Language of document : ECLI:EU:C:2008:552

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Ottubru 2008(*)

“Direttiva 96/9/KE – Protezzjoni legali ta’ databases – Dritt sui generis – Kunċett ta’ ‘estrazzjoni’ tal-kontenut ta’ database”

Fil-kawża C‑304/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Lulju 2007, fil-kawża

Directmedia Publishing GmbH

vs

Albert-Ludwigs-Universität Freiburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Directmedia Publishing GmbH, minn C. von Gierke, Rechtsanwältin,

–        għall-Albert-Ludwigs-Universität Freiburg, minn W. Schmid u H.-G. Riegger, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn F. Arenal, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Krämer u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU L 77, p. 20).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Directmedia Publishing GmbH (iktar’il quddiem “Directmedia”) u l-Albert-Ludwigs-Universität Freiburg, wara l-kummerċjalizzazzjoni minn Directmedia ta’ ġabra ta’ poeżiji magħmula minn lista ta’ poeżiji Ġermaniżi kkompilata minn U. Knoop, professur fi ħdan din l-Università.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-għan tad-Direttiva 96/9, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, huwa “l-protezzjoni legali ta’ databases ta’ kull xorta”.

4        Il-kunċett ta’ database huwa ddefinit, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 96/9, fl-Artikolu 1(2) ta’ din tal-aħħar, bħala “kollezzjoni ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra irranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra”.

5        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/9 jistabbilixxi protezzjoni bid-dritt tal-awtur tad-“databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni ta’ l-awtur innifsu”.

6        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, intitolat “Għan tal-protezzjoni”, jistabbilixxi dritt sui generis fit-termini segwenti:

“1.      Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id-database.

2.      Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

(a)      ‘estrazzjoni’ tfisser it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma;

(b)      ‘użu mill-ġdid’ tfisser kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku l-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja tad-database mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jkun hemm kontroll tal-bejgħ mill-ġdid ta’ dik il-kopja fil-Komunità;

Self pubbliku mhux att ta’ estrazzjoni jew użu mill-ġdid.

3.      Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkun trasferit, assenjat jew mogħti permezz ta’ liċenza kuntrattwali.

4.      Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika wkoll jekk dik id-database ma tkunx eliġibbli għal protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Barra dan, dan għandu japplika wkoll jekk il-kontenut ta’ dik id-database ma jkunx eliġibbli għall-protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Il-protezzjoni ta’ databases skond id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun bla ħsara għal drittijiet li jkun hemm fir-rigward tal-kontenut tagħhom.

5.      L-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit [ripetuti] u sistematika [sistematiċi] ta’ partijiet żgħar [mhux sostanzjali] tal-kontenut tad-database li jġibu magħhom [jippresupponu] atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database m’għandhomx jitħallew isiru.”

7        L-Artikolu 13 tad-Direttiva 96/9, intitolat “[ż]amma ta’ l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali oħra”, jispeċifika li l-imsemmija direttiva hija bla ħsara, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet relatati ma’ “liġijiet dwar prattiċi ristrettivi u kompetizzjoni inġusta”.

8        Skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 96/9:

“Mhux iktar tard mill-aħħar tat-tielet sena wara [l-1 ta’ Jannar 1998], u kull tlett snin wara, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li fih, skond l-informazzjoni speċifika mogħtija mill-Istati Membri, hija għandha teżamina b’mod partikolari t-tħaddim tad-dritt sui generis, magħduda l-Artikoli 8 u 9, u għandha tivverifika l-aktar jekk l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt ikunx wassal għal abbuż ta’ pożizzjoni dominanti jew interferenza oħra mal-kompetizzjoni ħielsa li jiġġustifika li jittieħdu miżuri, fost oħrajn li jsiru arranġamenti ta’ liċenzjar [mhux] volontarju. Fejn ikun meħtieġ, hija għandha tibgħat proposti biex din id-Direttiva tkun adattata skond żviluppi fil-qasam ta’ databases.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        U. Knoop jiddirieġi l-proġett “Klassikerwortschatz” (“il-Vokabolarju tal-klassiċi”) fl-Albert-Ludwigs-Universität Freiburg, liema proġett wassal għall-pubblikazzjoni ta’ Freiburger Anthologie (Antoloġija ta’ Freiburg-in-Brisgau), ġabra ta’ poeżiji miktuba bejn l-1720 u l-1933.

10      Din l-antoloġija hija bbażata fuq lista ta’ poeżiji kkompilata minn U. Knoop, Die 1 100 wichtigsten Gedichte der deutschen Literatur zwischen 1730 und 1900 (L-iktar 1 100 poeżija importanti fil-letteratura Ġermaniża bejn l-1730 u l-1900, iktar’il quddiem il-“lista ta’ poeżiji kkompilata minn U. Knoop”, li ġiet ippubblikata fuq l-Internet.

11      Wara spjegazzjoni introduttorja, din il-lista ta’ poeżiji, li hija kklassifikata skont il-frekwenza li biha dawn tal-aħħar jiġu ċċitati f’diversi antoloġiji, tindika l-awtur, it-titolu, il-vers tal-ftuħ u s-sena tal-pubblikazzjoni ta’ kull poeżija. Din il-lista hija għalhekk ibbażata fuq 14-il antoloġija magħżula minn total ta’ madwar 3 000 antoloġija, li magħhom ġiet miżjuda l-kompilazzjoni biblijografika ta’ A. Dühmert ta’ 50 antoloġija bil-Ġermaniż, Von wem ist das Gedicht? (Min kiteb din il-poeżija?).

12      Abbażi ta’ dawn ix-xogħlijiet, li jinkludu madwar 20 000 poeżija, intgħażlu l-poeżiji ċċitati għall-inqas fi tliet antoloġiji jew tliet darbiet fil-kompilazzjoni biblijografika ta’ A. Dühmert. Sabiex tkun tista’ ssir l-analiżi statistika tagħhom, it-titoli u l-versi tal-ftuħ tal-poeżiji ġew standardizzati u ġiet ikkompilata lista li tirrikapitola t-titoli tal-poeżiji. Bis-saħħa ta’ riċerki biblijografiċi, ġew identifikati kemm ix-xogħlijiet li fihom ġew ippubblikati l-poeżiji kif ukoll id-data tal-kompożizzjoni tagħhom. Madwar sentejn u nofs kienu meħtieġa sabiex jitlesta dan ix-xogħol, li l-ispejjeż tiegħu, li ammontaw għal total ta’ EUR 34 900, inħarġu mill-Albert-Ludwigs-Universität Freiburg.

13      Directmedia tiddistribwixxi CD-ROM, 1 000 Gedichte, die jeder haben muss (1 000 poeżija li kulħadd għandu jkollu), li ġiet ippubblikata matul is-sena 2002. Mill-poeżiji fuq is-CD-ROM, 876 huma mill-perijodu bejn l-1720 u l-1900. 856 minn dawn huma wkoll iċċitati fil-lista ta’ poeżiji kkompilata minn U. Knoop.

14      Directmedia ispirat ruħha minn din il-lista għall-kompilazzjoni tal-poeżiji riprodotti fuq is-CD-ROM tagħha. Hija ħalliet barra xi wħud mill-poeżiji li jidhru f’din il-lista, żiedet xi oħrajn u ssuġġettat l-għażla magħmula minn U. Knoop għal eżami kritiku fir-rigward ta’ kull poeżija. F’dak li jirrigwarda t-test innifsu ta’ kull poeżija, Directmedia ħaditu mir-riżorsi diġitali tagħha stess.

15      Billi qiesu li, permezz tad-distribuzzjoni tas-CD-ROM tagħha, Directmedia kisret kemm id-dritt tal-awtur ta’ U. Knoop, bħala kompilatur ta’ ġabra, kif ukoll id-dritt relatat tal-Albert-Ludwigs-Universität Freiburg, bħala “min jagħmel database”, dawn tal-aħħar ħadu proċeduri għal waqfien u għad-danni kontra Directmedia. L-azzjoni tagħhom kienet intiża wkoll sabiex din tal-aħħar tikkonsenja l-kopji tas-CD-ROM tagħha li kienu għadhom fil-pussess tagħha sabiex jiġu distrutti.

16      Il-qorti tal-ewwel istanza li quddiemha tressqu dawn il-proċeduri laqgħet dawn it-talbiet. Billi l-appell tagħha ġie miċħud, Directmedia ressqet appell għal “Revision” quddiem il-Bundesgerichtshof.

17      L-imsemmi appell ġie miċħud sa fejn kien jirrigwarda l-kundanna ta’ Directmedia fuq it-talbiet ta’ U. Knoop. Min-naħa l-oħra, billi d-dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża li jirregolaw il-protezzjoni ta’ min jagħmel database, li l-Albert-Ludwigs-Universität Freiburg tallega li nkisru, jittrasponu d-Direttiva 96/9, il-qorti tar-rinviju jidhrilha li l-eżitu tal-kawża, sa fejn din tikkonċerna l-azzjoni bejn Directmedia u l-imsemmija università, tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(a) ta’ din id-direttiva.

18      Filwaqt li tenfasizza li mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tal-appell jirriżulta li Directmedia ispirat ruħha mil-lista ta’ poeżiji kkompilata minn U. Knoop sabiex tagħżel il-poeżiji li kellhom jidhru fuq is-CD-ROM tagħha, li f’kull każ hija ssuġġettat l-għażla magħmula minn U. Knoop għal eżami kritiku u li hija finalment ħalliet barra, mill-apparat ikkummerċjalizzat, numru ta’ poeżiji li jidhru fl-imsemmija lista filwaqt li żiedet oħrajn, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-riproduzzjoni tal-kontenut ta’ database magħmula f’tali ċirkustanzi tikkostitwixxix “estrazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 96/9.

19      Skontha, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “estrazzjoni” li tinsab f’din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 96/9, diversi premessi tal-imsemmija direttiva, il-punti 43 sa 54 tas-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et (C-203/02, Ġabra p. I-10415), xi siltiet mill-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing (C-338/02, Ġabra p. I-10497), ċerta interpretazzjoni tal-għan u tas-suġġett tad-dritt sui generis kif ukoll ir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali jidhru li jimmilitaw favur interpretazzjoni stretta ta’ dan il-kunċett, li skontha l-imsemmi dritt jawtorizza lil min jagħmel database jimpedixxi t-trasferiment fiżiku tagħha kollha jew ta’ parti minnha minn apparat wieħed għal fuq ieħor, iżda mhux l-użu ta’ din id-database bħala sors ta’ konsultazzjoni, ta’ informazzjoni u ta’ reċensjoni, minkejja li b’hekk partijiet sostanzjali mid-database inkwistjoni jiġu gradwalment ikkopjati u riprodotti kif ikunu f’database ieħor.

20      Il-qorti tar-rinviju madankollu tirrikonoxxi li, skont interpretazzjoni oħra tas-suġġett tad-dritt sui generis, jista’ jiġi sostnut li l-kunċett ta’ “estrazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 96/9, jiġbor fih l-atti li jikkonsistu biss fit-teħid, bħala data, ta’ elementi ta’ database.

21      Fid-dawl ta’ din id-diffikultà ta’ interpretazzjoni, il-Bundesgerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-fatt li tittieħed data minn database protetta (skont l-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva 96/9]) għal database oħra jista’ jikkostitwixxi estrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(2)(a) tal-imsemmija direttiva meta dan it-teħid isir abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database u wara evalwazzjoni individwali, jew estrazzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tippresupponi proċess ta’ kkopjar (fiżiku) ta’ ġabra ta’ data?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “estrazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 96/9, ikoprix l-operazzjoni li tikkonsisti fit-teħid ta’ elementi ta’ database għal database oħra wara konsultazzjoni viżiva tal-ewwel database wara għażla bbażata fuq evalwazzjoni personali mill-persuna li twettaq l-operazzjoni, jew jekk jippresupponix proċess ta’ kkopjar fiżiku ta’ ġabra ta’ elementi.

23      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li din id-domanda tistrieħ fuq il-premessa, imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-lista ta’ poeżiji kkompilata minn U. Knoop tikkostitwixxi “database” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9.

24      Din l-istess deċiżjoni tispeċifika wkoll li l-Albert-Ludwigs-Universität Freiburg, li ffinanzjat l-ispejjeż għall-kompilazzjoni tal-imsemmija lista, tikkwalifika għall-protezzjoni bid-dritt sui generis stabbilit bl-imsemmija direttiva, fid-dawl tal-fatt li l-investiment iddedikat għall-ġbir, għall-verifika u għall-preżentazzjoni tal-kontenut ta’ din il-lista, li jammonta għal EUR 34 900, huwa kkunsidrat “sostanzjali” fis-sens tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.

25      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk operazzjoni bħal dik li wettqet Directmedia fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix “estrazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 96/9.

26      F’din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ estrazzjoni huwa ddefinit bħala “it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma”.

27      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9 jirriżerva għal min jagħmel database li jirrikjedi investiment sostanzjali, minn aspett kwantitattiv jew kwalitattiv, id-dritt li jimpedixxi atti ta’ estrazzjoni fir-rigward tal-kontenut kollu ta’ din id-database jew ta’ parti sostanzjali minnu. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(5) ifittex li jippermetti lil min jagħmel database jimpedixxi atti ta’ estrazzjoni ripetuti u sistematiċi fir-rigward ta’ parti mhux sostanzjali tal-kontenut tal-imsemmija database, li, bl-effett kumulattiv tagħhom, iwasslu sabiex id-database kollha jew, għall-inqas, parti sostanzajali minnha, tiġi kkostitwita mill-ġdid, mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ min jagħmel id-database, u li b’hekk jippreġudikaw serjament l-investiment ta’ min jagħmel id-database, bl-istess mod kif jagħmlu l-estrazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva (ara s-sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar’il fuq, punti 86 sa 89).

28      Billi l-kunċett ta’ estrazzjoni għalhekk jintuża f’diversi dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, huwa għandu jiġi interpretat fil-kuntest ġenerali ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar’il fuq, punt 67).

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat, l-ewwel nett, li, kif irrikonoxxiet Directmedia, dan il-kunċett ma jippresupponix li d-database jew il-parti mid-database li minnha jitwettaq l-att inkwistjoni tisparixxi, b’effett ta’ dan l-att, mill-apparat oriġinali tagħha.

30      L-użu, f’numru ta’ premessi tad-Direttiva 96/9, fosthom, b’mod partikolari, is-seba’ u t-tmienja u tletin premessi, tal-verb “ikkopja” sabiex jispjega l-kunċett ta’ estrazzjoni fil-fatt jindika li, f’moħħ il-leġiżlatur Komunitarju, dan il-kunċett huwa intiż, fil-kuntest tal-imsemmija direttiva, li jkopri atti li jħallu d-database jew il-parti tad-database kkonċernata tissussisti fuq l-apparat inizjali tagħha.

31      It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li l-użu, fl-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 96/9, tal-espressjoni “b’kull mezz jew f’kull forma”, juri li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jagħti tifsira wiesgħa lill-kunċett ta’ estrazzjoni (ara s-sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar’il fuq, punt 51).

32      Kif sostnew l-Albert-Ludwigs-Universität Freiburg, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ estrazzjoni hija sostnuta mill-għan li l-leġiżlatur fittex li jilħaq permezz tat-twaqqif ta’ dritt sui generis.

33      Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mis-seba’, mit-tmienja u tletin sat-tnejn u erbgħin u mit-tmienja u erbgħin premessi tad-Direttiva 96/9, dan il-għan huwa li l-persuna li ħadet l-inizjattiva u assumiet ir-riskju li tiddedika investiment sostanzjali, f’termini ta’ riżorsi umani, tekniċi u/jew finanzjarji, għall-kisba, għall-verifika jew għall-preżentazzjoni tal-kontenut ta’ database tiġi ggarantita dħul mill-investiment tagħha billi tiġi protetta kontra l-approprjazzjoni mhux awtorizzata tar-riżultati ta’ dan l-investiment b’atti li jikkonsistu, b’mod partikolari, fir-rikostituzzjoni, min-naħa ta’ utent jew ta’ kompetitur, ta’ din id-database jew ta’ parti sostanzjali minnha bi spiża ħafna iktar baxxa minn dik li kienet tirrikjedi sabiex tinħoloq b’mod indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, C-46/02, Ġabra p. I-10365, punt 35; The British Horseracing Board et, iċċitata iktar’il fuq, punti 32, 45, 46 u 51; Fixtures Marketing, C-338/02, iċċitata iktar’il fuq, punt 25, u Fixtures Marketing, C-444/02, Ġabra p. I-10549, punt 41).

34      Fid-dawl ta’ dan il-għan, il-kunċett ta’ estrazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, għandu jinftiehem fis-sens li jkopri kull att mhux awtorizzat ta’ approprjazzjoni tal-kontenut kollu ta’ database jew ta’ parti minnu (ara s-sentenza The British Horseracing Board et, iċċitat iktar’il fuq, punti 51 u 67).

35      Kif sostnew l-Albert-Ludwigs-Universität Freiburg u l-Kummissjoni, mit-termini nfushom tal-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 96/9 jirriżulta li l-imsemmi kunċett ma jiddependix min-natura u mill-forma tal-metodu ta’ operazzjoni użat.

36      Il-kriterju deċiżiv f’dan ir-rigward jinsab fl-eżistenza ta’ att ta’ “trasferiment” tal-kontenut kollu tad-database kkonċernata jew ta’ parti minnu lil apparat ieħor, li jkun tal-istess natura bħall-apparat tal-imsemmija database jew ta’ natura differenti. Tali trasferiment jippresupponi li l-kontenut kollu ta’ database jew parti minnu jinsab f’apparat differenti minn dak tad-database oriġinali.

37      F’dan il-kuntest, kif enfasizza l-Gvern Taljan, huwa immaterjali, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “estrazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, jekk it-trasferiment ikunx ibbażat fuq proċess tekniku ta’ kkopjar tal-kontenut ta’ database protetta, bħal proċess elettroniku, elettromanjetiku, elettro-ottiku jew kull proċess ieħor li jixbahhom (ara, f’dan ir-rigward, it-tlettax-il premessa tad-Direttiva 96/9), jew fuq sempliċi proċess manwali. Kif sostniet l-Albert-Ludwigs-Universität Freiburg, l-ikkopjar tal-kontenut ta’ tali database, anki jekk manwali, fuq apparat ieħor jikkorrispondi għall-kunċett ta’ estrazzjoni bl-istess mod bħal tniżżil jew fotokopja.

38      L-erbatax-il premessa tad-Direttiva 96/9, li skontha “l-protezzjoni taħt din id-Direttiva għandha tkun estiża biex tkopri databases mhux elettroniċi”, kif ukoll il-wieħed u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva, li skontha l-protezzjoni li tipprovdi għaliha din tal-aħħar ma tirrikjedix li l-materjali li jinsabu fid-database “jkunu nħażnu fiżikament b’mod organizzat”, jimmilitaw ukoll favur interpretazzjoni tal-kunċett ta’ estrazzjoni li, bħal dak ta’ databases, hija ħielsa minn kriterji ta’ natura formali, teknika jew fiżika.

39      Huwa wkoll immaterjali, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ estrazzjoni fil-kuntest tad-Direttiva 96/9, jekk it-trasferiment tal-kontenut ta’ database protetta jwassal għal arranġament tal-elementi kkonċernati li jkun differenti minn dak li jikkaratterizza d-database oriġinali. Kif jirriżulta mit-tmienja u tletin premessa tad-Direttiva 96/9, att ta’ kkopjar mhux awtorizzat, flimkien ma’ adattament tal-kontenut tad-database kkopjata, jifforma parti mill-atti li kontrihom l-imsemmija direttiva tfittex, permezz tat-twaqqif tad-dritt sui generis, li tipproteġi lil min jagħmel tali database.

40      Għalhekk ma jistax jiġi sostnut, kif għamlet Directmedia, li l-atti li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ estrazzjoni huma biss dawk li jikkonsistu fir-riproduzzjoni b’mod mekkaniku, mingħajr adattament, permezz ta’ proċess klassiku ta’ “ikkopja/waħħal”, tal-kontenut ta’ database jew ta’ parti minn tali database.

41      Bl-istess mod, il-fatt, enfasizzat minn Directmedia, li min iwettaq l-att inkwistjoni ma jieħux parti mill-elementi li jinsabu f’database protetta u jikkomplementa l-elementi meħuda minn din tal-aħħar b’elementi li jkunu ġejjin minn sors ieħor, l-iktar l-iktar jista’ juri li l-att ma kienx jirrigwarda l-kontenut kollu tal-imsemmija database. Min-naħa l-oħra, huwa ma jipprekludix il-konstatazzjoni li seħħ trasferiment ta’ parti mill-kontenut ta’ din id-database lil apparat ieħor.

42      Kuntrarjament għal dak li sostniet ukoll Directmedia, il-kunċett ta’ “estrazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, ma jistax, barra minn hekk, jiġi ridott għall-atti li jirrigwardaw it-trasferiment tal-kontenut kollu ta’ database protetta jew ta’ parti sostanzjali minnu.

43      Kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, minn qari tal-Artikolu 7(1) flimkien mal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 96/9 jirriżulta fil-fatt li dan il-kunċett ma jiddependix minn kemm mill-kontenut ta’ database protetta jiġi ttrasferit, billi, permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, id-dritt sui generis stabbilit bl-imsemmija direttiva jagħti protezzjoni lil min jagħmel database mhux biss kontra l-atti ta’ estrazzjoni li jirrigwardaw il-kontenut kollu tad-database protetta tiegħu jew parti sostanzjali minnu, iżda wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, kontra dawk l-atti li jirrigwardaw parti mhux sostanzjali minn dan il-kontenut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar’il fuq, punt 50).

44      Għaldaqstant, il-fatt li att ta’ trasferiment ma jirrigwardax assjem sostanzjali u strutturat ta’ elementi li jinsabu f’database protetta ma jipprekludix li dan l-att jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “estrazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9.

45      Bl-istess mod, kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-fatt li elementi li jinsabu f’database jiġu ttrasferiti f’database oħra biss wara li ssir evalwazzjoni kritika minn min iwettaq it-trasferiment jista’, tabilħaqq, ikun rilevanti, jekk ikun il-każ, sabiex tiġi determinata l-eliġibbiltà ta’ din id-database l-oħra għal waħda mit-tipi ta’ protezzjoni previsti fid-Direttiva 96/9. Min-naħa l-oħra, dan il-fatt ma jipprekludix il-konstatazzjoni li seħħ trasferiment mill-ewwel database lit-tieni waħda.

46      L-għan li l-att ta’ trasferiment fittex li jilħaq huwa wkoll immaterjali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “estrazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9.

47      Għaldaqstant, huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jsirx bil-għan li tinħoloq database oħra, li tkun f’kompetizzjoni mad-database oriġinali jew le, u li tkun ta’ daqs identiku jew differenti minn din tal-aħħar, jew jekk dan l-att isirx fil-kuntest ta’ attività oħra, kummerċjali jew le, għajr il-ħolqien ta’ database (ara, f’dan is-sens, is-sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar’il fuq, punti 47 u 48). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-erbgħa u erbgħin premessa tad-Direttiva 96/9, it-trasferiment tal-kontenut kollu ta’ database protetta jew ta’ parti sostanzjali minnu lil apparat ieħor, li jkun meħtieġ sabiex l-imsemmi kontenut jintwera fuq l-iskrin, diġà fih innifsu jikkostitwixxi att ta’ estrazzjoni lid-detentur tad-dritt sui generis jista’ jissuġġetta għall-awtorizzazzjoni tiegħu.

48      Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tenfasizza t-tmienja u tletin premessa tad-Direttiva 96/9. Sa fejn issemmi l-ipoteżi tal-kontenut ta’ database li jkun “ikkopjat u rranġat mill-ġdid b’mod elettroniku”, l-imsemmija premessa tista’, skont il-qorti tar-rinviju, timmilita favur interpretazzjoni tal-kunċett ta’ estrazzjoni li hija limitata għall-atti bbażati fuq proċess ta’ kkopjar b’mezzi tekniċi.

49      Madankollu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, il-premessa inkwistjoni tfittex li tispjega r-riskju partikolari li għalih huwa espost min jagħmel database biż-żieda fl-użu tat-teknoloġija ta’ reġistrazzjoni. Hija ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tirriduċi l-portata tal-atti suġġetti għall-protezzjoni tad-dritt sui generis sempliċement għall-atti ta’ kkopjar b’mezzi tekniċi, għaliex inkella, minn naħa, jiġu injorati d-diversi elementi msemmija fil-punti 29 sa 47 ta’ din is-sentenza li jimmilitaw favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ estrazzjoni fil-kuntest tad-Direttiva 96/9 u, min-naħa l-oħra, min jagħmel database jiġi mċaħħad, bi ksur tal-għan mogħti lill-imsemmi dritt, minn protezzjoni kontra atti ta’ estrazzjoni li, għalkemm mhux ibbażati fuq proċess tekniku partikolari, xorta waħda jistgħu jippreġudikaw l-interessi ta’ min jagħmel database b’mod paragunabbli għal att ta’ estrazzjoni bbażat fuq tali proċess.

50      Directmedia sostniet li database ma tikkostitwixxix proprjetà ta’ informazzjoni u li l-fatt li t-teħid ta’ informazzjoni li tinsab f’database jiġi inkluż fl-atti li jistgħu jiġu pprojbiti minn min jagħmel din id-database jammonta, minn naħa, għal ksur tad-drittijiet leġittimi tal-utenti ta’ din tal-aħħar għal aċċess liberu għall-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, għall-promozzjoni tat-tfaċċar ta’ monopolji jew ta’ sitwazzjonijiet ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ min jagħmel database.

51      Madankollu, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-protezzjoni bid-dritt sui generis tikkonċerna biss l-atti ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9. Mill-banda l-oħra, din il-protezzjoni ma tkoprix l-atti ta’ konsultazzjoni ta’ database (sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar’il fuq, punt 54).

52      Bla dubju, il-persuna li tkun bniet database tista’ tirriżerva dritt għal aċċess esklużiv għad-database tagħha għaliha nfisha jew tirriżerva l-aċċess għal din id-database għal persuni speċifiċi (sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar’il fuq, punt 55), jew tissuġġetta dan l-aċċess għal kundizzjonijiet partikolari, pereżempju ta’ natura finanzjarja.

53      Madankollu, meta min jagħmel database jirrendi l-kontenut tagħha aċċessibbli għal terzi, anki jekk bi ħlas, id-dritt sui generis tiegħu ma jippermettilux jimpedixxi lil tali terzi milli jikkonsultaw din id-database għall-finijiet ta’ informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar’il fuq, punt 55). Huwa biss meta l-wiri fuq l-iskrin tal-kontenut ta’ din id-database jkun jeħtieġ it-trasferiment permanenti jew temporanju ta’ dan il-kontenut kollu jew ta’ parti sostanzjali minnu għal fuq apparat ieħor li tali att ta’ konsultazzjoni jista’ jkun suġġett għall-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt sui generis, kif jirriżulta mill-erbgħa u erbgħin premessa tad-Direttiva 96/9.

54      F’dan il-każ, mid-deskrizzjoni tal-fatti fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li għalkemm l-Albert-Ludwigs-Universität Freiburg tabilħaqq tixtieq timpedixxi atti mhux awtorizzati ta’ teħid ta’ elementi li jinsabu fil-lista ta’ poeżiji kkompilata minn U. Knoop, hija madankollu tawtorizza lil terzi jikkonsultaw l-imsemmija lista. Għaldaqstant, l-informazzjoni miġbura f’din tal-aħħar hija aċċessibbli mill-pubbliku u tista’ tiġi kkonsultata minnu.

55      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda r-riskju li tiġi affettwata l-kompetizzjoni, jirriżulta mis-sebgħa u erbgħin premessa tad-Direttiva 96/9 li l-leġiżlatur Komunitarju kien sensittiv għall-preokkupazzjoni li m’għandhiex tingħata protezzjoni mid-dritt sui generis b’mod li jitħaffu l-abbużi minn pożizzjoni dominanti.

56      Huwa għalhekk li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 96/9, li jagħti valur normattiv lill-preċiżazzjoni, li tinsab f’din l-istess premessa, li skontha d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva “huma bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Komunità jew nazzjonali”, jistabbilixxi li din id-direttiva hija bla ħsara, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet relatati ma’ liġijiet dwar prattiċi restrittivi u kompetizzjoni inġusta.

57      Fl-istess perspettiva, l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 96/9 jirrikjedi lill-Kummissjoni tħejji rapporti perijodiċi dwar l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġi vverifikat jekk l-applikazzjoni tad-dritt sui generis tkunx wasslet għal abbuż minn pożizzjoni dominanti jew interferenza oħra mal-kompetizzjoni ħielsa li jiġġustifika li jittieħdu miżuri xierqa.

58      F’dan il-kuntest, ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ strumenti tad-dritt Komunitarju jew tad-dritt nazzjonali li huma adegwati sabiex iwaqqfu eventwali ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, bħal abbuż minn pożizzjoni dominanti, il-kunċett ta’ “estrazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, ma jistax jiġi interpretat b’mod li jċaħħad lil min jagħmel database minn protezzjoni kontra atti li jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi leġittimi tiegħu.

59      Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur minn Directmedia tad-dritt sui generis tal-Albert-Ludwigs-Universität Freiburg, għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk l-operazzjoni li wettqet Directmedia abbażi tal-lista ta’ poeżiji kkompilata minn U. Knoop tikkorrispondix għal estrazzjoni li tirrigwarda parti sostanzjali, evalwata b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv, mill-kontenut ta’ din il-lista (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar’il fuq, punti 69 sa 72), jew għal estrazzjonijiet ta’ partijiet mhux sostanzjali li, bin-natura ripetuta u sistematika tagħhom, ikunu wasslu sabiex tiġi rrikostitwita parti sostanzjali minn dan il-kontenut (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar’il fuq, punti 73, 87 u 89).

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li t-teħid ta’ elementi minn database protetta għal database oħra wara konsultazzjoni tal-ewwel database fuq l-iskrin u wara evalwazzjoni individwali tal-elementi li jinsabu f’din tal-aħħar jista’ jikkostitwixxi “estrazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, sa fejn – ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika – din l-operazzjoni tikkorrispondi għat-trasferiment ta’ parti sostanzjali, evalwata b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv, mill-kontenut tad-database protetta jew għal trasferimenti ta’ partijiet mhux sostanzjali li, bin-natura ripetuta u sistematika tagħhom, ikunu wasslu sabiex tiġi rrikostitwita parti sostanzjali minn dan il-kontenut.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-teħid ta’ elementi minn database protetta għal database oħra wara konsultazzjoni tal-ewwel database fuq l-iskrin u wara evalwazzjoni individwali tal-elementi li jinsabu f’din tal-aħħar jista’ jikkostitwixxi “estrazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases, sa fejn – ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika – din l-operazzjoni tikkorrispondi għat-trasferiment ta’ parti sostanzjali, evalwata b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv, mill-kontenut tad-database protetta jew għal trasferimenti ta’ partijiet mhux sostanzjali li, bin-natura ripetuta u sistematika tagħhom, ikunu wasslu sabiex tiġi rrikostitwita parti sostanzjali minn dan il-kontenut.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.