiżjoni jew li twettaq suppożizzjonijiet f’dan ir-rigward, u lanqas li tislet minnhom konklużjonijiet dwar l-ipproċessar tal-applikazzjoni.

37      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija ġġustifikata li ssostni li l-fehim restrittiv tal-Kummissjoni fir-rigward tal-portata tal-applikazzjoni tagħha għal aċċess huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Konsegwentement, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ma tagħtix aċċess lir-rikorrenti għad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(b).

2.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

38      Dan il-motiv jinkludi tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tielet parti hija bbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

39      Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001, li ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 255(2) KE, huwa intiż, bħalma tindika l-premessa 4 tiegħu u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti dritt ta’ aċċess lill-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli. Il-premessa 2 ta’ dan ir-regolament tfakkar li dan id-dritt ta’ aċċess huwa marbut man-natura demokratika tal-istituzzjonijiet. Mill-imsemmi regolament jirriżulta wkoll, b’mod partikolari mill-premessa 11 u mill-Artikolu 4 tiegħu, li huwa jipprovdi sistema ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, li d-dritt ta’ aċċess huwa madankollu suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat.

40      Sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għal dokument li jkun intalab l-iżvelar tiegħu, fil-prinċipju, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument ikun jirrigwarda attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni kkonċernata għandha tipprovdi wkoll spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għall-imsemmi dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 49; tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, Ġabra p. I‑5885, iktar ’il quddiem is-“sentenza TGI”, punt 53, u tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p.I‑8533, punt 72).

41      Skont ġurisprudenza stabbilita, peress li jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għal dokumenti, l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, inklużi fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 63; tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389, punt 66, u L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, punt 36).

42      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati t-tliet partijiet tal-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti.

43      F’dan ir-rigward, peress li, kif jirriżulta mill-punt 29 iktar ’il fuq, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti jikkonċerna kwistjoni trażversali, komuni għat-tliet partijiet tal-ewwel motiv, jeħtieġ li jiġi eżaminat dan l-ilment, qabel ma jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni wettqitx applikazzjoni eżatta tal-eċċezzjonijiet differenti invokati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tingħata bażi għar-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba. Għaldaqstant, hemm lok li qabelxejn jiġi eżaminat jekk f’dan il-każ kinux sodisfatti l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżenta ruħha minn tali eżami konkret u individwali.

a)     Fuq l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ kundizzjonijiet li jippermettu deroga mill-obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali tal-kontenut tad-dokumenti mitluba

44      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li f’każijiet differenti l-ġurisprudenza aċċettat derogi mill-obbligu ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba.

45      Fl-ewwel lok, hemm każijiet li fihom ikun jidher b’mod manifest, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni, li l-aċċess għandu jiġi rrifjutat jew li, għall-kuntrarju, għandu jingħata. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk ċerti dokumenti jkunu koperti b’mod manifest fl-intier tagħhom minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess jew, għall-kuntrarju, ikunu manifestament aċċessibbli fl-intier tagħhom, jew, fl-aħħar nett, jekk diġà kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili (sentenza VKI, punt 28 iktar ’il fuq, punt 75). Tali każ manifest ukoll ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, li kkunsidrat li huwa possibbli għall-istituzzjonijiet, sabiex jispjegaw kif l-aċċess għad-dokumenti mitluba jista’ jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jibbażaw ruħhom fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal applikazzjonijiet għal żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (sentenzi L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, punt 50, TGI, punt 40 iktar ’il fuq, punti 54 u 55, u l-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 74). Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, it-termini “kategorija ta’ dokumenti” u “dokumenti tal-istess natura” għandhom jinftehmu f’sens wiesa’ u indipendentement mill-kontenut tagħhom, kif jirriżulta mis-sentenza TGI, punt 40 iktar ’il fuq, fejn dawn it-termini ntużaw b’tali mod li jkopru t-totalità tad-dokumenti inklużi fil-fajl relatat ma’ proċedura quddiem il-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u mis-sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, fejn ġie konkluż li d-dokumenti kienu jiffurmaw parti mill-istess kategorija sempliċement peress li tfasslu mill-Kummissjoni bħala parti f’rikorsi differenti li kienu pendenti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess.

46      Fit-tieni lok, l-istess ġustifikazzjoni tista’ tiġi applikata għal dokumenti li jappartjenu mal-istess kategorija, u dan ikun il-każ b’mod partikolari jekk jinkludu l-istess tip ta’ informazzjoni. Hija mbagħad il-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk l-eċċezzjoni invokata tkoprix manifestament u fl-intier tagħhom id-dokumenti li jaqgħu taħt din il-kategorija. Għall-kuntrarju tal-każijiet imsemmija fil-punt preċedenti, il-kriterju komuni tad-dokumenti inkwistjoni għaldaqstant jirrigwarda l-kontenut tagħhom, peress li huwa b’referenza għall-informazzjoni li tkun tinsab fid-dokumenti mitluba li l-istituzzjoni mitluba għandha tiġġustifika r-rifjut ta’ żvelar tagħha, skont l-eċċezzjonijiet differenti għad-dritt għal aċċess stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

47      Fit-tielet lok, eċċezzjonalment u unikament meta l-piż amministrattiv ikkawżat mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti jirriżulta li huwa partikolarment tqil, u b’hekk jeċċedi l-limiti ta’ dak li jista’ jiġi raġonevolment rikjest, tista’ tiġi ammessa deroga għall-obbligu ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba (ara s-sentenza VKI, punt 28 iktar ’il fuq, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan il-każ, fil-punt 1 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Rimarki preliminari”, il-Kummissjoni invokat espressament tnejn minn dawk l-ipoteżijiet, jiġifieri, minn naħa, l-ewwel waħda, imsemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq, li minnha jidher ċar li l-aċċess għandu jinċaħad peress li ċerti dokumenti huma manifestament koperti fl-intier tagħhom minn eċċezzjoni, u, min-naħa l-oħra, it-tieni waħda, imsemmija fil-punt 46 iktar ’il fuq, li abbażi tagħha l-istituzzjoni tista’ tindika r-raġunijiet ta’ rifjut ta’ aċċess permezz ta’ riferiment għal gruppi ta’ dokumenti li jkun fihom l-istess tip ta’ informazzjoni.

49      Qabelxejn, jeħtieġ li tiġi rrilevata n-natura astratta u ġenerali ta’ dan ir-riferiment għal każijiet ta’ eċċezzjoni invokati, barra mill-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tindikax għal liema dokumenti japplikaw dawn iż-żewġ każijiet ta’ eċċezzjoni, b’tali mod li għandu jiġu konkluż li hija kellha fi ħsiebha li tapplikahom għad-dokumenti kollha mitluba. Il-Kummissjoni kkonfermat din l-interpretazzjoni billi sostniet, fir-risposta tagħha, li “il-kategoriji kollha ta’ dokumenti enumerati fid-deċiżjoni [kkontestata] jaqgħu manifestament u fit-totalità tagħhom taħt ir-raġunijiet derogatorji […] tal-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) u [tal-Artikolu 4(3)] tar-[Regolament Nru 1049/2001]”.

50      Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet, fl-istadju tar-risposta tagħha, li r-rikorrenti kienet “naqset milli tippreċiża b’mod suffiċjenti l-applikazzjoni tagħha, minkejja li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu ġibdulha l-attenzjoni dwar il-volum tal-fajl u tal-piż ta’ xogħol li tinvolvi l-applikazzjoni tagħha”. Sa fejn din ir-rimarka għandha tinftiehem bħala invokazzjoni tal-każ ta’ eċċezzjoni bbażat fuq il-piż ta’ xogħol eċċezzjonali, kif iddefinit fil-punt 47 iktar ’il fuq, jeħtieġ li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tidher fit-test tagħha stess u spjegazzjonijiet mogħtija wara mill-Kummissjoni ma jistgħux, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Lulju 1992, Dansk Pelsdyravlerforening vs Il-Kummissjoni, T‑61/89, Ġabra p. II‑1931, punt 131; tal-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il-Kummissjoni, T‑295/94, Ġabra p. II‑813, punt 171, u tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 95).

51      Issa, fl-ittra tat-30 ta’ Jannar 2008 li tiċħad l-applikazzjoni inizjali, in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti huwa ġġustifikat mhux mill-piż ta’ xogħol li jkun jinvolvi tali eżami, iżda esklużivament mill-fatt li d-dokumenti kollha mitluba kienu manifestament koperti fl-intier tagħhom mill-eċċezzjonijiet invokati mill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni kkontestata fiha nnifisha ma tinkludi ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward. Kien biss fir-risposta tagħha li l-Kummissjoni sostniet, għall-ewwel darba, li l-limitazzjoni tal-applikazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma kinitx suffiċjenti, fid-dawl tal-piż ta’ xogħol iġġenerat minn eżami konkret u individwali. Għaldaqstant, dan l-aħħar argument ma jikkostitwixxix raġuni li ddeterminat l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

52      F’dawk il-kundizzjonijiet, l-imsemmi argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

53      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx, sal-grad rikjest mil-liġi, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li hija invokat fid-deċiżjoni kkontestata sabiex teżenta ruħha minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba. Fit-tieni lok, hemm lok ukoll li tiġi eżaminata, għall-finijiet ta’ kompletezza, l-eċċezzjoni, ibbażata fuq il-piż ta’ xogħol, invokata mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha.

 Fuq l-ewwel eċċezzjoni invokata fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq il-fatt li huwa ċar, abbażi ta’ preżunzjoni ġenerali, li l-aċċess għad-dokumenti mitluba għandu jiġi rrifjutat

54      Kif tfakkar fil-punt 41 iktar ’il fuq, peress li huma jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, li jinsabu fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett.

55      Madankollu, ġie deċiż ukoll li huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, punt 54, u L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 74). F’tali ipoteżi, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali jippermettux li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha d-dritt tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni kien jippreġudika l-interessi protetti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u dan mingħajr l-obbligu li twettaq evalwazzjoni konkreta tal-kontenut ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 76).

56      Issa, f’dan il-każ, b’mod kuntrarju għal dak li ssuġġeriet il-Kummissjoni waqt is-seduta, tali preżunzjoni ma tistax tkun ibbażata fuq raġunament analogu għal dak adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza TGI, punt 40 iktar ’il fuq. F’din il-kawża, li s-suġġett tagħha kienet applikazzjoni għal aċċess għall-fajl ta’ proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li setgħet tirriżulta preżunzjoni ġenerali li abbażi tagħha d-dokumenti kollha mitluba kienu koperti minn eċċezzjoni u dan mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif ukoll mill-ġurisprudenza relatata mad-dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, peress li l-imsemmi regolament ma jipprevedi l-ebda dritt ta’ aċċess għall-imsemmija dokumenti għall-persuni kkonċernati ħlief l-Istat Membru responsabbli għall-għoti tal-għajnuna. Fil-fatt, li kieku l-persuni kkonċernati kienu f’pożizzjoni li jiksbu l-aċċess għad-dokumenti tal-fajl abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sistema tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat tkun ippreġudikata (sentenza TGI, punt 40 iktar ’il fuq, punti 55 sa 58).

57      F’dan ir-rigward, minn naħa, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza TGI, punt 40 iktar ’il fuq, kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx għadha, fid-data tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għall-fajl, adottat deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura ta’ aċċess li l-fajl tagħha kien is-suġġett tal-applikazzjoni għal aċċess. Barra min hekk, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza TGI, punt 40 iktar ’il fuq, huwa bbażat preċiżament fuq l-argument li d-dispożizzjonijiet fuq l-aċċess għad-dokumenti tal-proċedura inkwistjoni ma għandhomx jiġu ssorvolati permezz tal-użu tar-Regolament Nru 1049/2001. Issa, is-sistema ta’ aċċess għall-fajl ta’ proċedura partikolari, indipendentement minn jekk din tkunx fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jew fil-qasam tal-akkordji, hija applikabbli biss matul il-perijodu tal-proċedura inkwistjoni. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza TGI, punt 40 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi applikat għal sitwazzjoni li fiha l-istituzzjoni tkun diġà adottat deċiżjoni finali li tagħlaq il-fajl li jkun intalab aċċess għalih, kif ġara f’dan il-każ.

58      Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, b’analoġija mal-kawża li tat lok għas-sentenza TGI, punt 40 iktar ’il fuq, għandha tirriżulta preżunzjoni ġenerali li abbażi tagħha d-dokumenti li jkunu jinsabu f’fajl ta’ proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni ma għandhomx jiġu żvelati u dan kemm mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif emendat, kif ukoll mill-ġurisprudenza relatata mad-dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni.

59      Huwa veru li, bl-istess mod bħar-Regolament Nru 659/1999 fil-qasam tal-għajnuna, ir-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdix għad-dritt, favur persuni li ma jkunux partijiet fil-proċedura, li jiksbu aċċess għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam tal-akkordji. Madankollu, l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi aċċess għall-fajl favur impriżi li jkunu suġġetti għall-proċedura, fil-kuntest iktar ġenerali li jiġu żgurati d-drittijiet tad-difiża. L-aċċess għall-fajl li jingħata f’dan il-kuntest ma jistax jiġi estiż għal dokumenti interni tal-istituzzjoni, għal sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 1015, u tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 45).

60      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 dwar l-aċċess għal dokumenti ġew ippreċiżati bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), li jipprovdi wkoll għal dritt ta’ aċċess favur lanjant f’każ li l-ilment tiegħu jkun ġie miċħud. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 773/2004 jistabbilixxu li d-dokumenti li jkunu nkisbu minn lanjant jew minn impriża kkonċernata jistgħu jintużaw biss għall-finijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi li jkollhom bħala suġġett l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

61      Minn dan jirriżulta li, għalkemm l-impriżi suġġetti għal proċedura fil-qasam tal-akkordji, kif ukoll il-lanjanti li l-ilmenti tagħhom ma jkunux intlaqgħu mill-Kummissjoni, għandhom dritt jikkonsultaw ċerti dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti restrizzjonijiet li jirrikjedu fihom infushom evalwazzjoni każ b’każ. Għaldaqstant, anki jekk jiġi adottat ir-raġunament applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza TGI, punt 40 iktar ’il fuq, li abbażi tiegħu, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet għall-aċċess għall-fajl eżistenti fil-kuntest ta’ proċeduri partikolari, bħall-proċeduri fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u fil-qasam tal-kompetizzjoni, tali teħid inkunsiderazzjoni ma jippermettix li jiġi preżunt li d-dokumenti kollha li jkunu jinsabu fil-fajls tagħha f’dan il-qasam huma awtomatikament koperti minn waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1409/2001 u dan sabiex ma tiġix affettwata l-kapaċità tal-Kummissjoni li trażżan l-akkordji.

62      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tippreżumi, mingħajr ma twettaq analiżi konkret ta’ kull dokument, li d-dokumenti kollha mitluba kienu manifestament koperti mill-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

63      Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx teżenta ruħha minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba billi tibbaża ruħha fuq l-ewwel ipoteżi ta’ eċċezzjoni.

 Fuq it-tieni eċċezzjoni invokata fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq eżami tad-dokumenti skont kategoriji

64      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, kif ġie rrilevat fil-punt 46 iktar ’il fuq, tista’ tiġi applikata l-istess ġustifikazzjoni fir-rigward tad-dokumenti li jkunu jaqgħu taħt l-istes kategorija, partikolarment jekk ikun fihom l-istess tip ta’ informazzjoni. Madankollu, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk l-eċċezzjoni invokata tkoprix manifestament u interament id-dokumenti li jaqgħu taħt din il-kategorija.

65      F’dan il-każ, kif jirriżulta mit-test tad-deċiżjoni kkontestata ċċitat fil-punt 48 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-punt 73 tas-sentenza VKI, punt 28 iktar ’il fuq, sabiex tiġġustifika l-motivazzjoni fir-rigward ta’ gruppi ta’ dokumenti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, f’dan l-aħħar punt, li hija kienet tikkunsidra li eżami fuq bażi ta’ dokument b’dokument kien fi kwalunkwe każ neċessarju bil-għan li jitwettaq l-eżami — obbligatorju skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 — ta’ aċċess parzjali eventwali għad-dokumenti mitluba (sentenza VKI, punt 73). Għaldaqstant, huwa biss fl-ipoteżi fejn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess tkun tkopri manifestament u interament id-dokumenti li jkunu jaqgħu taħt kategorija li l-istituzzjoni tista’ teżenta ruħha minn eżami individwali ta’ dawn id-dokumenti.

66      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-kategoriji ta’ dokumenti fformati mill-istituzzjoni inkwistjoni għandhom jiġi ddefiniti skont informazzjoni inkluża fid-dokumenti, definizzjoni li ma tkunx neċessarjament tikkorrispondi mat-tipi ta’ dokumenti. Pereżempju, jista’ jkun li t-tweġiba ta’ impriża għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tkun tinkludi informazzjoni li l-iżvelar tagħha għandu jiġi rrifjutat skont waħda mill-eċċezzjonijiet msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li t-tweġiba ta’ impriża oħra, għalkemm tkun taqa’ taħt l-istess tip ta’ dokumenti, tkun tinkludi informazzjoni li ma tirrikjedix tali protezzjoni. Għaldaqstant huwa b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn id-dokumenti li jaqgħu taħt kategorija jkunu jinkludu l-istess tip ta’ informazzjoni li r-rifjut tal-iżvelar ta’ grupp sħiħ ta’ dokumenti jista’ jkun is-suġġett tal-istess ġustifikazzjoni. Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ gruppi ta’ dokumenti tiffaċilita jew tissemplifika l-kompitu tal-Kummissjoni fl-eżami tal-applikazzjoni u l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha.

67      Minn dan jirriżulta li l-fatt li eżami fir-rigward ta’ kategoriji huwa ta’ natura utli għall-finijiet tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal aċċess hija kundizzjoni tal-legalità ta’ tali eżami. Għaldaqstant, id-definizzjoni tal-kategoriji tad-dokumenti għandha ssir skont kriterji li jippermettu lill-Kummissjoni tapplika raġunament komuni għad-dokumenti kollha inklużi f’kategorija. Għaldaqstant, f’dan il-każ, id-dokumenti li jaqgħu taħt l-istess kategorija għandu jkollhom karatteristiċi komuni rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar l-iżvelar eventwali tagħhom. Ir-raġunament applikat għal kategorija għalhekk għandu neċessarjament ikun differenti mir-raġunamenti applikati għall-kategoriji l-oħra. Fil-fatt, fl-ipoteżi li jkun possibbli li jiġi applikat l-istess raġunament għal żewġ kategoriji differenti, dan fir-realtà, għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni għal aċċess, ikun jinvolvi l-istess kategorija. Għalhekk, f’dan l-aħħar każ, tkun inutli u artifiċjali li ssir diviżjoni f’kategoriji.

68      Issa, f’dan il-każ, minn naħa, il-klassifikazzjoni tad-dokumenti mitluba f’kategoriji, kif imwettqa mill-Kummissjoni (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), fil-parti l-kbira tagħha, ma tissodisfa l-ebda funzjoni utli fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, kif espost fil-punti 70 sa 85 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni u fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, din il-klassifikazzjoni la kienet tiffaċilita u lanqas tissemplifika l-kompitu tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżami tal-applikazzjoni u tal-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha peress li l-kategorizzazzjoni saret skont it-tipi ta’ dokumenti, indipendentement mill-informazzjoni inkluża fid-dokumenti inkwistjoni.

69      Min-naħa l-oħra, kif espost fil-punti 86 sa 91 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, id-dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni invokat din l-eċċezzjoni ma kinux manifestament u interament koperti minn din tal-aħħar, b’mod kuntrarju għar-rekwiżit stabbilit fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq.

–       Fuq l-eżami, fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni

70      Il-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata huwa maqsum f’żewġ partijiet. Il-punt 3.1, intitolat “Investigazzjoni pendenti”, jikkonċerna l-ġustifikazzjoni tar-rifjut ta’ aċċess abbażi tal-protezzjoni tal-għanijiet tal-investigazzjoni pendenti. Fil-punt 3.2, intitolat “Protezzjoni, lil hinn mill-investigazzjoni konkreta, tad-dokumenti suġġetti għall-investigazzjoni”, il-Kummissjoni tesponi qabelxejn li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li, volontarjament jew taħt pressjoni, jiżvelaw informazzjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom, leġittimament, dritt jippretendu li hija ma tiżvelax id-dokumenti inkwistjoni u li dawn tal-aħħar jintużaw biss għall-finijiet tal-proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni, inkluż fil-kuntest tal-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni. Hija tagħmel riferiment ukoll għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 li jeskludu l-iżvelar tal-informazzjoni, koperta mis-sigriet professjonali, li l-Kummissjoni setgħet tiġbor b’applikazzjoni tal-imsemmi regolament. Fl-ipoteżi li l-Kummissjoni tieħu vantaġġ mill-fiduċja tal-impriżi kkonċernati billi tiżvela d-dokumenti mitluba, id-dispożizzjoni tal-imsemmija impriżi li jikkooperaw magħha tonqos, sal-punt li hija ma tkunx tista’ iktar taqdi b’mod korrett il-missjoni tagħha ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tindika espressament li “[i]l-motivazzjoni preċedenti tapplika għall-ħames tipi ta’ dokumenti ċċitati [fil-punt 2 tad-deċiżjoni kkontestata]”.

71      Minn analiżi tal-punti tad-deċiżjoni kkontestata li jittrattaw il-kategoriji differenti ta’ dokumenti jirriżulta wkoll li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa essenzjalment kważi identiku għal kull waħda mill-kategoriji 1, 2, 4 u 5(a).

72      Fil-fatt, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha, għal kull waħda minn dawn il-kategoriji, fuq il-kunsiderazzjoni li l-iżvelar tad-dokumenti jkun jirrendi pubblika l-informazzjoni mogħtija minn dawk li ressqu talba għal klemenza kif ukoll mid-destinatarji tat-talbiet għal informazzjoni, u dan jiffaċilita l-preżentazzjoni ta’ rikors għad-danni kontra l-impriżi li jkunu kkooperaw jew wieġbu għal talbiet għal informazzjoni u, konsegwentement, jiskoraġġixxi kandidati futuri għall-klemenza u destinatarji futuri ta’ talbiet għal informazzjoni milli jikkooperaw magħha. Tali dgħufija tal-programm tagħha ta’ klemenza u tal-investigazzjonijiet tagħha tipprekludi lill-Kummissjoni milli twettaq b’mod effikaċi l-kompitu tagħha li tiżgura r-rispett tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

73      B’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-kategorija 1, il-Kummissjoni rrilevat il-fatt li l-avukati josservaw b’mod eżatt ħafna l-prassi tagħha fil-qasam ta’ klemenza, b’tali mod li l-aġir tagħha f’kawża jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq kawżi futuri. Fir-rigward tal-kategorija 2, il-Kummissjoni tenfasizza li d-destinatarji tat-talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 jistgħu jirriduċu t-tweġibiet tagħhom għal dak li huwa strettament mitlub minnhom jew jirrikorru għal tattiċi dilatorji, li jġiegħluha tadotta deċiżjonijiet formali sabiex tikseb l-informazzjoni. Għall-kategorija 4, il-Kummissjoni tat prova tal-aspettattivi leġittimi tal-impriżi li jikkooperaw magħha sa fejn l-informazzjoni fornuta minnhom tiġi żvelata biss fil-limiti tar-Regolament Nru 1/2003. Fir-rigward tal-kategorija 5(a), il-Kummissjoni llimitat ruħha li tindika, b’mod ġenerali ħafna, li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti, “kif [hija kienet] diġà spjegat għall-kategoriji ta’ dokumenti [1 sa 4]”, ikun ta’ theddida għall-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, mingħajr ma pproponiet raġunament awtonomu b’riferiment għall-kontenut speċifiku tad-dokumenti li jaqgħu taħt l-imsemmija kategorija.

74      Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategoriji 1, 2, 4 u 5(a), ma teżisti l-ebda differenza reali bejn il-kontenut tad-dokumenti li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji rispettivament, b’tali mod li d-diviżjoni f’kategoriji ma tissodisfa l-ebda funzjoni utli fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata.

75      Ċertament il-Kummissjoni kkonfermat, wara mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li, għalkemm ir-rifjut ta’ żvelar li hija kienet opponiet kien fondat fuq xi prinċipji legali essenzjali, l-ispjegazzjonijiet fornuti fid-deċiżjoni kkontestata juru li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni dokumenti partikolari li jaqgħu taħt kategoriji differenti. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet invokati għall-kategoriji 1, 2, 4 u 5(a), li hemm sinteżi tagħhom fil-punt 73 iktar ’il fuq, huma kważi interkambjabbli u jistgħu jiġu applikati wkoll bl-istess mod għal kull waħda mill-kategoriji ta’ dokumenti.

76      Għaldaqstant, id-diviżjoni f’kategoriji mwettqa mill-Kummissjoni kienet, fir-rigward tal-kategoriji 1, 2, 4 u 5(a), waħda artifiċjali. Ma kinitx tindirizza differenzi reali fir-rigward tal-kontenut tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategoriji differenti. Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet msemmija fil-punt 64 iktar ’il fuq sabiex il-Kummissjoni tiġi eżentata minn eżami konkret u individwali ta’ kull dokument ma kinux sodisfatti, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet obbligata teżamina individwalment kull wieħed mid-dokumenti f’dawn il-kategoriji.

77      Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-kategorija 3, relatata mad-dokumenti elevati waqt spezzjonijiet imwettqa fil-bini kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni tinvoka, b’mod speċifiku, l-aspettattivi leġittimi tal-impriżi li d-dokumenti li hija ġabret fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha ma jsirux pubbliċi, iżda jintużaw esklużivament għall-finijiet tal-proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li d-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 3 jiddistingwu ruħhom mid-dokumenti li jaqgħu taħt kategoriji oħra permezz taċ-ċirkustanzi tal-kisba tagħhom mill-Kummissjoni, jiġifieri l-fatt li dawn inġabru, b’mod konfromi mal-Artikolu 20(2)(c) tar-Regolament Nru 1/2003, kontra l-volontà tal-impriżi inkwistjoni, waqt spezzjonijiet għal għarrieda mwettqa mill-Kummissjoni, filwaqt li d-dokumenti l-oħra kollha, sa fejn dawn ma kinux joriġinaw mill-Kummissjoni stess, jew ġew fornuti volontarjament mill-impriżi, jew inkella, sa fejn dawn kienu legalment obbligati li jipprovdu informazzjoni, setgħu jiġu fornuti wara riflessjoni matura u, fejn xieraq, wara li dawn kisbu pariri legali. B’kunsiderazzjoni għal dan l-element ta’ għoti forzat tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 3, l-aspettattivi li l-impriżi inkwistjoni setgħu, fejn xieraq, ikollhom permezz tal-fatt li d-dokumenti elevati kienu ser jintużaw esklużivament fil-kuntest tal-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 81 KE, kienet min-natura tagħha differenti minn dik, invokata mill-Kummissjoni għad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 4, li huma allegatament setgħu jsostnu permezz tal-ħsieb li d-dokumenti fornuti volontarjament ma kinux ser jiġu żvelati, u dan anki meta dawn l-aspettattivi setgħu jkunu marbuta, fiż-żewġ każijiet, mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant, il-ġustifikazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fir-rigward tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 3 hija bbażata fuq kriterji speċifiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-iżvelar eventwali tad-dokumenti inkwistjoni.

78      Minn dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-kategorija 3 kienet l-unika kategorija ta’ dokumenti ddefinita mill-Kummissjoni li, fid-dawl tar-raġunament propost fid-deċiżjoni kkontestata, kienet utli fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni għal aċċess. Madankollu, dik il-konklużjoni ma tistax tippreġudika l-eżami tal-fondatezza tal-motivi invokati mill-Kummissjoni sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti li jaqgħu taħt l-imsemmija kategorija.

79      Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx teżenta ruħha, fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata li jindirizza l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti li jaqgħu fil-kategoriji 1, 2, 4 u 5(a).

–       Fuq l-eżami, fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali

80      Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li għalkemm fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li jindirizza l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, il-Kummissjoni tikkonstata li l-aċċess għad-dokumenti tal-kategoriji 1 sa 4 għandu jiġi rrifjutat abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1409/2001, hija ma ssemmix id-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha titqies li ma hijiex qiegħda tinvoka l-imsemmija eċċezzjoni fir-rigward ta’ dawn l-aħħar dokumenti.

81      Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Kummissjoni fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex organizzat skont kategoriji ta’ dokumenti kif iddefiniti fil-punt 2 ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, huwa jiddistingwi bejn żewġ gruppi ta’ dokumenti, jiġifieri, fl-ewwel lok, id-“dokumenti li joriġinaw mill-impriżi kkonċernati” u, fit-tieni lok, id-“dokumenti tal-Kummissjoni”.

82      Issa, abbażi tad-diviżjoni f’kategoriji mwettqa għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni (ara l-punti 70 sa 76 iktar ’il fuq), din id-distinzjoni hija artifiċjali, peress li r-raġunament użat sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ żvelar kien fil-fatt l-istess wieħed għaż-żewġ gruppi ta’ dokumenti.

83      Għalhekk, wara li spjegat li d-dokumenti li joriġinaw mill-impriżi kkonċernati “jinkludu informazzjoni kummerċjali sensittiva ta’ natura differenti” u “informazzjoni dettaljata fuq l-attività kummerċjali u l-aġir fuq is-suq” tal-impriżi inkwistjoni, li hija informazzjoni li dawn tal-aħħar għandhom interess leġittimu li jipproteġu minn terzi li jixtiequ jakkwistawha, il-Kummissjoni pproċediet billi ddikjarat li “[l-]motivazzjoni esposta iktar ’il fuq relatata mad-dokumenti li joriġinaw mill-impriżi kkonċernati tapplika wkoll, bl-istess mod, għad-dokumenti tagħha”.

84      Għaldaqstant, minn analiżi ta’ gruppi ta’ dokumenti, ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa ġenerali u japplika għad-dokumenti kollha li jaqgħu fil-kategoriji 1 sa 4, bi ksur tal-obbligu tagħha, li jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq, li tipprovdi spjegazzjonijiet fuq il-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal kull dokument li jintalab l-iżvelar tiegħu jista’ b’mod konkret u effettiv jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

85      Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li teżenta ruħha, fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata li jindirizza l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba li jaqgħu fil-kategoriji 1 sa 4.

–       Fuq l-eżami, fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni

86      Kif ġie msemmi fil-punt 9 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni invokat l-eċċezzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażata fuq il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tagħha, fir-rigward biss tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a).

87      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, “Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkonċernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument idgħajjef b’mod gravi l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”.

88      Fl-ewwel lok, jirriżulta b’mod impliċitu mill-punt 3.2.5 tad-deċiżjoni kkontestata u b’mod espliċitu mit-tweġiba tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2011 għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali li din tal-aħħar tikkunsidra li d-dokumenti kollha li jaqgħu fil-kategorija 5(a), jinkludu opinjonijiet maħsuba għall-użu intern, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

89      Fit-tieni lok, kif ġie enfasizzat fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq, huwa biss fl-ipoteżi fejn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess tkun tkopri manifestament u interament id-dokumenti li jaqgħu taħt kategorija li l-istituzzjoni tkun tista’ teżenta ruħha minn eżami individwali ta’ dawn id-dokumenti.

90      Issa, f’dan il-każ, xejn ma jippermetti li jiġi preżunt li d-dokumenti kollha li jaqgħu fil-kategorija 5(a) huma manifestament u interament koperti mill-imsemmija eċċezzjoni. Għall-kuntrarju, in-natura tad-dokumenti li jinsabu fit-tliet subkategoriji tal-kategorija 5(a) kif iddefiniti mill-Kummissjoni fil-punt 2 tad-deċiżjoni kkontestata u kif ippreċiżati fit-tweġiba tagħha tad-9 ta’ Novembru 2011 għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, tixhed li numru kbir minn dawn id-dokumenti jinkludu siltiet li ma jikkostitwixxux opinjonijiet fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, it-titoli ta’ dawn id-dokumenti, il-partijiet introduttivi tagħhom u l-ittri li jakkumpanjaw il-komunikazzjoni tagħhom lid-destinatarji differenti.

91      Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt li teżenta ruħha, fis-silta tal-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata li jindirizza l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tagħha, minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) u dan mingħajr il-bżonn, f’dan l-istadju tal-eżami, li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk hija wrietx, sal-grad rikjest mil-liġi, li d-dokumenti kollha li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) kienu jinkludu opinjonijiet, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

92      Minn dan isegwi li, sabiex teżenta ruħha minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq eżami fi gruppi ħlief fir-rigward tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 3.

 Fuq l-eċċezzjoni invokata fir-risposta tal-Kummissjoni, ibbażata fuq piż ta’ xogħol eċċezzjonali u irraġonevoli

93      Kif ġie kkonstatat fil-punti 50 sa 52 iktar ’il fuq, din l-eċċezzjoni ma tistax tiġġustifika n-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba peress li ma ssemmietx fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, jidher li huwa opportun li, għall-finijiet ta’ kompletezza, tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan l-argument.

94      Il-Kummissjoni ssostni, fil-punt 103 tar-risposta tagħha, li hija kienet ġibdet l-attenzjoni tar-rikorrenti dwar il-volum tal-fajl u l-piż ta’ xogħol li tiġġenera l-applikazzjoni tagħha, u dan mingħajr ma r-rikorrenti kienet ippreċiżat l-applikazzjoni tagħha b’mod suffiċjenti. Fl-istess waqt, hija għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tistabbilixxi li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-volum tax-xogħol li jinvolvi l-eżami konkret u individwali ta’ numru kbir ta’ dokumenti jista’ jiġġustifika t-tiftix ta’ “arranġament ekwu” mal-applikant, bil-għan li jiġu kkonċiljati l-interessi tal-applikant ma’ dawk ta’ amministrazzjoni tajba (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Lulju 1999, Hautala vs Il-Kunsill, T‑14/98, Ġabra p. II‑2489, punt 86, u sentenza VKI, punt 28 iktar ’il fuq, punti 101 sa 103).

95      Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tibbaża ruħha fuq din il-ġurisprudenza sabiex tiġġustifika n-nuqqas, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba.

96      Fl-ewwel lok, għall-kuntrarju ta’ dak li tikkonferma l-Kummissjoni, jirriżulta mill-fajl li r-rikorrenti rreaġixxiet b’mod favorevoli għall-proposta tagħha li tillimita l-applikazzjoni tagħha għal aċċess. Fil-fatt, ir-rikorrenti pproduċiet, f’anness mar-rikors tagħha, faks tal-11 ta’ Jannar 2008 li fih hija rrispondiet għall-komunikazzjoni telefonika mal-Kummissjoni tal-jum preċedenti. F’dan il-faks, ir-rikorrenti tillimita l-applikazzjoni għal aċċess tagħha “bil-għan li tillimita kemm jista’ jkun il-piż ta’ xogħol tad-Direttorat Ġenerali tal-kompetizzjoni”, billi rrinunzjat għal tliet kategoriji ta’ dokumenti, jiġifieri d-dokumenti kollha marbuta esklużivament mal-istruttura tal-impriżi implikati, id-dokumenti kollha li huma rilevanti esklużivament għall-identifikazzjoni tad-destinatarju tad-deċiżjoni SIG u d-dokumenti kollha mfassla interament bil-lingwa Ġappuniża.

97      F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jinċaħad l-argument li l-Kummissjoni bbażat fuq skambju ta’ ittri elettroniċi li seħħ matul ix-xahar ta’ Jannar 2008 u li juri, fl-opinjoni tagħha, li, minkejja t-talbiet ripetuti tagħha, imtennija f’messaġġ elettroniku tat-22 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti ma ppreċiżatx l-applikazzjoni tagħha għal aċċess. Fil-fatt, l-iskambju inkwistjoni beda permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-18 ta’ Jannar 2008 li fih ir-rikorrenti esprimiet in-nuqqas ta’ sodisfazzjon tagħha fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma weġbitx għall-applikazzjoni inizjali tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2007 fit-terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol previst mir-Regolament Nru 1049/2001. Mit-tweġiba tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Jannar 2008 (10:24), kif ukoll mir-replika tar-rikorrenti tal-istess jum (11:51) jirriżulta li f’dan l-istadju l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-faks tar-rikorrenti tal-11 ta’ Jannar 2008, li fih din tal-aħħar illimitat l-applikazzjoni inizjali tagħha, minkejja li r-rikorrenti kellha rapport ta’ trażmissjoni korretta għal dan il-faks. L-iskambju waqaf permezz ta’ messaġġ elettroniku ieħor tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Jannar 2008 (16:57), fejn ittieħdet inkunsiderazzjoni l-volontà tar-rikorrenti li tikkoopera kif ukoll il-fatt li ġiet riċevuta l-limitazzjoni tal-applikazzjoni għal aċċess.

98      Għaldaqstant, għalkemm il-Kummissjoni fakkret lir-rikorrenti, matul dan l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi, bl-impenn tagħha li tillimita l-applikazzjoni tagħha, dan kien dovut għall-fatt li hija ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-faks preċedenti li permezz tiegħu kienet saret tali limitazzjoni, u dan kif irrikonoxxiet hija stess fil-messaġġ elettroniku li għalqet l-iskambju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni tagħha li r-rikorrenti ma rreaġixxietx għall-istedina tagħha tat-22 ta’ Jannar 2008 sabiex tippreċiża l-applikazzjoni tagħha.

99      Barra minn hekk, l-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 2008, li tiċħad l-applikazzjoni inizjali, tieħu inkunsiderazzjoni, fil-punt 1 tagħha, il-limitazzjoni tal-applikazzjoni għal aċċess, mingħajr ma ssemmi li din hija insuffiċjenti fir-rigward tat-tnaqqis tal-piż ta’ xogħol tagħha.

100    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma tressaq l-ebda argument li jista’ juri li l-portata tal-piż ta’ xogħol iġġenerat minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba kien tant eċċezzjonali li kien jiġġustifika r-rifjut ta’ tali eżami. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, sa fejn id-dritt għall-aċċess tad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet jammonta għal soluzzjoni li għandha tkun applikata fil-prinċipju, l-oneru tal-prova dwar id-diffikultà tal-kompitu li jirriżulta mill-applikazzjoni jaqa’ fuq l-istituzzjoni li tinvoka eċċezzjoni marbuta man-natura irraġonevoli ta’ dan il-kompitu (sentenza VKI, punt 28 iktar ’il fuq, punt 113).

101    Fir-rigward tal-piż ta’ xogħol neċessarju sabiex tiġi pproċessata applikazzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu ma huwiex fil-prinċipju rilevanti sabiex jirregola l-portata tad-dritt ta’ aċċess, peress li r-Regolament Nru 1049/2001 ipprovda espressament għall-possibbiltà li applikazzjoni għal aċċess tista’ tikkonċerna għadd kbir ta’ dokumenti, peress li l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(2) tiegħu jistabbilixxu li t-termini ta’ ipproċessar rispettivi tat-talbiet inizjali u tat-talbiet konfermatorji jistgħu jiġu pprorogati fuq bażi eċċezzjonali, pereżempju meta l-applikazzjoni tkun tirrigwarda dokument twil ħafna jew għadd kbir ta’ dokumenti (sentenza VKI, punt 28 iktar ’il fuq, punti 108 u 110).

102    Barra minn hekk, il-piż ta’ xogħol neċessarju sabiex jitwettaq l-eżami ta’ applikazzjoni jiddependi mhux biss min-numru ta’ dokumenti msemmija fl-applikazzjoni u mill-volum tagħhom iżda wkoll min-natura tagħhom. Għaldaqstant, in-neċessità li jitwettaq eżami konkret u individwali ta’ għadd kbir ħafna ta’ dokumenti bl-ebda mod ma tagħti indikazzjoni, fiha nfisha, tal-piż ta’ xogħol neċessarju sabiex tiġi pproċessata applikazzjoni għal aċċess peress li l-imsemmi piż ta’ xogħol jiddependi wkoll mid-dettall meħtieġ minn dan l-eżami (sentenza VKI, punt 28 iktar ’il fuq, punt 111).

103    Għaldaqstant, huwa b’mod eċċezzjonali u biss meta x-xogħol amministrattiv ikkawżat mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti jirriżulta partikolarment diffiċli, tant li jeċċedi l-limiti ta’ dak li jista’ jkun raġonevolment mistenni, li tista’ tiġi aċċettata deroga minn dan l-obbligu ta’ eżami (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Frar 2002, Kuijer vs Il-Kunsill, T‑211/00, Ġabra p. II‑485, punt 57, u s-sentenza VKI, punt 28 iktar ’il fuq, punt 112).

104    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wrietx, u lanqas sostniet, qabel il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li tali ċirkustanzi eċċezzjonali kienu ġew sodisfatti. Huwa veru li hija semmiet, fil-parti introduttiva tad-deċiżjoni kkontestata, messaġġ elettroniku tal-10 ta’ April 2008 li permezz tiegħu hija informat lir-rikorrenti li, fid-dawl tal-portata tal-fajl li kien jinkludi iktar minn 1 900 dokument, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipproċessa l-applikazzjoni għal aċċess fit-terminu stabbilit mir-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant hija għamlet użu mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tipproroga t-terminu tar-risposta għall-applikazzjoni konfermatorja għal aċċess. Madankollu, il-Kummissjoni ma sostnietx, f’dan l-istadju, li ma kienx possibbli, minħabba l-portata tal-piż ta’ xogħol iġġenerat, li jitwettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti. Minn dan jeħtieġ li jiġi konkluż, a contrario, li hija stess ma kinitx tikkunsidra li dan il-piż ta’ xogħol ma kienx wieħed raġonevoli.

105    Fit-tielet lok, jeħtieġ li jitfakkar li, meta l-istituzzjoni tkun ressqet il-prova tan-natura irraġonevoli tal-oneru amministrattiv meħtieġ mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni, hija għandha l-obbligu li tipprova tiftiehem mal-applikant sabiex, minn naħa, issir taf jew titolbu jippreċiża l-interess tiegħu fil-kisba tad-dokumenti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tqis b’mod konkret il-possibbiltajiet li għandha għall-adozzjoni ta’ miżura inqas restrittiva minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti. Peress li d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti jirrappreżenta l-prinċipju, l-istituzzjoni tibqa’ madankollu marbuta, f’dan il-kuntest, li tiffavorixxi l-għażla li, filwaqt li ma tkunx tinvolvi kompitu li jaqbeż il-limiti ta’ dak li jista’ raġonevolment jiġi rikjest, tkun l-iktar waħda favorevoli għad-dritt ta’ aċċess għall-applikant (sentenza VKI, punt 28 iktar ’il fuq, punt 114).

106    Minn dan jirriżulta li l-istituzzjoni tista’ teżenta ruħha minn kwalunkwe eżami konkret u individwali biss wara li tkun verament studjat il-possibbiltajiet l-oħra kollha u wara li tkun spjegat fid-dettall, fid-deċiżjoni tagħha, ir-raġunijiet li għalihom dawn id-diversi possibbiltajiet kienu jinvolvu, huma wkoll, piż ta’ xogħol irraġonevoli (sentenza VKI, punt 28 iktar ’il fuq, punt 115).

107    Issa, f’dan il-każ, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni evalwat, b’mod konkret, preċiż u dettaljat, minn naħa, l-għażliet l-oħra possibbli sabiex tillimita l-piż ta’ xogħol tagħha u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet li setgħu jippermettulha ma twettaqx eżami konkret u individwali pjuttost milli tadotta, jekk kien ikun il-każ, miżura inqas restrittiva għad-dritt ta’ aċċess tar-rikorrenti. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni evalwat il-piż ta’ xogħol meħtieġ sabiex tidentifika u mbagħad teżamina, b’mod individwali u konkret, dawk id-dokumenti li l-iktar jistgħu jissodisfaw immedjatament u, skont il-każ, inizjalment b’mod parzjali, l-interessi tar-rikorrenti.

108    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza VKI vs Il-Kummissjoni sabiex tkun tista’ teżenta ruħha minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba, minħabba l-piż ta’ xogħol iġġenerat minn tali eżami.

109    Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet twettaq eżami ta’ kategoriji, unikament fir-rigward tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, li tikkonċerna biss id-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 3, jiġifieri d-dokumenti miksuba waqt l-ispezzjonijiet (ara l-punt 77 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni setgħet teżenta ruħha minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tagħtix indikazzjoni dwar jekk hija setgħetx ġustament tibbaża r-rifjut ta’ aċċess għal dawk id-dokumenti fuq l-imsemmija eċċezzjoni, kwistjoni li hija eżaminat iktar ’il quddiem fil-punti 113 et seq.

110    Għall-kuntrarju, għad-dokumenti l-oħra kollha mitluba u għall-eċċezzjonijiet l-oħra invokati mill-Kummissjoni, din tal-aħħar kellha twettaq eżami konkret u individwali. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali sa fejn il-Kummissjoni ma wettqitx tali eżami u dan minħabba ksur tal-obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni:

–        sa fejn tikkonċerna l-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fir-rigward tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategoriji 1, 2, 4 u 5(a);

–        sa fejn tikkonċerna l-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fir-rigward tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategoriji 1 sa 4;

–        sa fejn tikkonċerna l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, fir-rigward tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a).

111    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tiċħad l-aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategoriji 1, 2, 4 u 5(a).

112    Għaldaqstant, sa fejn huma kkonċernati d-dokumenti li ma jaqgħux taħt il-kategorija 3, l-eżami, li jinsab iktar ’il quddiem, tal-fondatezza tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, invokati fid-deċiżjoni kkontestata, isir biss fuq bażi fakultattiva.

b)     Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

113    Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, tqis li l-iżvelar tad-dokumenti li għalihom hija titlob l-aċċess la għandu l-konsegwenza li jippreġudika l-investigazzjonijiet pendenti u lanqas l-investigazzjonijiet futuri. Fir-rigward tal-investigazzjoni fil-Każ COMP/F/38.899, ir-rikorrenti tikkunsidra li din intemmet bid-deċiżjoni SIG. Tkomplija eventwali tal-investigazzjoni wara l-annullament mill-qorti tal-Unjoni tkun tikkostitwixxi proċedura ġdida. Fir-rigward tal-investigazzjonijiet futuri, ir-rikorrenti tqis li r-raġunament tal-Kummissjoni jagħti lok għall-ħolqien ta’ motiv derogatorju ġdid li ma huwa bl-ebda mod sostnut mill-kliem tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li jħassar kull effett utli tad-dritt ta’ aċċess.

114    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti ABB u Siemens, issostni li n-neċessità li jiġi protett l-għan tal-proċedura segwita fil-Każ COMP/F/38.899 tissussisti sakemm id-deċiżjoni SIG ma tkunx iktar kontestabbli. Barra minn hekk, fl-opinjoni tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jkopri, b’mod ġenerali, il-protezzjoni tal-missjoni kostanti tagħha li tikkonsisti fl-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-programm tagħha ta’ klemenza. Issa, żvelar tad-dokumenti kkomunikati mill-impriżi fil-kuntest ta’ talba għal klemenza jista’ jiskoraġġixxihom, fil-futur, milli jikkooperaw magħha volontarjament.

115    F’dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunika lir-rikorrenti dokumenti relatati ma’ proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari, billi invokat l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previst fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażat fuq il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifiki. Ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li d-dokumenti mitluba jaqgħu taħt “attività ta’ investigazzjoni” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li, ladarba jintemmu l-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tagħhom ma tibqax applikabbli.

116    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, din tal-aħħar ma hijiex intiża sabiex tipproteġi l-attivitajiet ta’ investigazzjoni bħala tali, iżda l-għan ta’ dawn l-attivitajiet, li jikkonsisti, fil-każ ta’ proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni, fil-verifika ta’ jekk twettaqx ksur tal-Artikolu 81 KE u, skont il-każ, is-sanzjoni li għandha tingħata lill-kumpanniji responsabbli. Huwa għal din ir-raġuni li d-dokumenti tal-fajl li jirrigwardaw id-diversi atti ta’ investigazzjoni jistgħu jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni inkwistjoni sakemm dan l-għan ikun għadu ma ntlaħaqx, anki jekk l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni partikolari li tkun tat lok għad-dokument li għalih intalab l-aċċess tkun intemmet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il-Kummissjoni, T‑36/04, Ġabra p. II‑3201, punt 133; ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 110, u, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Kodiċi ta’ kondotta tal-1993, tat-13 ta’ Settembru 2000, Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑20/99, Ġabra p. II‑3011, punt 48).

117    Issa, f’dan il-każ, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet diġà adottat, kważi 17-il xahar qabel, id-deċiżjoni SIG, li kienet tikkonstata l-ksur li bih il-Kummissjoni kienet akkużat lill-impriżi kkonċernati u b’hekk temmet il-Każ COMP/F/38.899. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkontestat li, f’din id-data ma kienet qed issir l-ebda investigazzjoni intiża li tagħti prova tal-eżistenza tal-ksur inkwistjoni u li setgħet tiġi ppreġudikata permezz tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

118    Huwa minnu li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien hemm azzjonijiet kontra d-deċiżjoni SIG li kienu pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod li, fl-ipoteżi tal-annullament ta’ din tal-aħħar, il-proċedura setgħet tinfetaħ mill-ġdid. Din is-sitwazzjoni ma nbidlitx bl-għoti tas-sentenzi fil-kawżi inkwistjoni, peress li preżentament hemm diversi appelli pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra dawn is-sentenzi.

119    Madankollu, l-attivitajiet ta’ investigazzjoni f’kawża speċifika għandhom jitqiesu bħala mitmuma bl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni annullament eventwali ulterjuri ta’ din tal-aħħar mill-qrati, peress li huwa f’dan il-mument li l-istituzzjoni inkwistjoni stess tkun qieset il-proċedura bħala mitmuma.

120    Fil-fatt, l-ammissjoni li d-diversi dokumenti relatati ma’ attivitajiet ta’ investigazzjoni huma koperti mill-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sakemm l-iżviluppi kollha possibbli tal-proċedura inkwistjoni jkunu ġew deċiżi, anki fil-każ fejn jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali li eventwalment iwassal għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri quddiem il-Kummissjoni, tissuġġetta l-aċċess għall-imsemmija dokumenti għal avvenimenti inċerti, jiġifieri għar-riżultat tal-imsemmi rikors u l-konsegwenzi li l-Kummissjoni tista’ tislet minnu. Fi kwalunkwe każ, dawn huma avvenimenti futuri u inċerti li jiddependu fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjoni li tissanzjona akkordju u ta’ dawk tad-diversi awtoritajiet ikkonċernati.

121    Din is-soluzzjoni tmur kontra l-għan ta’ garanzija lill-pubbliku tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, sabiex iċ-ċittadini jkollhom il-possibbiltà jikkontrollaw b’mod iktar effettiv il-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (sentenza API vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 140; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 112).

122    Minn dan isegwi li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma setax jippreġudika l-protezzjoni tal-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-proċeduri quddiem il-Kummissjoni fir-rigward tal-akkordju dwar SIG.

123    Fit-tieni lok, il-konstatazzjoni esposta fil-punt preċedenti ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tal-Kummissjoni li l-kunċett ta’ “għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni” għandu portata iktar ġenerali, b’mod li jinkludi l-politika tal-Kummissjoni kemm dwar it-trażżin u kif ukoll dwar il-prevenzjoni tal-akkordji.

124    Skont il-Kummissjoni, essenzjalment, il-kunċett ta’ “investigazzjonijiet” ma jistax jiġi limitat, fil-qasam tal-akkordji, għall-proċedura ta’ qabel ma tingħata deċiżjoni ta’ projbizzjoni, iżda għandha tiġi kkunsidrata bħala parti integrali mill-missjoni regolari u kostanti tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Għaldaqstant, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 japplika lil hinn mit-tmiem ta’ proċedura partikolari. Peress li, fil-proċedura ta’ trażżin tal-akkordji, il-Kummissjoni hija dipendenti fuq il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati, hija tqis li, fin-nuqqas ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti li dawn tal-aħħar jikkomunikawlha, l-imsemmija impriżi jkunu inqas inkoraġġuti li jressqu talbiet għal klemenza u jillimitaw ruħhom għal dak li huwa strettament neċessarju għall-komunikazzjoni ta’ kull informazzjoni oħra, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ talbiet għal informazzjoni u għal spezzjonijiet. Għaldaqstant, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità hija kundizzjoni għall-investigazzjoni effettiva tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u, minħabba dan, element essenzjali tal-politika ta’ kompetizzjoni tal-Kummissjoni.

125    Madankollu, l-aċċettazzjoni tal-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni terġa’ twassal sabiex tippermetti lil din tal-aħħar teskludi mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, u mingħajr limitu temporali, l-attività kollha tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni, minħabba s-sempliċi riferiment għall-possibbiltà ta’ preġudizzju fil-futur għall-programm ta’ klemenza tagħha. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konsegwenzi li l-Kummissjoni hija mħassba dwarhom fir-rigward tal-programm tagħha ta’ klemenza jiddependu fuq diversi fatturi inċerti, fosthom, b’mod partikolari, l-użu li l-partijiet milquta b’mod negattiv minn akkordju jagħmlu mid-dokumenti miksuba, il-livell ta’ suċċess ta’ kawżi eventwali għad-danni ppreżentati minnhom, l-ammonti li jingħataw lilhom mill-qrati nazzjonali kif ukoll ir-reazzjonijiet futuri tal-impriżi li jipparteċipaw f’akkordji.

126    Għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni daqstant wiesgħa tal-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni” hija inkompatibbli mal-prinċipju li jipprovdi li, minħabba l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 intiż, b’konformità mal-premessa 4 tiegħu, li “jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti”, l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq).

127    F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li ma hemm xejn fir-Regolament Nru 1049/2001 li jippermetti li jitqies li l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tibbenefika, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, minn trattament differenti minn dak għal politiki oħra tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jinterpreta l-kunċett ta’ “għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni” b’mod differenti fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni milli fil-politiki oħra tal-Unjoni.

128    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-programmi ta’ klemenza u ta’ kooperazzjoni li l-Kummissjoni tfittex li tipproteġi l-effikaċità tagħhom ma humiex l-uniċi modi ta’ kif tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kawżi għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punt 27).

129    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet applikabbli f’dan il-każ. Għaldaqstant, b’mod partikolari, hija ma setgħetx tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 3 billi tibbaża ruħha fuq dik l-eċċezzjoni.

130    Konsegwentement, jeħtieġ li tintlaqa’ l-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti, għad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategoriji 1, 2, 3, 4 u 5(a).

c)     Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

131    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, essenzjalment issostni li, minħabba li hija antika, l-informazzjoni inkluża fid-dokumenti li tifforma parti mill-fajl mitlub ma għadhiex tista’ timmina l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati. Fit-tieni lok, hija tikkunsidra li l-interess tal-membri tal-akkordju li d-dokumenti fil-fajl jinżammu sigrieti oġġettivament ma jixraqlux protezzjoni. Fit-tielet lok, il-membri tal-akkordju ma jibbenefikawx minn aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

132    Il-Kummissjoni, sostnuta minn ABB u minn Siemens, essenzjalment issostni li l-kunċett ta’ “protezzjoni tal-interessi kummerċjali” għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa. Fl-opinjoni tagħha, diġà twettaq eżami ta’ natura kunfidenzjali fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl tal-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, b’tali mod li ma huwiex neċessarju eżami konkret u eżawrjenti ġdid. Barra minn hekk, in-natura sensittiva tal-informazzjoni kummerċjali ma tistax tiġi evalwata biss skont kemm din tkun antika. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1/2003, li jistabbilixxi b’mod eżawrjenti s-sanzjonijiet tad-dritt pubbliku li jistgħu jiġu imposti fuq impriża li tkun ipparteċipat f’akkordju, ma jipprevedix l-abolizzjoni tad-drittijiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ dawk l-impriżi.

133    Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għal dokument għandu jiġi rrifjutat mill-istituzzjonijiet meta l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat.

134    Għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-ġurisprudenza ma ddefinixxietx il-kunċett ta’ “interessi kummerċjali”, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali ppreċiżat li kull informazzjoni dwar kumpannija u r-relazzjonijiet tan-negozju tagħha ma tistax titqies bħala li taqa’ taħt il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata għall-interessi kummerċjali skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ħlief biex iżżomm taħt kontroll l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li jikkonsisti fl-għoti tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli, lill-pubbliku, għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il-Kummissjoni, T‑380/04, Ġabra p. II‑0011, punt 93).

135    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ liġi billi kkunsidrat li d-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategoriji 1 sa 4 jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “interessi kummerċjali”, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

136    Ir-rikorrenti ma tikkontestax, b’mod ġenerali, li d-dokumenti mitluba jistgħu jinkludu informazzjoni li tikkonċerna r-relazzjonijiet tan-negozju tal-kumpanniji li pparteċipaw fl-akkordju dwar SIG, il-prezzijiet tal-prodotti tagħhom, l-istruttura tal-ispejjeż tagħhom, il-partijiet tagħhom mis-suq jew elementi oħra simili.

137    Madankollu, fir-rigward tal-ewwel argument tar-rikorrenti, relatat ma’ kemm hija antika l-informazzjoni, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-punt 23 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni relatata mar-regoli dwar l-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], taħt l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni relatata mar-regoli dwar l-aċċess għall-fajl f’kawżi ta’ kompetizzjoni”), il-Kummissjoni qieset hija stess li “[l]-informazzjoni li tkun tilfet l-importanza kummerċjali tagħha, pereżempju minħabba t-trapass taż-żmien, ma tistax tibqa’ tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali” u li, “bħala regola ġenerali, [hija] tippreżumi li l-informazzjoni relatata mad-dħul mill-bejgħ, mal-bejgħ, mal-partijiet tas-suq tal-partijiet u informazzjoni oħra simili li jmur lura iktar minn ħames snin ma tkunx iktar kunfidenzjali”.

138    Dik il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ċertament ma tistax torbot lill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tagħha tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, hija tippreċiża, fil-punt 2 tagħha, li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl kif iddefinit fil-kuntest tal-imsemmija komunikazzjoni huwa differenti mid-dritt ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilit mir-Regolament Nru 1049/2001, li huwa suġġett għal kriterji u eċċezzjonijiet differenti. Barra minn hekk, il-punt 23 tal-komunikazzjoni relatata mar-regoli dwar l-aċċess għall-fajl f’kawżi ta’ kompetizzjoni jikkonċerna l-kunċett ta’ “kunfidenzjalità” u mhux dak ta’ “interessi kummerċjali” imsemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Konsegwentement, il-kunċett ta’ “interessi kummerċjali” jista’ biss jinftiehem fir-rigward tal-imsemmi regolament. Madankollu, l-imsemmi punt 23 jista’ jagħti ħjiel dwar il-kontenut li għandu jingħata dan l-aħħar kunċett, skont il-Kummissjoni.

139    Fil-fatt, peress li, sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ “kunfidenzjalità”, il-Kummissjoni rrikorriet għall-kunċett ta’ “importanza kummerċjali”, li huwa simili għal dak ta’ “interessi kummerċjali”, jista’ jiġi dedott li, fl-opinjoni tagħha, il-livell ta’ kunfidenzjalità ta’ dokument jew ta’ informazzjoni jiddependi fuq l-importanza tal-konsegwenzi negattivi li l-kumpannija inkwistjoni tkun imħassba dwarhom f’każ ta’ żvelar ta’ dak id-dokument jew dik l-informazzjoni. Għaldaqstant, il-punt 23 tal-komunikazzjoni relatat mar-regoli dwar l-aċċess għall-fajl f’kawżi ta’ kompetizzjoni jagħti ħjiel dwar l-ibbilanċjar tal-interessi li jeħtieġ li jiġi applikat, skont il-Kummissjoni stess, f’sitwazzjonijiet li fihom l-informazzjoni relatata mal-attivitajiet kummerċjali ta’ kumpannija tista’ tiġi żvelata lil operaturi kummerċjali oħra li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu kuntrarji għal dawk tal-kumpannija innkwistjoni, kif inhu preċiżament il-każ f’din il-kawża. F’dan ir-rigward, il-konsegwenzi negattivi li jistgħu jirriżultaw mill-iżvelar ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva huma inqas u inqas importanti peress li l-informazzjoni inkwistjoni hija antika (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Novembru 1990, Rhône-Poulenc et vs Il-Kummissjoni, T‑1/89 sa T‑4/89 u T‑6/89 sa T‑15/89, Ġabra p. II-637, punt 23, u tad-19 ta’ Ġunju 1996, NMH Stahlwerke et vs Il-Kummissjoni, T‑134/94, T‑136/94 sa T‑138/94, T‑141/94, T‑145/94, T‑147/94, T‑148/94, T‑151/94, T‑156/94 u T‑157/94, Ġabra p. II‑537, punti 24 u 32).

140    Issa, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fis-16 ta’ Ġunju 2008, il-maġġoranza tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva inkluża fid-dokumenti mitluba kienet tmur lura ferm iktar minn ħames snin. Fil-fatt, kif tenfasizza r-rikorrenti, peress li l-akkordju dwar SIG kien attiv mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004, kienet biss l-informazzjoni relatata mas-snin 2003 u 2004 li ma kinitx għadha eċċediet il-ħames snin fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

141    Il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ċċitata fil-punt 139 iktar ’il fuq kienet tikkonċerna l-kunċett ta’ “sigriet tan-negozju” u mhux dak, iktar wiesa’, ta’ “interessi kummerċjali”, u li l-limitu ta’ ħames snin iddikjarat fil-punt 23 tal-komunikazzjoni relatata mar-regoli dwar l-aċċess għall-fajl f’kawżi ta’ kompetizzjoni ma huwiex regola vinkolanti, iżda, l-iktar l-iktar, “regola empirika”. Barra minn hekk, hija tiċċita eżempji mill-ġurisprudenza li fihom l-informazzjoni ġiet ikkunsidrata bħala xierqa li tingħata protezzjoni wara dan il-perijodu.

142    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ma jistax ikun il-każ li tiġi applikata regola stretta li tipprovdi li l-informazzjoni kollha relatata ma’ fatti li għandhom ċertu żmien għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ma jaffettwawx iktar l-interessi kummerċjali tal-kumpannija li huma marbuta magħha. Madankollu, kif diġà ġie indikat fil-punt 139 iktar ’il fuq, il-fatt li l-informazzjoni inkwistjoni jkollha ċertu żmien iżid il-probabbiltà li l-interessi kummerċjali tal-kumpanniji kkonċernati ma jibqgħux iktar affettwati sal-punt li tkun iġġustifikata l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ trasparenza espressa fir-Regolament Nru 1049/2001. Konsegwentement, u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li, f’dan il-każ, l-informazzjoni relatata mal-attivitajiet kummerċjali tal-kumpanniji inkwistjoni kienet tkopri perijodu ta’ sittax-il sena (mill-1988 sal-2004), hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni fi kwalunkwe każ kellha l-obbligu li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba fid-dawl tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u ma setgħetx tillimita ruħha għal evalwazzjonijiet ġenerali li jkopru d-dokumenti kollha li jaqgħu taħt il-kategoriji 1 sa 4. Peress li hija ma wettqitx tali eżami, hija ma wrietx sal-grad rikjest mil-liġi li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba kien ikun ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuni ġuridiċi ddeterminati.

143    F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jinċaħad l-argument tal-Kummissjoni li, fid-dawl tal-fatt li, fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni SIG kif ukoll fil-kuntest tal-għoti tal-aċċess għall-fajl matul il-proċedura, l-informazzjoni kunfidenzjali inkluża fil-fajl COMP/F/38.899 kienet diġà ġiet suġġetta għal eżami maħsub sabiex jiġi vverifikat jekk kienx xieraq li din tingħata protezzjoni, ma kienx neċessarju li hija twettaq eżami konkret u eżawrjenti ġdid tad-diversi dokumenti.

144    Fil-fatt, fl-ewwel lok, dan l-argument jirriżulta minn konfużjoni bejn id-dispożizzjonijiet differenti li jirregolaw il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni protetta li madankollu jimplikaw l-applikazzjoni ta’ kriterji differenti sabiex tiġi evalwata l-ħtieġa li dawn jiġu protetti u sabiex jiġu bbilanċjati l-interessi favur u kontra l-għoti ta’ aċċess. Il-Kummissjoni stess rrikonoxxiet din l-aħħar ċirkustanza fil-punt 2 tal-komunikazzjoni relatata mar-regoli dwar l-aċċess għall-fajl f’kawżi ta’ kompetizzjoni, iċċitata fil-punt 138 iktar ’il fuq.

145    Bħala eżempju, l-aċċess għal ċerti dokumenti mill-fajl li bbenefikaw minnu impriżi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, jaqa’ taħt l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom tad-difiża u, kif ġie rrilevat fil-punt 60 iktar ’il fuq, id-dokumenti miksuba fuq din il-bażi jistgħu jintużaw biss għall-finijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi li jkollhom bħala għan l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. Għalhekk, id-drittijiet tad-difiża bħala drittijiet speċifiċi u li jaqgħu taħt id-drittijiet fundamentali tal-impriżi inkwistjoni jagħtu lok, unikament għall-finijiet speċifiċi, għal aċċess għal dokumenti speċifiċi li minnu huma esklużi biss id-dokumenti interni tal-istituzzjoni, is-sigrieti tan-negozju ta’ impriżi oħra u informazzjoni kunfidenzjali oħra. Għall-kuntrarju, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku skont ir-Regolament Nru 1049/2001, bħala dritt ġenerali, potenzjalment jagħti lok, mingħajr restrizzjoni fir-rigward tal-użu tad-dokumenti miksuba, għal aċċess għad-dokumenti kollha fil-pussess tal-istituzzjonijiet, fejn dan l-aċċess jista’ jiġi rrifjutat għal sensiela ta’ raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, il-fatt li l-Kummissjoni diġà evalwat sa liema punt hija setgħet tagħti aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-fajl COMP/F/38.899, fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl skont id-drittijiet tad-difiża, jew sa liema punt din l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata, fil-kuntest tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni SIG, ma jistax jeżentaha minn eżami ġdid ta’ dawn il-kwistjonijiet, fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi marbuta mad-dritt ta’ aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

146    Fit-tieni lok, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 139 sa 142 iktar ’il fuq jirriżulta li s-sempliċi mogħdija taż-żmien tista’ tnaqqas b’mod gradwali l-ħtieġa ta’ protezzjoni, abbażi tal-interessi kummerċjali, tal-informazzjoni inkluża fil-fajl COMP/F/38.899. Għaldaqstant, il-fatt innifsu li kien iddekorra perijodu ta’ iktar minn sentejn bejn l-aċċess għall-fajl mogħti skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, f’April 2006, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fis-16 ta’ Ġunju 2008, huwa suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tkun obbligata twettaq eżami ġdid tar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità li jirriżultaw mill-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

147    Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-interessi tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju — u, partikolarment, dawk tal-intervenjenti ABB u Siemens — fin-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala interessi kummerċjali fil-veru sens tal-kelma. Fil-fatt, fid-dawl b’mod partikolari taż-żmien li għandha l-maġġoranza tal-informazzjoni inkluża fil-fajl inkwistjoni, l-interess li jista’ jkollhom il-kumpanniji fin-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba ma jidhirx li huwa bbażat fuq l-għan li jippreżervaw s-sitwazzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq ta’ SIG li fihom huma attivi, iżda, pjuttost, fuq ix-xewqa li huma jevitaw li jitressqu kawżi għad-danni kontrihom quddiem qrati nazzjonali.

148    Issa, minkejja l-fatt li kawżi għad-danni kontra kumpannija jistgħu mingħajr dubju jwasslu għal spejjeż elevati, anki jekk dawn ikunu biss fir-rigward tal-ispejjeż tal-avukati u anki fl-eventwalità fejn azzjonijiet bħal dawn jiġu miċħuda iktar tard bħala infondati, xorta jibqa’ l-fatt li l-interess ta’ kumpannija li tkun ipparteċipat f’akkordju, li tevita kawżi bħal dawn, ma jikkwalifikax bħala interess kummerċjali u, fi kwalunkwe każ, ma jikkostitwixxix interess li għandu jiġi protett, partikolarment fid-dawl tad-dritt li għandha kull persuna sabiex titlob kumpens għad-danni li jista’ jikkawżalha aġir li jillimita jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Courage u Crehan, punt 128 iktar ’il fuq, punti 24 u 26, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punti 59 u 61).

149    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx sal-grad rikjest mil-liġi li l-aċċess għad-dokumenti mitluba jista’ jaffettwa l-interessi kummerċjali tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, b’mod konkret u effettiv.

150    Konsegwentement, hemm lok li tintlaqa’ t-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikorrenti.

d)     Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1409/2001

151    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi sa fejn, billi eskludiet b’mod globali mid-dritt ta’ aċċess, id-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a), b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija b’mod partikolari rrifjutat l-aċċess għal dokumenti li ma jinkludux opinjonijiet għall-użu intern, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma spjegatx kif il-konsultazzjoni ta’ dawn id-dokumenti mir-rikorrenti kienet tirriżulta f’preġudizzju serju fir-rigward tal-proċess deċiżjonali tagħha, kif inhu rikjest mill-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni SIG, ma kienx iktar konċepibbli li l-iżvelar tad-dokumenti interni jista’ jiffavorixxi tentattivi sabiex jiġu influwenzati r-riżultati tal-investigazzjoni.

152    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħmel distinzjoni ċara bejn il-każ fejn il-proċedura tkun ingħalqet u dak fejn ma tkunx. Għalhekk, minn naħa, skont l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, kull dokument stabbilit minn istituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minnha u li jikkonċerna l-kwistjoni li dwarha din tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni jipprovdi li, wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, l-eċċezzjoni inkwistjoni tkopri biss id-dokumenti li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata.

153    Għalhekk huwa biss għal parti waħda mid-dokumenti għall-użu intern, jiġifieri dawn li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) jawtorizza li jiġi rrifjutat l-aċċess anki wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, fejn l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jista’ jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni.

154    Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li, ladarba d-deċiżjoni tkun adottata, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali huma inqas akuti, b’mod li l-iżvelar ta’ kull dokument minbarra dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jista’ qatt jippreġudika l-imsemmi proċess u r-rifjut ta’ żvelar ta’ tali dokument ma jistax jiġi awtorizzat, minkejja li l-iżvelar tiegħu kien jippreġudika b’mod gravi dan il-proċess kieku seħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, Ġabra p. I‑6237, punti 78 sa 80).

155    F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni bbażat ir-rifjut tagħha unikament fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u mhux fuq l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

156    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wrietx, sal-grad rikjest mil-liġi, li d-dokumenti kollha li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) kienu jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni sostniet, bi tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li dan il-kunċett kien jinkludi, fl-ewwel lok, id-dokumenti kollha li jinkludu jew jirrikjedu evalwazzjoni jew deċiżjoni tal-uffiċjali tagħha jew tad-dipartimenti tagħha, fit-tieni lok, id-dokumenti kollha neċessarji sabiex hija tipprepara d-deċiżjoni tagħha u, fit-tielet lok, id-dokumenti kollha neċessarji sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta’ dipartimenti oħra fil-proċedura. Fl-opinjoni tagħha, id-dokumenti kollha li jaqgħu taħt il-kategorija V(a), li hija identifikat, fit-tweġiba tagħha tad-9 ta’ Novembru 2011, permezz tan-numru ta’ paġni tagħhom fil-fajl COMP/F/38.899, jikkorrispondu għal din id-definizzjoni.

157    Il-Kummissjoni bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-klassifikazzjoni, mill-qorti tal-Unjoni, ta’ ċerti dokumenti mitluba mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ kawżi oħra. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, minn qari tas-sentenza L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 154 iktar ’il fuq, u tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni (T‑403/05, Ġabra p. II‑2027), jirriżulta li l-qrati tal-Unjoni kklassifikaw nota mibgħuta mid-DĠ “Kompetizzjoni” lill-kumitat konsultattiv, nota tal-fajl kif ukoll rapport li jirrigwarda l-konsegwenzi ta’ sentenza u d-dokumenti relatati mal-preparazzjoni ta’ dan ir-rapport, bħala dokumenti interni li jinkludu opinjonijiet, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2010, Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni (T‑237/05, Ġabra p. II‑22245), li nota tad-DĠ “Kompetizzjoni” lid-dipartiment legali tal-Kummissjoni, li titlob opinjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali, u nota li tagħti sinteżi tal-istat tal-fajl, stabbilita għall-membru tal-Kummissjoni li huwa responsabbli mill-kompetizzjoni, kienet tinkludi opinjonijiet ta’ dan it-tip.

158    Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq evalwazzjonijiet tal-qrati tal-Unjoni relatati ma’ ċerti dokumenti individwali, tipprova, permezz ta’ ġeneralizazzjonijiet u ta’ analoġiji, tassimila l-kunċett ta’ “opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma’ dak ta’ “dokument, miktub minn istituzzjoni għall-użu intern”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni. B’mod definittiv, l-aċċettazzjoni ta’ tali definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji” kienet għaldaqstant u b’mod parzjali tħassar l-effett utli taż-żewġ subparagrafi tal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, li l-istruttura tagħhom hija bbażata madankollu, partikolarment, fuq il-prinċipju, espost mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 iktar ’il fuq, li, wara li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun ħadet id-deċiżjoni, ir-rifjut ta’ aċċess ikun possibbli biss għal parti mid-dokumenti għall-użu intern.

159    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wrietx, sal-grad rikjest mil-liġi, li d-dokumenti kollha li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) kienu jinkludu opinjonijiet, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

160    Barra minn hekk, għalkemm il-ġustifikazzjonijiet invokati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, kif riprodotti fil-punt 156 iktar ’il fuq, ċertament jistgħu jirrendu plawżibbli l-ipoteżi li għadd ta’ dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) jinkludu tali opinjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-ġustifikazzjonijiet — u, partikolarment, il-verżjoni kunfidenzjali tal-lista tad-dokumenti tal-fajl COMP/F/38.899 kif ukoll l-identifikazzjoni, permezz tan-numru ta’ paġni tagħhom, tad-dokumenti li jaqgħu taħt it-tielet subkategoriji tal-kategorija 5(a) — ma ġewx invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu raġuni li ddeterminat l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar. Konsegwentement, għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni baqgħet ma wrietx il-kwalità tal-opinjonijiet, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti kollha li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a).

161    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dokumenti kollha li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) kienu jinkludu opinjonijiet, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

162    Fit-tielet lok, fir-rigward tar-raġunament użat mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni tippreżumi li jintwera li l-aċċess għad-dokumenti mitluba seta’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni u li dan ir-riskju ta’ preġudizzju kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2008, Muñiz vs Il-Kummissjoni, T‑144/05, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    Barra minn hekk, sabiex jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-preġudizzju għall-proċess deċiżjonali jrid ikun gravi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-iżvelar tad-dokumenti msemmija jkollu impatt sostanzjali fuq il-proċess deċiżjonali. Issa, l-evalwazzjoni tal-gravità tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari, fuq l-effetti negattivi fuq il-proċess deċiżjonali invokati mill-istituzzjoni fir-rigward tal-iżvelar tad-dokumenti koperti (sentenza Muñiz vs Il-Kummissjoni, punt 162 iktar ’il fuq, punt 75).

164    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tenfasizza li l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni jeżiġi ż-żamma ta’ atmosfera ta’ fiduċja u diskussjoni miftuħa, bil-għan li d-dipartimenti tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jesprimu b’mod liberu l-opinjoni tagħhom, b’mod partikolari fuq il-problemi sensittivi bħal kwistjonijiet ta’ akkordji. Din hija kundizzjoni essenzjali sabiex l-istituzzjoni tkun f’pożizzjoni li teżegwixxi l-missjoni tagħha. Il-pubblikazzjoni tal-opinjonijiet interni u provviżorji dwar investigazzjoni fil-qasam tal-akkordji tippreġudika din il-funzjoni u tista’ tillimita l-marġni ta’ manuvra eżistenti fir-rigward ta’ eżami ġdid ta’ dawn l-opinjonijiet.

165    Il-Kummissjoni żżid li, fl-ipoteżi ta’ annullament tad-deċiżjoni SIG abbażi tar-rikorsi ppreżentati mill-parteċipanti fl-akkordju dwar SIG, hija jkollha teżegwixxi l-investigazzjoni tiegħu f’dan il-każ. Għaldaqstant, l-iżvelar tad-dokumenti interni jista’ jiffavorixxi t-tentattivi tagħha li tinfluwenza r-riżultati tal-investigazzjoni u, għaldaqstant, jiddeterjora b’mod gravi l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

166    Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-ġustifikazzjonijiet huma invokati b’mod ġenerali u astratt, mingħajr ma huma sostnuti minn argumenti dettaljati fir-rigward tal-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni. Tali kunsiderazzjonijiet b’hekk jistgħu jiġu invokati fir-rigward ta’ kwalunkwe dokument simili. Għaldaqstant, huma ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba f’dan il-każ, taħt piena li jippreġudikaw il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u partikolarment ta’ dik prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda preċiżjoni fir-rigward tal-mod kif terzi jistgħu jippruvaw “jinfluwenzaw ir-riżultati tal-investigazzjoni”, fl-ipoteżi li din tintlaqa’.

167    Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ipoteżi fejn, peress li d-deċiżjoni SIG tiġi annullata, il-Kummissjoni jkollha tieħu deċiżjoni ġdida, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tipprova tqarreb, jiġifieri tassimila, din is-sitwazzjoni, ikkaratterizzata, kif ġie espost fil-punti 117 sa 119 iktar ’il fuq, mill-fatt li hija kienet diġà adottat deċiżjoni, ma’ sitwazzjoni fejn ma tkunx għadha ttieħdet deċiżjoni. Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 152 sa 154 iktar ’il fuq, li tenfasizza l-kundizzjonijiet sinjifikattivament iktar ħorox li jirregolaw rifjut ta’ aċċess wara t-teħid tad-deċiżjoni, jeħtieġ li tiġi evitata kull konfużjoni bejn il-kundizzjonijiet fattwali ta’ applikazzjoni taż-żewġ subparagrafi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

168    Isegwi li, fir-rigward tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) li jinkludu opinjonijiet, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-iżvelar tagħhom kien jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali tagħha.

169    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn hija bbażata fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

170    Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel motiv tar-rikorrenti għandha tiġi milqugħa.

171    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, fl-ewwel lok, b’mod konformi mal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 37 iktar ’il fuq, jeħtieġ li jintlaqa’ l-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tal-applikazzjoni għal aċċess, fir-rigward tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(b), u, konsegwentement, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ma tagħtix aċċess għal dawn id-dokumenti.

172    Fit-tieni lok, b’mod konformi mal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 110 u 111 iktar ’il fuq, jeħtieġ li jintlaqa’ l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 3, fir-rigward unikament tal-eċċezzjoni bbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

173    Fit-tielet lok, b’mod konformi mal-konstatazzjonijiet mwettqa fil-punti 129 u 130 iktar ’il fuq, jeħtieġ li tintlaqa’ l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategoriji 1, 2, 3, 4 u 5(a) sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni kienet applikabbli f’dan il-każ.

174    Fir-raba’ lok, b’mod konformi mal-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punti 149 u 150 iktar ’il fuq, jeħtieġ li tintlaqa’ t-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-iżvelar tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategoriji 1 sa 4 kien jaffettwa l-interessi kummerċjali tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju dwar SIG.

175    Fil-ħames lok, b’mod konformi mal-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punti 161 u 168 sa 170 iktar ’il fuq, jeħtieġ li tintlaqa’ t-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li d-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) kienu jinkludu opinjonijiet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u sa fejn hija kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti kien jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali tagħha.

176    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fl-intier tagħha, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet motivi invokati mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

177    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Billi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

178    Ir-Renju tal-Isvezja, ABB u Siemens għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom skont l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG.E3/MV/psi D (2008) 4931, tas-16 ta’ Ġunju 2008, li tirrifjuta l-aċċess għall-fajl tal-proċedura COMP/F/38.899 — Switchgears insulati bil-gass, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn EnBW Energie Baden-Württemberg AG.

3)      Ir-Renju tal-Isvezja, ABB Ltd u Siemens AG għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Mejju 2012.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A —  Fuq l-ammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti

B —  Fuq il-mertu

1.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tal-applikazzjoni għal aċċess

2.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

a)  Fuq l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ kundizzjonijiet li jippermettu deroga mill-obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali tal-kontenut tad-dokumenti mitluba

Fuq l-ewwel eċċezzjoni invokata fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq il-fatt li huwa ċar, abbażi ta’ preżunzjoni ġenerali, li l-aċċess għad-dokumenti mitluba għandu jiġi rrifjutat

Fuq it-tieni eċċezzjoni invokata fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq eżami tad-dokumenti skont kategoriji

—  Fuq l-eżami, fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni

—  Fuq l-eżami, fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali

—  Fuq l-eżami, fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni

Fuq l-eċċezzjoni invokata fir-risposta tal-Kummissjoni, ibbażata fuq piż ta’ xogħol eċċezzjonali u irraġonevoli

b)  Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

c)  Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

d)  Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1409/2001

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.