Language of document : ECLI:EU:C:2015:305

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-7 ta’ Mejju 2015 (1)

Kawża C‑216/14

Proċeduri kriminali

vs

Gavril Covaci

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Laufen (il‑Ġermanja)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2010/64/UE – Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Possibbiltà li jiġi ppreżentat appell kontra sentenza kriminali f’lingwa differenti minn dik tal-proċedura – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Notifika ta’ sentenza kriminali lil rappreżentant u mibgħuta bil-posta normali lill‑persuna akkużata – Terminu għall-preżentata ta’ appell kontra din is‑sentenza li jibda jiddekorri min-notifika tagħha lir-rappreżentant”





1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari joffri lill-Qorti tal‑Ġustizzja l-ewwel opportunità sabiex tinterpreta żewġ direttivi adottati abbażi tal-Artikolu 82(2) TFUE. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ regoli minimi intiżi sabiex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad‑deċiżjonijiet ġudizzjarji kif ukoll il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fil-materji kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali. B’mod partikolari, il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 82(2) TFUE jippermetti lill-Parlament Ewropew u lill‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadottaw regoli minimi dwar id-drittijiet tal-individwi fil-proċeduri kriminali.

2.        Iż-żewġ Direttivi li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba huma, minn naħa, id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar id-drittijiet għall‑interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (2) u min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (3).

3.        L-ewwel domanda ser tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tispeċifika l-portata tad-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni f’każ ta’ jiġi ppreżentat appell kontra digriet kriminali f’lingwa li ma hijiex il-lingwa tal-proċedura.

4.        It-tieni domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tipprevedi mekkaniżmu ta’ notifika tad-digrieti kriminali lil rappreżentant li sussegwentement jintbagħtu permezz ta’ posta normali lill-persuna akkużata (4) tissodisfax jew le r-rekwiżiti stabbiliti bid-Direttiva 2012/13, u b’mod partikolari, id-dritt li persuna tkun informata bl-akkuża miġjuba kontriha previst fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2010/64

5.        Id-Direttiva 2010/64 tistabbilixxi d-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Hija tikkostitwixxi l-ewwel strument adottat fl-Unjoni Ewropea intiż sabiex jissaħħu l‑garanziji proċedurali tal-persuna suspettata jew akkużata f’materji kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi, skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(2) TFUE.

6.        Il-premessi 14, 17 u 33 ta’ din id-direttiva jistabbilixxu:

“(14) Id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni għal dawk li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti huma stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (5)], kif interpretati fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem. Din id-Direttiva tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dawk id-drittijiet fil-prattika. Għal dak l-għan, il-mira ta’ din id‑Direttiva hija li tiżgura d-drittijiet ta’ persuni suspettati jew akkużati għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali bil-ħsieb li tiżgura d-dritt tagħhom għal proċess ġust.

[…]

(17)      Din id-Direttiva għandha tiżgura li jkun hemm assistenza lingwistika bla ħlas u adegwata, li tagħmilha possibbli għall‑persuni suspettati jew akkużati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tad-difiża u li tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

[…]

(33)      Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, li jikkorrispondu għal drittijiet garantiti mill-KEDB u mill-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (6)], għandhom jiġu interpretati u implimentati b’mod konsistenti ma’ dawk id-drittijiet, kif interpretati fil-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”.

7.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2010/64, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

2.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw għal persuni minn meta jkunu ġew infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, permezz ta’ nofitika uffiċjali jew notifika oħra, li huma suspettati jew akkużati li wettqu reat kriminali sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti, li huwa mifhum li jfisser il-konklużjoni finali tal‑kwistjoni dwar jekk huma wettqux ir-reat, inkluż, meta applikabbli, l-għoti ta’ sentenzi u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.

[…]”

8.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt għall‑interpretazzjoni”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni suspettati jew akkużati li ma jifhmux jew ma jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati, jiġu pprovduti b’interpretazzjoni mingħajr dewmien matul proċedimenti kriminali quddiem l-awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji, inkluż waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, is‑seduti tal-qorti kollha u kwalunkwe seduti interim meħtieġa.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta neċessarju bil-għan li tkun issalvagwardjata l-ġustizzja fil-proċedimenti, l-interpretazzjoni tkun disponibbli għall-komunikazzjoni bejn il-persuni suspettati jew akkużati u l-avukat tagħhom b’konnessjoni diretta ma’ kwalunkwe mistoqsija jew smigħ matul il-proċedimenti jew mat-tressiq ta’ appell jew applikazzjonijiet proċedurali oħra.

[…]

8.      L-interpretazzjoni provduta skont dan l-Artikolu għandha tkun ta’ kwalità suffiċjenti biex tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti, b’mod partikolari billi tiżgura li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom l-għarfien tal-każ kontrihom u jkunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom”.

9.        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt għat‑traduzzjoni ta’ dokumenti essenzjali”, huwa redatt fit-termini segwenti:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, persuni suspettati jew akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati jiġu, f’perijodu raġonevoli ta’ żmien, pprovduti bi traduzzjoni bil‑miktub tad-dokumenti kollha li huma essenzjali biex ikun żgurat li dawn ikunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u biex tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

2.      Id-dokumenti essenzjali għandhom jinkludu kwalunkwe deċiżjoni li jċaħħdu lil persuna mil-libertà tagħha, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża, u kwalunkwe sentenza.

3.      L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fi kwalunkwe każ partikolari, jiddeċiedu jekk huwiex essenzjali kwalunkwe dokument ieħor. Il‑persuni suspettati jew akkużati, jew l-avukat tagħhom, jistgħu jippreżentaw talba motivata għal dak il-għan.

[…]”

3.      Id-Direttiva 2012/13

10.      Id-Direttiva 2012/13 hija t-tieni strument adottat sabiex jissaħħu l-garanziji proċedurali tal-persuna suspettata jew akkużata f’materji kriminali fl-Unjoni. Hija tistabbilixxi d-dritt għall-informazzjoni fil‑kuntest ta’ proċeduri kriminali.

11.      Il-premessi 27, 28, 40 u 41 ta’ din id-direttiva jistabbilixxu:

“(27) Persuni akkużati li wettqu reat kriminali għandhom jingħataw kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuża biex tgħinhom iħejju d-difiża tagħhom u sabiex tiġi ssalvagwardjata l-ġustizzja tal‑proċeduri.

(28)      L-informazzjoni provduta lis-suspettati jew lill-persuni akkużati dwar ir-reat kriminali li huma jkunu ssuspettati jew akkużati li kkommettew għandha tingħata fil-pront, u mhux aktar tard minn qabel l-ewwel intervista uffiċjali tagħhom mill-pulizija jew awtorità kompetenti oħra, u mingħajr ma jippreġudika l-kors tal‑investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. Deskrizzjoni tal-fatti, inkluż, fejn magħrufa, il-ħin u l-post, relatati mal-att kriminali li l-persuni jkunu ssuspettati jew akkużati li wettqu, u l‑klassifikazzjoni legali possibbli tal-allegat reat għandhom jingħataw f’dettall suffiċjenti, filwaqt li jittieħed f’konsiderazzjoni l-istadju tal-proċeduri kriminali meta tingħata tali deskrizzjoni, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u sabiex jiġi permess l-eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża.

[…]

(40)      Din id-Direttiva għandha tistipula regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni wkoll f’sitwazzjonijiet li mhumiex previsti b’mod espliċitu f’din id-Direttiva. Il-livell ta’ protezzjoni m’għandu qatt jinżel taħt l-istandards previsti mill‑KEDB kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(41)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l‑prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B’mod partikolari, din id‑Direttiva tfittex li tippromwovi d-dritt tal-libertà, id-dritt għal proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża. Hija għandha tiġi implimentata skont dan”.

12.      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-għan tagħha kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom. […]”

13.      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/13 jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha f’dawn it-termini:

“Din id-Direttiva tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill‑awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell”.

14.      L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi d-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:

[…]

ċ)      id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża, f’konformità mal‑Artikolu 6;

[…]”

15.      Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.

[…]”

B –    Id-dritt Ġermaniż

16.      L-Artikolu 184 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja (Gerichtsverfassungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“GVG”) jipprevedi li l‑lingwa tal-qrati hija l-Ġermaniż.

17.      L-Artikolu 187 tal-GVG, kif emendat wara t-traspożizzjoni tad‑Direttivi 2010/64 u 2012/13, jistabbilixxi:

“1.      Il-qorti għandha tipprovdi, lill-persuna akkużata jew ikkundannata li ma tafx il-lingwa Ġermaniża jew li ma tifhimx jew ma hijiex kapaċi titkellimha, interpretu jew traduttur sa fejn dan huwa neċessarju sabiex hija tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha fil-proċeduri kriminali. Il‑qorti għandha tinforma lill-persuna akkużata, bil-lingwa li hija tifhem, li għal dan il-għan hija tista’ titlob l-assistenza gratwita ta’ interpretu jew ta’ traduttur għall-proċeduri kriminali kollha.

2.      L-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali tal-persuna akkużata li ma tafx il-lingwa Ġermaniża jeħtieġ, bħala regola ġenerali, it-traduzzjoni bil‑miktub tal-miżuri li jċaħħdu l-libertà kif ukoll tal-atti ta’ imputazzjoni, tad-digrieti kriminali u tas-sentenzi mhux definittivi. […]

[…]”

18.      Skont l-Artikolu 132(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Strafprozessordnung, iktar ’il quddiem is-“StPO”), in-nomina ta’ rappreżentanti għall-finijiet ta’ notifika topera kif ġej:

“Jekk il-persuna akkużata li hija ssuspettata li wettqet att punibbli ma għandhiex domiċilju fiss jew residenza skont din il-liġi, iżda r‑rekwiżiti sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest ma humiex issodisfatti, huwa possibbli li jiġi ordnat, sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tal‑proċeduri kriminali, li l-persuna akkużata:

1.      tagħti garanzija xierqa li tkopri l-multa mistennija u l-ispejjeż ġudizzjarji, u

2.      tagħti mandat lil persuna residenti fil-ġurisdizzjoni tal-qorti kompetenti sabiex tirċievi n-notifiki”.

19.      L-Artikolu 410 tas-StPO, li jirrigwarda l-oppożizzjoni għad‑digriet kriminali, huwa redatt kif ġej:

“1)      Il-persuna akkużata tista’ tikkontesta d-digriet kriminali billi tippreżenta, f’terminu ta’ ġimagħtejn min-notifika tiegħu, oppożizzjoni quddiem il-qorti li tat id-digriet, bil-miktub jew verbalment mar‑Reġistru. […]

[…]

3)      Jekk digriet kriminali ma jiġix ikkontestat fit-terminu preskritt, huwa jikseb in-natura ta’ res judicata”.

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20.      Waqt kontroll tal-pulizija mwettaq fil-25 ta’ Jannar 2014 fit‑territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kien ikkonstatat li G. Covaci, ċittadin Rumen, kien qed isuq vettura mingħajr kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili obbligatorja validu u li l‑assigurazzjoni (il-karta l-ħadra) ippreżentata kienet iffalsifikata.

21.      Sussegwentement, G. Covaci ġie interrogat dwar dawn il-fatti mill‑pulizija, bl-assistenza ta’ interpretu.

22.      F’din l-okkażjoni, G. Covaci, li la kellu domiċilju fiss u lanqas residenza taħt il-ġurisdizzjoni tal-liġi Ġermaniża, ippreżenta mandat għall-finijiet ta’ notifika irrevokabbli u miktub, bil-lingwa Rumena, favur tliet uffiċjali tal-Amtsgericht Laufen (il-Ġermanja). Dan id‑dokument kien jispjega li d-dokumenti ġudizzjarji kollha kellhom jiġu nnotifikati lil dawn ir-rappreżentanti u li t-termini tal-appell kellhom jibdew jiddekorru min-notifika tagħhom lill-imsemmija rappreżentanti.

23.      Fit-18 ta’ Marzu 2014, fi tmiem l-investigazzjonijiet, is-Staatsanwaltschaft Traunstein (prosekutur ta’ Traunstein, il-Ġermanja) talab lill-Amtsgericht Laufen tagħti digriet kriminali kontra G. Covaci għar-reati kollha mwettqa, għall-finijiet ta’ impożizzjoni ta’ multa.

24.      Id-digriet kriminali huwa proċedura kriminali ssimplifikata, li tippermetti li tiġi stabbilita piena b’mod unilaterali, mingħajr smigħ. Peress li jingħata mill-qorti fuq talba tal-prosekutur għal reati minuri mingħajr il-ħtieġa li l-akkużat jidher fiżikament, id-digriet kriminali huwa deċiżjoni provviżorja. Dan jikseb in-natura ta’ res judicata wara l-iskadenza tat-terminu għall-oppożizzjoni ta’ ġimagħtejn li jibdew jiddekorru min-notifika tal-imsemmi digriet, jekk ikun il-każ lir-rappreżentanti tal-akkużat. L-oppożizzjoni tista’ tiġi ppreżentata fit‑terminu preskritt bil-miktub jew verbalment fir-Reġistru u twassal għal seduta ġudizzjarja.

25.      Fit-talba tiegħu, l-iStaatsanwaltschaft Traunstein talab li d-digriet kriminali jkun innotifikat lill-akkużat permezz tar-rappreżentanti tiegħu u, barra minn hekk, li l-eventwali osservazzjonijiet bil-miktub, inkluż il‑preżentazzjoni ta’ appell kontra d-digriet, isiru bil-lingwa Ġermaniża.

26.      L-Amtsgericht Laufen, li għandha quddiemha t-talba għall-għoti ta’ digriet kriminali, tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tat-talbiet tas-Staatsanwaltschaft Traunstein mad-Direttivi 2010/64 u 2012/13. Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligu li jiġi ppreżentat appell kontra d-digriet kriminali fil-lingwa Ġermaniża, li jirriżulta mill‑Artikolu 184 tal-GVG, huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2010/64 li jipprevedu għal assistenza lingwistika bla ħlas għall-persuni akkużati fi proċeduri kriminali. Min-naħa l-oħra, din il‑qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-proċedura ta’ notifika tad-digriet kriminali lil rappreżentant, li sussegwentement jintbagħat b’posta normali lill-akkużat, mad-Direttiva 2012/13, u b’mod partikolari mad-dritt għall-informazzjoni dwar l-akkużi miġjuba kontrih.

27.      Għalhekk, l-Amtsgericht Laufen iddeċidiet li tissospendi l‑proċedura ta’ għoti ta’ digriet kriminali u tressaq lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 1(2) u 2(1) u (8) tad-Direttiva 2010/64 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ordni tal-qorti li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 184 tal-[GVG], teżiġi mill-persuni akkużati li ma jippreżentawx, taħt piena ta’ inammissibbiltà, appelli ħlief fil‑lingwa tal-qorti, f’dan il-każ il-Ġermaniż?

2)      L-Artikoli 2, 3(1)(c), u 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li akkużat jiġi ordnat jindika rappreżentant sabiex jirċievi n-notifiki meta t‑terminu għall-preżentata ta’ appell jibda jiddekorri mill‑komunikazzjoni lir-rappreżentant, u li fl-aħħar mill-aħħar hija irrilevanti l-kwistjoni dwar jekk il-persuna akkużata kellhiex fil-fatt għarfien tal-akkuża?”

III – L-analiżi tiegħi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

28.      Id-direttivi adottati abbażi tal-Artikolu 82 TFUE għandhom jiġu interpretati skont l-għanijiet taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u b’mod partikolari skont dawk tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

29.      Skont l-Artikolu 82(1) TFUE, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji. Mill‑punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(2) jirriżulta wkoll li, sabiex jiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku u l-kooperazzjoni tal‑pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jistabbilixxi regoli minimi dwar id-drittijiet tal-persuni fi proċeduri kriminali.

30.      Fil-fatt, huwa evidenti li dawn ir-regoli msejħa “minimi”, iżda li fir-realtà jirrigwardaw prinċipji ewlenin dwar, b’mod partikolari, id-drittijiet ta’ difiża u r-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq li minnhom l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw, huma intiżi sabiex jistabbilixxu jew isaħħu l-fiduċja reċiproka, il-bażi tar-rikonoxximent reċiproku, li huwa stess ngħata importanza bħala punt ċentrali għall-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

31.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ tali regoli msejħa “minimi”, u b’mod iktar ġenerali tat-termini tad-direttivi li jistabilixxuhom, jiena nidentifika tliet konsegwenzi.

32.      L-ewwel nett, l-espressjoni “regoli minimi”, li minflokha jiena personalment nippreferi dik ta’ “regoli inderogabbli”, ma għandhiex tkun interpretata, kif ħafna drabi kienet u mhux mingħajr raġunijiet ulterjuri, b’mod limitat bħala li tirrigwarda regoli ta’ importanza żgħira. Kif għadni kif urejt, din hija, fil-fatt, bażi mandatorja ta’ prinċipji proċedurali li jiżguraw, fil-kuntest tal-proċess kriminali, l‑implementazzjoni u r-rispett tad-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxu l-bażi ta’ valuri komuni li jagħmlu lill-Unjoni sistema bbażata fuq il-prinċipju tal-Istat tad-dritt.

33.      It-tieni nett, u fid-dawl ta’ dak li għadu kif ingħad, ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 82(2) TFUE għandhom jiġu interpretati fis‑sens proprju sabiex ikun żgurat l-effett utli sħiħ tagħhom, sa fejn tali interpretazzjoni, li ssaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet, issaħħaħ fl-istess waqt il-fiduċja reċiproka u, konsegwentement, tiffaċilita t-tgawdija tar‑rikonoxximent reċiproku. It-tnaqqis tal-kamp ta’ dawn ir-regoli permezz ta’ qari litterali tat-testi jista’ jikkontradixxi din is-sistema tar‑rikonoxximent reċiproku u għalhekk il-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

34.      It-tielet nett, l-obbligu tal-leġiżlatur tal-Unjoni, imfakkar fl-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 82(2) TFUE, li jikkunsidra t-tradizzjonijiet u s-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri jfisser li ma għandhiex tkun imposta sistema proċedurali waħda. Madankollu, fid-diversità tagħhom, is-sistemi proċedurali tal-Istati għandhom josservaw il-prinċipji inkwistjoni fl-implementazzjoni tagħhom jew inkella jkunu meqjusa bħala invalidi. L-istħarriġ dwar dan il-punt huwa l‑ewwel nett responsabbiltà tal-qrati nazzjonali, li għandhom għad‑dispożizzjoni tagħhom il-possibbiltà li jistaqsu lill-Qorti tal‑Ġustizzja permezz tar-rinviju preliminari f’każ ta’ diffikultà. F’dan ir-rigward, ninnota, li l-kwistjonijiet tad-dritt kriminali, b’mod partikolari fis-sens strett, huma kompetenza tal-qrati ġudizzjarji u li t‑tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri jagħmlu lil dawn gwardjani tal‑libertajiet individwali.

35.      Id-direttivi li qed jiġu evalwati jaqgħu, mingħajr kontestazzjoni minħabba l-għan tagħhom u d-dispożizzjonijiet tagħhom iċċarati mill‑premessi tagħhom, fil-kuntest tal-Artikolu 82 TFUE u jaqgħu għalhekk fil-metodu ta’ interpretazzjoni li għadni kif iddeskrivejt u li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta.

B –    Fuq l-ewwel domanda

36.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk l-Artikoli 1(2) kif ukoll 2(1) u (8) tad-Direttiva 2010/64 għandhomx ikunu interpretati fis‑sens li jipprekludu li persuna suġġetta għal digriet kriminali, li ma tafx il‑lingwa tal-proċedura tal-qorti li tat dan id-digriet, tkun prekluża milli tippreżenta appell kontra din is-sentenza fil-lingwa tagħha.

37.      Preliminarjament, għandha titneħħa kull ambigwità li tista’ tqajjem il-formulazzjoni ta’ din l-ewwel domanda fir-rigward tal-libertà li għandhom l-Istati Membri dwar id-determinazzjoni tal-lingwa tal‑proċedura.

38.      Id-Direttiva 2010/64 la għandha l-għan u lanqas l-effett li tippreġudika l-libertà tal-Istati Membri li jagħżlu l-lingwa tal-proċedura, jiġifieri l-lingwa li fiha l-atti u d-dokumenti tal-proċeduri huma fformulati u li biha jesprimu ruħhom l-awtoritajiet ġudizzjarji. Din id‑direttiva, għall-kuntrarju, għandha l-ambizzjoni li tippreżerva din il‑libertà filwaqt li tirrikonċiljaha mal-protezzjoni tad-drittijiet tal‑persuna suspettata li wettqet ksur jew akkużata b’dan il-mod billi tiggarantilha d-dritt li tibbenefika minn assistenza lingwistika bla ħlas u xierqa meta hija ma titkellimx jew ma tifhimx il-lingwa tal-proċedura (7).

39.      Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 184 tal-GVG, li jeħtieġu l-osservanza tal-lingwa Ġermaniża bħala lingwa tal-proċedura, ma jmorrux kontra d-Direttiva 2010/64 (8).

40.      Barra minn hekk, huwa materjalment impossibbli li l-persuna suspettata jew akkużata tesprimi ruħha b’lingwa li hija ma tafx Il‑parteċipazzjoni effettiva tagħhom fil-proċedura kriminali u l‑eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża tagħhom jeħtieġu b’mod inevitabbli l‑intervent ta’ interpretu jew ta’ traduttur. Dan kien barra minn hekk il‑każ f’din il-kawża fil-fażi tal-investigazzjoni tal-pulizija, fejn G. Covaci bbenefika mill-assistenza ta’ interpretu waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija.

41.      Dan l-ostakolu lingwistiku jibqa’ matul il-proċedura kollha. Għalhekk, il-preżentata ta’ appell kontra deċiżjoni ġudizzjarja ma tistax ma tingħatax is-servizz ta’ interpretu jew traduttur, sabiex il‑volontà ta’ oppożizzjoni espressa fil-lingwa li taf il-persuna akkużata tkun iddikjarata fil-lingwa tal-proċedura.

42.      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi enfasizzat li, għall-kuntrarju ta’ kif tista’ tinftiehem id-deċiżjoni tar-rinviju u hekk kif jirriżulta mill‑osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, id-dritt Ġermaniż jidher li jippermetti li persuna akkużata bħal G. Covaci tappella minn digriet kriminali b’lingwa li hija taf. Barra minn hekk, dan l-istess dritt, u b’mod partikolari l-Artikolu 187 tal-GVG, jidher li jiżgura lil tali persuna assistenza lingwistika xierqa sabiex tali appell jiġi tradott għal-lingwa tal-proċedura.

43.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-konformità tad‑dritt Ġermaniż mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad‑Direttiva 2010/64, fid-dawl tal-argumenti li ġejjin.

44.      Id-Direttiva 2010/64 tistabbilixxi d-dritt għal assistenza lingwistika bla ħlas u adegwata sabiex tippermetti lill-persuni suspettati jew akkużati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċeduri kriminali jeżerċitaw b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħhom u sabiex tiżgura n-natura ġusta tal-proċeduri. Kif ġustament jirrileva l-Gvern Ġermaniż, għalhekk il-kwistjoni hawn hija li jiġi evalwat jekk din l-assistenza lingwistika tapplikax fil-kuntest tal-preżentata ta’ appell (9). B’mod iktar konkret, għandu jiġi ddeterminat jekk l-ispiża tal-intervent ta’ traduttur jew ta’ interpretu f’dan il-kuntest għandhiex tkun fuq id‑difiża, billi tobbligaha tippreżenta appell fil-lingwa Ġermaniża, jew fuq il-prosekuzzjoni, billi tawtorizza lid-difiża tippreżenta appell f’lingwa oħra li ma hijiex dik tal-proċedura.

45.      F’dan l-istadju, jidhirli li huwa importanti, li jiġi ppreċiżat li r‑risposta tiegħi ma tistax tkun limitata għal każ ta’ digriet kriminali. Fil-fatt, il-konfrontazzjoni u l-konċiljazzjoni neċessarja tal-lingwa tal‑proċedura u tal-lingwa tal-persuna akkużata ma humiex diffikultajiet limitati għal din il-forma ta’ proċedura ssimplifikata.

46.      Il-proċedura ta’ sentenza ssimplifikata li tikkostitwixxi d-digriet kriminali ċertament tippreżenta partikolaritajiet fir-rigward tal‑eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. Għalhekk, in-nuqqas ta’ dehra tal‑persuna akkużata f’seduta jċaħħadha minn kull possibbiltà li tippreżenta l-verżjoni tagħha tal-fatti quddiem qorti qabel il-preżentata ta’ appell kontra d-digriet kriminali adottat kontriha. Din il-partikolarità tad-digriet kriminali kienet enfasizzata mill-Kummissjoni Ewropea sabiex issostni li n-nuqqas ta’ seduta jċaħħad lid-difiża mill-possibbiltà li teżerċita d-dritt tagħha għal interpretazzjoni u li, għalhekk, hija biss il‑possibbiltà li tippreżenta appell fil-lingwa tagħha li tagħtiha l‑opportunità li tiddefendi, sussegwentement, il-każ tagħha quddiem qorti billi tibbenefika mill-assistenza ta’ interpretu waqt seduta (10).

47.      Ma naqbilx mar-raġunament propost mill-Kummissjoni. Fil-fatt, ikun ferm limitattiv jekk l-appell kontra digriet kriminali jiġi previst bħala mezz li permezz tiegħu tista’ tibbenefika mid-dritt għall‑interpretazzjoni waqt seduta. Minn naħa, id-dritt għall‑interpretazzjoni, kif protett mid-Direttiva 2010/64, għandu kamp ta’ applikazzjoni ferm iktar wiesa’ minn dak tas-seduta ġudizzjarja. Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li donnha tikkunsidra l‑Kummissjoni, is-seduta ġudizzjarja ma hijiex l-unika stadju li jiggarantixxi ġustizzja proċedurali. Il-garanziji proċedurali huma eżerċitati matul il-proċess kriminali kollu. Peress li l-preżentata ta’ appell hija stadju proċedurali fiha nnifisha, jidhirli li ma huwiex xieraq li l-azzjoni ġudizzjarja tiġi prevista bħala mezz ta’ aċċess għad-drittijiet ta’ difiża waqt is-seduta u mhux bħala, fiha nnifisha, mezz għad-difiża sabiex teżerċita d-drittijiet li hija tgawdi matul il-proċedura kollha.

48.      Għalhekk fl-opinjoni tiegħi, huwa essenzjali li l-ewwel domanda tiġi eżaminata f’termini ġenerali u li jiġi ddeterminat jekk il-persuna akkużata fil-proċedura kriminali kollha, issimplifikata jew klassika, tistax tibbenefika mill-assistenza bla ħlas ta’ interpretu jew ta’ traduttur fil-kuntest tal-preżentata ta’ appell. F’dan ir-rigward huwa irrilevanti jekk tali persuna kinitx irrikorriet diġà għall-assistenza ta’ interpretu jew ta’ traduttur fl-okkażjoni ta’ seduta qabel il-preżentata ta’ appell.

49.      Att promotur ta’ appell bħall-oppożizzjoni għal digriet kriminali li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippreżenta l-partikolarità li huwa att ta’ proċedura kriminali magħmul mill-persuna akkużata lill‑awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti u mhux att maħruġ minn dawn l‑awtoritajiet lill-persuna akkużata. Il-kwistjoni mqajma mill-qorti tar‑rinviju tistieden għalhekk li jiġi evalwat sa fejn id-dritt għal assistenza lingwistika japplika fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ att.

50.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2010/64 jistabbilixxi d-dritt għal assistenza lingwistika fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Din id‑direttiva tipproteġi b’mod iktar preċiż, minn naħa, id-dritt għal assistenza ta’ interpretu u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal assistenza ta’ traduttur billi tiddedika artikolu speċifiku għal kull wieħed, bil-għan li tikkonsolida l-protezzjoni tagħhom (11). Barra minn hekk, dan l-approċċ huwa differenti minn dak meħud mill-KEDB li, fl-Artikolu 6(3)(e) tagħha tistabbilixxi biss id-dritt għal assistenza ta’ interpretu, u kienet il‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li estendiet dan id-dritt għat-traduzzjoni ta’ ċerti dokumenti tal-proċedura (12).

51.      Fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx dubju li att promotur ta’ appell jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/64, li l-leġiżlatur tal‑Unjoni ried partikolarment jestendi, jiġifieri bħala li jkopri l‑proċeduri kriminali fit-tul kollu tagħhom.

52.      Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id‑direttiva, id-dritt għal interpretazzjoni u traduzzjoni “għandhom japplikaw għal persuni minn meta jkunu ġew infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru […] li huma suspettati jew akkużati li wettqu reat kriminali sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti, li huwa mifhum li jfisser il-konklużjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk huma wettqux ir-reat, inkluż, meta applikabbli, l-għoti ta’ sentenzi u r‑riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell” (13).

53.      Kif diġà indikajt, id-dritt għal assistenza lingwistika fid-Direttiva 2010/64 jinqasam f’żewġ drittijiet kumplimentari, jiġifieri, minn naħa, id-dritt għal interpretazzjoni rregolat mill-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, id-dritt għat-traduzzjoni tad-dokumenti essenzjali, iddefinit fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva.

54.      Waħda mid-diffikultajiet li tqajjem il-kwistjoni li qed tiġi eżaminata hija sabiex jiġi stabbilit liema minn dawn iż-żewġ artikoli jikkostitwixxi d-dispożizzjoni rilevanti għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din id-diffikultà għandha l‑konsegwenza li, għalkemm kulħadd jaqbel li d-dritt ta’ oppożizzjoni jew appell minn deċiżjoni li tirrigwarda kundanna kriminali jikkostitwixxi dritt essenzjali tad-difiża, il-persuna akkużata tista’ fir‑realtà tkun imċaħħda mill-possibbiltà li teżerċita dan id-dritt, ħaġa li twassal għaċ-ċaħda tar-rimedju ta’ appell previst fid-dritt nazzjonali. Għalhekk, kif indikajt fl-osservazzjonijiet preliminari tiegħi, għandha ssir interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikoli tad-Direttiva 2010/64, b’konformità mal-għan intiż sabiex jissaħħu d-drittijiet tal-persuni fil‑proċeduri kriminali. F’din il-perspettiva, għandu jiġi stabbilit liema mill-Artikoli 2 jew 3 ta’ din id-direttiva, li sorprendentement fiha lakuni minkejja n-natura essenzjali tad-dispożizzjonijiet li hija tipprevedi, huwa l-aħjar sabiex jiggarantixxi lill-persuna akkużata d-dritt li tuża b’mod effettiv ir-rimedji ġudizzjarji offruti mid-dritt nazzjonali.

55.      Fir-rigward ta’ att promotur ta’ appell, fl-opinjoni tiegħi, għandha tiġi eskluża kull applikazzjoni tad-dritt għat-traduzzjoni kif protett mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/64 sabiex jiġi applikat l‑Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

56.      Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, il-persuna akkużata fi proċeduri kriminali għandha tibbenefika mit-traduzzjoni bil‑miktub tad-dokumenti kollha essenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha, biex tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċeduri. Apparti d-deċiżjonijiet li jċaħħdu l-libertà, l-imputazzjonijiet u l-akkużi kif ukoll is-sentenzi, espressament previsti fl-Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 2010/64, id-dokumenti essenzjali li jeħtieġu traduzzjoni bil-miktub huma ddeterminati b’mod liberu mill-awtoritajiet kompetenti.

57.      L-att promotur ta’ appell huwa, ċertament, essenzjali għall‑eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. Madankollu, id-difiża ma tistax titlob it-traduzzjoni tiegħu fil-lingwa tal-proċedura abbażi tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 3 turi, fil-fatt, li huwa intiż li jirregola biss it-traduzzjoni tad-dokumenti essenzjali mil-lingwa tal‑proċedura lejn lingwa li taf il-persuna akkużata. Dan jirriżulta mill‑fatt li d-dokumenti essenzjali elenkati fl-Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 2010/64, minkejja li din il-lista ma hijiex eżawrjenti, jikkostitwixxu dokumenti maħruġa mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti. Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(4) ta’ din l-istess direttiva jista’ jiġi dedott b’mod ċar li t-traduzzjoni tad-dokumenti essenzjali fis-sistema tal-imsemmija direttiva hija intiża, b’mod partikolari, sabiex “il-persuni suspettati jew akkużati jkollhom l‑għarfien tal-każ kontrihom”.

58.      Il-persuni suspettati jew akkużati ma jistgħux jipprevalixxu mid‑dritt għat-traduzzjoni ta’ dokument essenzjali ħlief jekk huma ma jafux il-lingwa li biha huwa redatt. Il-fatt li tifhem dokument, billi tifhem is‑sens tiegħu, jimplika li d-difiża tirċevih u mhux li tippreżentah hija stess. Għaldaqstant, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/64 jirrigwarda biss it-traduzzjoni ta’ dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, li għandhom jinftiehmu mill-persuna akkużata, bħal pereżempju, id-deċiżjonijiet li jċaħħdu l-libertà u s-sentenzi.

59.      Għalhekk huwa fid-dawl tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva li għandha tiġi indirizzata l-problema tal-assistenza lingwistika fir-rigward tal-preżentata ta’ appell minn persuna li kienet suġġetta għal sentenza kriminali.

60.      Dan l-Artikolu 2 jistabbilixxi d-dritt għall-interpretazzjoni. Huwa jipprovdi l-assistenza ta’ interpretu matul il-proċeduri kriminali kollha meta l-persuna suspettata jew akkużata ma titkellimx jew ma tifhimx il‑lingwa tal-proċedura. Kuntrarjament għall-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, l-assistenza lingwistika hija, fil-kuntest tal-Artikolu 2 tad‑Direttiva 2010/64, meħtieġ mid-difiża “mhux biss sabiex tifhem, iżda wkoll sabiex tinftiehem”.

61.      Meta l-persuna akkużata ma hijiex kapaċi tesprimi ruħha bil‑lingwa tal-proċedura, hija għalhekk għandha dritt għas-servizzi ta’ interpretu sabiex dak li jiġi espress f’lingwa li hija ma tafx, b’mod orali, miktub u possibbilment permezz tal-lingwaġġ tas-sinjali jekk hija għandha problemi tas-smigħ jew ta’ kliem, jiġi tradott fil-lingwa tal‑proċedura.

62.      Konsegwentement, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/64 japplika kemm għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet jew l-atti maħruġa lid‑difiża kif ukoll għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet jew l-atti maħruġa mid-difiża lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

63.      Barra minn hekk, kif rajna, mill-formulazzjoni tal‑Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta b’mod ċar li d-dritt għal assistenza lingwistika għandu applikazzjoni estiża u li s-servizzi bla ħlas ta’ interpretu huma meħtieġa mid-difiża matul il-proċedura kollha, inkluż għalhekk fil-kuntest ta’ preżentata ta’ appell.

64.      Barra minn hekk, għalkemm l-assistenza ta’ interpretu hija intiża għal waqt is-seduti, il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2010/64 turi li tali assistenza ma hijiex limitata għal dak l‑istadju orali tal-proċeduri kriminali biss. L-assistenza ta’ interpretu tista’ għalhekk tintalab waqt l-istadju proċedurali li jikkostitwixxi l‑preżentata ta’ appell kontra sentenza kriminali.

65.      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-formulazzjoni tal‑Artikolu 2(2) ta’ din l-istess direttiva, li tistabbilixxi l-intervent bla ħlas ta’ interpretu fir-relazzjonijiet bejn il-persuni suspettati jew akkużati u l‑avukati tagħhom.

66.      Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, sa fejn huwa neċessarju sabiex tkun iggarantita proċedura ġusta, il-persuni suspettati jew akkużati jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi ta’ interpretu waqt komunikazzjonijiet mal-avukat tagħhom “mat-tressiq ta’ appell jew applikazzjonijiet proċedurali oħra”.

67.      Ma nara l-ebda raġuni għall-esklużjoni tal-possibbiltà li persuna akkużata li ma għandhiex avukat tibbenefika wkoll mill‑assistenza ta’ interpretu sabiex tippreżenta appell kontra sentenza kriminali.

68.      Id-digriet kriminali, mogħti fl-aħħar ta’ proċeduri kriminali ssimplifikati, huwa deċiżjoni ġudizzjarja li kontrih il-persuna akkużata tista’ tagħmel oppożizzjoni mingħajr l-assistenza ta’ avukat, bil-miktub jew verbalment quddiem ir-Reġistru tal-qorti li ħarġet id-digriet kriminali. Li kieku G. Covaci kien akkużat fil-kuntest ta’ proċedura klassika, bl-assistenza ta’ avukat, huwa seta’ jibbenefika mis-servizzi bla ħlas ta’ interpretu sabiex jippreżenta appell kontra sentenza mogħtija kontra tiegħu.

69.      Fl-opinjoni tiegħi, id-dritt għal assistenza bla ħlas ta’ interpretu għall-preżentata ta’ appell ma jistax ikun suġġett għall-kundizzjoni ta’ intervent ta’ avukat mingħajr ma jippreġudika b’mod gravi l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna akkużata li tixtieq twettaq biss atti ta’ proċedura.

70.      L-iskop tad-Direttiva 2010/64 jimmilita favur l-interpretazzjoni fis-sens li persuna akkużata, li ma tafx il-lingwa tal-proċedura, għandha tkun tista’ tippreżenta appell kontra sentenza kriminali bil-lingwa li hija taf u tibbenefika mill-assistenza ta’ interpretu fir-rigward tat-traduzzjoni ta’ dan l-appell fil-lingwa tal-proċedura.

71.      F’dan ir-rigward, il-premessa 17 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi b’mod ċar li hija “għandha tiżgura li jkun hemm assistenza lingwistika bla ħlas u adegwata, li tagħmilha possibbli għall-persuni suspettati jew akkużati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tad-difiża u li tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti”.

72.      Minn din il-perspettiva, eżerċizzju sħiħ u komplet tad-drittijiet tad-difiża jeħtieġ, minn naħa, li l-persuna akkużata tkun tista’ tippreżenta f’lingwa li hija taf appell kontra sentenza kriminali u, min‑naħa l-oħra, li hija tibbenefika mill-assistenza ta’ interpretu sabiex jittraduċi dan l-appell fil-lingwa tal-proċedura. Fuq kollox, għandu jiġi kkunsidrat li fil-kuntest tal-formulazzjoni ta’ appell, l-interpretazzjoni tal-volontà tal-persuna akkużata li tikkontesta l-kundanna tagħha titwettaq permezz tat-traduzzjoni ta’ dan l-appell fil-lingwa tal‑proċedura.

73.      L-intervent ta’ interpretu jippermetti lill-persuna akkużata tressaq lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti l-argumenti u l-motivi tad-difiża tagħha jew, sabiex nuża t-termini użati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem, “li tiddefendi ruħha, b’mod partikolari billi tressaq lill‑qorti l-verżjoni tagħha tal-fatti” (14). Il-preżentata ta’ appell kontra sentenza kriminali tippermetti lill-persuna akkużata tressaq ir-raġunijiet li għalihom din is-sentenza hija kontestabbli. Li tiġi mċaħħda mill‑assistenza ta’ interpretu fil-kuntest tal-preżentata ta’ tali appell, jipprekludi, jew saħansitra jannulla, l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ta’ din il-persuna.

74.      Waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż iddefenda l-interpretazzjoni li tgħid li d-Direttiva 2010/64 ma tipprekludix li Stat Membru jeħtieġ, fuq piena ta’ inammissibbiltà, li persuna tippreżenta appell fil-lingwa tal‑proċedura tal-qorti kompetenti, sakemm huwa jipprovdi lil din il‑persuna bil-quddiem l-assistenza ta’ interpretu jew ta’ traduttur. Tali pożizzjoni hija, fl-opinjoni tiegħi, sintomatika tal-inkomprensjoni li jqajjem il-kunċett ta’ regoli minimi. Fil-fatt, dan il-Gvern sostna l-pożizzjoni tiegħu fuq l-argument li jgħid li din id-direttiva tipprevedi biss l‑adozzjoni ta’ regoli minimi sabiex iżżomm interpretazzjoni restrittiva tal-imsemmija direttiva. Kif indikajt fl-osservazzjonijiet preliminari tiegħi, dan il-mod ta’ raġunament jidhirli li huwa żbaljat. L‑għan ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali iktar effettiva, li tinkiseb permezz tat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati jew akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, titlob, għall‑kuntrarju, interpretazzjoni wiesgħa tad-Direttiva 2010/64, jiġifieri dik li tiżgura l-aħjar protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati.

75.      Issa, fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx dubju li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkaratterizzata minn terminu għall-appell relattivament qasir, jiġifieri ħmistax-il ġurnata, il-persuna suġġetta għal digriet kriminali għandha l-ewwel tkun tista’ topponi għalih, sabiex tevita li dan it-terminu jiddekorri, filwaqt li l-interpretu jintervjeni biss wara sabiex jiżgura t-traduzzjoni tal-appell fil-lingwa tal-proċedura. Is-soluzzjoni difiża mill-Gvern Franċiż, li tikkonsisti fl‑intervent ta’ interpretu qabel il-preżentata tal-appell, tista’ twassal, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tirrendi eċċessivament diffiċli, jew saħansitra impossibbli, l-appell fit-terminu impost. Ma’ din il-problema tiżdied il-kwistjoni dwar b’liema lingwa l‑persuna suġġetta għal sentenza kriminali għandha tifformula t-talba tagħha li tkun assistita minn interpretu sabiex tkun tista’ tifformula l-appell tagħha. Mistoqsi dwar dan waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż ma tax tweġiba.

76.      Fl-aħħar għandu jiġi nnotat li d-Direttiva 2010/64 tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-għażla tal-forma li jista’ jieħu s‑servizz ta’ interpretazzjoni pprovdut sakemm ikun bla ħlas u ta’ kwalità suffiċjenti sabiex jissalvagwardja proċeduri ġusti u jippermetti lid-difiża teżerċita d-drittijiet tagħha.

77.      Il-materjalizzazzjoni tal-assistenza ta’ interpretu tista’ tieħu diversi forom skont il-partikolaritajiet tal-proċedura inkwistjoni. L-assistenza tista’ b’mod evidenti tkun orali, meta dan ikun fiżikament preżenti u jinterpreta simultanjament l-argumenti tad-difiża jew dawk indirizzati lilha. Hija tista’ wkoll timmaterjalizza taħt il-forma ta’ sinjali meta, pereżempju, persuna jkollha problemi tas-smigħ jew ta’ kliem u ma tistax tesprimi ruħha verbalment. L-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2010/64 jipprevedi, barra minn hekk, f’każ fejn il-preżenza fiżika tal-interpretu ma tkunx indispensabbli, l-użu ta’ mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni bħal video conferencing, it-telefon jew l-internet. Huwa previst ukoll li l-assistenza lingwistika tieħu l-forma ta’ formularju tal-appell tradott jew bilingwi, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni (15). Huwa possibbli wkoll li flimkien mad-deċiżjoni ta’ kundanna kriminali stess meta din tiġi nnotifikata jew mibgħuta lill-persuna kkonċernata, u fejn xejn ma jipprekludi li hija għandha tiġi tradotta u li hemm bażi legali ċara sabiex isir dan, tiġi annessa kopja fil-lingwa ta’ dik il-persuna sabiex hija ma jkollha bżonn tagħmel xejn iktar ħlief timliha jekk hija tqis li għandha tagħmel dan u tirritornaha fl-indirizz tal-qorti li quddiemha għandu jiġi ppreżentat l-appell.

78.      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt għall‑interpretazzjoni ma huwiex manifestat biss bl-assistenza orali tal‑persuna li ma titkellimx il-lingwa tal-proċedura. Dan id-dritt jista’ jieħu wkoll il-forma ta’ traduzzjoni bil-miktub tal-argumenti espressi mid-difiża f’dokument bħal att promotur ta’ appell.

79.      Għall-kuntrarju, hekk kif jirriżulta espressament mill-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2010/64, it-traduzzjoni tad-dokumenti essenzjali tista’ tieħu forma orali.

80.      F’dan il-każ, l-assistenza ta’ interpretu fil-kuntest tal‑oppożizzjoni kontra digriet kriminali tista’ tieħu kemm il-forma orali kif ukoll il-forma miktuba. Fil-fatt, skont l-Artikolu 410(1) tas-StPO, l‑oppożizzjoni tad-digriet kriminali tista’ ssir bil-miktub jew verbalment quddiem ir-Reġistru tal-qorti li tagħti d-digriet. Fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li, sa fejn l-assistenza ta’ interpretu hija żgurata fil‑kuntest ta’ appell magħmul verbalment quddiem ir-Reġistru tal-qorti kompetenti, tali assistenza għandha, bl-istess mod, tkun żgurata meta l‑appell isir bil-miktub.

81.      Għalhekk nikkonkludi li l-Artikoli 1(2) kif ukoll 2(1) u 8 tad‑Direttiva 2010/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li tipprevedi l-użu ta’ lingwa partikolari bħala lingwa tal-proċedura quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat. Madankollu, dawn l-istess dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li persuna suġġetta għal sentenza f’materji kriminali u li ma tafx il-lingwa tal-proċedura tippreżenta bil-lingwa tagħha stess appell kontra tali sentenza, u l-qorti kompetenti hija responsabbli li timplementa, skont id-dritt għall-interpretazzjoni li għandha l-persuna akkużata skont l-Artikolu 2 ta’ dik id-direttiva, il-mezzi xierqa sabiex tiżgura t-traduzzjoni tal-appell fil-lingwa tal-proċedura.

C –    Fuq it-tieni domanda

1.      Osservazzjonijiet preliminari

82.      Fi proċeduri kriminali, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ kundanna tippreżumi li din hija eżekuttiva. Dan il-kunċett huwa differenti mill‑kunċett ta’ deċiżjoni definittiva f’ċerti ċirkustanzi, b’mod partikolari s-segwenti.

83.      L-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ kundanna tippreżumi li r-rimedji jkunu ġew eżawriti, sitwazzjoni li ma hijiex dik li għandna hawnhekk, fejn il-persuna kkundannata ma eżerċitathomx.

84.      Dan it-tieni każ jippreżumi li l-persuna kkundannata kienet taf bid-deċiżjoni ta’ kundanna u li, b’għarfien tal-kwistjoni, astjeniet milli tikkontestaha.

85.      Meta l-persuna kkonċernata tkun preżenti waqt li ngħatat id‑deċiżjoni ta’ kundanna, ma teżisti ebda diffikultà u, fl-iskadenza tat‑terminu tal-appell, id-deċiżjoni ssir eżekuttiva u, f’dan il-każ, definittiva wkoll.

86.      Meta l-persuna kkonċernata ma tkunx preżenti meta ngħatat id‑deċiżjoni ta’ kundanna, din id-deċiżjoni għandha titwassal għall‑konoxxenza tagħha, u l-kundanna ssir eżekuttiva biss ladarba l‑persuna involuta tkun innotifikata u wara l-iskadenza tar-rimedji li t‑terminu għall-eżerċizzju tagħhom jibda’ jiddekorri meta titwettaq din il-formalità.

87.      Il-persuna kkundannata tista’ wkoll ma tkunx innotifikata għal raġunijiet imputabbli lilha (pereżempju, ħarba) jew le (pereżempju, nuqqasijiet min-naħa tad-dipartimenti responsabbli min-notifika). Madankollu, f’dawn il-każijiet is-sentenza għandha tiġi eżegwita u għalhekk hija tieħu natura eżekuttiva. Din tal-aħħar tingħata permezz ta’ metodu ta’ notifika formali, f’dan il-każ lir-rappreżentant, li ma tistax tirrendi s-sentenza definittiva u għalhekk tippermetti l-eżerċizzju tar‑rimedji meta, fl-istadju tal-eżekuzzjoni, il-persuna kkonċernata tkun instabet u/jew tkun ġiet informata bl-eżistenza tas-sentenza kriminali.

88.      Fir-rigward tal-metodu tan-notifika, li jiena kklassifikajt bħala “formali”, l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminawh skont kif jaħsbu li huwa l-iktar xieraq.

89.      Is-sistema proċedurali Ġermaniża, kif ġiet spjegata waqt is-seduta, tikkonsisti, fil-każijiet fejn, mill-bidu, jista’ jkun maħsub li ser ikun diffiċli li tinstab il-persuna kkonċernata sussegwentement (bħal ma ġara f’dan il‑każ ta’ domiċilju f’pajjiż barrani), fl-użu ta’ rappreżentant li, fir-realtà, jidhirli li jikkostitwixxi punt ta’ kuntatt uffiċjali bejn l-awtorità ġudizzjarja u l-persuna akkużata. L-użu ta’ dan ir-rappreżentant jinvolvi obbligi għall-awtorità ġudizzjarja (obbligu li jgħaddu lilu atti tan‑notifika), għar-rappreżentant (obbligu li jibgħat id-dokumenti li jirċievi lill-persuna akkużata) u għall-persuna akkużata li għandha tinforma ruħha mingħand dan tal-aħħar sabiex tkun taf l-istat tal‑proċedura.

90.      Hija t-trażmissjoni lir-rappreżentant mill-qorti tad-deċiżjoni li għandha tiġi nnotifikata li ser tikkostitwixxi l-att ta’ proċedura li minnu jibda jiddekorri t-terminu li fl-iskadenza tiegħu id-deċiżjoni ta’ kundanna ssir eżekuttiva.

91.      Din is-sistema proċedurali li hija adottata mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma hijiex kritikabbli fiha nnifisha, ħlief f’dak li jirrigwarda r-regola stabbilita fl-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 82(2) TFUE, jiġifieri li r-regoli adottati abbażi ta’ dan il‑paragrafu għandhom jikkunsidraw id-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri.

92.      L-imsemmija sistema proċedurali xorta għandha tissodisfa, fl‑istadju tal-implementazzjoni tagħha, in-neċessità li tippermetti l‑eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna akkużata, ħaġa li għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata lit‑tieni domanda.

2.      L-analiżi tiegħi

93.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, l-Amtsgericht Laufen essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk l‑Artikoli 2, 3(1)(ċ) kif ukoll 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13 għandhomx ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li fil-kuntest ta’ proċedura kriminali l-persuna akkużata li ma toqgħodx f’dan l-Istat Membru tinnomina rappreżentant għall-finijiet tan-notifika ta’ digriet kriminali adottat kontriha, segwita bil-fatt li r-rappreżentant jibgħat kopja ta’ dan id-digriet bil-posta normali lill-persuna akkużata, it‑terminu ta’ ġimagħtejn għal oppożizzjoni kontra dan id-digriet jibda jiddekorri min‑notifika ta’ dan lir-rappreżentant.

94.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-Amtsgericht Laufen tippreċiża li n-nomina ta’ rappreżentant sabiex jirċievi n-notifiki li hija prevista fl‑Artikoli 116, 127a u 132 tas-StPO għandha l-konsegwenza li t‑terminu sabiex jiġi ppreżentat appell kontra deċiżjoni adottata matul proċeduri kriminali jibda jiddekorri min-notifika ta’ tali deċiżjoni lir‑rappreżentant nominat. Dan tal-aħħar sussegwentement jibgħat l‑imsemmija deċiżjoni lill-persuna akkużata b’posta normali, mingħajr prova li ġiet mibgħuta u/jew li ġiet riċevuta. Huwa għalhekk irrilevanti, b’mod partikolari għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu tal-appell, jekk u meta l-persuna akkużata effettivament tirċievi deċiżjoni adottata matul il-proċeduri kriminali. Il-qorti tar-rinviju tindika, f’dan ir-rigward, li fil‑każ ta’ digriet kriminali, hija l-persuna akkużata li għandha tiżgura li dan tal-aħħar jasal għandha u li jkollha aċċess għal qorti.

95.      Id-Direttiva 2012/13 tipproteġi, skont l-Artikolu 1 tagħha, “id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom”.

96.      Dawn iż-żewġ aspetti tad-dritt għall-informazzjoni huma previsti minn żewġ artikoli distinti ta’ din id-direttiva, li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tagħhom. L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jirrigwarda, skont it-titolu tiegħu, id-“dritt għal informazzjoni dwar id‑drittijiet”. L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13 jirrigwarda, min-naħa tiegħu, id-“dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża”.

97.      Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil‑pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin [(a) sa (e)], kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet”. Fost id-drittijiet proċedurali imsemmija hemm, fl-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, “id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża, f’konformità mal-Artikolu 6”.

98.      Infakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/13, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid‑dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża”.

99.      Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) ta’ din l-istess direttiva jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar‑reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata”.

100. Mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/13 jirriżulta li hija għandha kamp ta’ applikazzjoni partikolarment wiesgħa. Fil-fatt, skont din id‑dispożizzjoni, din id-direttiva “tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il‑proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell” (16).

101. L-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13 għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 2(1) ta’ din l-istess direttiva. B’hekk, sa fejn il‑leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda b’mod ċar l-applikazzjoni tad‑Direttiva 2012/13 matul il-proċedura kriminali kollha, mill‑ewwel suspetti sal-għoti tas-sentenza, jekk ikun il-każ wara l‑eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji, għandu jiġi kkunsidrat li d-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża miġjuba kontriha, previst fl‑Artikolu 6(1) u (3) tal-imsemmija direttiva, jinkludi d-dritt li l‑persuna akkużata tkun informata b’deċiżjoni ta’ kundanna kriminali mogħtija kontra tagħha qabel u għall-finijiet tal-eventwali preżentata ta’ appell kontra tali deċiżjoni.

102. Għalhekk, ir-rekwiżit, li jinsab fl-Artikolu 6(3) tad‑Direttiva 2012/13, li għandha tingħata informazzjoni ddettaljata “mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti” tkopri s-sitwazzjoni fejn jingħata digriet kriminali kontra persuna akkużata u tista’ ssir oppożizzjoni minnha kontra dan id-digriet, li jwassal mill-ġdid, iżda din id-darba fil-kuntest ta’ proċedura klassika, sabiex qorti tiddeċiedi dwar “[i]l-merti tal-akkuża”.

103. F’tali każ, id-dritt għall-informazzjoni dwar l-akkuża mressqa kontra persuna għandu l-għan li jippermetti lill-persuna akkużata teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħha, u b’mod partikolari li tippreżenta appell kontra s-sentenza kriminali li hija suġġetta għaliha.

104. Fl-opinjoni tiegħi, il-mekkaniżmu Ġermaniż ta’ notifika tad‑digriet kriminali lil rappreżentant, li sussegwentement jintbagħat b’posta normali lill-persuna akkużata ma jiksirx, fil-prinċipju tiegħu u bla ħsara għal dak li ser nesponi ulterjorment, id-dritt għall‑informazzjoni dwar l-akkuża mressqa kontriha kif protett mill‑Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13.

105. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva ma tirregolax il‑kwistjoni tal-modalitajiet tan-notifika tal-atti mogħtija matul il‑proċeduri kriminali.

106. Madankollu, l-Istati Membri, meta jistabbilixxu dawn il‑modalitajiet ta’ notifika, għandhom jiżguraw li josservaw id-drittijiet li l-persuni akkużati għandhom skont l-imsemmija direttiva. Għalhekk, is‑soluzzjoni sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għan‑notifika tad-digrieti kriminali mogħtija kontra persuni li ma jirrisjedux f’dan l-Istat Membru hija kritikabbli biss jekk tippreġudika d-dritt għall-informazzjoni dwar l-akkuża kontrihom, u b’mod iktar wiesa’ d-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari dak li jiġi ppreżentat appell.

107. Kif indikajt preċedentement, in-notifika tad-deċiżjonijiet ta’ kundanna kriminali lil rappreżentant tikkostitwixxi l-mezz magħżul mir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex teżegwixxi tali deċiżjonijiet meta jkun maħsub li ser ikun diffiċli li tiġi nnotifikata l-persuna kkonċernata wara li jingħataw tali deċiżjonijiet, b’mod partikolari fil-każ ta’ domiċilju f’pajjiż barrani.

108. F’każ ta’ nomina ta’ rappreżentant għall-finijiet ta’ notifika, dan tal-aħħar għandu jibgħat mingħajr dewmien id-deċiżjoni kriminali ta’ kundanna lill-persuna kkonċernata, jekk ikun il-każ flimkien ma’ traduzzjoni fil-lingwa ta’ dik il-persuna.

109. Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż kien mistoqsi dwar il‑kwistjoni ta’ x’jiġri jekk il-persuna akkużata tirċievi tard id-digriet kriminali u ssib ruħha prekluża milli topponi dan id-digriet fit-terminu ta’ ġimagħtejn li jibda jiddekorri min-notifika tal-imsemmi digriet lil rappreżentant nominat. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, id-digriet kriminali jista’ jiġi eżegwit, jekk ikun il-każ billi tintuża l-assistenza reċiproka f’materji kriminali. Għalhekk, huwa kruċjali li jkun magħruf jekk, fl‑istadju tal-eżekuzzjoni tad-digriet kriminali, il-persuna kkonċernata tistax jew le topponi dan id-digriet kriminali.

110. Il-Gvern Ġermaniż irrisponda għal din il-mistoqsija fl‑affermattiv. Huwa ppreċiża li, skont id-dritt Ġermaniż (17), meta l‑persuna akkużata tkun prekluża milli topponi fit-terminu ta’ ġimagħtejn, hija tista’ titlob li titpoġġa mill-ġdid fis-sitwazzjoni preċedenti sa mill-mument li fih hija ġiet informata bl-eżistenza ta’ digriet kriminali kontriha, b’mod partikolari fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet kriminali. F’tali sitwazzjoni, il-persuna akkużata tista’ għalhekk titlob li s-sitwazzjoni tkun ikkoreġuta u li d-drittijiet tad-difiża tagħha jiġu osservati.

111. Dawn l-ispjegazzjonijiet jikkonfermaw li, fid-dritt Ġermaniż, digriet kriminali jista’ jsir eżekuttiv mingħajr madankollu ma jikseb natura definittiva. B’hekk, fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet, il-persuna akkużata għandha tkun tista’ topponi l-imsemmi digriet jekk hija ma tkunx ġiet informata iktar kmieni bl-eżistenza tiegħu.

112. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, sabiex jitqies bħala konformi b’mod sħiħ mad-dritt għall-informazzjoni dwar l‑akkuża kontriha, li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li l-persuna suġġetta għal deċiżjoni ta’ kundanna kriminali teżerċita appell kontra tali deċiżjoni, il‑mekkaniżmu Ġermaniż ta’ nomina ta’ rappreżentant għall-finijiet ta’ notifika ta’ digriet kriminali, li sussegwentement jintbagħat b’posta normali mir-rappreżentant lill-persuna akkużata, ma jistax ikollu l-effett li jnaqqas it-terminu li ma jistax jitnaqqas ta’ ġimagħtejn li din il‑persuna għandha sabiex topponi l-imsemmi digriet.

113. F’dan ir-rigward, jistgħu jiġu ppreżentati żewġ sitwazzjonijiet.

114. Fl-ewwel sitwazzjoni, il-persuna suġġetta għal digriet kriminali tirċevih fit-terminu ta’ ġimagħtejn li jibdew jiddekorru min-notifika ta’ dan id-digriet lir-rappreżentant. F’din is-sitwazzjoni, it-terminu legali tal-appell li għandha l-persuna akkużata sabiex tikkontesta l-imsemmi digriet ma jistax jitnaqqas bin-numru ta’ ġranet bejn in-notifika lir‑rappreżentant domiċiljat fis-sede tal-qorti u meta l-persuna kkonċernata tirċievi l-ittra li tinkludi d-deċiżjoni ta’ kundanna kriminali kontra tagħha. Il-mekkaniżmu ta’ notifika ta’ deċiżjoni lil rappreżentant, li sussegwentement tintbagħat b’posta normali lill-persuna kkonċernata, ikollu jekk xejn l-effett li jtawwal it-terminu legali li minnu tibbenefika din il-persuna sabiex tikkontesta d-digriet kriminali li hija s-suġġett tiegħu, peress li dan il-mekkaniżmu jista’ għalhekk jipprekludiha milli jkollha żmien neċessarju għall-preparazzjoni tad-difiża tagħha. Kieku kellu l-effett li jċaħħad lill-persuna akkużata mill-benefiċċju tat‑terminu legali kollu sabiex topponi digriet kriminali, tali mekkaniżmu kien iwassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża li skont l‑Artikolu 48(2) tal-Karta għandhom ikunu żgurati għal kull akkużat.

115. Il-fatt li persuna tirċievi digriet kriminali fit-terminu ta’ ġimagħtejn li jibda jiddekorri min-notifika ta’ dan id-digriet lir-rappreżentant ma għandux għalhekk jipprekludiha milli tibbenefika mit-terminu legali kollu li għandha dritt għalih sabiex topponi l-imsemmi digriet, mingħajr ma jiġi ppreġudikat l-għan tad-dritt għall-informazzjoni dwar l-akkuża.

116. Fit-tieni sitwazzjoni, il-persuna suġġetta għal digriet kriminali tirċievih jew jiġi nnotifikat lilha, eventwalment fl-istadju tal‑eżekuzzjoni, wara t-terminu ta’ ġimagħtejn li jibda jiddekorri min‑notifika ta’ dan id-digriet lir-rappreżentant. F’tali sitwazzjoni, din il-persuna għandha tibbenefika wkoll, sa mill-mument li fih hija tiġi infurmata bl-imsemmi digriet, mit-terminu legali kollu ta’ ġimagħtejn sabiex topponi d-digriet kriminali inkwistjoni.

117. Fi kliem ieħor, għalkemm huwa mixtieq li Stat Membru jadotta, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, sistema ta’ notifika tad‑deċiżjonijiet f’materji kriminali lil rappreżentant u jistabbilixxi terminu li jibda jiddekorri minn din in-notifika, li fi tmiemu tali deċiżjonijiet isiru eżekuttivi, tali sistema ma għandhiex, min-naħa l‑oħra, ikollha l-effett li ċċaħħad lill-persuni akkużati mill-possibbiltà li jeżerċitaw l-appell tagħhom, fit-terminu legali previst mil-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, li jibda jiddekorri mill-mument li fih huma jiġu informati b’dawn id-deċiżjonijiet.

118. Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżjonijiet, nikkonkludi li l‑Artikoli 2, 3(1)(ċ) kif ukoll 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevdi n-nomina minn persuna akkużata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, li ma tirrisjedix f’dan l-Istat, ta’ rappreżentant għall-finijiet ta’ notifika ta’ digriet kriminali adottat kontra tagħha, li sussegwentement jintbagħat b’posta normali mir-rappreżentant lill-persuna akkużata, bil-kundizzjoni li dan il-mekkaniżmu proċedurali ma jipprekludix lil din il-persuna milli tibbenefika mit-terminu legali ta’ ġimagħtejn, previst mil-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat, sabiex topponi dan id-digriet kriminali, liema terminu għandu jibda jiddekorri mill-mument li fih il-persuna tiġi informata, bi kwalunkwe mod, bl-imsemmi digriet.

IV – Konklużjoni

119. Fid‑dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għad-domandi preliminari magħmula mill-Amtsgericht Laufen:

1)      L-Artikoli 1(2) kif ukoll 2(1) u (8) tad-Direttiva 2010/64/UE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-użu ta’ lingwa partikolari bħala lingwa tal-proċedura quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat. Madankollu, dawn l-istess dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li persuna suġġetta għal sentenza f’materji kriminali u li ma tafx il-lingwa tal-proċedura tippreżenta bil-lingwa tagħha stess appell kontra tali sentenza, u l-qorti kompetenti hija responsabbli li timplementa, skont id-dritt għall‑interpretazzjoni li għandha l-persuna akkużata skont l‑Artikolu 2 ta’ dik id-direttiva, il-mezzi xierqa sabiex tiżgura t‑traduzzjoni tal-appell fil-lingwa tal-proċedura.

2)      L-Artikoli 2, 3(1)(ċ) u 6(1) kif ukoll (3) tad-Direttiva 2012/13/UE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, għandhom jiġi interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi n-nomina minn persuna akkużata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, li ma tirrisjedix f’dan l-Istat, ta’ rappreżentant għall‑finijiet ta’ notifika ta’ digriet kriminali adottat kontra tagħha, li sussegwentement jintbagħat b’posta normali mir‑rappreżentant lill-persuna akkużata, bil-kundizzjoni li dan il‑mekkaniżmu proċedurali ma jipprekludix lil din il-persuna milli tibbenefika mit-terminu legali ta’ ġimagħtejn, previst mil-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat, sabiex topponi dan id-digriet kriminali, liema terminu għandu jibda jiddekorri mill-mument li fih il-persuna tiġi informata, bi kwalunkwe mod, bl-imsemmi digriet.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 280, p. 1.


3 – ĠU L 142, p. 1.


4 – Fl-argumenti li ġejjin, il-kunċett ta’ persuna akkużata jinkludi l-persuni li kienu suġġetti għal kundanna kriminali u li jistgħu jeżerċitaw appell kontra tagħha.


5 –      Iktar ’il quddiem il-“KEDB”.


6 –      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


7 – Ara l-premessa 17 tal-imsemmija direttiva.


8 – Tali konklużjoni hija, fl-opinjoni tiegħi, ikkonfermata mis-sentenza Runevič‑Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291), li fiha l-Qorti tal‑Ġustizzja rrilevat, fuq livell iktar ġenerali, li “skont ir-raba’ subparagrafu tal‑Artikolu 3(3) TUE, u skont l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha” (punt 86) u li, “[b]’mod konformi mal-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta wkoll l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, li minnha tagħmel parti wkoll il-protezzjoni tal-lingwa uffiċjali nazzjonali tal-Istat” (ibidem).


9 – Punti 24 u 29 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.


10 – Punti 44 et seq tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


11 – Ara S. Monjean-Decaudin, La traduction du droit dans la procédure judiciaire – Contribution à l’étude de la linguistique juridique, Dalloz, Pariġi, 2012, p. 149 et seq.


12 – Ara s-sentenza Luedicke, Belkacem u Koç vs Il-Ġermanja, 28 ta’ Novembru 1978, serje A Nru 29, § 48.


13 – Korsiv miżjud minni.


14 – Ara s-sentenza Kamasinski vs L-Awstrija, 19 ta’ Diċembru 1989, serje A Nru 168, § 74.


15 – Punt 52 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


16 – Korsiv miżjud minni.


17 – Jidher li l-Gvern Ġermaniż jagħmel riferiment għall-Artikolu 44 tas-StPO li jipprevedi t-tneħħija tad-dekadenza meta persuna tkun prekluża milli tosserva terminu tal-appell, mingħajr ma dan ikun ħtija tagħha.