Language of document : ECLI:EU:T:2017:337

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

16 ta’ Mejju 2017 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Kompetenzi tal-BĊE – Eżerċizzju deċentralizzat mill-awtoritajiet nazzjonali – Evalwazzjoni tas-sinifikanza ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Ħtieġa ta’ superviżjoni diretta mill-BĊE”

Fil-Kawża T‑122/15,

Landeskreditbank Baden-Württemberg – Förderbank, stabbilit f’Karlsruhe (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentat minn A. Glos, K. Lackhoff u M. Benzing, sussegwentement minn A. Glos u M. Benzing, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), inizjalment irrappreżentat minn E. Koupepidou, R. Bax u A. Riso, sussegwentement minn E. Koupepidou u M. Bax, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, avukat,

konvenut,

sostnut minn

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn W. Mölls u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba skont l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-BĊE ECB/SSM/15/1, tal‑5 ta’ Jannar 2015, meħuda skont l-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 24(7) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru°1024/2013, tal‑15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), li permezz tagħha l-BĊE rrifjuta li jqis li r-rikorrenti kienet entità inqas sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 6(4) ta’ dan l-istess regolament,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn M. Prek (Relatur), President, I. Labucka, J. Schwarcz, V. Kreuschitz u F. Schalin, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑28 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, il-Landeskreditbank Baden-Württemberg – Förderbank, huwa l-bank tal-investiment u tal-iżvilupp (Förderbank) tal-Land ta’ Baden-Württemberg (il-Ġermanja). Imwaqqaf permezz tal-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar il-bank reġjonali ta’ kreditu tal-Land ta’ Baden-Württemberg, huwa persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, u l-Land ta’ Baden-Württemberg huwa l-azzjonist uniku tal-ishma.

2        Fil‑25 ta’ Ġunju 2014, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) informa lir-rikorrent, essenzjalment, li s-sinifikanza tiegħu kienet timplika li huwa kien jaqa’ taħt is-sorveljanza tiegħu biss u mhux taħt is-sorveljanza kondiviża tal-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU), skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, tal‑15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”), u stiednu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

3        Fl‑10 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrent ikkontesta din l-analiżi billi invoka, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u tal-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament tal-BĊE (UE) Nru 468/2014, tas‑16 ta’ April 2014, li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ĠU 2014, L 141, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Qafas tal-MSU”).

4        Fl‑1 ta’ Settembru 2014, il-BĊE adotta deċiżjoni li tikklassifika lir-rikorrent bħala entità sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku.

5        Fis‑6 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrent talab l-eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 24(1), (5) u (6) tar-Regolament Bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-BĊE, tal‑14 ta’ April 2014, dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU 2014, L 175, p. 47). Fit‑23 ta’ Ottubru 2014, inżammet seduta quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

6        Fl‑20 ta’ Novembru 2014, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami ta opinjoni li tikkonstata l-legalità tad-deċiżjoni tal-BĊE.

7        Fil‑5 ta’ Jannar 2015, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni ECB/SSM/15/1 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ħassret u ssostitwixxiet id-deċiżjoni tal‑1 ta’ Settembru 2014, filwaqt li żammet il-klassifikazzjoni tar-rikorrent bħala entità sinifikanti. F’dan ir-rigward, il-BĊE enfasizza, essenzjalment, dan li ġej:

–        il-klassifikazzjoni tar-rikorrent bħala entità sinifikanti ma kinitx f’kontradizzjoni mal-għanijiet tar-Regolament Bażiku;

–        il-profil tar-riskju ta’ entità ma kienx kwistjoni rilevanti fl-istadju tal-klassifikazzjoni tagħha u l-Artikolu 70 tar-Regolament Qafas tal-MSU ma setax jiġi interpretat li jinkludi kriterji li ma kellhomx bażi fir-Regolament Bażiku;

–        anki jekk jitqies li huwa kien tal-fehma li kienu jeżistu ċirkustanzi partikolari fil-każ tar-rikorrent, huwa kellu wkoll jivverifika jekk tali ċirkustanzi kinux jiġġustifikaw li r-rikorrent jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala entità inqas sinifikanti;

–        skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Qafas tal-MSU, il-kunċett ta’ ċirkustanzi partikolari kellu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva u, għaldaqstant, kien biss meta s-sorveljanza diretta tal-BĊE ma kinitx xierqa li entità setgħet tiġi kklassifikata mill-ġdid minn “sinifikanti” għal “inqas sinifikanti”;

–        it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ma setax jobbligah jivverifika jekk l-applikazzjoni tal-kriterji tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku għal entità kinitx proporzjonata u l-eżami tan-natura “ m[hux] xier[qa]” tal-klassifikazzjoni ta’ entità bħala sinifikanti ma kienx identiku għal tali eżami tal-proporzjonalità;

–        in-natura xierqa tal-oqsfa superviżorji nazzjonali u l-kapaċità tagħhom li japplikaw standards superviżorji għoljin ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li l-eżerċizzju ta’ superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE ma kienx xieraq, peress li r-Regolament Bażiku ma kienx jissuġġettah għall-obbligu li juri in-natura mhux xierqa tal-oqsfa superviżorji nazzjonali jew ta’ standards nazzjonali ta’ superviżjoni.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8        Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2015, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lill-Kummissjoni tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

11      Fid‑9 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha.

12      Fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

13      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

14      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑28 ta’ Settembru 2016.

15      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata filwaqt li tordna ż-żamma tal-effetti marbuta mas-sostituzzjoni tad-deċiżjoni tal‑1 ta’ Settembru 2014;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

16      Il-BĊE u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

17      Insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi, ibbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u tal-Artikolu 70 tar-Regolament Qafas tal-MSU fl-għażla tal-kriterji applikati mill-BĊE, fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq użu ħażin ta’ poter minħabba l-assenza ta’ eżerċizzju mill-BĊE tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu u fuq ksur tal-obbligu tal-BĊE li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ.

A.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-natura ġuridikament żbaljata tal-kriterji applikati mill-BĊE

18      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, tliet ilmenti.

19      L-ewwel ilment huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni dwar in-natura “m[hux] xier[qa]” tal-klassifikazzjoni ta’ entità bħala sinifikanti, li tinsab fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU. Permezz tat-tieni lment tiegħu, ir-rikorrent jikkritika lill-BĊE li ddeċieda li l-klassifikazzjoni tiegħu bħala entità sinifikanti kienet xierqa, indipendentement mill-eżami taċ-ċirkustanzi speċifiċi u fattwali u mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet u tal-prinċipji tar-Regolament Bażiku. Fil-kuntest tat-tielet ilment, ir-rikorrent jikkritika lill-BĊE li wettaq żball ta’ liġi meta interpreta l-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolari” fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

1.      Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Bażiku u tar-Regolament Qafas tal-MSU

20      L-Artikolu 4 tar-Regolament Bażiku, intitolat “Kompiti kkonferiti lill-BĊE […]”, jispeċifika fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[f]il-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu […] ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti”. Issegwi lista ta’ disa’ kompiti.

21      L-Artikolu 6 tar-Regolament Bażiku, intitolat “Kooperazzjoni fi ħdan il-MSU”, jenfasizza fil-paragrafu 1 tiegħu li “[i]l-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fi ħdan il-[mekkaniżmu superviżorju uniku] li huwa magħmul mill-BĊE u minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali” u li “[i]l-BĊE għandu jkun responsabbli mill-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU”. Fi ħdan dan l-MSU, mill-istruttura tal-Artikolu 6(4) sa (6) tar-Regolament Bażiku tirriżulta differenzazzjoni bejn is-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet “sinifikanti” u dik tal-entitajiet ikklassifikati bħala “inqas sinifikanti”, fir-rigward ta’ seba’ minn disa’ kompiti li huma elenkati fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament.

22      Minn dan jirriżulta, fl-ewwel lok, li s-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet “sinifikanti” taqa’ taħt il-BĊE biss. L-istess japplika għas-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet “inqas sinifikanti”, fir-rigward tal-kompiti elenkati fl-Artikolu 4(1)(a) u (ċ) tar-Regolament Bażiku.

23      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-entitajiet “inqas sinifikanti” u fir-rigward tal-kompiti l-oħra previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku, minn qari flimkien tal-Artikolu 6(5) u (6) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-implementazzjoni tagħhom hija attribwita, taħt il-kontroll tal-BĊE, lill-awtoritajiet nazzjonali, li għaldaqstant jeżerċitaw is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-imsemmija entitajiet. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament Bażiku, “[m]ingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu u jkunu responsabbli għall-kompiti […] u għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet superviżorji rilevanti kollha fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fl-l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, fil-qafas u soġġett għall-proċeduri msemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu”.

24      Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-superviżjoni prudenzjali huwa rregolat mill-BĊE li, skont l-Artikolu 6(5)(a) u (b) tar-Regolament Bażiku, għandu s-setgħa, minn naħa, li jikkommunika lill-imsemmija awtoritajiet “regolamenti, linji gwida jew struzzjonijiet ġenerali lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, skont liema l-kompiti definiti fl-Artikolu 4 [tal-imsemmi regolament] jitwettqu” u, min-naħa l-oħra, li jneħħi s-setgħa minn awtorità nazzjonali “[billi] jiddeċiedi li jeżerċita direttament hu stess is-setgħat rilevanti kollha għal istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar”.

25      Mill-Artikolu 6(7) tar-Regolament Bażiku jirriżulta li l-BĊE għandu l-kompetenza li jadotta qafas intiż li jorganizza l-modalitajiet prattiċi tal-kooperazzjoni fil-kuntest tal-MSU. Huwa fuq din il-bażi li l-BĊE adotta r-Regolament Qafas tal-MSU.

26      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku juża bħala kriterju ta’ tqassim ta’ rwoli fi ħdan l-MSU dak tas-sinifikanza tal-entità taħt superviżjoni. Fuq din il-bażi, issir differenzazzjoni bejn l-entitajiet “inqas sinifikanti” u “sinifikanti”. Tliet kriterji ġew żviluppati, jiġifieri d-daqs [il-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku], l-importanza għall-ekonomija tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru parteċipanti [il-punt (ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku] u s-sinifikanza tal-attivitajiet transkonfinali tal-istituzzjoni [il-punt (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku].

27      Dawn il-kriterji huma spjegati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku, li jipprovdi li “istituzzjoni ta’ kreditu jew kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta ma għandhiex titqies bħala inqas sinifikanti, dment li ma jkunx ġustifikat b’ċirkostanzi partikolari li għandhom jiġu speċifikati fil-metodoloġija, jekk kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun sodisfatta”. Skont il-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tal-istess regolament, fost dawn il-kundizzjonijiet hemm il-valur totali ta’ assi li jeċċedi EUR 30 biljun.

28      Fl-aħħar u fir-raba’ lok, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku jirriżulta li istituzzjoni ta’ kreditu tista’ ma tiġix ikklassifikata bħala “sinifikanti” f “ċirkostanzi partikolari” li l-BĊE huwa marbut jispjega.

29      Din l-ispjegazzjoni taċ-“ċirkostanzi partikolari” li tippermetti l-esklużjoni tal-klassifikazzjoni ta’ “sinifikanti” mogħtija lil istituzzjoni ta’ kreditu ngħatat fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Qafas tal-MSU, li l-interpretazzjoni tagħhom hija inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Mill-Artikolu 70(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li huma “ċirkustanzi speċifiċi u fattwali li minħabba fihom ma jkunx xieraq li entità taħt superviżjoni tiġi kklassifikata bħala sinifikanti, meta jitqiesu l-objettivi u l-prinċipji tar-Regolament [Bażiku] u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin”. L-Artikolu 70(2) tal-istess regolament jenfasizza li l-espressjoni “ċirkustanzi partikolari” għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU jenfasizza l-ħtieġa ta’ eżami tal-imsemmija ċirkustanzi partikolari fuq bażi ta’ każ b’każ u b’mod speċifiku għal kull entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali.

2.      Kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

30      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE rrileva li l-valur tal-assi tar-rikorrent kien jeċċedi EUR 30 biljun u rrifjuta li jilqa’ l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq l-eżistenza ta’ “ċirkostanzi partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku, li jiġġustifika li huwa kien għadu jaqa’ taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-awtoritajiet Ġermaniżi.

31      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE qies li ma kienx intwera li s-superviżjoni diretta tiegħu tar-rikorrent kienet “kuntrarja għall-għanijiet tar-Regolament Bażiku” u li, għaldaqstant, din ma kinitx ta’ natura mhux xierqa fis-sens tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU. F’dan ir-rigward, fl-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, li d-deċiżjoni kkontestata hija estensjoni tagħha, ġie enfasizzat, b’mod partikolari, li l-kriterji dwar is-sinifikat elaborati fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku setgħu ma jiġux applikati minħabba “ċirkostanzi partikolari” biss jekk l-għanijiet tar-Regolament Bażiku u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti ta’ standards superviżorji prudenzjali għolja, kienu żgurati aħjar bis-superviżjoni diretta tal-awtoritajiet nazzjonali, fatt li r-rikorrent ma weriex.

32      Fir-rigward tal-argument żviluppat mir-rikorrent, ibbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li s-superviżjoni prudenzjali eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali kienet suffiċjenti, fid-dawl tal-profil tar-riskju partikolarment baxx tiegħu, il-BĊE qies, essenzjalment, li dan huwa irrilevanti, peress li l-eżami tar-riskju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għall-istabbilità tas-sistema finanzjarja jew tal-kredituri tagħha ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-klassifikazzjoni ta’ entità. Huwa qies ukoll li ma kellux l-obbligu jagħmel eżami tan-natura proporzjonata tal-klassifikazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu bħala sinifikanti. Skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, huwa qies li kellu jagħmel biss eżami tan-natura mhux xierqa tas-superviżjoni diretta mill-BĊE.

33      Fl-aħħar nett, il-BĊE enfasizza wkoll li, fil-każ stess li huwa jkun tal-opinjoni li kienu jeżistu ċirkustanzi partikolari fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku fir-rigward tal-entità taħt superviżjoni, ikun ukoll obbligu tiegħu li jivverifika jekk dawn iċ-ċirkustanzi partikolari humiex ta’ natura li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu bħala “sinifikanti” u “inqas sinifikanti”.

3.      Fuq l-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq fl-interpretazzjoni tal-kundizzjoni tan-natura mhux xierqa tal-klassifikazzjoni bħala “sinifikanti” ta’ entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali

34      Bħalma ġie espost fil-punt 31 iktar ’il fuq, minn qari tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija fid-dawl tal-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, jirriżulta li l-BĊE qies li l-applikazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU setgħet twassal għall-esklużjoni tal-klassifikazzjoni tar-rikorrent bħala entità sinifikanti biss sakemm superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet Ġermaniżi kienet aħjar sabiex jiġu żgurati l-għanijiet tar-Regolament Bażiku minn superviżjoni mill-BĊE.

35      Ir-rikorrent iqis, essenzjalment, li tali analiżi hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. Huwa jargumenta li r-riferiment għan-natura mhux xierqa tal-klassifikazzjoni bħala “sinifikanti” ta’ entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali, li tinsab fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, jikkostitwixxi kunċett ġuridiku indeterminat li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jinsab fl-Artikolu 5(4) TUE, li jirregola l-mod kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom. Minn dan jista’ jiġi dedott li l-klassifikazzjoni ta’ entità bħala “sinifikanti” minħabba l-kriterju tad-daqs ma tiġġustifikax superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE u, għaldaqstant, “ma [t]kunx xier[qa]”, għaliex mhux meħtieġa, meta stħarriġ mill-awtorità kompetenti nazzjonali taħt is-sorveljanza makroprudenzjali tal-BĊE jkun biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Bażiku. Barra minn hekk, il-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma tipprekludix l-eżami tal-proporzjonalità tal-klassifikazzjoni ta’ entità bħala sinifikanti. Dan japplika wkoll għall-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Ir-rikorrent jiċħad ukoll l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ kompetenza favur il-BĊE fir-rigward tal-kompiti kollha msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku, fil-konfront tal-entitajiet kollha. Għall-kuntrarju, il-qari tiegħu, flimkien mal-Artikolu 6(4) ta’ dan l-istess regolament, iwassal għall-konklużjoni li, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, it-trasferiment ta’ kompetenza twettaq biss fir-rigward tal-entitajiet sinifikanti, u s-superviżjoni prudenzjali diretta tal-entitajiet inqas sinifikanti tibqa’ l-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali.

36      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent jipproponi interpretazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU fid-dawl ta’ rekwiżit ta’ ħtieġa ta’ superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE, li hija implikata mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, jew mill-prinċipju ta’ sussidjarjetà, inklużi fl-Artikolu 5 TUE. Minn dan jirriżulta li l-BĊE kien imissu vverifika jekk is-superviżjoni prudenzjali mill-awtoritajiet Ġermaniżi setgħetx tilħaq l-għanijiet tar-Regolament Bażiku. Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrent ikun wera li kellu profil ta’ riskju baxx, l-għan ta’ protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja mfittxija mir-Regolament Bażiku jkun jista’ jintlaħaq suffiċjentement bl-eżerċizzju mill-awtoritajiet Ġermaniżi tas-superviżjoni tagħhom. Dan jiġġustifika, f’dan il-kuntest, il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent bħala entità “inqas sinifikanti” skont l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

37      Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza ta’ din l-interpretazzjoni. Huma jqisu b’mod partikolari, essenzjalment, li l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur fit-tfassil tar-Regolament Bażiku, peress li huwa awtorizzat twettiq deċentralizzat ta’ ċerti kompiti elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku mill-awtoritajiet nazzjonali, fil-konfront tal-entitajiet ikklassifikati bħala inqas sinifikanti.

38      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li s-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrent ma jinkludu, la espressament u lanqas impliċitament, ebda eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, ibbażata fuq il-fatt li dan huwa kuntrarju għall-prinċipji ta’ proporzjonalità jew ta’ sussidjarjetà jew tal-Artikolu 6 tar-Regolament Bażiku. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-rikorrent, għaldaqstant, għamel l-għażla li jibbaża l-argument tiegħu biss fuq l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, mingħajr ma jikkontesta l-validità tagħha.

39      Sabiex tingħata tweġiba għall-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni għaldaqstant imqajma u sabiex tiġi ddeterminata l-portata eżatta tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tiegħu, iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Barra minn hekk, peress li l-interpretazzjonijiet letterali u storiċi ta’ regolament, u b’mod partikolari ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu, ma jippermettux li tiġi evalwata l-portata eżatta tiegħu, hemm lok li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tiġi interpretata abbażi kemm tal-finalità tagħha kif ukoll tal-istruttura ġenerali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il‑Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punt 168, u tal‑25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il‑Kummissjoni, T‑102/96, EU:T:1999:65, punt 148).

41      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li test ta’ dritt sekondarju ta-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, f’sens li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2007, Schutzverband der Spirituosen-Industrie, C‑457/05, EU:C:2007:576, punt 22; tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 174, u tal‑25 ta’ Novembru 2009, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑376/07, EU:T:2009:467, punt 22.

a)      Fuq l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU

42      Fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, għandu jitfakkar li dan huwa mfassal bil-mod li ġej:

“Ikunu jeżistu ċirkustanzi partikolari kif imsemmija fit-tieni u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament [Bażiku] […] meta jkun hemm ċirkustanzi speċifiċi u fattwali li minħabba fihom ma jkunx xieraq li entità taħt superviżjoni tiġi kklassifikata bħala sinifikanti, meta jitqiesu l-objettivi u l-prinċipji tar-Regolament [Bażiku] u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin.”

43      Għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU tikkonferma l-pożizzjoni adottata mill-BĊE fid-deċiżjoni kkontestata.

44      Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU tenfasizza biss l-eżami tan-natura xierqa jew le tal-klassifikazzjoni ta’ entità bħala sinifikanti u, għaldaqstant, tas-superviżjoni tagħha mill-BĊE biss, meta mqabbla mal-għanijiet tar-Regolament Bażiku. Ma jsir ebda riferiment għal eżami tal-ħtieġa ta’ superviżjoni diretta ta’ entità sinifikanti mill-BĊE.

45      Filwaqt li ġeneralment l-eżami tan-natura xierqa ta’ att tal-Unjoni jirrigwarda jekk huwiex adatt sabiex jilħaq l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, l-evalwazzjoni tan-natura neċessarja tiegħu tikkonsisti fil-verifikazzjoni ta’ jekk imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għaldaqstant, sa fejn l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU jirreferi għal “meta jkun hemm ċirkustanzi speċifiċi u fattwali li minħabba fihom ma jkunx xieraq li entità taħt superviżjoni tiġi kklassifikata bħala sinifikanti, meta jitqiesu l-objettivi u l-prinċipji tar-Regolament [Bażiku]”, minn dan isegwi neċessarjament li l-eżerċizzju ta’ superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE, minħabba l-klassifikazzjoni ta’ entità bħala “sinifikanti”, huwa inqas kapaċi li jilħaq l-għanijiet tar-Regolament Bażiku milli huwa l-eżerċizzju ta’ superviżjoni prudenzjali diretta ta’ dik l-entità mill-awtoritajiet nazzjonali. Min-naħa l-oħra, minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU ma tirriżultax klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ “entità sinifikanti” bħala “inqas sinifikanti” għar-raġuni li superviżjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-MSU hija kapaċi tilħaq l-għanijiet tar-Regolament Bażiku daqs superviżjoni eżerċitata mill-BĊE biss.

b)      Fuq l-interpretazzjoni konformi tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU mar-regoli superjuri tad-dritt, inklużi l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà

47      Fir-rigward ta’ din l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, ir-rikorrent jargumenta, essenzjalment, li, sa fejn, minn naħa, l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku jattribwixxi lill-awtoritajiet nazzjonali l-kompetenza li jeżerċitaw superviżjoni prudenzjali fir-rigward ta’ wħud mill-kompiti elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU għandu l-għan li jikkondividi l-eżerċizzju tal-kompetenzi ddelegati lill-BĊE u miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali, huwa għandu jiġi interpretat konformement mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5(3) u (4) TUE.

48      Minn dan ikun jirriżulta li l-kliem “ma jkunx xieraq” fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU għandu jinftiehem fis-sens li jeskludi l-eżerċizzju tas-superviżjoni prudenzjali mill-BĊE biss meta l-għanijiet tar-Regolament Bażiku jkunu jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti bis-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali. Fi kliem ieħor, id-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni tkun applikabbli mhux biss fis-sitwazzjoni meta l-għanijiet tar-Regolament Bażiku jkunu jistgħu jintlaħqu aħjar fil-kuntest ta’ superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet nazzjonali, iżda wkoll meta tali superviżjoni tkun suffiċjenti sabiex jintlaħqu.

49      Sa fejn l-argumenti tar-rikorrent huma bbażati fuq il-premessa taż-żamma ta’ kompetenza mill-awtoritajiet nazzjonali skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku, b’rabta mal-kompiti elenkati fl-Artikolu 4(1)(b) u (d) sa (i) ta’ dan l-istess regolament, fir-rigward tal-entitajiet ikklassifikati bħala “inqas sinifikanti”, hemm lok li tiġi evalwata l-portata tal-kompetenzi ttrasferiti lill-BĊE mir-Regolament Bażiku qabel tiġi eżaminata l-possibbiltà li ssir interpretazzjoni konformi tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, kif enfasizzat mir-rikorrent.

1)      Fuq il-portata tal-kompetenzi ttrasferiti lill-BĊE mir-Regolament Bażiku

50      Ir-rikorrent jiċħad l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ kompetenza lill-BĊE fir-rigward tal-kompiti kollha msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku, u fir-rigward tal-entitajiet kollha. Mill-qari tiegħu, meħud flimkien mal-Artikolu 6(4) ta’ dan l-istess regolament, jirriżulta li t-trasferiment ta’ kompetenzi seħħ biss fir-rigward tal-entitajiet “sinifikanti”, u s-superviżjoni prudenzjali diretta tal-entitajiet “inqas sinifikanti” baqgħet il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, bl-eċċezzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) u (ċ) tar-Regolament Bażiku. Dan it-tqassim ta’ kompetenzi huwa konformi mal-prinċipju ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri, imfakkar fl-Artikolu 291(1) TFUE.

51      Ir-rikorrent jinnota wkoll li l-analiżi tiegħu tal-portata tal-kompetenzi ttrasferiti lill-BĊE mhux biss tipprevali fil-letteratura legali, iżda hija wkoll konformi mal-istorja tal-adozzjoni tar-Regolament Bażiku. Fil-fatt, il-leġiżlatur xjentement ċaħad il-proposta inizjali tal-Kummissjoni – li kienet ibbażata fuq trasferiment ta’ kompetenzi lill-BĊE fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha – favur soluzzjoni iktar konformi mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.

52      Essenzjalment, ir-rikorrent jargumenta li l-eżistenza fir-rigward tal-BĊE, l-ewwel nett, ta’ setgħa ta’ superviżjoni prudenzjali indiretta fuq l-entitajiet inqas sinifikanti, permezz b’mod partikolari tal-possibbiltà li jadotta regolamenti u linji gwida, it-tieni nett, ta’ superviżjoni diretta fil-konfront tal-imsemmija entitajiet fir-rigward tal-kompiti elenkati fl-Artikolu 4(1)(a) u (ċ) tar-Regolament Bażiku u, fl-aħħar nett, tal-prerogattiva li jeżerċita superviżjoni diretta fil-konfront ta’ ċerti entitajiet inqas sinifikanti skont l-Artikolu 6(5)(b) tal-imsemmi regolament, ma tipprekludix li l-Artikolu 6(4) u (6) ta’ dan ir-regolament jattribwixxi l-kompetenza ta’ superviżjoni diretta tal-entitajiet inqas sinifikanti lill-awtoritajiet nazzjonali.

53      Għall-kuntrarju, il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li huwa ngħata l-kompetenza esklużiva sabiex iwettaq il-kompiti ta’ superviżjoni kollha previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku, u huwa biss it-twettiq tal-kompiti previsti fl-Artikolu 4(1)(b) u (d) sa (i) tar-Regolament Bażiku fil-konfront tal-entitajiet inqas sinifikanti li huwa ddelegat lill-awtoritajiet nazzjonali u taħt il-kontroll tal-BĊE.

54      Il-Qorti Ġenerali tirrileva, fl-ewwel lok, li mill-eżami tal-interazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) u dawk tal-Artikolu 6 tar-Regolament Bażiku, kif spjegati fil-punti 20 sa 28 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-loġika ta’ din l-interazzjoni bejniethom tikkonsisti fil-possibbiltà li l-kompetenzi esklużivi ddelegati lill-BĊE jkunu jistgħu jitwettqu f’qafas deċentralizzat, minflok it-twettiq ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali fl-eżerċizzju tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament. Bl-istess mod, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) ta’ dan l-istess regolament jirriżulta neċessarjament li l-BĊE biss huwa kompetenti sabiex jiddetermina ċ-“ċirkostanzi partikolari” li fihom is-superviżjoni diretta ta’ entità li għandha taqa’ taħt is-superviżjoni tiegħu biss tkun tista’ tingħata lil awtorità nazzjonali.

55      Din il-konstatazzjoni hija sostnuta mill-qari tal-premessi tar-Regolament Bażiku.

56      L-ewwel nett, mill-premessi 15 u 28 tar-Regolament Bażiku jirriżulta li huma biss il-kompiti espressament mogħtija lill-BĊE li jaqgħu barra mill-kompetenza tal-Istati Membri u li s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji għal raġunijiet differenti minn dawk elenkati fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jibqgħu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Minn dan isegwi neċessarjament li huwa fl-istadju tad-definizzjoni tal-kompiti mogħtija lill-BĊE mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku li jseħħ it-tqassim ta’ kompetenzi bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali.

57      Barra minn bekk, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-premessa 28 tar-Regolament Bażiku tipprovdi lista ta’ kompiti superviżorji li għandhom jibqgħu fil-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, hija ma tinkludi ebda wieħed mill-kompiti elenkati mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku. L-imsemmija premessa lanqas ma tippreżenta s-superviżjoni diretta tal-entitajiet inqas sinifikanti bħala li tikkostitwixxi l-eżerċizzju ta’ kompetenza li taqa’ taħt l-awtoritajiet nazzjonali.

58      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ikklassifikati bħala “inqas sinifikanti” hija msemmija fil-premessi 38 sa 40 tar-Regolament Bażiku, jiġifieri eżattament wara l-premessa 37 tal-istess regolament, li tenfasizza li “l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom ikunu responsabbli biex jassistu lill-BĊE fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe att relatat mal-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tal-BĊE” u li “[d]an għandu jinkludi b’mod partikolari valutazzjoni kontinwa ġurnata b’ġurnata tas-sitwazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu u relatata ma’ verifiki fuq il-post”. Dan l-arranġament tal-premessi tar-Regolament Bażiku jimplika li s-superviżjoni prudenzjali diretta eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-MSU kienet maħsuba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħala mekkaniżmu ta’ assistenza lill-BĊE pjuttost milli bħala l-eżerċizzju ta’ kompetenza awtonoma.

59      Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat ukoll li l-BĊE jibqa’ d-detentur ta’ prerogattivi importanti anki meta l-awtoritajiet nazzjonali jeżerċitaw il-kompiti ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) u (d) sa (i) tar-Regolament Bażiku, u li l-eżistenza ta’ tali prerogattivi tindika n-natura subordinata tal-intervent tal-awtoritajiet nazzjonali fit-twettiq tal-imsemmija kompiti.

60      Għaldaqstant, skont l-Artikolu 6(5)(a) tar-Regolament Bażiku, il-BĊE jista’ joħroġ “regolamenti, linji gwida jew struzzjonijiet ġenerali lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, skont liema l-kompiti definiti fl-Artikolu 4 [tal-imsemmi regolament] ħlief għall-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 tiegħu jitwettqu u deċiżjonijiet superviżorji jiġu adottati minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali”.

61      Filwaqt li huwa minnu li din is-subordinazzjoni ma tinkludix il-possibbiltà għall-BĊE li jindirizza linji gwida individwali lil awtorità nazzjonali, din l-assenza hija kkumpensata mill-possibbiltà offruta mill-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Bażiku li jneħħi s-superviżjoni prudenzjali diretta ta’ entità mis-setgħa ta’ awtorità nazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kliem użat minn din id-dispożizzjoni jimplika li l-implementazzjoni ta’ din il-prerogattiva teħtieġ setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-BĊE, peress li hija tispeċifika li, “meta meħtieġ biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin, il-BĊE jista’ f’kull ħin, fuq l-inizjattiva proprja wara li jikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew fuq talba minn awtorità nazzjonali kompetenti, jiddeċiedi li jeżerċita direttament hu stess is-setgħat rilevanti kollha għal istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 4”.

62      Fit-tielet lok, in-natura esklużiva tal-kompetenzi mogħtija lill-BĊE tirriżulta wkoll minn tqabbil tad-dispożizzjonijiet li jippermettu arranġament tal-kriterju ta’ tqassim tar-rwoli bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali dwar id-daqs tal-entità taħt superviżjoni. Filwaqt li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 61 iktar ’il fuq, l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Bażiku jipprevedi b’mod wiesa’ l-possibbiltà tal-BĊE li jneħħi s-setgħa ta’ awtorità nazzjonali, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) ta’ dan l-istess regolament juża, għall-kuntrarju, il-formulazzjoni iktar restrittiva ta’ “ċirkostanzi partikolari” sabiex jipprevedi l-possibbiltà li s-superviżjoni diretta ta’ entità li għandha tiġi kklassifikata bħala “sinifikanti” tingħata lil awtorità nazzjonali u jagħti lill-BĊE l-kompetenza esklużiva sabiex jiddetermina l-kontenut tagħha.

63      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li ġiet iddelegata kompetenza esklużiva lill-BĊE, mill-Kunsill, fir-rigward tal-kompiti previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku u li l-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament għandu l-għan uniku li jippermetti l-implementazzjoni deċentralizzata fil-qafas tal-MSU ta’ din il-kompetenza mill-awtoritajiet nazzjonali, taħt il-kontroll tal-BĊE, fil-konfront tal-entitajiet inqas sinifikanti u fir-rigward tal-kompiti previsti fl-Artikolu 4(1)(b) u (d) sa (i) tar-Regolament Bażiku, filwaqt li jagħti lill-BĊE l-kompetenza esklużiva sabiex jiddetermina l-kontenut tal-kunċett ta’ “ċirkostanzi partikolari” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) ta’ dan l-istess regolament, li ġie implementat bl-adozzjoni tal-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Qafas tal-MSU.

64      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argumenti kuntrarji tar-rikorrent. Dan japplika, b’mod partikolari, għall-fatt li l-Artikolu 6 iddaħħal fir-Regolament Bażiku permezz ta’ modifika mill-Kunsill tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni. Minkejja li tali modifika tista’ turi r-rieda tal-Kunsill li jassoċja l-awtoritajiet nazzjonali mat-twettiq tal-imsemmija kompiti, hija ma tippermettix li wieħed jasal għall-konklużjoni taż-żamma favur l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kompetenza ta’ superviżjoni prudenzjali fir-rigward ta’ ċerti kompiti msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku. Fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet politiċi u amministrattivi msemmija mir-rikorrent, dawn jikkostitwixxu sempliċi opinjonijiet personali.

2)      Fuq l-interpretazzjoni konformi tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

65      Mill-eżami tal-kompetenzi ttrasferiti lill-BĊE mir-Regolament Bażiku jirriżulta li, fil-każ li l-argumenti tar-rikorrent jitqiesu li huma bbażati fuq interpretazzjoni konformi tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, dawn ma jistgħux jintlaqgħu. Minkejja li, meta jkun applikabbli, dan il-prinċipju jimplika, b’mod partikolari, li għandu jiġi vverifikat jekk l-għan tal-azzjoni maħsuba jistax jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni jew jekk tali għan jistax jintlaħaq b’mod effettiv ukoll fuq il-livell nazzjonali, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 5(3) TUE jirriżulta li dan il-prinċipju japplika biss fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, L‑Estonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, huwa rrilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU jew tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku, li jirrigwardaw biss, għar-raġunijiet esposti fil-punti 50 sa 63 iktar ’il fuq, il-modalitajiet ta’ eżerċizzju deċentralizzat ta’ kompetenza esklużiva tal-BĊE.

3)      Fuq l-interpretazzjoni konformi tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU mal-prinċipju ta’ proporzjonalità

66      Skont l-Artikolu 5(4) TUE, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-għanijiet tat-Trattati. L-istituzzjonijiet għandhom japplikaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, anness mat-Trattat FUE.

67      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adattati sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Għandu jitfakkar ukoll li l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura għandha tiġi kkonċiljata mal-osservanza tal-marġni ta’ diskrezzjoni possibbilment irrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-adozzjoni tagħha (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Ir-rikorrent jargumenta, essenzjalment, li r-rekwiżit ta’ ħtieġa tal-azzjoni tal-Unjoni, li tirriżulta mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, jimplika li l-implementazzjoni tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni ssir b’mod li tħalli l-iktar latitudni wiesgħa possibbli għall-eżerċizzju tal-kompetenzi nazzjonali.

70      Insostenn tal-argumenti tiegħu, huwa jirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2011:552, punt 90), li fihom ġiet enfasizzata l-importanza fundamentali u kostituzzjonali tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sistema tat-trattati, sabiex ġie konkluż li l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma kinitx teżiġi li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jiġu rrifjutati b’mod permanenti u definittiv milli japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali “antitrust” tagħhom, peress li kien biżżejjed li titneħħielhom din il-kompetenza matul il-perijodu ta’ proċedura mibdija mill-Kummissjoni u li jiġu obbligati, ladarba din il-proċedura tkun ingħalqet, josservaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

71      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali analiżi ġiet enfasizzata f’kuntest ġuridiku li ma huwiex komparabbli ma’ dak ta’ din il-kawża.

72      Fil-fatt, f’dik il-kawża kien hemm inkwistjoni l-impatt tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tal-kompetenzi tagħha ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fuq l-applikazzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħhom. Madankollu, f’dan il-każ, għar-raġunijiet esposti fil-punti 50 sa 64 iktar ’il fuq, l-awtoritajiet nazzjonali, skont il-MSU, jaġixxu fil-kuntest tal-implementazzjoni deċentralizzata ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni u mhux fl-eżerċizzju ta’ kompetenza nazzjonali.

73      Għaldaqstant, l-unika kompetenza li tista’ tiġi affettwata mill-eżerċizzju ta’ superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE hija l-kompetenza ġenerali tal-Istati Membri fir-rigward tal-eżekuzzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-ordinament ġuridiku tagħhom, enfasizzata fl-Artikolu 291(1) TFUE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tfakkar li, skont is-sistema istituzzjonali tal-Unjoni u r-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, huma dawn tal-aħħar, fl-assenza ta’ dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jiżguraw, fit-territorju tagħhom, l-eżekuzzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 1995, Nutral vs Il‑Kummissjoni C‑476/93 P, EU:C:1995:401, punt 14).

74      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ż-żamma ta’ din il-kompetenza ma tistax timplika interpretazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU fis-sens argumentat mir-rikorrent, jiġifieri li teżiġi li jiġi vverifikat każ b’każ fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ sinifikanti fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku jekk l-għanijiet tiegħu jistgħux jintlaħqu daqstant sew permezz ta’ superviżjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali.

75      Fil-fatt, din l-interpretazzjoni twassal sabiex timmina l-ekwilibriju fir-Regolament Bażiku, sa fejn din timplika li għandu jiġi eżaminat, każ b’każ jekk, minkejja l-applikazzjoni tal-kriterji fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku, istituzzjoni ta’ kreditu sinifikanti għandhiex taqa’ taħt is-superviżjoni diretta tal-awtoritajiet nazzjonali, għar-raġuni li dawn ikunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jilħqu l-għanijiet tar-Regolament Bażiku.

76      Għandu jiġi kkonstatat li tali eżami jkun imur direttament kontra ż-żewġ elementi li għandhom irwol fundamentali fil-loġika tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku, jiġifieri, minn naħa, il-prinċipju li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti jaqgħu taħt is-superviżjoni tal-BĊE biss u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ kriterji alternattivi preċiżi li jippermettu li jiġi kklassifikat is-sinifikat ta’ istituzzjoni finanzjarja. Fost dawn hemm, fil-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4), il-limitu ta’ EUR 30 biljun tal-valur totali tal-assi tal-istituzzjoni finanzjarja kkunsidrata, liema kriterju huwa ssodisfatt mir-rikorrent.

77      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol tal-Istati Membri fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ġie kkonċiljat mil-leġiżlatur mat-twettiq tal-għanijiet tar-Regolament Bażiku fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, billi jinħoloq l-MSU.

78      Minn naħa, bħalma jirriżulta mill-premessi 13 u 15 tar-Regolament Bażiku, dan huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jipproteġi l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni permezz tat-twettiq ta’ kompiti speċifiċi dwar politiki fil-qasam ta’ superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kompiti li l-BĊE qiegħed f’pożizzjoni tajba li jeżerċita bħala bank ċentrali taż-żona euro, peress li għandu għarfien espert estensiv fil-qasam makroekonomiku u ta’ stabbilità finanzjarja.

79      Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Bażiku, lil hinn milli jeskludi lill-Istati Membri mill-eżerċizzju tal-kompiti prudenzjali assenjati lill-BĊE, jassoċċjahom miegħu billi jippermetti, fil-kuntest tal-MSU u permezz tal-Artikolu 6(4) u (6) tiegħu, li l-maġġoranza tal-kompiti previsti fl-Artikolu 4(1) tiegħu jkunu mwettqa fuq bażi deċentralizzata, fil-konfront tal-entitajiet inqas sinifikanti.

80      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, sa fejn jirreferi għal “ċirkustanzi speċifiċi u fattwali li minħabba fihom ma jkunx xieraq li entità taħt superviżjoni tiġi kklassifikata bħala sinifikanti, meta jitqiesu l-objettivi u l-prinċipji tar-Regolament [Bażiku] u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin”, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għaċ-ċirkustanzi speċifiċi u fattwali biss li jimplikaw li superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet nazzjonali hija aħjar sabiex jintlaħqu l-għanijiet u l-prinċipju tar-Regolament Bażiku u, b’mod partikolari, għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti ta’ standards superviżorji prudenzjali għoljin.

81      Minn dan isegwi li l-BĊE ma wettaqx l-allegat żball ta’ liġi, meta ddeċieda, essenzjalment, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU setgħet twassal sabiex ir-rikorrent ma jiġix ikklassifikaat bħala entità sinifikanti biss fil-każ li kien muri li superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet Ġermaniżi kienet tkun aħjar sabiex jiġu żgurati l-għanijiet tar-Regolament Bażiku minn superviżjoni mill-BĊE.

82      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-BĊE, f’deċiżjonijiet oħra li wasslu għal klassifikazzjonijiet mill-ġdid, ma applikax kriterji li għamel riferiment għalihom fid-deċiżjoni kkontestata.

83      Fil-fatt, fil-każ li tali argument ikun invokat sabiex jintwera li l-BĊE kien żbaljat meta rrifjuta li jeżamina jekk is-superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet nazzjonali kinitx biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Bażiku, huwa kellu, mill-bidu, jiġi miċħud, sa fejn ġie konkluż li l-BĊE ma wettaqx żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

84      Dan l-argument lanqas ma jista’ jintlaqa’ jekk jinftiehem fis-sens li jallega, essenzjalment, ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament għad-detriment għar-rikorrent. Huwa biżżejjed jitfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi rrikonċiljata ma’ dik tal-prinċipju ta’ legalità, li jimplika li ħadd ma jista’ jinvoka favurih illegalità li twettqet favur ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il‑Kummissjoni, T‑461/07, EU:T:2011:181, punt 219 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, jekk jitqies li l-BĊE kien żbaljat li jagħmel klassifikazzjoni mill-ġdid tal-entitajiet li jirreferi għalihom ir-rikorrent, tali żball ma jaffettwax il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata li tirrifjuta l-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent bħala entità “inqas sinifikanti”.

85      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ eżami taċ-ċirkustanzi speċifiċi u fattwali, u tal-għanijiet tar-Regolament Bażiku

86      Ir-rikorrent jikkritika, essenzjalment, lill-BĊE talli ddeċieda li l-klassifikazzjoni ta’ entità bħala sinifikanti kienet xierqa, indipendentement mill-eżami taċ-ċirkustanzi speċifiċi u fattwali u mingħajr ma ħa inkunsiderazzjonijiet l-għanijiet u l-prinċipji tar-Regolament Bażiku.

87      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li, sabiex jitlob l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal‑1 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrent ibbaża l-argument tiegħu biss fuq l-allegazzjoni li l-eżerċizzju ta’ superviżjoni prudenzjali mill-awtoritajiet Ġermaniżi kien biżżejjed, fid-dawl tal-profil ta’ riskju allegament baxx li huwa għandu.

88      Fil-fatt, minn qari tal-ittri tar-rikorrent tal‑10 ta’ Lulju 2014 u tas‑6 ta’ Ottubru 2014, jirriżulta li l-argument tiegħu kien ibbażat biss fuq il-fatt li superviżjoni prudenzjali mill-BĊE ma kinitx meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti tal-istandards superviżorji għoljin, mingħajr ma kien invokat il-fatt li superviżjoni nazzjonali tkun aħjar sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

89      Għaldaqstant, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, il-BĊE seta’ leġittimament iqis tali argument bħala irrilevanti, mingħajr il-ħtieġa li jeżamina r-realtà taċ-ċirkustanzi ta’ fatt allegati mir-rikorrent jew li jivverifika jekk superviżjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi tar-rikorrent setgħetx tissodisfa l-għanijiet tar-Regolament Bażiku.

90      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

d)      Fuq l-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkostanzi partikolari”

91      Ir-rikorrent jikkritika lill-BĊE wkoll talli wettaq “eżami fuq żewġ livelli” meta qies, minn naħa, li kien hemm ċirkustanzi partikolari u, min-naħa l-oħra, li dawn iwasslu sabiex is-superviżjoni prudenzjali mill-BĊE ma tkunx xierqa, li jmur kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

92      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, “[i]kunu jeżistu ċirkustanzi partikolari kif imsemmija fit-tieni u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament [Bażiku] meta jkun hemm ċirkustanzi speċifiċi u fattwali li minħabba fihom ma jkunx xieraq li entità taħt superviżjoni tiġi kklassifikata bħala sinifikanti, meta jitqiesu l-objettivi u l-prinċipji tar-Regolament [Bażiku] u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin”.

93      L-Artikolu 71(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU jispeċifika li “[i]l-kwistjoni jekk jeżistux ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw li entità taħt superviżjoni li f’każ ieħor tkun sinifikanti tiġi kklassifikata bħala inqas sinifikanti għandha tiġi ddeterminata fuq bażi ta’ każ b’każ u speċifikament għall-entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni kkonċernati, iżda mhux għal kategoriji ta’ entitajiet taħt superviżjoni”.

94      Minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta neċessarjament li l-eżami tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali tal-entità taħt superviżjoni stess.

95      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE kkonstata li “fil-każ stess li l-BĊE jkun tal-opinjoni li ċirkustanzi partikolari, li jirreferi għalihom l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku, setgħu jkunu applikabbli għall-entità taħt superviżjoni, huwa l-BĊE stess li jkollu jivverifika jekk tali ċirkustanzi partikolari humiex ta’ natura li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tagħha bħala entità inqas sinifikanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

96      Għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ li t-teħid tad-deċiżjoni kkontestata msemmija fil-punt 95 iktar ’il fuq ikollu jinftiehem fis-sens li joħloq konfużjoni bejn il-kunċett ta’ “ċirkustanzi speċifiċi u fattwali”, li jinsab fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU u applikabbli meta jitqies jekk il-klassifikazzjoni ta’ entità bħala sinifikanti hijiex xierqa jew le, u dak ta’ “ċirkostanzi partikolari”, użat fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u li l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU għandu l-għan li jispjega, dan ikun għalhekk ġuridikament żbaljat.

97      Fil-fatt, billi jirraġuna b’dan il-mod, il-BĊE jistabbilixxi b’kundizzjonijiet distinti l-eżistenza ta’ “ċirkostanzi partikolari” u l-applikazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU. Minn dan isegwi li ċirkustanzi partikolari fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku ma jiġġustifikawx, fihom infushom, il-klassifikazzjoni mill-ġdid minn entità “sinifikanti” għal “inqas sinifikanti”. Ikun meħtieġ ukoll li l-kriterji tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU jkunu ssodisfatti.

98      Din ma hijiex il-loġika tar-rabta bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. L-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari hija biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ entità. Madankollu, sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza tagħhom, għandu jiġi applikat l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

99      Dan it-teħid tad-deċiżjoni kkontestata huwa, għaldaqstant, ivvizzjat bi żball ta’ liġi li, madankollu, ma jaffettwax il-legalità tagħha, peress li t-teħid tal-imsemmija deċiżjoni huwa evalwat f’motiv superfluwu, bħalma juri l-użu tal-kundizzjonal. Fil-fatt, il-BĊE ma jaċċettax l-eżistenza ta’ “ċirkostanzi partikolari”, iżda jagħti biss l-opinjoni tiegħu fuq is-sitwazzjonijiet li jista’ jkollhom tali ċirkustanzi, jekk jitqies li jeżistu. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud.

100    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

B.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti

101    Ir-rikorrent jargumenta li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

102    Fl-ewwel lok, is-superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE ma hijiex meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Bażiku, jiġifieri li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, is-sigurtà u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-protezzjoni tad-depożitanti. Fit-tieni lok, is-superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE ma hijiex meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-għan ta’ applikazzjoni koerenti ta’ standards superviżorji ta’ livell għoli. Fit-tielet lok, is-superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE lanqas ma hija meħtieġa fid-dawl tal-għanijiet l-oħra tar-Regolament Bażiku. Fir-raba’ lok, is-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent mill-awtorità nazzjonali hija konformi mal-prinċipji tar-Regolament Bażiku. Fil-ħames lok, anki taħt mill-perspettiva tal-kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-BĊE, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

103    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

104    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti żviluppati mir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan il-motiv huma essenzjalment ibbażati fuq il-premessa li l-għanijiet tar-Regolament Bażiku u l-applikazzjoni koerenti tal-istandards superviżorji prudenzjali għoljin jistgħu jintlaħqu permezz ta’ superviżjoni diretta mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Fil-fatt, ir-rikorrent jipprova juri fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu li huwa kien manifestament żbaljat meta kklassifikah bħala entità sinifikanti, fid-dawl tal-assenza ta’ ħtieġa ta’ superviżjoni prudenzjali mill-BĊE.

105    Għandu jiġi kkonstatat li tali argument huwa irrilevanti, peress li, għar-raġunijiet esposti fl-eżami tal-ewwel motiv, l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU ma jistax jiġi interpretat li jinkludi kundizzjoni ta’ eżami tal-ħtieġa ta’ superviżjoni prudenzjali diretta ta’ entità li għandha tiġi kklassifikata bħala “sinifikanti” fid-dawl tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku.

106    Huwa biss sussidjarjament li r-rikorrent jargumenta li “anki jekk jinżamm il-kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat tal-[BĊE], id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni”.

107    Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, ir-rikorrent jagħmel riferiment, fl-ewwel lok, għall-kontenut tal-ittri tiegħu tal‑10 ta’ Lulju 2014 u tas‑6 ta’ Ottubru 2014.

108    Madankollu, għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 87 sa 89 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent argumenta biss li superviżjoni nazzjonali tkun aħjar sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Bażiku minn superviżjoni diretta mill-BĊE.

109    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jargumenta, essenzjalment, fir-replika, li s-superviżjoni prudenzjali mill-awtoritajiet Ġermaniżi tkun aħjar sabiex jiġi żgurat l-għan ta’ applikazzjoni koerenti tal-istandards superviżorji prudenzjali għolja li jirreferi għalihom l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU. Huwa josserva, f’dan ir-rigward, li huwa suġġett għal leġiżlazzjonijiet differenti, jiġifieri mhux biss ir-Regolament (UE) Nru 575/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1), kif irrettifikat (ĠU 2013, L 208, p. 68 u ĠU 2013, L 321, p. 6), u l-liġi Ġermaniża dwar l-organizzazzjoni tas-settur bankarju, iżda wkoll il-liġi dwar il-bank reġjonali ta’ kreditu tal-Land ta’ Baden-Württemberg, kif ukoll għal diversi awtoritajiet ta’ superviżjoni, jiġifieri mhux biss il-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (Bafin) (awtorità federali ta’ superviżjoni finanzjarja, il-Ġermanja), il-Bundesbank (bank federali, il-Ġermanja) u l-BĊE, iżda wkoll il-ministeru tal-finanzi tal-Land ta’ Baden-Württemberg.

110    Għaldaqstant, essenzjalment, ir-rikorrent jargumenta li d-diversità tal-oqsfa ġuridiċi u tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni li jirregolaw l-attività tiegħu timplika li l-awtoritajiet nazzjonali qegħdin f’pożizzjoni aħjar sabiex jikkollaboraw bejniethom bil-għan li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tal-istandards superviżorji għolja milli mal-BĊE.

111    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi osservat li r-rikorrent ma jenfasizza ebda arranġament jew kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Land ta’ Baden-Württemberg u l-awtoritajiet Ġermaniżi li jistgħu jagħmlu l-kooperazzjoni bejniethom iktar faċli milli mal-BĊE.

112    Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

C.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

113    Ir-rikorrent iqis li l-BĊE kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni meta adotta d-deċiżjoni kkontestata. Huwa jfakkar li l-obbligu li jimmotiva d-deċiżjoni kkontestata jirriżulta kemm mill-Artikolu 33(2), mill-Artikolu 39(1) u mill-Artikolu 44(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, kif ukoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Bażiku u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

114    Fl-ewwel lok, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex koerenti u hija kontradittorja, b’mod li ma jistax jiġi dedott minnha l-kriterju applikat mill-BĊE. L-interpretazzjoni ppreferuta mill-BĊE fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu tal-kunċett ta’ “natura mhux xierqa” ma tinsabx fid-deċiżjoni kkontestata u, fi kwalunkwe każ, hija kontradittorja.

115    Fit-tieni lok, ir-rikorrent iqis li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija limitata għal sempliċi affermazzjonijiet u negazzjonijiet infondati. Huwa jikkritika, b’mod partikolari, lill-BĊE talli ma ġġustifikax l-affermazzjoni tiegħu li l-assenza ta’ riskju għall-istabbilità tas-swieq jew il-kredituri ma tikkostitwixxix ċirkustanzi partikolari. Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax għaliex superviżjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi ma tkunx aħjar sabiex tissodisfa l-għanijiet tar-Regolament Bażiku.

116    Fit-tielet lok, ir-rikorrent jikkritika lill-BĊE talli ma eżaminax l-argumenti li huwa kien ippreżenta fil-proċedura amministrattiva, ibbażati fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi speċifiċi u fattwali li jagħmlu l-klassifikazzjoni tiegħu bħala entità sinifikanti mhux xierqa. Huwa jqis li spjegazzjoni fid-dettall tar-raġunijiet li għalihom il-BĊE ma qiesx li dawn l-argumenti kienu rilevanti kienet importanti iktar u iktar peress li huwa għandu marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU. Tali spjegazzjoni la tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-kuntest tagħha.

117    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

118    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Bażiku, id-deċiżjonijiet tal-BĊE għandhom jinkludu r-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati.

119    Skont l-Artikolu 33(1) u (2) tar-Regolament Qafas tal-MSU, deċiżjoni superviżorja tal-BĊE għandha tkun akkumpanjata b’espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw dik id-deċiżjoni. L-espożizzjoni tal-motivi għandha tinkludi l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi essenzjali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE.

120    L-Artikolu 39(1) tal-istess Regolament Qafas tal-MSU jispeċifika li “[e]ntità taħt superviżjoni għandha titqies bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni jekk il-BĊE jiddetermina dan f’deċiżjoni tal-BĊE indirizzata lill-entità relevanti […], waqt li jispjega r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata dik id-deċiżjoni”.

121    Għandu jiġi enfasizzat li tali dispożizzjonijiet sempliċement ifakkru, fl-artikoli tar-Regolament Bażiku u tar-Regolament Qafas tal-MSU, l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni huma suġġetti għalih skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

122    L-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità proċedurali essenzjali li hija distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    F’dan ir-rigward, minn naħa, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet individwali, l-għan tal-obbligu li tali deċiżjonijiet jiġu mmotivati għalhekk huwa, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni tistax tkun ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att inkwistjoni, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra direttament jew individwalment ikkonċernati minnu jistgħu jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tagħmel parti mill-kuntest li minnu tagħmel parti d-deċiżjoni kkontestata u tista’, għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 124 iktar ’il fuq, tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk l-imsemmija deċiżjoni hijiex immotivata suffiċjentement.

126    Fil-fatt, l-Artikolu 24 tar-Regolament Bażiku, intitolat “Bord Amministrattiv ta’ Rieżami”, jispeċifika fil-paragrafu 1 tiegħu li “[l-]BĊE għandu jistabbilixxi Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għall-finijiet li jwettaq rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħudin mill-BĊE fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtijin lilu b’dan ir-Regolament wara li tkun ġiet ippreżentata talba [f’dan is-sens] u li [l-]iskop tar-rieżami amministrattiv intern għandu jappartjeni għall-konformità proċedurali u sostantiva ma’ dan ir-Regolament ta’ tali deċiżjonijiet”. Skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-istess artikolu:

“Wara li jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rieżami, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jesprimi opinjoni fi żmien adatt skont l-urġenza tal-kwistjoni u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta jirċevi t-talba u jgħaddi l-każ għat-tħejjija ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Bord Superviżorju. Il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u għandu jippreżenta minnufih abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Kunsill Governattiv. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jew jabroga d-deċiżjoni inizjali, jew jissostitwiha b’deċiżjoni ta’ kontenut identiku, jew inkella jissostitwiha b’deċiżjoni emendata. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jitqies adottat sakemm il-Kunsill Governattiv ma joġġezzjonax f’perijodu massimu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol.”

127    Minn dan isegwi neċessarjament li, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata kkonstatat konformement mal-proposta li tinsab fl-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, din hija estensjoni tal-imsemmija opinjoni u l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fiha jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx immotivata suffiċjentement.

128    Fl-ewwel lok, għar-raġunijiet esposti fil-punti 31 sa 32 iktar ’il fuq, u kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, minn qari flimkien tad-deċiżjoni kkontestata u tal-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jirriżulta li, minn naħa, il-BĊE qies li seta’ jkun hemm “ċirkostanzi partikolari” biss jekk l-għanijiet tar-Regolament Bażiku jkunu żgurati aħjar minn superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet nazzjonali u li, min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma kienx wera li din il-kundizzjoni kienet issodisfatta fil-konfront tiegħu. Għandu jiġi rrilevat ukoll li kemm l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata jinkludu sinteżi tal-argumenti tar-rikorrent.

129    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi tal-ewwel motiv turi li r-rikorrent seta’ jifhem ir-raġunament tal-BĊE, peress li kkontestah fil-kuntest tal-imsemmi motiv, u l-Qorti Ġenerali setgħet twettaq stħarriġ ta’ legalità fuq il-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

130    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrent ibbażata fuq il-fatt li t-tweġiba għall-argument li huwa għamel matul il-proċedura amministrattiva kienet insuffiċjenti, mill-punti 87 sa 89 u 107 sa 108 iktar ’il fuq jirriżulta li, matul l-imsemmija proċedura, ir-rikorrent sempliċement ipprova juri li superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE ma kinitx neċessarja għar-raġuni li s-superviżjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi tkun biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Bażiku, mingħajr ma pprova juri li huwa kien f’pożizzjoni aħjar sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet. Għaldaqstant, peress li dan l-argument huwa manifestament irrilevanti fid-dawl tal-interpretazzjoni ppreferuta mill-BĊE, dan ma jistax jitqies li huwa obbligat jipprovdi motivazzjoni fid-dettall tar-raġunijiet għar-rifjut tiegħu, peress li r-rikorrent jista’ faċilment jiddeduċihom mid-deċiżjoni kkontestata u mill-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

131    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja, huwa minnu li l-motivazzjoni ta’ att għandha tkun loġika u ma għandu jkollha partikolarment ebda kontradizzjoni interna li taffettwa l-fehim tar-raġunijiet sottostanti dan l-att (sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 151).

132    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex l-allegata natura kontradittorja.

133    Minn naħa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 31 sa 34 iktar ’il fuq, u kuntrarjament għal dak li donnu jsostni r-rikorrent, ma teżistix kontradizzjoni bejn, minn banda, ir-riferiment fl-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għall-fatt li l-eżistenza ta’ “ċirkostanzi partikolari” timplika li l-għanijiet tar-Regolament Bażiku u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti ta’ standards superviżorji għolja, għandhom ikunu żgurati aħjar bis-superviżjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali u, mill-banda l-oħra, ir-riferiment fid-deċiżjoni kkontestata għall-fatt li s-superviżjoni diretta tar-rikorrent mill-BĊE għandha tkun kuntrarja għall-għanijiet tar-Regolament Bażiku sabiex l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU jkun applikabbli.

134    Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hijiex kontradittorja, sa fejn hija timplika li l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, fil-punt 99 iktar ’il fuq ġie rrilevat li dan il-motiv tad-deċiżjoni kkontestata ġie inkluż hemmhekk sempliċement għall-finijiet ta’ kompletezza. Għaldaqstant, din il-parti ma setgħetx tipprekludi ftehim tajjeb tal-kriterju applikat mill-BĊE fid-deċiżjoni kkontestata.

135    Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

136    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

D.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-BĊE minħabba n-nuqqas ta’ eżerċizzju illeċitu tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu

137    Ir-rikorrent jikkritika lill-BĊE talli ma użax is-setgħa diskrezzjonali tiegħu meta applika l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU fil-konfront tiegħu, li jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter. Huwa josserva li din id-dispożizzjoni ma tinkludix lista eżawrjenti tal-motivi li l-BĊE jista’ jieħu inkunsiderazzjoni. Għaldaqstant, huwa żbaljat li ddeċieda fid-deċiżjoni kkontestata li l-argument ippreżentat mir-rikorrent kien iwassal sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni motivi mhux previsti fl-imsemmi regolament.

138    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

139    Huwa minnu li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta istituzzjoni tkun investita b’setgħa diskrezzjonali, hija għandha teżerċita t-totalità ta’ din is-setgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, T‑357/02 RENV, EU:T:2011:376, punt 45, u tal‑10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il‑Kummissjoni, T‑304/08, EU:T:2012:351, punt 90). Għaldaqstant, l-awtur tal-att għandu jkun f’pożizzjoni li jistabbilixxi quddiem il-qrati tal-Unjoni li l-att ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li jippresupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż li jirregola (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑310/04, EU:C:2006:521, punt 122).

140    Madankollu, għandu jitfakkar f’dan il-punt, bħalma ġie enfasizzat fil-punti 87 sa 89 iktar ’il fuq, li l-argumenti ppreżentati mir-rikorrent matul il-proċedura amministrattiva kienu intiżi biss li juru li l-għanijiet tar-Regolament Bażiku setgħu jintlaħqu b’superviżjoni diretta tar-rikorrent mill-awtoritajiet nazzjonali u li tali argumenti huma, għar-raġunijiet esposti fl-analizi tal-ewwel motiv, irrilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

141    Għaldaqstant, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat li ma eżerċitax is-setgħa diskrezzjonali tiegħu meta ċaħad, mill-ewwel, argument irrilevanti.

142    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

E.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu impost fuq il-BĊE li jeżamina u li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ

143    Ir-rikorrent ifakkar li, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Qafas tal-MSU, il-BĊE għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Huwa jirreferi wkoll għall-obbligu tal-BĊE li jeżamina u li jieħu inkunsiderazzjoni, b’reqqa u b’imparzjalità, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li huma rilevanti fil-każ inkwistjoni, liema obbligu jirriżulta mid-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

144    Huwa jikkritika lill-BĊE talli ma ħax inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi bbażati, l-ewwel nett, fuq l-impossibbiltà prattika li huwa kien jinsab fiha li jkun jaf b’sitwazzjoni ta’ insolvenza, it-tieni nett, fuq il-fatt li huwa ma kien jissodisfa ebda wieħed mill-kriterji tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku, minbarra dak tad-daqs, u, it-tielet nett, fuq il-fatt li s-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet Ġermaniżi ma kellhiex nuqqasijiet fil-passat.

145    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

146    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi jkollha importanza iktar fundamentali.

147    Ċertament, fost il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit bl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li magħha jintrabat l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punt 404).

148    Dan l-obbligu huwa mfakkar fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Qafas tal-MSU, sa fejn dan l-artikolu jispeċifika li “[f]l-evalwazzjoni tiegħu, il-BĊE għandu jqis iċ-ċirkustanzi relevanti kollha”.

149    Madankollu, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punt 140 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li ċ-ċirkustanzi li, fir-rigward tagħhom il-BĊE ġie kkritikat li ma ħax inkunsiderazzjoni, kienu irrilevanti fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU u li, għaldaqstant, il-BĊE ma setax jiġi kkritikat b’mod utli talli ma ħax tali ċirkustanzi inkunsiderazzjoni meta applika din id-dispożizzjoni.

150    Il-ħames motiv għandu għalhekk jiġi miċħud, u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

IV.    Fuq l-ispejjeż

151    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’din il-kawża, peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll dawk tal-BĊE, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

152    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Landeskreditbank Baden-Württemberg – Förderbank għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Prek

Labucka

Schwarcz

Kreuschitz

 

Schalin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Mejju 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż