Language of document : ECLI:EU:C:2014:1

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fid-9 ta’ Jannar 2014 (1)

Kawża C‑435/12

ACI Adam BV,

Alpha International BV,

AVC Nederland BV,

BAS Computers & Componenten BV,

Despec BV,

Dexxon Data Media and Storage BV,

Fuji Magnetics Nederland,

Imation Europe BV,

Maxell Benelux BV,

Philips Consumer Electronics BV,

Sony Benelux BV,

Verbatim GmbH

vs

Stichting de Thuiskopie,

Stichting Onderhandelingen Thuiskopie vergoeding

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Proprjetà intellettwali — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29/KE — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni — Artikolu 5(2)(b) — Artikolu 5(5) — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Eċċezzjoni ta’ kopja privata — Kamp ta’ applikazzjoni — Riproduzzjonijiet magħmula minn sors illeċitu — Ħlas għal kopja privata — Direttiva 2004/48/KE — Infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali — Artikolu 14 — Spejjeż ġudizzjarji — Kamp ta’ applikazzjoni”





1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha serje ġdida ta’ domandi preliminari li prinċipalment jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (2) u, b’mod aktar partikolari, tal-Artikolu 5(2)(b) tagħha, li jippermetti lill-Istati Membrili jistabbilixxu eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tad-detenturi tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati (3) għall-finijiet ta’ kopja privata.

2.        Id-domanda preliminari prinċipali li saret mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda b’mod aktar preċiż il-kwistjoni dwar jekk l-eċċezzjoni ta’ kopja privata tapplikax biss għar-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi leċiti u, lil hinn minn dan, jekk il-ħlas għal kopja privata jistax jiġi kkalkolat u miġbur biss għal riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi leċiti (4).

3.        Għalhekk din hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29 (5) li qamet quddiem diversi qrati nazzjonali, li ġiet deċiża, f’ċerti Stati Membri, jew mil-leġiżlatur nazzjonali (6) jew mill-qrati nazzjonali (7), iżda li għadha ma tatx lok għal risposta min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja (8), li tibqa’ kontroversjali fost il-ġuristi (9)u li għaldaqstant hija ta’ ċerta importanza.

4.        Din l-importanza hija amplifikata mill-fatt li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata hija ppreżentata, minn uħud mill-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll minn parti mid-duttrina, bħala mezz biex jiġu kkumpensati d-danni kkawżati lid-detenturi tad-drittijiet minħabba t-tixrid mingħajr awtorizzazzjoni ta’ xogħlijiet u oġġetti protetti fuq l-Internet, ta’ mill-inqas fin-nuqqas ta’ miżuri tekniċi li jistgħu jikkumbattu b’mod effiċjenti l-“piraterija”.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

5.        Tliet konvenzjonijiet internazzjonali huma pertinenti għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali. L-ewwel waħda, li hija wkoll dik prinċipali, hija l-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni tax-xogħlijiet litterarji u artistiċi, tad-9 ta’ Settembru 1886, kif emendata l-aħħar bl-att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971, fil-verżjoni li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Lulju 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”) (10) (11).

6.        It-tnejn l-oħrajn huma, minn naħa, il-ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, li jinsabu fl-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li ġie ffirmat f’Marrakech u approvat bid-deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħha, ta’ ftehimiet ta’ negozjati multilaterali taċ-ċiklu tal-Urugwaj (1986-1994) (12), u min-naħa l-oħra, it-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-Dritt tal-Awtur, adottat f’Ġenève fl-20 ta’ Diċembru 1996, li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000, dwar l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt tal-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (13), li d-dispożizzjonijiet tiegħu jirreferu għall-Konvenzjoni ta’ Berna (14).

B –    Id-dritt tal-Unjoni

7.        Id-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni, minn naħa, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2)(b) u tad-Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 5(5) tagħha (15) u, min-naħa l-oħra, tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (16), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha. It-test tad-dispożizzjonijiet pertinenti għandu jiġi ċċitat, sa fejn ikun meħtieġ, iktar ’il quddiem.

C –    Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

8.        L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar id-dritt tal-awtur (iktar ’il quddiem il-“LDA”) jirrikonoxxi lill-awtur ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku jew lis-suċċessur legali tiegħu d-dritt esklużiv li, b’mod partikolari, jirriproduċi dak ix-xogħol, suġġett għal-limitazzjonijiet previsti mil-liġi. L-LDA tinkludi, f’dan il-każ, dispożizzjonijiet li jistabbilixxu eċċezzjoni ta’ kopja privata u remunerazzjoni ġusta bħala kumpens għal kopja privata.

9.        L-Artikolu 16c(1) tal-LDA, li jikkostitwixxi traspożizzjoni tal-Artikolu 5(2)(b), tad-Direttiva 2001/29, jipprovdi:

“Ir-riproduzzjoni sħiħa jew parzjali ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku fuq mezz intiż għar-riproduzzjoni ta’ xogħol, ma għandhiex titqies bħala ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq jekk ir-riproduzzjoni ssir mingħajr skopijiet kummerċjali diretti jew indiretti u jekk din isservi esklużivament għall-prattika, studju jew użu mill-persuna fiżika li tagħmel ir-riproduzzjoni”.

10.      L-Artikolu 16c(2) tal-LDA jipprovdi:

“Ir-riproduzzjoni, fis-sens [tal-Artikolu 16 c(1)] tagħti lok għall-ħlas ta’ rimunerazzjoni ġusta lill-awtur tax-xogħol jew lis-suċċessur legali tiegħu. Il-fabbrikant jew l-importatur tal-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu responsabbli għall-ħlas ta’ din ir-rimunerazzjoni”.

11.      Barra minn hekk, l-Artikolu 1019h tal-kodiċi tal-proċedura ċivili tal-Pajjiżi l-Baxxi, li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE jipprovdi:

“Sa fejn ikun meħtieġ, b’deroga mit-tieni paragrafu tat-tnax-il sezzjoni tat-tieni titolu tal-ewwel Ktieb, u mill-Artikolu 843a(1), il-parti li titlef hija kkundannata tħallas l-ispejjeż ġudizzjarji raġonevoli u proporzjonati u l-ispejjeż l-oħra mġarrba mill-parti li tirbaħ il-kawża, sakemm dan ma jkunx ekwu.”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

12.      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma s-Stichting de Thuiskopie, fondazzjoni inkarigata mill-ġbir tal-ħlas għal kopja privata previst fl-Artikolu 16c(2) tal-LDA u t-tqassim tar-rikavat, u s-Stichting Onderhandelingen Thuiskopie Vergoeding (17), fondazzjoni inkarigata mill-iffissar tal-ammont tal-ħlas għal kopja privata.

13.      Il-kumpanniji rikorrenti fil-kawża prinċipali huma importaturi u/jew manifatturi ta’ mezz li jintuża għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet fis-sens tal-Artikolu 16c(1) tal-LDA li għandhom, fuq din il-bażi, iħallsu l-ħlas għal kopja privata.

14.      Peress li kienu tal-fehma li l-ħlas għal kopja privata huwa intiż esklużivament biex jikkumpensa għad-dannu mġarrab mid-detenturi tad-dritt minħabba atti ta’ riproduzzjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16c(1) tal-LDA, l-imsemmija rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu kawża kontra s-Stichting de Thuiskopie u s-SONT quddiem ir-Rechtbank te ’s‑Gravenhage, fejn argumentaw li l-ammont tal-ħlas għal kopja privata ma kellux jiġi kkalkolat abbażi tad-dannu li jirriżulta minn kopji ta’ xogħlijiet magħmula minn sors illegali, bi ksur tad-dritt tal-awtur.

15.      Ir-Rechtbank te ’s‑Gravenhage ċaħdet it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2008 (18).

16.      Fl-appell, permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Novembru 2010 (19), il-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage ċaħdet ukoll din it-talba, billi qalet bi dritt li l-ħlas ġust previst fl-Artikolu 16c tal-LDA kien intiż biex jikkumpensa d-dannu mġarrab mid-detenturi tad-drittijiet minħabba atti ta’ riproduzzjoni li jaqgħu fil-portata ta’ dik id-dispożizzjoni.

17.      Għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage kkonstatat li la l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, u lanqas l-Artikolu 16c tal-LDA ma jagħmlu distinzjoni skont is-sors tar-riproduzzjonijiet. Madankollu mill-ħidmiet preparatorji tal-LDA jirriżulta li l-Artikolu 16c tagħha għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza riproduzzjoni minn sors illeċitu kemm‑il darba ma jkunux jeżistu miżuri tekniċi li jippermettu ġlieda kontra l-ikkupjar privat illeċitu. Fil-fatt, ġie kkunsidrat li sistema li ma tipprojbixxix ir-riproduzzjonijiet minn sorsi illeċiti filwaqt li timponi l-ħlas għall-kopja privata fuq dawk ir-riproduzzjonijiet tiżgura protezzjoni aqwa tal-interessi tad-detenturi tad-drittijiet mingħajr ma tikkawżalhom dannu mhux iġġustifikat fis-sens tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29.

18.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden. Min-naħa tagħha s-Stichting de Thuiskopie ppreżentat appell inċidentali quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari segwenti.

“1)      L-Artikolu 5(2), fil-parti inizjali tiegħu u fis-subparagrafu (b), moqri flimkien jew indipendentement mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva [2001/29], għandu jiġu interpretati fis-sens li l-limitazzjoni tad-drittijiet tal-awtur prevista fih tapplika għar-riproduzzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija f'din id-dispożizzjoni, indipendentement mill-fatt li x-xogħlijiet li ġew riprodotti kienu għad-dispożizzjoni tal-persuna fiżika kkonċernata b’mod legali, jiġifieri mingħajr ksur tad-drittijiet tal-awtur tal-aventi kawża, jew inkella fis-sens li din il-limitazzjoni tapplika biss fir-rigward tar-riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet li l-persuna kkonċernata kellha għad-dispożizzjoni tagħha mingħajr ksur tad-drittijiet tal-awtur?

2)      a)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun tirrifletti t-tieni alternattiva proposta fiha, l-applikazzjoni tat-‘test fi tliet stadji’, previst fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva [2001/29], tista’ sservi sabiex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) jew l-applikazzjoni tat-test tista’ twassal biss sabiex tiċċekken il-portata ta’ din il-limitazzjoni?

      b)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun tirrifletti t-tieni alternattiva proposta fiha, liġi nazzjonali intiża li timponi remunerazzjoni ġusta għar-riproduzzjonijiet magħmula minn persuna fiżika għal użu privat u mingħajr l-iċken skop kummerċjali dirett jew indirett, indipendentement minn jekk it-twettiq tar-riproduzzjonijiet huwiex legali fid-dawl tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva [2001/29] – u mingħajr ma din il-liġi ma tikser la d-dritt tal-aventi kawża li jipprojbixxu r-riproduzzjoni u lanqas id-dritt tagħhom li jiksbu kumpens għad-dannu subit – tikser l-Artikolu 5 [ta’ din id-direttiva], jew xi liġi oħra tal-Unjoni?

Fil-kuntest tar-risposta għal din id-domanda huwa rilevanti, fid-dawl tat-‘test fi tliet stadji’ previst fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva [2001/29], il-fatt li ma jeżistux (jew għadhom ma jeżistux) miżuri tekniċi sabiex jiġi miġġieled it-twettiq ta’ kopji privati illegali?

3)      Id-Direttiva 2004/48 tapplika għal proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn – wara li Stat Membru impona, abbażi tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva [2001/29], l-obbligu tal-ġbir tal-kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni fuq il-manifatturi u l-importaturi ta’ meżżi xierqa intiżi għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet, u stabbilixxa li dan il-kumpens ġust għandu jingħadda lill-organizzazjoni magħżula mill-Istat Membru, li hija inkarigata bil-ġbir u bit-tqassim tal-kumpens ġust - persuni suġġetti għall-ħlas ta’ dan il-kumpens qed jitolbu lill-qorti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kawża li huma rilevanti għad-determinazzjoni tal-kumpens ġust, tiddeċiedi kontra l-imsemmija organizzazzjoni, li qed tiddefendi ruħha kontra din it-talba?”

20.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, is-Stichting de Thuiskopie, il-Gvern Olandiż, Taljan, Litwan u Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

21.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, is-Stichting de Thuiskopie, il-Gvern Olandiż u Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali matul is-seduta pubblika li saret fid-9 ta’ Ottubru 2013.

IV – Osservazzjonijiet preliminari

22.      L-ewwel u t-tieni domandi tal-qorti tar-rinviju, li huma relatati mill-qrib (20), fir-realtà jiġbru fi ħdanhom diversi domandi li jeħtieġu xi osservazzjonijiet preliminari u jixirqilhom li jiġu fformulati u miġbura mill-ġdid.

23.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-Hoge Raad der Nederlanden tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29. Essenzjalment, hija tistaqsi jekk l-eċċezzjoni ta’ kopja privata prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 tapplikax għar-riproduzzjonijiet kollha, irrispettivament mil-legalità tas-sors tagħhom (l-ewwel alternattiva) jew jekk, għall-kuntrarju, din tapplikax biss għar-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi li jkunu fihom infushom leċiti (it-tieni alternattiva). Hija tistaqsi wkoll dwar l-effett tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tagħha.

24.      Il-qorti tar-rinviju sussegwentement tagħmel, fit-tieni domanda tagħha, żewġ domandi sussidjarji, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 fis-sens li japplika biss għar-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi leċiti (it-tieni alternattiva).

25.      Qabel kollox hija tistaqsi [it-tieni domanda (a)] jekk l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, li jiddefinixxi t-“test fi tliet stadji”, jistax jippermetti li tiġi mwessgħa l-portata tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tagħha, jew jekk jistax għall-kuntrarju jirrestrinġiha.

26.      Sussegwentement hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment [it-tieni domanda (b)], dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, mad-Direttiva 2001/29 infisha jew kull regola legali oħra, ta’ dispożizzjoni nazzjonali li timponi ħlas ġust għar-riproduzzjonijiet magħmula minn persuna fiżika għal użu privat u mingħajr l-iċken skop kummerċjali dirett jew indirett, indipendentement mill-fatt li r-riproduzzjonijiet ikunu leċiti.

27.      Madankollu, u għar-raġunijiet li ser insemmi iktar ’il quddiem, l-ewwel u t-tieni domanda (a), bilfors iridu jiġu eżaminati flimkien, peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2)(b) u (5) tad-Direttiva 2001/29 huma marbuta flimkien formalment u b’mod li ma jistgħux jinfirdu u bilfors iridu jinqraw u jiġu interpretati konġuntament u b’mod dinamiku.

28.      B’hekk ser nibda billi neżamina l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 fit-totalità tiegħu jistax jiġi interpretat fis-sens li l-ħlas għal kopja privata jista’ jinġabar fuq riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi illeċiti, jiġifieri sorsi mhux prodotti, mhux imxerrda jew mhux ikkomunikati lill-pubbliku bil-kunsens tad-detentur tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni [l-ewwel domanda u t-tieni domanda (a)].

29.      Peress li fil-fehma tiegħi r-risposta għal din id-domanda għandha tkun negattiva, sussegwentement ser neżamina, malajr ħafna, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 jistax jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ madankollu (21) jiddeċiedi li jimponi l-ħlas għal kopja privata fuq ir-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi illeċiti. Ir-risposta għal din it-tieni domanda tista’, effettivament, tiġi dedotta faċilment mill-elementi tar-risposta mogħtija għall-ewwel waħda.

30.      Fl-aħħar nett, ser nirrispondi b’mod ferm konċiż għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48.

V –    Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ħlas għal kopja privata jistax jinġabar fuq riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi illeċiti [l-ewwel domanda u t-tieni domanda (a)]

A –    Sinteżi tal-osservazzjonijiet

31.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol, Taljan u Litwan kif ukoll il-Kummissjoni jaqblu li, fid-dawl tal-kliem, l-ispirtu u l-għan tad-Direttiva 2001/29, l-eċċezzjoni ta’ kopja privata prevista fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva ma tistax tapplika għar-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi illeċiti.

32.      Minn naħa, l-imsemmi Artikolu 5(2)(b) ma jipprovdix tali possibbiltà u, inkwantu jikkostitwixxi eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni ggarantit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, dan għandu jiġi interpretat b’mod strett, flimkien mal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva.

33.      Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni restrittiva tikkorrispondi għall-għan tad-Direttiva 2001/29, peress li s-soluzzjoni kuntrarja tista’ tkisser il-bilanċ ġust li għandu jinżamm bejn id-diversi drittijiet u interessi preżenti. Ir-remunerazzjoni ġusta prevista f’din id-dispożizzjoni hija intiża li tikkumpensa biss id-dannu mġarrab mid-detenturi tad-drittijiet “bħala konsegwenza tal-introduzzjoni” tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata, u mhux id-dannu li jirriżulta għal dawn tal-aħħar mir-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi illeċiti u lanqas, a fortiori, id-dannu li jirriżulta mit-tixrid lejn is-sors ta’ kopji illeċiti tax-xogħlijiet tagħhom.

34.      Għalkemm il-Kummissjoni tirrikonoxxi, barra minn hekk, li din l-interpretazzjoni restrittiva tista’, paradossalment, tirriżulta li hija sfavorevoli għad-detenturi ta’ drittijiet f’ċerti ċirkustanzi, hija madankollu hija tal-fehma li dan l-element ma jistax iwassal biex titqiegħed inkwistjoni.

35.      Min-naħa l-oħra, il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Olandiż u Awstrijak huma tal-fehma, essenzjalment, li l-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw l-eċċezzjoni ta’ kopja privata għar-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi illeċiti la hija eskluża mit-test u lanqas mill-portata tad-Direttiva 2001/29, fejn, għall-kuntrarju, taqa’ taħt l-għan ta’ din tal-aħħar u tippermetti li jinżamm bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interess tad-detenturi tad-drittijiet, minn naħa, u l-utenti tax-xogħlijiet u oġġetti protetti, min-naħa l-oħra.

36.      Huma jargumentaw, f’dan ir-rigward, li ma jeżisti ebda mezz tekniku kontra l-produzzjoni ta’ kopji privati magħmula minn sorsi illeċiti u li l-impożizzjoni ta’ ħlas għal kopja privata fuq dawk ir-riproduzzjonijiet tikkontribwixxi għal sfruttament normali tax-xogħlijiet riprodotti fis-sens tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 u b’hekk tikkostitwixxi l-aħjar mezz biex tiġi ggarantita, mingħajr ma tmur kontra t-test tat-tliet stadji, il-protezzjoni tal-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet.

B –    Analiżi

37.      Meta jitqiesu l-pożizzjonijiet ferm distinti adottati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri u l-Kummissjoni, fuq il-problema prinċipali li jqajmu l-ewwel żewġ domandi tal-qorti tar-rinviju, għandna nibdew billi nfakkru, qabel kollox, f’xiex jikkonsistu l-eċċezzjoni ta’ kopja privata u l-kumpens ġust li jakkumpanjaha, kif stabbilit fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Issa, l-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni ma tistax tiġi mifruda minn dik tal-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva.

1.      L-eċċezzjoni ta’ kopja privata skont id-Direttiva 2001/29

38.      Id-Direttiva 2001/29 timponi fuq l-Istati Membri, fl-Artikolu 2 tagħha, l-obbligu li jipprovdu favur detenturi ta’ dritt tal-awtur u drittijiet relatati kif iddefiniti fiha, id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u tkun f’liema forma tkun, totalment jew parzjalment, ta’ oġġetti protetti, jiġifieri x-xogħlijiet tagħhom, il-fonogrammi tagħhom, il-films tagħhom jew ix-xandiriet tagħhom.

39.      L-Artikolu 5(2)(b) ta’ din l-istess direttiva madankollu jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprovdu eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni esklużiva stipulat fl-Artikolu 2.

40.      Meta tiġi implementata minn Stat Membru, l-eċċezzjoni ta’ kopja privata tawtorizza (22) lill-persuni fiżiċi li jkollhom xogħlijiet jew oġġetti protetti mid-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati biex jagħmlu kopja għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali (23). Tipikament, l-eċċezzjoni ta’ kopja privata għandha tippermetti lix-xerrej ta’ CD awdjo li jagħmel riproduzzjoni li huwa jkun jista’, pereżempju, jisma’ permezz ta’ CD player diġitali.

41.      L-eċċezzjoni ta’ kopja privata taffettwa b’mod korrelattiv il-monopolju ta’ riproduzzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, billi tikkawżalhom dannu li għalih huma jitqiesu li jagħtu l-kunsens tagħhom bħala korrispettiv għal kumpens ġust. Dan il-kumpens jitqies li huwa kumpens adegwat lid-detenturi tad-drittijiet għad-dannu li jirriżulta mir-riproduzzjoni tax-xogħlijiet u oġġetti protetti tagħhom (24) iktar milli bħala remunerazzjoni.

42.      L-eċċezzjoni ta’ kopja privata finalment timponi fuq l-Istati Membri, bħala “eċċezzjoni kkumpensata”, l-obbligu li mhux biss jistabbilixxu l-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittijiet, iżda wkoll li effettivament jiġbruh (25) u ċertament li jipproċedu għat-tqassim tiegħu fost id-detenturi tad-drittijiet.

43.      Dan il-kumpens ġust għandu jkun iffinanzjat mill-persuna fiżika li tikkawża d-dannu lit-titolari esklużiv tad-dritt ta’ riproduzzjoni billi tagħmel, mingħajr ma titlob l-awtorizzazzjoni tiegħu minn qabel għal dan l-iskop, riproduzzjoni ta’ xogħol jew ta’ oġġett protett għall-użu privat tagħha u għal finijiet mhux kummerċjali (26). Madankollu għal raġunijiet prattiċi, l-Istati Membri jistgħu jiġbru ħlas għal kopja privata mingħand persuni li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti finali l-għodda li huma jużaw biex jagħmlu r-riproduzzjonijiet tagħhom. Madankollu, il-bilanċ ġust li għandu jinstab bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti tax-xogħlijiet u tal-oġġetti protetti jimplika, minn naħa, li l-piż reali ta’ dak il-ħlas għandu jaqa’ fuq dawk l-utenti (27), u min-naħa l-oħra, li dan jiġi impost biss fuq il-mezz ipprovdut għad-dispożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar għall-użu privat tagħhom (28).

44.      F’sistema bħal din, fl-aħħar mill-aħħar, il-kumpens ġust huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-utenti ta’ mezz ta’ riproduzzjoni jużaw dawn tal-aħħar għal finijiet ta’ kopja privata ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti.

2.      Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2)(b) u (5) tad-Direttiva 2001/29.

45.      Qabel ma tingħata risposta konkreta għall-kwistjonijiet imqajma f’din il-kawża, jeħtieġ li tiġi eżaminata r-relazzjoni li tgħaqqad l-Artikolu 5(2)(b) mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi espliċitament jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jinqraw flimkien jew le.

46.      L-Artikolu 5(5) tal-imsemmija Direttiva (29) jissuġġetta l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), (2), (3) u (4) tiegħu, fosthom l-eċċezzjoni ta’ kopja privata msemmija fl-Artikolu 5(2)(b), għall-kundizzjoni tripla li din tkun applikabbli biss f’ċerti każjiet speċjali, li ma tippreġudikax l-isfruttament normali tax-xogħol u, finalment, li ma tikkawżax dannu mhux ġustifikat għall-interessi leġittimi tat-titolari tad-dritt tal-awtur (30).

47.      Dawn it-tliet kundizzjonijiet, li ma humiex iddefiniti mod ieħor fid-Direttiva 2001/29, jissodisfaw, kif jirriżulta mill-premessa 44 tad-Direttiva 2001/29, l-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri u tal-Unjoni u, b’mod iktar preċiż, il-kundizzjonijiet ta’ kull limitazzjoni għad-dritt tal-awtur stabbiliti mill-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, iktar magħruf bl-isem ta’ test tat-tliet stadji (31) użat mill-qorti tar-rinviju fit-talba preliminari tagħha, riprodotti fl-Artikolu 13 tal-Ftehim TRIPS u fl-Artikolu 10 tad-WCT.

48.      Għall-kuntrarju ta’ dak li tidher li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha, ma jistax ikun hemm alternattiva għall-interpretazzjoni konġunta tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva. L-implementazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata mil-leġiżlaturi nazzjonali għandha, fi kwalunkwe każ, tkun konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 5(2)(b), iżda għandha tissodisfa wkoll u simultanjament ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 b’ħarsien tal-obbligi internazzjonali (32). L-istess jgħodd għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata mill-qrati nazzjonali. Għall-kuntrarju ta’ dak li jargumenta l-Gvern Olandiż, id-dispożizzjonijet tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 huma indirizzati biss lil-leġiżlatur nazzjonali.

49.      Barra minn hekk, u b’riferiment għat-tieni domanda paragrafu (a), id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li titwessa’ l-portata tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata stabbilita fl-Artikolu 5(2)(b) tagħha, biex għall-kuntrarju jikkontribwixxu b’mod inseparabbli, jekk ikun il-każ, għad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll għall-portata tagħha.

50.      F’dan il-każ, il-qafas ferm preċiż tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 huwa analizzat, minn ħafna aspetti, bħala l-implementazzjoni nnifisha tat-test fi tliet stadji (33).

51.      B’hekk, id-definizzjoni preċiża tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni permezz tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, fosthom l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, għandha fi kwalunkwe każ tissodisfa l-ewwel kundizzjoni tat-test fi tliet stadji, li tikkonċerna l-limitazzjoni tal-applikabbiltà tagħhom għal każijiet speċjali. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li l-limitazzjoni permezz tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, tad-dritt ta’ kopja privata biss għall-persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet privati u mhux kummerċjali ssaħħaħ dan ir-rekwiżit.

52.      F’din l-istess perspettiva, il-premessa 38 tad-Direttiva 2001/29 tippreċiża wkoll li, għalkemm l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li japplikaw, permezz ta’ kumpens, l-eċċezzjoni ta’ kopja privata għal ċerti tipi ta’ riproduzzjoni ta’ prodotti awdjo, viżivi u awdjoviżivi għal użu privat, madankollu għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni differenzi li jeżistu bejn kopji privati diġitali u kopji privati analoġiċi u għandha ssir distinzjoni bejniethom f’ċerti aspetti, inkwantu l-produzzjoni ta’ kopji privati fuq mezz diġitali tista’ tkun iktar estiża u jkollha impatt ekonomiku ikbar.

53.      L-eċċezzjoni ta’ kopja privata, li ċertament hija wieħed mill-“każijiet” tal-eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, b’hekk għandha tiġi kkonfigurata mill-Istati Membri applikata mill-qrati nazzjonali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li jirriżultaw mir-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal każijiet speċjali (34).

54.      Bl-istess mod, u kif kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri huma obbligati, meta jagħżlu li jintroduċu l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt nazzjonali tagħhom, li jipprovdu għall-ħlas ta’ kumpens ġust għall-benefiċċju tad-detenturi tad-drittijiet. L-eċċezzjoni ta’ kopja privata ma tistax tiddaħħal mingħajr ma jiġi previst u mingħajr ma jinġabar dak il-kumpens ġust. Il-kumpens meħtieġ mill-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jaqa’ taħt it-tielet kundizzjoni tat-test fi tliet stadji, li jittratta n-neċessità li ma jiġix ikkawżat dannu mhux iġġustifikat għall-interessi leġittimi tat-titolari tad-dritt tal-awturi msemmi fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 (35).

55.      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2001/29 ma fiha ebda riferiment espliċitu għat-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, li tistabbilixxi li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni ma għandhiex tippreġudika l-isfruttament normali(36) tax-xogħlijiet jew oġġetti protetti. Din il-kawża b’hekk tagħti l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddikjara l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward (37), waqt li tispira ruħha kemm jista’ jkun mill-prassi internazzjonali (38).

56.      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tingħata risposta konkreta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju.

3.      Fuq il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata għar-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi leċiti

57.      Għandna nitilqu mill-konstatazzjoni li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 ma jagħtix preċiżazzjonijiet espliċiti li jindikaw jekk l-eċċezzjoni ta’ kopja privata tistax tapplika għar-riproduzzjonijiet kollha, kemm jekk ikunu magħmula minn sorsi leċiti jew illeċiti, jew jekk tistax, għall-kuntrarju, tapplika biss għar-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi leċiti. Barra minn hekk, u kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, la l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva u lanqas xi dispożizzjoni oħra tagħha ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “riproduzzjoni” (39) li jinsab fl-Artikolu 2 tagħha, hekk kif ma tiddefinixxix il-kunċetti ta’ “riproduzzjoni parzjali” (40), “remunerazzjoni” (41), “remunerazzjoni ġusta” (42) jew “kumpens ġust” (43) li jinsabu fl-Artikolu 5 tagħha, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” imsemmi fl-Artikolu 3(1) (44) tagħha jew inkella l-espressjoni “permezz tal-faċilitajiet tagħhom” li tinsab fl-Artikolu 5(2)(d) tagħha (45).

58.      Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħmlu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri biex jiddeterminaw is-sens u l-portata tagħhom, peress li kemm l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza (46) jeżiġu li dan il-kunċett jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (47), li għandha tinstab billi jitqiesu mhux biss il-kliem tad-dispożizzjonijiet li jużaw, iżda wkoll il-kuntest li fihom jinsabu dawn tal-aħħar u l-għan segwit mir-regolamentazzjoni li minnha jagħmlu parti (48), jew saħansitra d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni pertinenti (49). Il-ġeneżi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tiżvela wkoll elementi pertinenti għall-interpretazzjoni tagħhom (50).

59.      Barra minn hekk, l-atti tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn hu possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali (51), b’mod partikolari meta jkunu intiżi preċiżament biex jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità (52).

60.      Il-premessa 15 tad-Direttiva 2001/29 tippreċiża, f’dan ir-rigward, li din tal-aħħar hija intiża li timplementa l-obbligi internazzjonali li jirriżultaw mill-adozzjoni tad-WCT mill-Unjoni (53), b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-mezzi tal-ġlieda kontra l-piraterija fuq skala globali fl-univers diġitali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29, l-Unjoni kienet issostitwixxiet ruħha għall-Istati Membri biex timplementa d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna (54).

61.      F’dan il-każ, id-Direttiva 2001/29 tiddefinixxi l-kamp tal-atti koperti bid-dritt ta’ riproduzzjoni (55) u tinkludi lista eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ dak id-dritt (56). Hija tindika, barra minn hekk, li l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jipprovdu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti tipi ta’ riproduzzjoni ta’ prodotti awdjo, viżivi jew awdjoviżivi għal użu privat, b’kumpens ġust (57), waqt li huwa ppreċiżat, kif diġà rrilevajt, li huma għandhom, minn naħa, jieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li jeżistu bejn kopji privati diġitali u kopji privati analoġiċi (58) u, min-naħa l-oħra, l-iżviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi meta jkunu jeżistu mezzi tekniċi ta’ protezzjoni effikaċi (59).

62.      Barra minn hekk, hija tippreċiża li l-kumpens ġust imsemmi fl-Artikolu 5(2)(b) huwa intiż biex jikkumpensa lid-detenturi tad-drittijiet, “b’mod adegwat”, għall-użu li jsir mix-xogħlijiet tagħhom jew oġġetti protetti oħra abbażi u bis-saħħa tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata (60). Barra minn hekk, il-forma, il-modalitajiet u l-livell eventwali ta’ dak il-kumpens għandhom jiġu ddeterminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, li jistgħu jiġu evalwati fuq il-bażi tad-dannu mġarrab mid-detentur tad-drittijiet (61).

63.      B’hekk, wieħed jista’ jiddeduċi mit-test tad-Direttiva 2001/29 li hija ż-żamma jew l-introduzzjoni mill-Istati Membri tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata li toħloq id-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet li dak il-kumpens ġust huwa meqjus li jikkumpensa b’mod adegwat (62). Min-naħa l-oħra, ma hemm ebda indikazzjoni espliċita li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk din tapplikax biss għar-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi leċiti jew jekk tistax tapplika wkoll għar-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi illeċiti.

64.      Madankollu, u għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Olandiż, din l-impreċiżazzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala l-manifestazzjoni deliberata (63) tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprovdi għall-impożizzjoni tal-kumpens ġust fuq ir-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi illeċiti. Tali interpretazzjoni ma għandha ebda bażi fid-Direttiva 2001/29 u tmur kontra, b’mod iktar fundamentali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(5) tagħha, u kontra r-rekwiżiti tat-test fi tliet stadji li huwa jippreskrivi, b’mod konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

65.      Il-Gvern Olandiż jinvoka, għall-finijiet li tiġi stabbilita din ir-rieda deliberata tal-leġiżlatur tal-Unjoni, il-kliem tal-Artikoli 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, li jirreferi għal-legalità tas-sorsi tar-riproduzzjonijiet, tal-Artikolu 5(3)(e) (64)u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva li ma jirreferux, għalihom, jew inkella għad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (65).

66.      L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għall-kwotazzjonijiet li jsiru għal finijiet b’mod partikolari ta’ kritika jew analiżi, iżda biss jekk, inter alia, ix-xogħol jew oġġett protett ikun diġà tqiegħed legalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

67.      L-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi, min-naħa l-oħra, eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni fil-każ tal-użu ta’ xogħol jew oġġett protett għal finijiet ta’ sigurtà pubblika jew biex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ proċeduri amministrattivi, parlamentari jew ġudizzjarji, mingħajr ebda riferiment għal-legalità tas-sors.

68.      L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu, fin-nuqqas ta’ miżuri volontarji adottati f’dan is-sens mid-detenturi tad-dritt, miżuri xierqa biex jiggarantixxu li l-benefiċjarji tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 ikunu jistgħu jgawdu minnhom. Madankollu, it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 4, li jikkonċerna l-unika eċċezzjoni ta’ kopja privata, huwa distint mill-ewwel subparagrafu (66) inkwantu ma jagħmel ebda riferiment għal-legalità tal-aċċess għax-xogħol jew għall-oġġett protett.

69.      Finalment, id-Direttiva 91/250 tistabbilixxi l-prinċipju tad-dritt esklużiv tal-awtur tal-programm tal-kompjuter li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni ta’ dan tal-aħħar waqt li jipprovdi eċċezzjoni għall-finijiet ta’ kopja ta’ salvagwardja li hija miftuħa biss għall-“akkwirent leġittimu”(67).

70.      Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-portata tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata ma jistgħux jiġu ddefiniti b’riferiment għad-dispożizzjonijiet applikabbli għal kuntesti totalment differenti u li jsegwu skopijiet partikolari għalihom.

71.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu, bħala eċċezzjoni (68) għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tad-detentur ta’ drittijiet iggarantit mill-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, ikun suġġett għal interpretazzjoni stretta. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata ma jistax, madankollu, jiġi estiż għal sitwazzjonijiet mhux previsti espressament fid-Direttiva 2001/29 (69).

72.      Fi kwalunkwe każ, l-interpretazzjoni li jiddefendi l-Gvern Olandiż tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, interpretati fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Berna, tad-WCT u tal-Ftehim TRIPS, u b’mod partikolari l-kundizzjoni dwar in-neċessità li ma jiġix ippreġudikat l-isfruttament normali tax-xogħol jew tal-oġġett protett.

73.      Is-Stichting de Thuiskopie kif ukoll il-Gvern Olandiż u Awstrijak isostnu f’dan ir-rigward, essenzjalment, li leġiżlazzjoni li tawtorizza l-ġbir tal-ħlas għal kopja privata fuq ir-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi illeċiti jikkostitwixxi, fl-assenza ta’ kwalunkwe miżura teknika affidabbli li tippermetti li jiġu ostakolati b’mod effikaċi l-pubblikazzjoni jew it-tixrid ta’ dawn is-sorsi illeċiti u r-riproduzzjoni infinita tagħhom, b’mod partikolari fl-univers diġitali, l-uniku mezz biex jiġi kkumpensat id-dannu mġarrab mid-detenturi ta’ drittijiet. Tali leġiżlazzjoni tikkontribwixxi iktar għall-isfruttament normali tax-xogħlijiet u tal-oġġetti protetti milli leġiżlazzjoni li tipprojbixxi kull riproduzzjoni minn sorsi illeċiti u tiggarantixxi l-bilanċ tad-drittijiet bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti tax-xogħlijiet u tal-oġġetti protetti.

74.      Anki li kieku wieħed kellu jassumi li leġiżlazzjoni ta’ din in-natura tista’, b’mod assolut, tikkostitwixxi risposta leġittima u adegwata għall-ksur tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati li jirriżulta mit-tixrid illeċitu ta’ kopji ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti fuq l-Internet u r-riproduzzjoni tagħhom, huwa madankollu paċifiku li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata ma ġietx stabbilita għal dak l-iskop u huwa eskluż li tista’ tkun, għaliex inkella nkunu qegħdin inpoġġu f’dubju l-bażi stess li fuqhom hija bbażata, u dan indipendentement minn jekk jeżistux jew le miżuri tekniċi li jippermettu li jiġu miġġielda b’mod effikaċi l-produzzjoni u t-tixrid ta’ kopji illeċiti ta’ xogħlijiet jew oġġetti protetti.

75.      Qabel kollox, f’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-għeruq tal-argument tal-Gvern Olandiż jinsabu fil-fatt li l-liġi Olandiża tittollera t-tniżżil (“downloading”) ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti li jitpoġġew illegalment fuq l-Internet iżda ma tippermettix li wieħed itella’ (“uploading”) dawn ix-xogħlijiet jew oġġetti protetti. B’dan il-mod, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jiffavorixxi indirettament iżda neċessarjament it-tixrid massiv ta’ prodotti li jirriżultaw mill-isfruttament ta’ xogħlijiet u oġġetti protetti li f’ebda każ ma jista’ jitqies bħala normali, jiġifieri l-kawża nfisha tal-fenomenu tal-konsegwenzi dannużi għad-detenturi tad-drittijiet li l-Istat Membru għandu l-intenzjoni li jirrimedja. In-nuqqas ta’ teħid bis-serjetà tat-tniżżil ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti li jixxerdu illegalment fuq l-Internet bilfors jippreġudika l-isfruttament normali tagħhom.

76.      Barra minn hekk, huwa dubjuż li l-impożizzjoni ta’ ħlas għal kopja privata, fil-kunċett attwali tagħha, tista’ b’xi mod tikkumpensa b’mod adegwat għan-nuqqas ta’ qligħ li jirriżulta għad-detenturi tad-drittijiet tat-tixrid massiv tax-xogħlijiet u ta’ oġġetti protetti tagħhom fuq l-Internet bi ksur tad-drittijiet esklużivi tagħhom ta’ riproduzzjoni, ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (70) jew ta’ distribuzzjoni (71).

77.      Mingħajr ma tiġi ddefinita mill-ġdid fil-fond ir-raġunament innifsu wara l-eċċezzjoni ta’ kopja privata u l-modalitajiet prinċipali tad-determinazzjoni tal-kumpens ġust li għandha takkumpanjaha, bil-konsegwenzi kollha li dan jinvolvi, ir-rikavat mill-ħlas għal kopja privata ma huwiex ta’ tali natura li jikkumpensa t-telf tad-dħul li kien jiġġenera l-isfruttament normali tax-xogħlijiet tagħhom fuq l-Internet. Ikun meħtieġ li tiġi effettivament prevista, b’mod partikolari, żieda kunsiderevoli fl-ammont tal-kumpens li kull utent ta’ mezz għandu jħallas, minkejja li ma jkun qatt jagħmel riproduzzjonijiet minn sorsi illeċiti, bir-riskju li jinkiser il-bilanċ tad-drittijiet bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti ta’ xogħlijiet u ta’ prodotti protetti.

78.      L-idea, li tressqet mill-Gvern Olandiż, li l-impożizzjoni tal-ħlas għal kopja privata fuq ir-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi illeċiti tirrispetta iktar, barra minn hekk, id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata tal-utenti ta’ xogħlijiet u ta’ oġġetti protetti mill-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll tal-użu tax-xogħlijiet tagħhom fl-isfera privata tal-imsemmija utenti (72), billi tiggarantixxi l-aħjar bilanċ bejn id-drittijiet, ma tistax twassal biex tinqaleb din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29. F’dan ir-rigward, għandu jiġi sempliċement osservat li ma teżistix rabta neċessarja bejn esklużjoni tal-applikabbiltà tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata għar-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi illeċiti u ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-utenti (73).

79.      Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda paragrafu (a) tal-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata li prevista minnu għandha tapplika biss għar-riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti abbażi tad-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati magħmula minn sorsi leċiti.

VI – Fuq il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax jiddeċiedi li jimponi ħlas għal kopja privata fuq ir-riproduzzjonijiet magħmula minn kopji illeċiti [it-tieni domanda paragrafu (b)]

80.      Fil-kuntest tat-tieni domanda tagħha paragrafu (b), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ dispożizzjoni nazzjonali li timponi l-ġbir ta’ kumpens ġust għal kopja privata indipendentement mill-fatt jekk il-produzzjoni ta’ riproduzzjonijiet tkunx leċita jew le hijiex kumpatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

81.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li din il-possibbiltà ma tistax tiġi aċċettata.

82.      Minn naħa, u indipendentement anki mill-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2001/29 għamlitx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata (74), possibbiltà tali taffettwa b’mod sinjifikattiv wieħed mill-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2001/29, li huwa relatat mal-applikazzjoni koerenti tal-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet eżawrjenti tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni li hija tipprovdi (75). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li dan l-għan jiġi ppreġudikat li kieku l-Istati Membri kellhom ikunu ħielsa li jippreċiżaw b’mod inkoerenti u mhux armonizzat il-parametri tal-kumpens ġust (76). Kif tosserva l-Kummissjoni, din il-miżura tasal biex toħloq kumpens sui generis għar-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi illeċiti.

83.      Min-naħa l-oħra, u fuq kollox, ir-rikonoxximent ta’ tali possibbiltà jmur doppjament kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29. Fl-ewwel lok, jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata ferm lil hinn mill-każ speċjali ddefinit minn din id-direttiva, bi ksur tal-ewwel kundizzjoni stipulata minn din id-dispożizzjoni. Fit-tieni lok, indirettament tilleġittima l-azzjoni li tippreġudika l-isfruttament normali tax-xogħlijiet u tal-oġġetti protetti, bi ksur totali tat-tieni kundizzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, u b’hekk tkisser ukoll il-bilanċ ġust li din tal-aħħar tistabbilixxi bejn id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni rikonoxxut għad-detenturi tad-drittijiet u l-benefiċjarji tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata.

84.      Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda paragrafu (b) tal-qorti tar-rinviju tkun li, fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata li l-Istati Membri huma awtorizzati jipprovdu skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, Stat Membru jista’ jimponi l-ħlas li għandu jakkumpanja r-riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti abbażi tad-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati biss jekk ikunu magħmula minn sorsi leċiti.

VII – Fuq il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2004/48 tapplikax għall-proċedura fil-kawża prinċipali (it-tielet domanda)

85.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2004/48, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha (77), japplikawx għall-proċedura fil-kawża prinċipali.

86.      Fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, l-imsemmija qorti tiddikjara li, fil-kuntest tal-appell inċidentali tagħha fil-kassazzjoni, Thuiskopie talbet kumpens għall-ispejjeż kollha fuq il-bażi tal-Artikolu 1019h tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tal-Pajjiżi l-Baxxi, li huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48. Għalkemm ċertament it-talbiet tas-Stichting de Thuiskopie ma jidhrux li jirriżultaw minn ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, billi ssostni l-idea li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 japplika għar-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi illeċiti, hija qiegħda ssostni forma ta’ difiża ta’ dawk id-drittijiet.

87.      Bl-eċċezzjoni tas-Stichting de Thuiskopie, il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet ikkonkludew li d-Direttiva 2004/48 ma hijiex applikabbli għall-proċedura fil-kawża prinċipali.

88.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm, fid-dawl tas-suġġett (78) u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (79), l-għan ġenerali tad-Direttiva 2004/48 kien li jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali (80), madankollu dan ma huwiex intiż biex jirregola l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali iżda huwa intiż biex jirregola dawk li huma inerenti, minn naħa, għall-ħarsien ta’ dawk id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, għall-ksur ta’ dawn tal-aħħar, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji legali effikaċi intiżi biex jipprevjenu, iwaqqfu jew jirrimedjaw kull ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali eżistenti (81).

89.      Minn din il-perspettiva, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 huwa intiż biex isaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali billi jevita li parti leża taqta’ qalbha milli tiftaħ proċedura ġudizzjarja għall-finijiet li tissalvagwardja d-drittijiet tagħha (82), liema fatt jimplika li l-awtur tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandu ġeneralment ibati totalment il-konsegwenzi finanzjarji tal-aġir tiegħu (83).

90.      F’din il-kawża, għalkemm it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna, ċertament b’mod ferm ġenerali, id-difiża tal-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, inkwantu jirrigwarda l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, il-kontestazzjoni oriġinali tibqa’ madankollu totalment estranea għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48. Fil-fatt, ir-rikors li ta lok għal din il-kawża ma ġietx ippreżentat minn detenturi ta’ drittijiet (84), bil-għan li jiżguraw id-difiża tal-imsemmija drittijiet (85), iżda minn operaturi ekonomiċi li ġew mitluba jħallsu l-kumpens stabbilit minn Stat Membru bħala kumpens ġust bl-eċċezzjoni ta’ kopja privata stabbilita minnu.

91.      Għaldaqstant nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda preliminari li saret mill-qorti tar-rinviju tkun li tiddikjara bi dritt li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal kwistjoni li, bħal dik fil-kawża prinċipali, ma tkunx tikkonċerna d-difiża fiha nnifisha, mid-detenturi ta’ drittijiet, tal-imsemmija drittijiet.

VIII – Konklużjoni

92.      Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden:

1)      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata li jipprevedi tapplika biss għar-riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet jew oġġetti protetti abbażi tad-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati magħmula minn sorsi leċiti.

2)      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata li l-Istati Membri huma awtorizzati jipprovdu skont din id-dispożizzjoni, Stat Membru jista’ jimponi l-ħlas li għandu jakkumpanja r-riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet jew oġġetti protetti abbażi tad-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati biss jekk ikunu magħmula minn sorsi leċiti.

3)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal kawża li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tkunx tikkonċerna d-difiża fiha nnifisha, mid-detenturi tad-dritt tal-awtur jew drittijiet relatati, ta’ dawk id-drittijiet.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C‑467/08, Ġabra p. I‑10055); tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie (C‑462/09, Ġabra p. I‑5331); tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan (C‑277/10); tas-26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark (C‑510/10), u tas-27 ta’ Ġunju 2013, VG Wort (C‑457/11 sa C‑460/11).


3 –      Iktar ’il quddiem id-“detenturi ta’ drittijiet”.


4 –      Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha domandi simili ħafna f’żewġ kawżi li attwalment jinsabu pendenti, jiġifieri, it-tieni domanda preliminari fil-kawża UPC Telekabel Wien (C-314/12) u l-ewwel domanda preliminari (paragrafu f) fil-kawża Copydan Båndkopi (C‑463/12). Fl-ewwel kawża, li fiha tajt il-konklużjonijiet tiegħi fis-26 ta’ Novembru 2013, jiena kont tal-fehma li ma kienx neċessarju li tingħata risposta għal dik id-domanda sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi l-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, is-seduta fit-tieni kawża hija appuntata għas-16 ta’ Jannar 2014, u l-konklużjonijiet tiegħi għandhom jiġu ppreżentati wara.


5 – Din il-kwistjoni tqum ukoll barra mill-Unjoni Ewropea. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Federali tal-Kanada, tal-31 ta’ Marzu 2004, BMG Canada inc vs Doe, 2004 FC 488, [2004] 3 FCR 241, li ddikjarat ruħha favur l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-użu privat għall-iskambju ta’ fajls fuq l-Internet u b’mod iktar speċifiku għat-tniżżil ta’ xogħlijiet fuq is-siti “peer-to-peer”; din id-deċiżjoni madankollu ġiet invalidata mis-sentenza tal-Qorti Federali tal-Appell tal-Kanada, tad-19 ta’ Mejju 2005, BMG Canada inc v. Doe, 2005 FCA 193, [2005] 4 RCF 81; punti50-52.


6 – Effettivament f’ċerti Stati Membri (ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja), il-liġi li tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 teskludi l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata għar-riproduzzjonijiet magħmula minn sorsi illeċiti. Ara Westkamp, G., The Implementation of Directive 2001/29/EC in the Member States, parti II, Frar 2007 (http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/docs/studies/infosoc-study-annex_en.pdf); u Commission Staff Working Document, Report to the Council, the European Parliament and the Economic and Social Committee on the Application of Directive 2001/29/EC on the harmonization of certain aspects of copyright and related rights in the information society, 30 ta’ Novembru 2007 [SEC (2007) 1556]. Fl-Irlanda u fir-Renju Unit, l-eċċezzjoni ta’ kopja privata ma teżistix; fir-rigward tas-sitwazzjoni fir-Renju Unit, ara Torremans, P. L. C., “L’exception de copie privée au Royaume-Uni”, f’Lucas A., et, Les exceptions au droit d’auteur – États des lieux et perspectives dans l’Union européenne, Dalloz, 2012, p. 95.


7 – Għal Franza, ara, b’mod partikolari, Conseil d’État, 11 ta’ Lulju 2008, Syndicat de l’industrie de matériels audiovisuels, nru 298779, ECLI:FR:CESSR:2008:298779.20080711; RIDA, Lulju 2008, nru 217, p. 279; dwar l-iżviluppi li seħħew wara din is-sentenza, ara Sirinelli, P., Chronique de jurisprudence, RIDA, Jannar 2013, nru 235, p. 275; għal ħarsa lejn il-ġurisprudenza tal-qrati ċivili, ara Thoumyre, L., “Peer-to-peer: l’exception pour copie privée s’applique bien au téléchargement”, Revue Lam de l’immatériel, Lulju-Awwissu 2005, p. 23.


8 – Ara, madankollu, il-punt 78 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak tal-11 ta’ Mejju 2010 fil-kawża li tat lok għas-sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq.


9 – Għal panorama tal-pożizzjonijiet u l-argumenti, ara, b’mod partikolari, Colin, C., “Étude de faisabilité de systèmes de licences pour les échanges d’œuvres sur Internet”, Rapport għa SACD/SCAM – il-Belġju, 16 ta’ Settembru 2011, CRIDS (http://www.crids.eu/recherche/publications/textes/synthese-sacd-scam.pdf/at_download/file); u More, K., Les dérogations au droit d’auteur – L’exception de copie privée, Presses universitaires de Rennes, 2009, p. 101.


10 – Huma b’mod partikolari pertinenti d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) u (2) tagħha, li jiddefinixxu d-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi protetti u l-eċċezzjonijiet tiegħu.


11 – Skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-protokoll 28 dwar il-proprjetà intellettwali tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), il-partijiet kontraenti ntrabtu li jaderixxu mal-konvenzjoni ta’ Berna qabel l-1 ta’ Jannar 1995. Ara wkoll il-punt 1 tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 1992, li tirrigwarda t-tisħiħ tal-protezzjoni tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati (ĠU 1992, C 138, p. 1). Għall-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ nuqqas minn dan l-obbligu ta’ adeżjoni, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑13/00, Ġabra p. I‑2943).


12 – ĠU L 336, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”.


13 – ĠU L 89, p. 6, iktar ’il quddiem id-“WCT”.


14 – L-Artikolu 9(1) tal-Ftehim TRIPS jagħmel riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Berna, u l-Artikolu 13 tiegħu essenzjalment jirriproduċi t-termini tal-Artikolu 9 ta’ din tal-aħħar. L-Artikolu 1(4) tad-WCT ukoll jagħmel riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Berna u l-Artikolu 10 tagħha jirriproduċi wkoll is-sustanza tal-Artikolu 9 tal-imsemmija konvenzjoni. Ara wkoll, annessi mal-imsemmi WCT, id-dikjarazzjonijiet komuni adottati mill-konferenza diplomatika fl-20 ta’ Diċembru 1996.


15 – Li għandhom jiġu interpretati fid-dawl, b’mod partikolari, tal-premessi  21, 22, 32, 38, 39, 44 u 52 tal-imsemmija direttiva.


16 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.


17 – Iktar ’il quddiem is-“SONT”.


18 – Kawża 246698/HA ZA 05-2233, LJN BD5690.


19 – Kawża 200.018.226/01, LJN BO3982.


20 – Il-qorti tar-rinviju tippreżenta hija stess ir-risposta għat-tieni domanda bħala sussidjarja u subordinata għar-risposta għall-ewwel domanda.


21 – Enfasi miżjuda minni.


22 – Id-Direttiva 2001/29 ma tużax l-espressjoni “dritt ta’ kopja privata”, u b’hekk tirrifjuta li tidħol fil-polemika dottrinali dwar in-natura tal-eċċezzjoni tal-kopja privata. Ara b’mod partikolari Sirinelli, P., La reconnaissance d’une garantie d’exception privée, Revue Lamy Droit de l’immatériel, Ottubru 2006, p. 21; ara, ukoll, ir-rendikont ta’ More, K., op. cit., p. 85 et seq, li jipproponi li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata titqies f’termini ta’ “interess leġittimu protett ġuridikament”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2001/29 timponi, f’ċerti ċirkustanzi, li l-Istati Membri li għażlu li jdaħħlu l-eċċezzjoni ta’ kopja privata jistabbilixxu, fi żmien raġonevoli, miżuri li jippermettu lill-persuni fiżiċi jibbenefikaw minnhom; ara l-premessa 52 u l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2001/29.


23 – Enfasi miżjuda minni.


24 – Ara l-premessa 32 tad-Direttiva 2001/29; sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq (punti 41 u 42).


25 – L-obbligu ta’ ġbir huwa obbligu ta’ riżultat; ara s-sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34).


26 – Ara s-sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq (punti 43 u 44)


27Ibidem (punti 46 sa 49).


28Ibidem (punti 51 sa 59).


29 – Ara wkoll l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120), kif emendata mill-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2001/29,


30 – Ara s-sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq (punti 19 sa 21).


31 – Dawn diġà kienu jinsabu fil-proposti tal-Kummissjoni; ara l-proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni [COM(97) 628 finali, ĠU 1998 C 108 p. 6]; kif ukoll il-proposta emendata ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, [COM(1999) 250 finali, ĠU 1999 C 180, p. 6].


32 – Din ir-rabta bejn dawn id-dispożizzjonijiet tirriżulta wkoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2001/29 u mill-premessa 52 tagħha.


33 – Ara, f’dan is-sens, More, K., op. cit., p. 48 et seq.; Senftleben, M., “Ni flexibilité ni sécurité juridique-Les exceptions au regard du triple test”, f’Lucas., A., et, Les exceptions au droit d’auteur - État des lieux et perspectives dans l’Union européenne, Dalloz, 2012, p. 63.


34 – Ara, f’dan is-sens, Gaubiac, Y., “La copie privée est-elle un cas spécial”, fi Droit et technique– Études à la mémoire du professeur Xavier Linant de Bellefonds, Lexis Nexis, 2007, p. 181.


35 – Ara s-sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22.


36 – Enfasi miżjuda minni.


37 – Dwar il-kontroversja relatata mal-interpretazzjoni tat-test fi tliet stadji, u b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet li jimponi għandhomx jitqiesu bħala kumulattivi jew le, liema kwistjoni ma teħtieġx neċessarjament li tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ din il-kawża, ara b’mod partikolari Ficsor, M., “Le test des trois étapes: pourquoi on ne signe pas la Déclaration de Munich”, f’Lucas., A., et, Les exceptions au droit d’auteur - États des lieux et perspectives dans l’Union européenne, Dalloz, 2012, p. 55.


38 – B’mod partikolari, jista’ jiġi ċċitat ir-Rapport tal-Grupp Speċjali tad-WTO, tal-15 ta’ Ġunju 2000, L-Istati Uniti – Artikolu 110 5) tal-Liġi dwar id-Dritt tal-Awtur, WT/DS160/R. Ir-rapport jindika, b’mod partikolari (§ 6.181) li “l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet [huma] preżunti li ma jmorrux kontra l-isfruttar normali ta’ xogħlijiet jekk ikunu ristretti għal portata jew grad li ma jikkostitwixxix kompetizzjoni kontra l-użu ekonomiku li ma jibbenefikax minn dawn l-eċċezzjonijiet”. Ir-rapport jikkwota b’mod partikolari s-suġġerimenti li saru minn grupp ta’ studju kkostitwit għat-tħejjija tal-Konferenza għar-reviżjoni tal-Konvenzjoni ta’ Berna li saret fi Stokkolma fl-1967, li jippreċiżaw li: “huwa evidenti li bħala prinċipju għandhom jiġu rriżervati għall-awturi kull forma ta’ sfruttament ta’ xogħol li jkollhom, jew li jista’ jkollhom importanza ekonomika jew prattika konsiderevoli. Ma humiex aċċettabbli eċċezzjonijiet li jkunu ta’ tali natura li jirrestrinġu l-possibiltajiet miftuħa għall-awturi taħt dawn id-diversi relazzjonijiet”.


39 – Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, Ġabra p. I‑6569, punt 31), kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra p. I‑9083, punt 154).


40 – Ara s-sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq (punti 27 sa 29, 31 et seq.).


41 – Ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, VEWA (C‑271/10, Ġabra p. I‑5815, punt 25).


42 – Ara s-sentenza tas-6 ta’ Frar 2003, SENA (C‑245/00, Ġabra p. I‑1251, punt 24).


43 – Ara s-sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq (punti 29 sa 32).


44 – Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, Ġabra 2006 p. I‑11519, punti 31 u 33 et seq); Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 184), kif ukoll tal-24 ta’ Novembru 2011, Circul Globus Bucureşti (C‑283/10, Ġabra p. I‑12031, punti 31 u 32).


45 – Ara s-sentenza DR u TV2 Danmark, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34).


46 – Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro (327/82, Ġabra p. 107, punt 11); tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, Ġabra p. I‑6917, punt 43); Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27); Vereniging van Educatieve en Wetenschappelijke Auteurs, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25); DR u TV2 Danmark, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33).


47 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li dawn ir-rekwiżiti huma meħtieġa b’mod iktar partikolari fir-rigward tad-Direttiva 2001/29, fid-dawl tal-kliem tal-premessi 6 u 21 tagħha; ara s-sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28). Din l-interpretazzjoni uniformi hija wkoll kundizzjoni għall-applikazzjoni koerenti, mill-Istati Membri, tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet għad-Direttiva 2001/29, imsemmija fil-premessa 32 tagħha; ara s-sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).


48 – Ara b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, Ġabra p. 3781, punt 12)


49 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, Ġabra p. 3415, punt 20), kif ukoll tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, punt 50).


50 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, punt 135), kif ukoll Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 50). Ara wkoll is-sentenza Circul Globus Bucureşti, iċċitata iktar ’il fuq (punti 34 u 35)


51 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32), u tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, punt 42).


52 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati (C‑341/95, Ġabra p. I‑4355, punt 20); tas-17 ta’ April 2008, Peek & Cloppenburg (C‑456/06, Ġabra p. I‑2731, punt 30), kif ukoll SGAE, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).


53 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken (C‑479/04, Ġabra p. I‑8089, punt 39).


54 – Ara s-sentenza DR u TV2 Danmark, iċċitata iktar ’il fuq.


55 – Ara l-premessa 21 u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29.


56 – Ara l-premessa 32 u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29.


57 – Ara l-premessa 38 tad-Direttiva 2001/29.


58Idem.


59 – Ara l-premessa 39 tad-Direttiva 2001/29.


60 – Ara l-premessi 35 u 38 tad-Direttiva 2001/29. Enfasi miżjuda minni.


61 – Din hija r-raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kumpens ġust imsemmi fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu neċessarjament jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-dannu kkawżat lill-awturi ta’ xogħlijiet protetti permezz tal-introduzzjoni tal-eċċezzjoni tal-kopja privata; ara s-sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq (punti 38 sa 42) (enfasi miżjuda minni).


62 – Huwa wkoll, b’mod preċiż ħafna, dak li ddeċieda fi Franza l-Conseil d’État fir-rigward tal-Artikoli L. 122‑5 u L. 311 tal-code de la propriété intellectuelle, li jittrasponu l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29: “l-uniku skop tal-ħlas għal kopja privata huwa li tikkumpensa, għall-awturi, artisti‑interpreti u produtturi, it-telf ta’ dħul ikkawżat mill-użu li jsir legalment u mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom ta’ kopji ta’ xogħlijiet iffissati fuq fonogrammi jew vidjogrammi għal finijiet strettament privati”; ara Conseil d’État, 11 ta’ Lulju 2008, Syndicat de l’industrie de matériels audiovisuels, nru 298779, ECLI:FR:CESSR:2008:298779.20080711; RIDA, Lulju 2008, nru 217, p. 279; dwar l-iżviluppi wara dik is-sentenza, ara Sirinelli, P., Chronique de jurisprudence, op. cit. p. 275.


63 – Barra minn hekk tali intenzjoni lanqas ma tirriżulta mill-ħidmiet preparatorji għall-adozzjoni tad-Direttiva 2001/29.


64 – L-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni fil-każ tal-użu ta’ xogħol jew oġġett protett għal finijiet ta’ sigurtà pubblika jew sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ proċeduri amministrattivi, parlamentari jew ġudizzjarji, mingħajr ma jsir riferiment għal-legalità tas-sors.


65 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114.


66 – Dan is-subparagrafu jirrigwarda l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2)(a), (c), (d) u (e), u fl-Artikolu 5(3)(a), (b) jew (e) tad-Direttiva 2001/29.


67 – Għandu jiġi osservat li testi oħrajn jirreferu wkoll għall-“utent leġittimu”; ara l-premessi 49 u 51 kif ukoll l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459)


68 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq (punt 55) u l-ġurisprudenza ċċitata.


69 – Ara, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni previsti fid-Direttiva 2001/29, is-sentenza Luksan, iċċitata iktar ’il fuq (punt 101). Ara wkoll, f’oqsma oħra, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2013, HK Danmark (C‑476/11, punti 46 u 47) u Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, punti 41 u 42).


70 – Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29.


71 – Artikolu 4 tal-istess direttiva.


72 – L-eċċezzjoni tal-kopja privata tista’ tiġi ppreżentata fis-sens li ġiet stabbilita preċiżament biex tneħħi minn taħt il-monopolju tad-detentur tad-drittijiet il-kopji magħmula mill-utenti li kontrihom ma tistax issir oppożizzjoni jekk mhux bi ksur tal-privatezza : ara Gaubiac, Y., op.cit., kif ukoll More, K., op. cit., p. 79 et seq.


73 – Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari, ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jikkomunikaw tagħrif personali bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-dritt tal-awtur fil-kuntest ta’ proċedura ċivili; ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, Ġabra p. I‑271).


74 – Ara, f’dan ir-rigward, il-pariri diverġenti tal-Avukati Ġenerali Trstenjak (punti 102 sa 106 tal-konklużjonijiet tal-11 ta’ Mejju 2010 fil-kawża li tat lok għas-sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq) u Jääskinen (punt 44 tal-konklużjonijiet tal-10 ta’ Marzu 2011 fil-kawża li tat lok għas-sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq).


75 – Ara l-premessa 32 tad-Direttiva 2001/29.


76 – Ara s-sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).


77 – Dan l-Artikolu, bit-titolu “L-ispejjeż legali” jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proporzjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun ekwità”.


78 – L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/48 jippreċiża li din “tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”.


79 – L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/48 jippreċiża li din tapplika “għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”, kemm jekk tkun ipprovduta bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u/jew dik ta’ Stat Membru.


80 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland (C‑406/09, Ġabra p. I‑9773, punt 47).


81 – Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Bericap Záródástechnikai, C‑180/11 (punt 75).


82 – Ara s-sentenza Realchemie Nederland, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48).


83Ibidem (punt 49).


84 – Ara s-sentenza Bericap Záródástechnikai, iċċitata iktar ’il fuq (punt 78).


85Ibidem (punt 79).