Language of document : ECLI:EU:C:2017:770

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija – Artikolu 9 – Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija – Artikoli 4, 5 u 7 – Unjoni doganali – Trasport bit-triq – Taxxa fuq il-karozzi – Impożizzjoni ta’ taxxi fir-rigward ta’ vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrati fit-Turkija li jaqsmu l-Ungerija fi tranżitu”

Fil-Kawża C‑65/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

Istanbul Lojistik Ltd

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatóság,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Istanbul Lojistik Ltd, minn S. Habóczky, V. Weiss u A. Nagy, ügyvédek,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Tátrai u E. E. Sebestyén kif ukoll minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Collabolletta u G. Rocchitta, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u E. Georgieva kif ukoll minn L. Havas, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u tal-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KEE-Turkija), tal-Artikoli 4, 5 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar l-implementazzjoni tal-fażi definittiva tal-Unjoni Doganali (ĠU 1996, L 35, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”), tal-Artikolu 3(2) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 1(2) u (3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU 2009, L 300, p. 72).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Istanbul Lojistik Ltd, kumpannija tat-trasport Torka, u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatóság (amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana, diviżjoni tal-appell, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità fiskali tat-tieni grad”) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tissuġġetta vettura tqila ta’ trasport ta’ merkanzija li tappartjeni għal din il-kumpannija għall-ħlas ta’ taxxa dovuta minħabba l-qsim tal-fruntiera Ungeriża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim KEE-Turkija:

“Il-partijiet kontraenti jirrikonoxxu li fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari li jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 8, kull diskriminazzjoni mwettqa minħabba n-nazzjonalità hija pprojbita skont il-prinċipju stipulat fl-Artikolu 7 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 62 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell, anness mal-Ftehim KEE-Turkija, konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), jipprevedi li l-protokoll addizzjonali huwa parti integrali mill-Ftehim KEE-Turkija.

5        L-Artikolu 42(1) tal-Protokoll Addizzjonali jiddisponi dan li ġej:

“Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jestendi għat-Turkija, skont il-modalitajiet li huwa jistabbilixxi b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tas-sitwazzjoni ġeografika tat-Turkija, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità applikabbli għat-trasport. Huwa jista’ taħt l-istess kundizzjonijiet, jestendi għat-Turkija l-atti meħuda mill-Komunità għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u fuq l-ilma.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-[Ftehim KEE-Turkija], tal-protokolls addizzjonali u supplimentari tiegħu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija jistabbilixxi l-modalitajiet segwenti għall-implementazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni doganali prevista fl-Artikoli 2 u 5 tal-imsemmi ftehim.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Il-Kapitolu I ta’ din id-deċiżjoni, dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u politika kummerċjali, jinkludi t-Taqsima I, intitolata “Eliminazzjoni tad-dazji doganali u tat-taxxi li għandhom effett ekwivalenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni, li jinsab f’din it-taqsima, jistabbilixxi:

“Id-dazji doganali fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni kif ukoll it-taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazju doganali għandhom jitneħħew kompletament bejn il-Komunità u t-Turkija, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni. Il-Komunità u t-Turkija għandhom jastjenu, minn din id-data, milli jintroduċu dazji doganali ġodda fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni jew kwalunkwe taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għad-dazji doganali ta’ natura fiskali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        It-Taqsima II ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi jew ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti”, hija komposta mill-Artikoli 5 sa 11 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. L-Artikolu 5 ta’ din tal-aħħar jipprovdi:

“Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni kif ukoll il-miżuri li għandhom effett ekwivalenti kollha huma pprojbiti bejn il-partijiet kontraenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        L-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:

“Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni kif ukoll il-miżuri li għandhom effett ekwivalenti kollha huma pprojbiti bejn il-partijiet kontraenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni:

“L-Artikoli 5 u 6 ma għandhomx jostakolaw projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu ġġustifikati minn raġunijiet ta’ moralità pubblika, ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika, ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bnedmin u tal-annimali jew ta’ preżervazzjoni tal-pjanti, ta’ protezzjoni ta’ teżori nazzjonali li għandhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, jew ta’ protezzjoni ta’ propjetà industrijali u kummerċjali. Madankollu, dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet la għandhom jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn il-partijiet kontraenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      L-Artikolu 66 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni preżenti, sa fejn huma identiċi essenzjalment għar-regoli korrispondenti tat-Trattat li jistabbilixxi lill-Komunità Ewropea għandhom jiġu, permezz tal-implementazzjoni tagħhom u tal-applikazzjoni tagħhom għall-prodotti li jaqgħu taħt l-unjoni doganali, interpretati b’konformità mas-sentenzi dwar dan is-suġġett tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1072/2009, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq internazzjonali tal-merkanzija bil-kiri jew b’kumpens għall-vjaġġi li jsiru fit-territorju Komunitarju.

2.      Fil-każ ta’ trasport minn Stat Membru lejn pajjiż terz u viċeversa, dan ir-Regolament għandu japplika għal dik il-parti tal-vjaġġ fit-territorju ta’ Stat Membru traversat waqt il-vjaġġ. M’għandux japplika għal dik il-parti tal-vjaġġ li ssir fit-territorju tal-Istat Membru tat-tagħbija jew tal-ħatt sakemm ma jkunx ġie konkluż il-ftehim meħtieġ bejn il-Komunità u l-pajjiż terz.

3.      Sakemm jintlaħqu il-ftehim imsemmija fil-paragrafu 2, dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa:

a)      dispożizzjonijiet rigward it-trasport minn Stat Membru għal pajjiż terz u viċeversa li huma inklużi fil-ftehim bilaterali li ntlaħqu mill-Istati Membri ma’ dawk il-pajjiżi terzi;

[…]”

 Id-dritt Ungeriż

13      L-Artikolu 18 tal-ftehim konkluż bejn il-Kunsill Presidenzjali u l-Gvern tar-Repubblika Popolari tal-Ungerija, minn naħa, u l-Gvern tar-Repubblika tat-Turkija, min-naħa l-oħra, li għandu bħala suġġett it-trasport internazzjonali bit-triq, iffirmat f’Budapest fl-14 ta’ Settembru 1968 [Magyar Közlöny 1969/78 (X. 11.), iktar ’il quddiem il-“Ftehim Ungerija-Turkija”], fil-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi:

“Il-vetturi li jwettqu trasport ta’ merkanzija via t-territorju tal-parti kontraenti l-oħra huma suġġetti, inkluż il-vjaġġi meta dawn ikunu vojta, għat-taxxi, taxxi addizzjonali, dazji u tariffi li għandhom jitħallsu għat-trasport tal-merkanzija u sabiex jiġu koperti l-ispejjeż marbuta mal-manutenzjoni u mat-tiswija tat-toroq, inklużi t-taxxi previsti għall-imsemmija vetturi li jaqbżu l-piżijiet massimi ammissibbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-parti kontraenti l-oħra.”

14      Il-preambolu tal-gépjárműadóról szóló 1991. évi LXXXII. törvény (Liġi Nru LXXXII, dwar it-taxxa fuq il-karozzi, tal-1991) [Magyar Közlöny 1991/145 (XII. 26.), (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi”], huwa fformulat kif ġej:

“L-assemblea nazzjonali, fl-interess ta’ tqassim aħjar tal-ispejjeż pubbliċi marbuta mat-traffiku, ta’ żieda fid-dħul tal-amministrazzjonijiet komunali jew, fil-kapitali, tad-distretti tal-belt, kif ukoll tat-tkabbir tas-sorsi ta’ finanzjament neċessarji għall-manutenzjoni u għall-iżvilupp tan-netwerk tat-toroq pubbliċi [tadotta l-liġi preżenti] dwar it-taxxa fuq il-karozzi.”

15      Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi:

“1.      It-taxxa fuq il-karozzi għandha titħallas fuq kull vettura jew karru li għandhom pjanċi ta’ reġistrazzjoni Ungeriżi, kif ukoll minn kull vettura tqila ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrata f’pajjiż barrani u li tinsaq fit-territorju tal-Ungerija (iktar 'il quddiem, flimkien, il-“vettura”) […]

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi ma jestendix […], fil-kategorija ta’ vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrati f’pajjiż barrani, għal dawk li huma rreġistrati fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.”

16      L-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi jipprevedi li “[i]t-taxxa hija dovuta mid-detentur tal-vettura”.

17      Skont l-Artikolu 11 tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi, “[l-]obbligu fiskali jibda fil-ġurnata ta’ dħul fit-territorju tal-Ungerija”.

18      L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ vettura [jew, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu, ta’ grupp magħqud ta’ vetturi] ta’ kapaċità massima li ma taqbiżx it-12-il tunnellata, li tinsaq b’liċenżja tat-trasport li tintuża għal finijiet ta’ trasport lokali, taxxa ta’ 10 000 [forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 33)] għandha titħallas abbażi, rispettivament, tal-vjaġġ lejn id-destinazzjoni u tal-vjaġġ ta’ ritorn, filwaqt li, fil-każ ta’ vettura ta’ kapaċità massima li teċċedi t-12-il tunellata, li tinsaq b’liċenzja tat-trasport li tintuża għal finijiet ta’ trasport lokali, taxxa ta’ HUF 30 000 [(madwar EUR 100)] għandha titħallas, rispettivament, għall-vjaġġ lejn id-destinazzjoni u għall-vjaġġ ta’ ritorn. Fil-każ ta’ vettura ta’ kapaċità massima li ma taqbiżx it-12-il tunnellata, li tinsaq b’liċenżja tat-trasport li tintuża għal finijiet ta’ tranżitu (inkluż bl-użu ta’ awtorizzazzjoni maħruġa minn pajjiż terz), taxxa ta’ HUF 20 000 [(madwar EUR 66)] għandha titħallas abbażi, rispettivament, tal-vjaġġ lejn id-destinazzjoni u tal-vjaġġ ta’ ritorn, filwaqt li, fil-każ ta’ vettura ta’ kapaċità massima li teċċedi t-12-il tunellata, li tinsaq b’liċenzja tat-trasport li tintuża għal finijiet ta’ tranżitu, taxxa ta’ HUF 60 000 [(madwar EUR 200)] għandha titħallas, rispettivament, għall-vjaġġ lejn id-destinazzjoni u għall-vjaġġ ta’ ritorn. L-obbligu ta’ ħlas tat-taxxa b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet preċedenti jeżisti wkoll meta l-liċenzja tat-trasport ma tkunx valida, jew meta l-persuna taxxabbli użatha b’mod illegali, jew meta hija ssuq mingħajr liċenzja tat-trasport.

2.      L-ammonti ta’ taxxa stabbiliti fil-paragrafu 1 jestendu għal vjaġġ lejn id-destinazzjoni u għal vjaġġ ta’ ritorn u għal soġġorn fit-territorju Ungeriż li ma jaqbiżx 48 siegħa kull vjaġġ. Jekk it-tul tas-soġġorn huwa itwal, it-taxxa hija dovuta, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 iktar 'il fuq, għal kull perijodu ġdid ta’ 48 siegħa li jkun beda. […]

3.      L-ammont ta’ taxxa dovuta skont il-paragrafu 1 titħallas permezz tax-xiri ta’ bolla fiskali li għandha titwaħħal fuq il-liċenzja tat-trasport bit-triq, fil-każ ta’ trasport lokali, għall-perijodu kollu tat-trasport u, fil-każ ta’ trasport ta’ tranżitu, separatament għall-vjaġġ lejn id-destinazzjoni u għal dak ta’ ritorn, fil-mument ta’ dħul fit-territorju tal-Ungerija. La darba l-bolla jew bolol jitwaħħlu, il-persuna taxxabbli għandha b’mod obbligatorju tindika, fuqha jew fuqhom, id-data u l-ħin ta’ dħul (sena, xahar, ġurnata u siegħa). Jekk l-obbligu ta’ ħlas (bolla fiskali) ma jkunx osservat, ma huwiex possibbli li jsir sewqan b’liċenzja tat-trasport suġġetta għat-taxxa mingħajr riskju ta’ sanzjonijiet ħlief f’massimu ta’ 5 km madwar il-punt ta’ dħul fit-territorju tal-Ungerija.”

19      L-Artikolu 17(2) tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“Jekk il-persuna taxxabbli naqset milli twettaq, parzjalment jew totalment, l-obbligu tagħha ta’ ħlas tat-taxxa, l-awtorità doganali tikkonstata d-dejn fiskali, kif ukoll multa fiskali ekwivalenti għal ħames darbiet l-ammont ta’ dan id-dejn. […]”

20      Il-közúti közlekedésről szóló 1988. évi I. törvény (Liġi Nru I dwar it-traffiku fit-toroq, tas-sena 1988) [Magyar Közlöny 1988/15 (IV. 21.)] tipprevedi, fl-Artikolu 20(1)(a) tagħha, li “[t]ista’ tintalab tħallas multa kull persuna li tikser id-dispożizzjonijiet relatati mas-servizzi ta’ trasport bit-triq (trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija) nazzjonali jew internazzjonali suġġetti għal awtorizzazzjoni u għall-possessjoni ta’ dokument, bħal dawk previsti f’din il-liġi jew f’atti leġiżlattivi jew regolamentari speċifiċi, jew saħansitra f’atti tad-dirtt Komunitarju”.

21      Skont l-Artikolu 4 tad-díj ellenében végzett közúti árutovábbítási, a saját számlás áruszállítási, valamint az autóbusszal díj ellenében végzett személyszállítási és a saját számlás személyszállítási tevékenységről, továbbá az ezekkel összefüggő jogszabályok módosításáról szóló 261/2011. (XII. 7) Korm. rendelet [Digriet Governattiv Nru 261/2011 (XII. 7) dwar l-attivitajiet ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq bi ħlas, tat-trasport tal-merkanzija għal rashom, kif ukoll għall-attivitajiet ta’ trasport ta’ persuni b’xarabank bi ħlas u t-trasport ta’ persuni għal rashom, kif ukoll għall-emenda tar-regoli tad-dritt relatati ma’ dawn l-attivitajiet] [Magyar Közlöny 2011/146 (XII. 7.)]:

“1.      Trasport tal-merkanzija bit-triq bi ħlas, jew trasport tal-merkanzija bit-triq għal rashom, imwettaq fil-kuntest tat-traffiku internazzjonali billi wieħed jgħaddi mit-territorju tal-Ungerija, jista’ jitwettaq

a)      b’liċenzja Komunitarja – maħruġa għall-finijiet tat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq –, bħal dik prevista fl-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 1072/2009] […]

b)      awtorizzazzjoni stabbilita mill-Forum Internazzjonali dwar it-Trasport […], jew

c)      liċenzja għall-vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija maħruġa abbażi ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali,

relatata mal-attività inkwistjoni.”

22      Skont l-Artikolu 2 tal-közúti árufuvarozáshoz, személyszállításhoz és a közúti közlekedéshez kapcsolódó egyes rendelkezések megsértése esetén kiszabható bírságok összegéről, valamint a bírságolással összefüggő hatósági feladatokról szóló 156/2009. (VII 29.)] Korm. rendelet [Digriet Governattiv Nru 156/2009 (VII 29.) dwar l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti fil-każ ta’ ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mat-trasport bit-triq tal-merkanzija u tal-persuni u mat-traffiku fit-triq, kif ukoll dwar id-doveri tal-awtorità pubblika marbuta mal-impożizzjoni ta’ multa] [Magyar Közlöny 2009/107 (VII. 29.)]:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 20(1)(a) tal-[liġi Nru I dwar it-traffiku fit-toroq tal-1988], u bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji, hija marbuta għall-ħlas ta’ multa ta’ ammont previst fl-Anness 1 kull persuna li

[…]

b)      tikser id-dispożizzjonijiet relatati mal-awtorizzazzjonijiet u mad-dokumenti meħtieġa sabiex jitwettqu servizzi ta’ trasport bit-triq, previsti fl-[Artikolu 4(1)(c) tad-Digriet Governattiv Nru 261/2011 dwar it-trasport tal-merkanzija].

Skont il-punt 5(a) tal-Anness 1, it-trasportatur mingħajr liċenzja tat-trasport bit-triq ta’ merkanzija jew detentur ta’ liċenzja mhux valida ta’ trasport bit-triq ta’ merkanzija għandu jħallas multa ta’ HUF 300 000 [(madwar EUR 1 000)].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23      Istanbul Lojistik hija kumpannija rreġistrata fit-Turkija, li twettaq trasport bit-triq ta’ merkanzija mit-Turkija lejn id-diversi Stati Membri tal-Unjoni, prinċipalment il-Ġermanja, f’isem impriżi stabbiliti fit-Turkija u fl-Unjoni Ewropea.

24      Fit-30 ta’ Marzu 2015, in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal (amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana, l-Ungerija) wettqet kontroll fl-inħawi ta’ Nagylak (l-Ungerija), viċin tal-fruntiera mar-Rumanija, fuq grupp magħqud ta’ vetturi ta’ kapaċità massima ta’ iktar minn 12-il tunnellata, irreġistrati fit-Turkija u użati minn Istanbul Lojistik. Din tal-aħħar kienet detentriċi, għall-vettura tqila ta’ trasport ta’ merkanzija kkonċernati, ta’ liċenzja ta’ tranżitu Ungerija-Turkija, li hija kienet tuża sabiex tittrasporta xi prodotti ta’ drapp mit-Turkija lejn il-Ġermanja via l-Ungerija bħala l-pajjiż ta’ tranżitu. Il-liċenzja ta’ tranżitu kien fiha r-referenzi kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Ungeriża iżda l-bolla fiskali li tikkorrispondi għall-ammont ta’ taxxa meħtieġa għall-karozzi u li tagħti attestazzjoni tal-pagament ta’ din tal-aħħar ma kinitx twaħħlet fuq l-imsemmija liċenzja.

25      Permezz ta’ deċiżjonijiet amministrattivi tal-31 ta’ Marzu 2015, adottati wara l-imsemmi kontroll, l-amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana kkonstatat li Istanbul Lojistik ma kinitx issodisfat l-obbligu fiskali tagħha previst mil-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi u li, konsegwentement, il-liċenzja ta’ tranżitu tagħha ma kinitx valida. Din l-awtorità imponiet fuq Istanbul Lojistik il-ħlas ta’ somma ta’ HUF 60 000 (madwar EUR 200) li tikkorrispondi għal din it-taxxa, flimkien ma’ multa ta’ HUF 300 000 (madwar EUR 1 000) kif ukoll ta’ multa amministrattiva tal-istess ammont bħal din tal-aħħar, jiġifieri totali ta’ HUF 660 000 (madwar EUR 2 200).

26      Istanbul Lojistik ippreżentat azzjoni amministrattiva kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem l-awtorità fiskali tat-tieni grad li, permezz ta’ deċiżjonijiet tat-13 ta’ Mejju 2015, ikkonfermathom.

27      Għaldaqstant din il-kumpannija ppreżentat, quddiem is-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged, l-Ungerija), azzjoni kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità fiskali tat-tieni grad.

28      Insostenn tal-azzjoni tagħha, Istanbul Lojistik issostni li d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi inkwistjoni jiksru l-Artikoli 4 sa 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Hija ssostni li t-taxxa fuq il-karozzi tista’ tiġi kkunsidrata bħala taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali fis-sens tal-Artikolu 30 TFUE u, għaldaqstant, tal-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni. Fil-fehma tagħha, din it-taxxa tinġabar b’mod diskriminatorju u b’mod protettiv u tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, li hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

29      L-awtorità fiskali tat-tieni grad titlob iċ-ċaħda tal-azzjoni.

30      Is-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged) tistaqsi dwar il-fatt ta’ jekk it-taxxa fuq il-karozzi inkwistjoni tikkostitwixxix taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali li tmur kontra l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Fil-fatt hija tosserva li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwisjtoni, id-detenturi ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru ma għandhomx iħallsu t-taxxa fuq il-karozzi, filwaqt li d-detenturi ta’ karozzi rreġistrati fit-Turkija huma obbligati jħallsuha għat-tranżitu mill-Ungerija.

31      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-taxxa fuq il-karozzi ma hijiex taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, skont il-qorti tar-rinviju tqum il-kwistjoni dwar jekk din it-taxxa hijiex miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva u, għaldaqstant, miżura li tmur kontra l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

32      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għal din l-aħħar domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-imsemmija taxxa tistax tkun iġġustifikata, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, permezz tar-rekwiżiti tas-sigurtà fit-toroq u tat-tressiq ta’ azzjoni kontra l-ksur. Hija tindika li l-għanijiet tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi huma, b’mod partikolari, tqassim aħjar tal-ispejjeż pubbliċi marbuta mat-traffiku, iż-żieda fid-dħul tal-amministrazzjonijiet komunali, kif ukoll il-kisba tar-riżorsi neċessarji għall-manutenzjoni u għall-iżvilupp tan-netwerk tat-toroq pubbliċi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-fatt jekk it-taxxa fuq il-karozzi hijiex proporzjonata, idonea sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet imfittxija u nondiskriminatorja.

33      Jekk din it-taxxa la hija taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali u lanqas miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-applikazzjoni tal-Ftehim Ungerija-Turkija hijiex kompatibbli mal-Artikolu 3(2) TFUE, kif ukoll mar-Regolament Nru 1072/2009, peress li, fil-fehma tagħha, il-qasam tat-trasport jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

34      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-imsemmija taxxa hijiex diskriminatorja fir-rigward tat-trasportaturi Torok fis-sens tal-Artikolu 9 tal-Ftehim KEE-Turkija.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 4 tad-[Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li taxxa bħal dik [prevista] mil-liġi […] dwar it-taxxa fuq iċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur [karozzi], [u] li, konformement ma’ din il-liġi, hija dovuta fir-rigward tal-vetturi [tqal] ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrati fit-Turkija operati minn trasportatur Tork u użati għat-trasport ta’ merkanzija, għall-fatt li dawn il-vetturi li l-post tat-tluq tagħhom tkun it-Turkija jaqsmu l-fruntiera Ungeriża u jgħaddu mill-Ungerija bħala Stat Membru ta’ tranżitu sabiex jaslu fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali u għaldaqstant, ma hijiex konformi mal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni?

2)      a)Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari, l-Artikolu 5 tad-[Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li taxxa bħal dik [prevista] mil-liġi Ungeriża dwar it-taxxa fuq iċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur [karozzi], [u] li, konformement ma’ din il-liġi, hija dovuta fir-rigward tal-vetturi [tqal] ta’ trasport ta’ merkanzija irreġistrati fit-Turkija operati minn trasportatur Tork u użati għat-trasport ta’ merkanzija, għall-fatt li dawn il-vetturi li l-post tat-tluq tagħhom tkun it-Turkija jaqsmu l-fruntiera Ungeriża u jgħaddu mill-Ungerija bħala Stat Membru ta’ tranżitu sabiex jaslu fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva u għaldaqstant, ma hijiex konformi mal-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni?

b)      L-Artikolu 7 tad-[Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa possibbli li tiġi applikata, billi jiġu invokati raġunijiet ta’ sigurtà tat-triq u ta’ applikazzjoni tal-liġijiet [tressiq ta’ azzjoni kontra l-ksur], taxxa bħal dik [prevista] mil-liġi […] dwar it-taxxa fuq iċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur [karozzi], [u] li, konformement ma’ din il-liġi, hija dovuta minn vettura [tqila] ta’ trasport ta’ merkanzija b’numru ta’ reġistrazzjoni Tork operata minn trasportatur Tork u użata għat-trasport ta’ merkanzija, għall-fatt li din il-vettura li l-post tat-tluq tagħha tkun it-Turkija taqsam lejn il-fruntiera Ungeriża sabiex tgħaddi mill-Ungerija bħala Stat Membru ta’ tranżitu u tasal fi Stat Membru ieħor?

3)      L-Artikolu 3(2) TFUE u l-Artikolu 1(2) u (3)(a) tar-Regolament […] Nru 1072/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, abbażi ta’ ftehim bilaterali fil-qasam tat-trasport konkluż mat-Turkija, lill-Istat Membru ta’ tranżitu milli japplika taxxa bħal dik [prevista] mil-liġi […] dwar it-taxxa fuq iċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur [karozzi], [u] li, konformement ma’ din il-liġi, hija dovuta fir-rigward tal-vetturi [tqal] ta’ trasport ta’ merkanzija irreġistrati fit-Turkija operati minn trasportatur Tork u użati għat-trasport ta’ merkanzija, għall-fatt li dawn il-vetturi li l-post tat-tluq tagħhom tkun it-Turkija jaqsmu l-fruntiera Ungeriża u jgħaddu mill-Ungerija bħala Stat Membru ta’ tranżitu sabiex jaslu fi Stat Membru ieħor?

4)      L-Artikolu 9 tal-[Ftehim KEE-Turkija] għandu jiġi interpretat fis-sens li taxxa bħal dik [prevista] mil-liġi […] dwar it-taxxa fuq iċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur [karozzi], [u] li, konformement ma’ din il-liġi, hija dovuta fir-rigward tal-vetturi [tqal] ta’ trasport ta’ merkanzija irreġistrati fit-Turkija operati minn trasportatur Tork u użati għat-trasport ta’ merkanzija, għall-fatt li dawn il-vetturi li l-post tat-tluq tagħhom tkun it-Turkija jaqsmu l-fruntiera Ungeriża u jgħaddu mill-Ungerija bħala Stat Membru ta’ tranżitu sabiex jaslu fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u għaldaqstant, ma hijiex konformi mal-Artikolu 9 ta’ dan il-ftehim?”

 Fuq id-domandi preliminari

36      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, fis-sens ta’ dan l-artikolu, taxxa fuq il-karozzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha titħallas mid-detenturi tal-vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrati fit-Turkija li jaqsmu mit-territorju Ungeriż.

37      Mill-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li din tistabbilixxi l-modalitajiet tal-implementazzjoni tal-fażi finali tal-unjoni doganali bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija. Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din tal-aħħar, id-dazji doganali fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni kif ukoll it-taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazju doganali għandhom jitneħħew kompletament bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija.

38      L-Artikolu 66 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tagħha, sa fejn huma essenzjalment identiċi għar-regoli korrispondenti tat-Trattat KE, li sar it-Trattat FUE, għandhom jiġu interpretati b’konformità mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward. Peress li l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni huwa essenzjalment identiku għall-Artikolu 30 TFUE, konsegwentement dan għandu jiġi interpretat konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relattiva għal dan tal-aħħar.

39      Għaldaqstant, għandu jitfakkar li kull tariffa pekunjarja, anki jekk minima, imposta unilateralment, irrispettivament mit-titolu tagħha u mit-teknika tagħha, u li tolqot il-merkanziji minħabba l-fatt li tinqasam il-fruntiera, meta ma hijiex dazju doganali fil-veru sens tal-kelma, tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikoli 28 TFUE u 30 TFUE (sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński, C‑313/05, EU:C:2007:33, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2014, Orgacom, C‑254/13, EU:C:2014:2251, punt 23). Il-ġustifikazzjoni tal-projbizzjoni tat-taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali tinsab fl-ostakoli li dawn it-taxxi jikkostitwixxu għall-moviment tal-merkanzija, sa fejn b’mod artifiċjali dawn iżidu l-prezz tal-merkanzija importata jew esportata meta mqabbla mal-merkanzija nazzjonali (sentenza tal-21 ta’ Marzu 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑209/89, EU:C:1991:139, punt 7).

40      Barra minn hekk, it-taxxi li għandhom effett ekwivalenti huma pprojbiti irrispettivament minn kull kunsiderazzjoni tal-għan li għalih dawn ġew stabbiliti kif ukoll mid-destinazzjoni tad-dħul iġġenerat minnhom (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑173/05, EU:C:2007:362, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Għandu wkoll jitfakkar li l-motivi ta’ ġustifikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 36 TFUE huma applikabbli esklużivament fir-rigward tal-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, u mhux fir-rigward tat-taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazju doganali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 1988, Dansk Denkavit, 29/87, EU:C:1988:299, punt 32).

42      Barra minn hekk, l-unjoni doganali timplika neċessarjament li għandu jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri. Din il-libertà stess ma tistax tkun ikkompletata li kieku kien possibbli għall-Istati Membri li jxekklu jew li jtellfu, bi kwalunkwe mod, il-moviment tal-merkanzija fi tranżitu. Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi rrikonoxxuta, bħala konsegwenza tal-unjoni doganali u fl-interess reċiproku tal-Istati Membri, l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ libertà tat-tranżitu tal-merkanzija ġewwa l-Unjoni (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑173/05, EU:C:2007:362, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-Istati Membri jiksru dan il-prinċipju jekk, għall-merkanzija fi tranżitu fit-territorju tagħhom, japplikaw dazji ta’ tranżitu jew kwalunkwe impożizzjoni oħra f’dak li jikkonċerna t-tranżitu (sentenza tas-16 ta’ Marzu 1983, SIOT, 266/81, EU:C:1983:77, punt 19).

43      Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li taxxa li l-fatt taxxabbli tagħha huwa t-trasport tal-merkanzija u li hija miġbura mhux fuq prodott bħala tali, iżda fuq attività neċessarja fir-rigward tal-prodott tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30 TFUE (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, tali taxxa tolqot il-prodotti, anki jekk hija tinġabar mat-trasport tagħhom jew mal-użu tat-toroq u titħallas, l-ewwel nett, inizjalment, mid-detentur tal-vettura tqila ta’ trasport ta’ merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Haahr Petroleum, C‑90/94, EU:C:1997:368, punt 38).

44      Għar-raġunijiet esposti fil-punti 37 u 38 tas-sentenza preżenti, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni tista’ tiġi trasposta għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-unjoni doganali li tirriżulta mill-Ftehim KEE-Turkija.

45      F’dan il-każ, il-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li t-taxxa fuq dawn il-vetturi għandha titħallas, fir-rigward tal-vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrati f’pajjiż terz, fil-mument tad-dħul tagħhom fit-territorju Ungeriż, kemm għall-vjaġġ lejn id-destinazzjoni kif ukoll għall-vjaġġ ta’ ritorn. L-ammont ta’ taxxa jiddependi minn kriterji li huma marbuta, b’mod partikolari, mal-kwantità ta’ merkanzija li tista’ tiġi ttrasportata u d-destinazzjoni tagħha.

46      Konsegwentement, fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 40 sa 43 tas-sentenza preżenti għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk it-taxxa fuq il-karozzi ma tinġabarx fuq prodotti bħala tali, hija tolqot il-merkanzija ttrasportata minn vetturi rreġistrati f’pajjiż terz, b’mod partikolari t-Turkija, waqt il-qsim tal-fruntiera Ungeriża, u mhux, kif isostnu l-Gvern Ungeriż u dak Taljan, is-servizz ta’ trasport.

47      F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 39 sa 41 tas-sentenza preżenti, ma huwiex rilevanti li, hekk kif isostni l-Gvern Ungeriż, l-ammont ta’ din it-taxxa ma jkunx għoli jew li l-ġbir tagħha jkun iġġustifikat min-neċessità li tiġi żgurata l-manutenzjoni tan-netwerk tat-toroq pubbliċi u mid-danni għall-ambjent iġġenerat minn dan il-mezz ta’ trasport.

48      Minn dan isegwi li taxxa fuq il-karozzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, peress li hija tirrappreżenta tariffa pekunjarja imposta unilateralment u li tolqot il-merkanzija minħabba l-fatt li hija taqsam il-fruntiera.

49      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, fis-sens ta’ dan l-artikolu, taxxa fuq il-karozzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha titħallas mid-detenturi tal-vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrati fit-Turkija li jaqsmu mit-territorju Ungeriż.

50      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta fir-rigward tat-tieni sar-raba’ domanda.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KETurkija, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar l-implementazzjoni tal-fażi definittiva tal-Unjoni Doganali, għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, fis-sens ta’ dan l-artikolu, taxxa fuq il-karozzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha titħallas mid-detenturi tal-vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrati fit-Turkija li jaqsmu mit-territorju Ungeriż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.