Language of document : ECLI:EU:C:2009:94

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ Frar 2009 (*)

“Direttiva 2004/83/KE – Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Persuna li tista’ tkun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja – Artikolu 2(e) – Riskju reali li wieħed isofri periklu serju – Artikolu 15(ċ) – Theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ pajżan minħabba fi vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat – Prova ”

Fil-Kawża C-465/07,

li għandha bħala suġġett talba għal domanda preliminari skont l-Artikoli 68 u 234 KE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ottubru 2007, fil-proċedura

 Meki Elgafaji,


 Noor Elgafaji

vs

 Staatssecretaris van Justitie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u M. Ilešič, Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet, J. Malenovský, U. Lõhmus u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Elgafaji u N. Elgafaji, minn A. Hekman, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u C. ten Dam, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, T. Papadopoulou u G. Papagianni, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn M. J-C. Niollet, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn R. Adam, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn S. Johannesson u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn S. Wordsworth, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Condou-Durande u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat [apolidi] bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, u rettifika, ĠU 2005, L 204, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) ta’ din l-istess direttiva.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-kawża bejn M. u N. Elgafaji (iktar ’il quddiem il-“konjuġi Elgafaji”), it-tnejn li huma ċittadini Iraqini, u l-iStaatssecretaris van Justitie fir-rigward taċ-ċaħda ta’ dan tal-aħħar tat-talba tagħhom sabiex jingħataw permess ta’ residenza temporanju fil-Pajjiżi l-Baxxi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

3        Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tipprovdi fl-Artikolu 3 tagħha, intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura”:

“Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti.”

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

4        Skont l-ewwel premessa tad-Direttiva:

“Politika komuni dwar kenn (asylum), inkluża Sistema ta’ Kenn (Asylum) Komuni Ewropea, hija parti kostitwenti ta’ l-għan ta’ l-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi erja ta’ liberta, sigurta u ġustizzja miftuħa għal dawk li, sfurzati miċ-ċirkostanzi, leġittimament ifittxu protezzjoni fil-Komunità.”

5        Is-sitt premessa tad-Direttiva tistabbilixxi:

“L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, mill-banda waħda, li jiżgura li Stati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, mill-banda l-oħra biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha.”

6        L-għaxar premessa tad-Direttiva tippreċiża:

“Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji magħrufa partikolarment mill-Kapitolu ta’ Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [pproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1)]. Partikolarment, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjita tal-bniedem u d-dritt għal kenn (asylum) għal applikanti għal kenn (asylum) u l-membri tal-familja li jakkompanjawhom.”

7        L-erbgħa u għoxrin sas-sitta u għoxrin premessa tad-Direttiva huma fformulati kif ġej:

“(24) Livelli stabbiliti minimi għad-definizzjoni u l-kontenut ta’ stat ta’ protezzjoni sussidjara għandhom jiġu preskritti wkoll. Protezzjoni sussidjarja għandha tkun kumplimentari u addizzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati inkwadrata fil-Konvenzjoni [dwar l-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju 1951].

(25)  Huwa meħtieġ li jiddaħħlu kriterji li fuq il-bażi tagħhom applikanti għal protezzjoni internazzjonali jridu jintgħarfu bħala eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Dawk il-kriterji għandhom jitfasslu mill-obbligi internazzjonali skond strumenti u prattiċi tad-drittijiet tal-bniedem li jeżistu fl-Istati Membri.

(26)  Riskji li għalihom popolazzjoni ta’ pajjiż jew taqsima tal-popolazzjoni hija ġeneralment esposta normalment ma joħolqux fihom nfushom theddida individwali li tikkwalifika bħala periklu serju.”

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva jiddisponi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva tal-Kunsill huwa li tippreskrivi livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat [apolidi] bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.”

9        Taħt l-Artikolu 2(ċ), (e) u (g) tad-Direttiva, nifhmu li:

“[…]

ċ)      ‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalita, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż […]

[…]

e)      ‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat [apolidi] li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tiegħu jew tagħha, jiffaċċja riskju [reali] li [wieħed] jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15 […] ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

[…]

g)      ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex stat ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja […]”

10      Skont l-Artikolu 4(1), (3) u (4) tad-Direttiva, li jinsab fil-Kapitolu II ta’ din, intitolat “Stima ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”:

–        l-Istati Membri jistgħu jqisuha bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali;

–        l-istima ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi numru ta’ elementi li jirrelataw mal-pajjiż tal-oriġini fil-ħin tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, u

–        il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal periklu serju jew għal theddid dirett ta’ dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja ta’ riskju veru li wieħed isofri periklu serju, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li dan il-periklu serju ma jiġix ripetut.

11      L-Artikolu 8(1) li jinsab f’dan il-Kapitolu II jiddisponi:

“Bħala parti mill-istima ta’ l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant mhuwiex fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jekk f’parti mill-pajjiż ta’ l-oriġini ma hemmx biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat jew l-ebda riskju veru li jsofru periklu serju u l-applikant jista’ jiġi mistenni raġunevolment li jgħix f’dik il-parti tal-pajjiż.”

12      L-Artikolu 15 tad-Direttiva, li jinsab fil-Kapitolu V ta’ din, intitolat “Kwalifika għal protezzjoni sussidjarja”, jiddisponi taħt it-titlu “Periklu serju”:

“Periklu serju jikkonsisti minn:

a)      piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

b)      tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ l-oriġini; jew

ċ)      theddida serja u individwali għal ħajja [jew għall-persuna ta’ pajżan] minħabba fi vjolenza [indiskriminata] f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

13      L-Artikolu 18 tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jagħtu stat ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V ta’ din l-istess direttiva.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14      L-Artikolu 29(1)(b) u (d) tal-liġi Olandiża dwar l-istatus tal-barranin tal-2000 (Vreemdelingenwet 2000, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”) jiddisponi:

“ Permess ta’ residenza temporanju, kif ikkontemplat fl-Artikolu 28, jista’ jingħata lil barrani:

[…]

b)      li jkun wera li huwa għandu raġunijiet validi sabiex wieħed jissupponi li, fil-każ ta’ tkeċċija, huwa jkun qiegħed fir-riskju reali li jiġi suġġett għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti;

[…]

d)      li r-ritorn tiegħu lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tkun, fil-fehma tal-Ministru, partikolarment iebsa fis-sitwazzjoni ġenerali li tipprevali hemmhekk.”

15      Iċ-ċirkulari tas-sena 2000 dwar il-barranin (Vreemdelingencirculaire 2000), fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fl-20 ta’ Diċembru 2006, tiddisponi fil-punt C 1/4.3.1:

“L-Artikolu 29(1)(b) tal-[Vw 2000] jippermetti li jingħata permess ta’ residenza jekk il-barrani juri suffiċjentement li huwa għandu raġunijiet validi sabiex jaħseb li, fil-każ ta’ tkeċċija, huwa jkun qiegħed f’riskju reali li jiġi suġġett għat-tortura, għal pieni jew għal trattamenti inumani jew degradanti.

Din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 3 [tal-KEDB]. It-tkeċċija ta’ xi persuna lejn pajjiż li fih hija tkun qiegħda fir-riskju reali (‘real risk’) li tiġi suġġetta għal tali trattament tikkostitwixxi ksur ta’ dan l-artikolu. Jekk dan ir-riskju reali jkun ġie stabbilit, normalment jingħata permess ta’ residenza temporanju (ażil).

[…]”

16      Artikolu ġdid, 3.105 d, ġie inkluż fid-deċiżjoni dwar l-istatus tal-barranin tal-2000 (Vreemdelingenbesluit 2000), għat-traspożizzjoni espliċita, b’effett mill-25 ta’ April 2008, tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Fit-13 ta’ Diċembru 2006, il-konjuġi Elgafaji ressqu applikazzjoni għal permess ta’ residenza termporanju fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn magħha ppreżentaw elementi li jippruvaw ir-riskju reali li għalih kienu ser ikunu esposti fil-każ ta’ tkeċċija lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, f’dan il-każ l-Iraq. Insostenn tal-applikazzjoni tagħhom huma b’mod partikolari invokaw fatti li jirrigwardaw is-sitwazzjoni personali tagħhom.

18      B’mod partikolari huma sostnew li M. Elgafaji, Musulman tar-rit tax-Xiit, ħadem mix-xahar ta’ Awwissu tal-2004 sa Settembru tal-2006 ma’ impriża Brittanika li tiżgura s-sigurtà tat-trasport ta’ personal tal-ajruport lejn iż-żona magħrufa bħala dik “ħadra”. Huma sostnew li z-ziju ta’ M. Elgafaji, li kien jaħdem fl-istess impriża, kien maqtul minn militanti, fejn iċ-ċertifikat tal-mewt isemmi li l-mewt tiegħu seħħet wara attakk terroristiku. Xi jiem wara, twaħħlet ittra bit-theddida “mewt għall-kollaboraturi” mal-bieb ta’ M. Elgafaji, fejn kien jgħix ma’ N. Elgafaji, martu, Musulmana tar-rit Sunni.

19      Permezz tad-digrieti tal-20 ta’ Diċembru 2006, il-Minister voor Vreemdelingenzaken en Integratie (Ministru għall-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), li kien kompetenti sat-22 ta’ Frar 2007, data li fiha l-iStaatssecretaris van Justitie ġie inkarigat għal-affarijiet relatati mal-immigrazzjoni, irrifjuta li jagħti permess ta’ residenza temporanju lill-konjuġi Elgafaji. Huwa kkunsidra, b’mod partikolari, li dawn ma kinux stabbilixxew biżżejjed iċ-ċirkustanzi li invokaw u, għaldaqstant, ma werewx ir-riskju reali ta’ theddid serju u individwali li huma kienu jsostnu li kienu esposti għalih fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Huwa wasal għall-konklużjoni li s-sitwazzjoni tagħhom ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000.

20      Skont il-Ministru, l-oneru tal-prova hija identika għall-protezzjoni mogħtija taħt l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva u għal dik mogħtija bl-applikazzjoni tal-istess Artikolu taħt il-paragrafu (ċ). Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, bħall-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000, jimponu fuq l-applikanti li juru b’mod suffiċjenti r-realtà proprja tas-sitwazzjoni personali tagħhom fir-rigward tar-riskju ta’ theddid serju u individwali li huma kienu ser ikunu esposti għalih jekk jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Billi l-konjuġi Elgafaji naqsu milli jippreżentaw din il-prova fil-kuntest tal-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000, għalhekk ma jistgħux jinvokaw utilment l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva.

21      Wara li t-talba għal permess ta’ residenza temporanju tagħhom ġiet miċħuda, il-konjuġi Elgafaji ressqu rikors quddiem ir-Rechtbank te ’s-Gravenhage, rikors li ġie milqugħ minn din il-qorti.

22      Din il-qorti b’mod partikolari tikkunsidra li l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva, li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt ta’ kunflitt armat fil-pajjiż tal-oriġini ta’ minn japplika għall-protezzjoni, ma titlobx il-grad għoli ta’ individwalizzazzjoni tal-periklu mitlub mill-Artikolu 15(b) u mill-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000. Għaldaqstant, il-prova dwar l-eżistenza ta’ theddid individwali u serju li taqa’ fuq il-persuni li japplikaw għal protezzjoni tista’ tiġi ttrattata b’mod iktar faċli fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva, bi paragun mal-Artikolu 15(b).

23      Konsegwentement, ir-Rechtbank te ’s-Gravenhage annullat id-digrieti tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jirrifjutaw l-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanju lill-konjuġi Elgafaji sa fejn il-prova mitluba fil-kuntest tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva hija simili għal dik mitluba għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(b) kif riprodott fl-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000.

24      Skont din il-qorti, il-Ministru kellu jeżamina jekk ma kienx hemm raġunijiet sabiex jinħareġ lill-konjuġi Elgafaji permess ta’ residenza termporanju skont l-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000 minħabba fl-eżistenza ta’ perikli serji kkontemplati fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva.

25      Fl-appell, ir-Raad van State qieset li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva jippreżentaw diffikultajiet fl-interpretazzjoni. Barra minn dan, hija kkonstatat li l-Artikolu 15(ċ) ta’ din ma kienx għadu ġie traspost fil-liġi Olandiża fl-20 ta’ Diċembru 2006, data li fiha d-digrieti kkontestati tal-Ministru ġew adottati.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      L-Artikolu 15[(ċ)] tad-Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni toffri biss protezzjoni f’sitwazzjoni li tirrigwarda l-Artikolu 3 tal-[KEDB] skont l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jew fis-sens li din l-ewwel dispożizzjoni toffri protezzjoni addizzjonali jew differenti fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-[KEDB]?

2)      Jekk l-Artikolu 15[(ċ)] tad-Direttiva joffri protezzjoni addizzjonali jew differenti fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-[KEDB], liema huma, f’dan il-każ, il-kriterji li għandhom jintużaw għall-evalwazzjoni ta’ jekk persuna, li ssostni li tista’ titlob status ta’ protezzjoni sussidjarja, hijiex f’riskju reali ta’ theddid serju u individwali minħabba vjolenza indiskriminata, skont l-Artikolu 15[(ċ)], fid-dawl tal-Artikolu 2[(e)] tad-Direttiva?”

 Fuq id-domandi preliminari

27      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tixtieq li tingħata kjarifika dwar il-protezzjoni ggarantita mill-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-ġurisprudenza tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, NA. vs Ir-Renju Unit, tas-17 ta’ Lulju 2008, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, punti 115 sa 117, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, jekk id-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 3 tal-KEDB jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tiegħu, u li jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniendem tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-portata ta’ dan id-dritt fis-sistema ġuridika Komunitarja, huwa madankollu l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva li jikkorrispondi essenzjalment għall-imsemmi Artikolu 3. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva huwa dispożizzjoni li l-kontenut tiegħu huwa distint minn dak tal-Artikolu 3 tal-KEDB u l-interpretazzjoni tiegħu, għalhekk, issir b’mod awtonomu filwaqt li jibqa’ fil-parametri tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB.

29      Id-domandi magħmula, li huwa meħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, għalhekk jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) tiegħu.

30      Fir-rigward ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju qiegħda, essenzjalment, tistaqsi jekk l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ min jitlob il-protezzjoni sussidjarja huwiex suġġett għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar iressaq il-prova li huwa speċifikament effettwat minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni tiegħu. Fil-każ ta’ risposta negattiva, din il-qorti trid tkun taf liema kriterju huwa mitlub sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dan it-theddid.

31      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, huwa meħtieġ li jiġu mqabbla t-tliet tipi ta’ “theddid serju” stabbiliti mill-Artikolu 15 tad-Direttiva, li jikkostitwixxu l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfatti sabiex persuna tista’ titqies li tkun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja, jekk, skont l-Artikolu 2(e) ta’ din id-Direttiva, jeżistu motivi serji u sostanzjali sabiex wieħed jemmen li l-applikant għandu “riskju [reali] li [wieħed] jsofri periklu serju” fil-każ li jintbagħat lura fil-pajjiż ikkonċernat.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-termini “piena kapitali”, “eżekuzzjoni” kif ukoll “tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant”, użati fl-Artikolu 15(a) u (b) tad-Direttiva, ikopru sitwazzjonijiet li fihom l-applikant għall-protezzjoni sussidjarja huwa speċifikament espost għal riskju ta’ periklu ta’ tip partikolari.

33      Min-naħa l-oħra, il-periklu ddefinit fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva bħala li huwa kkostitwit minn “theddida serja u individwali għal ħajja [jew għall-persuna]” tal-applikant tkopri riskju ta’ theddida iktar ġenerali.

34      Fil-fatt, tirrigwarda b’mod iktar wiesa’ “theddida […] għal ħajja [jew għall-persuna]” ta’ pajżan, iktar milli vjolenzi speċifiċi. Barra minn dan, dan it-theddid huwa inerenti għas-sitwazzjoni ġenerali ta’ “konflitt armat internazzjonali jew intern”. Fl-aħħar nett, il-vjolenza inkwistjoni li kienet l-oriġini ta’ dan it-theddid hija kkwalifikata bħala “indiskriminata”, terminu li jimplika li din tista’ testendi għal persuni mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tagħhom.

35      F’dan il-kuntest, it-terminu “individwali” għandu jinftiehem bħala li jkopri theddid dirett kontra pajżana mingħajr kunsiderazzjoni tal-identità tagħhom, jekk il-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza l-kunflitt armat li għaddej, li jkun ġie kkonstatat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li quddiemhom tkun tressqet applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja jew il-qrati ta’ Stat Membru li quddiemhom tkun tressqet iċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni, jilħaq livell daqstant għoli li jkunu jeżistu motivi serji u sostanzjali li jwasslu lil wieħed jemmen li pajżan mibgħut lura fil-pajjiż ikkonċernat, jew, skont il-każ, fir-reġjun ikkonċernat, jgħaddi minn riskju reali ta’ theddid serju minħabba s-sempliċi preżenza tiegħu fit-territorju tiegħu, kif previst mill-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva.

36      Din l-interpretazzjoni, li tista’ tiżgura kamp ta’ applikazzjoni għall-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva, mhijiex invalidata permezz tal-formulazzjoni tas-sitta u għoxrin premessa tagħha, li tgħid li “[r]iskji li għalihom popolazzjoni ta’ pajjiż jew taqsima tal-popolazzjoni hija ġeneralment esposta normalment ma joħolqux fihom infushom theddida individwali li tikkwalifika bħala periklu serju”.

37      Fil-fatt, jekk din il-premessa timplika li konstatazzjoni oġġettiva ta’ riskju marbuta mas-sitwazzjoni ġenerali ta’ pajjiż, waħedha mhijiex biżżejjed, fil-prinċipju, sabiex tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva huma sodisfatti, fir-rigward ta’ persuna speċifika, il-formulazzjoni tagħha tirriżerva wkoll, bl-użu tat-terminu “normalment”, l-ipoteżi ta’ sitwazzjoni eċċezzjonali li hija kkaratterizzata minn grad ta’ riskju hekk għoli li jkunu jeżistu motivi serji u sostanzjali li jwasslu lil wieħed jemmen li din il-persuna tkun tista’ ssoffri individwalment mir-riskju inkwistjoni.

38      In-natura eċċezzjonali ta’ din is-sitwazzjoni hija wkoll ikkonfermata mill-fatt li l-protezzjoni kkonċernata hija sussidjarja, u mill-ispirtu tal-Artikolu 15 tad-Direttiva, u l-perikli ddefiniti fil-paragrafi (a) u (b) ta’ dan’ l-Artikolu, jippreżupponu grad ta’ individwalizzazzjoni ċar. Anki jekk huwa minnu li l-elementi kollettivi jilagħbu rwol importanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva, fis-sens li l-persuna kkonċernata hija, bħal persuni oħra, parti minn ċirku ta’ vittmi potenzjali ta’ vjolenza indiskriminata fil-każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali, jibqa’ madankollu l-fatt li din id-dispożizzjoni għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni sistematika meta mqabbla maż-żewġ sitwazzjonijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva u għalhekk għandha tiġi interpretata b’rabta stretta ma din l-individwalizzazzjoni.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li iktar ma l-applikant ikun kapaċi juri li huwa speċifikament effettwat minħabba elementi partikolari għas-sitwazzjoni personali tiegħu, inqas ser ikun għoli l-grad ta’ vjolenza indiskriminata mitluba sabiex jista’ ikun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja.

40      Barra minn dan, hemm lok li jingħad ukoll li, matul l-evalwazzjoni individwali ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja, kif prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, b’mod partikolari wieħed jista’ jieħu inkunsiderazzjoni:

–        tal-portata ġeografika tas-sitwazzjoni ta’ vjolenza indiskriminata kif ukoll tad-destinazzjoni effettiva tal-applikant fil-każ li jintbagħat lura fil-pajjiż ikkonċernat, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva, u

–        tal-eżistenza, skont il-każ, ta’ indizju serju ta’ riskju reali bħal dak imsemmi fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva, indizju li fir-rigward tiegħu r-rekwiżit ta’ vjolenza indiskriminata mitlub sabiex wieħed ikun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja jista’ jkun inqas għoli.

41      Fl-aħħar nett, fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva ġie traspost espliċitament fis-sistema ġuridika nazzjonali biss wara l-fatti li taw lok għall-kawża li dwarha għandha tiddeċiedi l-qorti tar-rinviju, hija din tal-aħħar li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali, b’mod partikolari l-Artikolu 29(1)(b) u (d) tal-Vw 2000, b’mod li tkun konformi ma’ din id-direttiva.

42      Fil-fatt, skont ġurisprudenza kostanti, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, kemm jekk jirrigwarda dispożizzjonijiet preċedenti jew sussegwenti għad-Direttiva, il-qorti nazzjonali li għandha tinterpretahom għandha tagħmel dan sakemm ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Direttiva sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha u b’hekk tikkonforma mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C‑106/89, Ġabra p. I-4135, punt 8, u tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C-188/07, Ġabra p. I-4501, punt 84).

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) ta’ din l-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        l-eżistenza ta’ theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ applikant għal protezzjoni sussidjarja mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar iressaq il-prova li huwa speċifikament effettwat minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tiegħu;

–        l-eżistenza ta’ dan it-theddid jista’ jiġi eċċezzjonalment ikkunsidrat bħala stabbilit jekk il-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza l-kunflitt armat li għaddej, li jkun ġie kkonstatat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li quddiemhom tkun tressqet applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja jew mill-qrati ta’ Stat Membru li quddiemhom tkun ressqet iċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni, jilħaq livell daqstant għoli li jkunu jeżistu motivi serji u sostanzjali li jwasslu lil wieħed jemmen li pajżan mibgħut lura fil-pajjiż ikkonċernat, jew, skont il-każ, fir-reġjun ikkonċernat, jgħaddi minn riskju reali ta’ theddid serju minħabba s-sempliċi preżenza tiegħu fit-territorju tiegħu.

44      Fl-aħħar nett għandu jingħad ukoll li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) tagħha, li jirriżulta mill-punti preċedenti hija kompletament kompatibbli mal-KEDB, inkluża l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-KEDB (ara, b’mod partikolari, is-sentenza NA. vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punti 115 sa 117, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat [apolidi] bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) ta’ din l-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        l-eżistenza ta’ theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ applikant għal protezzjoni sussidjarja mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar iressaq il-prova li huwa speċifikament effettwat minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tiegħu;

–        l-eżistenza ta’ dan it-theddid jista’ jiġi eċċezzjonalment ikkunsidrat bħala stabbilit jekk il-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza l-kunflitt armat li għaddej, li jkun ġie kkonstatat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li quddiemhom tkun tressqet applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja jew mill-qrati ta’ Stat Membru li quddiemhom tkun tressqet iċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni, jilħaq livell daqstant għoli li jkunu jeżistu motivi serji u sostanzjali li jwasslu lil wieħed jemmen li pajżan mibgħut lura fil-pajjiż ikkonċernat, jew, skont il-każ, fir-reġjun ikkonċernat, jgħaddi minn riskju reali ta’ theddid serju minħabba s-sempliċi preżenza tiegħu fit-territorju tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.