Language of document : ECLI:EU:C:2017:225

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil-21 ta’ Marzu 2017(1)

Kawża C-190/16

Werner Fries

vs

Lufthansa CityLine GmbH

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (qorti industrijali federali, il-Ġermanja)]

“Politika dwar it-Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 – Validità tal-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1178/2011 – Artikolu 15(1) u Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà professjonali u dritt għax-xogħol – Ugwaljanza fit-trattament bbażata fuq l-età – Limitu ta’ età ta’ 65 sena għal bdoti fit-trasport kummerċjali bl-ajru – Sigurtà tal-avjazzjoni – Definizzjoni ta’ “trasport kummerċjali bl-ajru” – Titjiriet ferry u attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ eżami”






I.      Introduzzjoni

1.        W. Fries ħadem bħala bdot għal-Lufthansa CityLine GmbH (“Lufthansa CityLine”). Meta laħaq l-età ta’ 65 sena, il-linja tal-ajru rrifjutat li tkompli timpjegah, għalkemm, skont il-ftehim kollettiv applikabbli, il-kuntratt ma kienx jiskadi qabel xahrejn wara. Il-linja tal-ajru kkunsidrat li l-impjieg ma setax jitkompla peress li, skont id-dritt tal-Unjoni, persuni li għandhom liċenzji ta’ bdoti li għalqu l-età ta’ 65 sena ma għandhomx iktar jeżerċitaw bħala bdoti ta’ ajruplani użati għat-trasport kummerċjali bl-ajru. Madankollu, W. Fries jikkontendi li l-impjieg tiegħu ma’ Lufthansa CityLine seta’ tkompla għax-xahrejn li kien fadal qabel huwa jilħaq l-età pensjonabbli. Għal dak il-perijodu seta’ aġixxa bħala istruttur, eżaminatur, u bħala bdot għal titjiriet ferry.

2.        Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju, fl-ewwel lok, tistaqsi dwar il-validità tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tistabbilixxi limitu ta’ età – punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1178/2011 (“punt FCL.065(b”) (2) – fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età (Artikolu 21(1) tal-Karta) u d-dritt għax-xogħol u li jitwettaq xogħol magħżul liberament (Artikolu 15(1) tal-Karta). Fit-tieni lok, jekk dik id-dispożizzjoni kellha titqies bħala valida, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-frażi “trasport kummerċjali bl-ajru”. B’mod iktar speċifiku, tixtieq tkun taf jekk dik il-frażi tinkludix titjiriet għal skopijiet ta’ taħriġ u eżami u titjiriet ferry.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament Nru 216/2008

3.        Ir-Regolament Nru 1178/2011, inkwistjoni f’din il-kawża, jimplementa r-Regolament (KE) Nru 216/2008 (3). Il-premessi 1, 3, 4, 7, u 8 ta’ dan l-aħħar regolament huma fformulati kif ġej:

“(1)      Għandu jiġi assigurat f’kull ħin livell ta’ protezzjoni għoli u uniformi taċ-ċittadin Ewropew fl-avjazzjoni ċivili, permezz ta’ l-adozzjoni ta’ regoli komuni ta’ sikurezza u permezz ta’ miżuri li jiżguraw li l-prodotti, il-persuni u l-organizzazzjonijiet fil-Komunità jikkonformaw ma’ dawn ir-regoli u ma’ dawk adottati sabiex jipproteġu l-ambjent. Dan kollu jikkontribwixxi għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni u organizzazzjonijiet fis-suq intern.

(3)      Il-Konvenzjoni ta’ Chicago diġà tistipula standards minimi li jassiguraw is-sikurezza ta’ l-avjazzjoni ċivili u l-protezzjoni ambjentali relatata magħhom. Ħtiġiet essenzjali Komunitarji u regoli adottati għall-implimentazzjoni tagħhom għandhom jassiguraw li l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi maħluqa mill-Konvenzjoni ta’ Chicago, inklużi dawk vis-a-vis pajjiżi terzi.

(4)      Il-Komunità għandha tistipula, f’konformità ma’ l-istandards u l-prattiki rakkomandabbli stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Chicago, ħtiġiet essenzjali applikabbli għal prodotti, partijiet u tagħmir aeronawtiċi, għal persuni u organizzazzjonijiet involuti fit-tħaddim ta’ inġenji ta’ l-ajru u għal persuni u prodotti konnessi mat-taħriġ u l-eżami mediku tal-bdoti. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tiżviluppa r-regoli ta’ implimentazzjoni meħtieġa.

[…]

(7)      Prodotti, partijiet u tagħmir aeronawtiċi, operaturi involuti fit-trasport kummerċjali bl-ajru, kif ukoll bdoti u persuni, prodotti u organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ u l-eżami mediku tagħhom, għandhom ikunu ċertifikati jew liċenzjati kemm-il darba jinsabu li jikkonformaw mal-ħtiġiet essenzjali li jridu jiġu stipulati mill-Komunità skont l-istandards u l-prattiki rakkomandabbli tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tiżviluppa r-regoli ta’ implimentazzjoni meħtieġa għall-istabbiliment tal-kondizzjonijiet għall-ħruġ taċ-ċertifikat jew tal-kondizzjonijiet għat-tibdil tiegħu permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ kapaċità, b’kont meħud tar-riskji assoċjati mat-tipi differenti ta’ operazzjonijiet, bħal ċerti tipi ta’ xogħol ta’ l-ajru u titjiriet lokali b’inġenji ta’ l-ajru żgħar.

(8)      Għal operazzjonijiet mhux kummerċjali, ir-regoli operattivi u ta’ liċenzjar għandhom ikunu mfassla skont il-kumplessità tal-inġenju tal-ajru u għandha tiġi stabbilita definizzjoni relatata.”

4.        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jipprovdi li “L-objettiv prinċipali ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi stabbilit u miżmum livell uniformi għoli ta’ sikurezza ta’ l-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa.”

B.      Ir-Regolament Nru 1178/2011

5.        Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 1178/2011 hija fformulata kif ġej:

“Sabiex jiġu żgurati tranżizzjoni[jiet] mingħajr problemi u livell uniformi għoli ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom jirriflettu l-aktar għarfien modern, inklużi l-aħjar prassi, u l-progress xjentifiku u tekniku fil-qasam tat-taħriġ tal-bdoti u l-istat ajrumediku tal-ekwipaġġi tal-ajruplani. Skont dan, ir-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi maqbula mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) u l-Awtoritajiet Konġunti tal-Avjazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2009, kif ukoll il-leġiżlazzjoni eżistenti b’rabta ma’ ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, għandhom jiġu kkunsidrati.”

6.        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1178/2011, jipprovdi li dak ir-regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għal, b’mod partikolari, “il-klassifikazzjonijiet differenti tal-liċenzji tal-bdoti, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka ta’ liċenzji, il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi ta’ liċenzji, il-kundizzjonijiet għall-konverżjoni tal-liċenzji nazzjonali tal-bdoti u tal-liċenzji nazzjonali tal-inġiniera tat-titjira eżistenti f’liċenzji ta’ bdoti, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ liċenzji minn pajjiżi terzi”.

7.        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1178/2011, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti, jistabbilixxi li: “Mingħajr ħsara għall-Artikolu 7, il-bdoti tal-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) u (c) u l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi stabbiliti fl-Anness I u l-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.”

8.        Il-punt FCL.010 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 (il-“punt FCL.010”) jinkludi d-definizzjonijiet applikabbli għall-parti FCL (liċenzja tal-ekwipaġġ tal-ajru). Dan jipprovdi li “trasport kummerċjali bl-ajru” tfisser it-trasport ta’ passiġġieri, merkanzija jew posta b’remunerazzjoni jew kiri.”

9.        Il-punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, intitolat “Tnaqqis tal-privileġġi tad-detenturi tal-liċenzja li jkollhom 60 sena jew aktar fit-trasport kummerċjali bl-ajru”, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, (4) jipprovdi li:

“(a)      Età bejn is-60 u l-64 sena. Ajruplani u ħelikopters. Id-detentur ta’ liċenzja ta’ bdot li għalaq 60 sena m’għandux jaġixxi bħala bdot ta’ inġenju tal-ajru involut fit-trasport kummerċjali bl-ajru sakemm:

(1)      ma jkunx membru ta’ ekwipaġġ b’aktar minn bdot wieħed; u

(2)      sakemm tali detentur ikun l-uniku bdot fl-ekwipaġġ tat-titjira li għalaq 60 sena.

(b)      Età ta’ 65 sena. Id-detentur ta’ liċenzja ta’ bdot li għalaq 65 sena m’għandux jaġixxi bħala bdot ta’ inġenju tal-ajru involut fit-trasport kummerċjali bl-ajru.”

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

10.      W. Fries kien ilu impjegat minn Lufthansa CityLine sa mill-1986. Huwa kien kaptan fuq inġenju tal-ajru tat-tip Embraer. Huwa kien ukoll inkarigat jagħti taħriġ lil bdoti oħra.

11.      F’Ottubru 2013, W. Fries għalaq 65 sena. Lufthansa CityLine talbet lil W. Fries jirritorna r-riżorsi pprovduti lilu għal skop ta’ xogħol sal-31 ta’ Ottubru 2013. Wara dik id-data, huwa ma kienx iktar impjegat minn Lufthansa CityLine. Skont il-linja tal-ajru, meta laħaq l-età ta’ 65 sena, W. Fries ma setax ikun impjegat iktar bħala bdot minħabba l-limitu ta’ età stabbilit fil-punt FCL.065(b) fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1178/2011.

12.      Madankollu, il-kuntratt ta’ impjieg bejn Lufthansa CityLine u W. Fries kien suppost jiġi fi tmiemu fil-31 ta’ Diċembru 2013. Dan kien dovut minħabba r-regola li tinsab fil-ftehim kollettiv applikabbli li jipprovdi għall-iskadenza ta’ kuntratti meta tintlaħaq l-età ta’ rtirar għall-iskema ta’ pensjoni statutorja. W. Fries kien jilħaq dik l-età ta’ rtirar meta jagħlaq 65 sena u xahrejn.

13.      B’konsegwenza, hemm differenza ta’ xahrejn bejn id-data li fiha Lufthansa CityLine waqqfet lil W. Fries mill-impjieg u d-data meta, skont il-ftehim kollettiv, il-kuntratt ta’ impjieg kellu jiġi fi tmiemu.

14.      W. Fries jikkontendi li kien possibbli għalih li jissodisfa l-kuntratt ta’ impjieg għax-xahrejn li jifdal wara l-għeluq ta’ 65 sena tiegħu, sakemm jilħaq l-età ta’ rtirar. Skont il-liċenzji illi huwa kellu, kien jista’ xorta waħda jippilota titjiriet ferry u jaġixxi bħala istruttur u eżaminatur. Għall-perijodu inkwistjoni, W. Fries xorta kellu: liċenzja sabiex jopera inġenju tal-ajru kummerċjali (ATPL) inkluż dak għall-inġenju tal-ajru tat-tip Embraer; awtorizzazzjoni bħala Istruttur għall-Klassifikazzjoni tat-Tip (TRI) sabiex iħarreġ bdoti fuq inġenji tal-ajru u simulaturi tat-tip Embraer; awtorizzazzjoni bħala Eżaminatur għall-Klassifikazzjoni tat-Tip (TRE) sabiex jikkonduċi eżamijiet fuq inġenji tal-ajru u simulaturi għall-iskop ta’ akkwistar jew estensjoni ta’ liċenzji għat-tip ta’ inġenju tal-ajru Embraer; u approvazzjoni bħala Eżaminatur Anzjan (SEN) sabiex jikkonduċi eżamijiet għall-Eżaminaturi tal-Klassifikazzjoni tat-Tip (TREs) irrispettivament mit-tip ta’ inġenju tal-ajru.

15.      W. Fries ippreżenta azzjoni li permezz tagħha jitlob remunerazzjoni għax-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2013. Mill-osservazzjonijiet bil-miktub imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa ċar li fil-parti l-kbira tagħha l-azzjoni ġiet milqugħa mill-qrati tal-ewwel u t-tieni istanza.

16.      Iż-żewġ partijiet appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesarbeitsgericht (qorti industrijali federali, il-Ġermanja). Lufthansa CityLine titlob li din l-azzjoni tiġi miċħuda filwaqt li W. Fries jitlob il-pagament sħiħ tal-ammont mitlub.

17.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont id-dritt nazzjonali (5) jekk ikun jeżisti kuntratt ta’ impjieg li jista’ jiġi onorat, il-persuna li timpjega tkun qiegħda tikser il-liġi jekk ma taċċettax it-twettiq ta’ xogħol hekk mogħti lilu mill-impjegat. F’dak il-każ, l-impjegat jista’ jitlob ir-remunerazzjoni maqbula għas-servizzi li ma jingħatawx b’riżultat ta’ dan il-ksur. Madankollu, jekk l-impjegat ma huwiex f’pożizzjoni li jaqdi dan l-obbligu, il-ksur ta’ liġi mill-persuna li timpjega minħabba r-rifjut tiegħu ta’ aċċettazzjoni ikun prekluż. Jekk ikun impossibbli għall-impjegat li jaqdi l-kompiti maqbula fil-kuntratt ta’ impjieg sew jekk parzjalment jew b’mod sħiħ, il-persuna li timpjega ikollha dover li tikkunsidra d-drittijiet u interessi tiegħu jew tagħha skont id-dritt nazzjonali: dan ifisser li tipprovdi lill-impjegat kompiti oħra li jkun kapaċi jaqdi. Jekk il-persuna li tħaddem tikser dan id-dover tista’ tkun qiegħda tesponi lilha nnifisha għal responsabbiltà u l-ħlas ta’ danni.

18.      Huwa f’dawk iċ-ċirkustanzi li l-Bundesarbeitsgericht (qorti industrijali federali, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-paragrafu FCL.065(b) tal-Anness I [tar-Regolament Nru 1178/2011] huwa konformi mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età prevista fl-Artikolu 21(1) tal-[Karta]?

(2)      Il-paragrafu FCL.065(b) tal-Anness I [tar-Regolament Nru 1178/2011] huwa konformi mal-Artikolu 15(1) tal-Karta, li jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt għax-xogħol u li teżerċita professjoni magħżula jew aċċettata liberament?

(3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u t-tieni domanda:

(a)      It-titjiriet vojta [ferry], imwettqa fil-kuntest tal-attività kummerċjali ta’ kumpannija [linja] tal-ajru u li la jittrasportaw passiġġieri, la merkanzija, u lanqas posta, jaqgħu wkoll taħt il-kunċett ta’ “trasport kummerċjali bl-ajru” fis-sens tal-paragrafu FCL.065(b), jew taħt id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett fil-paragrafu FCL.010 tal-Anness I [tar-Regolament Nru 1178/2011]?

(b)      It-taħriġ u t-twettiq ta’ eżamijiet li fihom pilota [bdot] li jkun għalaq 65 sena jibqa’ fil-cockpit tal-ajruplan inkwantu membru [tal-ekwipaġġ] li ma jtirx [jippilotax] jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “trasport kummerċjali bl-ajru” fis-sens tal-paragrafu FCL.065(b), jew taħt id‑definizzjoni ta’ dan il-kunċett fil-paragrafu FCL.010 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011?

19.      W. Fries, Lufthansa CityLine, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-kawża.

IV.    Evalwazzjoni

20.      Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. L-ewwel, ser nindirizza l-kompatibbiltà tal-punt FCL.065(b) mal-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 15(1) tal-Karta (Taqsima A). It-tieni, billi nikkonkludi li dik id-dispożizzjoni hija fil-fehma tiegħi kompatibbli mad-drittijiet tal-Karta msemmija hawn fuq, noffri l-interpretazzjoni tal-frażi “trasport kummerċjali bl-ajru” fil-punti FCL.010 u FCL.065(b) (Taqsima B).

A.      Il-kompatibbiltà tal-punt FCL.065(b) mal-Karta

21.      Il-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 jipprovdi limitu ta’ età sabiex wieħed jaġixxi bħala bdot: dan jistabbilixxi li detenturi ta’ liċenzji ta’ bdoti li jilħqu l-età ta’ 65 sena ma jistgħux jaġixxu ta’ bdoti ta’ inġenji tal-ajru assenjati fuq trasport kummerċjali bl-ajru. Bl-ewwel u t-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dik ir-restrizzjoni ta’ età hijiex kompatibbli mal-Karta: l-ewwel minħabba l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età skont l-Artikolu 21(1) u, it-tieni, mad-dritt għax-xogħol u mal-libertà professjonali skont l-Artikolu 15(1). Ser neżamina wara xulxin il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni inkwistjoni maż-żewġ drittijiet.

1.      L-Artikolu 21(1) tal-Karta

22.      Skont l-Artikolu 21(1) tal-Karta, kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età hija pprojbita. Bħala espressjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jinsab fl-Artikolu 20 tal-Karta, (6) il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni teżiġi li: (a) sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti, (b) għad-detriment tal-grupp protett, (c) abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet protetti, (d) sakemm dak it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat b’għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni u li jirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

a)      Fuq it-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet komparabbli

23.      Il-punt FCL.065(b) jeżiġi trattament differenti ta’ persuni li huma f’sitwazzjoni komparabbli. Detentur ta’ liċenzja suġġett għal-limitazzjoni ta’ età ta’ 65 sena sabiex ikun jista’ jaħdem bħala bdot ta’ inġenju tal-ajru assenjat fuq trasport kummerċjali bl-ajru ċertament għandu iktar similaritajiet milli differenzi ma’ bdot iżgħar li għandu liċenzja sabiex iwettaq l-istess attività. (7) It-tnejn huma suġġetti għall-istess skema regolatorja li fi ħdanha jikkompetu għal impjiegi li huma essenzjalment l-istess.

b)      Għad-detriment tal-grupp protett

24.      Bdoti li laħqu l-età ta’ 65 sena, u li għalihom it-twettiq tal-attività ta’ pilotaġġ ta’ inġenju tal-ajru assenjat fuq trasport kummerċjali bl-ajru ma hijiex permessa, huma ttrattati b’mod inqas favorevoli minħabba l-età tagħhom (8). Huma pprojbiti milli jeżerċitaw ċertu tip ta’ attività.

c)      Fuq il-bażi ta’ raġuni protetta

25.      L-uniku kriterju li fuqu hija bbażata l-limitazzjoni stabbilita mill-punt FCL.065(b) huwa l-età, li huwa wieħed mir-“raġunijiet suspetti” espressament elenkat fl-Artikolu 21(1) tal-Karta.

d)      Ġustifikazzjoni

26.      Madankollu, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fl-Artikolu 21(1) tal-Karta ma hijiex assoluta. Huma permessi limitazzjonijiet skont il-ħtiġijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

27.      Sabiex tressaq raġunijiet possibbli li jistgħu jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament f’din il-kawża, il-Kummissjoni sostniet li b’analoġija, wieħed għandu jirrikorri għall-eċċezzjonijiet permissibbli għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-Direttiva 2000/78/KE (9). Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rekwiżit tal-età inkwistjoni huwa “meħtieġ għal sigurtà pubblika” skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78. Il-Kummissjoni żżid li l-limitazzjoni ta’ età inkwistjoni hija koperta bl-Artikolu 4(1) ta’ dik id-direttiva, billi tikkonċerna “rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti” għal bdoti professjonali u li hija proporzjonali għall-għan leġittimu mfittex.

28.      Ma huwiex ikkontestat li d-Direttiva 2000/78 ma hijiex applikabbli f’din il-kawża. Dak li huwa inkwistjoni hija l-validità ta’ regola tad-dritt sekondarju tal-Unjoni fid-dawl ta’ dispożizzjoni tad-dritt primarju – il-Karta.

29.      Id-Direttiva 2000/78 tirrappreżenta espressjoni konkreta tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol. B’hekk, il-qafas analitiku skont l-Artikolu 21(1) tal-Karta għandu jkun simili. Għal din ir-raġuni, il-kategoriji u l-interpretazzjoni żviluppati skont id-direttiva jistgħu jservu bħala ispirazzjoni sabiex jiġi ppreċiżat il-kontenut tal-Artikolu 21(1) tal-Karta. B’mod partikolari, iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-direttiva li fuqhom ibbażat il-Kummissjoni juru t-tentattiv tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jilħaq kompromess bejn interessi li jikkompetu billi jippermetti ġustifikazzjonijiet għal miżuri nazzjonali li jippermettu differenzi fit-trattament li jkunu direttament ibbażati fuq l-età (10). Fl-aħħarnett, il-kunsiderazzjoni tad-direttiva huwa wkoll mistenni mill-ħtieġa ta’ approċċ koerenti għal stħarriġ ġudizzjarju tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età fix-xogħol.

30.      F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “rekwiżiti professjonali ġenwini”, imressaq mill-Kummissjoni abbażi tad-Direttiva 2000/78, jirrappreżenta mod speċifiku għall-ġustifikazzjoni ta’ trattament inugwali fil-qasam tax-xogħol li huwa ugwalment applikabbli fil-qafas tal-Artikolu 21(1) tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li differenza fit-trattament bbażata fuq raġunijiet bħal età, sess jew diżabbiltà ma tikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 21(1) tal-Karta “meta, minħabba n-natura tal-attivitajiet professjonali partikolari kkonċernati jew tal-kuntest li fih jitwettqu, tali karatteristika tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, sakemm l-għan ikun leġittimu u r-rekwiżit ikun proporzjonat” (11). Ir-rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti ma huwiex, minnu nnifsu, ir-raġuni “suspetta” li fuqha hija bbażata d-differenza fit-trattament – l-età – iżda karatteristika relatata magħha.(12) F’dan il-każ, il-karatteristika relatata mal-età tfisser kapaċitajiet fiżiċi partikolari li jonqsu bl-età (13). Din kienet diġà ddikjarata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala “rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti” sabiex wieħed jaġixxi bħala bdot ta’ linja tal-ajru (14). Sabiex jikkostitwixxi limitazzjoni permissibbli għall-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni li jinsab fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, dan ir-rekwiżit għandu jsegwi għan leġittimu u jkun proporzjonat (15).

31.      L-evalwazzjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni tistax tkun ġustifikata bħala rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti effettivament jikkoinċidi mar-rekwiżiti ta’ limitazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li finalment jartikola l-evalwazzjoni ta’ limitazzjonijiet awtorizati għad-drittijiet li jinsabu fl-Artikolu 21(1) tal-Karta.

32.      L-Artikolu 52(1) tal-Karta jippermetti limiti jekk ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-qofol tad-drittijiet ikkonċernati u, suġġett għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma meħtieġa u ġenwinament jilħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (16).

33.      Ma huwiex ikkontestat li l-limitazzjoni ta’ età f’din il-kawża hija pprovduta fil-liġi: hija espressament stabbilita fil-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011. Barra minn hekk, ma jistax jingħad li l-limitazzjoni ta’ età inkwistjoni timmina l-kontenut essenzjali tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni peress li għandha portata limitata (17).

34.      Għaldaqstant, issa ser neżamina jekk il-limitazzjoni ta’ età (1) issegwix għan leġittimu u (2) jekk hijiex konformi mar-rekwiżiti ta’ proporzjonalità.

1)      Għan leġittimu

35.      F’din il-kawża, il-Kummissjoni, il-Gvern Taljan u Lufthansa CityLine argumentaw li l-miżura inkwistjoni ssegwi l-għan li jintlaħaq u jinżamm livell għoli ta’ uniformità ta’ sigurtà fl-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa. Dak l-għan, kif tirrileva Lufthansa CityLine, huwa wkoll konness mal-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem.

36.      L-għan li jintlaħaq u jinżamm livell għoli u uniformi ta’ sigurtà fl-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni huwa espressament previst fil-premessa 1 u fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 216/2008, li jifforma l-bażi legali tar-Regolament Nru 1178/2011. Dan l-aħħar Regolament itenni proprju dan l-għan fil-premessi 1 u 11 tiegħu.

37.      Ma hemmx dubju f’moħħi li s-sigurtà tat-traffiku tal-ajru, bħal sigurtà f’setturi oħra tat-trasport, (18) hija għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni. (19)

2)      Proporzjonalità

38.      Issa għandu jiġi evalwat jekk il-miżura inkwistjoni ġenwinament tilħaqx l-għan li tikseb sigurtà fit-traffiku tal-ajru, jekk hijiex neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan u jekk l-iżvantaġġi kkawżati humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija.

39.      Il-Gvern Taljan u Lufthansa CityLine kkunsidraw li l-kriterju tal-età ta’ 65 sena huwa xieraq u neċessarju għall-għan imfittex. W. Fries jirrikonoxxi li limitu ta’ età huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan ta’ livell għoli u uniformi ta’ sigurtà, billi l-esperjenza turi li kapaċitajiet fiżiċi u mentali għandhom tendenza li jonqsu bl-età. Madankollu, huwa jqis li limitazzjoni ta’ età ta’ 65 sena ma hijiex neċessarja.

i)      Natura xierqa

40.      Fl-opinjoni tiegħi, ftit hemm dubju li, fil-prinċipju, il-limitazzjoni ta’ età inkwistjoni hija adattata għall-għan imfittex. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Prigge, huwa essenzjali li bdoti kummerċjali jkollhom ċerti kapaċitajiet fiżiċi (20). Uħud minn dawn il-kapaċitajiet inevitabbilment jonqsu maż-żmien.

41.      B’hekk limitazzjoni fl-età ta’ 65 sena tidher li hija miżura xierqa li tilħaq l-għan ta’ livell għoli ta’ sigurtà fit-traffiku tal-ajru. (21)

42.      Madankollu, W. Fries jikkontesta l-konsistenza interna tar-regola inkwistjoni f’din il-kawża, billi jibbaża fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Petersen (22). Huwa jsostni li l-limitu ta’ età ta’ 65 sena ma jsegwix b’mod konsistenti l-għan tas-sigurtà fit-trasport bl-ajru peress illi ma japplikax għal trasport bl-ajru mhux kummerċjali, fejn ir-riskji ta’ sigurtà huma wkoll preokkupanti.

43.      Jien ma naqbilx ma din il-pożizzjoni. Il-fatt li r-restrizzjoni tal-età inkwistjoni tapplika biss għal bdoti ta’ inġenji tal-ajru assenjati fuq trasport kummerċjali bl-ajru, mhux talli ma jaffettwax il-konsistenza tar-regola fil-ksib tal-għan leġittimu allegat, iżda fil-fatt isaħħaħ in-natura proporzjonata tal-miżura.

44.      Huwa evidenti li fil-qasam tal-avjazzjoni, japplikaw regoli differenti għal operazzjonijiet differenti fir-rigward ta’ livelli ta’ sigurtà meħtieġa, abbażi ta’ ġerarkija ta’ riskji fejn it-trasport kummerċjali bl-ajru huwa ta’ grad ogħla.

45.      Billi jimponi limitazzjoni ta’ età fuq trasport kummerċjali bl-ajru biss, ir-Regolament Nru 1178/2011 jistabbilixxi soluzzjoni ta’ kompromess, bl-applikazzjoni ta’ standards iktar stretti li jieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji ogħla konnessi man-numru ta’ persuni u l-importanza tal-interessi ta’ sigurtà fl-ajru affettwati (23).

ii)    Ħtieġa

46.      Madankollu, W. Fries jargumenta li l-limitu ta’ età li hu kien suġġett għalih imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ. Huwa jagħmel żewġ argumenti.

47.      Bħala l-ewwel l-argument, W. Fries isostni li ma hemm l-ebda evidenza xjentifika li l-bdoti li għandhom 65 sena ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ trasport kummerċjali bl-ajru. Bħala eżempju, jindika ċerti Stati barra mill-Unjoni li ma għandhomx limitu ta’ età bħal dawn.

48.      It-tieni, W. Fries jargumenta li s-saħħa u l-kapaċità huma fin-natura tagħhom personali u speċifiċi għal kull bdot. Għalhekk, għandu jittieħed approċċ individwalizzat għall-evalwazzjoni tagħhom. Il-preżunzjoni ta’ deterjorament tal-kapaċitajiet fiżiċi ma tistax tiġi applikata b’mod ġenerali lill-individwi kollha. Għalhekk, l-età ma għandhiex tkun kriterju għalih waħdu. Miżuri inqas stretti jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni il-kapaċitajiet tal-persuna fuq livell individwali. W. Fries jenfasizza li hemm il-possibbiltà li jiġu ddeterminati dawn il-kapaċitajiet permezz ta’ sistema ta’ eżamijiet mediċi. Huwa jirrimarka li, għal detenturi tal-liċenzja li għandhom 60 sena u iktar, it-terminu ta’ validità taċ-ċertifikati mediċi meħtieġa huwa mnaqqas għal sitt xhur skont il-punt MED.A.045(a)(2)(ii) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011. Huwa rrimarka wkoll li l-bdoti jibqgħu suġġetti għal taħriġ rikorrenti u reviżjoni tal-kompetenzi professjonali tagħhom, kif provdut fil-punt ORO.FC.230 tar-Regolament (UE) Nru 965/2012(24).

49.      Fil-fehma tiegħi, l-argumenti mressqa minn W. Fries ma jistgħux jintlaqgħu. Ser nanalizza dawn iż-żewġ argumenti konsekuttivament.

–       L-iffissar tal-limitu ta’ età għal 65 sena

50.      Il-fatt li kapaċitajiet fiżiċi ġeneralment jonqsu bl-età huwa fatt li diffiċli jiġi kkontestat. Madankollu, il-punt li jista’ jkun suġġett għal dibattitu huwa fejn eżattament taqta’ linja. Għalhekk huwa veru wkoll, kif argumenta W. Fries, li jista’ jkun hemm ċertu inċertezza medika dwar id-determinazzjoni tal-limitu ta’ età preċiż li lil hinn minnu ma tistax iktar tippreżumi idonjetà medika (25).

51.      Madankollu, id-deċiżjoni li jiġi stabbilit limitu ta’ età u d-determinazzjoni preċiża ta’ dak il-limitu tinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura medika u teknika. Dan jittraduċi ruħu fil-fatt li l-leġiżlatur Ewropew igawdi minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fit-tfassil ta’ limiti bħal dawn. (26)

52.      L-għażliet tal-leġiżlatur tal-Unjoni għandhom, anki f’dak il-każ, ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, u jiżguraw li d-drittijiet fundamentali jiġu osservati (27). Standards iffissati fuq livell internazzjonali jistgħu jiġu kkunsidrati li jifformaw element kruċjali ta’ kriterji oġġettivi bħal dawn.

53.      Il-limitu ta’ età ta’ 65 sena huwa konformi mal-istandards elaborati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Chicago,li jingħataw piż sostanzjali kemm bir-Regolament Nru 216/2008 u bir-Regolament Nru 1178/2011. (28)

54.      B’mod partikolari, il-punt 2.1.10 tal-Anness I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jipprovdi l-limitazzjoni tal-privileġġi għal bdoti li għalqu s-60 sena, u t-tnaqqis tal-privileġġi għal bdoti li għalqu 65 sena. Il-punt 2.1.10.1 ta’ dan l-anness jistabbilixxi li Stati kontraenti ma għandhomx jippermettu lid-detenturi ta’ liċenzji tal-bdoti jaġixxu bħala bdoti-fil-kmand ta’ inġenju tal-ajru assenjat fuq operazzjonijiet kummerċjali ta’ trasport bl-ajru internazzjonali jekk id-detenturi tal-liċenzja laħqu l-età ta’ 60 sena jew, jekk hemm iktar minn bdot wieħed u l-bdot l-ieħor huwa iżgħar minn 60 sena, meta jilħqu l-età ta’ 65 sena (29). Barra minn hekk, punt 2.1.10.2. ta’ dak l-anness jinkludi rakkomandazzjoni, li skontha, Stat kontraenti, li jkun ħareġ liċenzji tal-bdoti, ma għandux jippermetti lid-detenturi tagħhom jaġixxu bħala ko-pilota ta’ inġenju tal-ajru assenjat fuq operazzjonijiet ta’ trasport kummerċjali bl-ajru internazzjonali jekk id-detenturi tal-liċenzja jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena.

55.      Il-limitazzjonijiet kurrenti fuq l-età fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jirriżultaw minn emenda li, wara dibattitu intens fil-kuntest tal-ICAO, għolla l- limitu minn 60 għal 65 sena (30). Il-limitu ta’ età ta’ 65 sena jirrifletti wkoll ir-regola stabbilita fil-kuntest tal-Awtoritajiet Konġunti tal-Avjazzjoni. (31)

56.      Dawn l-istandards internazzjonali huma element prezzjuż fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tad-dispożizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża. Billi huma bbażati fuq dibattitu professjonali estensiv u kompetenza, huma jistabbilixxu bażi soda għall-ġustifikazzjoni ta’ limitu ta’ età, li jaġixxu bħala referenzi oġġettivi u raġonevoli għal dak li jieħdu d-deċiżjonijiet (32). Dawn juru l-kunsens u prattika tajba f’qasam tekniku li min-natura tiegħu huwa internazzjonali (33).

57.      Il-fatt li l-limiti ta’ età ġew mibdula fil-verżjonijiet differenti tar-Regolament tal-Unjoni inkwistjoni, (34) kif ukoll fil-kuntest ta’ standards internazzjonali, ma jirrendux ir-regola sproporzjonata jew arbitrarja. Għall-kuntrarju, l-isforz ta’ min ifaħħru ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet fl-adattament tar-regoli bl-evoluzzjoni tal-għarfien, żviluppi soċjali, u l-aqwa prattiċi internazzjonali ma jistax jintuża bħala argument li jimmina l-ħtieġa ta’ limitazzjoni ta’ età.

58.      Fil-qosor, id-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi l-limitu ta’ età għal 65 sena jidher li huwa kompletament konformi ma’ standards internazzjonali fis-settur, kif ukoll raġonevolment adatti u jevolvu matul is-snin. Li jiġi kkontestat dan l-istandard ikun jirrikjedi każ solidu kkorroborat b’evidenza b’saħħitha, li ma ġietx ippreżentata f’din il-kawża.

–       L-età bħala l-uniku kriterju

59.      W. Fries isostni wkoll li d-dispożizzjoni inkwistjoni hija bbażata fuq l-età bħal l-uniku kriterju. Persuna ma tistax iktar taġixxi bħala bdot ta’ inġenji tal-ajru assenjati fuq trasport kummerċjali bl-ajru sempliċiment minħabba l-fatt li tkun laħqet l-età ta’ 65 sena. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, f’każ bħall-kawża preżenti, in-nuqqas ta’ approċċ individwalizzat ukoll ma jonqosx milli jkun konformi mal-kriterju ta’ ħtieġa.

60.      Billi stabbilixxa limitazzjoni ġenerali ta’ età ogħla f’qasam partikolari ta’ trasport kummerċjali bl-ajru, il-leġiżlatur tal-Unjoni, skont prattiċi internazzjonali, adotta approċċ regolatorju li jġib flimkien approċċ individwalizzat ibbażat fuq eżamijiet mediċi u ta’ kompetenza (sal-età ta’ 60 sena), u limitazzjoni progressiva tal-privileġġi tad-detenturi ta’ liċenzja fl-avjazzjoni kummerċjali ’il fuq minn dik l-età.

61.      Fil-fehma tiegħi, dan ir-reġim jirrifletti għażla regolatorja leġittima. Wara ċertu età, meta jiġi kkunsidrat li r-riskji mediċi jkunu żdiedu, il-leġiżlatur iżid mal-approċċ individwalizzat permezz ta’ analiżi medika u ta’ kompetenza ċerti kundizzjonijiet addizzjonali għall-grupp ta’ età bejn is-60 u l-64 sena, u, finalment, jeskludi l-possibbiltà li wieħed jaġixxi bħala bdot ta’ inġenju tal-ajru assenjat fuq trasport kummerċjali bl-ajru għal dawk li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena. Meta jagħmel hekk, idaħħal il-proporzjonalità fir-regola, u jadatta l-limitazzjonijiet progressivament mal-avvanz fl-età. Huwa jagħmel dan billi jistabbilixxi regola ġenerali li topera b’mod uniformi, abbażi ta’ evalwazzjoni tar-riskju ġenerali mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li jiżgura prevedibbiltà, prattiċità u ġestjoni faċli kemm minn persuni privati kif ukoll minn awtoritajiet pubbliċi.

62.      Hawnhekk, dawn l-aħħar elementi dwar il-prevedibbiltà u l-prattiċità tar-regola għandhom jiġu enfasizzati. It-tieni argument ta’ W. Fries li dwar l-interazzjoni bejn regola ġenerali u każ individwali, jista’ fil-fatt jintuża universalment sabiex tiġi kkontestata kull regola li hija ġeneralment applikata u li tinvolvi l-età. Madankollu, regoli ġenerali, kif jindika isimhom, huma maħluqa b’ġeneralizzazzjoni. Huma ġġustifikati sakemm jista’ jkun sostnut li, b’mod ġenerali, dawn japplikaw sewwa fil-maġġoranza raġonevoli tal-każijiet. Bla dubju, dan ifisser ukoll li jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet individwali potenzjali. Madankollu, dan ma jfissirx li r-regola ġenerali għandha tkun ikkunsidrata mill-ġdid u mibdula minn evalwazzjoni individwali, każ b’każ. Kieku dan kien il-każ, ma jkunx possibbli li jkun hemm regoli ġenerali.

–       Il-proporzjonalità stricto sensu

63.      Finalment, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-importanza tal-għan ta’ livell għoli ta’ sigurtà fit-traffiku tal-ajru u l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet ta’ oħrajn, kif ukoll tar-riskji relatati ma’ trasport kummerċjali bl-ajru, jidher li d-dispożizzjoni inkwistjoni ibbilanċjat id-drittijiet tal-bdoti li jagħlqu l-età ta’ 65 sena u r-rekwiżiti partikolari tas-sigurtà tat-traffiku tal-ajru. Għalhekk, id-dispożizzjoni li l-validità tagħha qiegħda tiġi kkontestata f’dan il-każ, ma tistax titqies li timponi żvantaġġi sproporzjonati fuq il-persuni affettwati bil-limitazzjoni tal-età fir-rigward tal-għanijiet imfittxija.

e)      Konklużjoni intermedjarja

64.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-eżami tal-ewwel domanda magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (qorti industrijali federali) ma juri ebda raġunijiet kapaċi li jaffettwaw il-validità tal-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta.

2.      L-Artikolu 15(1) tal-Karta

a)      Analiżi

65.      Il-qorti tar-rinviju tfittex ukoll li tistabbilixxi l-validità tal-punt FCL.065(b) fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tal-Karta.

66.      Skont l-Artikolu 15(1) tal-Karta, “[k]ull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament.” Dan id-dritt isaħħaħ l-awtonomija personali u l-iżvilupp personali, u huwa bbażat fuq id-dinjità tal-bniedem (35).

67.      Ma huwiex ikkontestat li l-limitu ta’ età inkwistjoni jikkostitwixxi restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ bdot. Dan jillimita l-possibbiltà li wieħed jaġixxi bħala bdot ta’ inġenju tal-ajru assenjat fuq trasport kummerċjali bl-ajru. Madankollu, l-Artikolu 15(1) tal-Karta ma jinkludix drittijiet assoluti. Limitazzjonijiet huma permessi skont il-parametri mogħtija fl-Artikolu 52(1) tal-Karta li huma ċċitati fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet (36).

68.      W. Fries isostni li l-limitazzjoni ta’ età imposta bir-regola inkwistjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 15(1) tal-Karta, billi taffettwa l-essenza ta’ dak id-dritt.

69.      Fl-opinjoni tiegħi, din il-pożizzjoni ma tistax tintlaqa’. Kif diġà indikajt fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minħabba l-portata limitata tagħha, il-limitazzjoni ta’ età kurrenti sabiex wieħed itir bħala bdot fil-qasam partikolari ta’ trasport kummerċjali bl-ajru ma tistax tkun ikkunsidrata li taffettwa b’mod negattiv l-essenza proprja tad-dritt ta’ libertà professjonali. Hija taffettwa l-possibbiltà li tiġi segwita karriera professjonali f’ċertu settur fir-rigward ta’ attività partikolari, fi stadju limitat: topera fl-aħħar snin tal-karriera professjonali, li hija (iktar) qrib tal-irtirar, anki jekk ma jikkoinċidux magħha. Ma tkoprix, - u diġà titfa’ dell fuq ir-risposta tiegħi għat-tielet domanda preliminari magħmula – il-kompiti potenzjali kollha assoċjati mal-professjoni ta’ bdot. Tapplika biss għall-possibbiltà li tippilota inġenju tal-ajru kummerċjali, kif definit fil-punt FCL.010 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011.

70.      Abbażi tal-importanza sovrastanti tal-għan ta’ sigurtà ta’ trasport bl-ajru, u fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet f’dan il-qasam, il-kunsiderazzjonijiet dwar il-leġittimità tal-għan u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjoni li l-validità tagħha hija kkontestata, magħmul skont l-Artikolu 21(1) tal-Karta huma wkoll applikabbli b’mod wiesgħa fil-kuntest tal-Artikolu 15(1) (37).

71.      Madankollu, hemm argument li jiddistingwi ruħu li ġie magħmul fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżura: il-fatt li l-limitazzjoni ta’ età hija applikabbli irrispettivament mill-età tal-irtirar. B’hekk, il-qorti tar-rinviju esprimiet tħassib li l-punt FCL.065(b) japplika irrispettivament minn jekk il-bdoti affettwati jissodisfawx jew le rekwiżiti nazzjonali sabiex jirċievu pensjoni tal-irtirar. Fil-Ġermanja, bħal fi Stati Membri oħra tal-Unjoni, l-età tal-irtirar mhux dejjem kienet ta’ 65 sena u kienet u tibqa’ tiġi posposta għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Dan it-tħassib tqajjem ukoll minn W. Fries.

72.      Il-Gvern Taljan isostni li dan l-argument ma huwiex pertinenti. Il-problemi li jinqalgħu minħabba d-distakk bejn l-ogħla limitu ta’ età u l-età tal-irtirar huma kwistjonijiet tad-dritt nazzjonali. L-interessi partikolari tan-natura ekonomika ta’ individwi ma għandhiex tipprevali fuq interessi leġittimi bħal sigurtà u sikurezza.

73.      Fl-opinjoni tiegħi, kunsiderazzjoni xierqa għandha tingħata għall-effetti tar-regola inkwistjoni fuq id-dritt ta’ libertà professjonali, tenut kont l-element relatat mal-aċċess għal drittijiet ta’ rtirar u ta’ pensjoni. Fil-fehma tiegħi, din l-evalwazzjoni tappartjeni għall-eżerċizzju ta’ bilanċ bejn l-interessi individwali u dawk ġenerali inkwistjoni. Din hija preċiżament funzjoni ta’ stħarriġ tad-drittijiet fundamentali.

74.      Id-drittijiet protetti bl-Artikolu 15(1) tal-Karta huma affettwati b’limitazzjonijiet ta’ età għall-eżerċizzju ta’ professjoni jew b’etajiet tal-irtirar obbligatorji (38). Barra minn hekk, l-interferenza mad-dritt ta’ libertà professjonali issir iktar serja meta l-eżerċizzju ta’ professjoni jiġi interrott b’mod obbligatorju irrispettivament minn jekk il-ħajja professjonali ta’ individwu tkunx waslet fi tmiemha skont dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli li jirregolaw l-irtirar u l-aċċess għal drittijiet pensjonabbli.

75.      Madankollu, f’din il-kawża, il-fatt li, l-ewwel nett, il-punt FCL.065(b) espressament jeskludi tip ta’ attività waħda – il-pilotaġġ ta’ inġenji tal-ajru kummerċjali – u li, t-tieni nett, jagħmel hekk biss, b’paragun mat-tul sħiħ ta’ karriera professjonali, għal perijodu relattivament limitat, iġġigħelni nikkonkludi li l-miżura inkwistjoni ma timponix żvantaġġ sproporzjonat fuq l-individwi affettwati.

76.      Fl-aħħarnett, għandu jingħad ukoll li minbarra li jikkostitwixxi l-parametru tal-istħarriġ tal-validità, l-Artikolu 15(1) tal-Karta għandu wkoll rwol ta’ gwida interpretattiva għat-tielet domanda magħmula mill-qorti nazzjonali, jiġifieri d-definizzjoni tal-frażi “trasport kummerċjali bl-arju”.

b)      Konklużjoni intermedjarja

77.      Bħala konklużjoni, hija l-fehma tiegħi li l-eżami tat-tieni domanda magħmul mill-qorti tar-rinviju ma wera ebda raġuni li tista’ taffettwa l-validità tal-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 fid-dawl tal-Artikolu 15 tal-Karta.

B.      L-interpretazzjoni tal-frażi “trasport kummerċjali bl-ajru”

78.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-interpretazzjoni tal-frażi “trasport kummerċjali bl-ajru” fil-punt FCL.065(b). Skont din il-qorti, jekk il-validità ta’ dik id-dispożizzjoni tiġi kkonfermata – kif jien nipproponi li tkun – it-talba ta’ W. Fries skont id-dritt nazzjonali tkun tiddependi minn jekk, inter alia, hu kienx għadu awtorizzat li jopera dawk magħrufa bħala titjiriet ferry u/jekk setax ikompli jaħdem bħala istruttur u eżaminatur abbord inġenju tal-ajru minkejja li laħaq l-età ta’ 65 sena.

79.      Lufthansa CityLine ssostni li, fid-dawl tal-għanijiet importanti tas-sigurtà fit-trasport bl-ajru u l-protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, persuni li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena ma għandhomx ikunu awtorizzati li jaġixxu ta’ bdot ma’ linji tal-ajru kummerċjali. Skont din il-fehma, il-possibbiltà li wieħed jippilota titjiriet ferry u li jkun involut f’attivitajiet ta’ taħriġ jew eżaminar fil-cockpit waqt titjira għandha tkun eskluża għal persuni li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena.

80.      W. Fries, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jsostnu fehma opposta: titjiriet ferry – li ma jittrasportawx passiġġieri, merkanzija jew posta –, kif ukoll attivitajiet ta’ taħriġ u eżaminar fejn bdot ta’ iktar minn 65 sena jkun fil-cockpit ta’ inġenju tal-ajru bħala membru tal-ekwipaġġ li mhux jippilota, ma humiex koperti bil-frażi “trasport kummerċjali bl-ajru” fis-sens tat-tifsira ta’ FCL.065(b), fid-dawl tad-definizzjoni ta’ dik il-frażi f’FCL.010 fl-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011.

81.      Naqbel. Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjonijiet litterali, kuntestwali, u teleoloġika jikkonfermaw dan l-aħħar ftehim tal-frażi “trasport kummerċjali bl-ajru”.

1.      L-interpretazzjoni litterali

82.      L-ewwel, il-punt FCL.065(b) jipprovdi li “[i]d-detentur ta’ liċenzja ta’ bdot li għalaq 65 sena m’għandux jaġixxi bħala bdot ta’ inġenju tal-ajru involut fit-trasport kummerċjali bl-ajru”.

83.      Għall-interpretazzjoni tal-frażi “trasport kummerċjali bl-ajru” fil-punt FCL.065(b), huwa meħtieġ li jsir riferiment għad-definizzjoni ta’ dik il-frażi fil-punt FCL.010. Din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi definizzjonijiet applikabbli għall-“parti FCL” li jaqgħu taħtha ż-żewġ dispożizzjonijiet.

84.      Il-punt FCL.010 jipprovdi li “‘trasport kummerċjali bl-ajru’ tfisser it-trasport ta’ passiġġieri, merkanzija jew posta b’remunerazzjoni jew kiri.”

85.      B’hekk, sabiex attività taqa’ taħt “trasport kummerċjali bl-ajru”, għandhom ikunu preżenti tliet elementi fl-istess ħin. L-ewwel, irid ikun hemm “trasport”. It-tieni, dan it-trasport irid ikun jinvolvi passiġġieri, merkanzija jew posta. It-tielet, irid ikun hemm remunerazzjoni jew kiri.

86.      Sa fejn jirrigwarda titjiriet ferry (39), anki jekk forsi jista’ jingħad li hemm “trasport” peress li l-inġenju tal-ajru qiegħed jitmexxa, it-tieni element, jiġifieri l-preżenza ta’ passiġġieri, merkanzija jew posta, huwa nieqes. Jista’ jkun hemm trasport tal-ajruplan, iżda mhux trasport ta’ passiġġieri, merkanzija jew posta. Fit-tifsira naturali tal-kliem, li tissuġġerixxi li fuq titjiriet ferry, l-ajruplan vojt huwa fih innifsu “merkanzija”, tirriżulta li bħala tluq sinjifikanti mill-kliem tad-dispożizzjoni (40).

87.      Għar-rigward ta’ attivitajiet ta’ taħriġ u eżaminazzjoni, kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni element huma nieqsa. F’dawk l-attivitajiet, anki jekk persuni jistgħu “jitmexxew”, ma hemmx trasport fis-sens li t-tmexxija ta’ persuni minn punt A għal punt B huwa l-iskop prinċipali tal-attività (41).

88.      Huwa biss l-element ta’ remunerazzjoni li jista’ jkun preżenti fiż-żewġ każijiet, skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali jew oħra fil-każ individwali. Madankollu, dan ma huwiex biżżejjed sabiex dawn l-attivitajiet jiddaħħlu fl-isfera tad-definizzjoni ta’ “trasport kummerċjali bl-ajru”.

2.      L-interpretazzjoni kuntestwali

89.      Mill-perspettiva kuntestwali, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 1178/2011, għandu jiġi nnotat li l-validità ta’ liċenzji ma hijiex affettwata mill-punt FCL.065(b). Din id-dispożizzjoni tillimita biss il-privileġġi marbuta mal-liċenzji sal-punt li huma koperti mil-limitazzjoni speċifika li wieħed jaġixxi bħala bdot ta’ inġenju tal-ajru fis-settur tat-trasport kummerċjali bl-ajru. Kif irrileva W. Fries, ir-revoka u s-sospensjoni ta’ liċenzji huma rregolati separatament, fil-punt FCL.070 tar-Regolament. Huwa wkoll importanti, kif jirrileva l-Gvern Taljan, li punt MED.B.010 tal-Anness IV tar-Regolament Nru 1178/2011 jinkludi regola speċifika rigward ir-rekwiżiti mediċi sabiex jinħarġu ċertifikati mediċi Klassi I, li għalihom “għandha ssir valutazzjoni kardjovaskulari estiża fl-ewwel eżami ta’ konvalidazzjoni mill-ġdid jew ta’ tiġdid wara l-età ta’ 65 sena u kull 4 snin wara dan.”

90.      Huwa għalhekk ċar li punt FCL.065(b) ma huwiex intiż li jkollu impatt jew riperkussjonijiet iktar wiesgħa għajr għall-unika esklużjoni li l-punt stess espressament jirregola.

91.      Barra minn hekk, interpretazzjoni kuntestwali iktar wiesgħa, fid-dawl tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 965/2012 ukoll tappoġġja r-riżultat preċedenti.

92.      L-argumenti ta’ Lufthansa CityLine donnhom huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li l-attivitajiet kollha tal-bdoti eżerċitati fil-kuntest ta’ linja tal-ajru kummerċjali jammontaw għal “trasport kummerċjali bl-ajru”. Madankollu, dan l-argument jista’ faċilment jiġi miċħud, kif ġustament jissottometti l-Gvern Taljan, billi tirrikorri għar-Regolament Nru 965/2012 – adottat ukoll abbażi tar-Regolament Nru 216/2008.

93.      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 965/2012 essenzjalment jiddefinixxi l-kunċett ta’ “trasport kummerċjali bl-ajru” bl-istess kliem bħall-punt FCL.010. Skont il-punt ORO.AOC.125 tal-Anness III tar-Regolament Nru 965/2012 (42), id-detenturi ta’ ċertifikati ta’ operatur tal-ajru [AOC] jistgħu jwettqu operazzjonijiet mhux kummerċjali b’inġenji tal-ajru li fin-normalità jintużaw għal trasport kummerċjali bl-ajru taħt ċerti kundizzjonijiet elenkati f’dik id-dispożizzjoni.

94.      Dan l-aħħar punt huwa importanti. Jikkonferma l-possibbiltà li operaturi li normalment iwettqu trasport kummerċjali bl-ajru, ikunu involuti f’operazzjonijiet oħra li għalihom ma tapplikax il-limitazzjoni ta’ età inkwistjoni.

3.      L-interpretazzjoni teleoloġika

95.      Kif tirrileva Lufthansa CityLine, l-għan tar-regola inkwistjoni huwa li jintlaħaq livell għoli u uniformi ta’ sigurtà fis-settur ta’ trasport bl-ajru. Dak l-għan huwa segwit bir-Regolament Nru 1178/2011 u r-Regolament Nru 216/2008 fuq l-istess linja mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

96.      Madankollu, huwa preċiżament fuq l-istess linja mal-prinċipju ta’ proporzjonalità li huma biss operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru li jinvolvu riskji ikbar u huma suġġetti li jkollhom konsegwenzi iktar devastanti li ġew suġġetti għal-limitazzjoni ta’ età. Billi ġeneralment ma japplikax dak il-limitu ta’ età għal attivitajiet oħra lil hinn mill-pilotaġġ ta’ inġenju tal-ajru fil-qasam ta’ trasport kummerċjali bl-ajru, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma tbiegħedx mill-għan tas-sigurtà. Għal attivitajiet oħra li ma humiex affettwati mir-riskju għoli li trasport kummerċjali bl-ajru jinvolvi, ir-regoli li jikkonċernaw l-obbligu ta’ tiġdid ta’ ċertifikati mediċi kull sitt xhur wara l-età ta’ 60 sena (43) tqies bħala salvagwardja suffiċjenti.

97.      F’dan ir-rigward, kif jissottometti W. Fries u kif tinnota l-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha, bħala istruttur u/jew eżaminatur ta’ età iktar minn 65 sena, il-bdot ma jkunx attivament qiegħed jopera l-inġenju tal-ajru. Huwa jkun biss preżenti fil-cockpit bħala membru tal-ekwipaġġ li mhux jippilota. B’riżultat ta’ dan, huwa ma għandux kontroll fuq l-inġenju tal-ajru u l-attivitajiet tiegħu ma jaffettwawx direttament is-sigurtà tat-titjira.

98.      Fl-aħħar nett, W. Fries ġustament argumenta, il-limitu ta’ età jinvolvi kemm restrizzjoni fir-rigward tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni kif ukoll id-dritt tal-libertà professjonali. Billi fih innifsu jinvolvi eċċezzjoni dwar l-attività ta’ pilotaġġ, kif ukoll limitazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(1) tal-Karta, ma għandux jiġi interpretat estensivament. B’hekk ma hemm l-ebda raġuni valida sabiex testendi dik ir-regola, minkejja l-karatteristiċi litterali u kuntestwali tagħha, lil hinn mill-attività li espressament tipprovdi għaliha.

4.      Konklużjoni intermedjarja

99.      Bħala sinteżi, fil-fehma tiegħi ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-frażi “trasport kummerċjali bl-ajru” fil-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 għandha tiġi interpretata, skont id-definizzjoni mogħtija fil-punt FCL.010 tal-istess anness, fis-sens li ma tkoprix titjiriet imsejħa ferry operati minn linja tal-ajru li ma jittrasportawx passiġġieri, merkanzija jew posta, jew ukoll attivitajiet ta’ taħriġ u t-twettiq ta’ eżamijiet li matulhom bdot li jkun qabeż l-età ta’ 65 sena jibqa’ fil-cockpit tal-inġenju tal-ajru bħala membru tal-ekwipaġġ li ma jippilotax.

V.      Konklużjoni

100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (qorti industrijali federali, il-Ġermanja) kif ġej:

–        L-eżami tal-ewwel u t-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma wera ebda raġuni li tista’ taffettwa l-validità tal-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011, tat-3 ta’ Novembru 2011, li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008, fid-dawl tal-Artikoli 15(1) u 21(1) tal-Karta.

–        Il-frażi “trasport kummerċjali bl-ajru” fil-punt FCL.065(b) tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 għandha tkun interpretata, skont id-definizzjoni mogħtija fil-punt FCL.010 tal-istess anness, bħala li ma tkoprix titjiriet imsejħa ferry operati minn linja tal-ajru li ma jittrasportawx passiġġieri, merkanzija jew posta, jew ukoll attivitajiet ta’ taħriġ u t-twettiq ta’ eżamijiet li matulhom bdot li qabeż l-età ta’ 65 sena jibqa’ fil-cockpit tal-inġenju tal-ajru bħala membru tal-ekwipaġġ li ma jippilotax.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż


2      Regolament tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Novembru 2011, li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012 L 311, p. 1).


3      Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU 2008, L 79, p. 1) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2009, tat-30 ta’ Lulju 2009 (ĠU 2009, L 199, p. 6), ir-Regolament (KE) Nru 1108/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009 (ĠU 2009, L 309, p. 51) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 6/2013, tat-8 ta’ Jannar 2013 (ĠU 2013, L 4, p. 34).


4      Dik id-dispożizzjoni kienet ġiet emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/445, tas-17 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015 L 74, p. 1): Ara l-punt (1) tal-Anness I “(a) Età bejn is-60 u l-64 sena. Ajruplani u ħelikopters. Id-detentur ta’ liċenzja ta’ bdot li jkun għalaq 60 sena m’għandux jaġixxi bħala bdot ta’ inġenju tal-ajru involut fit-trasport kummerċjali bl-ajru għajr jekk ikun membru ta’ ekwipaġġ b’aktar minn bdot wieħed. (b) Età ta’ 65 sena. Għajr fil-każ ta’ detentur ta’ liċenzja ta’ bdot ta’ ballun tal-ajru jew glider, detentur ta’ liċenzja ta’ bdot li jkun għalaq 65 sena m’għandux jaġixxi bħala bdot ta’ inġenju tal-ajru involut fit-trasport kummerċjali bl-ajru. (c) Età ta’ 70 sena. Detentur ta’ liċenzja ta’ bdot li għalaq 70 sena m’għandux jaġixxi bħala bdot ta’ ballun tal-ajru jew glider involut fit-trasport kummerċjali bl-ajru.”


5      Artikoli 241(2), 293, 297 u 615 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (BGB, Kodiċi Ċivili Ġermaniż).


6      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 43), u tad-29 ta’ April 2015, Léger (C‑528/13, EU:C:2015:288, punt 48), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fihom.


7      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 44).


8      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 44).


9      Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).


10      Ara, għal dan l-iskop, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 55).


11      Sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 49).


12      Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 35); tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 66); u tat-13 ta’ Novembru 2014, VitalPérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 36).


13      Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 41); tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 37); u tal-15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo (C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 34).


14      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 67).


15      Sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 49).


16      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 42); tad-29 ta’ April 2015, Léger (C‑528/13, EU:C:2015:288, punti 51 u 52); u tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 50).


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2015, Léger (C-528/13, EU:C:2015:288, punt 54).


18      Fir-rigward ta’ sigurtà fit-triq ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 51), u l-ammont kbir ta’ ġurisprudenza ċċitata fiha.


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punti 68 u 69).


20      Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 67).


21      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 67), li l-fatt li wieħed ikollu kapaċitajiet fiżiċi partikolari jista’ jiġi kkunsidrat bħala “ħtieġa ġenwina [essenzjali] u determinanti” peress li “[f]ir-rigward tal-piloti tal-linji tal-ajru, huwa essenzjali li dawn ikollhom, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet fiżiċi partikolari sa fejn in-nuqqasijiet fiżiċi għal din il-professjoni jista’ jkollhom konsegwenzi importanti. Huwa wkoll minnu li dawn il-kapaċitajiet jonqsu bl-età”.


22      Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C‑341/08, EU:C:2010:4).


23      Regoli differenti għal attivitajiet mhux kummerċjali u kummerċjali huma kompriżi, b’mod partikolari, fir-Regolament Nru 216/2008, fir-Regolament Nru 1178/2011 u fir-Regolament Nru 695/2012. Ara l-premessi 7 u 8 tar-Regolament Nru 216/2008, iċċitata fil-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll l-ispjegazzjoni tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Ajru (EASA) tal-attivitajiet tal-ajru differenti, fuq https://www.easa.europa.eu/easa-and-you/general-aviation/operations-general-aviation#group-easa-related-content.


24      Regolament tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Ottubru 2012, li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 (ĠU 2012 L 296, p. 1).


25      L-istabbiliment ta’ limiti fissi ta’ età kien u jkompli jkun suġġett ta’ ħafna dibattitu. Ara, pereżempju, id-Dokument AN-WP/7982 “Appendix C – Upper age limits for flight crew members”, ICAO, 2006, li jiġbor fih il-pożizzjonijiet differenti tal-Istati u assoċjazzjonijiet differenti dwar ir-regola tas-60 sena, quddiem l-ICAO għolla l-limitazzjoni ta’ età għal 65 sena fl-2006. Ara wkoll: Aerospace Medical Association, Aviation Safety Committee, Civil Aviation Safety Subcommittee, “The age 60 rule”, Aviation, Space, and Environmental Medicine, Vol. 75, Nr. 8, 2004, p. 708-715. Ara wkoll, għad-dibattitu fl-Istati Uniti tal-Amerika, ir-“Report to the Federal Aviation Administration” tal-Age 60 Aviation Rulemaking Committee, tad-29 ta’ Novembru 2006.


26      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punti 52 u 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara,b’mod partikolari, il-premessi 3, 4 u 7, u l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u l-premessa 11 tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011.


29      Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata fis-7 ta’ Diċembru 1944, bil-modifiki sussegwenti. Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, Stati parteċipanti li jqisu li huwa meħtieġ li jiġu adottati regolamenti jew prattiċi li jvarjaw minn dawk stabbiliti bi standard internazzjonali, għandhom jinnotifikaw lill-ICAO bid-differenzi bejn il-prattiċi tagħhom u dawk stabbiliti bl-istandard internazzjonali. Ara, pereżempju, ir-rapport ippreżentat mill-Ġappun dwar “Relaxation of age limit of pilots engaged in air transport and ensurement of the health management system in airlines”, li jispjega d-deċiżjoni li l-limitazzjoni ta’ età tittella’ għal 68 sena, Dokument A39-WP277, Dokument għad-diskussjoni, ICAO, 29.8.2016”.


30      Emenda 167 għall-Anness I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, adottata mill-Kunsill tal-ICAO fl-10 ta’ Marzu 2006. Dwar id-diskussjoni madwar din l-emenda, ara Dokument AN-WP/7982, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25.


31      Ara Rekwiżiti Konġunti tal-Avjazzjoni (JAR) – Liċenzjar tal-Ekwipaġġ tal-Ajru 1 (JAR-FCL 1), Awtoritajiet Konġunti tal-Avjazzjoni, kif emendati fl-1 ta’ Diċembru 2006.


32      Ara, f’dan is-sens, Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem, Komunikazzjoni Nru 983/2001 tal-25 ta’ Marzu 2003, CCPR/C/77/D/983/2001, punt 8(3). F’dak il-każ, li kien jikkonċerna l-Artikolu 26 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Kumitat iddikjara li ma setax jikkonkludi li d-differenza fit-trattament ma kinitx ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u raġonevoli, fid-dawl li, sabiex jiġġustifika l-limitu obbligatorju tal-età ta’ 60 sena f’dak iż-żmien, l-Istat kien irrefera għall-istandard tal-ICAO applikabbli dak iż-żmien.


33      Dwar il-valur ta’ dawk l-istandards internazzjonali, ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 73) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:321 punt 66).


34      Il-punt FCL.065 ġie emendat fl-2015, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


35      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lidl(C‑134/15, EU:C:2016:169, punt 26).


36      Sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 58), u tas-7 ta’ Lulju 2016, Muladi (C‑447/15, EU:C:2016:533, punt 51).


37      Il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età fl-impjieg u d-dritt tal-libertà professjonali huma marbuta mill-qrib ħafna. Dan jirriżulta mill-fatt li l-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali eżamina kwistjonijiet relatati ma’ diskriminazzjoni skont l-Artikolu 1(2) tal-Karta Soċjali Ewropea, li fiha l-Partijiet Kontraenti jobbligaw ruħhom li “jiġi protett b’mod effettiv id-dritt tal-ħaddiem li jdaħħal remunerazzjoni f’xogħol li jidħol għalih liberament”. Skont l-Ispjegazzjonijiet mal-Karta, din id-dispożizzjoni ispirat l-Artikolu 15(1) tal-Karta. Ara l-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet Soċjali, deċiżjoni fuq il-merti tat-2 ta’ Lulju 2013, Fellesforbundet for Sjøfolk (FFFS) vs in-Norveġja,ilment Nru 74/2011, punti 104 u 105.


38      Il-Qorti tal-Ġustizzja iddikjarat, fir-rigward tad-Direttiva 2000/78, f’kawżi li jikkonċernaw etajiet ta’ rtirar obbligatorji jew tmiem awtomatiku ta’ impjieg, li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għandha tinqara fid-dawl tad-dritt tal-libertà professjonali rikonoxxut fl-Artikolu 15(1) tal-Karta. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 62), u tal-5 ta’ Lulju 2012, Hörnfeldt (C‑141/11, EU:C:2012:421, punt 37).


39      Il-qorti tar-rinviju tagħmel domanda fir-rigward ta’ “Leerflüge” (litteralment, “titjiriet vojta”). Is-sottomissjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali jirreferu għal “Leer-und Überführungsflügen”, li tikkorrispondi għal “titjiriet ferry”. Titjiriet ferry jistgħu jinftiehmu bħala “titjiriet għal skop li inġenju tal-ajru jiġi rritornat fil-bażi, it-twassil ta’ inġenju tal-ajru minn lok għal ieħor, jew l-ispostament ta’ inġenju tal-ajru minn u lejn bażi tal-manutenzjoni”, Crane, D., Dictionary of Aeronautical Terms, il-5 ed., Aviation Supplies & Academics, Newcastle, Washington, 2015, p. 210.


40      Inġenju tal-ajru (żmantellat jew sħiħ) jew il-partijiet tiegħu jistgħu wkoll jiġu ttrasportati bħala merkanzija normali fil-kompartiment tal-merkanzija ta’ ajruplan ieħor.


41      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Robert Fuchs (C‑80/15, EU:C:2016:615, punt 36), u l-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑80/15, EU:C:2016:104, punt 42).


42      Punt ORO.AOC.125: “Operazzjonijiet mhux kummerċjali ta’ inġenji tal-ajru mniżżlin mid-detentur ta’ AOC fl-ispeċifikazzjonijiet tal-operazzjonijiet (a) Id-detentur ta’ AOC jista’ jwettaq operazzjonijiet mhux kummerċjali b’inġenju tal-ajru li mill-bqija jintuża għal operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru li jkunu mniżżlin fl-ispeċifikazzjonijiet tal-operazzjonijiet tal-AOC tiegħu, dejjem jekk l-operatur: (1) jiddeskrivi dawn l-operazzjonijiet fid-dettall fil-manwal tal-operat, inklużi: (i) l-identifikazzjoni tar-rekwiżiti applikabbli; (ii) identifikazzjoni ċara ta’ kwalunkwe differenzi bejn il-proċeduri operattivi li jintużaw meta jitwettqu l-operazzjonijiet kummerċjali u dawk li jintużaw meta jitwettqu operazzjonijiet mhux kummerċjali; (iii) mezz biex ikun żgurat li l-persunal kollu involut fl-operazzjoni jkun kompletament familjari mal-proċeduri assoċjati magħha; (2) jibgħat id-differenzi identifikati bejn il-proċeduri operattivi msemmija fil-punt (a)(1)(ii) lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni tagħha minn qabel. (b) Detentur ta’ AOC li jmexxi l-operazzjonijiet imsemmija f’(a) ma għandux l-obbligu li jippreżenta dikjarazzjoni skont din il-Parti.”


43      Punt MED.A.045(a)(2)(ii) tal-Anness IV tar-Regolament Nru 1178/2011 jillimita l-validità taċ-ċertifikati ta’ Klassi 1 għal 6 xhur għal persuni li jkunu laħqu l-età ta’ 60 sena. Skont il-punt MED.A.030(f) tal-istess anness, “L-applikanti għal, u d-detenturi ta’, liċenzja ta’ bdot kummerċjali (CPL), liċenzja ta’ bdot ta’ ekwipaġġ multiplu (MPL) jew liċenzja ta’ bdot tat-trasport b’linja tal-ajru (ATPL) għandu jkollhom ċertifikat mediku tal-Klassi 1.”