Language of document : ECLI:EU:C:2011:815

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing – Multi – Daqs tas-suq, tul tal-ksur u kooperazzjoni li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni – Rimedju ġudizzjarju effettiv”

Fil-Kawża C‑386/10 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2010,

Chalkor AE Epexergasias Metallon, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn I. Forrester, QC,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Gippini Fournier u S. Noë, bħala aġenti, assistiti minn B. Doherty, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas (Relatur), A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Mejju 2011,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha Chalkor AE Epexergasias Metallon (iktar ’il quddiem “Chalkor”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Mejju 2010, Chalkor vs Il-Kummissjoni (T‑21/05, Ġabra p. II‑1895, iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet parzjalment it-talba tagħha għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha skont l-Artikolu 2(d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 2826 finali, tat-3 ta’ Settembru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu [81KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/38.069 – Pajpijiet tar-ram għall-plumbing) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), kien jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ permess [permezz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unita` ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza:

a)      dawn jiksru l-Artikolu [81](1) [KE] jew l-Artikolu [82 KE], jew

b)      dawn jikkommettu ksur ta’ obligazzjoni imposta skond l-Artikolu 8(1).

Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur.”

3        Ir-Regolament Nru 17 ġie abrogat u sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004.

4        L-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa fformulat kif ġej:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)      jiksru l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat; [...]

[...]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[...]

3.      Fit-twaħħil [Fl-iffissar] ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

5        L-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet [iffissat] multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

6        L-Avviż tal-Kummissjoni intitolat “Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”), applikabbli meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, fil-preambolu tiegħu, jistabbilixxi:

“Il-prinċipji indikati [mil-Linji Gwida] għandhom jiżguraw t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġislazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont ta’ multa għandu jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravanti jew imnaqqsa biex jieħdu f’kunsiderazzjoni ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità [attenwanti].”

7        Skont il-punt 1 tal-Linji Gwida “[l-]ammont bażiku se jkun stabbilit skond il-gravità u t-tul tal-ksur, li huma l-uniċi kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17.”

8        F’dak li jikkonċerna l-gravità, il-punt 1, A, tal-Linji Gwida jipprovdi li l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt reali fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel u l-estensjoni tas-suq ġeografiku kkonċernat. Il-ksur huwa kklassifikat taħt tliet kategoriji, il-ksur minuri, il-ksur serju u l-ksur serju ħafna.

9        Skont il-Linji Gwida, il-ksur serju ħafna huwa b’mod partikolari r-restrizzjonijiet orizzontali tat-tip “kartell tal-prezzijiet” u kwoti ta’ tqassim tas-swieq. L-ammont bażiku tal-multa possibbli huwa ta’ “aktar minn [EUR]20 miljun”. Il-Linji Gwida juru n-neċessità li dan l-ammont bażiku jiġi ddifferenzjat sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur imwettaq, il-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu sostanzjali lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, l-effett dissważiv tal-multa kif ukoll l-għarfien u l-infrastrutturi legali-ekonomiċi tal-impriżi li jippermettulhom li jevalwaw in-natura illegali tal-aġir tagħhom. Huwa ppreċiżat ukoll li fil-każ ta’ ksur li jinvolvi diversi impriżi, jista’ jkun jaqbel li jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, tal-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta tkun teżisti differenza kunsiderevoli fid-daqs tal-impriżi awturi ta’ ksur tal-istess natura.

10      F’dak li jikkonċerna t-tul tal-ksur, il-Linji Gwida jiddistingwu l-ksur għal tul qasir, b’mod ġenerali ta’ inqas minn sena, il-ksur għal tul medju, b’mod ġenerali ta’ bejn sena u ħames snin u l-ksur għal żmien twil, b’mod ġenerali ta’ iktar minn ħames snin. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, huwa previst ammont addizzjonali tal-multa li jista’ jiġi stabbilit għal kull sena għal 10 % tal-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur. Il-Linji Gwida jipprovdu wkoll tkabbir fiż-żieda għall-ksur għal żmien twil, sabiex jiġu realment issanzjonati r-restrizzjonijiet li jkunu pproduċew għal żmien twil l-effetti dannużi tagħhom fil-konfront tal-konsumaturi u sabiex tiżdied l-inċentiva sabiex jinkixef il-ksur jew għall-kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

11      Skont il-punt 2 tal-Linji Gwida, l-ammont bażiku tal-multa jista’ jiżdied fil-każ ta’ ċirkustanzi aggravanti bħal, b’mod partikolari, ksur ripetut mill-istess impriża jew mill-istess impriżi għal ksur tal-istess tip. Skont il-punt 3 tal-imsemmija Linji Gwida, dan l-ammont bażiku jista’ jitnaqqas f’każ ta’ ċirkustanzi attenwanti partikolari bħar-rwol esklużivament passiv jew emulattiv ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur, in-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew il-kooperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċeduri, barra min-Notifika tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem in-“Notifika dwar il-kooperazzjoni”).

12      Il-Linji Gwida ġew sostitwiti, mill-1 ta’ Settembru 2006, bil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).

13      In-Notifika dwar il-kooperazzjoni tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni matul investigazzjoni tagħha dwar akkordju jkunu jistgħu jiġi eżentati minn multi jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu. Skont it-Titolu B ta’ din in-notifika, tibbenefika minn tnaqqis tal-inqas ta’ 75 % tal-ammont tal-multa jew minn nuqqas totali ta’ impożizzjoni ta’ multa b’mod partikolari l-impriża li tgħarraf lill-Kummissjoni bl-akkordju qabel ma din tagħmel verifika u mingħajr ma jkollha informazzjoni biżżejjed sabiex tagħti prova tal-eżistenza tal-akkordju mikxuf jew li tkun l-ewwel waħda li tipprovdi provi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ dan l-akkordju. Skont it-Titolu D tal-imsemmija notifika, impriża tista’ tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 % sa 50 % tal-ammont tal-multa b’mod partikolari meta, qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, din tkun ipprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-ksur imwettaq.

14      In-Notifika dwar il-kooperazzjoni ġiet issostitwita mill-14 ta’ Frar 2002 permezz tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155). Il-Kummissjoni madankollu f’dan il-każ applikat in-Notifika dwar il-kooperazzjoni, peress li l-impriżi ħadu inkunsiderazzjoni din in-notifika meta kkollaboraw magħha.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Chalkor hija kumpannija stabbilita skont id-dritt Grieg, ikkwotata fil-Borża ta’ Ateni. Flimkien ma’ impriżi oħra produtturi ta’ prodotti semi-manifatturati tar-ram u ta’ liegi tar-ram, hija pparteċipat f’akkordju intiż għall-iffissar tal-prezzijiet, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom u sabiex jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali dwar is-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing.

16      Wara verifiki u investigazzjonijiet, fit-3 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 192, p. 21).

17      Il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessi 458 u 459 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur inkwistjoni kien immanifesta ruħu taħt tliet forom distinti, iżda marbuta. L-ewwel parti tal-kartell tikkonsisti fil-ftehim konklużi bejn il-“produtturi SANCO” ta’ ċertu tip ta’ pajpijiet tar-ram ordinarji (iktar ’il quddiem il-“ftehim SANCO”). It-tieni parti tal-ksur inkwistjoni kien jinkludi l-ftehim konklużi bejn il-“produtturi WICU u Cuprotherm” ta’ pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik (iktar ’il quddiem il-“ftehim WICU u Cuprotherm”). Fl-aħħar nett, it-tielet parti tal-kartell kienet dwar il-ftehim konklużi fi ħdan grupp ikbar ta’ produtturi ta’ pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji (iktar ’il quddiem il-“ftehim Ewropej imsaħħa”.

18      Mill-premessa 216 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Chalkor ipparteċipat fil-kartell tal-“ftehim Ewropej imsaħħa” u li n-numru ta’ parteċipanti f’dan il-grupp kien, oriġinarjament, ta’ ħamsa (iktar ’il quddiem il-“Grupp ta’ ħamsa”). Minn din il-premessa jirriżulta li, wara d-dħul ta’ Chalkor u ta’ tliet impriżi oħra, in-numru ta’ parteċipanti f’dan il-grupp tela’ għal disgħa (iktar ’il quddiem il-“Grupp ta’ disgħa”). Skont il-Kummissjoni, il-membri tal-Grupp ta’ ħamsa u tal-Grupp ta’ disgħa pprovaw jistabbilixxu s-suq tal-pajpjiet tar-ram għall-plumbing ordinarji abbażi tal-ishma tas-suq ta’ sena ta’ referenza sabiex jipprovdu oġġettiv għall-ishma tas-suq futuri. Hija qieset, fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmija membri kienu ftiehmu dwar l-iskambji ta’ informazzjoni sensittiva, it-tqassim tal-ishma tas-suq, is-sorveljanza tal-volum tal-bejgħ, mekkaniżmu ta’ “mexxejja tal-grupp” għal kull suq kif ukoll koordinazzjoni tal-prezzijiet, inkluż listi, l-applikazzjoni ta’ “linji ta’ prezzijiet” u ta’ tnaqqis.

19      F’dak li jikkonċerna t-tul tal-ksur imwettaq minn Chalkor, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 597 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur inkwistjoni kien beda mhux iktar tard mid-29 ta’ Awwissu 1998 u li waqaf f’Settembru 1999.

20      Permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni imponiet multi skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Sabiex tiffissa l-ammont tagħhom, il-Kummissjoni applikat il-metodu stabbilit fil-Linji Gwida.

21      Filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, l-estensjoni tas-suq ġeografiku inkwistjoni u d-daqs tal-imsemmi suq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur gravi ħafna.

22      Il-Kummissjoni identifikat fid-deċiżjoni inkwistjoni erba’ gruppi li hija tqis rappreżentattivi tal-importanza relattiva tal-impriżi fil-ksur inkwistjoni. L-appellanti kienet tagħmel parti mir-raba’ kategorija.

23      Mill-premessa 683 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ishma tas-suq ġew iddeterminati skont id-dħul mill-bejgħ, imwettaq minn kull persuna li wettqet il-ksur, li joriġina mill-bejgħ tal-pajpijiet għall-plumbing fis-suq kumulattiv tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik. Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-premessa 692 ta’ din id-deċiżjoni, l-ishma tas-suq tal-impriżi li ma kinux ibiegħu pajpijiet WICU u Cuprotherm ġew ikkalkolati b’diviżjoni tad-dħul mill-bejgħ tagħhom mill-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji bid-daqs kumulat tas-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u miksijin bil-plastik.

24      Il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont inizjali tal-multa ta’ Chalkor għal EUR 9.8 miljun. Kif għamlet għall-impiżi l-oħra, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa b’10 % għal kull sena sħiħa ta’ ksur u b’5 % għall kull perijodu supplementari ta’ sitt xhur jew iżjed, iżda ta’ inqas minn sena. Peress li Chalkor ipparteċipat fil-kartell matul tnax-il xahar, fir-rigward tagħha kellha tiġi applikata żieda ta’ 10 % tal-ammont inizjali tal-multa tal-EUR 9.8 miljun, jiġifieri total li jammonta għal EUR 10.78 miljun.

25      Skont it-Titolu D tan-Notifika dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni applikat favur Chalkor tnaqqis ta’ 15 % tal-ammont tal-multa. L-ammont definittiv tal-multa kien għalhekk ta’ EUR 9.16 miljun.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

26      Insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti invokat sitt motivi, ibbażati, rispettivament, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tan-natura furzata tal-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell, fuq l-iffissar żbaljat tal-ammont inizjali tal-multa, fuq żieda żbaljata tal-ammont inizjali minħabba t-tul tal-ksur, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, fuq applikazzjoni żbaljata tan-Notifika dwar il-kooperazzjoni u fuq l-ammont sproporzjonat tal-multa.

27      Qabel ma eżaminat il-motivi mqajma mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 61 sa 64 tas-sentenza appellata, il-prinċipji tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.

28      Fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk il-persuna li twettaq ksur li tipparteċipa sempliċement f’parti waħda ta’ akkordju twettaqx ksur inqas gravi, fis-sens tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, minn persuna li twettaq ksur li, fil-kuntest tal-istess akkordju, tipparteċipa fil-partijiet kollha ta’ dan l-akkordju. Issa, din il-kwistjoni hija importanti f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti pparteċipat biss għall-ftehim Ewropej imsaħħa u ma nżammitx responsabbli għaż-żewġ partijiet l-oħra tal-kartell, jiġifieri l-ftehim SANCO kif ukoll il-ftehim WICU u Cuprotherm. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali naqqset il-multa b’10 %.

29      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi l-oħra tar-rikorrenti.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30      Chalkor titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha jew f’parti sa fejn din ċaħdet it-talba tagħha għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuqha jew tordna kwalunkwe miżura oħra li tkun xierqa, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inkluż l-ispejjeż relatati mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

32      Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’laqgħa ġenerali, iddeċidiet li din il-kawża għandha tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet u s-sottomissjonijiet għandhom jinstemgħu fl-istess jum tal-kawża KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C-389/10 P), dwar l-istess akkordju. Madankollu, peress li l-appellanti qajmet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti Ġenerali għamlet stħarriġ ġuridiku limitat, aggravju li l-appellanti kienu qajmu wkoll kemm f’din il-kawża kif ukoll fil-kawża KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P), li s-sottomissjonijiet instemgħu qabel, u dwar akkordju parallel dwar is-suq tat-tubi industrijali tar-ram, il-partijiet ġew mistiedna jieħdu inkunsiderazzjoni, matul is-seduta tas-sottomissjonijiet, il-konklużjonijiet ippreżentati fl-10 ta’ Frar 2011 mill-Avukat Ġenerali Sharpston f’din l-aħħar kawża.

 Fuq l-appell

33      Chalkor tqajjem erba’ aggravji, ibbażati rispettivament, fuq stħarriġ ġudizzjarju żbaljat, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, natura irrazzjonali u arbitrarja tar-reviżjoni tal-multa li tat il-Qorti Ġenerali u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni li tippermetti li tiġi ġġustifikata l-multa imposta fuqha.

 Fuq l-ewwel u t-tieni aggravji, ibbażati rispettivament fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali wettqet stħarriġ ġudizzjarju limitat u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

 L-argumenti tal-partijiet

34      Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika l-metodu segwit mill-Qorti Ġenerali sabiex tistħarreġ jekk il-multa imposta fuqha kinitx xierqa, ġusta u proporzjonata għall-gravità u t-tul tal-aġir illegali li kienet akkużata bih. Permezz tat-tieni aggravju, hija takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-differenzi li jiddistingwu l-aġir tagħha minn dak tal-Grupp ta’ ħamsa u, konsegwentement, li ma individwalizzatx biżżejjed is-sanzjoni. Peress li dawn iż-żewġ aggravji jikkonċernaw l-isħarriġ tas-sanzjoni mill-Qorti Ġenerali, jaqbel li jiġu eżaminati flimkien.

35      L-ewwel nett l-appellanti tikkontesta l-metodu ta’ stħarriġ deskritt mill-Qorti Ġenerali fil-punti 61 sa 64 tas-sentenza kkontestata. Dawn il-punti huma fformulati kif ġej:

“61      Il-Qorti Ġenerali għandha għalhekk tivverifika, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-multi imposti permezz tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-Kummissjoni eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-metodu stipulat fil-linji gwida u, jekk tali qorti tikkonstata li l-Kummissjoni tbiegħdet minnu, hija għandha tivverifika jekk tali tbegħid huwiex iġġustifikat u mmotivat b’mod suffiċjenti skont il-liġi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-validità, minn naħa, tal-prinċipju nnifsu tal-linji gwida u, min-naħa l-oħra, tal-metodu indikat fihom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 252 sa 255, 266 sa 267, 312 u 313).

62      L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida fil-fatt ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni. Il-linji gwida fihom elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha inkonformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, [iċċitata iktar ’il fuq], punt 267).

63      Għaldaqstant, fl-oqsma fejn il-Kummissjoni żammet marġni ta’ diskrezzjoni, bħal pereżempju f’dak li jikkonċerna r-rata ta’ żieda minħabba t-tul, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T-241/01, Ġabra p. II-2917, punti 64 u 79).

64      Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet fir-rigward tagħha, bħala regola, ma jippreġudikawx l-eżerċizzju, mill-qorti, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II-2501, punt 538), li jippermettilha tannulla, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C-3/06 P, Ġabra p. I-1331, punti 60 sa 62 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il-Kummissjoni, T-368/00, Ġabra p. II-4491, punt 181).”

36      Abbażi ta’ rapport redatt minn F. Jacobs u anness mal-appell, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma użatx il-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, iżda llimitat ruħha sabiex tivverifika li l-Kummissjoni kienet applikat il-Linji Gwida. Hija tikkritika b’mod partikolari l-punt 177 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tagħha minħabba li indirettament huma intiżi sabiex jikkontestaw is-sistema ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi stabbilita mil-Linji Gwida. Issa, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta mil-Linji Gwida, iżda għandha l-obbligu li tivverifika hi stess jekk il-multa hijiex ta’ natura proporzjonata għall-gravità tal-aġir illegali.

37      L-obbligu ta’ stħarriġ fil-fond huwa rrafforzat mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u mill-Artikolu 261 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 47 u 49 tal-Karta. Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta, l-Artikolu 47 ta’ din tal-aħħar jimplementa fid-dritt tal-Unjoni l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). L-appellanti ssostni f’dan ir-rigward li l-proċeduri fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni huma proċeduri ta’ natura kriminali fis-sens tal-KEDB. Konsegwentement, peress li l-Kummissjoni hija organu amministrattiv, u mhux “tribunal indipendenti u imparzjali”, il-Qorti Ġenerali għandha, meta jkollha quddiemha rikors, tagħmel stħarriġ ġudizzjarju komplet tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kemm fil-fatt kif ukoll fil-liġi, jiġifieri għandha teżamina ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u tiddeċiedi dwar l-elementi kollha ta’ fatt abbażi ta’ evalwazzjoni proprja tagħha indipendenti.

38      L-appellanti tikkunsidra li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx stħarriġ ġudizzjarju adegwat u li, b’mod partikolari, ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tul qasir tal-ksur u tal-irtirar volontarju tagħha mill-akkordju qabel mal-Kummissjoni bdiet l-investigazzjonijiet tagħha. Hija tikkritika wkoll il-punti 143 sa 145 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li għandha l-Kummissjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tar-rata ta’ żieda li jkollha l-intenzjoni li tapplika skont it-tul tal-ksur. Hija tqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta llimitat l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha għal sempliċi stħarriġ tal-legalità.

39      Fil-kuntest tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni li l-kwalità tagħha kienet ta’ vittma u mhux ta’ dik li bdiet il-ksur. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ttrattatha bl-istess mod bħall-impriżi l-oħra, billi ħadet inkunsiderazzjoni biss il-volum tal-bejgħ u mhux ir-responsabbiltà tal-appellanti. Bl-istess mod, hija ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, tal-volum tal-bejgħ fil-Greċja meta dan it-territorju manifestament ma kienx ikkonċernat mill-aġir illegali.

40      Matul is-seduta, l-appellanti kkunsidrat li l-argument ibbażat fuq in-natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB, tal-proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni ma kienx rilevanti f’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju, peress li dan għandu josserva l-istess kriterji, kemm jekk il-proċeduri jkunu kkunsidrati li jifformaw parti mill-qalba tad-dritt kriminali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem jew jekk jaqgħu taħt id-dritt amministrattiv, kif issostni l-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, il-kwalifika ta’ “proċeduri kriminali” hija importanti sabiex jiġu evalwati l-proċedimenti quddiem il-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 6 tal-KEDB. L-appellanti fformulat f’dan ir-rigward diversi kritiki.

41      Matul is-seduta wkoll, l-appellanti kkritikat l-inkoerenza tal-Qorti Ġenerali fl-istħarriġ tagħha fil-kawżi dwar kompetizzjoni. F’uħud minn dawn is-sentenzi, bħas-sentenzi tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2003, Ventouris vs Il-Kummissjoni (T‑59/99, Ġabra p. II‑5257), kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni (T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181), il-Qorti Ġenerali għamlet stħarriġ ġudizzjarju fil-fond filwaqt li f’kawżi oħra, bħal f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni u użat il-kriterju tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

42      Filwaqt li tirreferi għall-iżball ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ftehim kollha, din issostni li l-Qorti Ġenerali kellha tkun iktar attenta fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-adegwatezza tal-multa għall-gravità tal-ksur.

43      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-kunċett ta’ “ġurisdizzjoni sħiħa” għall-finijiet tal-KEDB ma huwiex identiku għall-kunċett ta’ “ġurisdizzjoni sħiħa” attribwit lill-qrati tal-Unjoni mit-Trattat FUE u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għall-finijiet tal-KEDB, organu ta’ “ġurisdizzjoni sħiħa” huwa dik l-entità li għandha s-setgħa li “tirriforma, fil-punti kollha, fil-fatt kif ukoll fil-liġi, id-deċiżjoni meħuda”. Dan huwa l-każ tal-Qorti Ġenerali. Il-ġurisdizzjoni sħiħa fil-qasam ta’ multi mogħtija mit-trattat u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni lill-Qorti Ġenerali, li tippermettilha li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-multa ma’ dik tal-Kummissjoni, tmur lil’hinn minn dak li huwa neċessajru għall-osservanza tal-KEDB, peress li din teħtieġ biss li l-qorti tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ żbalji fattwali. L-aggravju tal-appellanti, li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma tistax tillimita ruħha għall-istħarriġ tal-legalità iżda għandha l-obbligu li tistħarreġ il-proporzjonalità tal-multa, ma jikkorrispondix għalhekk għall-kriterju adottat mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

44      Il-Kummissjoni tirrispondi fl-aħħar nett għad-diversi kritiki puntwali tas-sentenza appellata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45      L-appellanti jinvokaw l-Artikolu 6 tal-KEDB kif ukoll il-Karta sabiex jikkontestaw, minn naħa, il-prinċipji tal-istħarriġ ġudizzjajru, u b’mod iktar partikolari l-mod kif il-Qorti Ġenerali ddikjarat li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-mod kif il-Qorti Ġenerali eżerċitat l-istħarriġ tagħha f’din il-kawża.

46      Meta tkun qed tiddeċiedi appell, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tistħarreġ jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji ta’ liġi fil-mod kif iddeċidiet dwar ir-rikors li kellha quddiemha.

47      Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali eżerċitatx, f’din il-kawża, l-istħarriġ li għandha l-obbligu li tagħmel, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni d-deskrizzjoni astratta u deklaratorja tal-istħarriġ ġudizzjajru li saret fil-punti 61 sa 64 tas-sentenza appellata, peress li din id-deskrizzjoni ma tikkostitwixxix risposta għall-motivi invokati mill-appellanti fir-rikors tagħha u jirriżulta li ma hijiex il-bażi neċessarja tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

48      Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ koerenza tal-Qorti Ġenerali fl-istħarriġ li tagħmel fil-kawżi ta’ kompetizzjoni huwa rrilevanti. Dak li effettivament huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja minn dan l-appell hija s-sentenza appellata u mhux il-ġurisprudenza kollha tal-Qorti Ġenerali.

49      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tagħmel stħarriġ sħiħ ex officio tas-sentenza appellata, iżda għandha tirrispondi għall-aggravji mqajma mill-appellanti.

50      L-appellanti kkunsidrat, waqt is-seduta, li l-argument ibbażat fuq in-natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB, tal-proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni ma hijiex rilevanti f’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju, peress li dan għandu jirrispetta l-istess kriterji, kemm jekk il-proċeduri jkunu kkunsidrati l-qalba tad-dritt kriminali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem jew jekk jaqgħu taħt id-dritt amministrattiv.

51      Barra minn hekk, kif tirrileva l-appellanti fl-appell tagħha, l-Artikolu 47 tal-Karta jimplementa fid-dritt tal-Unjoni l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Għalhekk, hemm lok li jsir riferiment sempliċement għal din l-ewwel dispożizzjoni.

52      Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, Ġabra p. I13849, punti 30 u 31; digriet tal-1 ta’ Marzu 2011, Chartry, C‑457/09, Ġabra p. I‑0819, punt 25, kif ukoll is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C‑69/10, Ġabra p. I‑0000, punt 49).

53      L-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet ġie rregolat mit-trattati fundaturi. Minbarra l-istħarriġ tal-legalità, previst attwalment fl-Artikolu 263 TFUE, ġie previst stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa għal dak li jikkonċerna s-sanzjonijiet previsti minn regolamenti.

54      Fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm, fil-każijiet li jwasslu għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 39, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C-525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punti 56 u 57).

55      Għal dak li jikkonċerna s-sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi li, sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu. L-istess test jinsab fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003.

56      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għall-iffissar tal-ammont tal-multi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u tal-elementi kollha ta’ natura tali li jistgħu jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tagħhom, bħall-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kellha kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-profitt li setgħu ħadu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-Komunità Ewropea (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 129; Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 242, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 96).

57      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-aġir antikompetittiv, in-numru tagħhom u l-intensità tagħhom, l-estensjoni tas-suq affettwat u d-deterjorazzjoni subita mill-ordni pubbliku ekonomiku. L-analiżi għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva u s-sehem tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll eventwali reċidiva (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 91).

58      Dan in-numru kbir ta’ elementi jimponi fuq il-Kummissjoni eżami fil-fond taċ-ċirkustanzi tal-ksur.

59      Fl-interess tat-trasparenza, il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida, fejn indikat fuq liema bażi se tikkunsidra tali jew tali ċirkustanza tal-ksur u l-konsegwenzi li jistgħu jinsiltu minnhom fuq l-ammont tal-multa.

60      Il-Linji Gwida, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi adottata u li l-amministrazzjoni ma tistax taħrab minnhom, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006 Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91), sempliċement jiddeskrivu l-metodu ta’ eżami tal-ksur li ssegwi l-Kummissjoni u l-kriterji li din tobbliga ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa.

61      Għandu jitfakkar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni. F’dan il-każ, dan l-obbligu jerġa’ għandu importanza partikolari. Hija l-Kummissjoni li għandha timmotiva d-deċiżjoni tagħha u, b’mod partikolari li tispjega r-riflessjoni u l-evalwazzjoni li tkun għamlet tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 87). Il-preżenza ta’ motivazzjoni għandha tiġi vverifikata ex officio mill-qorti.

62      Barra minn hekk, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel l-istħarriġ tal-legalità abbażi tal-provi mressqa mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati. Waqt dan l-istħarriġ, il-qorti ma tistax tistrieħ fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni la f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-Linji Gwida u lanqas f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex tirrinunzja li teżerċita stħarriġ fil-fond kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt.

63      L-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li kienet rikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u li issa hija rikonoxxuta mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il-kompetenza tagħti s-setgħa lill-qorti, apparti mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 692).

64      Għaldaqstant huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju tal-kontradittorju. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha tqajjem ex officio, bħan-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u li għandu jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi.

65      Din l-eżiġenza ta’ natura proċedurali ma tmurx kontra r-regola li tgħid li, fir-rigward tal-ksur tal-regoli tal-kompetizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tagħti l-provi tal-ksur li tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi tagħha sabiex turi, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur. Dak li fil-fatt huwa mitlub minn rikorrent fil-kuntest ta’ rikors ġuridiku, huwa li jiġu identifikati l-elementi kkontestati tad-deċiżjoni kkontestata, li jifformula lmenti f’dan ir-rigward u li jipproduċi provi, li jistgħu jkunu indizji serji li juru li l-ilmenti tiegħu huma fondati.

66      In-nuqqas ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni appellata kollha kemm hi ma jiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ma huwiex indispensabbli għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju li l-Qorti Ġenerali, li ċertament għandha l-obbligu li tirrispondi għall-motivi mqajma u li teżerċita stħarriġ kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt, għandha tagħmel, ex officio, investigazzjoni kompletament ġdida tal-każ.

67      L-istħarriġ previst mit-trattati jimplika għalhekk li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt u li għandha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li temenda l-ammont tal-multi. Għalhekk ma jidhirx li l-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-ammont tal-multa, previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, huwa kuntrarju għall-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva li tinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta.

68      F’dan il-każ huwa importanti li jiġu eżaminati d-diversi kritiki fformulati mill-appellanti fir-rigward tas-sentenza appellata.

69      Fl-ewwel lok, l-appellanti tikkritika l-punt 177 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tagħha minħabba li kienu intiżi sabiex indirettament jikkontestaw is-sistema ta’ kalkolu tal-ammonti tal-multi stabbilita mil-Linji Gwida. Issa, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta mil-Linji Gwida, iżda għandha l-obbligu li tivverifika hija stess jekk il-multa hijiex ta’ natura proporzjonata għall-gravità tal-aġir illegali.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 175 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet wieħed mill-ilmenti tal-appellanti b’riferiment għal spjegazzjoni tal-Kummissjoni mhux ikkontestata mill-appellanti. Fil-punt 176 ta’ din is-sentenza, hija rrilevat li, anki fl-ipoteżi fejn ir-rikorrenti tista’ targumenta li l-ammont tal-multa imposta fuqha hija tali li ddgħajjef il-kompetittività tagħha sabiex turi n-natura sproporzjonata tagħha, għandu jiġi kkonstatat li ma pproduċietx biżżejjed provi konkreti f’dan ir-rigward. Kif tfakkar fil-punti 64 sa 66 ta’ din is-sentenza, bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku, il-Qorti Ġenerali għandha l-obbligu mhux li tistħarreġ ex officio deċiżjoni tal-Kummissjoni, iżda li tiddeċiedi dwar il-motivi ta’ illegalità mressqa quddiemha minn rikorrent. F’dan il-każ l-appellanti ma tistax takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma ddeċidietx dwar motivi li ma tressqux quddiemha jew li ma kinux ikkonkretizzati fi kritika u provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali li teżerċita stħarriġ effettiv tad-deċiżjoni kkontestata.

71      Fi kwalunkwe każ, fil-punt 178 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma wettqet żball fir-raġunament, uriet li r-rikorrenti ipprovat tikkontesta mill-ġdid l-iffissar tal-ammont tal-multa skont it-tul tal-ksur. Fil-punt 179 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, ġustament, ċaħdet il-kritika tar-rikorrenti li tgħid li, fid-dawl taż-żieda tal-multa b’10 % għal kull sena ta’ parteċipazzjoni għall-ksur, ir-rata tal-multa fix-xahar tonqos iktar kemm l-impriża tkun ilha tipparteċipa, filwaqt li fakkret li l-Linji Gwida huma limitu mill-Kummissjoni fuqha stess. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tul tal-ksur huwa msemmi bħala tali mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ammont tal-multi u li, fin-nuqqas ta’ kriterju definit mil-leġiżlatur, il-Linji Gwida jippermettu li tiġi ppreċiżata l-influwenza ta’ dan l-element fil-kalkolu tal-multa.

72      Fit-tieni lok, l-appellanti tikkritika l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tul qasir tal-ksur li wettqet. Madankollu, tali kritika hija bbażata fuq il-premessa li tgħid li t-tul tal-ksur kien inferjuri għat-tul meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 129 u 130 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza li tippreċiża l-elementi li jikkostitwixxu l-ksur. Fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza, hija stħarrġet fil-punti 131 sa 133 ta’ din is-sentenza, meta kien beda l-perijodu ta’ ksur u, fil-punti 134 sa 135 tal-imsemmija sentenza, meta ntemm. Wara li kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, hija ċaħdet dan il-motiv.

73      Fl-appell tagħha, l-appellanti ma tikkontestax din l-evalwazzjoni tal-fatti, konstatazzjoni li hija fi kwalunkwe każ inammissibbli peress li l-evalwazzjoni tal-fatti ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-kritika dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-ksur hija bbażata fuq premessa żbaljata u għandha tiġi miċħuda.

74      Fit-tielet lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-irtirar volontarju tagħha mill-akkordju qabel ma l-Kummissjoni bdiet l-investigazzjonijiet tagħha. Madankollu, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 151 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tnaqqas multa għal waqfien ta’ ksur li jkun diġà ntemm qabel id-data tal-ewwel interventi ta’ din l-istituzzjoni u, fil-punt 152 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-irtirar volontarju ta’ Chalkor mill-akkordju kien ittieħed biżżejjed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-tul tal-perijodu tal-ksur ikkunsidrat fil-konfronti tagħha. Minn dan isegwi li l-kritika tal-appellanti hija infondata.

75      Fir-raba’ lok, l-appellanti tikkritika l-punti 143 sa 145 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tar-rata ta’ żieda li għandha l-intenzjoni li tapplika skont it-tul tal-ksur. Hija tqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta llimitat l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha għal sempliċi stħarriġ tal-konformità mal-Linji Gwida tar-rata ta’ żieda tal-multa minħabba t-tul tal-ksur.

76      F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-ammont tal-multi u mfakkra fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza. In-numru kbir ta’ elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jagħti neċessarjament lill-Kummissjoni possibbiltajiet differenti fl-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi, il-kunsiderazzjoni u l-evalwazzjoni tagħhom sabiex il-ksur jiġi ssanzjonat b’mod adegwat. Madankollu, hija tibqa’ suġġetta għal ċerti obbligi.

77      Għandu jitfakkar, kif diġà ntqal fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li t-tul tal-ksur huwa msemmi bħala tali mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ammont tal-multi u li, fin-nuqqas ta’ kriterju ddefinit mil-leġiżlatur, il-Linji Gwida jippermettu li tiġi ppreċiżata l-influwenza ta’ dan l-element fil-kalkolu tal-multa. Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta stħarrġet il-konformità tal-kalkolu tal-Kummissjoni mal-Linji Gwida.

78      Fi kwalunkwe każ, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha għall-istħarriġ ta’ konformità mal-Linji Gwida, iżda stħarrġet hi stess, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, l-adegwatezza tas-sanzjoni.

79      Fil-ħames lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kwalità tagħha ta’ vittma, iżda ttrattata bl-istess mod bħall-impriżi l-oħra, fejn ħadet inkunsiderazzjoni biss il-volum tal-bejgħ u mhux ir-responsabbiltà tagħha. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza li tgħid li l-pressjonijiet eżerċitati fuq impriża ma jeħilsux lil din tal-aħħar mir-responsabbiltà tagħha fil-parteċipazzjoni fi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 369 u 370; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, KE KELIT vs Il-Kummissjoni, T‑17/99, Ġabra p. II‑1647, punt 50, u tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il-Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 63). Minn dan isegwi li din il-kritika hija bbażata fuq premessa żbaljata, jiġifieri li l-appellanti hija vittma u mhux parteċipanti responsabbli għall-ksur.

80      Fis-sitt lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Qorti Ġenerali peress li b’mod żbaljat, ħadet inkunsiderazzjoni l-volum ta’ bejgħ fil-Greċja meta dan it-territorju kien manifestament mhux ikkonċernat mill-aġir li jikkostitwixxi ksur. Għaldaqstant din il-kritika hija bbażata fuq premessa żbaljata sa fejn teskludi l-Greċja mit-territorju msemmi fl-akkordju. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti ma kkontestatx il-konklużjoni tal-Kummissjoni, espressa fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li t-territorju fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kien jikkostitwixxi s-suq ġeografiku rilevanti affettwat mill-kartell, territorju li l-Greċja tagħmel parti minnu.

81      Fi kwalunkwe każ, mill-affermazzjonijiet stess tar-rikorrenti, kif imqassra fil-punt 117 tas-sentenza appellata, din ipparteċipat fil-kartell minħabba biża’ ta’ ritaljazzjoni, jiġifieri dumping, mill-Grupp ta’ ħamsa fuq is-suq Grieg. Tali diskors huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell kienet immotivata mill-ħsieb li tiġi protetta mill-kompetizzjoni fis-suq Grieg. Għalhekk il-kritika hija infondata.

82      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-kritiki tal-appellanti huma infondati. Anki jekk, diversi drabi, b’mod partikolari fil-punti 62, 63 jew 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-“marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali” jew għall-“marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa” tal-Kummissjoni, tali kliem ma fixkilx lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ sħiħ u komplet, kemm fil-liġi kif ukoll fil-fatt, kif hija obbligata tagħmel.

83      Għaldaqstant l-ewwel u t-tieni aggravji għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet u r-raba’ aggravji, ibbażati rispettivament fuq in-natura irrazzjonali u arbitrarja tar-reviżjoni tal-multa imposta fuq Chalkor u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni xierqa tas-sentenza appellata f’dan ir-rigward

 L-argumenti tal-partijiet

84      Dawn iż-żewġ aggravji jikkonċernaw il-punti 105 sa 113 u 182 sa 184 tas-sentenza appellata. Jaqbel li jiġu eżaminati flimkien.

85      Il-punti 105 sa 113 tas-sentenza appellata huma fformulati kif ġej:

“105      [...]il-Qorti Ġenerali tqis, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, illi l-ammont inizjali użat mill-Kummissjoni huwa xieraq meta mqabbel mal-gravità li kienu jirrapreżentaw it-tliet partijiet tal-kartell flimkien u li kien hemm lok li l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq Chalkor jitnaqqas sabiex jiġi kkunsidrat il-fatt illi l-Kummissjoni kienet sabet lil din l-impriża responsabbli biss għall-parteċipazzjoni tagħha fit-tielet parti tal-kartell

106      Barra minn hekk, l-argumenti tal-Kummissjoni esposti fil-punti 83 u 84 iktar ’il fuq għandhom jiġu skartati peress illi jistgħu jinftehmu illi n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim SANCO kien ġie rifless b’mod suffiċjenti fl-ammont inizjali speċifiku tal-multa imposta fuqha. Dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li s-sehem tas-suq ta’ Chalkor, li ma kinitx tbiegħ pajpijiet SANCO, kien ġie kkalkolat abbażi tat-total tad-dħul mill-bejgħ tal-produtturi tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, inkluż il-bejgħ tal-pajpijiet SANCO.

107      Il-ftehim SANCO u l-ftehim Ewropej imsaħħa kienu jirrigwardaw l-istess suq rilevanti, jiġifieri dak tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, anki fin-nuqqas tal-ftehim SANCO, kellha tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ tal-pajpijiet SANCO sabiex tikkalkola s-sehem tas-suq tar-rikorrenti fis-suq rilevanti.

108      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ftehim WICU u Cuprotherm, is-sitwazzjoni hija differenti. Dawn il-ftehim kienu jirrigwardaw prodotti li ma setgħux jiġu sostitwiti bil-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji. Fil-fatt, mill-premessa 459 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik jikkostitwixxu swieq rilevanti distinti.

109      Għaldaqstant, bil-kalkolu tas-sehem tas-suq tar-rikorrenti, li kienet attiva fis-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, skont id-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u skont dak magħmul fis-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik, ir-rikorrenti effettivament ingħatat sehem tas-suq iżgħar, u għaldaqstant, ammont inizjali speċifiku inqas minn dak li kien jiġi iffissat li kieku s-sehem tas-suq tagħha kien ġie kkalkolat biss skont id-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq li fih hija effettivament ipparteċipat fil-kartell.

110      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-fatt li l-kooperazzjoni fi ħdan il-Grupp ta’ ħamsa kienet iktar intensa minn dik eżistenti fi ħdan il-Grupp ta’ disgħa kienx jiġġustifika trattament differenzjat fil-livell tal-multi, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

111      Il-Grupp ta’ ħamsa u l-Grupp ta’ disgħa operaw it-tnejn fil-kuntest tat-tielet parti tal-kartell, li għaliha r-rikorrenti hija miżmuma responsabbli. Fil-premessa 690 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat illi l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx parti mill-Grupp ta’ ħamsa kien dovut għad-daqs tagħha. Ir-rikorrenti ma kkontestatx din il-konstatazzjoni.

112      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għandhiex tiġi kkritikata illi kkonkludiet illi l-gravità tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim Ewropej imsaħħa kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni b’mod xieraq bit-tqassim tal-kategoriji tal-persuni li wettqu ksur li l-Kummissjoni għamlet abbażi tal-ishma tagħhom tas-suq.

113      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jinbidel biss l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti sabiex jirrifletti n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim SANCO. Il-konsegwenzi konkreti ta’ din il-bidla ser jiġu spjegati fil-punti 183 sa 186 iktar ’il quddiem.”

86      Il-punti 182 sa 184 tas-sentenza appellata huma fformulati kif ġej:

“182      [...]id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi emendata, inkwantu l-Kummissjoni, meta ffissat l-ammont tal-multa, ma kkunsidratx illi r-rikorrenti ma pparteċipatx fil-ftehim SANCO.

183      Dwar il-kumplament, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni kif esposti fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-metodu tal-kalkolu tal-multi applikat f’din il-kawża, jibqgħu l-istess. L-ammont finali tal-multa huwa għalhekk ikkalkolat kif ġej

184      L-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa mnaqqas b’10 % sabiex tiġi kkunsidrata l-gravità inqas serja tal-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell meta mqabbla ma’ dik tal-“produtturi SANCO”. L-ammont inizjali l-ġdid tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għalhekk huwa ffissat bħala EUR 8.82 miljun.”

87      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, ġustament, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 104 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-fatt li, b’differenza mill-grupp magħmul minn KME Germany AG, li kienet KM Europa Metal AG, KME France SAS, li kienet Tréfimétaux SA, kif ukoll KME Italy SpA, li kienet Europa Metalli SpA, Wieland-Werke AG u mill-grupp magħmul minn Boliden AB, Outokumpu Copper Fabrication AB, li kienet Boliden Fabrication AB, u Outokumpu Copper BCZ SA, li kienet Boliden Cuivre & Zinc SA, l-appellanti kienet ipparteċipat biss għal parti waħda tal-kartell. Madankollu, b’mod arbitrarju, naqqset il-multa ta’ 10 % meta tali tnaqqis kien jidher wisq modest sabiex jirrifletti ċ-ċirkustanzi distinti u, essenzjalment, mhux ikkontestati, li kienet tinsab fihom Chalkor.

88      Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ma segwietx approċċ ta’ prinċipju sabiex tirrevedi l-ammont tal-multa, bħal pereżempju tibbaża t-tnaqqis fuq il-parti tal-bejgħ tal-pajpijiet SANCO fuq is-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, jiġifieri tnaqqis tal-multa ta’ 49 % jew ta’ 37 % skont is-suq meħud inkunsiderazzjoni, jew tnaqqas il-multa sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-inklużjoni żbaljata tad-dħul mill-bejgħ imwettaq fil-Greċja fil-bażi tal-kalkolu tal-multa. Minflok għamlet dan, hija llimitat ruħha sabiex tappoġġa l-approċċ matematiku rrakkomandat mill-Kummissjoni u sabiex tnaqqas il-multa b’mod arbitrarju, mingħajr ma segwiet approċċ ibbażat fuq prinċipji matematikament koerenti.

89      L-appellanti tqabbel din id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma’ dik adottata minn din tal-aħħar fis-sentenza Ventouris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. L-istess raġunijiet ta’ ekwità u ta’ proporzjonalità bħal dawk imsemmija fil-punt 219 ta’ din is-sentenza kellhom iwasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas il-multa b’49 %, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-esklużjoni tas-swieq SANCO kif ukoll WICU u Cuprotherm mis-suq iktar wiesa’ tal-pajpijiet tar-ram, jew b’37 %, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-esklużjoni tas-suq SANCO mis-suq iktar limitat tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing tar-ram ordinarji.

90      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma mmotivatx korrettament is-sentenza appellata. Hija naqqset b’10 % l-ammont inizjali tal-multa sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità inqas serja tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kartell meta mqabbla mal-“produtturi SANCO”, iżda ma tat l-ebda indikazzjoni li tippermetti li jinftiehem għal liema raġunijiet ikkunsidrat li tnaqqis ta’ 10 % kien ta’ natura li jsolvi l-problema. Sakemm ma tkunx naqset milli tippreċiża tal-anqas wieħed mill-kriterji li hija bbażata fuqhom, il-Qorti Ġenerali ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina jekk is-sentenza appellata hijiex kuntrarja jew le għall-prinċipju ta’ proporzjonalità u jekk il-multa kif ġiet stabbilita mill-Qorti Ġenerali tirriflettix b’mod adegwat il-gravità tal-parteċipazzjoni ta’ Chalkor fil-ksur.

91      Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-aggravji huma inammissibbli, sa fejn l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni mill-ġdid tal-ammont tal-multa, li ma jaqax taħt il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

92      Sussidjarjament, hija ssostni li, permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti llimitat ruħha sabiex tikkritika s-sentenza appellata, mingħajr madankollu ma tippreċiża l-bażi ġuridika li fuqha l-Qorti Ġenerali kellha tieħu deċiżjoni differenti. B’risposta għar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li partijiet mis-sentenza appellata minbarra dawk imsemmija mill-appellanti jispjegaw għalfejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ċerti argumenti invokati minn din sabiex tikkontesta l-ammont tat-tnaqqis tal-multa.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

93      Qabel xejn għandu jsir riferiment għall-punti 80 u 81 ta’ din is-sentenza għal dak li jikkonċerna l-bejgħ fil-Greċja.

94      Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali mmotivat id-deċiżjoni tagħha li tibdel l-ammont tal-multa fil-punti 105 sa 113 u 183 tas-sentenza appellata. Qabel xejn hija enfasizzat, fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, li l-metodu tal-kalkolu tas-sehem tas-suq tar-rikorrenti kien favorevoli għaliha, peress li kien ġie kkalkolat billi ġie diviż id-dħul mill-bejgħ tagħha b’ammont li jirrappreżenta d-dħul mill-bejgħ imwettaq fis-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u dak imwettaq fis-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik, filwaqt li ma ġiet akkużata bl-ebda parteċipazzjoni fil-ftehim WICU u Cuprotherm, dwar il-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik.

95      Barra minn hekk, hija rrilevat fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt, ikkonstatat fil-premessa 692 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-Grupp ta’ ħamsa kienet dovuta għad-daqs tagħha. Hija rrispondiet hekk għall-argument tal-appellanti, imqassar fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-kooperazzjoni kienet inqas intensa bejn il-membri tal-Grupp ta’ disgħa milli bejn il-Grupp ta’ ħamsa, u approvat, permezz tar-riferiment għall-premessa 690 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-akkordju ma kinitx kwalitattivament jew kwantitattivament differenti minn dik ta’ persuni oħra li wettqu ksur.

96      Fil-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali approvat il-prinċipju tal-miżura tal-gravità tal-ksur, bit-tqassim f’kategoriji tal-persuni li wettqu ksur magħmul skont is-sehem tagħhom tas-suq. Hija rrepetiet l-approvazzjoni globali tagħha tal-metodu tal-kalkolu tal-multi fil-punt 183 ta’ dik is-sentenza.

97      Tali motivazzjoni tistabbilixxi biżżejjed għall-finijiet tal-liġi l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata għall-għażla li tnaqqas il-multa b’ammont f’daqqa fid-dawl tal-impossibbiltà li tiżen bi preċiżjoni l-piż ta’ kull element, fejn uħud huma favur l-appellanti u oħrajn kontrieha.

98      Barra minn hekk, l-appellanti ma tistax turi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi tibbaża ruħha unikament fuq dħul mill-bejgħ li jeskludi l-ftehim SANCO kif ukoll WICU u Cuprotherm jew unikament il-ftehim SANCO. Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-dħul mill-bejgħ tas-suq kopert minn akkordju huwa biss wieħed mid-diversi elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tas-sanzjoni.

99      Fir-rigward tal-paragun mal-metodu użat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Ventouris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Kummissjoni kienet issanzjonat lil Ventouris Group Enterprises SA għal żewġ ksur meta fil-fatt kienet wettqet wieħed biss, filwaqt li, f’din il-kawża, l-appellanti pparteċipat biss f’parti minn ksur kumpless, iżda uniku. Barra minn hekk, mill-punt 221 tas-sentenza Ventouris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bidlet l-ammont tal-multa filwaqt li rrispettat l-ispirtu tad-deċiżjoni kkontestata u l-metodu użat mill-Kummissjoni għall-iffissar tal-multa. Dan huwa preċiżament dak li għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, meta approvat il-metodi ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-kalkolu tal-multa mill-Kummissjoni fil-punti 112 u 183 ta’ din is-sentenza.

100    Minn dan isegwi li l-ebda argument li jippermetti li tiġi kkontestata l-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma jista’ jiġi dedott minn dan il-paragun mas-sentenza Ventouris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, anki jekk hija rilevanti minkejja l-fatt li din l-aħħar sentenza tikkonċerna kawża distinta, fejn ir-rikorrent ifformula motivi differenti minn dawk imqajma f’din il-kawża, u li wasslet għal dibattitu kontradittorju li Chalkor ma kinitx tagħmel parti minnu.

101    Sa fejn l-appellanti tikkontesta l-ekwità tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkunsidrat li deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li hija unikament ibbażata fuq l-ekwità ma tistax fi kwalunkwe każ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

102    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, it-tielet u r-raba’ aggravji huma infondati.

103    Konsegwentement, l-ebda wieħed mill-aggravji invokati minn Chalkor insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’ u, għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

104    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Chalkor tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tal-ewwel istanza, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Chalkor AE Epexergasias Metallon hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.