Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-416/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-F. Brakeland, aġent, W. Roels, aġent)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

tikkonstata li, billi żammet l-effetti tad-dispożizzjonijiet intiżi għall-eliminazzjoni tat-taxxa doppja ekonomika tad-dividendi li tippermetti lil kumpannija omm li tnaqqas mit-taxxa, li hija suġġetta għaliha matul it-tqassim mill-ġdid lill-azzjonijisti tagħha ta’ dividendi mħallsa mis-sussidjarji tagħha, il-vantaġġ fiskali mehmuż mat-tqassim ta’ dawn id-dividendi jekk dan ikun ġej minn sussidjarja stabbilita fi Franza, iżda ma toffrix tali possibbiltà jekk dawn id-dividendi ġejjin minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, peress li din il-leġiżlazzjoni ma tagħtix id-dritt, f’dan l-aħħar każ, ta’ vantaġġ fiskali marbut mat-tqassim ta’ dawn id-dividendi minn din is-sussidjarja sal-punt li, skont il-ġurisprudenza tal-Conseil d’État (kunsill tal-istat), intlaqgħu talbiet għal rimbors ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-310/09 Accor 1 li hija suġġetta għat-tliet restrizzjonijiet li ġejjin:

-    id-dritt għar-rimbors tat-taxxa imħallsa illegalment huwa ristrett mir-rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa imposta fuq is-sottosussidjarji stabbiliti barra minn Franza;

-    id-dritt għar-rimbors tat-taxxa imħallsa illegalment huwa ristrett minn rekwiżiti sproporzjonati f’dak li jikkonċerna l-prova;

-    id-dritt għar-rimbors tat-taxxa imħallsa illegalment huwa ristrett mil-limitazzjoni tal-vantaġġ fiskali għal terz tal-ammont tad-dividendi mqassma fi Franza li ġej minn sussidjarja stabbilita barra minn Franza, u filwaqt li l-Conseil d’État, qorti amministrattiva li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, stabbilit dawn ir-restrizzjonijiet mingħajr ma’ tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għad-determinazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ dawn ir-restrizzjonijiet mad-dritt tal-Unjoni,

ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, u taħt l-Artikolu 49, l-Artikolu 63 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

tikkundanna lil Ir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni Ewropea tilmenta li Franza, permezz tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Conseil d’État (kunsill tal-istat), l-ogħla qorti amministrattiva tagħha, tirrifjuta li tagħti effett sħiħ lis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-310/09 Ministre du Budget, des Comptes publics et de la Fonction publique vs Accor SA, b’mod partikolari peress illi timponi restrizzjonijiet li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni għar-rimbors ta’ taxxa indebitament imposta, jiġifieri t-taxxa f’ras il-għajn.

Fis-sentenza tagħha Accor, mogħtija wara domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat li r-regoli fiskali Franċiżi intiżi għall-eliminazzjoni tat-taxxa doppja ekonomika tad-dividendi żammet diskriminazzjoni fil-qasam fiskali fir-rigward tad-dividendi minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea. It-taxxa, li fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet kontra d-dritt tal-Unjoni, għandha għalhekk tiġi rrimborsata.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li Franza ma osservatx is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq tliet punti speċifiċi:

-    ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-taxxa diġà mħallsa mis-sottosussidjarji mhux Franċiżi;

-    hija ssostni, sabiex tillimita d-dritt għal rimbors tal-kumpanniji kkonċernati, rekwiżiti f’dak li jikkonċerna l-prova li għandha tiġi prodotta, li ma jissodisfawx il-kriterji identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja;

-    hija assolutament tillimita s-sistema ta’ kreditu ta’ taxxa għal terz tad-dividend imqassam mill-ġdid minn sussidjarja mhux Franċiża.

Dan il-ksur huma wkoll dovuti minħabba l-fatt li l-Conseil d’État naqset mill-obbligu tagħha li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

____________

1     Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża C-310/09, Ministre du Budget, des Comptes publics et de la Fonction publique vs Accor SA, EU :C :2011 :581.