Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (Spanja) fl-24 ta’ Awwissu 2016 – Jorge Luís Colino Sigüenza vs Ayuntamiento de Valladolid u IN-PULSO MUSICAL Sociedad Cooperativa

(Kawża C-472/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Jorge Luís Colino Sigüenza

Konvenuti: Ayuntamiento de Valladolid u IN-PULSO MUSICAL Sociedad Cooperativa

Domandi preliminari

Għandu jitqies li jeżisti trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE 1 meta d-detentur ta’ konċessjoni ta’ skola tal-mużika muniċipali, li jirċievi l-mezzi materjali kollha mingħand il-kunsill ta’ din il-muniċipalità (bini, strumenti, klassijiet, għamara), li jimpjega l-persunal rispettiv tiegħu u li jipprovdi s-servizzi tiegħu skont is-sena akkademika, jabbanduna l-attività fl-1 ta’ April 2013, xahrejn qabel it-tmiem tas-sena akkademika, filwaqt li jrodd lura l-materjal kollu lill-imsemmi kunsill, li min-naħa tiegħu ma jkomplix l-attività biex tintemm is-sena akkademika 2012-13, iżda jagħti mill-ġdid il-kuntratt lil kuntrattur ġdid, li jerġa’ jibda l-attività f’Settembru 2013, fil-bidu tas-sena akkademika l-ġdida 2013-14, u għal dan il-għan jgħaddi lill-kuntrattur il-ġdid il-mezzi materjali meħtieġa li qabel kienu għad-dispożizzjoni tal-kuntrattur preċedenti (bini, strumenti, klassijiet, għamara)?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, fiċ-ċirkustanzi deskritti, fejn in-nuqqas tal-impriża prinċipali (il-kunsill muniċipali) li twettaq l-obbligi tagħha ġiegħel lill-ewwel kuntrattur itemm l-attività tiegħu u jkeċċi l-persunal kollu tiegħu, u fejn sussegwentement din l-impriża prinċipali tittrażmetti l-mezzi materjali lit-tieni kuntrattur, li jkompli bl-istess attività, għandu jitqies, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23/KE, li t-tkeċċija tal-ħaddiema tal-ewwel kuntrattur seħħet minħabba “raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu”, jew inkella li l-kawża tat-tkeċċija kien it-“trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju”, ipprojbit mill-imsemmi artikolu?

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun li l-kawża tat-tkeċċija kienet it-trasferiment u, għaldaqstant, kawża pprojbita mid-Direttiva 2001/23/KE, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali milli tipprojbixxi lil Imħallef jew lil Qorti milli tiddeċiedi fuq il-mertu tal-allegazzjonijiet ta’ ħaddiem li jikkontesta t-tkeċċija, li seħħet fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, tiegħu f’kawża individwali biex jiddefendi d-drittijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttivi tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji u 98/59/KE 2 , tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, minħabba l-fatt li preċedentement kien hemm sentenza definittiva dwar it-tkeċċija kollettiva fil-kuntest ta’ proċedura li għaliha l-ħaddiem ma setgħax ikun parti, anki jekk is-sindakati rrappreżentati fl-impriża u/jew ir-rappreżentanti legali kollettivi tal-ħaddiema kienu jew setgħu jkunu parti għal dik il-proċedura?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98)

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327