Language of document :

Appell ippreżentat fl-10 ta' Marzu 2009 minn Anheuser-Busch, Inc. mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) mogħtija fis-16 ta' Diċembru 2008 fil-Kawżi MagħqudaT-225/06, T-255/06, T-257/06 u T-309/06: Budějovický Budvar, národní podnik vs Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Anheuser-Busch, Inc

(Kawża C-96/09 P)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Anheuser-Busch, Inc. (rappreżentanti: V. von Bomhard, Rechtsanwältin, B. Goebel, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Budějovický Budvar, národní podnik, Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-16 ta' Diċembru 2008 fil-Kawżi Magħquda T-225/06, T-255/06, T-257/06 u T-309/06 bl-eċċezzjoni tad-digriet numru 1,

tiddeċiedi l-kawża billi tiċħad it-talba fformulata fl-ewwel istanza jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u

tordna li l-ispejjeż tal-proċedura jkunu mġarrba mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li

1. Il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' liġi meta effettivament ċaħdet il-kompetenza tal-Uffiċċju sabiex jiddetermina li Budvar kienet naqset mill-obbligu tagħha li tistabbilixxi drittijiet taħt l-Artikolu 8(4)1 meta kien hemm dubji serji dwar il-validità ta' dawn id-drittijiet (allegati denominazzjonijiet ta' oriġini għal "BUD").

2. Il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat ħażin ir-rekwiżiti kwalitattivi u kwantitattivi tar-rekwiżit tal-liġi Komunitarja ta' "użu fil-kummerċ" skont l-Artikolu 8(4). L-ewwel, hija ddeċidiet li dan ir-rekwiżit kellu jiġi interpretat bħala li jfisser kull użu kummerċjali barra mill-isfera privata biss, filwaqt li ddikjarat b'mod partikolari li ma kienx meħtieġ li jsir użu ġenwin tad-dritt allegat taħt l-Artikolu 8(4) kif inhu fil-każ tat-trade marks. F'dan il-kuntest, hija ppermettiet kunsinni "b'xejn" sabiex ikunu meqjusa bħala "użu fil-kummerċ" kif ukoll bħala użu f'funzjoni differenti (użu ta' trade mark pjuttost milli denominazzjoni ta' użu oriġinali). It-tieni, id-deċiżjoni kkontestata ppermettiet żbaljatament li l-użu wara d-data ta' applikazzjoni tat-trade mark ikkontestata jittieħed inkunsiderazzjoni u b'dan il-mod naqset milli tikkunsidra li sabiex dritt preċedenti jkun validu bħala motiv ta' oppożizzjoni taħt l-Artikolu 8, il-kundizzjonijiet kollha għal dan il-motiv ta' oppożizzjoni għandhom ikunu ssodisfatti meta ssir l-applikazzjoni kkontestata. It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b'mod żbaljat l-Artikolu 8(4) billi sostniet li, b'devjazzjoni mill-prinċipju ta' territorjalità, jista' jittieħed inkunsiderazzjoni użu li sar f'pajjizi li mhumiex il-pajjiżi fejn l-allegat drittijiet taħt l-Artikolu 8(4) jeżistu.

3. Il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat b'mod żbaljat ukoll ir-rekwiżit "ta' aktar minn sempliċement ta' sinifikanza lokali". Hija essenzjalment iddeċidiet li dan ir-rekwiżit kien issodisfat permezz tal-fatt li l-allegat dritt taħt l-Artikolu 8(4) oriġina minn pajjiż terz u kien estiż f'żewġ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. Hija ma saqsitx jekk id-dritt inkwistjoni kienx akkwista iktar minn sempliċi sinifikanza lokali f' dawn iż-żewġ Stati Membri li għalihom dan id-dritt intalab, u b'hekk ġew permessi d-drittijiet taħt l-Artikolu 8(4) minn barra l-Unjoni Ewropea.

4. It-tieni motiv tal-appell huwa ksur tal-Artikolu 8(4) flimkien mal-Artikolu 74(1). L-Artikolu 8(4)(b) jirrikjedi li d-dritt nazzjonali jintitola lil Budvar sabiex tipprojbixxi l-użu tat-trade mark ikkontestata. Il-Bord tal-Appell stabbilixxa, abbażi tal-evidenza imressqa mill-partijiet u billi applika r-regola stabbilita li l-oneru tal-prova fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni quddiem l-UASI huwa fuq il-parti li qed toġġezzjona, li Budvar ma ppruvatx li setgħet, taħt il-liġi nazzjonali ta' Franza jew tal-Awstrija, tipprojbixxi l-użu tat-trade mark "BUD". Il-Qorti tal-Prim'Istanza, madankollu, iddeċidiet kuntrarjament għall-Artikolu 74(1) u l-Artikolu 8(4)(b) li l-UASI għandu, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jinvestiga l-liġi u l-iżviluppi legali li jsosntu d-drittijiet allegati taħt l-Artikolu 8(4) barra mis-sottomissjonijiet tal-partijiet, pjuttost milli jiċħad l-oppożizzjoni minħabba nuqqas ta' prova tad-drittijiet allegati ta' Budvar.

5. Kollox ma' kollox, is-sentenza kkontestata tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) li hija diffiċli li tiġi rrikonċiljata mad-diċitura ta' din id-dispożizzjoni u impossibbli li tiġi rrikonċiljata mal-għan tar-Regolament Nru 40/94 li jinħoloq dritt għal trade mark uniformi fil-Komunità kollha li jiffunzjona tajjeb sabiex jiġi sostnut kummerċ intrakomunitarju.

6. Kull wieħed minn dan il-ksur ta' dritt mill-Qorti tal-Prim'Istanza wassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell, u huwa għalhekk - kull wieħed separatament - raġuni għaliex din is-sentenza kkontestata għandha tiġi annullata.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta' Diċembru dwar it-trade mark Komunitarja ĠU L 11, 14.1.1994, p. 1