Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Portugall) fid-9 ta’ Jannar 2017 – Biosafe - Indústria de Reciclagens SA vs Flexipiso - Pavimentos SA

(Kawża C-8/17)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Supremo Tribunal de Justiça

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Biosafe - Indústria de Reciclagens SA

Konvenuta: Flexipiso - Pavimentos SA

Domandi preliminari

Id-Direttiva 2006/112/KE 1 , u b’mod partikolari l-Artikoli 63, 167, 168, 178, 179, 180, 182 u 219 tagħha, kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità, jipprekludu leġiżlazzjoni li minnha jirriżulta li, f’sitwazzjoni li fiha l-bejjiegħ, li huwa suġġett għall-VAT, kien suġġett għal spezzjoni tat-taxxa li minnha rriżulta li r-rata tal-VAT li effettivament kienet tapplika kienet inqas minn dik li kellha tiġi applikata f’dak il-waqt, fejn din il-persuna ħallset lill-Istat it-taxxa supplimentari u tixtieq tikseb il-ħlas rispettiv mix-xerrej, ukoll suġġett għall-VAT, it-terminu sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jipproċedi għat-tnaqqis ta’ din it-taxxa supplimentari jibda jiddekorri minn meta jinħarġu l-fatturi inizjali u mhux mill-ħruġ jew mir-riċeviment tad-dokumenti ta’ rettifika?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari, l-istess direttiva u, b’mod partikolari, l-istess artikoli u l-prinċipju ta’ newtralità jipprekludu leġiżlazzjoni li minnha jirriżulta li, ladarba jiġu rċevuti dokumenti ta’ rettifika tal-fatturi inizjali, maħruġa rispettivament għall-ispezzjoni tat-taxxa u tal-ħlas lill-Istat tat-taxxa supplimentari, u intiżi sabiex jinkiseb il-ħlas ta’ din it-taxxa supplimentari, fil-każ fejn l-imsemmi terminu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ tnaqqis diġà jkun iddekorra, ix-xerrej jista’ leġittimament jirrifjuta l-ħlas, billi jsostni li l-impossibbiltà li jsir it-tnaqqis tat-taxxa supplimentari jiġġustifika r-rifjut tal-ħlas tagħha?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).