Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (l-Estonja) fit-2 ta’ Ġunju 2017 – Starman Aktsiaselts vs Tarbijakaitseamet

(Kawża C-332/17)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Qorti tar-rinviju

Riigikohus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Starman Aktsiaselts

Konvenut: Tarbijakaitseamet

Domandi preliminari

L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83/UE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li fornitur jista’ jagħmel disponibbli numru tat-telefon li għalih tapplika tariffa ogħla mit-tariffa normali jekk il-fornitur, flimkien man-numru tat-telefon b’tariffa ogħla, joffri wkoll lill-konsumaturi, b’mod li jista’ jinftiehem sewwa u faċilment aċċessibbli, numru tat-telefon b’linja fissa bit-tariffa normali sabiex huwa jikkuntattja lil fornitur fir-rigward ta’ kuntratt konkluż?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83/UE jipprekludi sitwazzjoni fejn konsumatur li juża volontarjament numru tat-telefon b’tariffa ogħla sabiex jikkuntattja lil fornitur fir-rigward ta’ kuntratt konkluż, minkejja l-provvista mill-fornitur ta’ numru tat-telefon bit-tariffa normali b’mod li jista’ jinftiehem sewwa u faċilment aċċessibbli, huwa obbligat iħallas l-ogħla tariffa sabiex jikkuntattja lill-fornitur?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, il-limitazzjoni fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 tobbliga lill-fornitur, flimkien ma’ numru qasir, jippreżenta kullimkien ukoll numru tat-telefon b’linja fissa bit-tariffa normali u informazzjoni dwar id-differenzi fil-prezz?

____________

1     Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).