Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Frar 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

(Kawża C-97/17)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Mihaylova, C. Hermes)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

Talbiet

tikkonstata li, billi naqset milli tikklassifika ż-żona ta’ importanza ornitoloġika “Rila” kollha bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kklassifikatx l-iktar territorji tajbin f’termini ta’ numru u ta’ daqs bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/147/KE 1 , dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, u għalhekk naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Din il-kawża tikkonċerna l-konservazzjoni ta’ numru ta’ speċi ta’ għasafar fil-perikolu elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar u tal-habitat tagħhom fiż-żona tal-muntanja Rila, li tinsab fil-parti tal-Lbiċ tal-Bulgarija. Iż-żona ta’ importanza ornitoloġika “Rila” hija waħda mill-iktar żoni magħrufa, kemm fil-Bulgarija u kemm fl-Unjoni Ewropea, għall-konservazzjoni ta’ iktar minn 130 speċi ta’ għasafar li jbejtu hemmhekk. 41 speċi minnhom huma ta’ importanza f’termini ta’ konservazzjoni fuq livell Ewropew u speċi minnhom tinsab fil-perikolu fuq livell dinji.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, l-ispeċi elenkati fl-Anness I għandhom ikunu suġġetti għal miżuri ta’ konservazzjoni speċjali fir-rigward tal-habitat tagħhom sabiex jiġu żgurati s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona ta’ distribuzzjoni tagħhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali b’mod partikolari l-iktar territorji tajbin f’termini ta’ numru u ta’ daqs għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi.

Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija kellha tikklassifika bħala żona ta’ protezzjoni speċjali ż-żona ta’ importanza ornitoloġika “Rila” kollha, iżda sa issa għandha ma għamlitx dan. Il-Kummissjoni ser tippreżenta provi tal-importanza ornitoloġija taż-żoni mhux ikklassifikati li jinsabu fiż-żona ta’ importanza ornitoloġija “Rila”.

____________

1 Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat- 30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, p. 7).