Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (Chancery Division) (ir-Renju Unit) fil-24 ta' Diċembru 2010 - University of Queensland, CSL Ltd. vs Comptroller-General of Patents, Designs and Trade Marks

(Kawża C-630/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (Chancery Division) (ir-Renju Unit)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: University of Queensland, CSL Ltd.

Konvenut: Comptroller-General of Patents, Designs and Trade Marks

Domandi preliminari

Ir-Regolament Nru 469/2009 1 (iktar 'il quddiem, ir-"Regolament"), jirrikonoxxi fost l-għanijiet l-oħra identifikati fil-premessi, in-neċessità li l-għoti ta' ĊPS minn kull Stat Membru tal-Komunità lil proprjetarji ta' privattivi nazzjonali jew Ewropej ikun taħt l-istess kundizzjonijiet, kif indikat fil-premessi 7 u 8. Fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni Komunitarja tal-liġi dwar il-privattivi, xi jrid ifisser l-Artikolu 3(a) tar-Regolament bi "prodott ikun protett minn privattiva bażika fis-seħħ" u liema huma l-kriterji sabiex dan jiġi deċiż?

F'kawża bħal din inkwistjoni li tinvolvi prodott mediċinali li jinkludi iktar minn ingredjent attiv wieħed, jeżistu kriterji ulterjuri jew differenti biex jiġi ddeterminat jekk "prodott ikun protett minn privattiva bażika fis-seħħ" jew le, skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament u, jekk ikun il-każ, liema huma dawn il-kriterji ulterjuri jew differenti?

Wieħed minn dawn il-kriterji ulterjuri jew differenti jikkonċerna l-każ dwar jekk l-ingredjenti attivi jiġu mħallta flimkien pjuttost milli jiġu pprovduti f'formulazzjonijiet separati iżda fl-istess waqt?

Għall-iskopijiet tal-Artikolu 3(a), tilqima li tkopri numru ta' mard li tinkludi bosta antiġeni hija "protett[a] minn privattiva bażika" jekk antiġen wieħed mit-tilqima jinsab "protett minn privattiva bażika fis-seħħ"?

F'kawża bħal din inkwistjoni li tinvolvi prodott mediċinali li jinkludi iktar minn ingredjent attiv wieħed, huwa rilevanti għall-evalwazzjoni dwar jekk "il- prodott ikun protett minn privattiva bażika" jew le skont l-Artikolu 3(a) li l-privattiva bażika tkun waħda minn grupp ta' privattivi bbażati fuq l-istess applikazzjoni oriġinali għal privattiva u li jinkludi privattiva prinċipali u żewġ privattivi diviżjonali li bejniethom jipproteġu l-ingredjenti attivi kollha fil-prodott mediċinali?

F'kawża bħal din inkwistjoni li tinvolvi privattiva bażika bi pretensjonijiet għal "proċess sabiex jinkiseb prodott" fis-sens tal-Artikolu 1(c), il-"prodott" imsemmi fl-Artikolu 3(a) għandu jinkiseb direttament permezz ta' dan il-proċess?

Ir-Regolament ĊPS u, b'mod partikolari, l-Artikolu 3(b), jippermetti l-għoti ta' Ċertifikat ta' Protezzjoni Supplimentari għal ingredjent attiv individwali fejn:

privattiva bażika fis-seħħ tipproteġi l-ingredjent attiv individwali fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament ĊPS; u

prodott mediċinali li jinkludi l-ingredjent attiv individwali flimkien ma' wieħed jew iktar ingredjenti attivi huwa s-suġġett ta' awtorizzazzjoni valida mogħtija skont id-Direttiva 2001/83/KE 2 jew 2001/82/KE 3 li hija l-ewwel awtorizzazzjoni kummerċjali li tqiegħed l-ingredjent attiv individwali fis-suq?

Ir-risposta għad-domanda Nru 7 tkun differenti skont jekk l-awtorizzazzjoni tkunx għall-ingredjent attiv individwali mħallat ma' wieħed jew iktar ingredjenti attivi pjuttost milli jiġi pprovdut f'formulazzjonijiet separati iżda fl-istess waqt?

____________

1 - Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- 6 ta' Mejju 2009, dwar iċ-ċertifikat ta' protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (Verżjoni kkodifikata) (Test b'relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 152, p. 1)

2 - Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69)

3 - Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 3)