Language of document : ECLI:EU:T:2011:360

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Lulju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Parteċipazzjoni fl-akkordju – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Multi – Gravità u tul tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti”

Fil-Kawża T‑53/07,

Trade-Stomil sp. z o.o., stabbilita f’Łódź (il-Polonja), irrappreżentata minn F. Carlin, barrister, u E. Batchelor, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn X. Lewis u V. Bottka, sussegwentement minn Bottka u V. Di Bucci, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, għal dak li jikkonċerna lil Trade-Stomil sp. z o.o., tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni), jew, sussidjarjament, għall-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuq Trade-Stomil,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Dehousse (Relatur), li qed jaġixxi bħala President, I. Wiszniewska-Białecka u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006 (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) meta pparteċipaw f’akkordju fis-suq tal-prodotti msemmija iktar ’il fuq.

2        L-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma:

–        Bayer AG, stabbilita f’Leverkusen (il-Ġermanja);

–        The Dow Chemical Company, stabbilita f’Midland, Michigan (l-Istati Uniti) (iktar ’il quddiem “Dow Chemical”);

–        Dow Deutschland Inc., stabbilita f’Schwalbach (il-Ġermanja);

–        Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH (li kienet Dow Deutschland GmbH & Co. OHG), stabbilita f’Schwalbach;

–        Dow Europe, stabbilita f’Horgen (l-Isvizzera);

–        Eni SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja);

–        Polimeri Europa SpA, stabbilita fi Brindisi (l-Italja) (iktar ’il quddiem “Polimeri”);

–        Shell Petroleum NV, stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi);

–        Shell Nederland BV, stabbilita f’Den Haag;

–        Shell Nederland Chemie BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi);

–        Unipetrol a.s., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka);

–        Kaučuk a.s., stabbilita fi Kralupy nad Vltavou (ir-Repubblika Ċeka);

–        Trade-Stomil sp. z o.o., stabbilita f’Łódź (il-Polonja) (iktar ’il quddiem “Stomil”).

3        Dow Deutschland, Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe huma kkontrollati kompletament, direttament jew indirettament, minn Dow Chemical (iktar ’il quddiem, flimkien, “Dow”) (premessi 16 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        L-attività ta’ Eni fir-rigward tal-prodotti kkonċernati inizjalment kienet żgurata minn EniChem Elastomeri Srl, li hija kkontrollata indirettament minn Eni, permezz tas-sussidjarja tagħha EniChem SpA (iktar ’il quddiem “EniChem SpA”). Fl-1 ta’ Novembru 1997, EniChem Elastomeri ġiet amalgamata ma’ EniChem SpA. Eni kienet tikkontrolla 99.97 % minn EniChem SpA. Fl-1 ta’ Jannar 2002, EniChem SpA ttrasferiet l-attività kimika strateġika tagħha (inkluża l-attività marbuta mal-gomma butadiene u mal-gomma styrene-butadiene maħduma bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni) lis-sussidjarja tagħha, Polimeri, li hija 100 % proprjetà tagħha. Eni bdiet tikkontrolla direttament u kompletament lil Polimeri mill-21 ta’ Ottubru 2002. B’effett mill-1 ta’ Mejju 2003, EniChem SpA biddlet isimha għal Syndial SpA (premessi 26 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tuża l-isem “EniChem” b’riferiment għal kull kumpannija proprjetà ta’ Eni (iktar ’il quddiem “EniChem”) (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Shell Nederland Chemie hija sussidjarja ta’ Shell Nederland, li min-naħa tagħha hija kkontrollata totalment minn Shell Petroleum (iktar ’il quddiem, flimkien, “Shell”) (premessi 38 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Kaučuk inħolqot fl-1997, wara l-amalgamazzjoni bejn Kaučuk Group a.s. u Chemopetrol Group a.s.. Fil-21 ta’ Lulju 1997, Unipetrol akkwistat l-attiv, drittijiet u obbligi kollha tal-impriżi li amalgamaw. Unipetrol iżżomm 100 % mill-ishma ta’ Kaučuk (premessi 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, Tavorex s.r.o. (iktar ’il quddiem “Tavorex”), stabbilita fir-Repubblika Ċeka, irrappreżentat lil Kaučuk (u lill-predeċessur tagħha Kaučuk Group) fl-esportazzjoni li saret mill-1991 sat-28 ta’ Frar 2003. Dejjem skont id-deċiżjoni kkontestata, sa mill-1996, Tavorex irrappreżentat lil Kaučuk fil-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Skont id-deċiżjoni kkontestata, Stomil irrappreżentat lill-produttriċi Pollakka Chemical Company Dwory S.A. (iktar ’il quddiem “Dwory”) fl-attivitajiet tagħha ta’ esportazzjoni għal madwar 30 sena, sa mill-inqas is-sena 2001. Dejjem skont id-deċiżjoni kkontestata, Stomil irrappreżentat lil Dwory, bejn l-1997 u l-2000, fil-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Il-perijodu kkunsidrat għat-tul tal-ksur japplika mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Bayer, Eni u Polimeri), mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999 (għal Shell Petroleum, Shell Nederland u Shell Nederland Chemie), mill-1 ta’ Lulju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Dow Chemical), mill-1 ta’ Lulju 1996 sas-27 ta’ Novembru 2001 (għal Dow Deutschland), mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Unipetrol u Kaučuk), mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-22 ta’ Frar 2000 (għal Stomil), mit-22 ta’ Frar 2001 sat-28 ta’ Frar 2002 (għal Dow Deutschland Anlagengesellschaft) u mis-26 ta’ Novembru 2001 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal-Dow Europe) (premessi 476 sa 485 u l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Il-gomma butadiene (iktar ’il quddiem il-“GB”) u l-gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni (iktar ’il quddiem il-“GSB”) huma gomom sintetiċi li jintużaw essenzjalment fil-produzzjoni ta’ tajers. Dawn iż-żewġ prodotti huma reċiprokament sostitwibbli u jistgħu jiġu ssostitwiti wkoll b’gomom sintetiċi oħra kif ukoll b’gomma naturali (premessi 3 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Minbarra l-produtturi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, hemm produtturi oħra li jinsabu fl-Asja u fil-Lvant tal-Ewropa li biegħu kwantitajiet limitati ta’ GB u GSB fit-territorju taż-ŻEE. Barra minn hekk, parti kbira mill-GB hija prodotta direttament mill-produtturi l-kbar tat-tajers (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, Bayer ikkuntattjat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni u esprimiet xewqitha li tikkoopera skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”), fir-rigward tal-GB u tal-GSB. Għal dak li jirrigwarda l-GSB, Bayer ipprovdiet dikjarazzjoni orali li tiddeskrivi kif jaħdem l-akkordju. Din id-dikjarazzjoni orali ġiet irrekordjata fuq kasett (premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fl-14 ta’ Jannar 2003, Bayer ipprovdiet dikjarazzjoni orali li tiddeskrivi kif jaħdem l-akkordju għal dak li jirrigwarda l-GB. Din id-dikjarazzjoni orali ġiet irrekordjata fuq kasett. Bayer ipprovdiet ukoll il-minuti tal-laqgħat tal-kumitat GB tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fil-5 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni nnotifikat lil Bayer bid-deċiżjoni tagħha li tagħtiha l-immunità kundizzjonali mill-multi (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fis-27 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni għamlet żjara ta’ verifika, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 [81 KE] u 86 [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), fil-bini ta’ Dow Deutschland & Co. (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Bejn ix-xahar ta’ Settembru 2003 u x-xahar ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fis-16 ta’ Ottubru 2003, Dow Deutschland u Dow Deutschland & Co. iltaqgħu mad-dipartimenti tal-Kummissjoni u esprimew xewqithom li jikkooperaw skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni. F’dik il-laqgħa, saret preżentazzjoni orali ta’ kif jaħdem l-akkordju għal GB u għal GSB. Din il-preżentazzjoni orali ġiet irrekordjata. Infetaħ ukoll fajl li fih iddaħħlu dokumenti li jirrigwardaw l-akkordju (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fl-4 ta’ Marzu 2005, Dow Deutschland ġiet informata bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċedilha tnaqqis fil-multa ta’ bejn wieħed u ieħor 30 sa 50 % (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fis-7 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura u bagħtet l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata – ħlief għal Unipetrol – kif ukoll lil Dwory. L-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata wkoll fil-konfront ta’ Tavorex, iżda ma ġietx innotifikata lilha, inkwantu Tavorex kienet ilha falluta mix-xahar ta’ Ottubru 2004. Il-proċedura li kienet tikkonċernaha għaldaqstant ingħalqet (premessi 49 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      L-impriżi kkonċernati ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar din l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma kellhom ukoll aċċess għall-fajl, fil-forma ta’ CD-ROM, u għad-dikjarazzjonijiet orali u għad-dokumenti relatati magħhom fl-uffiċċji tal-Kummissjoni (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fit-3 ta’ Novembru 2005, il-Manufacture française des pneumatiques Michelin (iktar ’il quddiem “Michelin”) talbet li tintervjeni. Hija ppreżentat kummenti bil-miktub fit-13 ta’ Jannar 2006 (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fis-6 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward l-impriżi kkonċernati ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub (premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fit-12 ta’ Mejju 2006, Michelin ressqet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Fit-22 ta’ Ġunju 2006, l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, ħlief għal Stomil, kif ukoll Michelin, ħadu sehem fis-seduta quddiem il-Kummissjoni (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fin-nuqqas ta’ provi suffiċjenti dwar il-parteċipazzjoni ta’ Dwory fl-akkordju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura fil-konfront tagħha (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tagħlaq il-proċedura fil-konfront ta’ Syndial (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Barra minn hekk, għalkemm inizjalment kienu ntużaw żewġ numri ta’ każijiet differenti (wieħed għall-GB u l-ieħor għall-GSB) (COMP/E-1/38.637 u COMP/E-1/38.638), il-Kummissjoni użat, wara l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, numru uniku (COMP/F/38.638) (premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fid-29 ta’ Novembru 2006, il-proċedura amministrattiva wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni.

27      Skont l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE, billi pparteċipaw, fil-perijodi indikati, fi ftehim wieħed u kontinwu li fil-kuntest tiegħu huma ftiehmu li jiffissaw il-miri ta’ prezzijiet, li jaqsmu l-klijenti permezz ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u jiskambjaw informazzjoni sensittiva dwar prezzijiet, kompetituri u klijenti fis-setturi tal-GB u tal-GSB:

a)      Bayer, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002;

b)      Dow Chemical, mill-1 ta’ Lulju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002; Dow Deutschland, mill-1 ta’ Lulju 1996 sas-27 ta’ Novembru 2001; Dow Deutschland Anlagengesellschaft, mit-22 ta’ Frar 2001 sat-28 ta’ Frar 2002; Dow Europe, mis-26 ta’ Novembru 2001 sat-28 ta’ Novembru 2002;

ċ)      Eni, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002; Polimeri, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002;

d)      Shell Petroleum, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999; Shell Nederland, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999; Shell Nederland Chemie, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999;

e)      Unipetrol, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002; Kaučuk, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002;

f)      Stomil, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-22 ta’ Frar 2000.

28      Abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u tal-evalwazzjonijiet legali mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq l-impriżi kkonċernati multi li l-ammont tagħhom ġie kkalkulat skont il-metodoloġija esposta fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), kif ukoll fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

29      L-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jimponi l-multi li ġejjin:

a)      Bayer: EUR 0;

b)      Dow Chemical: EUR 64 575 miljun, li minnhom:

i)       EUR 60.27 miljun, in solidum ma’ Dow Deutschland;

ii)      EUR 47 355 miljun, in solidum ma’ Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe;

c)      Eni u Polimeri, in solidum: EUR 272.25 miljun;

d)      Shell Petroleum, Shell Nederland u Shell Nederland Chemie, in solidum: EUR 160 875 miljun;

e)      Unipetrol u Kaučuk, in solidum: EUR 17.55 miljun;

f)      Stomil: EUR 3.8 miljuni.

30      L-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jordna lill-impriżi elenkati fl-Artikolu 1 li jtemmu immedjatament il-ksur deskritt f’dan l-istess artikolu, sa fejn huma mhux diġà għamlu dan, u li ma jirrepetu l-ebda att jew aġir deskritt fl-Artikolu 1, jew xi att jew aġir li jkollu effett jew għan simili.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2007, Stomil ippreżentat din il-kawża.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2009, N. Wahl ġie nnominat biex jikkompleta l-Awla sussegwentement għall-impediment ta’ wieħed mill-membri tagħha.

33      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

34      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet u biex jipprovdulha ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

35      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2009.

36      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-Artikoli 1 sa 4 tagħha, inkwantu hija indirizzata lilha;

–        sussidjarjament:

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu huwa indirizzat lilha,

–        jew temenda l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu huwa indirizzat lilha, b’mod li tannulla jew tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Stomil għall-ispejjeż.

 Id-dritt

38      Ir-rikors ta’ Stomil huwa bbażat fuq erbatax-il motiv. Dawn il-motivi huma intiżi, essenzjalment, li jikkontestaw il-parteċipazzjoni ta’ Stomil fl-akkordju, il-fatt li l-Kummissjoni setgħet tikkonstata r-responsabbiltà ta’ Stomil meta hija aġixxiet bħala intermedjarja ta’ Dwory, it-tul tal-ksur u l-ammont tal-multa. Barra minn hekk, Stomil titlob li jiġu adottati miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiżi, b’mod partikolari, biex il-Kummissjoni tiġi ordnata tagħtiha aċċess għad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi magħmulin fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

39      Għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, l-ewwel motiv imqajjem minn Stomil, li huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ prova dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stomil fl-akkordju.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ prova dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stomil fl-akkordju

 L-argumenti tal-partijiet

–       L-argumenti ta’ Stomil

40      Stomil issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE meta ma wrietx, suffiċjentement skont il-liġi, il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

41      Il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Stomil f’żewġ laqgħat tal-akkordju, jiġifieri l-laqgħa tas-16 ta’ Novembru 1999 li nżammet fi Frankfurt (il-Ġermanja) u dik tat-22 ta’ Frar 2000 li nżammet f’Wermelskirchen (il-Ġermanja). Għal Stomil, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni huma infondati. Barra minn hekk, Stomil issostni li ma hemm ebda prova oħra li turi li hija pparteċipat fl-akkordju inkwistjoni.

–       Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Stomil fil-laqgħa tas-16 ta’ Novembru 1999, fi Frankfurt

42      Skont Stomil, il-provi invokati mill-Kummissjoni ma jurux li Stomil ipparteċipat, fis-16 ta’ Novebru 1999 filgħaxija, fil-lukanda Méridien, f’laqgħa informali barra mil-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika.

43      B’mod partikolari, Stomil tippreċiża li L. (Stomil) ma qagħadx fil-lukanda Méridien u li telaq wara l-laqgħa tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika li spiċċat fil-ħdax ta’ filgħodu tas-16 ta’ Novembru 1999. Stomil tipprovdi, f’dan ir-rigward, żewġ dikjarazzjonijiet ta’ L. (Stomil) kif ukoll in-nota tal-ispiża tal-lukanda. Stomil issostni li hija ma biddlitx il-verżjoni tal-fatti tagħha, kif tindika l-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha. Stomil dejjem ċaħdet li pparteċipat fil-laqgħa illegali inkwistjoni. Il-provi prodotti minn Stomil huma ammissibbli u l-Kummissjoni tirreferi b’mod żbaljat, għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni (T‑339/04, Ġabra p. II‑521).

44      Id-dikjarazzjoni ta’ Dow imsemmija fil-premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex affidabbli, inkwantu hija kkorroborata biss minn P. (Bayer) li ma kienx preżenti fi Frankfurt filgħaxija fis-16 ta’ Novembru 1999. Stomil tirreferi, f’dan ir-rigward, għal diversi dokumenti tal-fajl ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, skont Stomil, u skont il-ġurisprudenza, l-affermazzjoni mhux ikkorroborata ta’ Dow, li ġiet ikkontestata minn Stomil u l-konvenuti l-oħra matul il-proċedura amministrattiva, ma tikkostitwixxix prova adegwata tal-parteċipazzjoni ta’ Stomil f’dik il-laqgħa. Stomil tenfasizza wkoll li L. (EniChem) ma setax ikun preżenti fi Frankfurt fis-16 ta’ Novembru 1999 filgħaxija.

45      Ebda prova ma tikkorrobora l-preżenza ta’ L. (Stomil). In-nota tal-ispejjeż ta’ F. (Dow) ma tidentifikax ir-raġuni għaliex sar il-ħlas u lanqas il-parteċipanti eventwali għal laqgħa. Fir-rigward tan-noti miktubin bl-idejn ta’ N. (Dow), dawn ma jsemmux lil L. (Stomil) u lanqas lil Stomil. Wisq probabbli dawn in-noti kienu jikkostitwixxu, fil-fatt, nota ta’ tfakkir għal N.. Ċertament, Dwory tissemma f’dawn in-noti (bil-kliem “OS”). Madankollu, diversi elementi, li tqajjem Stomil, juru li hija ma setgħetx tkun is-sors tal-informazzjoni msemmija fin-noti inkwistjoni. Dawn in-noti miktubin bl-idejn huma, għaldaqstant, stimi personali ta’ N. jew ġejjin minn sorsi pubbliċi. B’mod partikolari, Stomil tindika li, f’dak li jikkonċerna lil Michelin, hija qatt ma kellha l-iċken kuntatt ma’ dan il-klijent mit-tieni semestru tas-sena 1998, meta Dwory informatha li hija kienet ser terġa’ tibda bil-bejgħ li jikkonċerna l-GSB ta’ dan il-klijent. Għal dak li jikkonċerna lill-kumpannija Goodyear, Stomil ma għamlet l-ebda kunsinna lil dan il-klijent fis-sena 1999 jew 2000. Għal dak li jikkonċerna lill-kumpannija “TGA”, Stomil ma tafux lil dan il-klijent. Fl-aħħar nett, Stomil ma setgħetx tkun taf bil-potenzjal li jirrigwarda l-GSB “domestika” ta’ Dwory, sa fejn din tal-aħħar kienet purament esportatriċi. Barra minn hekk, tlieta mill-klijenti prinċipali ta’ Stomil ma humiex imniżżlin fil-lista, jiġifieri l-klijenti Vredestein, Nokian u Pegasus. Stomil tirrileva, barra minn hekk, li l-membri tal-akkordju kienu regolarment u f’diversi okkażjonijiet għamlu konfużjoni bejn Stomil u Dwory.

46      Stomil iżżid tgħid li l-Kummissjoni tammetti, fir-risposta tagħha, li l-laqgħa tas-16 ta’ Novembru 1999, li ssemmiet fid-deċiżjoni kkontestata, fil-fatt ma seħħitx. Il-Kummissjoni tipprova għaldaqstant tissostitwixxi l-konklużjonijiet fattwali tad-deċiżjoni kkontestata bit-teorija li kienet inżammet laqgħa illegali fil-15 ta’ Novembru 1999. Stomil tenfasizza li ebda prova ma tikkorrobora din it-teorija. L-unika prova prodotta mill-Kummissjoni hija rċevuta tal-istess data li tikkonferma li ġie servut xi xorb fil-bar għall-ammont ta’ 89.50 marki Ġermaniżi (DEM). Għal Stomil, din l-irċevuta ma hijiex prova dwar dak li ġie diskuss jew li d-diskussjoni setgħet tikkostitwixxi aġir illegali. Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-ispiża tal-bar tħallset minn F. (Dow) u mhux minn P. (Bayer) u li tħallset fis-16 ta’ Novembru 1999. Fl-aħħar nett, Stomil tenfasizza li l-Kummissjoni ssostni li T. (Kralupy) ipparteċipa fid-diskussjonijiet illegali, filwaqt li jirriżulta min-nota tal-ispejjeż ta’ P. li T. ma kienx preżenti.

47      L-introduzzjoni ta’ din l-allegata laqgħa ġdida tikser id-drittijiet tad-difiża u l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ Stomil, li qatt ma kellha l-opportunità li twieġeb għal din l-allegazzjoni matul il-proċedura amministrattiva.

48      Barra minn hekk, l-iżball tal-Kummissjoni jivvizzja b’illegalità l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonstata li Stomil ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni b’effett mis-16 ta’ Novembru 1999. Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Ventouris vs Il‑Kummissjoni (T‑59/99, Ġabra p. II‑5257, punti 31 sa 33), Stomil iżżid tgħid li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni jista’ jiġi interpretat fid-dawl tal-motivi tagħha biss jekk il-kliem użat fih ma jkunx ċar. F’dan il-każ, Stomil issostni li ma hemm ebda ambigwità fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Stomil fil-laqgħa tat-22 ta’ Frar 2000, f’Wermelskirchen

49      Stomil issostni li ma hemmx prova li l-parteċipanti f’laqgħa ta’ sottokumitat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika, fit-22 ta’ Frar 2000 f’Wermelskirchen, imxew b’aġir li jikkostitwixxi ksur.

50      Il-Kummissjoni tikkonstata, madankollu, fil-premessa 446 tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-laqgħa timmarka t-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ Stomil fl-akkordju.

–       Fuq in-nuqqas ta’ prova oħra li turi l-parteċipazzjoni ta’ Stomil fl-akkordju

51      Stomil issostni li, peress li l-unika prova prodotta mill-Kummissjoni ma turix il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, l-affermazzjonijiet ġenerali l-oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux ikunu probatorji.

52      B’mod partikolari, Stomil tenfasizza, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ prova dwar l-involviment tagħha f’xi ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet. Stomil tirrileva, f’dan ir-rigward, li Bayer issemmi lil Dwory fid-dikjarazzjoni tagħha li tinsab fil-premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata u mhux lil Stomil, kif tindika l-Kummissjoni. Stomil tindika li hija pparteċipat, flimkien ma’ Dwory, fil-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika matul il-perijodu ta’ wara l-1999. Dow lanqas ma tidentifika lil Stomil bħala li pparteċipat fid-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet. Stomil tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata. L-istess japplika għall-provi ta’ Shell, fejn dawn jirrigwardaw il-perijodu bejn it-30 ta’ Awwissu 1995 sal-31 ta’ Mejju 1999 (premessi 119, 120 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata).

53      Fit-tieni lok, Stomil issostni li ma hemmx prova li hija pparteċipat fit-tqassim tas-suq. Id-dikjarazzjoni ta’ Dow imsemmija fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippreċiża la l-għan tal-ftehim u lanqas id-data tiegħu u lanqas il-fatt dwar jekk Stomil jew Dwory kinux ikkonċernati. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni li Dow riedet tindika lil Stomil ma fiha ebda bażi.

54      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, Stomil tirrileva li l-unika laqgħa kkonċernata hija dik tas-16 ta’ Novembru 1999, li nżammet fi Frankfurt. Barra minn hekk, il-korroborazzjoni magħmula minn Shell fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata hija bla valur għall-perijodu li jikkonċerna lil Stomil. Barra minn hekk, kif intwera qabel, Stomil ma kellhiex informazzjoni sensittiva li tikkonċerna l-kunsinni ta’ GSB ta’ Dwory għall-perijodu identifikat fid-deċiżjoni kkontestata.

55      L-affermazzjonijiet ġenerali l-oħra li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata huma barra minn hekk insuffiċjenti biex juru l-parteċipazzjoni ta’ Stomil fl-akkordju. Il-premessi 155, 156, 158 u 159 tad-deċiżjoni kkontestata jew jirrigwardaw lil Dwory jew ma jurux l-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur fir-rigward ta’ Stomil.

 L-argumenti tal-Kummissjoni

–       Dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stomil fil-laqgħa tas-16 ta’ Novembru 1999, fi Frankfurt

56      Il-Kummissjoni tippreċiża, l-ewwel nett, li jirriżulta mid-deskrizzjoni li saret fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 199 sa 212 tad-deċiżjoni kkontestata) li nżammet laqgħa informali, fis-siegħat bikrin tas-16 ta’ Novembru 1999, li matulha ġew konklużi ftehim dwar il-prezzijiet u ġiet skambjata informazzjoni dwar il-klijenti prinċipali.

57      Il-Kummissjoni ssostni li fir-rikors, Stomil biddlet il-verżjoni tagħha tal-fatti. Stomil issa qiegħda tibbaża ċ-ċaħda dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa illegali inkwistjoni, fil-post li fih kien jinsab L. (Stomil) filgħaxija fis-16 ta’ Novembru 1999. Issa, Stomil ma invokatx dawn il-fatti matul il-proċedura amministrattiva. Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali għandha tikkunsidra bħala inammissibbli l-elementi mressqa minn Stomil insostenn tal-argumenti tagħha [jiġifieri ż-żewġ dikjarazzjonijiet ta’ L. (Stomil) u n-nota tiegħu tal-ispiża tal-lukanda]. Il-Kummissjoni żżid tgħid li dawn id-dokumenti huma, fil-fatt, irrilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha provi li jikkonċernaw l-iżvolġiment ta’ laqgħa informali li seħħet filgħaxija fil-15 ta’ Novembru 1999 kif ukoll fuq il-parteċipazzjoni ta’ L. (Stomil) f’dik il-laqgħa. Il-Kummissjoni tipprovdi, b’mod partikolari, nota tal-ispiża tal-lukanda kif ukoll nota tal-ispejjeż ta’ P. li jinsabu fil-fajl ta’ investigazzjoni.

58      B’kuntrast mal-allegazzjonijiet ta’ Stomil, il-Kummissjoni tirrileva li d-dikjarazzjoni ta’ Dow, fil-premessa 204 tad-deċiżjoni kkontestata, fiha riferimenti ċari għall-preżenza ta’ L. (Stomil) waqt id-diskussjonijiet tal-akkordju. Din id-dikjarazzjoni hija kkonfermata minn Bayer (premessa 205 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tan-noti miktubin bl-idejn ta’ N. (Dow), il-Kummissjoni tindika li l-ewwel parti tagħhom tirreferi għal suq iktar wiesa’ minn dak tal-GSB, li kien ċertament ta’ interess għal Stomil. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li huwa biss reċentement u parzjalment, li ġiet mitmuma progressivament ir-relazzjoni ta’ Stomil ma’ Dwory u, konsegwentement, li l-informazzjoni skambjata kienet, wisq probbabilment, ta’ interess u rilevanza għal Stomil. Il-Kummissjoni għandha għaldaqstant provi suffiċjenti dwar il-preżenza u l-parteċipazzjoni ta’ Stomil fil-laqgħa tal-akkordju tal-15 u s-16 ta’ Novembru 1999.

59      Il-Kummissjoni żżid tgħid li, fit-taqsima 4.3.8 tad-deċiżjoni kkontestata, hija pproduċiet il-prova dwar il-laqgħa li nżammet fil-“15-16 ta’ Novembru 1999”. Għaldaqstant, il-laqgħa tal-15 ta’ Novembru 1999 ma hijiex “ġdida”. Barra minn hekk, Stomil tħallat żewġ noti ta’ spejjeż. P. ħallas l-ispiża tal-bar Casablanca. F. ħallas, min-naħa tiegħu, il-kirja tas-sala għal-laqgħat. Il-kronoloġija tal-avvenimenti ma ġietx, għaldaqstant, mibdula. Lanqas ma hemm inkoerenza fil-provi kkonstatati mill-Kummissjoni.

60      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-Artikolu 1(f) tagħha, ma jsemmix espliċitament li Stomil ipparteċipat f’laqgħa fil-15 ta’ Novembru 1999. Id-deċiżjoni kkontestata tindika li Stomil ipparteċipat fi ksur tal-Artikolu 81 KE bejn is-16 ta’ Novembru 1999 u t-22 ta’ Frar 2000. Il-Kummissjoni tosserva li hija qatt ma allegat li l-arranġamenti miftiehma matul dik il-laqgħa, filgħaxija fil-15 ta’ Novembru 1999, kellhom effett immedjatament. Fi kwalunkwe każ, il-laqgħa damet sas-siegħat bikrin tas-16 ta’ Novembru 1999.

–       Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Stomil għal-laqgħa tat-22 ta’ Frar 2000, f’Wermelskirchen

61      Il-Kummissjoni tippreċiża li, kif jirriżulta mill-premessi 213 sa 215 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma tallegax li kien hemm attività illegali matul il-laqgħa tat-22 ta’ Frar 2000, li nżammet f’Wermelskirchen. Konsegwentement, l-argumenti mressqa minn Stomil huma ineffettivi f’dan ir-rigward.

–       Fuq in-nuqqas ta’ prova oħra li turi l-parteċipazzjoni ta’ Stomil fl-akkordju

62      Il-Kummissjoni tippreċiża li hija ma affermatx, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-laqgħa tal-15 u s-16 ta’ Novembru 1999 wasslet għal forma espliċita ta’ ftehim dwar it-tqassim tas-suq. Il-Kummissjoni tirrileva, madankollu, li hija għandha provi li juru l-preżenza u l-parteċipazzjoni ta’ Stomil, waqt dik il-laqgħa, fid-diskussjonijiet li jirrigwardaw il-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni. Il-parteċipazzjoni ta’ Stomil hija kkonfermata min-noti miktubin bl-idejn u d-dikjarazzjonijiet ta’ Dow (premessi 201 u 202 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-parteċipazzjoni ta’ L. (Stomil) u l-istatus tiegħu bħala impjegat ta’ Stomil huma kkorroborati minn Dow u mill-minuti tal-laqgħa uffiċjali pprovduti mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, il-provi ta’ Bayer imsemmija fil-premessi 155 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonfermaw il-parteċipazzjoni ta’ L. (Stomil).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

63      Għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86). Għalhekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u korroboranti biex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jitfakkar ukoll li sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa suffiċjenti li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 112, u tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 86; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 256). L-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tkun għall-benefiċċju tal-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Il-qorti ma tistax għaldaqstant tikkonkludi li l-Kummissjoni pprovat l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni, suffiċjentement skont il-liġi, jekk ikun għadu jippersisti dubju fil-ħsieb tagħha dwar din il-kwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 215).

64      Barra minn hekk, huwa normali li l-attivitajiet li jinkludu prattiki u ftehim antikompetittivi jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom titnaqqas għall-minimu. Isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien sar kuntatt illegali bejn l-operaturi, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji, li, kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 51).

65      F’dan il-każ, għandu jiġi rilevat li l-parteċipazzjoni ta’ Stomil fl-akkordju inkwistjoni ġiet ikkonstatata biss għal-laqgħa illegali tal-15 u s-16 ta’ Novembru 1999, li nżammet fi Frankfurt.

66      F’dan ir-rigward, b’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni kkonstatat li nżammet laqgħa tal-akkordju, barra mil-laqgħa uffiċjali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika, “filgħaxija u fil-lejl tas-16 ta’ Novembru 1999” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-laqgħa illegali involviet lil P. (Bayer), F., N., V. (Dow), L. (Stomil), L. (EniChem) u T. (Tavorex). Il-persuni kkonċernati l-ewwel iltaqgħu fil-bar tal-lukanda, qabel ma krew sala għal-laqgħat (premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata).

67      L-ewwel nett, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni li l-kontestazzjoni min-naħa ta’ Stomil tal-preżenza ta’ L. (Stomil) fis-16 ta’ Novembru filgħaxija, fi Frankfurt, hija inammissibbli, kif ukoll id-dokumenti mdaħħla fil-proċess f’dan ir-rigward. Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li Stomil ma tagħmilx ħlief tikkontesta, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ilment imressaq kontriha fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, mill-elementi li ddaħħlu fil-fajl jirriżulta li Stomil dejjem ikkontestat, matul il-proċedura amministrattiva, il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa illegali. Fi kwalunkwe każ, u għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi rilevat li d-dokumenti kkonċernati ma humiex rilevanti biex tiġi deċiża l-kwistjoni, u dan kif issostni l-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha.

68      Fil-mertu, fl-ewwel lok, mill-elementi li hemm fil-proċess jirriżulta li, kif issostni Stomil, P. (Bayer) ma kienx preżenti fis-16 ta’ Novembru 1999 filgħaxija fi Frankfurt. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi dan il-fatt.

69      Fit-tieni lok, għandu jiġi rilevat li d-deċiżjoni kkontestata fiha diversi kontradizzjonijiet fir-rigward tal-mument eżatt li fih inżammet il-laqgħa illegali inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tgħid, fil-premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata, “filgħaxija u [...] fil-lejl tas-16 ta’ Novembru 1999” [traduzzjoni mhux uffiċjali], abbażi tad-dikjarazzjoni ta’ Dow. Il-Kummissjoni tikkonstata wkoll, fil-premessa 297 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-laqgħa illegali inkwistjoni inżammet fil-“lejl ta’ bejn il-15 u s-16 ta’ Novembru 1999” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, it-taqsima 4.3.8 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi l-15 u s-16 ta’ Novembru 1999. Fl-aħħar nett, id-dispożittiv ta’ din tal-aħħar isemmi d-data tas-16 ta’ Novembru 1999 bħala l-bidu tal-ksur fir-rigward ta’ Stomil.

70      Fit-tielet lok, diversi elementi materjali jiżvelaw ukoll kontradizzjonijiet fir-rigward tal-allegata data tal-laqgħa illegali inkwistjoni u fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet l-oħra possibbli mogħtija mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, in-nota tal-ispejjeż ta’ P. (Bayer) li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-ħlas magħmul fil-bar tal-lukanda għall-ammont ta’ DEM 84.5, jirreferi għad-data tal-15 ta’ Novembru 1999. Min-naħa l-oħra, il-ħlas tal-kirja ta’ sala għal-laqgħat fl-ammont ta’ DEM 436 ġie, min-naħa tiegħu, irreġistrat fis-16 ta’ Novembru 1999. Barra minn hekk, in-noti miktubin bl-idejn ta’ N. (Dow) isemmu biss id-data tas-16 ta’ Novembru 1999. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni ta’ Dow imsemmija fil-premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li l-laqgħa illegali seħħet wara l-laqgħa uffiċjali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika, li nżammet fis-16 ta’ Novembru filgħodu.

71      Fir-raba’ lok, id-dikjarazzjoni ta’ Dow imsemmija fil-premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li P. (Bayer), F., N., V. (Dow), L. (Stomil), L. (EniChem) u T.  (Tavorex) iltaqgħu fil-bar tal-lukanda, qabel ma krew sala għal-laqgħat. Issa, in-nota tal-ispejjeż ta’ P., dwar ix-xorb li nxtara fil-bar imsemmi, li l-Kummissjoni ssemmi fl-iskritturi tagħha, issemmi wkoll il-preżenza tas-segretarju ġenerali ta’ dak iż-żmien tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (C.). Madankollu, mill-premessi 95 u 115 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-imsemmi segretarju ġenerali qatt ma pparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju. Għaldaqstant ma jistax jiġi dedott li L. (Stomil), minħabba s-sempliċi fatt li pparteċipa fil-laqgħa fil-bar tal-lukanda, ipparteċipa f’laqgħa illegali.

72      Fil-ħames lok, fir-rigward tan-noti miktubin bl-idejn ta’ N. (Dow), huwa paċifiku li r-responsabbiltà ta’ Stomil ma ġietx ikkonstatata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-akkordju li jirrigwarda l-GB. Il-parti tan-noti miktubin bl-idejn ta’ N. li tikkonċerna lill-GB ma tistax għaldaqstant ikollha forza probatorja fil-konfront ta’ Stomil. Għal dak li jikkonċerna l-parti tan-noti miktubin bl-idejn li tirrigwarda l-GSB, għandu jiġi rilevat li, barra mill-produtturi tal-akkordju, hemm produtturi oħra li ma jagħmlux parti mill-akkordju li jissemmew bħala fornituri ta’ ċerti klijenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, ma jistax jiġi eskluż li saru ċerti stimi ta’ kunsinni bejn ċerti produtturi biss, mingħajr ma hu possibbli li jiġi stabbilit bi preċiżjoni jekk Stomil kinitx waħda minnhom, u dan fid-dawl b’mod partikolari tal-kontradizzjonijiet li jeżistu fir-rigward tad-data preżunta tal-laqgħa illegali inkwistjoni.

73      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi speċifiċi kollha meħuda flimkien f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li jeżisti dubju fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Stomil f’laqgħa illegali fi Frankfurt fil-15 u s-16 ta’ Novembru 1999. Dan id-dubju għandu jkun għall-benefiċċju ta’ Stomil.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-elementi msemmija fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-laqgħat tal-akkordju, inkwantu jikkonċernaw lil Stomil, ma humiex suffiċjenti biex jiġi konkluż li din l-impriża pparteċipat fil-ftehim illegali inkwistjoni.

75      L-elementi msemmija fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda d-deskrizzjoni tal-akkordju (taqsima 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jistgħux jannullaw din il-konklużjoni.

76      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, anki jekk xi elementi msemmija fit-taqsima 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu jkollhom ċertu valur probatorju, b’mod partikolari d-dikjarazzjoni ġenerali ta’ Bayer imsemmija fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn ma humiex suffiċjenti, fid-dawl tal-elementi speċifiċi rilevati qabel li jikkonċernaw il-laqgħat tal-akkordju u d-dubju li għandu jkun favur ir-rikorrenti, biex jiġġustifikaw il-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur fir-rigward ta’ Stomil.

77      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha u fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tagħhom, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Stomil fl-akkordju.

78      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, inkwantu tikkonċerna lil Stomil, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati motivi oħra mressqa insostenn tar-rikors, u b’mod partikolari l-kwistjoni tar-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji prinċipali u l-intermedjarji fil-kuntest tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u lanqas it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ppreżentata mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet ta’ Stomil.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni), hija annullata inkwantu tikkonċerna lil Trade-Stomil sp. z o.o.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għal-ispejjeż.

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.